Language of document : ECLI:EU:T:2011:699

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

29 ta’ Novembru 2011

Kawża T‑10/11 P

Gerhard Birkhoff

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Allowances tal-familja — Allowance għall-ulied dipendenti — Wild li jbati minn diżabbiltà li timpedixxih milli jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu — Rifjut ta’ estensjoni tal-ħlas tal-allowance”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2010, Birkhoff vs Il‑Kummissjoni (F‑60/09), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2010, Birkhoff vs Il‑Kummissjoni (F‑60/09), hija annullata. Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għall-ulied dipendenti — Dritt għall-estensjoni mingħajr limitu ta’ età fil-każ tal-impossibbiltà għall-wild li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 2(5))

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għall-ulied dipendenti — Dritt għall-estensjoni mingħajr limitu ta’ età fil-każ tal-impossibbiltà għall-wild li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 2(5))

1.      Skont l-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolament tal-Persunal, l-estensjoni tal-ħlas tal-allowance għall-ulied dipendenti hija miksuba mingħajr ebda limitu ta’ età jekk il-marda gravi jew id-diżabbiltà li jbati minnha l-wild timpedixxih milli jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu.

Il-kunċett li l-wild marid jew b’diżabbiltà li “ma jistax jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu” jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ inkwistjoni.

Issa, huwa fl-estensjoni loġika tar-raġunament li jipprovdi li, għal raġunijiet ta’ natura soċjali, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi legali u fattwali partikolari tal-każ inkwistjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tad-dħul li għandha l-persuna b’diżabbiltà sabiex tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħha, fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul nett minn kwalunkwe imposta, taxxa u tariffa statali ta’ din il-persuna u mhux id-dħul gross tagħha.

Fil-fatt, l-ewwel nett, huwa biss id-dħul nett li jirrappreżenta dak li l-persuna kkonċernata tista’ realment tiddisponi minnu sabiex tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-ħajja ta’ kuljum tagħha u sabiex tkun tista’ tħallas l-ispejjeż ordinarji tagħha, bħal dawk ta’ ikel, ta’ ħwejjeġ, ta’ akkomodazzjoni, ta’ għamara, ta’ tindif, ta’ tisħin, eċċ.

It-tieni nett, taħt l-aspett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — li jirrikjedi li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat —, ma jistax jiġi injorat il-fatt li persuna b’diżabbiltà li mid-dħul gross tagħha trid tħallas tariffi ta’ kwalunkwe tip li huma sinjifikattivi u li għaldaqstant tiddisponi biss minn dħul nett relattivament baxx, tinsab f’sitwazzjoni fattwali differenti minn dik ta’ persuna b’diżabbiltà li tikseb l-istess dħul gross iżda li tibbenefika minn imposti, ikunu ta’ liema tip ikunu, li jkunu ħafna iżjed baxxi u għalhekk tibbenefika minn dħul nett relattivament għoli. Fir-rigward tal-għan ta’ natura soċjali msemmi iktar ’il fuq, xejn ma jiġġustifika li dawn iż-żewġ każijiet jiġu ttrattati bl-istess mod, taħt il-pretest li dawn iż-żewġ każijiet ta’ dħul gross huma identiċi, filwaqt li d-dħul li huwa effettivament disponibbli sabiex dawn il-persuni jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom tal-ħajja ta’ kuljum ivarja ħafna. Issa, l-awtorità kompetenti hija obbligata teżamina ċ-ċirkustanzi legali u fattwali partikolari ta’ kull każ inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk il-persuna b’diżabbiltà kkonċernata hijiex realment impedita milli tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħha, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

It-tielet nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul nett tal-persuna kkonċernata, li huwa realment disponibbli għaliha, huwa koerenti mal-fatt li mid-dħul mill-professjoni tagħha għandhom jitnaqqsu wkoll l-ispejjeż li hija għandha realment tħallas minħabba d-diżabbiltà tagħha.

Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jagħtu d-dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati b’mod strett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hija biss interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul nett, realment disponibbli, tal-wild li jbati minn marda gravi jew minn diżabbiltà, li hija konformi mal-għan soċjali mfittex mill-ħlas tal-allowance prevista fl-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal lil tali wild, jekk huwa ma jistax jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu.

(ara l-punti 28, 34, 37 sa 40 u 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il‑Kummissjoni, T‑498/93, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑813, punt 39

2.      L-allowance għall-ulied dipendenti tissodisfa għan ta’ natura soċjali ġġustifikat mill-ispejjeż li jirriżultaw min-neċessità preżenti u ċerta, marbuta mal-eżistenza tal-wild u għall-manteniment effettiv tiegħu, u dan għandu jwassal lill-awtorità kompetenti sabiex tivverifika, f’kull każ partikolari, jekk l-imsemmi għan soċjali huwiex sodisfatt u sabiex tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, jekk il-marda gravi jew id-diżabbiltà inkwistjoni timpedixxix lill-wild ikkonċernat milli jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu.

Minn din il-perspettiva, il-formulazzjoni min-naħa ta’ istituzzjoni ta’ kriterju oġġettiv bl-għan li jiġi interpretat l-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jeħlishiex, ikun xi jkun il-kontenut ta’ tali kriterju, mill-obbligu li teżamina ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni.

Sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet legali u fattwali tas-sitwazzjoni ta’ persuna b’diżabbiltà, mid-dħul mill-professjoni ta’ din il-persuna għandu jitnaqqas kull element ta’ spejjeż li hija għandha tħallas minħabba l-invalidità tagħha. Għaldaqstant, huwa biss id-dħul imnaqqas b’dan il-mod li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk il-persuna b’diżabbiltà hijiex impedita milli tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħha, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-azzjoni favur il-persuna b’diżabbiltà ma hijiex għan fiha nnifisha, iżda hija intiża sabiex tiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament b’tali mod li din l-azzjoni hija awtorizzata biss jekk tfittex li toħloq ugwaljanza fit-trattament tal-persuna b’diżabbiltà ma’ persuna mingħajr diżabbiltà fl-istess sitwazzjoni. F’dan il-każ, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jobbligax lill-amministrazzjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż biss li jirriżultaw speċifikament mid-diżabbiltà tal-wild ikkonċernat, sabiex tpoġġih fuq il-livell finanzjarju ta’ persuna mingħajr diżabbiltà li, barra minn hekk, tkun tinsab fl-istess sitwazzjoni.

F’dan is-sens, it-tnaqqis parzjali ta’ spejjeż li jikkonċernaw l-oġġetti u s-servizzi użati fuq skala kbira minn kull persuna, u mhux biss mill-persuni b’diżabbiltà, la huwa vvizzjat bi żball ta’ fatt, la bi żball ta’ liġi u lanqas bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 30, 32, 36, 57, 59 u 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Ottubru 2003, Birkhoff vs Il‑Kummissjoni, T‑302/01, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑1185, punti 39, 40 u 44