Language of document : ECLI:EU:T:2015:505

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*

“Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi – Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Ċaħda ta’ talba intiża sabiex jinkiseb it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni trid tippubblika – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunfidenzjalità – Sigriet professjonali – Programm ta’ klemenza – Aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑465/12,

AGC Glass Europe SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

AGC Automotive Europe SA, stabbilita fi Fleurus (il-Belġju),

AGC Franza SAS, stabbilita f’Boussois (Franza),

AGC Flat Glass Italia Srl, stabbilita f’Cuneo (l-Italja),

AGC Glass UK Ltd, stabbilita f’Northampton (ir-Renju Unit),

AGC Glass Germany GmbH, stabbilita f’Wegberg (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn L. Garzaniti, J. Blockx, P. Niggemann, A. Burckett St Laurent, avukati, u S. Ryan, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer, G. Meessen u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 5719 finali, tas-6 ta’ Awwissu 2012, li tiċħad talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn AGC Glass Europe SA, AGC Automotive Europe SA, AGC Franza SAS, AGC Flat Glass Italia Srl, AGC Glass UK Ltd u AGC Glass Germany GmbH, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, N. J. Forwood (Relatur), u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-12 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-Deċiżjoni C (2008) 6815 finali, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE fir-rigward ta’ diversi manifatturi ta’ ħġieġ tal-vetturi, fosthom ir-rikorrenti, AGC Glass Europe SA, AGC Automotive Europe SA, AGC France SAS, AGC Flat Glass Italia Srl, AGC Glass UK Ltd u AGC Glass Germany GmbH, (Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi”).

2        Il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari li d-destinatarji tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal- Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw, f’perijodi varji bejn Marzu 1998 u Marzu 2003, f’sensiela ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma antikompetittivi fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi fiż-ŻEE.

3        Skont id-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi, hija ksur uniku u kontinwu li jikkonsisti fit-tqassim ikkonċertat tal-kuntratti dwar il-provvista tat-twieqi tal-vetturi jew settijiet tal-ħġieġ tal-vetturi, li jinkludu ġeneralment windscreen, il-ħġieġ ta’ wara u l-ħġieġ tal-ġenb, lill-manifatturi prinċipali tal-vetturi fiż-ŻEE. Dan il-ftehim, skont il-Kummissjoni, ħa forma ta’ koordinazzjoni tal-politika tal-prezz u tal-istrateġiji ta’ provvista tal-klijenti bil-għan li jkun hemm stabbiltà globali tal-pożizzjonijiet tal-partijiet fl-akkordju fis-suq inkwistjoni. Din l-istabbiltà ġiet żgurata permezz ta’ mekkaniżmi korretturi, implementati meta l-prattiki miftiehma ma wasslux għar-riżultati mistennija.

4        Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2009, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni informat lir-rikorrenti b’mod partikolari, bl-intenzjoni tagħha li tippubblika, konformement mal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205 ), verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi fuq is-sit tal-internet tagħha fil-lingwi awtentiċi f’dan il-każ, jiġifieri l-Ingliż, il-Franċiż u l-Olandiż. Barra dan, id-DĠ “Kompetizzjoni” stieden lir-rikorrenti sabiex jidentifikaw l-informazzjoni kunfidenzjali eventwali jew l-informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tan-negozju u li jimmotivaw l-evalwazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward.

5        Sussegwentement għal skambju ta’ korrispondenza mar-rikorrenti, id-DĠ “Kompetizzjoni”, f’Diċembru 2011, adotta l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi li għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni. Mill-korrispondenza inkwistjoni jirriżulta li d-DĠ “Kompetizzjoni” ma rrispondiex għat-talbiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-ħabi tal-informazzjoni fil-246 premessa u 122 nota ta’ qiegħ-il paġna tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi.

6        Skont id-DĠ “Kompetizzjoni”, din l-informazzjoni tista’ tinqasam fi tliet kategoriji. L-ewwel fiha l-ismijiet tal-klijenti u d-deskrizzjoni tal-prodotti kkonċernati kif ukoll kull informazzjoni li tista’ tidentifika klijent (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni ta’ Kategorija I”). It-tieni fiha l-kwantitajiet ta’ dokumenti pprovduti, l-għoti ta’ kwotazzjonijiet minn kull manifattur tal-vetturi, il-ftehimiet fuq il-prezzijiet, il-kalkoli tagħhom u l-varjazzjonijiet tagħhom u, fl-aħħar nett, iċ-ċifri u l-persentaġġi marbuta mal-allokazzjoni ta’ klijenti bejn il-membri tal-akkordju (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni ta’ Kategorija II”). It-tielet fiha informazzjoni ta’ natura purament amministrattiva li tikkonsisti f’li jintbagħtu d-dokumenti tal-fajl (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni ta’ Kategorija III”).

7        Ir-rikorrenti rreferew dan lill-Uffiċjal tas-Seduta fl-20 ta’ Jannar 2012 konformement mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA, tat-23 ta’ Mejju 2001, dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 151), filwaqt li opponew il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni tal-Kategoriji I u II kif ukoll għall-pubblikazzjoni ta’ sentenza li tifforma parti mill-premessa 726 tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi. Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti rtiraw it-talba tagħhom f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni ta’ Kategorija II.

 Id-deċiżjoni kkontestata

8        L-Uffiċjal tas-Seduta ddeċieda fuq it-talba tar-rikorrenti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 5719, tal-6 ta’ Awwissu 2012, li tiċħad it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti, adottata skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9        L-ewwel nett, permezz ta’ kummenti preliminari, l-Uffiċjal tas-Seduta sostna li l-Komunikazzjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni 2006”) ma toħloqx fir-rigward tar-rikorrenti aspettattivi leġittimi li jipprekludu lill-Kummissjoni milli tippubblika l-informazzjoni li ma taqax taħt is-sigriet professjonali. Barra dan, l-interess tar-rikorrenti li d-dettalji tal-aġir tagħhom ma jaqgħux taħt l-imsemmi sigriet ma tiġix żvelata ma timmerita l-ebda protezzjoni partikolari. Barra minn hekk, l-Uffiċjal tas-Seduta ma huwiex kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq l-possibbiltà ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mhux kunfidenzjali u lanqas fuq l-effett ħażin li jirriżulta mill-politika ġenerali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (premessi 12 sa 14 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      It-tieni nett, l-Uffiċjal tas-Seduta ma laqax l-argument skont liema l-Kummissjoni hija marbuta bil-prattika preċedenti tagħha dwar il-parametri ta’ pubblikazzjoni. Barra minn hekk, l-Uffiċjal tas-Seduta fakkar li l-pubblikazzjoni inkwistjoni ma tinkludix is-sors tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza, u lanqas dokumenti oħra mressqa f’dan il-kuntest, filwaqt li enfasizza li ma kienx kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq il-parametri tal-pubblikazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament inkunsiderazzjoni tal-kapaċità ta’ applikanti għall-klemenza tar-rikorrenti (premessi 16 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Mill-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tal-aħħar hija bbażata essenzjalment fuq l-eżami ta’ żewġ argumenti mressqa mir-rikorrenti. L-ewwel argument, eżaminat fil-premessi 22 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwarda n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kkontestata bħala tali u, it-tieni argument, eżaminat fil-premessi 36 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwarda l-protezzjoni tal-identità tal-persuni fiżiċi.

12      Fir-rigward tal-ewwel argument, l-Uffiċjal tas-Seduta ikkunsidra, l-ewwel nett, li l-informazzjoni ta’ Kategorija I, li tirrigwarda l-ismijiet tal-klijenti u d-deskrizzjoni tal-prodotti kkonċernati, li huma, min-natura tagħhom inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet tas-suq tal-ħġieġ tal-vetturi, kienet magħrufa barra miċ-ċirku tar-rikorrenti, it-tieni nett, li dawn kienu fatti qodma u, it-tielet nett, li kienu jirrigwardaw l-essenza nfisha tal-ksur, peress li l-iżvelar tagħhom hija ddettata mill-interessi tal-persuni leżi (premessi 24 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra dan, sa fejn ir-rikorrenti ressqu argumenti speċifiċi intiżi li jistabbilixxu n-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni minkejja l-karatteristiċi ġenerali tagħhom kif deskritt hawn fuq, l-Uffiċjal tas-Seduta kkonkluda, fi tmiem l-analiżi filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi, li l-informazzjoni ta’ Kategorija I ma taqax taħt is-sigriet professjonali (l-aħħar sentenza tal-premessa 30 sal-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fir-rigward tat-tieni argument, l-Uffiċjal tas-Seduta bbaża ruħu fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), u aċċetta t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni li tissemma fil-premessi 115, 128, 132, 252 u 562 kif ukoll fin-nota ta qiegħ il-paġna Nru 282 tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi (premessi 36 sa 45 u l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      L-Uffiċjal tas-Seduta aċċetta wkoll trattament kunfidenzjali f’dak li jikkonċerna sentenza li tissemma fil-premessa 726 tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi (premessa 8 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      L-Uffiċjal tas-Seduta ċaħad il-kumplament tat-talba tar-rikorrenti (l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

17      Permezz tad-Digriet tas-27 ta’ Novembru 2013, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talbiet ta’ intervent ippreżentati minn erba’ assiguraturi, attivi fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

18      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tordna kull miżura oħra xierqa;

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu sitt motivi, ibbażati rispettivament fuq:

–        ksur tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29);

–        ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

–        ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba;

–        ksur tad-dispożizzjonijiet dwar aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

–        ksur tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tas-sigriet professjonali.

21      It-tieni motiv għandu jiġi eżaminat l-ewwel.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tas-sigriet professjonali

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695

55      Ir-rikorrenti jargumentaw, li billi fil-premessi 14, 17 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Uffiċjal tas-Seduta rrifjuta li jeżamina jekk il-pubblikazzjoni inkwistjoni hijex konformi mal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-ugwaljanza fit-trattament, huwa astjena milli jeżerċita l-kompetenza mogħtija lilu fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695. Fi kwalunkwe każ, peress li l-Uffiċjal tas-Seduta espliċitament irrifjuta l-kompetenza tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji

56      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-analiżi mwettqa fil-kuntest tas-sitt motiv, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’illegalità f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kkontestata.

57      Sussegwentement, mill-premessi 14, 17 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Uffiċjal tas-Seduta ddistingwa bejn l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kkontestata, minn naħa l-waħda, u l-argumenti bbażati fuq il-ksur ta’ prinċipji li ma humiex marbuta mas-sigriet professjonali, bħalma hu l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, min-naħa l-oħra.

58      F’dan ir-rigward, l-Uffiċjal tas-Seduta ġustament ikkonkluda, fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-argumenti inkwistjoni jirrigwardaw per definizzjoni informazzjoni li tista’ tiġi ppubblikata inkunsiderazzjoni tal-limiti imposti fuq l-azzjoni tal-Kummissjoni mill-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695, jiġifieri li jirrigwarda informazzjoni li ma taqax bħala tali taħt is-sigriet professjonali. Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2011/695, il-proċedura li tista’ tagħti lok għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tiskatta “[m]eta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tiżvela informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra[...]”. F’dan il-kuntest, l-Uffiċjal tas-Seduta ġustament ukoll enfasizza s-setgħa diskrezzjonali li tgawdi l-Kummissjoni meta din l-istituzzjoni tidentifika l-informazzjoni mhux kunfidenzjali li tkun se tiġi ppubblikata.

59      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695, l-Uffiċjal tas-Seduta għandu jispeċifika, fid-deċiżjoni tiegħu, it-terminu tal-iskadenza li fi tmiemu l-informazzjoni kkontestata li ġiet meqjusa mhux kunfidenzjali se tiġi żvelata, it-terminu inkwistjoni ma jistax ikun iqsar minn ġimgħa. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli li jipproteġu l-impriżi minħabba n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni min-naħa tad-DĠ “Kompetizzjoni” ta’ informazzjoni li taqa’ taħt is-sigriet professjonali telimina definittivament il-protezzjoni speċifika mogħtija lil din it-tip ta’ informazzjoni. Għaldaqstant, l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta huwa intiż sabiex iżid stadju ta’ kontroll addizzjonali minn korp indipendenti tad-DĠ “Kompetizzjoni”. Barra minn hekk, dan il-korp huwa obbligat li jiddiferixxi d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tiegħu, b’hekk jagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li tressaq azzjoni quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji bil-għan li tikseb sospensjoni tal-eżekuzzjoni skont il-kundizzjonijiet relatati magħha. Konsegwentement, għandha ssir distinzjoni bejn l-applikazzjoni ta’ regoli legali dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni bħala tali, minn naħa l-waħda, u dawk invokati bil-għan li jinkiseb trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk ta’ jekk tkunx ta’ natura kunfidenzjali, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward, kif targumenta l-Kummissjoni, jekk jiġi preżunt li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li ma taqax taħt is-sigriet professjonali tista’ tikkostitwixxi ksur ta’ regola li taqa’ taħt it-tieni miż-żewġ kategoriji msemmija iktar ’il fuq, dan il-fatt ma jirrendix illużorja l-protezzjoni mogħtija mir-regoli dwar l-imsemmi sigriet. Dan il-ksur, jekk jitqies li ġie stabbilit, jista’ jwassal għal miżuri korrettivi adegwati, bħalma huma danni, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet dwar it-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Konsegwentement, analiżi tal-mertu tal-argumenti taqa’ f’din il-kategorija ta’ regoli lil hin mill-għanijiet imfittxa mill-mandat fdat lill-Uffiċjal tas-Seduta skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695 (is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑341/12, Ġabra, EU:T:2015:51, punt 43), minkejja li l-evalwazzjonijiet li jidhru fil-premessi 14, 17 u 19 ma humiex ivvizzjati b’illegalità.

60      Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, fil-premessi 12, 13 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Uffiċjal tas-Seduta enfasizza li r-rikorrenti ma setax jinvoka aspettattiva jew xi interess leġittimu ieħor li jipprekludi lill-Kummissjoni milli tippubblika informazzjoni mhux kunfidenzjali, anki jekk din ma kinitx koperta bid-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Barra dan, l-Uffiċjal tas-Seduta fakkar, fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kienet aċċettat li telimina kull riferiment li jista’ jidentifika s-sors tad-dikjarazzjonijiet prodotti fil-proċedura ta’ klemenza jew tad-dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, bil-għan li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kapaċità tar-rikorrenti bħala impriża li kkoperat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Uffiċjal tas-Seduta fformula l-evalwazzjoni tiegħu dwar l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-ugwaljanza fit-trattament, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata, fi kwalunkwe każ, ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

61      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

62      Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Komunikazzjonijiet dwar il-Kooperazzjoni tal‑2002 u tal-2006 fihom previżjonijiet li joħolqu fir-rigward tal-kull impriża li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom aspettattiva leġittima inkwantu għall-fatt li l-informazzjoni pprovduta volontarjament tibqa’ kunfidenzjali, fejn hu possibbli, anki fl-istadju tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Barra dan, l-istess komunikazzjonijiet jipprovdu garanziji preċiżi fir-rigward tal-fatt li ll-informazzjoni ppubblikata li tiżgura lill-impriżi li jkunu kkoperaw, bħalma huma ir-rikorrenti, espożizzjoni b’inqas riskji ta’ kawżi ċivili b’paragun mal-impriżi li ma jkunux ikkoperaw. Din l-aspettattiva, li hija bbażata wkoll fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tkopri mhux biss id-dokumenti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ klemenza, iżda wkoll l-informazzjoni fihom. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata tawtorizza l-pubblikazzjoni tal-identità tal-klijenti tar-rikorrenti, jiġifieri l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Programm ta’ klemenza. Għalhekk, din il-pubblikazzjoni, li ma hijiex neċessarja għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tikser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u tqegħidhom f’pożizzjoni inqas vantaġġjuża meta mqabbla mal-impriżi li ma jkunux ikkoperaw. Minn dan jirriżulta ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-sigriet professjonali.

63      Ir-rikorrenti jargumentaw ukoll li, bħala l-uniċi applikanti għall-klemenza, huma qegħdin f’sitwazzjoni differenti minn dik tad-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta, fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-identità tal-klijenti kkonċernati, approċċ invarjabbli fir-rigward tad-destinatarji kollha tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi. Dan il-fatt jippreġudika b’mod sproporzjonat lir-rikorrenti, peress li r-riferimenti għall-manifatturi ta’ vetturi li huma kkonċernati bl-akkordju huma fil-maġġoranza tal-każijiet klijenti tagħhom stess. Dawn il-fatti jikkawżaw ukoll ksur tas-sigriet professjonali, peress li l-evalwazzjonijiet tal-Uffiċjal tas-Seduta huma barra minn hekk ivvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni.

64      Għalhekk dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati.

65      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjonijiet esposti fil-punt 59 iktar ’il fuq huma bla ħsara għall-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

66      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kooperazzjoni tal‑2002 u tal-2006 ma fihom ebda dispożizzjoni li ssostni l-argument tar-rikorrenti. B’mod partikolari, mill-punti 3 sa 7 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002 kif ukoll mill-punti 3 sa 5 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni 2006 jirriżulta li dawn il-komunikazzjonijiet għandhom bħala għan uniku li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom impriża tista’ tikseb jew immunità minn multa jew tnaqqis fl-ammont tagħha. Kif sostniet ukoll il-Kummissjoni, il-komunikazzjonijiet inkwistjoni ma jipprevedux ebda vantaġġ ieħor li tista’ tinvoka impriża inkambju tal-kooperazzjoni tagħha. Ir-regoli stabbiliti fil-punti 8 sa 27 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002 u fil-punti 8 sa 30 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni 2006 jirrigwardaw esklużivament l-ammont tal-multi.

67      Din l-evalwazzjoni hija espressament ikkonfermata fil-punt 31 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002 u fil-punt 39 tal-Komunikazzjoni korrispondenti tal-2006. Skont il-kliem identiku ta’ dawn il-punti il-fatt li impriża tibbenefika minn immunità minn multa jew ta’ tnaqqis fl-ammont tagħha ma jistax jipproteġiha mill-konsegwenzi tad-dritt ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tal-Artikolu 101 KE.

68      Ċertament skont il-punt 6 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni 2006 “[l]-impriżi li jixtiequ jinvokaw il-klemenza jistgħu jiġu dissważi milli jikkoperaw mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-Komunikazzjoni jekk il-pożizzjoni tagħhom fi proċeduri ċivili, tkun inqas favorevoli meta mqabbla ma’ kumpanniji li ma jikkoperawx magħha.”

69      Madankollu, din il-frażi għandha tinqara fil-kuntest tagħha u b’mod partikolari fid-dawl tal-frażijiet li jippreċeduha, skont liema:

“Barra milli jistgħu jagħtuha dokumenti diġà eżistenti, l-impriżi jistgħu spontanjament jissottomettu lill-Kummissjoni dak li jafu dwar akkordju, kif ukoll ir-rwol tagħhom f’dan akkordju, sottomissjoni li hija speċifikament intiża li ssir fil-kuntest ta’ dan il-programm ta’ klemenza. Dawn l-inizjattivi rriżultaw utli peress li ppermettew li jsiru investigazzjonijiet effikaċi u li jtemmu ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni u li ma għandhomx jiġu skoraġġiti permezz ta’ deċiżjonijiet li jordnaw il-komunikazzjoni ta’ dokumenti fil-proċeduri ċivili.”

70      Konsegwentement, is-sentenza riprodotta fil-punt 68 iktar ’il fuq tfisser li impriża ma għandhiex tkun żvantaġġjata fil-kuntest ta’ kawżi ċivili eventwalment mibdija fir-rigward tagħha biss minħabba li hija tkun spontanjament issottomettiet lill-Kummissjoni bil-miktub dikjarazzjoni ta’ klemenza, li tista’ tkun suġġetta għal deċiżjoni li tordna l-komunikazzjoni ta’ dokumenti. Huwa fil-kuntest ta’ din ir-rieda li jiġu protetti b’mod speċjali d-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza li l-Kummissjoni imponiet, fil-punti 31 sa 35 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni 2006, regoli speċifiċi li jirregolaw il-modalitajiet ta’ formulazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjonijiet, l-aċċess għalihom u l-użu tagħhom. Madankollu, dawn ir-regoli jirrigwardaw esklussivament id-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet, miktuba u rreġistrati, riċevuti konformement mal-Komunikazzjonijiet dwar il-Kooperazzjoni tal-2002 u tal-2006 u li l-iżvelar tagħhom huwa ġeneralment ikkunsidrat mill-Kummissjoni bħala li jikser il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni u investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, kif indikat fil-punti 32 u 40 tal-imsemmija komunikazzjonijiet. Huma la għandhom bħala għan u lanqas bħala effett li jipprekludu lill-Kummissjoni milli tippubblika, fid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-proċedura amministrattiva, l-informazzjoni dwar id-deskrizzjoni tal-ksur li jkunu ġiet ppreżentata lilha fil-kuntest tal-Programm ta’ klemenza u din ma toħloqx aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward.

71      Għalhekk, din il-pubblikazzjoni, magħmula skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003 u, kif jirriżulta mill-eżami tas-sitt motiv, fir-rispett tas-sigriet professjonali, ma tiksirx l-aspettattivi leġittimi li jistgħu jippretendu r-rikorrenti skont il-Komunikazzjonijiet dwar il-klemenza tal-2002 u tal-2006, li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-multa u t-trattament ta’ dokumenti u ta’ dikjarazzjonijiet speċifiċi tal-każ.

72      B’mod korrelattiv, għar-raġunijiet esposti fil-punt 29 iktar ’il fuq, l-Artikolu 4 tar-regolament Nru 1049/2001 jirrigwarda l-aċċess għad-dokumenti li jiffurmaw parti mill-fajl tal-inkjesta, bl-esklużjoni tad-deċiżjoni li tadotta l-Kummissjoni fi tmiem il-proċedura amministrattiva, li l-kontenut tagħha huwa ddefinit skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament 1/2001 ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-rikorrenti inkwantu għall-kontenut tal-verżjoni pubblika tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi.

73      It-tieni nett, kif argumentat il-Kummissjoni, il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kooperazzjoni tal-2002 u tal-2006 għandhom bħala suġġett li jimplementaw politika ta’ differenzjazzjoni bejn id-destinatarji ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE skont il-grad ta’ kooperazzjoni ta’ kull wieħed u fir-rigward biss tal-ammont tal-multa. Peress li, skont l-analiżi preċedenti, il-komunikazzjonijiet inkwistjoni ma humiex intiżi li jaffettwaw il-konsegwenzi fid-dritt ċivili tal-parteċipazzjoni tal-impriżi applikanti għall-klemenza fi ksur, l-argumenti tar-rikorrenti skont liema, fir-rigward ta’ dawn il-konsegwenzi, huma qegħdin f’sitwazzjoni differenti minn dik tad-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi minħabba l-kapaċità tagħhom ta’ applikanti ta’ klemenza (ara punt 63 iktar ’il fuq) ma jistax jiġi aċċettat. Konsegwentement, l-argument skont liema l-Kummissjoni għandha timmodula r-referenzi ppubblikati dwar il-klijenti ta’ kull destinatarju tad-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi skont il-grad ta’ kooperazzjoni ta’ kull wieħed minnhom, barra n-natura mhux prattika tiegħu, huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Inkunsiderazzjoni tal-fatt li, kif fakkar l-Uffiċjal tas-Seduta fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aċċettat li telimina kull referenza li tista’ tidentifika s-sors ta’ informazzjoni li tirrigwarda kull fatt li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ tal-vetturi, ma hijiex, fi kwalunkwe każ, kwistjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ obbligu ta’ motivazzjoni.

74      Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba

[omissis]

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      AGC Glass Europe SA, AGC Automotive Europe SA, AGC France SAS, AGC Flat Glass Italia Srl, AGC Glass UK Ltd u AGC Glass Germany GmbH huma kkundannati għall-ispejjeż.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni. F’dak li jirrigwarda tal-ommissjonijiet, għandu jsir riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2015, Pilkington Group vs Il-Kummissjoni (T‑462/12).