Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Jannar 2013 - AbbVie vs EMA

(Kawża T-44/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: AbbVie, Inc. (Wilmington, l-Istati Uniti); u AbbVie Ltd (Maidenhead, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: P. Bogaert, G. Berrisch, avukati, u B. Kelly, Solicitor)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini EMA/748792/2012 tal-14 ta' Jannar 2013 li tagħti aċċess għad-dokumenti tal-fajl ta' awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni ta' prodott mediċinali; u

tordna lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar it-trasparenza 2 u d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti għall-protezzjoni ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 4(4) tar-Regolament dwar it-trasparenza u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-obbligu ta' motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar it-trasparenza.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser il-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser id-Direttiva 2001/29/KE , id-drittijiet fundamentali li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà, inklużi d-drittijiet tal-awtur u l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' amministrazzjoni tajba, sa fejn l-aċċess jingħata billi tiġi pprovduta kopja tad-dokumenti.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2 - Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).