Language of document : ECLI:EU:C:2024:588

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

4 ta’ Lulju 2024 (*)

“Appell – Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Dritt istituzzjonali – Artikolu 265 TFUE – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija – Obbligu li tiġi adottata deċiżjoni skont l-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija – Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Fil-Kawża C‑786/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑18 ta’ Diċembru 2023,

Eugen Tomac, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn R. Duta, avocat,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tiegħu, Eugen Tomac jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ Ottubru 2023, Tomac vs Il‑Kunsill (T‑244/23, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2023:685), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors tiegħu ppreżentat abbażi tal-Artikolu 265 TFUE u intiż, minn naħa, sabiex jiġi kkonstatat li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea astjena illegalment milli jieħu passi sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi rrikonoxxuta lilu l-kwalità ta’ “rikorrent privileġġat” u għalhekk sabiex jiġu rriżervati lilu d-drittijiet, il-mezzi u l-azzjonijiet kollha f’dan il-kuntest.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 4 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203, iktar ’il quddiem l-“Att tal-adeżjoni”), anness mat-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 11), skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan it-trattat, li ġie ffirmat fil‑25 ta’ April 2005 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007:

“1.      Id-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea [...], u l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu, elenkati fl-Anness II, kif ukoll kull att ieħor bħal dan li jista’ jiġi adottat qabel id-data ta’ l-adeżjoni, għandhom jorbtu u jkunu applikabbli fil-Bulgarija u r-Rumanija mid-data ta’ l-adeżjoni.

2.      Dawk id-disposizzjonjiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jorbtu lill-Bulgarija u lir-Rumanija mid-data ta’ l-adeżjoni, għandhom japplikaw biss f’dawk l-Istati skond deċiżjoni tal-Kunsill għal dak l-iskop wara verifika skond il-proċeduri Schengen applikabbli ta’ valutazzjoni li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha ta’ l-acquis konċernat ikunu ġew sodisfatti f’dak l-Istat.

Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, waqt li jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-disposizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu diġà ddaħħlu fis-seħħ u tar-rappreżentant tal-Gvern ta’ l-Istat Membru li fir-rigward tiegħu dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiddaħħlu fis-seħħ. [...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Il-fatti li wasslu ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2 sa 23 tad-digriet appellat u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

4        L-appellant huwa Membru tal-Parlament Ewropew ta’ nazzjonalità Rumena.

5        Wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, fl‑1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija, bejn l-2009 u l-2011, ħadet sensiela ta’ passi skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, bl-għan li tissodisfa l-kriterji meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen.

6        Il-Presidenza tal-Kunsill stabbilixxiet żewġ abbozzi ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija, li ġew segwiti mill-adozzjoni ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament li jesprimu l-appoġġ tiegħu għall-adeżjoni tar-Rumanija fiż-żona Schengen u li jistiednu lill-Kunsill jieħu l-miżuri meħtieġa għal dan l-għan. Madankollu, dawn iż-żewġ abbozzi ma wasslux għal vot fi ħdan il-Kunsill.

7        Fid‑29 ta’ Novembru 2022, il-Presidenza tal-Kunsill fasslet, abbażi tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, l-Abbozz Nru 15218/22 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija (iktar ’il quddiem l-“Abbozz Nru 15218/22”).

8        Waqt il-laqgħa tagħha tat‑8 ta’ Diċembru 2022, il-formazzjoni tal-Kunsill “Ġustizzja u Affarijiet Interni” (ĠAI) iltaqgħet sabiex tiddeċiedi dwar l-Abbozz Nru 15218/22, inkluż fil-punt 3(a) tal-aġenda ta’ din il-laqgħa, li kien jipprevedi li seta’ jintalab vot fid-dawl ta’ adozzjoni eventwali mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. Peress li ma nkisbitx l-unanimità tal-voti, dan l-abbozz ma ġiex adottat.

9        Permezz ta’ posta elettronika tal‑15 ta’ Diċembru 2022, l-appellant staqsa lid-Direttriċi Ġenerali ĠAI tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jekk kienx possibbli għaliha li tikkomunikalu r-riżultati tal-votazzjoni fuq l-Abbozz Nru 15218/22, kif ukoll il-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2022 jew ir-rapport relatat.

10      Permezz ta’ posta elettronika tas‑16 ta’ Diċembru 2022, id-Direttriċi Ġenerali ĠAI tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill wieġbet lill-appellant li, matul din il-laqgħa, l-Abbozz Nru 15218/22 ma kienx fil-fatt ġie adottat u li, skont l-Artikoli 8 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, billi dawn kienu deliberazzjonijiet dwar att mhux leġiżlattiv mhux miftuħa għall-pubbliku, ir-riżultati tal-votazzjonijiet ma kienu suġġetti għal ebda pubbliċità. Hija żiedet li l-minuti tal-imsemmija laqgħa lanqas ma kienu saru pubbliċi.

11      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Frar 2023, l-appellant bagħat lil ministru, membru tal-formazzjoni ĠAI tal-Kunsill, talba għal teħid ta’ azzjoni indirizzata lill-Kunsill, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, sabiex din l-istituzzjoni tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija, skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni. Insostenn ta’ din l-istedina sabiex tittieħed azzjoni, huwa invoka, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, sa fejn kien ġie stabbilit li r-Rumanija kienet issodisfat il-kundizzjonijiet tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, l-integrazzjoni tagħha ma setgħetx tiġi miċħuda bl-iskuża tal-oppożizzjoni mhux iġġustifikata ta’ Stat Membru wieħed u l-Kunsill kellu jinjora din l-oppożizzjoni manifestament mhux iġġustifikata, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tal-Att tal-adeżjoni.

12      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2023, id-Direttur Ġenerali għall-Politika Ġenerali u Istituzzjonali (GIP) wieġeb lill-appellant. Huwa fakkru fil-kundizzjoni ta’ votazzjoni unanima prevista fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, li l-osservanza tagħha kienet neċessarja għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni, fis-sens ta’ dan l-artikolu. Sussegwentement, huwa indikalu li l-Abbozz Nru 15218/22 ma kienx kiseb l-unanimità tal-votazzjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri kkonċernati matul il-laqgħat tat‑8 u tad‑9 ta’ Diċembru 2022 u li, konsegwentement, in-negozjati dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija kienu għadhom għaddejjin sabiex tintlaħaq l-unanimità meħtieġa mill-Att tal-adeżjoni.

 Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Mejju 2023, l-appellant ippreżenta, skont l-Artikolu 265 TFUE, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-Kunsill, intiż sabiex tiġi kkonstatata l-assenza żbaljata ta’ din l-istituzzjoni milli tieħu kull pass sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija, skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, minn naħa, kif ukoll sabiex tirrikonoxxilu l-kwalità ta’ “rikorrent privileġġat” u tagħtih id-drittijiet, il-mezzi u l-azzjonijiet kollha f’dan il-kuntest, min-naħa l-oħra.

14      Fis‑26 ta’ Ottubru 2023, il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, mingħajr ma kompliet il-proċedura, ċaħdet dan ir-rikors bħala manifestament infondat fid-dritt.

15      Fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 30 tad-digriet appellat, li l-Artikolu 4 tal-Att tal-adeżjoni ma kien jistabbilixxi ebda terminu li fl-iskadenza tiegħu deċiżjoni tal-Kunsill skont dan l-artikolu kellha tittieħed jew kellha titqies li ttieħdet.

16      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 31 ta’ dan id-digriet, li jirriżulta b’mod partikolari mill-votazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Att tal-adeżjoni kif ukoll mill-kundizzjoni ta’ votazzjoni unanima li jistabbilixxi dan l-artikolu, li r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati ma humiex obbligati jadottaw f’kull ċirkustanza deċiżjoni, fis-sens tal-imsemmi artikolu, iżda li, f’dan ir-rigward, huma għandhom, għall-kuntrarju, setgħa diskrezzjonali li teskludi d-dritt tal-individwi li jeżiġu mingħandhom, u għalhekk mill-Kunsill, li, fil-mument tad-deliberazzjonijiet dwar abbozz ta’ deċiżjoni, huma jieħdu pożizzjoni f’sens partikolari.

17      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 32 tal-imsemmi digriet, li d-Direttur Ġenerali inkarigat mill-GIP kien irrileva ġustament li l-Kunsill ma setax legalment jinjora l-assenza ta’ kisba tal-unanimità waqt il-votazzjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri kkonċernati, mingħajr ma jikser il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni.

18      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 33 tal-istess digriet, li, fil-mument tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni indirizzata mill-appellant lill-Kunsill, din l-istituzzjoni ma kellha ebda obbligu li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tal-Att tal-adeżjoni, iżda hija kellha taġixxi filwaqt li tosserva l-kundizzjoni ta’ votazzjoni unanima espressament prevista f’dan l-artikolu.

19      Fil-punti 34 u 35 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali żiedet li l-Kunsill ma kienx astjena, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, milli jaġixxi sabiex jieħu, qabel il-preżentata tar-rikors, kull pass neċessarju għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Att tal-adeżjoni, fid-dawl tat-tfassil mill-Presidenza tal-Kunsill ta’ tliet abbozzi ta’ deċiżjoni li kienu intiżi għall-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija. Għalhekk, il-Kunsill ma astjeniex illegalment milli jiddeċiedi, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE.

20      Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 37 tad-digriet appellat, li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-kwalità ta’ “rikorrent privileġġat” hija limitata għall-Istati Membri, għall-Parlament, għall-Kunsill jew għall-Kummissjoni Ewropea u għalhekk qieset li l-appellant ma setax jingħata din il-kwalità.

 Ittalbiet talappellant u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

21      Permezz tal-appell tiegħu ppreżentat fit‑18 ta’ Diċembru 2023, l-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża quddiem kompożizzjoni oħra tal-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-talba tiegħu u, sussidjarjament, tirriforma dan id-digriet.

 Fuq lappell

22      Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

23      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

24      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-terminu relatat mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni u, it-tieni wieħed, fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ “assistenza” kif ukoll ta’ “fraternità” u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Fuq lewwel aggravju

25      Fir-rigward tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-obbligu li tiġi adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni f’terminu raġonevoli jirriżulta mill-Artikolu 3(2) u (3) TUE kif ukoll mill-Artikolu 4(2) TUE, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedu ebda obbligu ta’ din in-natura fir-rigward tal-Kunsill u li, barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fil-punt 30 tad-digriet appellat, meta kkonstatat li l-Artikolu 4 tal-Att tal-adeżjoni ma kienx jipprevedi terminu li fl-iskadenza tiegħu deċiżjoni tal-Kunsill skont dan l-artikolu kellha tittieħed jew kellha titqies li ttieħdet.

26      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni aggravju

27      Fir-rigward tat-tieni aggravju, l-appellant isostni, qabel kollox, li n-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, jikser ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk imsemmija fil-punt 24 ta’ dan id-digriet.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Hamas vs Il‑Kunsill, C‑386/19 P, EU:C:2020:691, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Issa, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-appellant ma jidentifikax il-punti tal-motivi kkritikati tad-digriet appellat fir-rigward tal-prinċipji msemmija fil-punt 24 ta’ dan id-digriet u, min-naħa l-oħra, li huwa ma jinvoka ebda argument li jista’ jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 33 tad-digriet appellat, li, fil-mument tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni indirizzata mill-appellant lill-Kunsill, din l-istituzzjoni ma kellha ebda obbligu li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tal-Att tal-adeżjoni, taħt piena li tikser b’mod partikolari l-kundizzjoni ta’ votazzjoni unanima prevista f’dan l-artikolu.

30      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ allegat trattament diskriminatorju tar-Rumanija b’paragun mar-Repubblika tal-Kroazja, għandu jiġi kkonstatat li l-appellant ma jispjegax kif tali differenza fit-trattament, jekk titqies stabbilita, kellha effett fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni.

31      Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellant jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li ma ddeċidietx li l-Kunsill kellu jinjora l-kundizzjoni ta’ votazzjoni unanima billi jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 31(2) TUE, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tagħmel parti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE li jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni u għalhekk ma hijiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni.

32      Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud ukoll.

33      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

 Fuq lispejjeż

34      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

35      F’dan il-każ, peress li dan id-digriet ġie adottat qabel ma l-appell ġie nnotifikat lill-parti l-oħra fil-proċedura u, konsegwentement, qabel ma din setgħet issostni spejjeż, għandu jiġi deċiż li l-appellant għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna:

1)      L-appell huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

2)      Eugen Tomac għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.