Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2009 - Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-72/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Pilkington Group Ltd (St Helens, ir-Renju Unit), Pilkington Automotive Ltd (Lathom, ir-Renju Unit), Pilkington Automotive Deutschland GmbH (Witten, il-Ġermanja), Pilkington Holding GmbH (Gelsenkirchen, il-Ġermanja), Pilkington Italia SpA (San Salvo, l-Italja) (rappreżentanti: J. Scott, S. Wisking u K. Fountoukakos-Kyriakakos, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tordna l-annullament tal-Artikolu 1(ċ) tad-deċiżjoni, jew sussidjarjament, tordna l-annullament tal-Artikolu 1(ċ) sa fejn dan jistabbilixxi li Pilkington kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE qabel Jannar 1999;

tordna l-annullament tal-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni u/jew tordna tnaqqis sostanzjali tal-multa;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali, abbażi tal-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6815 tat-12 ta' Novembru 2008 (Każ COMP/39.125 - ħġieġ tal-karozzi) u b'mod partikolari tal-Artikolu 1(ċ) tagħha li jistabbilixxi li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE billi ħadu sehem, mill-10 ta' Marzu 1998 sat-3 ta' Settembru 2002, f'numru ta' akkordji u/jew prattiċi miftehma fis-settur tal-ħġieġ tal-karozzi fiż-ŻEE, jew, sussidjarjament, l-annullament tal-Artikolu 1(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tistabbilixxi li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE qabel il-15 ta' Jannar 1999. Barra minn hekk, u konsegwentement, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-Artikolu 2(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, li jimponi multa fuq ir-rikorrenti, flimkien u in solidum, ta' EUR 370 miljun u/jew tnaqqis kunsiderevoli ta' din il-multa.

Ir-rikorrenti jinvokaw ħdax-il motiv fid-dritt insostenn tar-rikors tagħhom, li tlieta minnhom jirrigwardaw żbalji serji fil-kwalifika tal-fatti tal-ksur mid-deċiżjoni, seba' jirrigwardaw żbalji fl-iffissar tal-multa, u l-aħħar wieħed jirrigwarda l-fatt li ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ jiġġustifikaw l-eżerċizzju min-naħa tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-kompetenza ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas il-multa b'mod kunsiderevoli.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 53 ŻEE u/jew ir-Regolament (KE) Nru 1/20031 billi evalwat b'mod żbaljat in-natura, u billi b'hekk issopravalutat kunsiderevolment il-gravità tal-ksur allegat. B'mod partikolari, dawn isostnu li l-Kummissjoni essenzjalment ikkwalifikat il-ksur b'mod żbaljat, peress li l-aġir inkwistjoni ma kienx totalment kartell, b'regoli stabbiliti bil-quddiem, u peress li ma kellux skop fuq il-livell tas-suq kollu.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE u/jew ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 billi evalwat b'mod żbaljat it-tul tal-ksur allegat min-naħa tar-rikorrenti, u b'mod partikolari billi kkonkludiet li dawn kienu ħadu sehem fi ksur uniku u kontinwat sa mill-10 ta' Marzu 1998.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE u/jew ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 billi evalwat b'mod żbaljat u billi issopravalutat kunsiderevolment il-firxa tar-rwol ta' kull waħda mir-rikorrenti fil-ksur allegat.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE u/jew l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u/jew il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi2 billi imponiet multa manifestament eċċessiva fid-dawl tan-natura ġenerali tal-aġir deskritt fid-deċiżjoni ; b'mod partikolari billi ffissat għal 16% l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa, skont il-punti 19 sa 23 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi.

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti josservaw li, minħabba l-iżball deskritt fit-tieni motiv espost fil-qosor iktar 'il fuq, il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE u/jew l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u/jew il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi meta kkalkulat l-ammont bażiku għall-multa imposta fuq ir-rikorrenti billi użat koeffiċjent multiplikatur abbażi ta' tul ta' żmien ta' erbgħa snin u nofs.

Fis-sitt lok, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE u/jew ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 u/jew il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi billi waqt l-iffissar tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti rilevanti f'dak li jirrigwardhom.

Fis-seba' lok, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE u/jew l-Artikolu 253 KE u/jew ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 u/jew il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi billi użat ċifri ta' bejgħ li ma kinux tajbin għall-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Fit-tmien lok, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE u/jew ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 u/jew il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi billi imponiet multa fuq ir-rikorrenti li hija, irrispettivament minn kull ilment invokat fil-motivi l-oħra esposti fil-qosor iktar 'il fuq, manifestament sproporzjonata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

Fid-disa' lok, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE u/jew ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 u/jew il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi peress li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti hija kunsiderevolment eċċessiva fid-dawl tal-obbligu tal-Kummissjoni, abbażi tad-dritt Komunitarju, li tassigura trattament ugwali lill-partijiet waqt l-impożizzjoni tal-multi skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

Fl-għaxar lok, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE u/jew l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 kif ukoll il-paragrafu 32 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi billi imponiet fuq ir-rikorrenti multa li teċċedi l-limiti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Fil-ħdax-il lok, ir-rikorrenti josservaw li l-multa li ġiet imposta fuqhom hija, f'kull każ, manifestament sproporzjonata, eċċessiva u mhux xierqa, u konsegwentement huma jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tagħmel użu mill-kompetenza ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha abbażi tal-Artikolu 229 KE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 sabiex tirrevedi l-livell tal-multa u b'hekk tnaqqasha b'mod kunsiderevoli.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, tal-4 ta' Jannar 2003, p. 1)

2 - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b'applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU C 210, p. 2)