Language of document : ECLI:EU:T:2012:634

Kawżi T-537/10 u T-538/10

Ursula Adamowski

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade marks Komunitarji verbali Fagumit u figurattiva FAGUMIT — Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti FAGUMIT — Raġuni relattiva ta’ invalidità — Artikolu 8(3) u Artikolu 165(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Novembru 2012

1.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet dwar it-tkabbir tal-Komunità — Trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni jew li ġiet irreġistrata qabel l-1 ta’ Mejju 2004 — Impossibbiltà li tiġi ddikjarata l-invalidità abbażi ta’ dritt preċedenti nazzjonali rreġistrat, mitlub jew akkwistat fi Stat Membru ġdid qabel l-adeżjoni — Għan

[Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 165(4)(b)]

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Assenza ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għar-reġistrazzjoni mitluba minn aġent jew minn rappreżentant f’ismu — Kunċett — Trade mark irreġistrata f’pajjiż mhux membru tal-Unjoni — Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(3))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Assenza ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għar-reġistrazzjoni mitluba minn aġent jew minn rappreżentant f’ismu — Għan

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(3))

1.      L-Artikolu 165(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja għandu l-għan li jeskludi l-possibbiltà li trade mark Komunitarja rreġistrata jew li għaliha saret applikazzjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004 tista’ tiġi kkontestata biss minħabba l-adeżjoni ta’ ċerti Stati għall-Unjoni, għalkemm din il-possibbiltà ma kinitx teżisti qabel l-imsemmija adeżjoni. Id-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex għaldaqstant intiża sabiex tipprekludi lill-proprjetarju ta’ trade mark milli jippreżenta, wara l-1 ta’ Mejju 2004, applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li seta’ diġà jippreżenta qabel din id-data, bħall-applikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 53(1)(b) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punt 18)

2.      Ir-raġuni ta’ invalidità prevista mill-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja tista’ tiġi invokata mill-proprjetarju tat-trade mark imsemmija fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, anki jekk l-imsemmija trade mark kienet irreġistrata biss f’pajjiż mhux membru tal-Unjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għall-paragrafi 1, 2, 4 u 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009, il-paragrafu 3 tiegħu ma jirreferix għal trade marks irreġistrati fi Stat Membru jew li jipproduċi effetti f’tali Stat. Barra minn hekk, jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark fi Stat Membru kienet kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, din id-dispożizzjoni tkun sovraposta mal-paragrafi 1 u 5 tal-istess artikolu.

(ara l-punt 19)

3.      L-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja tirrikjedi li l-applikant għal trade mark ikun jew kien l-aġent jew ir-rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark, li l-applikazzjoni ġiet ippreżentata f’isem l-aġent jew ir-rappreżentant mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju u mingħajr ma kien hemm raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw l-aġir tal-aġent jew tar-rappreżentant. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat l-abbuż ta’ trade mark mill-aġent tal-proprjetarju tagħha, peress illi l-aġent jista’ juża’ l-għarfien u l-esperjenza miksuba matul ir-relazzjoni kummerċjali li torbtu mal-imsemmi proprjetarju u, għaldaqstant, illegalment jieħu vantaġġ mix-xogħol u l-investiment li l-proprjetarju tat-trade mark stess ikun għamel. Rigward kunsens possibbli għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade mark f’isem ir-rappreżentant jew l-aġent, dan għandu jkun ċar, preċiż u mingħajr kundizzjonijiet.

(ara l-punti 22, 23)