Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2023 – Vivendi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1097/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Vivendi SE (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: P. Gassenbach, P. Wilhelm, E. Dumur, O. Thomas, S. Schrameck, F. de Bure u Y. Boubacir, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

qabel ma tiddeċiedi, tordna lill-Kummissjoni Ewropea, abbażi tal-Artikoli 89 u 90 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tipproduċi d-dokumenti, l-atti u l-informazzjoni l-oħra kollha li abbażi tagħhom, fid-data tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6428 final tad-19 ta’ Settembru 2023, hija qieset li għandha indizji suffiċjentement serji sabiex tiġġustifika li tiġi indirizzata talba għal informazzjoni lir-rikorrenti;

tiddikjara inapplikabbli għall-kawża ineżami, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 għal ksur tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u tal-protezzjoni dovuta għas-sorsi tal-ġurnalisti fin-nuqqas li jiġi previst rimedju ġudizzjarju ex ante ta’ natura li tiġi żgurata l-effettività ta’ din il-protezzjoni u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni;

tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6428 final tad-19 ta’ Settembru 2023 kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 7463 final tas-27 ta’ Ottubru 2023;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq bażi legali żbaljata, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, u kkaratterizzata minn użu ħażin ta’ poter.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq raġunijiet insuffiċjenti u, fi kwalunkwe każ, żbaljati.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tad-dritt għall-protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika u tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni għall-invjolabbiltà tad-domiċilju, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr il-Kummissjoni ma għandha indizji suffiċjentement serji.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ impossibilium nulla obligatio est u tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ użu ħażin ta’ poter sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ordnat lil Vivendi SE tiġbor u tikkomunika lill-Kummissjoni dokumenti li jappartjenu għal Groupe Bolloré, wieħed mill-azzjonisti tagħha li fuqu hija ma teżerċita ebda kontroll li jista’ jġiegħla tipprovdi dokumenti li jappartjenu lilu.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità għaliex din timponi fuq Vivendi, minn naħa, l-obbligu li tipproduċi dokumenti mingħajr relazzjoni mas-suġġett tal-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, oneru eċċessiv fid-dawl tan-neċessitajiet ta’ din l-investigazzjoni.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali sa fejn din tippreġudika l-protezzjoni li l-Artikolu 10 tal-KEDB jagħti għas-sorsi tal-ġurnalisti, għaliex:

id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, dispożizzjoni illegali u inapplikabbli f’din il-kawża, konformement mal-Artikolu 277 TFUE, sa fejn din ma tipprevedi ebda rimedju effettiv ex ante li jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni effettiva għas-sorsi tal-ġurnalisti;

fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tikser il-protezzjoni dovuta għas-sorsi tal-ġurnalisti billi timponi l-obbligu li jiġi prodott numru sinjifikanti ta’ dokumenti li jiżvelaw is-sorsi li jirrikorru għalihom il-ġurnalisti koperti mid-deċiżjoni kkontestata.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni hija nieqsa minn kwalunkwe garanzija ta’ natura li tipproteġi s-sigriet tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati mill-ordni magħmula mid-deċiżjoni, u tippreġudikah b’mod konkret billi timponi l-obbligu li jiġu prodotti dokumenti lill-Kummissjoni li jgawdu minn din il-protezzjoni.

____________