Language of document : ECLI:EU:T:2013:32

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

22 ta’ Jannar 2013 (*)

“FAEGG — Taqsima ‘Garanzija’ — Spejjeż esklużi mill-finanzjament — Ipproċessar ta’ frott taċ-ċitru, qoton, laħam taċ-ċanga u tal-vitella u żejt taż-żebbuġa — Verifika finanzjarja — Kontrolli prinċipali — Proporzjonalità — Rikorrenza — Obbligu ta’ motivazzjoni ”

Fil-Kawża T‑46/09,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn V. Kontolaimos, I. Chalkias, S. Charitaki u S. Papaïoannou, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Markoulli u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti, assistiti minn N. Korogiannakis, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/960KCE, tat-8 ta’ Diċembru 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija ta’ Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) (ĠU L 340, p. 99), sa fejn teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż magħmula mir-Repubblika Ellenika,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (PAK) (ĠU L 94, p.13), stabbilixxa r-regoli ġenerali applikabbli għall-finanzjament tal-PAK. Dan ir-regolament ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 5, p. 414), li jirregola l-ispejjeż li saru mill-1 ta’ Jannar 2000 sas-16 ta’ Ottubru 2006 fil-kuntest tal-finanzjament tal-PAK.

2        L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprevedi li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tiddeċiedi dwar il-ħlas minn qabel ta’ kull xahar fuq il-provvediment għall-ispejjeż li saru mill-aġenziji akkreditati tal-ħlas u l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament huwa relatat mad-deċiżjonijiet ta’ clearance tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas.

3        L-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprovdi:

“Il‑Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar in‑nefqa li trid tiġi eskluża mill‑finanzjament Komunitarju riferit fl‑Artikoli 2 u 3 fejn issib illi n‑nefqa ma tkunx ġiet effettwata skond ir‑regoli Komunitarji.

Qabel ma tittieħed deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir‑riżultati tal‑kontrolli tal‑Kummissjoni u t‑tweġibiet mill‑Istati Membri interessati għandhom jiġu nnotifikati bil‑miktub, u wara dan, iż‑żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilthom kollha biex jilħqu ftehim dwar l‑azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaq l‑ebda ftehim, l‑Istat Membru jista’ jitlob li tinfetaħ proċedura bil‑għan ta’ medjazzjoni bejn il‑pożizzjonijiet rispettivi f’perjodu taż‑żmien ta’ erba’ xhur, li r‑riżultati tagħha għandhom jiġu ddikjarati f’rapport li għandu jintbagħat lill‑Kummissjoni u jiġi eżaminat minnha, qabel ma tittieħed deċiżjoni illi jiġi rrifjutat il‑finanzjament.

Il‑Kummissjoni għandha tevalwa l‑ammonti li jridu jiġu esklużi filwaqt li tqis b’mod partikolari il‑livell misjub tan‑nuqqas ta’ konformità. Il‑Kummissjoni għandha tqis in‑natura u l‑gravità tal‑kontravenzjoni u tat‑telf finanzjarju sofrut mill‑Komunità.

Rifjut għall‑finanzjament ma jistax jinvolvi:

a)      in‑nefqa riferita fl‑Artikolu 2 effettwata qabel l‑24 xahar li jippreċiedu l‑kominikazzjoni bil‑miktub mill‑Kummissjoni dwar ir‑riżultati ta’ dawn il‑kontrolli, lill‑Istat Membru interessat;

[…]”

4        L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom, skond id-disposizzjonijiet nazzjonali stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:

a)      ikunu sodisdfatti illi t-transazzjonijiet iffananzjati mill-Fond ikunu attwalment imwettqa u mwettqa korrettement;

b)      jipprevjienu l-irregolaritajiet u jittrattawhom [jieħdu proċeduri dwarhom];

ċ)      jirkupraw is-somom mitlufa bħala riżultat ta’ l-irregolaritajiet jew tan-negliġenza.

[…]”

5        I-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005 fuq il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, p. 1), abroga r-Regolament Nru 1258/1999 u japplika mill-1 ta’ Jannar 2007 (Arttikolu 49 tar-Regolament Nru 1290/2005). Madankollu, jipprevedi li b’mod partikolari l-Artikolu 31, dwar il-clearance ta’ konformità, jappika mis-16 ta’ Ottubru 2006 għall-ispejjeż li saret mis-16 ta’ Ottubru 2006.

6        L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru1290/2005 għandu, essenzjalment, l-istess dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999.

7        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwardja l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEEG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31), kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/1999, tat-22 ta’ Ottubru 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 335, jipprovdi, fl-Artikolu 8:

“1. Jekk, bħala riżultat ta’ inkjesta, il-Kummissjoni tikkunsidra illi n-nefqa ma ġietx effettwata skond ir-regoli Komunitarji, għandha tinnotifika lill-Istati Membri fil-kwistjoni bir-riżultati tal-kontrolli tagħha u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità fil-futur.

Il-komunikazzjoni għandha tirreferi għal dan ir-Regolament. L-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha bħala konsegwenza. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu taż-żmien permess għat-tweġiba.

Wara li jiskadi ż-żmien permess għat-tweġiba, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal diskussjoni bilaterali u l-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom li jilħqu ftehim dwar il-miżuri li jridu jittieħdu u dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u t-telf finanzjarju lill-Komunità. Wara din id-diskussjoni u kull temma taż-żmien ta’ wara d-diskussjoni ffissata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, għall-provvediment ta’ iżjed tagħrif jew, fejn l-Istat Membru ma jaċċettax l-istedina għal laqgħa qabel it-temma taż-żmien iffissat mill-Kummissjoni, wara li tkun għaddiet din it-temma taż-żmien, il-Kummssijoni għandha formalment tikkomunika l-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru, filwaqt li tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/442/KE [...]. Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, din il-komunikazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta’ kull nefqa li l-Kummissjoni jkun beħsiebha li teskludi skond l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament [...] Nru 729/70.

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli dwar il-miżuri korrettivi adottati sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tar-regoli Komunitarji u dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, kif approprjat, tadotta waħda jew iktar mid-deċiżjonijiet skond l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament [...] Nru 729/70 sabiex teskludi n-nefqa affettwata minn-nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli Komunitarji sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri korrettivi.

2. Id-deċiżjonijiet referiti fl-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament 7(4) tar-Regolament […] Nru 1258/1999 għandhom jittieħdu wara eżami ta’ kull rapport imfassal mill-korp tal-Konċiljazzjoni skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 94/442/KE.”

8        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament […] (KE) Nru 1290/2005 […] sa fejn ikkonċerna l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 171, p. 90), japplika sa mis-16 ta’ Ottubru 2006 u l-Artikolu 11(1) u (3) jipprovdi, essenzjalment, l-istess proċedura bħal dik prevista fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95.

2.     Linji gwida tal-Kummissjoni

9        Il-Linji gwida għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji ġew iddefiniti fid-dokument tal-Kummissjoni Nru VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida għall-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni fuq il-clearance tal-kontijiet tat-taqsima ‘Garanzija’ tal-FAEGG”(iktar ’il quddiem id-“dokument Nru VI/53330/97”).

10      Mill-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97, intitolat “Konsegwenzi finanzjarji, għall-clearance tal-kontijiet tat-Taqsima ‘Garanziji’ tal-FAEGG, ta’ nuqqasijiet fil-kontrolli tal-Istati Membri” jirriżulta li l-korrezzjonijiet finanzjarji huma kkalkolati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità kkonstatata u li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, in-natura u l-gravità tal-ksur kif ukoll id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità (Anness 2 tad-Dokument Nru VI/5330/97, it-tieni paragrafu).

11      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jipprovdi, minn naħa, mod ta’ valutazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja abbażi ta’ “żbalji li jinsabu fil-każijiet individwali”. Dan il-mod ta’ evalwazzjoni għandu irregolaritajiet speċifiċi — jekk ikun il-każ estrapolati — u jwassal għal korrezzjoni speċifika. Dan l-istess anness jipprovdi, fit-tieni lok, mod ta’ valutazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja abbażi ta’ riskji ta’ telf finanzjarju. Dan il-mod ta’ evalwazzjoni għandu irregolaritajiet sistematiċi u jwassal għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa (Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97, it-tmien sal-ħamsa u għoxrin paragrafi).

12      Skont dan l-aħħar mod ta’ valutazzjoni, rilevanti fil-kuntest tal-verifika tas-sistemi, il-Kummissjoni tapplika korrezzjonijiet b’rata fissa li jammontaw għal 2 %, 5 %, 10 % jew 25 % tal-ispejjeż iddikjarati, skont il-kobor tar-riskju ta’ telf finanzjarju għall-Komunità li jirriżulta minn nuqqasijiet fis-sistemi ta’ kontroll (Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97, it-tmien paragrafu).

13      Il-Kummissjoni tiddistingwi bejn żewġ kategoriji fost il-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri (Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97, l-erbatax-il paragrafu).

14      Minn naħa, il-“kontrolli prinċipali” huma l-verifiki fiżiċi u amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu kkontrollati l-elementi dwar il-mertu, b’mod partikolari r-realtà tas-suġġett tat-talba, il-kwantità u l-kundizzjonijiet kwalitattivi, inklużi l-osservanza tat-termini, ir-rekwiżiti tal-ħsad, it-termini tal-ħażna, etc. Dawn jitwettqu fuq il-post u permezz ta’ kontrolli ma’ informazzjoni indipendenti, bħar-reġistri tal-artijiet.

15      Min-naħa l-oħra, il-“kontrolli sekondarji” huma t-tranżazzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jiġu ttrattati korrettament it-talbiet, bħalma huma l-verifika tal-osservanza tat-termini li fihom dawn jiġu sottomessi, l-identifikazzjoni ta’ talbiet doppji għall-istess suġġett, l-analiżi tar-riskju, l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet u s-sorveljanza xierqa tal-proċeduri.

16      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż ineliġibbli, id-dokument Nru VI/5330/97 jipprovdi erba’ kategoriji ta’ korrezzjonijiet b’rata fissa:

–        25 % tal-ispejjeż meta l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tkun kompletament assenti jew serjament defiċjenti u meta jkun hemm indizji ta’ irregolaritajiet frekwenti ħafna u ta’ negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiċi irregolari jew frowdelenti u li, konsegwentement, hemm riskju ta’ telf partikolarment għoli għall-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG);

–        10 % tal-ispejjeż meta kontroll jew kontrolli ewlenin diversi ewlenin ma jkunux imwettqa jew jitwettqu tant ħażin jew tant rarament li jkunu ineffikaċi sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà ta’ talba jew sabiex ikunu evitati l-irregolaritajiet, u li għaldaqstant għandu jkun raġonevolment permess li jkun konkluż li jeżisti riskju għoli ta’ telf sinjifikattiv għall-FAEGG ;

–        5 % tal-ispejjeż meta jkunu twettqu l-kontrolli ewlenin kollha, iżda mingħajr ma jkunu saru skont in-numru, il-frekwenza jew id-dettall meħtieġ mir-regolamenti, u li għaldaqstant jista’ jiġi raġonevolment konkluż li dawn il-kontrolli ma jipprovdux il-livell mixtieq ta’ garanzija ta’ regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG huwa sinjifikattiv ;

–        2 % meta Stat Membru jwettaq il-kontrolli ewlenin b’mod korrett, iżda jonqos kompletament milli jwettaq kontroll jew kontrolli sekondarji, u li, konsegwentement, ir-riskju ta’ telf għall-FAEGG ikun inqas u l-ksur ikun inqas serju.

17      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jipprovdi fl-aħħar nett li “[i] l-ħsara issir iktar gravi jekk Stat Membru jonqos milli jtejjeb il-kontrolli tiegħu fil-waqt li l-Kummissjoni tkun diġà nnotifikat it-titjib meħtieġ” (Anness 2, is-sitt paragrafu, fl-aħħar).

18      Id-dokument AGRI/61495/2002 jirrigwarda t-trattament mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tat-taqsima “Garanzija” tal-FAEGG, ta’ każijiet fejn ikun hemm rikorrenza ta’ sistemi ta’ kontroll mhux suffiċjenti u intiż li jippreċiża l-prinċipju ta’ rikorrenza previst mid-dokument Nru VI/5330/97. Huwa jipprovdi kif ġej:

“Fil-każ fejn

–        l-assenza jew il-fatt li ma hijiex suffiċjenti ta’ sistema ta’ kontroll, jew ta’ elementi ta’ din is-sistema, kien is-suġġett ta’ deċiżjoni jew deċiżjonijiet ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija, u

–        jekk huwa kkonstatat għal perijodu sussegwenti għall-perijodu diġà kkorreġut li l-istess nuqqasijiet jippersistu,

il-Kummissjoni tqis li, suġġett għall-eżami ta’ miżuri korrettivi eventwali jew ta’ kumpens li jistgħu jittieħdu mill-Istat Membru, huwa normalment iġġustifikat li tiġi applikata żieda fir-rati ta’ korrezzjoni b’rata fissa applikati matul il-korrezzjoni preċedenti, minħabba r-riskju ikbar ta’ telf finanzjarju għall-FAEGG.

[…]

Sabiex tiġi żgurata n-natura fissa ta’ korrezzjonijiet prevista fid-dokument C 3909 tat-8 ta’ Diċembru 1997 (VI/5330/97), meta l-livell reali tal-ispejjeż irregolari, u għaldaqstant l-ammont ta’ telf finanzjarju imġarrab mill-Komunità, ma jistax jiġi ddeterminat, il-perċentwali li ġejjin huma maħsuba sabiex iservu bħala gwida:

[...]

–        fil-każ ta’ korrezzjoni preċedenti ta’ 5 %, rata ta’ 10 % fil-livell tal-perjodu kkonċernat;

–        fil-każ ta’ korrezzjoni preċedenti ta’ 10 %, rata ta’ mill-inqas 15 % skont il-gravità taż-żieda tar-riskju, fuq livell tal-perijodu ġdid ikkonċernat;

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

19      Permezz tad-Deċiżjoni 2008/960/KE, tat-8 ta’ Diċembru 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt il-FAEGG, taqsima “Garanzija”, u l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) (ĠU L 340, p. 99, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament Komunitarju, fir-rigward tar-Repubblika Ellenika, fil-qasam tal-frott u tal-ħaxix, tal-qoton, tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, taż-żejt taż-żebbuġa u tal-verifika finanzjarja, l-ammont totali ta’ EUR 179 140 594.66 għas-snin finanzjarji 2002 sa 2006.

20      Il-motivi għall-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissjoni ġew miġbura fil-qosor fir-rapport ta’ sinteżi AGRI‑63130‑00‑2008 tal-11 ta’ Settembru 2008, dwar ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-clearance ta’ konformità, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 (iktar ’il quddiem “ir rapport ta’ sinteżi”).

21      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat il-korrezzjonijiet li ġejjin:

–        fil-qasam “frott u ħaxix - ipproċessar tal-frott taċ-ċitru”: żewġ korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 10 % ġew imposti, minħabba ħlasijiet b’ċekk u nuqqasijiet fil-kontrolli amministrattivi u ta’ kontabbiltà, li jammontaw għal EUR 2 289 213 għas-sena 2005 u EUR 385 748 għas-sena 2006;

–        fil-qasam tal-qoton: minbarra żewġ korrezzjonijiet speċifiċi għal eċċess tal-produzzjoni eliġibbli ta’ ammont ta’ EUR 4 870 264.97 għas-sena 2003 u ammont ta’ EUR 2 143 945.63 għas-sena 2004 mhux ikkontestati, il-Kummissjoni imponiet żewġ korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 5 %, waħda fl-ammont ta’ EUR 27 731 557.37 għas-sena 2002 u l-oħra f’ammont ta’ EUR 32 655 464.17 għall-eżerċizzju 2003;

–        fil-qasam tal-primjums tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, il-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet b’rata fissa minħabba nuqqasijiet fid-database ta’ għall-identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat fil-kontrolli fuq il-post ta’ 10 % għas-sena 2003, ta’ 5 % u ta’ 10 % għas-sena 2004, ta’ 5 % u ta’ 10 % għas-sena 2005 u ta’ 5 % u 10 % għas-sena 2006, jiġifieri korrezzjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 14 341 429.92;

–        fil-qasam tal-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, il-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 10 % u 15 % għas-snin 2003 sa 2006, minħabba nuqqasijiet rikorrenti fil-kontroll ta’ siġar taż-żebbuġ, ta’ mtieħen u ta’ produzzjoni, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 83 641 370.78, u

–        fil-qasam tal-kontroll finanzjarju, għas-sena 2005, il-Kummissjoni imponiet korrezzjoni speċifika f’ammont ta’ EUR 4 521 536.62 minħabba nuqqas ta' osservanza tal-iskadenzi ta’ ħlas; hija imponiet ukoll korrezzjoni speċifika għal eċċess tal-limiti finanzjarji għal ammont ta’ EUR 6 326 450.77, għas-sena 2004, u ammont ta’ EUR 233 613.43 għas-sena 2005.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      B’att imressaq fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2009, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat dan ir-rikors.

23      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla fit-30 ta’ Settembru 2010. Imħallef Relatur ġdid nħatar fil-15 ta’ Frar 2011 u, peress li dan ġie assenjat lit-Tieni Awla, il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Qorti Ġenerali, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini mogħtija. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2012.

25      Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla jew tirriforma d-deċiżjoni kkontestata kif hemm spjegat fl-atti tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq il-portata tar-rikors

27      Fir-rikors, ir-Repubblika Ellenika tqajjem, għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, tnax-il motiv. L-ewwel żewġ motivi jikkonċernaw il-qasam tal-ipproċessar tal-frott taċ-ċitru. It-tielet motiv jikkonċerna l-qasam tal-qoton. Ir-raba’, il-ħames u s-sitt motivi jikkonċernaw il-qasam tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella. Is-seba’, it-tmien u d-disa’ motivi jikkonċernaw il-qasam taż-żejt taż-żebbuġa u l-għaxar, il-ħdax u t-tnax-il motiv jikkonċernaw il-qasam tal-verifika finanzjarja.

28      Waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika ddikjarat li qed tirrinunzja għar-raba’ u s-seba’ motivi, ibbażati fuq l-inkompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura, li tirrigwarda rispettivament l-oqsma tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u taż-żejt taż-żebbuġa.

29      Hija wkoll irrinunzjat għall-ħames u t-tmien motivi, ibbażati fuq ksur tat-terminu ta’ 24 xahar previst fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, li jirrigwarda rispettivament l-oqsma tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u taż-żejt taż-żebbuġa.

30      Fir-rigward tal-qasam tal-verifika finanzjarja, hija rrinunzjat għat-tnax-il motiv, li jirrigwarda l-investigazzjoni li għandha r-referenza FA/2006/137/GR, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, rigward l-għaxar motiv, dwar l-investigazzjoni li għandha r-referenza FA/2005/70/GR, li tirrigwarda l-korrezzjonijiet relattivi, l-ewwel nett, għaż-żoni żvantaġġati, it-tieni nett, ir-ristrutturar u l-konverżjoni mill-ġdid tal-vinji u t-tielet nett, għall-ħlasijiet addizzjonali fil-qasam taċ-ċanga, hija ddikjarat li ser iżżomm dan il-motiv biss sa fejn jirrigwarda ż-żoni żvantaġġati.

31      Fl-aħħar nett, hija ddikjarat li ser tirtira l-kap tat-talbiet intiż għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata.

32      Ittieħed nota dwar dan fil-verbal tas-seduta.

2.     Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, rigward il-korrezzjonijiet applikati għall-qasam tal-“frott u ħaxix – ipproċessar ta’ frott taċ-ċitru”

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

33      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2202/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 li jintroduċi skema ta’ għajnuna tal-Komunità għall-produtturi ta’ ċertu frott taċ-ċitru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 18, p. 31) implementa mekkaniżmu ta’ sostenn finanzjarju għall-produtturi li jorbot, minn naħa, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jew prerikonoxxuti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2200/96, tat-28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55), u, min-naħa l-oħra, l-ipproċessuri jew l-assoċjazzjonijiet jew għaqdiet legalment ikkostitwiti.

34      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2111/2003, tal-1 ta’ Diċembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2202/96 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 3, Vol. 41, p. 232) jipprovdi fl-Artikolu 7(1)(f) li l-kuntratti li għandhom b’mod partikolari l-prezz li għandu jitħallas lil għaqdiet tal-produtturi għal materji primi, li jistgħu jvarjaw b’ varjetà u/jew kwalità u/jew perijodu ta’ kunsinna u għandhom jiġu mħallsa biss fil-bank jew bi trasferiment mill-uffiċċju postali.

35      L-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2111/96 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jivverifikaw ir-reġistri previsti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-proċessuri, previsti fl-Artikoli 25 u 26 tar-regolament, li jiżguraw li huma jaqblu mal-kontijiet meħtieġa mill-għaqdiet tal-produtturi u proċessuri taħt il-liġi nazzjonali.

36      L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 2111/2003, dwar il-kontrolli, jipprevedi:

“1.      Għal kull għaqda tal-produtturi li jikkunsinnaw larinġ ħelu, mandolin, klementin, satsumi, lumi, tronġ u pomelos għall-ipproċessar, il-kontrolli li ġejjin għandhom jiġu kondotti għal kull prodott u sena tas-suq:

[…]

b)      kontrolli amministrattivi u tal-kontijiet fuq mill-inqas:

i) 5 % tal-produtturi koperti mill-appalti, sabiex tiċċekja partikolarment li kull prodottur l-erji, l-ħsad totali, l-kwantita kkunsinnata lill-għaqda tal-produttur u l-kwantita kkunsinnata għall-ipproċessar kollha jaqblu mal-pagamenti ta’ l-għajnuna previsti fl-Artikolu 23 u l-pagamenti riċevuti;

[…]

(ċ)      kontrolli amministrattivi u tal-kontijiet biex tivverifika li t-total ta’ kwantitajiet tal-prodotti kunsinnati lill-għaqda tal-produtturi mill-produtturi msemmija fl-Artikolu 15(1) u (2), t-total tal-kwantitajiet ikkunsinnati għall-ipproċessar, it-total ta’ ċertifikati tal-kunsinna msemmija fl-Artikolu 17(2), u t-total ta’ kwantitajiet dikjarati fl-applikazzjoni għall-għajnuna kollha jaqblu ma’ l-għajnuna mħallsa skond l-Artikolu 23 u l-pagament rċevuti mill-proċessur;

2. Għall-proċessuri tal-larinġ ħelu, mandolin, klementin, satsumi, lumi, tronġ u pomelos, il-kontrolli li ġejjin għandhom jiġu kondotti għal kull impjant, prodott u sena tas-suq:

a)      kontrolli amministrattivi u tal-kontijiet fuq mill-inqas:

1)      5 % tal-lottijiet irċevuti taħt kull tip ta’ appalt (ta’ skadenza qasira jew multiannwali) biex jivverifikaw li l-kwantitajiet konċernati huma kopruti mill-appalt u minn ċertifikati ta’ kunsinna msemmija fl-Artikolu 17(2), l-identifikazzjoni preċiża tal-mezzi ta’ transport użati u t-tħaris tal-ħtieġijiet minimi stabbiliti fl-Anness I;

[…]

(ċ) kontrolli amministrattivi u tal-kontijiet biex jivverifikaw, fuq il-bażi ta’ fatturi maħruġa u rċevuti u fuq il-bażi ta’ data tal-kontijiet, li l-kwantitá ta’ prodott lest miksub minn materji primi rċevuti u l-kwantitajiet ta’ prodotti lesti mixtrija jaqblu mal-kwantitajiet tal-prodotti lesti mibjugħa;

[…]”

37      L- Anness 16 tad-Dokument Nru 17933/2000 tal-Kummissjoni jidentifika l-kontrolli prinċipali u l-kontrolli sekondarji fil-qasam tal-frott taċ-ċitru. B’mod partikolari, l-anness in kwistjoni jiddefinixxi sitt kontrolli ewlenin, li jinkludu dawk il-kontrolli dwar iż-żamma tajba ta’ reġistri u l-konkordanza tagħhom mal-kontabbiltà rikjesta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-proċessuri.

 Rapport ta’ sinteżi

38      Fil-kuntest tal-investigazzjoni bir-referenza FV/2006/315/GR, is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu verifiki fil-Greċja mit-3 sas-7 ta’ April 2006. Wara skambju ta’ korrispondenza, saret laqgħa bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi fis-27 ta’ Frar 2007. Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni kkomunikat il-konklużjonijiet tagħha lill-awtoritajiet Griegi. Wara l-parir tal-korp ta’ konċiljazzjoni tad-19 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni kkomunikat il-pożizzjoni finali tagħha b’ittra tal-21 ta’ Awwissu 2008.

39      Fil-rapport ta’ sinteżi tagħha, instabu ċerti nuqqasijiet fil-kontrolli amministrattivi u ta’ kontabbiltà previsti bl-Artikolu 27(1)(b)(i) u bl-Artikolu 27(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2111/2003 kif ukoll bl-Artikolu 27(2)(a)(i)) u bl-Artikolu 27(2)(c) tar-Regolament Nru 2111/2003. Barra minn hekk, ir-rapport ta’ sinteżi jindika li l-verifiki previsti fl-Artikolu 24(1)(d) tal-imsemmi regolament ma sarux skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja f’mill-inqas każ wieħed. Barra minn hekk, ġie kkonstatat li d-dokumenti ġustifikattivi li għandhom jakkumpanjaw il-verifiki ħafna drabi kienu nieqsa. Dawn in-nuqqasijiet kienu primarjament dovuti minħabba nuqqas ta’ gwida ċara u l-għarfien limitat tal-ispetturi involuti fil-kontabbiltà. Is-servizzi tal-Kummissjoni kkunsidraw li dawn in-nuqqasijiet jikkonċernaw aspetti sostantivi tas-sistema ta’ kontroll u li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni insuffiċjenti tal-kontrolli wassal għal riskju għoli għall-FAEGG. Il-Kummissjoni kkonstatat li nuqqasijiet simili instabu f’investigazzjoni fuq l-ipproċessar tal-frott taċ-ċitru fl-2003.

40      Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni jirriżulta li ħlasijiet ta’ transformatur lill-organizzazzjoni tal-produtturi saru permezz ta’ ċekk, filwaqt li dan it-tip ta’ pagament għandu jsir permezz ta’ trasferiment bankarju jew postali u li fuq dan kien diġà sar kumment mill-Kummissjoni fl-imgħoddi. Mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta wkoll li l-ispetturi li wettqu l-kontrolli ma kinux konxji mir-rekwiżiti Komunitarji u nazzjonali f’dan il-qasam.

41      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, skont il-linji gwida stabbiliti fid-dokument Nru VI/5330/97, kontrolli prinċipali ma sarux skont in-numru u r-rigorożità previsti mir-regolamenti applikabbli u li, barra minn hekk, dan in-nuqqas kien rikorrenti. Hija kkonstatat li l-korrezzjoni preċedenti kienet ta’ 5 % u applikat f’din il-kawża rata ta’ korrezzjoni fissa ta’ 10 % għas-snin 2005 u 2006, peress li l-perijodu rilevanti huwa dak bejn it-30 ta’ Awwissu 2004 sas-sena 2004/2005 inkluż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

42      Ir-Repubblika Ellenika tqajjem l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tad-dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni ddefiniti fid-Dokumenti Nri VI/5330/97 u 17933/2000, u t-tieni motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u n-natura sproporzjonata tal-korrezzjonijiet.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tad-dokumenti Nru VI/5330/97 u 17933/2000

43      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-kontrolli ewlenin saru. Skont hija, fost in-nuqqasijiet identifikati, dawk biss li jikkonċernaw il-kontroll taż-żamma tajba tal-fajls u l-konformità tagħhom mal-kontroll ta’ kontabbiltà jikkostitwixxi kontroll prinċipali ewlieni. Il-korrezzjoni ma setgħetx teċċedi għaldaqstant 2 %.

44      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni applikat il-korrezzjonijiet finanzjarji inkwistjoni minħabba, b’mod partikolari, nuqqasijiet fil-kontrolli amministrattivi u tal-kontabbiltà previsti fl-Artikoli 24 u 27 tar-Regolament Nru 2111/2003.

45      L-ewwel nett, mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li dawn in-nuqqasijiet ġew ikkonstatati, b’mod partikolari, dwar il-verifiki previsti fl-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament Nru 2111/2003, dwar iż-żamma tar-reġistri ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi u ta’ proċessuri u l-konsistenza tagħhom mal-kontabbiltà imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għandu jiġi rrilevat li dan it-tip ta’ kontroll huwa ddefinit bħala kontroll prinċipali mill-Anness 16 tad-dokument Nru 17933/2000, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika Ellenika.

46      It-tieni nett, il-korrezzjonijiet fissi kienu wkoll imposti minħabba nuqqasijiet li jirrigwardaw il-kontrolli amministrattivi u tal-kontabbiltà previsti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 2111/2003. Issa, dawn il-kontrolli jikkostitwixxu wkoll kontrolli prinċipali. Fil-fatt, dawn huma intiżi b’mod partikolari sabiex jivverifikaw il-konkordanza bejn il-kwantitajiet tal-prodotti kkunsinnati għall-ipproċessar u l-ħlas tal-għajnuna kif ukoll sabiex jivverifikaw, abbażi ta’ fatturi maħruġa u rċevuti u abbażi ta’ data ta’ kontabbiltà, il-konkordanza tal-kwantità ta’ prodotti lesti miksuba jew mixtrija mal-kwantitajiet ta’ prodotti lesti mibjugħa. Għaldaqstant għandhom isiru verifiki rikjesti għall-kontroll tal-elementi ta’ konkordanza dwar il-mertu.

47      Għaldaqstant, fid-dawl tal-Anness 2 tal-Dokument Nru VI/5330/97 u tal-Anness 16 tad-Dokument Nru 17933/2000, ġustament li l-Kummissjoni kkunsidrat li n-nuqqasijiet rrilevati f’din il-kawża jikkonċernaw kontrolli prinċipali.

48      Fir-rigward tar-rata ta’ korrezzjoni applikata, il-Kummissjoni kkunsidrat li n-nuqqasijiet ikkonstatati fil-kontrolli prinċipali kienu suġġetti ta’ korrezzjoni preċedenti ta’ 5 %, u, fid-dawl tan-natura rikorrenti ta’ dawn in-nuqqasijiet, wasslet għar-rata ta’ korrezzjonijiet fissi għal 10 %.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-linji gwida ddefiniti fid-dokument Nru VI/5330/97, li, meta ma jkunx possibbli li jiġi evalwat it-telf subit mill-Komunità, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra korrezzjoni b’rata fissa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑418/06 P, Ġabra p. I‑3047, punt 136).

50      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż ineliġibbli, id-dokument Nru VI/5330/97 jipprevedi rata stabbilita ta’ 5 % tal-ispejjeż meta l-kontrolli prinċipali kollha jkunu saru, iżda mingħajr ma jiġi osservat in-numru, il-frekwenza jew ir-rigorożità previsti mir-regolamenti, b’tali mod li jista’ jiġi konkluż li dawn il-kontrolli ma jipprovdux il-livell mistenni ta’ garanzija ta’ regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG huwa sinjifikattiv (ara l-punti 14 u 16 iktar ’il fuq).

51      Dan huwa l-każ f’din il-kawża, meta tirrigwarda n-nuqqasijiet ikkonstatati fil-kontrolli ewlenin, li ma kinux saru skont ir-rigorożità prevista mir-regolamenti, u li dan ma huwiex biss każ ta’ nuqqasijiet ta’ kontrolli sekondarji.

52      Għaldaqstant huwa b’mod żbaljat li r-Repubblika Ellenika ssostni li r-rata ta’ 2 % kellha tiġi applikata f’din il-kawża. L-ilment ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-linji gwida tal-Kummissjoni ddefiniti fid-dokumenti Nri VI/5330/97 u 17933/2000 għaldaqstant ma jistgħux jiġu aċċettati f’dan ir-rigward.

53      Fit-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-fatt li jiġu rduppjati r-rati ta’ korrezzjoni ma għandha l-ebda bażi legali u tikkontesta n-natura rikorrenti tan-nuqqasijiet ikkonstatati.

54      L-ewwel nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li ebda test leġiżlattiv ma jipprevedi l-kunċett ta’ “reċidività”, li ġie stabbilit għall-ewwel darba fid-dokument AGRI/60637/2006, inapplikabbli għas-snin 2005/2006.

55      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

56      Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, u l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 (ara l-punti 3 u 6 iktar ’il fuq) jipprovdu li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur imwettaq waqt l-evalwazzjoni tagħha dwar l-ammont li għandu jiġi mwarrab wara l-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet.

57      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenza tal-irregolaritajiet inkwistjoni tista’ għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala fattur aggravanti, li jista’ jiġġustifika ż-żieda tal-korrezzjoni finanzjarja imposta. Iż-żieda inkwisitjoni tista’ f’dan ir-rigward tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi att li jinsab fil-kuntest tal-istabbiliment tar-rata globali tal-korrezzjoni li għandha tiġi sostnuta mir-Repubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1999, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑54/95, Ġabra p. I‑35, punt 13).

58      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rikorrenza tan-nuqqasijiet ikkonstatati ma għandhiex bażi legali adegwata fir-regolamenti applikabbli.

59      Barra minn hekk, ir-regoli li l-Kummissjoni stabbilixxiet fil-linji gwida tagħha, jiġifieri d-dokumenti Nru VI/5330/97, AGRI/61495/2002 u AGRI/60637/2006, huma tali li jirregolaw il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tar-rikorrenza ta’ irregolaritajiet ikkonstatati.

60      Id-dikjarazzjoni tar-Repubblika Ellenika li r-“reċidiva”, bħala ċirkustanza aggravanti, ġiet stabbilita għall-ewwel darba fid-dokument AGRI/60637/2006 hija żbaljata. Fil-fatt, minn naħa, l-Anness 2 tal-Dokument Nru VI/5330/97 jipprovdi li “[i]n-nuqqas isir iktar serju jekk Stat Membru jonqos milli jtejjeb il-kontrolli tagħha filwaqt li l-Kummissjoni diġà nnotifikatlu t-titjib neċessarju”. Min-naħa l-oħra, id-dokument AGRI/61495/2002, li tirreferi għalih ir-Repubblika Ellenika fir-rikors, tirrigwarda t-trattament mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-approvazzjoni tat-taqsima “Garanzija” tal-FAEGG, fil-każijiet ta’ rikorrenza ta’ sistemi insuffiċjenti ta’ kontroll u intiż li jippreċiża l-prinċipju ta’ rikorrenza previst fid-dokument Nru VI/5330/97. Huwa essenzjalment jipprovdi li, jekk l-istess nuqqasijiet jippersistu, żieda ogħla ta’ korrezzjoni b’rata fissa applikata matul il-korrezzjoni preċedenti hija possibbli u li, fil-każ ta’ korrezzjoni preċedenti ta’ 5 %, rata ta’ 10 % hija applikata għall-perijodu l-ġdid ikkonċernat (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).

61      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali sabiex tiżdied il-korrezzjoni fil-każ ta’ rikorrenza ta’ irregolaritajiet ikkonstatati għandu jiġi miċħud.

62      It-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ripetut, għandhom jiġu kkonstatati eżattament l-istess nuqqasijiet bħal dawk fil-passat. Skont hija, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li s-sistema tjiebet kollha kemm hi u li korrezzjoni ma tistax tiżdied jekk ċerti raġunijiet għal din il-korrezzjoni sparixxew.

63      Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, sabiex tikkonkludi li hemm ir-rikorrenza tan-nuqqasijiet ikkonstatati, il-Kummissjoni rreferiet b’mod partikolari għall-investigazzjoni FV/302/2003, li tirrigwarda s-sistema ta’ pproċessar tal-frott taċ-ċitru (Anness 4 tar-rikors), li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2009 (Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑33/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 56 sa 58). Fil-kuntest tal-investigazzjoni FV/302/2003, ġew ikkonstatati nuqqasijiet b’mod partikolari fil-kontrolli amministrattivi u ta’ kontabbiltà, b’mod partikolari fir-rigward tal-verifika tal-konkordanza bejn id-data tar-reġistri tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-proċessuri u l-monitoraġġ ta’ kontabbiltà impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ istruzzjonijiet min-naħa tal-Opekepe (Aġenzija Griega ta’ ħlas u ta’ kontroll tal-għajnuna Komunitarja ta’ linji gwida u ta’ garanzija) lill-prefetturi (nomos) u n-nuqqas ta’ esperjenza tal-persunal responsabbli mill-kontrolli (ara d-dokument tal-4 ta’ Marzu 2003 dwar il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni FV/302/2003, b’mod partikolari l-punt 8, kif ukoll is-sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

64      Issa, dawn in-nuqqasijiet ikkonstatati fil-kuntest tal-investigazzjoni FV/302/2003 u dawk ikkonstatati f’din il-kawża huma simili, kif jirriżulta mir-rapport ta’ sinteżi (ara l-punt 39 iktar ’il fuq) u kif dan ġie kkonstatat mill-korp ta’ konċiljazzjoni.

65      Barra minn hekk, kif ikkonstataw is-servizzi tal-Kummissjoni, in-nuqqasijiet misjuba fil-kontrolli amministrattivi u ta’ kontabbiltà jinvolvu aspetti sostanzjali tas-sistema ta’ kontroll u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni insuffiċjenti jwasslu għal riskju għoli għall-FAEGG (ara l-punt 39 iktar ’il fuq). Dawn in-nuqqasijiet kienu għaldaqstant deċiżivi għall-applikazzjoni tar-rati ta’ korrezzjoni li huwa s-suġġett taż-żieda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑352/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 327).

66      Minn dan isegwi li n-nuqqasijiet huma simili, jirrigwardaw l-istess qasam (frott taċ-ċitru), huma attribwibbli lill-istess Stat Membru u kienu kkunsidrati determinati għall-applikazzjoni tar-rati ta’ korrezzjoni li huma s-suġġett taż-żieda. Għalhekk il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat in-natura rikorrenti ta’ dawn in-nuqqasijiet.

67      Sa fejn ir-Repubblika Ellenika tibbaża fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni FV/2004/312, dwar is-sistema ta’ għajnuna għall-ipproċessar tat-tadam, sabiex tikkontesta r-rikorrenza, għandu jiġi rrilevat li, kif tenfasizza l-Kummissjoni u kif dan jirriżulta mir-rapport ta’ sinteżi li jiġbor fil-qosor il-pożizzjoni tal-Kummissjoni qabel il-proċedura ta’ konċiljazzjoni, l-imsemmija rikorrenza ma hijiex ibbażata fuq ir-riżultati tal-imsemmija investigazzjoni, iżda fuq dawk tal-investigazzjoni FV/302/2003 dwar l-ipproċessar tal-frott taċ-ċitru.

68      Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Ellenika li ma hemmx nuqqasijiet ripetuti hija, f’din il-kawża, miċħuda.

69      Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq li l-eżistenza ta’ titjib tostakola l-konstatazzjoni ta’ rikorrenza għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika tallega b’mod ġenerali li s-sistema tjiebet mingħajr ma jiġi stabbilit li dan it-titjib jikkonċerna preċiżament in-nuqqasijiet determinanti inkwistjoni f’din il-kawża. Barra minn hekk, hija tiċċita l-konklużjonijiet tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, stabbiliti fil-kuntest tal-investigazzjoni FV/2004/312 li jirrigwardaw l-ipproċessar ta’ tadam, li ma huwiex rilevanti f’din il-kawża (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).

70      Għaldaqstant, l-argumenti li l-korrezzjonijiet finanzjarji ma setgħux jiżdiedu f’din il-kawża għandhom jiġu miċħuda.

71      It-tielet nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li ż-żieda tal-korrezzjoni ma tistax tkun awtomatika u għandha tkun motivata, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

72      Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, il-Qorti Ġenerali tirrileva li din tqajmet fil-punt 18 tar-rikors u hija għaldaqstant ammissibbli, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni fil-kontroreplika.

73      Fir-rigward tal-fondatezza tagħha, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest partikolari tat-tħejjija tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha titqies bħala suffiċjenti meta l-Istat Membru li jkun id-destinatarju tagħha jkun ġie involut mill-qrib fil-proċess ta’ tħejjija ta’ din id-deċiżjoni u kien jaf ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li s-somma inkwistjoni ma tiġix iffinanzjata mill-FAEGG (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Settembru 2001, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑263/98, Ġabra p. I‑6063, punt 98 ; tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑332/01, Ġabra p. I‑7699, punt 67; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑55/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 125).

74      F’din il-kawża, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ġiet assoċjata mal-proċess ta’ żvilupp tad-deċiżjoni kkontestata u li l-kwistjoni tar-rikorrenza tan-nuqqasijiet inkwistjoni ġiet invokata fil-kuntest tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, b’mod partikolari fl-ittra tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2008, fil-minuti tal-laqgħa tal-4 ta’ April 2007, fl-opinjoni tal-korp ta’ konċiljazzjoni u fir-rapport ta’ sinteżi. B’hekk mill-elementi tal-proċess jirriżulta li r-Repubblika Ellenika kienet taf l-elementi li mmotivaw iż-żieda inkwistjoni, u b’mod partikolari l-irregolaritajiet suġġetti għal korrezzjonijiet, id-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja preċedenti, ir-rata ta’ korrezzjoni preċedenti u ż-żieda applikata kif ukoll l-eżistenza tar-riskju ta’ telf finanzjarju għall-FAEGG.

75      L-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni taż-żieda tal-korrezzjonijiet b’hekk għandu jiġi miċħud ukoll u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u n-natura sproporzjonata tal-korrezzjonijiet imposti

76      L-ewwel nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-kontrolli amministrattivi u ta’ kontabbiltà, previsti mill-Artikoli 24 u 27 tar-Regolament Nru 2111/2003, saru skont rati ogħla minn dawk previsti mit-testi, għalkemm it-traċċabbiltà tagħhom ma ġietx stabbilita.

77      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-FAEGG jiffinanzja biss l-interventi magħmula skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑278/98, Ġabra p. I‑1501, punt 38, u tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, Ġabra p. I‑1341, punt 32; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2008, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑266/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 97).

78      Barra minn hekk, rigward ir-regoli li jikkonċernaw l-oneru tal-prova fil-qasam tal-approvazzjoni tal-kontijiet, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, hija obbligata mhux li tipprova b’mod eżawrjenti n-nuqqas ta’ kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom, iżda li tippreżenta element ta’ prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija ssib fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli jew dawn iċ-ċifri. Dan it-tnaqqis tal-oneru tal-prova li tgawdi minnu l-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jippreżenta l-prova l-iktar dettaljata u kompluta tal-veraċità tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑247/98, Ġabra p. I‑1, punti 7 sa 9, u tad-19 ta’ Ġunju 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑329/00, Ġabra p. I‑6103, punt 68).

79      F ’din il-kawża jirriżulta mill-elementi tal-proċess, u b’mod partikolari mill-minuti tal-laqgħa bilaterali, li n-nuqqasijiet fil-kontrolli amministrattivi u ta’ kontabbiltà kkonstatati f’din il-kawża ma kinux ġew kontradetti minn provi dokumentati li kienu jsostnu l-argumenti tar-Repubblika Ellenika.

80      Mill-opinjoni tal-korp ta’ konċiljazzjoni jirriżulta wkoll li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika Ellenika, li dawn il-kontrolli twettqu, iżda ma kinux iddokumentati tajjeb, ma humiex sostnuti minn provi tanġibbli. Ir-Repubblika Ellenika stess tammetti li t-traċċabbiltà tal-kontrolli ma hijiex immedjatament viżibbli. Hija tammetti wkoll in-nuqqasijiet dwar l-obbligu ta’ investigazzjoni rigward il-kontrolli ta’ kontabbiltà.

81      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika tenfasizza li adottat linji gwida ġodda fl-2006 sabiex tirrimedja għan-nuqqasijiet ikkonstatati.

82      Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali argument ma huwiex tali li jikkumpensa għal nuqqas ta’ kontrolli suffiċjenti ikkonstatat għas-snin preċedenti inkwistjoni f’din il-kawża.

83      Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet identifikati fir-rigward tal-kontrolli amministrattivi u tal-kontabbiltà huma żbaljati u li l-korrezzjonijiet ma humiex iġġustifikati f’dan ir-rigward.

84      It-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-ħlas permezz b’ċekk jikkostitwixxi każ iżolat u li l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % hija sproporzjonata.

85      F’din il-kawża, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-qasam tal-kontrolli amministrattivi u tal-kontabbiltà eżaminati qabel, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni ta’ ħlas b’ċekk ma kienx jikkostitwixxi l-unika bażi għall-korrezzjonijiet f’din il-kawża.

86      Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika Ellenika sabiex jistabbilixxu n-natura sproporzjonata tal-korrezzjoni imposta minħabba l-ħlas permezz ta’ ċekk għandhom jiġu miċħuda.

87      It-tieni motiv għaldaqstant għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

88      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ma għamlet ebda argument sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija timponi l-korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 10 % għall-qasam tal-ipproċessar tal-frott taċ-ċitru.

3.     Fuq it-tielet motiv, rigward il-korrezzjonijiet applikati għall-qasam tal-qoton

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

89      L-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton hija rregolata b’mod partikolari mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1051/2001, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 332), li jistabbilixxi r-regoli ġenerali tas-sitema ta’ għajnuna għall-qoton u li tabroga r-Regolament (KE) Nru 2169/81 (ĠU L 148, p. 48). Skont l-Artikolu 23 tiegħu, ir-Regolament Nru 1554/95 daħal fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri l-1 ta’ Ġunju 2001, u huwa applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2001.

90      Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1051/2001, is-sena kummerċjali għandha tibda mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Awwissu.

91      L-Artikolu 11(d) u l-Artikolu 12(1)(d) tar-Regolament Nru 1051/2001 jipprovdu li, sabiex ikunu benefiċjarji tal-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton, l-impriżi ta’ ħżin għandhom juru li l-qoton saritlu dikjarazzjoni tal-arji msemmija fl-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament.

92      L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1051/2001 jipprovdi li l-Istati Membri produtturi għandhom jistabbilixxu sistema ta’ dikjarazzjonijiet tal-plottijiet miżrugħa, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li l-qoton kopert bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkun tal-oriġini ddikjarata.

93      Sabiex jitqiesu l-għanijiet ambjentali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxi u jadottaw il-miżuri ambjentali li jqisu li jkunu adattati sabiex jirregolaw l-użu tal-art agrikola għall-produzzjoni tal-qoton (premessa 13 tar-Regolament Nru 1051/2001). B’hekk, l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1051/2001 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għas-settur tal-qoton:

–        miżuri biex jittejjeb l-ambjent, b’mod partikolari t-teknika tal-koltivazzjoni biex jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent,

–        programmi ta’ riċerka biex jiġu żviluppati metodi ta’ tkabbir li jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent,

–        mezzi biex jgħarrfu lill-produtturi dwar ir-riżultati ta’ dik ir-riċerka u l-vantaġġi tal-użu tat-teknika kkonċernata.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ambjentali li jqisu addattati minħabba s-sitwazzjoni speċifika ta’ l-arji agrikoli użati għall-produzzjoni tal-qoton. B’żieda ma’ dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex ifakkru lill-produtturi li huma jkunu meħtieġa jikkonformaw mal-leġislazzjoni dwar l-ambjent.

3. L-Istati Membri għandhom, fejn ikun approprjat, irażżnu l-arji eliġibbli għall-għajnuna tal-produzzjoni tal-qoton mhux maħluġ fuq il-bażi tal-kriterji oġġettivi relatati ma’:

–        l-ekonomija agrarja ta’ dawk ir-reġjuni fejn il-qoton ikun wiċċ prinċipali,

–        il-ħamrija u l-klima fl-arji in kwistjoni,

–        l-immaniġġar ta’ l-ilma tat-tisqija,

–        is-sistemi tar-rotazzjoni u l-metodi tal-koltivazzjoni li x’aktarx itejbu l-ambjent.

Qabel il-31 ta’ Diċembru 2004, ir-Repubblika Griega u r-Renju ta’ Spanja għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar is-sitwazzjoni ambjentali fis-settur tal-qoton u l-impatt tal-miżuri nazzjonali adottati skond il-paragrafi 1, 2 u 3.”

94      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1591/2001, tat-2 ta’ Awwissu 2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għall-qoton (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 237), abroga r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1208/89, tat-3 ta’ Mejju 1989, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għall-qoton (ĠU L 123, p. 23), u, skont l-Artikolu 19 tiegħu, huwa applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2001.

95      L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1591/2001, dwar id-dikajrazzjonijiet ta’ arju miżrugħa, jipprevedi:

“Qabel id-data finali ffissata mill-Istat Membru, kull min ikabbar il-qoton fil-Komunità għandu jibgħat formola ta’ l-applikazzjoni għal għajnuna taż-żona, kif provdut taħt is-sistema integrata ta’ l-amministrazzjoni u l-kontroll, permezz ta’ dikjarazzjoni taż-żoni miżrugħa għas-sena tal-marketing li tkun ġejja. Il-biċċa jew il-bċejjeċ ta’ art agrikoli konċernati għandhom jiġu identifkati skond is-sistema għall-identifikazzjoni tal-bċejjeċ ta’ art agrikoli kif ipprovdut taħt is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll. Fejn japplika, dawk li jkabbru għandhom jibagħtu dikjarazzjoni korretta li tkun tagħti kont taż-żona attwalment miżrugħa bil-qoton sal-jum iffissat mill-Istat Membru, u mhux aktar tard mill-31 ta’Mejju li jiġi qabel is-sena tal-marketing konċernata.”

96      L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1591/2001 jipprevedi li, għas-sena tal-kummerċjalizzazzjoni 2001/2002, id-dikjarazzjonijiet tal-arja intiża fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1201/89 ippreżentati qabel l-1 ta’ Settembru 2001 huma kkunsidrati bħala ekwivalenti għad-dikajrazzjonijiet ta’ arji msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1591/2001.

97      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1591/2001, dwar il-kontrolli, jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2001 sat-23 ta’ Awwissu 2002:

“1. Il-korp ta’ l-ispezzjoni maħtur mill-Istat Membru produttur għandu jivverifika:

a)      li d-dikjarazzjonijiet taż-żoni miżrugħa għall-qoton huma eżatti, permezz ta’ verifiki fuq il-post li jirrelataw għal mhux anqas minn 5 % tad-dikjarazzjonijiet ;

[…]

f)      permezz ta’ verifiki doppji, li l-bċejjeċ ta’ l-art agrikoli msemmija fil-kuntratti jikkorrispondu ma’ dawk dikjarati minn dawk li jkabbru fid-dikjarazzjoni tagħhom taż-żoni miżrugħa għall-qoton.

2.      Fejn jinstabu irregolaritajiet b’konnessjoni mad-dikjarazzjoni taż-żoni referiti fl-Artikolu 9, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-penali referiti fl-Artikolu 14(1), għandha tingħata għajnuna għall-kwantità ta’ qoton li jkun issodisfa l-ħtiġiet l-oħra kollha.

3. Meta diversi korpi jkunu responsabbli għall-arranġamenti ta’ l-ispezzjoni, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta’ koordinazzjoni għal dan il-għan.”

98      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1486/2002, tad-19 ta’ Awwissu 2002, li jemenda r-Regolament Nru 1591/2001 (ĠU L 223, p. 3), applikabbli mit-23 ta’ Awwissu 2002, issostitwixxa, għall-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1591/2001, id-dispożizzjoni taħt a) bit-termini li ġejjin:

“li d-dikjarazzjonijiet taż-żoni miżrugħa għall-qoton huma eżatti, permezz ta’ verifiki fuq il-post li jirrelataw għal mhux anqas minn 5 % tad-dikjarazzjonijiet;”

 Rapport ta’ sinteżi

99      Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet u li għandhom ir-riferenzi OT/2003/01/GR u OT/2003/03/GR, il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-Greċja, rispettivament mill-31 ta’ Marzu sal-4 ta’ April 2003 u mill-20 ta’ Ottubru sal-24 ta’ Ottubru 2003, għall-għajnuna fil-produzzjoni tal-qoton għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 u 2002/2003. Wara skambju ta’ korrispondenza, saret laqgħa bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi fit-8 ta’ Diċembru 2005. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni kkomunikat il-konklużjonijiet tagħha lill-awtoritajiet Griegi. Wara l-opinjoni tal-korp ta’ konċiljazzjoni tal-21 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni kkomunikat il-pożizzjoni finali tagħha b’ittra tas-6 ta’ Awwissu 2008.

100    Minbarra l-konstatazzjonijiet dwar l-eċċessi ta’ produzzjoni eliġibbli, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrappurtaw nuqqasijiet ta’ kontrolli, imqassra fil-rapport ta’ sinteżi.

101    Fl-ewwel lok, rigward is-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll (iktar ’il quddiem l-“SIĠK”), id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkunsidraw li, għalkemm id-dikjarazzjonijiet tal-arji miżrugħa kienu inklużi fid-dikjarazzjoni tal-arji SIĠK, il-kompatibbiltà taż-żewġ sistemi ma kinitx suffiċjentement żgurata, kif dan diġà ġie kkonstatat għas-snin 1997/98 sa 2000/2001. B’mod partikolari:

–        ġew irrilevati inkonsistenzi bejn id-dokumenti differenti (kuntratti bejn il-bdiewa u l-ħallieġa, dikjarazzjonijiet SIĠK ta’ arji tal-qoton) li ma kinux manifestament ġew innutati mill-awtoritajiet Griegi u li jqgħedu f’dubju l-effikaċja tal-kontroverifiki u konsegwentement il-kredibbiltà tal-informazzjoni użata mill-ħallieġa sabiex jiġi vverifikat li l-qoton ikkunsinnat kien suġġett ta’ dikjarazzjoni taż-żoni;

–        il-komunikazzjoni bejn id-dipartimenti responsabbli għad-database tas-SIĠK u dawk responsabbli mill-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton kienet ġeneralment ikkunsidrata bħala insuffiċjenti; fil-fatt, id-dipartimenti tal-Opekepe kellhom biss għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni dwar il-qoton fid-dikjarazzjonijiet tal-arji, li ma kienx jippermttilhom li jkopru r-riskju ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-arji miżrugħa bil-qoton; bl-istess mod, id-dipartimenti responsabbli mis-SIĠK ma kkomunikaw ebda anomalija lid-dipartimenti responsabbli għall-qoton fl-2001/2002 u 2002/2003, anki jekk it-telerilevament (remote sensing) kien juri arji mhux iddikjarati jew iddikjarati ħażin.

102    Fit-tieni lok, dwar il-kontroll tal-miżuri ambjentali, ir-rapport ta’ sinteżi jenfasizza li r-riforma tas-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton fl-2001 introduċa miżuri ambjentali li n-natura tagħhom kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ kontrolli u ta’ sanzjonijiet kellu jiġi ddefinit mill-Istat Membru. Ġie kkonstatat li r-Repubblika Ellenika kienet stabbilixxiet, fost dawn il-miżuri, il-limitazzjoni taż-żona ta’ produzzjoni, l-iffissar ta’ effiċjenza massima u l-osservanza ta’ kodiċi ta’ prattika tajba fosthom rotazzjoni mandatorja tal-uċuħ tar-raba’.

103    Id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkontestaw in-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ dawn il-miżuri ambjentali u n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet. B’mod partikolari, il-kontroll amministrattiv tan-nuqqas ta’ eċċess tal-qligħ massimu stabbiliti għal kull produttur kien ikkunsidrat bħala insuffiċjenti. Bl-istess mod, il-kontrolli fuq il-post ta’ arji, magħmula wara l-aħħar ħsad u għaldaqstant tard wisq sabiex tiġi vverifikata l-kredibbiltà tal-qligħ iddikjarat, kellhom jiġi orjetnati lejn l-iskoperta ta’ arji tal-qoton mhux iddikjarati u l-kontroll tal-osservanza tal-osservanza tal-kodiċi ta’ prattika tajba. Pereżempju, l-arji ddikjarati tal-qoton kienu kkontrollati biss, li ma jippermettix li jiġu magħrufa l-oqsma tal-qoton iddikjarati fil-qamħ jew fi ħsad ieħor. Fl-aħħar nett, ġie rrilevat li l-ebda kontroll tal-osservanza tal-kodiċi ta’ prattika tajba ma kien sar.

104    Fil-kuntest tal-opinjoni tagħha tal-21 ta’ Jannar 2008, il-korp ta’ konċiljazzjoni stieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li, minħabba d-data tad-dħul fis-seħħ tal-kundizzjonijiet ambjentali f’din is-sistema ta’ għajnuna, il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tiġi invokata bħala kriterju ġuridikament vinkolanti għall-għoti tal-għajnuna Komunitarja għall-qoton imkabbar fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002.

105    F’ittra tas-6 ta’ Awwissu 2008, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkomunikaw il-pożizzjoni finali tagħhom li fiha l-korrezzjoni proposta nżammet. Huma enfasizzaw li d-data tal-1 ta’ Settembru kienet id-data tal-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, li ma jfissirx li l-miżuri ta’ kontroll tal-arji (u b’mod partikolari restrizzjonijiet ambjentali) jkunu fakultattivi fl-ewwel sena, il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà adatti għat-tranżazzjonijiet ta’ prekummerċjalizzazzjoni kellhom ikunu kkontrollati qabel il-bidu tal-kummerċjalizzazzjoni. Huma enfasizzaw ukoll li l-kontenut tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-qoton kien magħruf qabel l-1 ta’ Ġunju 2001 u li l-awtoritajiet Griegi deliberatament għażlu li japplika l-ewwel sena fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1051/2001 jadottaw deċiżjoni ministerjali fix-xahar ta’ Frar 2001, li tinkludi rotazzjoni vinkolanti u tnaqqis fl-arji miżrugħa bil-qoton, u dan ma wassalx għal ebda kontroll fil-livell tal-bdiewa.

106    Fit-tielet lok, dwar il-kontrolli fuq il-post tal-arji, l-ewwel nett, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkunsidraw li, għas-sena 2001/2002, l-għażla tal-irziezet għall-kontroll għal-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton ma kienet ibbażata fuq l-ebda analiżi tar-riskju, peress li l-metodu ta’ għażla każwali ma huwiex adattat tajjeb għar-riskji marbuta ma’ din is-sena (kxif ta’ arji ta’ qoton mhux iddikjarati, kxif ta’ ksur tal-prattiki agrikoli tajbin). Għalkemm il-proċess ta’ għażla jidher li nbidel għas-sena 2002/2003, din il-proċedura ġiet iġġudikata insodisfaċenti, minħabba li inkludiet elementi ta’ riskji mhux marbuta mal-qoton (għażla SIĠK) u ma ppermettietx li jittieħed biżżejjed inkunsiderazzjoni qligħ atipiċi osservat matul is-sena. Konsegwentement, ġie kkunsidrat li t-tibdil li sar fl-għażla ma ppermettiex li jitjieb biżżejjed il-mekkaniżmu sabiex dan ikopri r-riskji assoċjati man-nuqqas li jkunu ddikjarati l-arji kollha.

107    It-tieni nett, l-implementazzjoni ta’ kontrolli fuq il-post kienet meqjusa bħala tardiva wisq u li ma tippermettix li jiġu ddeterminati l-limiti ta’ diversi plottijiet żgħar ta’ qoton ta’ spiss mmaterjalizzati biss mit-tibdil fil-varjetajiet tal-qoton li differenzi tagħhom jidhru fuq il-weraq u l-frott, fil-waqt li l-kejl tal-arja maħduma jista’ jsir bi kwalità suffiċjenti biss jekk il-frott għandu jinsab fir-raba’, skont l-istandards stipulati fil-kuntest tas-SIĠK. Barra minn hekk, huwa biss fit-22 ta’ Jannar 2008, wara l-istedina tal-korp ta’ konċiljazzjoni, li l-awtoritajiet Griegi pprovdew data dwar id-dati għat-twettiq ta’ kontrolli fuq il-post, li minnhom jirriżulta, skont id-dipartimenti tal-Kummissjoni, ebda indikazzjoni kredibbli tal-proporzjon ta’ kontrolli tardivi, peress li numru kbir ta’ dati (mill-inqas sittax-il każ) huma inverosimili. Barra minn hekk, apparti minn dawn l-inkonsistenzi, l-eżistenza ta’ kontrolli tardivi (wara Jannar) tidher li hija kkonfermata, għal ħames distretti fl-2001/2002 u seba’ distretti fl-2002.

108    It-tielet nett, ġie ikkonstatat ukoll li, fl-2001/2002, l-istruzzjonijiet lill-kontrolluri ma kienu jipprovdu ebda formalizzazzjoni ta’ kejl u lanqas ta’ traċċabbiltà tal-limiti ta’ tolleranza tekniċi aċċettati u li din bilkemm tjiebet fl-2002/2003 meta Opekepe bdiet twettaq il-kontrolli fuq il-post.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

109    Fir-rigward tas-settur tal-qoton, ir-Repubblika Ellenika tqajjem motiv ibbażat fuq in-natura inġustifikata u sproporzjonata ta’ 5 % applikata għas-snin finanzjarji 2002 u 2003 u fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.

110    Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames partijiet. L-ewwel u t-tieni partijiet huma bbażati fuq in-natura sproporzjonata tal-korrezzjoni finanzjarja, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames taqsimiet huma bbażati fuq in-natura allegatament żbaljata dwar in-nuqqasijiet tas-SIĠK, il-miżuri ambjentali u l-kontroll fuq il-post tal-arji.

111    Il-Qorti Ġenerali ser teżamina t-tielet, ir-raba’ u l-ħames partijiet qabel ma teżamina l-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-motiv.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura allegatament żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet tas-SIĠK

112    Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet tas-SIĠK u ssostni fuq l-effikaċja tal-kontroverifiki. Hija tiddeskrivi l-proċedura li biha l-produtturi jiddikjaraw l-arji maħduma tas-SIĠK u tenfasizza li l-għajnuna għall-qoton ma hijiex marbuta mal-arja, iżda mħallsa skont il-kwantità tal-qoton mogħti mill-produtturi għall-fabbrika tal-ħalġ, li hiha kkontrollata. Hija żżid li l-fatt li s-SIĠK għandha xi nuqqasijiet, spjegati fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Novembru 2004, mibgħuta mill-Kummissjoni, ma għandha l-ebda influwenza fuq ir-regolarità tal-pagamenti lill-benefiċjarji.

113    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-armonizzazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton mas-SIĠK ġiet istitwita bir-Regolament Nru 121/89, kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru°1740/97, tal-5 ta’ Settermbru 1997 (JO L 244, p. 1), sabiex tissaħħaħ il-ġestjoni u s-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna għall-qoton u jiġi evitat ir-riskju ta’ pagament doppju fuq istess arji. Il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1591/2001, li ħassar ir-Regolament Nru 1201/89, jipprovdi wkoll li, sabiex jiġi żgurat li l-qoton kopert mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna huwa ta’ oriġini proprja, għandu jkun possibbli li jkunu identifikati żoni miżrugħa għall-qoton permezz tas-sistema li tidentifika l-bċejjeċ ta’ art agrikoli kif ipprovdut fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92, tas-27 ta’ Novembru 1992, li jwaqqaf sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi Komunitarji ta’ għajnuna [ĠU,) Dan jimplika li ż-żewġ sistemi jikkomunikaw u jistgħu jiskambjaw data, b’mod partikolari abbażi ta’ kontrolli addizzjonali, previsti fl-Artikolu 13(1)(f) tar-Regolament Nru 1591/2001 (ara l-punt 97 iktar ’il fuq).

114    Skont il-ġurisprudenza, l-Istat Membru li kontra tiegħu l-Kummissjoni ġġustifikat l-assenza jew in-nuqqasijiet fil-kontrolli mwettqa fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ funzjonament tal-FAEGG, taqsima “garanzija”, ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll affidabbli u li taħdem. Jekk huwa ma jirnexxilux jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji rigward l-implementazzjoni ta’ sistema xierqa u effettiva ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2000, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑46/97, Ġabra p. 1‑5719, punt 58).

115    F’din il-kawża, ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax fid-dettall in-nuqqasijiet ikkonstatati fis-sistema ta’ kontroll inkwistjoni. Hija tafferma biss li n-nuqqasijiet tas-SIĠK ma influwenzawx ir-regolarità tal-pagamenti lill-benefiċjarji u li l-kontrolli li hija wettqet kienu suffiċjenti, peress illi dawn kienu jikkonċernaw il-kwantitajiet ta’ qoton imwassla mill-produtturi lill-fabbrika tal-ħalġ u tal-qligħ.

116    Madankollu, l-eżistenza ta’ tali kontrolli ma hijiex suffiċjenti sabiex ittaffi n-nuqqasijiet rilevati fir-rapport ta’ sinteżi (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta regolament jistabbilixxi miżuri speċifiċi ta’ kontroll, l-Istati Membri għandhom japplikawhom mingħajr ma jkun neċessarju li jevalwaw il-mertu tal-argument tagħhom li sistema ta’ kontroll differenti eventwalment applikata hija iktar effettiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑130/99, Ġabra p. I‑3005, punt 87).

117    Barra minn hekk, fil-każ tan-nuqqasijiet identifikati fil-kontroll tal-plottijiet, ir-Repubblika Ellenika tirreferi għall-ittra tas-26 ta’ Novembru 2004, mibgħuta lill-Kummissjoni. F’din l-ittra, hija tispjega b’mod partikolari li dawn in-nuqqasijiet huma dovuti għal żbalji ta’ traskrizzjoni tal-arji meta r-riżultati tal-kontrolli fuq il-post daħlu fil-fajl li jiġbor fil-qosor il-kontrolli sussegwentement sabiex jaġġorna l-fajl kompjuterizzat tal-kontrolli fuq il-post (punt 27 tal-ittra tas-26 ta’ Novembru 2004).

118    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika b’hekk tispjega r-raġunijiet għall-iżbalji kkonstatati, mingħajr b’dan il-mod ma turi n-natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u mingħajr ma tasal li telimina d-dubji eżistenti dwar l-effettività tas-sistema ta’ kontroll.

119    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-“preċiżjoni tad-dikjarazzjoni tal-arja” saret kriterju ta’ eliġibbiltà mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1486/2002, applikabbli mill-perijodu 2002/2003, li għaldaqstant hija inapplikabbli f’din il-kawża.

120    F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali tirrileva li d-dikjarazzjoni ta’ arja tal-qoton prevista mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1591/2001 (ara l-punt 95 iktar ’il fuq) qabel l-emenda tal-imsemmi regolament bir-Regolament Nru 1486/2002 u kif diġà kien previst bl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1201/89, emendat bir-Regolament Nru 1740/97 (ara l-punt 96 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, il-kontroll tal-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet ta’ arji ta’ qoton b’kontroll fuq il-post li jkopri mill-inqas 5 % tad-dikjarazzjonijiet huwa wkoll previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1591/2001 (ara l-punt 97 iktar ’il fuq), qabel l-emenda tal-imsemmi regolament bir-Regolament Nru 1486/2002 u qabilha bl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1201/89. L-emenda magħmula f’dan ir-rigward mir-Regolament Nru 1486/2002 tikkonsisti biss f’li jiġi ċċarat li l-kontroll fuq il-post għandu jsir sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni (ara l-punt 98 iktar ’il fuq).

121    Għaldaqstant, dan l-argument huwa infondat.

122    Għaldaqstant it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq in-natura allegatament żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-miżuri ambjentali

123    Għandu jitfakkar li r-riforma tas-sistema tas-sistema tal-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton fl-2001, permezz tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1051/2001, introduċiet l-obbligu għall-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri ambjentali li huma jikkunsidraw xierqa (ara l-punt 93 iktar ’il fuq). Ir-Repubblika Ellenika, permezz ta’ dawn il-miżuri, imponiet il-limitazzjoni tal-arja tal-produzzjoni, l-iffissar ta’ effiċjenza massima u l-osservanza ta’ kodiċi ta’ prattiki tajba fosthom ir-rotazzjoni obbligatorja tal-uċuħ tar-raba’. Dawn il-miżuri jirriżultaw mill-ypourgikes apofaseis (digrieti ministerjali) tat-28 ta’ Frar 2001 u tal-4 u l-10 ta’ Mejju 2001, adottat wara djalogu estensiv mal-produtturi, kif tenfasizza r-Repubblika Ellenika.

124    Qabel kollox, ir-Repubblika Ellenika ssostni li r-riżultati tal-kontrolli ma setgħux jiġu nnotati immedjatament meta l-miżuri ambjentali ġew adottati fl-2001.

125    F’dan il-kawża, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni, meta imponiet il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % minħabba l-insuffiċjenza tal-kontrolli tal-kundizzjonijiet ambjentali inadegwati, ma tikkontestax l-effikaċità jew il-fondatezza tal-miżuri ambjentali adottati, iżda n-nuqqas ta’ kontroll tal-osservanza tal-adozzjoni tagħhom. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Ellenika, li l-effikaċità tal-miżuri ambjentali adottati jirrikjedu ż-żmien, hija irrilevanti f’din il-kawża.

126    Sussegwentement, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-kontroll tal-osservanza tal-miżuri ambjentali sar b’mod xieraq.

127    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tirrileva li din l-affermazzjoni ma hijiex sostnuta mill-elementi fil-proċess.

128    Fil-fatt, fir-rigward, fl-ewwel lok, il-kontroll tal-qligħ, ir-Repubblika Ellenika indikat li għamlet kontrolli b’remote sensing sabiex tikontrolla l-qligħ fiż-żoni fejn ġie osservat eċċess. Madankollu, mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li, għas-sena 2001/2002, l-ebda data ma ġiet ipprovduta u, għas-sena 2002/2003, id-data pprovduta turi li 7.5 % biss tal-każijiet ta’ qligħ atipiku li ġie kkontrollat. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika irreferiet għall-metodu tal-medju tal-qligħ għat-tliet snin preċedenti u għall-kontroll ta’ qligħ b’ejkers. Madankollu, dawn l-argumenti ma jurux l-eżistenza ta’ kontrolli li bihom jista’ jiġi vverifikat individwalment jekk il-benefiċjarji kienu ssodisfaw l-obbligi imposti mill-imsemmija miżuri. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-għajnuna għaldaqstant setgħet tingħata lil produtturi li mhux neċessarjament kienu osservaw il-miżuri ambjentali.

129    Bl-istess mod, meta hija semmiet, fit-tieni lok, it-tnaqqis tal-arji maħduma tal-qoton, ir-Repubblika Ellenika ma tistabbilixxix l-eżistenza ta’ kontroll individwalizzat f’dan ir-rigward.

130    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kontroll tal-prattiki tajba, ir-Repubblika Ellenika indikat hija stess, matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni, li l-kontroll dirett tagħhom kien diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jinkiseb. Hija ssostni li implementat indikaturi, bħall-miżura ta’ “produzzjoni indikativa stabbilita” (produzzjoni awtorizzata indikattiva), intiża għal kontroll komplet sabiex jiġi limitat l-użu ta’ pestiċidi u ta’ fertilizzanti. Madankollu, hija l-implementazzjoni tal-miżuri ġenerali għat-titjib tal-indikaturi ambjentali li ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ kontroll individwali mill-produttur tal-osservanza tal-miżuri implementati.

131    L-argument tar-Repubblika Ellenika li l-kontroll tal-osservanza tal-miżuri ambjentali seħħ b’mod xieraq għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

132    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika tenfasizza, fir-replika tagħha, ir-riżervi tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni dwar il-possibbiltà li jkunu applikati għall-qoton diġà miżrugħ il-miżuri ambjentali introdotti bl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1051/2001, applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2001.

133    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, fil-kuntest tal-opinjoni tagħha tal-21 ta’ Jannar 2008, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni stieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li, minħabba d-data tad-dħul fis-seħħ tal-kundizzjonijiet ambjentali f’din is-sistema ta’ għajnuna, il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet setgħet ġiet invokata bħala kriterju legalment vinkolanti għall-għoti tal-għajnuna Komunitarja għall-qoton li tkabbar fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002.

134    Fil-pożizzjoni finali tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1051/2001 kien applikabbli għall-miżuri ambjentali, adottati mir-Repubblika Ellenika għas-sena 2001/2002. Skont hija, essenzjalment, id-data tal-1 ta’ Settembru 2001 jimmarka l-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-qoton miżrugħ fl-2001 u kkummerċjalizzat fil-Ħarifa 2001, iżda jibqa’ l-fatt li l-kriterji ta’ eliġibbiltà speċifiċi għat-tranżazzjonijiet ta’ qabel il-kummerċjalizzazzjoni, fosthom iż-żriegħ, għandhom jiġu kkontrollati qabel.

135    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax dan l-argument. Fil-fatt, hija tirreferi biss, fil-kuntest tar-replika, għar-riżervi tal-korp ta’ konċiljazzjoni mingħajr ma tipproduċi argumenti sostenuti sabiex tirrispondi għall-argumenti tal-Kummissjoni.

136    Sa fejn l-argument tagħha, li ma jirriżultax mir-rikors, jista’ jiġi kkunsidrat bħala relatat mal-ilment dwar il-miżuri ambjentali u, għaldaqstant, bħala ammissibbli fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi kkonstatat li ma huwa bl-ebda mod sostnut.

137    Barra minn hekk, l-argument li l-miżuri preċiżi tar-Regolament Nru 1051/2001 ma kinux għadhom magħrufin għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika stess adottat il-miżuri ambjentali u ma tikkontestax li dawn il-miżuri ambjentali kienu applikabbli immedjatament, Għall-kuntrarju, hija ssostni li l-imsemmija miżuri kienu diġà suġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li dawn kienu applikabbli. Peress li hija kienet iddeċidiet li tadotta dawn il-miżuri għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1051/2001 mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002, għaldaqstant hija kellha tissorvelja l-osservanza mill-produtturi tal-qoton. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, mill-premessi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1398/2002, tal-31 Lulju 2002, li jiffissa għall-kummerċjalizzazzjoni 2001/2002, il-produzzjoni Griega attwali ta qoton mhux maħluġ kif ukoll inaqqsu l-prezz ta’ mira u l-varjanza tirriżulta għas-sena tas-suq 2001/2002, regoli ta ġestjoni ċerti u l-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna fil-Greċja (ĠU l 203, p. 24), l-awtoritajiet Griegi stess ikkunsidraw l-osservanza tal-miżuri ambjentali previsti fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1051/2001 bħala kriterju ta’ eliġibbiltà għall-perċezzjoni tal-għajnuna għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002.

138    Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-kontroll tal-miżuri ambjentali għall-perijodu qabel l-1 ta’ Settembru 2001 tikkonċerna biss is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 u għaldaqstant parti mill-ilment dwar il-miżuri ambjentali li fuqha l-korrezzjoni hija bbażata, li tirrigwarda wkoll is-sena 2002/2003.

139    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li tiddikjara r-Repubblika Ellenika, mingħajr ma ssostni l-argument tagħha, huwa ġustament li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kontrolli dwar il-miżuri ambjentali kienu jikkostitwixxu kontrolli prinċipali fis-sens tal-Anness 2 tal-Dokument Nru VI/5330/97. Fil-fatt, tali kontrolli relatati mal-verifiki fiżiċi u amministrattivi rikjesti sabiex jivverifikaw l-elementi dwar il-mertu, relatati f’din il-kawża mal-qligħ massimu u mal-osservanza tal-prattiki tajba implementati mir-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1051/2001.

140    Minn dan isegwi li r-raba’ parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames parti, ibbażat fuq in-natura allegatament żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-kummissjoni dwar il-kontroll fuq il-post tal-arji

141    L-ewwel nett, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta d-dewmien tal-kontrolli fuq il-post. Hija ssostni li r-Regolamenti Nri 1051/2001 u 1591/2001 ma jipprovdux skadenza sabiex isiru l-kontrolli fuq il-post ta’ 5 % taż-żoni, peress li d-data tal-15 ta’ Novembru ġiet iffissata biss bħala l-limitu mill-2003 bir-Regolament Nru 1486/2002. Skont hija, jekk il-kontroll għandu jseħħ f’data xierqa, jiġifieri f’mument li jiggarantixxi li l-arja kkontrollata kienet miżrugħa bil-qoton, dan jista’ jsir sakemm iz-zokk tal-qoton jibqa’ fuq l-għalqa, jiġifieri, f’Awwissu, f’Ottubru jew f’Jannar jew sat-tiżrigħ tar-rebbiegħa li jmiss. Hija żiedet tgħid li d-database tal-kontrolli fuq il-post ma jindikax data, minħabba li ma kienx meħtieġ mir-regolamenti. Hija tenfasizza li l-minuti jirreferu għad-data li fiha huma saru, minn dawn jirriżulta li l-kontrolli kienu prinċipalment seħħew mix-xahar ta’ Awwissu sax-xahar ta’ Novembru u li ftit mill-kontrolli kienu estiżi lil hin minn dan.

142    F’dan ir-rigward, għandi jitfakkar li, skont l-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament Nru 1591/2001, l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-arji tal-qoton għandha tkun ivverifikata fuq il-post.

143    Kif tenfasizza r-Repubblika Ellenika, qabel it-23 ta’ Awwissu 2002, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1486/2002, li jipprovdi li l-kontrolli fuq il-post iridu jsiru sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata, ir-Regolament Nru 1591/2001 ma jipprovdix terminu għat-tlestija ta’ dawn il-kontrolli. Fi kliem ieħor, din l-iskadenza tal-15 ta’ Novembru hija applikabbli mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2002/2003.

144    Għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002, madankollu, dawn il-kontrolli għandhom isiru f’terminu xieraq, kif tammetti r-Repubblika Ellenika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 196), jiġifieri f’mument li jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza u li jiżgura li l-arja kkontrollata kienet miżrugħa bil-qoton, għaldaqstant qabel jew matul il-ħsad.

145    F’din il-kawża, fit-22 ta’ Jannar 2008, wara l-istedina tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni, l-awtoritajiet Griegi pprovdew informazzjoni dwar id-dati meta twettqu l-kontrolli fuq il-post. Madankollu, kif il-Kummissjoni kkonstatat, din l-informazzjoni ma turix id-distribuzzjoni kronoloġika ta ‘kontrolli fuq il-post u ma kien fiha ebda indikazzjoni affidabbli tal-proporzjon tal-kontrolli tardivi. Barra minn hekk, ċerti dati indikati kienu inkonsistenti u ċerti kontrolli kienu partikolarment tardivi (wara Jannar) għal ħames distretti fl-2001 u seba’ distretti fl-2002.

146    Skont il-ġurisprudenza (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 51), huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jippreżenta l-iktar prova dettaljata u kompluta li l-kontrolli tiegħu kienu verament saru u, jekk ikun il-każ, li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti.

147    Issa, ir-Repubblika Ellenika, wara li indikat li ma kien hemm ebda indikazzjoni ta’ data fid-database tal-kontrolli fuq il-post, ipprovdiet dati ta’ kontrolli li minnhom jirriżulta li, minn naħa, ċerti inkonsistenzi (ċerti dati jindikaw is-snin 1901 jew 1902) u, min-naħa l-oħra, li d-dati tal-kontrolli xi kultant huma wara Jannar tas-sena kkonċernata.

148    F’dan ir-rigward, anki jekk iz-zkuk tal-qoton jistgħu jikkonfermaw ir-realtà ta’ kultivazzjoni tal-qoton kif issostni r-Repubblika Ellenika, huwa ġustament li l-Kummissjoni kkonstatat li la d-delimitazzjonijiet eżatti tal-plots tagħhom u lanqas kemm irendu ma jistgħu jiġu ddeterminati abbażi ta’ dawn iz-zkuk tal-qoton b’mod ċert. L-iskadenza sabiex isiru l-kontrolli fuq il-post barra minn hekk ġiet stabbilita għall-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata mir-Regolament Nru 1486/2002.

149    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika żżid, fl-Anness 2 tar-replika, data li turi li l-maġġoranza tal-kontrolli seħħew sa Novembru għas-sentejn. Il-Kummissjoni madankollu ssostni li din id-data ma ntbagħtitx lilha matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa kkonfermat mill-tweġibiet tar-Repubblika Ellenika għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri u għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta. Issa, il-legalità ta’ deċiżjoni għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li seta’ kellha l-Kummissjoni fil-mument meta adottatha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni, T‑232/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 54 u 55, u tal-14 ta’ Frar 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-267/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 46 sa 48; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, Ġabra p. I‑10807, punt 81). Għaldaqstant, din id-data pprovduta mir-Repubblika Ellenika ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

150    Minn dan isegwi li r-Repubblika Ellenika naqset milli turi li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward huma żbaljati. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-kontrolli tikkostitwixxi biss wieħed mill-ilmenti prinċipali li fuqhom hija bbażata l-korrezzjoni b’rata fissa (ara l-punti 101 sa 108 iktar ’il fuq).

151    It-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-analiżi tar-riskju seħħet u wasslu sabiex teskludi l-kwantitajiet ta’ qoton ta’ provenjenza mhux magħrufa. It-titjib tas-sistema kompjuterizzata u ta’ kontroll f’ħin reali tal-kunsinni tal-qoton lill-fabbriki tal-ħalġ għen sabiex titjieb il-proċedura ta’ għażla tal-kampjuni u għaldaqstant l-analiżi tar-riskji.

152    Madankollu dan l-argument ma jinvalidax il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għas-sena 2001/2002, li l-analiżi tar-riskju hija bbażata fuq għażla każwali ta’ popolazzjoni stratifikata, mhux adegwata għar-riskji involuti fis-sena inkwistjoni. Bl-istess mod, għas-sena 2002/2003, ir-Repubblika Ellenika ma tistabbilixxix in-natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mqassra fil-punti 106 u 108 iktar ’il fuq.

153    Għaldaqstant il-ħames parti ta’ dan il-motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

154    Minn dan isegwi li l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % ma tistax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiġi kkunsidrata bħala li tirriżulta minn evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.

 Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet, ibbażati fuq in-natura sproporzjonata tal-korrezzjoni finanzjarja

155    Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, li iktar milli rdoppjat meta mqabbla mal-korrezzjonijiet preċedenti ta’ 2 % hija sproporzjonata għaliex ma tqisitx il-modifika tardiva tas-sistema ta’ għajnuna għall-qoton fl-2001 bir-Regolament Nru 1051/2001, ippubblikat f’Ġunju, jiġifieri fin-nofs tal-perjodu ta’ kultivazzjoni. Hija tenfasizza li l-ebda dispożizzjoni tranżitorja ma naqqset l-ispiża tal-metodu ġdid ta’ kalkolu ta’ koresponsabbiltà u ssostni l-importanza tal-ispejjeż tal-miżuri meħuda.

156    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta t-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż li jkunu saru jekk tikkonstata li ma hemm l-ebda mekkaniżmi ta’ kontroll suffiċjenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2000, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/97, Ġabra p. I‑3421, punt 122).

157    F’din il-kawża, jidher li n-nuqqasijiet irrilevati mid-diparetimenti tal-Kummissjoni jirrigwardaw elementi importanti tas-sistema ta’ kontroll kif ukoll tal-implementazzjoni tal-kontrolli, li għandhom rwol fundamentali fid-determinazzjoni tal-legalità tal-infiq, b’tali mod li seta’ raġonevolment jiġi konkluż li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG kien sinjifikattiv.

158    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, meta timponi, f’din il-kawża, korrezzjoni b’rata fissa li tammonta għal 5 % tal-ispejjeż inkwistjoni, filwaqt li l-kontrolli li saru mill-awtoritajiet Griegi naqsu li josservaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑184/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    L-argument ibbażat fuq l-emenda li tirriżulta mir-Regolament Nru 1051/2001 ma tinvalidax din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-obbligi dwar is-SIĠK u dwar il-kontrolli fuq il-post tal-arji jinsabu fil-leġiżlazzjoni preċedenti (ara l-punt 113 iktar ’il fuq). Ir-Regolament Nru 1051/2001 għaldaqstant ma biddilx l-elementi li fuqhom ikkonstatati n-nuqqasijiet f’din il-kawża. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat qabel (ara l-punt 137 iktar ’il fuq), sa fejn hija kienet iddeċidiet li tadotta l-miżuri ambjentali għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1051/2001 mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002, ir-Repubblika Ellenika kellha tikkontrolla l-osservanza tagħhom mill-produtturi tal-qoton.

160    L-argument tar-Repubblika Ellenika bbażati fuq l-emenda tas-sistema inkwistjoni għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

161    Fl-aħħar nett, l-ispiża tal-miżuri adottati bħala riżultat ta’ dan ir-regolament il-ġdid ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika n-nuqqasijiet irrilevati u għaldaqstant ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tan-natura sproporzjonata jew le tal-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni.

162    L-argumenti żviluppati insostenn ta’ din l-ewwel parti għaldaqstant ma jistabbilixxux in-natura sproporzjonata tal-korrezzjoni inkwistjoni.

163    Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Kummissjoni stess ikkonstatat titjib matul il-perijodu 2002 sa 2003 u li l-korrezzjoni għall-imsemmi perijodu għaldaqstant kellha tkun inqas minn dik imposta għall-perijodu mill-2001 sa l-2002.

164    Issa, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm titjib li jikkonċerna s-sena 2002/2003 ġie kkonstatat mill-Kummissjoni fl-ittra tas-17 ta’ Lulju 2004, is-servizzi tal-Kummissjoni kienu wkoll ikkonstataw, fl-istess ittra, nuqqasijiet dwar il-kontrolli fuq il-post ta’ arji u dwar is-SIĠK, u rreġistrat nuqqasijiet fil-prinċipju maġġuri. Dawn in-nuqqasijiet jirriżultaw ukoll mir-rapport ta’ sinteżi.

165    Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li ġie kkonstatat titjib ma jippermettix lir-Repubblika Ellenika li ssostni li r-rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 % kellha tiġi mnaqqsa.

166    Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika naqset milli turi n-natura sproporzjonata tal-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % tal-ispejjeż ikkonċernati.

167    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tielet motiv, relatat mal-korrezzjoni b’rata fissa applikata fis-settur tal-qoton, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

4.     Fuq is-sitt motiv, rigward il-korrezzjonijiet applikati fil-qasam tal-primjums għall-annimali tal-ifrat u l-ħlasijiet għall-estensifikazzjoni

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

168    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (JO L 160, p. 21), jirregola l-għoti tal-primjums f’dan il-qasam.

 Kontrolli

169    Ir-Regolament Nru 3508/92 jipprovdi li kull Stat Membru joħloq SIGC dwar ċerti sistemi ta’ għajnuna Komunitarja. Skont is-sitt premessa tiegħu, l-amministrazzjoni tal-informazzjoni miġbura u l-użu tagħha għall-verifika tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jeħtieġ illi jiġu stabbiliti databases ikkompjuterizzati ta’ rendiment għoli li bihom jistgħu jsiru kontrolli bir-reqqa.

170    L-Artikolu 1(1)(b) tal-imsemmi regolament jipprovdi, b’mod partikolari, li kull Stat għandu jistabbilixxi SIGC applikabbli għas-sistemi ta’ primjums u ta’ ħlasijiet favur il-produtturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella.

171    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3508/92, is-sistema integrata għandha tikkomprendi diversi elementi li ġejjin, b’mod partikolari database ikkompjuterizzata, sistema alfanumerika għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem, applikazzjonijiet għall-għajnuna u sistema integrata tal-kontroll. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3508/92 jipprevedi b’mod partikolari li, fid-database ikkompjuterizzata, għandha tiġi rreġistrata, għal kull azjenda agrikola, l-informazzjoni miġbura mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

172    Skont l-Artikolu 8(1) u (2) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u l-kontrolli amministrattivi għandhom jiġu ssupplimentati b’kontrolli fuq il-post li jkopru kampjun tal-azjendi agrikoli.

173    Rigward il-kontrolli, l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001, tal-11 ta’ Diċembru 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU L 327, p. 11), jipprevedi:

“Verifiki amministrattivi u fuq l-art għandhom ikunu magħmula b’tali mod li jassiguraw verifikazzjoni effettiva ta’ konformità mat-termini li taħthom l-għajnuniet huma mogħtija.”

174    L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2419/2001 jipprovdi:

“Il-verifiki amministrattivi msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament […] Nru 3508/92 għandhom jinkludu b’mod partikolari:

a)      cross-checks fuq irqajja’ ddikjarati agrikoli u annimali sabiex jevitaw l-għotja multipla mhux dovuta ta’ l-istess għajnuna fir-rigward ta’ l-istess sena kalendarja jew ta’ marketing u sabiex jipprevjeni kumulu mhux meħtieġ ta’ għotja mogħtija taħt skemi ta’ għajnuna tal-Komunità li tinvolvi dikjarazzjonijiet ta’ zoni;

b)      cross-checks permezz ta’ database kompjuterizzata sabiex tiġi vverifikata l-eliġibbilità għall-għajnuna.”

175    L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 2419/2001 jipprevedi:

“1. Verifiki fuq l-art għandhom ikopru il-bhejjem kollha miżmuma għal xi użu li għalih applikazzjonijiet ta’ għajnuna ġew mibgħuta taħt skemi ta’ għajnuna li għandhom ikunu verifikati u, fil-każ ta’ verifiki ta’ skemi ta’ għajnuna tal-bovini, l-annimali bovini wkoll mhux dikjarati.

2. Verifiki fuq l-art għandhom jinkludu b’mod partikolari:

a)      verifiki li n-numru ta’ annimali preżenti għaż-żamma li għalihom applikazzjonijiet ta’ għajnuna ġew mibgħuta u n-numru ta’ annimali bovini mhux dikjarati jikkorrispondu man-numru ta’ annimali mdaħħla fir-reġistri u, fil-każ ta’ annimali bovini, in-numru ta’ annimali notifikati fid-database kompjuterizzata;

b)      f’dak li jirrigwarda l-iskemi ta’ għajnuna tal-bovini, verifiki

–        ta’ eżattezza ta’ daħliet fir-reġistru u n-notifikazzjonijiet għad-database kompjuterizzata fuq il-bażi ta’ kampjun ta’ dokumenti li jgħinu bħall-irċevuti tax-xiri u bejgħ, ċertifikati ta’ biċċerija, ċertifikati veterinarji u, fejn applikabbli, passaporti ta’ l-annimali, f’dak li jirrigwarda annimali li għalihom applikazzjonijiet ta’ għajnuna kienu mibgħuta fit-12-il xahar qabel il-verifika fuq l-art,

–        li informazzjoni miżmuma fid-database kompjuterizzata tikkorrispondi ma’ l-informazzjoni mogħtija fir-reġistru fuq il-bażi ta’ kampjun f’dak li jirrigwarda l-annimali li għalihom applikazzjonijiet ta’ għajnuna kienu mibgħuta fit-12-il xahar ta’ qabel il-verifika fuq l-art,

–        li l-annimali preżenti fuq il-post u għadhom miżmuma taħt obbligu ta’ żamma huma eliġibbli għall-għajnuna dikjarata,

–        li l-annimali bovini kollha preżenti fuq il-post huma identifikati minn tikketti tal-widna u akkumpanjati, fejn applikabbli, b’passaporti ta’ l-annimali u li huma reġistrati fir-reġistru u kienu notifikati fid-database kompjuterizzata. Dawn il-verifiki għandhom ikunu magħmula b’mod invidwali għal kull bovin maskili individwali li għadu miżmum taħt l-obbligu ta’ żamma li għalih kienet mibgħuta għall-premium taċ-ċanga speċjali bl-eċċezzjoni ta’ dawk mibgħuta f’konformità ma’ l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999. Fil-każijiet l-oħra kollha l-verifika fuq reġistru korrett fil-passaporti ta’ l-annimali, ir-reġistru u notifikazzjoni għad-database kompjuterizzata jista’ jkun magħmul fuq il-bażi ta’ kampjun ;

[…]”

 Primjum għall-qatla

176    L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1254/1999 jipprevedi:

“Produttur li jżomm bhejjem ta’ l-ifrat fl-impriża tiegħu jista’ jikkwalifika, ma’ l-applikazzjoni, għal premju tal-qatla. Dan għandu jingħata mal-qatla ta’ annimali eliġibbli jew ma’ l-esportazzjoni tagħhom lejn pajjiżi terzi u fil-limiti massimi nazzjonali li għandhom jiġu stabbiliti.

Dawn li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-premju tal-qatla:

a)      barrin, gniedes, baqar u għoġġiela mill-età ta’ tmien xhur;

b)      għoġġiela ta’ aktar minn xahar u anqas minn seba’ xhur u li l-piż tal-karkassa tagħhom huwa inqas minn 160 kilogramma,

sakemm ikunu nżammu mill-produttur għal perjodu li jrid jiġi stabbilit.” 

177    L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 2419/2001 jipprevedi:

“1.      Għal dak li jirrigwarda l-premium ta’ ċanga speċjali previst fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999 u l-premium tal-biċċerija provist fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-regolament, verifiki fuq l-art għandhom ikunu esegwiti fil-biċċeriji. F’dan il-każ l-Istati Membri għandhom jesegwixxu verifiki fuq l-art jew:

a)      f’għall-inqas 30 % tal-biċċeriji kollha, magħżula fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ riskju, f’liema każ il-kontrolli għandhom ikopru kampjun ta’ 5 % tan-numru totali ta’ annimali bovini li ġew imbiċċra fil-biċċerija konċernata matul 12-il xahar qabel il-verifika fuq l-art, jew;

b)      f’għall-inqas 20 % ta’ dawk il-biċċeriji li ġew approvati minn qabel skond il-kriterji partikolari ta’ assigurazzjoni li għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri u huma magħżula fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ riskju, f’liema każ il-kontrolli għandhom ikopru kampjun ta’ 2 % tan-numru totali ta’ annimali bovini li ġew imbiċċra fil-biċċerija konċernata matul 12-il xahar qabel il-verifika fuq l-art.

Dawn il-verifiki fuq l-art għandu jkollhom skrutinju minn qabel tad-dokumenti, paragun mad-daħliet fid-database kompjuterizzat u verifiki ta’ taqsiriet li jirrigwardaw iċ-ċertifikati tal-biċċeriji, jew informazzjoni ta’ l-art tagħhom, li kienu mibgħuta lill-Istati Membri l-oħra f’konformità ma’ l-Artikolu 35(3) tar-Regolament (KE) Nru 2342/1999.

2. Verifiki fuq l-art fil-biċċeriji għandu jkollhom verifiki fiżiċi ta’ proċeduri ta’ biċċeriji esegwiti fil-jum tal-verifika fuq l-art fuq il-bażi ta’ kampjun. Fejn neċessarju, għandu jkun verifikat jekk il-karkassi preżentati għall-użin humiex eliġibbli għall-għajnuna.”

178    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2342/1999, tat-28 ta’ Ottubru 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 1254/1999, jipprevedi b’mod partikolari, fl-Artikolu 37 tiegħu, fil-verżjoni emendata tiegħu [Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1042/2000, tat-18 ta’ Mejju 2000 (ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 29, p.99], li l-primjum għall-qatla jitħallas lill-produttur li jkun żamm l-annimal għal perjodu minimu ta’ xahrejn li jispiċċa inqas minn xahar qabel il-qatla jew li jintemm inqas minn xahrejn qabel l-esportazzjoni tal-annimal u li, għall-għoġġiela maqtula qabel l-età ta’ tliet xhur, il-perijodu għaż-żamma huwa ta’ xahar.

 Ħlasijiet għall-estensifikazzjoni

179    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1254/1999 jipprovdi:

“Il-produtturi li jirċievu premju speċjali u/jew il-premju tal-baqar li jreddgħu jistgħu jikkwalifikaw għal pagament ta’ estensifikazzjoni.”

180    L-Artikolu 13(2) tal-istess regolament jipprevedi li l-pagament ta’ estensifikazzjoni għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull primjum speċjali u għal kull primjum ta’ baqar li jreddgħu mogħti, kemm-il darba f’dak li għandu x’jaqsam mas-sena kalendarja inkwistjoni d-densità tal-merħliet fl-impriża in kwistjoni tkun inqas minn jew daqs 1.4 LU kull ettaru (b’riżerva ta’ ammonti inqas stabbiliti mill-Istati Membri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament).

181    Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1254/1999, id-densità tal-merħliet għandha tkun espressa f’LU għal kull unità ta’ żona tal-mergħa tal-qasam użat għall-annimali li jkun hemm fiha.

182    Skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1254/1999, sabiex tiġi ddeterminata l-fattur ta’ densità tal-merħliet fuq l-impriża, għandhom jiġu meqjusa:

“[…]

a)      il-bhejjem ta’ l-ifrat irġiel, il-baqar li jreddgħu u l-għoġġiela, in-nagħaġ u/jew il-mogħoż li għalihom ikunu ġew sottomessi l-applikazzjonijiet għall-premji, kif ukoll il-baqar tal-ħalib meħtieġa biex jipproduċu t-total tal-kwantità ta’ referenza ta’ ħalib allokata lill-produttur. In-numru ta’ annimali għandu jinqeleb għal LU b’referenza għat-tabella ta’ konverżjoni fl-Anness III,

b)      l-arja tal-mergħa, jiġifieri l-arja ta’ l-impriża disponibbli matul is-sena kalendarja għat-trobbija ta’ bhejjem ta’ l-ifrat u nagħaġ u/jew mogħoż. [Ma humiex inklużi f’din l-arja :]

–        bini, boskijiet, għadajjar, mogħdijiet,,

–        żoni użati għall-uċuħ oħra li huma eliġibbli għal għajnuna tal-Komunità jew għal uċuħ permanenti jew uċuħ ta’ l-ortikoltura, ħlief mergħat permanenti li għalihom jingħataw ħlasijiet taż-żona permezz ta’ l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 19 tar-Regolament [(KE)] Nru 1255/1999,

–        żoni li jikkwalifikaw għal sistema ta’ appoġġ stabbilita għal produtturi ta’ ċertu uċuħ tal-ħrit, użati għall-iskema ta’ għajnuna għal għalf niexef jew suġġetti għal skemi ta’ twarrib nazzonali jew tal-Komunità.

Żoni tal-mergħat għandhom jinkludu żoni ta’ użu konġunt li jkunu suġġetti għal kultivazzjoni mħallta.”

183    L-Artikolu 13(3)(a) tar-Regolament Nru 1254/1999 jipprevedi :

“[b]’deroga mill-Artikolu 12 (2) (a), id-densità tal-merħliet ta’ l-impriżi għandha tiġi kkalkulata billi jiġu meqjusa l-bhejjem ta’ l-ifrat irġiel, il-baqar u l-għoġġiela li jkunu jinsabu hemm matul is-sena kalendarja in kwestjoni, kif ukoll ta’ nagħaġ u/jew mogħoż li għalihom ikunu ġew preżentati applikazzjonijiet għall-premju għall-istess sena kalendarja. In-numru ta’ annimali għandu jiġi maqlub għal LU b’referenza għat-tabella ta’ konverżjoni fl-Anness III.”.

184    L-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1254/1999 jipprevedi li, sabiex jivverifikaw illi n-numru totali tal-bhejjem ikkalkolat jissodisfa l-ħtiġiet tad-densità tal-bhejjem stabbilita fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kull sena mill-inqas ħames dati ta’ ċensiment tal-bhejjem u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

185    Iċ-ċensiment tal-bhejjem għal dawn id-dati jista’ jsir, fuq għażla tal-Istati Membri, skont wieħed miż-żewġ metodi previsti fl-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 2342/1999. skont l-ewwel metodu, L-istat Membru jitlob lill-produttur sabiex jiddikjara abbażi tar-reġistru tar-razzett tiegħu, qabel data li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru, in-numru ta’ LUs jew in-numru ta' annimali ta’ kull waħda miż-żewġ kategoriji ta’ annimali tal-ifrat msemmija fl-Anness III tar-Regolament Nru 1254/1999 (jiġifieri, minn naħa, dik li tiġbor flimkien l-ifrat maskili u l-erħat li jkollhom iktar minn 24 xahar, il-baqar li jreddgħu u l-baqar tal-ħalib u, min-naħa l-oħra, dik li tiġbor flimkien l-ifrat maskili u l-erħiet minn 6 sa 24 xahar). It-tieni metodu, irriżervat għall-Istati Membri li għandhom database kompjuterizzata skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 820/97, tal-21 ta’ April 1997, li jistabbilixxu sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat u dwar l-ittikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella (ĠU L 117, p. 1), u jqisu li din id-database tipprovdi garanziji ta’ preċiżjoni suffiċjenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema tal-ħlas għall-estensifikazzjoni, li jimplika l-użu ta’ informazzjoni li tinsab f’din id-database sabiex tiddetermina n-numru ta’ LUs.

186    Skont ir-raba’ subparagrafu l-Artikolu 32(3), meta l-Istati Membri jiddeċiedu illi d-dati taċ-ċensiment jistgħu jkunu kull jum tas-sena, jistgħu jipprovdu illi l-kalkolu tal-fattur ta’ densità jsir pro rata temporis tat-taż-żmien li fih il-bhejjem ikunu preżenti fuq l-azjenda.

187    L-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 2342/1999 jipprevedi :

“Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-produtturi l-opportunità li jagħżlu skema ssimplifikata.

F’dan il-każ, il-produttur irid jindika fuq l-applikazzjoni għall-għajnuna skond iż-‘żona’:

a)      li jiddikjara li kien ħares kuljum id-densità massima tal-bhejjem stabbilita fl-Artikolu 13 tar-Regolament […] Nru 1254/1999 sad-data ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna għaż-« żona » tiegħu,

u

b)      li jimpenja ruħu li jikkonforma kuljum mad-densità tal-bhejjem bejn id-data ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna għaż-« żona » tiegħu u l-31 ta’ Diċembru.

[…]

Id-dikjarazzjoni u l-impenn riferiti f’dan il-paragrafu għandhom ikunu bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-kontroll u tal-penali pprovduti skond is-sistema integrata.

[…]”

 Rapport ta’ sinteżi

188    Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet li għandhom ir-referenzi ΑΡ/2003/09a, ΑΡ/2003/11, u ΑΡ/2004/04 ΑΡ/2005/05, il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-Greċja, rispettivament, f’Mejju 2003, f’Settembru 2003, f’Marzu 2004 u f’April 2005. L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 saru rispettivament fl-ittri tad-19 ta’ Settembru 2003, tat-22 ta’ Jannar 2004, tal-5 ta’ Awwissu 2004 u tad-29 ta’ Lulju 2005. Laqgħa bilaterali saret fl-1 ta’ Ottubru 2004 rigward l-ewwel żewġ investigazzjonijiet, fil-11 ta’ Marzu 2005 dwar it-tielet investigazzjoni u s-7 ta’ Ġunju 2006 dwar ir-raba’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Griegi l-minuti ta’ dawn il-laqgħat rispettivament fit-30 ta’ Novembru 2004, it-22 ta’ Ġunju 2005 u t-22 ta’ Settembru 2006. L-awtoritajiet Griegi rrispondew rispettivament fit-28 ta’ Diċembru 2004, fil-21 ta’ Lulju 2005 u fl-20 ta’ Ottubru 2006. Fit-3 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni kkomunikat formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-awtoritajiet Griegi għall-erba’ investigazzjonijiet.

189    Wara l-opinjoni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni tat-8 ta’ Jannar 2008 u l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi, il-Kummissjoni kkomunikat il-pożizzjoni finali tagħha fis-16 ta’ Ġunju 2008, li hija inkluża fir-rapport ta’ sinteżi.

190    Fl-ewwel, mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li, rigward il-primjums tal-baqar, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonstataw nuqqasijiet fil-kontroverifiki u fil-kontrolli fuq il-post.

191    Rigward, minn naħa, il-kontrolli addizzjonali (ara l-punti 169 u 174 hawn fuq), mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li matul is-sena 2002, il-kontrolli addizzjonali kompjuterizzati bejn id-database ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni u d-database tat-talbiet għal primjums għall-annimali tal-ifrat kienu użati għall-ewwel darba fil-Greċja bħala kontrolli amministrattivi. Għalkemm dan kien ikkunsidrat bħala progress, l-implementazzjoni ġiet deskritta bħala mhux sodisfaċenti. B’mod partikolari, ġie kkonstatat li l-kriterji ta’ eliġibbiltà bażiċi ma kinux suġġetti ta’ kontrolli addizzjonali fl-2002. Għaldaqstant kien jeżisti r-riskju li l-annimali mhux eliġibbli kienu ġew ikkunsidrati bħala li jistgħu jippretendu ħlas. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonstataw li anomaliji (reġistrazzjoni assenti jew żbaljata fid-database ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni) eżistew fil-każ ta’ numru kbir ta’ annimali li kienu suġġetti għal talba għal għajnuna. Ġie rrilevat ukoll li l-awtoritajiet Griegi ma setgħux jipprovdu ċifri dwar l-għadd ta’ annimali li fuqhom anomaliji kienu kkonstatati, bil-provi ta’ dokumenti li jiġġustifikaw il-bidla fl-istatus tagħhom. Għaldaqstant jibqa’ riskju li saru tibdiliet mhux ġustifikati fis-sistema, li jwassal għal ħlasijiet eċċessivi.

192    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, il-kontrolli fuq il-post, dawn kienu kkunsidrati ta’ kwalità mhux suffiċjenti. B’mod partikolari, mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li l-implementazzjoni ta’ dawn il-kontrolli żvelaw ħafna nuqqasijiet u jindika li ma sarux skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 2419/2001 (ara l-punt 175 hawn fuq). B’hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni semmew in-nuqqas ta’ kontroll tal-annimali li ma kinux is-suġġett ta’ talba għal għajnuna, in-nuqqas ta’ verifika tad-dokumenti ġustifikattivi u ta’ informazzjoni relatata mal-annimali li kienu s-suġġett ta’ talba għal għajnuna matul it-tnax-il xahar qabel il-kontroll, in-nuqqas ta’ kontroll fuq il-post ta’ żamma, il-verifiki mhux suffiċjenti ta’ dokumenti ta’ kontrolli u tal-istat tal-annimali kkontrollati kif ukoll id-diffikultajiet ta’ tqabbil mar-riżultati ta’ kontrolli preċedenti.

193    Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni rrapportaw nuqqas ta’ kontroll fuq il-post ta’ annimali li kien is-suġġett ta’ talba għal primjum għall-qatla. F’dan ir-rigward, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni pproponiet reviżjoni tal-korrezzjoni proposta, billi enfasizza l-valur limitat tal-kontrolli fuq il-post meta hemm kwistjoni ta’ primjums għall-qatla, peress li, għall-ifrat maqtula, il-kontrolli l-iktar importanti huma dawk mwettqa għall-biċċeriji u l-kontrolli ex post tar-reġistri tal-operatur.

194    Madankollu, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha, peress li l-kombinazzjoni ta’ diversi nuqqasijiet kellha impatt fuq il-kontrolli prinċipali li saru għall-primjums kollha tal-anmnimali tal-ifrat, fosthom il-primjum għall-qatla. Skont hija, in-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-post fl-irziezet għall-primjums għall-qatla jirrappreżenta riskju addizzjonali għall-FAEGG fir-rigward ta’ din is-sistema, riskju li ma jistax jiġi kompletament ikkumpensat billi jsiru kontrolli fil-biċċerija u kontrolli amministrattivi (li għandhom isiru xorta waħda fil-kuntest ta’ kwalunkwe sistema tal-primjums għall-qatla, iktar u iktar li l-kontrolli fuq il-post fil-biċċeriji waqt l-investigazzjoni AP/2003/09 kixfet nuqqasijiet sinjifikattivi. Hija ammettiet li l-kontrolli fuq il-post fl-irziezet huma inqas importanti milli għal skemi oħrajn ta’ għajnuna u huma abitwalment imqassra għal kontrolli ta’ dokumenti, li jispjega li r-rata ta’ korrezzjoni għall-primjum għall-qatla ma hijiex ogħla minn dik għall-primjums l-oħra għall-annimali tal-ifrat.

195    Id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrilevaw l-assenza ta’ kontrolli tal-istatus tal-annimali u tal-proporzjon tal-baqar/għoġġiela rigward il-primjum għall-baqar li jreddgħu.

196    Fit-tieni lok, rigward il-ħlasijiet għall-estensifikazzjoni, id-determinazzjoni korretta tal-arja eliġibbli tajba għall-għalf tal-għadd ta’ UGB tar-razzett hija kkunsidrata bħala kontroll prinċipali. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonstataw li s-sistema Griega ta’ kontroll tan-numru ta’ UGB mhux dejjem kienu konformi mal-istandards fl-2002 u fl-2003 (li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu pro rata temporis ibbażat fuq is-database ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni jew tas-sistema simplifikata magħmula minn ħames dati ta’ ċensiment), lanqas ma tkopri 100 % tal-applikanti ħames darbiet fis-sena, kif previst mir-Repubblika Ellenika, għalkemm xi progress kien irrilevat fl-2003 minħabba l-użu ikbar tad-database għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni. Is-sitwazzjoni kienet ikkunsidrat li tjiebet xi ftit fl-2003, iżda ebda progress reali ma seta’ jintwera għall-kejl tal-arja tajba għall-għalf eliġibbli għall-perijodu 2002/2003. Fir-rigward tad-determinazzjoni tal UGB, is-servizzi tal-Kummissjoni ddikjaraw li l-Greċja kompliet timplementa sistema alternattiva ta’ kontrolli (probabbilment affettwata min-nuqqasijiet ikkonstatati fil-kontrolli fuq il-post fil-Greċja.

197    Il-Kummissjoni għaldaqstant applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għas-sena 2002 minħabba nuqqasijiet fil-kontrolli prinċipali li jirrigwardaw il-primjums prinċipali fuq l-annimali tal-ifrat u ta’ 5 % għas-sena 2003, minħabba numru insuffiċjenti ta’ kontrolli fuq l-annimali li ma kinux suġġetti għal talba għal għajnuna u nuqqasijiet ta’ kontrolli fuq il-post, u dan għall-Greċja kollha sa fejn il-problemi ġew osservati f’diversi reġjuni. Għal nuqqasijiet ikkonstatati rigward il-ħlas għall-estensifikazzjoni, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % ġiet applikata għas-snin 2002 u 2003. Madankollu il-korrezzjonijiet ġew aġġustati sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-korrezzjonijiet diġà applikati fuq l-istess linji baġitarji minħabba ħlasijiet tardivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

198    Rigward il-qasam tal-laħam tal-annimali tal-ifrat, ir-Repubblika Ellenika tqajjem is-sitt motiv, ibbażat fuq in-natura allegatament żbaljata tal-korrezzjonijiet imposti fuq primjums għall-annimali tal-ifrat u ta’ ħlasijiet għall-estensifikazzjoni kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

199    L-ewwel nett, sa fejn ir-Repubblika Ellenika qajmet l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment bl-ebda mod ma huwa sostnut u li, fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar qabel (ara l-punt 73 hawn fuq), il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-korrezzjonijiet relatati mal-qasam tal-annimali tal-ifrat għandha, f’din il-kawża, tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti, peress li r-Repubblika Ellenika kienet involuta mill-qrib fil-proċess ta’ elaborazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u hija kienet taf ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni qieset li ma għandhiex titfa’ r-responsabbilita’ tal-ħlas tas-somma kontenzjuża fuq il-FAEGGi. Dan l-ilment għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

200    Sussegwentement, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-korrezzjonijiet imposti għall-qasam tal-annimali tal-ifrat billi targumenta abbażi ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni żbaljati tar-Regolament Nru 1258/1999 u tad-dokument Nru VI/5330/97 kif ukoll ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-fatti. Essenzjalment, hija tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-kontrolli, minn naħa waħda, premiums għall-baqar u, min-naħa l-oħra, il-ħlas għall-estensifikazzjoni.

201    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, f’dan il-każ, jekk ir-Repubblika Ellenika wriet, skont il-ġurisprudenza preċedentement imfakkra (ara l-punt 78 hawn fuq), l-ineżattezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

 Fuq il-kontrolli dwar il-primjums għall-annimali tal-ifrat

–       Fuq il-kontrolli doppji

202    Ir-Repubblika Ellenika tammetti li t-twettiq ta’ kontrolli doppji kellu xi problemi tekniċi ta’ inkonsistenza bejn, minn naħa, id-database ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, id-data base ta’ talbiet għal għajnuna għall-annimali tal-ifrat, minħabba l-kumplessità tas-sistema implementata għall-ewwel darba fl-2002. Madankollu hija ssostni li, għall-2003, sar titjib għad-database veterinarja u li kontrolli doppji addizzjonali żdiedu.

203    Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ titjib fl-2003 ma hijiex biżżejjed sabiex jintwera li l-konstatazzjonijiet magħmula mis-servizzi tal-Kummissjoni f’din il-kawża, imqassra fir-rapport ta’ sinteżi (ara l-punt 191 hawn fuq), huma ineżatti.

204    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-perċentwali ta’ annimali rrifjutati fl-2003 minħabba kontrolli addizzjonali miżjuda mal-kontrolli tal-2002 kienu biss 8.04 %, u dan jikkonferma li l-maġġoranza tal-annimali rrifjutati kien ir-riżultat ta’ kontrolli eżistenti diġà fl-2002.

205    Madankollu, tali argument, li jidher li jikkonferma l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fil-kontrolli preċedenti, ma jistabbilixxix in-natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

206    Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Kummissjoni kkunsidrat li n-nuqqas ta’ ċerti kontrolli prinċipali kienu wasslu għal riskju ta’ ammissjoni għall-ħlas ta’ annimali mhux eliġibbli.

207    Ir-Repubblika Ellenika ssostni, barra minn hekk, in-nuqqas ta’ riskju għall-FAEGG. Skont hija, meta l-kontrolli doppji saru għas-snin 2004 u 2005, il-kontroll komputerizzat ġie estiż sas-sena 2002 u l-ammonti mħallsa indebitament kienu kkumpensati bir-rimbors tal-għajnuna għas-snin finanzjarji 2004 u 2005.

208    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-Kummissjoni għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-liġijiet Komunitarji, meta dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni ħadet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji relatati ma’ dak il-ksur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ħsara reali, iżda jkun biżżejjed li ġġib provi serji biżżejjed f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I‑5925, punti 38 u 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

209    Issa, f’din il-kawża, mill-elementi tal-proċess ma jirriżultax li r-Repubblika Ellenika stabbilixxiet li l-ammonti mħallsa indebitament kienu rkuprati permezz ta’ kumpens mar-rimbors tal-għajnuna għas-snin finanzjarji 2004 u 2005.

210    Bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-Repubblika Ellenika indikat li l-bażi għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet b’rata fissa kien jikkonsisti fi spejjeż iddikjarati mill-Opekepe għal ammont ta’ EUR 182 380 702.09 għall-2002/2003 u li s-somma ta’ EUR 10.8 miljun ma kinitx tnaqqset.

211    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, meta għamlet hekk, ir-Repubblika Ellenika bbażat fuq dak li ġie affermat u bl-ebda mod ma ġġustifikat l-ammont ta’ EUR 10.8 miljun imsemmi. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għall-opinjoni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni. Madankollu, fl-opinjoni tagħha tat-8 ta’ Jannar 2008, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni indika li l-awtoritajiet Griegi kienu rrappurtati li rkupraw għajnuna mhux dovuta fl-2002/2003 għal EUR 10.8 miljun u li, jekk din l-informazzjoni kienet verifikata u ma kinitx għadha kkunsidrata, dan jiġġustifika konsegwentement aġġustament tal-ammont tal-korrezzjoni. Din l-opinjoni għaldaqstant ma turi bl-ebda mod li dan l-ammont ġie effettivament irkuprat b’kumpens mar-rimbors tal-għajnuna għall-2004 u għall-2005.

212    Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat fil-pożizzjoni finali tagħha, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-irkupru ddikjarat lill-FAEGG mill-awtoritajiet Griegi fil-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji. Hija żiedet li wħud mill-aspetti għadhom iridu jiġu kkjarifkati, bħall-mod kif is-somom imħallsa indebitament għandhom jiġu rkuprati mingħand operaturi li ma japplikawx għall-għajnuna wara l-2002. Issa, ma jirriżultax mill-proċess li l-awtoritajiet Griegi pprovdew provi iktar konkreti f’dan ir-rigward.

213    Minn dan isegwi li r-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx, b’sostenn ta’ dokumenti rilevanti, li l-ammonti mħallsa indebitament kienu rkuprati permezz ta’ tpaċija bir-rimbors tal-għajnuna tas-snin finanzjarji 2004 u 2005. Il-mertu tal-premessa bażika tal-argument tagħha, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ riskju għall-FAEGG, għaldaqstant ma huwiex muri.

214    Għaldaqstant, l-argument dwar il-kontroverifiki, li ma huwiex issostanzjat ulterjorment, għandhom jiġu miċħuda.

–       Dwar il-kontrolli fuq il-post

215    Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kontrolli fuq il-post.

216    L-ewwel nett, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li dawn il-kontrolli fuq il-post kienu kkunsidrati bħal li huwa ta’ kwalità insuffiċjenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 2419/2001 għal diversi raġunijiet (ara l-punt 192 iktar ’il fuq).

217    Għaldaqstant, hekk, l-annimali li ma jkunux ġew suġġetti għal talba għal assistenza ma kinux suġġetti għal kontrolli. Issa, tali kontroll huwa previst espressament fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 2419/2001. Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-istruzzjonijiet ingħataw f’dan is-sens lill-kontrolluri mill-2002 u li s-sitwazzjoni tjiebet fl-2003 u fl-2004. Madankollu, tali argument ma jistabbilixxix in-natura falza tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

218    Id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrrilevaw ukoll in-nuqqas ta’ dokumenti ġustifikattivi. Ir-Repubblika Ellenika tinvoka f’dan ir-rigward nuqqasijiet speċifiċi, li ma jistgħux ikunu ġeneralizzati għall-pajjiż kollu, u ssostni li l-kontrolli tat-tieni livell jippermettu li jiġi vverifikat li l-produtturi josservaw l-obbligi tagħhom. Madankollu għandu jiġi osservat li tali argument ma jkunx biżżejjed sabiex ineħħi d-dubji tal-Kummissjoni rigward il-kwalità tal-kontrolli inkwistjoni.

219    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat in-nuqqas ta’ verifika tal-informazzjoni dwar l-annimali li kien suġġetti għal talba għal għajnuna matul it-tnax-il xahar qabel il-kontroll. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika tirreferi għaċ-ċirkulari relatati mas-sistema ta’ primjums għal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella fl-2002 u l-2003 mibgħuta lid-direttorati responsabbli mill-kontrolli, fejn hija tenfasizza preċiżament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 2419/2001. Bl-istess mod, fir-rigward tal-kontrolli fil-post ta’ żamma tal-annimali taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 25(2)(b) tal-imsemmi regolament, ir-Repubblika Ellenika ssostni li ċ-ċirkulari rilevanti tipprovdi li produtturi jindikaw il-post preċiż tal-istabbli tagħhom u li l-kontroll tal-post tal-annimali huwa żgurat.

220    Madankollu, meta tagħmel dan, ir-Repubblika Ellenika sempliċement ittenni l-argumenti mressqa fil-proċedura kontradittorja, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq provi preċiżi u konkreti tal-implementazzjoni preċiżi tal-imsemmija u, għaldaqstant, mingħajr ma tasal li tneħħi d-dubju tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

221    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta d-diffikultajiet ta’ tqabbil mar-riżultati tal-kontrolli preċedenti, minħabba li d-differenzi identifikati fil-bidu ma tantx kienu numerużi. Dan l-argument, madankollu, ma jistabbilixxix il-prova tan-natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

222    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika Ellenika ma tistabbilixxi ebda natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwalità insuffiċjenti tal-kontrolli fuq il-post fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 2419/2001.

223    It-tieni nett, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-primjum għall-qatla, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u ssostni li, mill-2002, kontrolli fuq il-post saru fil-biċċeriji, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 2419/2001 u fi proporzjonijiet ikbar minn dawk rikjesti mit-testi.

224    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-korrezzjonijiet b’rata fissa huma applikati f’din il-kawża għal nuqqasijiet fid-database ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni u għal nuqqasijiet fil-kontrolli fuq il-post. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, in-nuqqasijiet ikkonstatati qabel dwar id-database ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni u ta’ kontrolli doppji (ara l-punti 202-214 hawn fuq) kif ukoll ta’ kontrolli fuq il-post (ara l-punti 215 sa 222 iktar ’il fuq) jirrigwardaw ukoll il-kontrolli li saru fuq l-annimali suġġetti għal talbiet għal primjum għall-qatla.

225    B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ kontroll fuq il-post, f’dan il-kuntest, kien ikkunsidrat ta’ tħassib partikolari fir-rigward tal-bdiewa li talbu biss primjums għall-qatla biss, peress li l-kontrolli biss li kienu suġġetti għalihom kienu l-kontrolli doppji, huma stess mhux kompletament operattivi, għall-inqas għas-sena 2002.

226    Għaldaqstant, il-konklużjonijiet magħmula preċedentement jirrigwardaw il-kontrolli dwar l-għajnuna għall-annimali tal-ifrat japplikaw u huma inklużi fis-suġġett tal-primjum għall-qatla. Il-fatt li l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 2419/2001 jipprovdi għal miżuri ta’ kontroll li jikkonċernaw speċifikament il-kontrolli fuq il-post fil-biċċeriji ma jimplikax l-inapplikabbiltà ta’ verifiki previsti fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali tal-ifrat bl-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament.

227    F’dan il-kuntest, anki jekk, għall-primjum għall-qatla, il-kontrolli ta’ dokumenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala determinanti, kif enfasizza l-Korp ta’ Konċiljazzjoni u kif ammettiet il-Kummissjoni, dan ma jnaqqas xejn min-nuqqasijiet ikkonstatati f’din il-kawża.

228    Barra minn hekk, il-kontrolli fuq il-post fil-biċċeriji jinkludu wkoll kontrolli fiżiċi, imwettqa permezz ta’ kampjuni, li jirrigwardaw proċeduri għall-qatla implementati fil-jum tal-kontroll fuq il-post, skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 2419/2001.

229    L-argumenti tar-Repubblika Ellenika ma jinvalidawx din il-konklużjoni. Fil-fatt, hija ssostni li l-kontrollur jikkompara t-talba għal qatla, tal-qtil, inklużi l-annimali li għalihom primjum intalab kif ukoll in-numri tat-trade marks preċedenti tagħhom, u r-reġistru tal-operazzjoni sabiex jivverifikaw l-osservanza tal-perjodu ta’ żamma. Hija tippreċiża li, minn ċirkolari tal-2003, il-kontroll tar-reġistru tal-azjenda b’mod ċar hija intiża għall-primjum għall-qatla.

230    Madankollu, dawn l-argumenti ma humiex tali li jneħħu d-dubji espressi mill-Kummissjoni. Mill-elementi tal-proċess jirriżulta wkoll li l-kontrolli mwettqa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fil-biċċerija li kienet qed topera matul l-investigazzjoni AP/2003/09a rrilevaw nuqqasijiet, li ma ġewx irrifjutati f’din il-kawża.

231    Bl-istess mod, il-fatt li l-kontrolli fil-biċċeriji huma allegatament mwettqa fi proporzjonijiet ikbar minn dawk rikjesti mit-trattati ma jnaqqas xejn min-natura insuffiċjenti tagħhom f’termini kwalitattivi.

232    Huwa għaldaqstant ġustament li l-Kummissjoni kkunsidrat li n-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-post fl-azjendi għall-primjums għall-qatla jirrappreżentaw riskju addizzjonali għall-FAEGG, riskju li ma setax jiġi kkumpensat totalment mill-kontrolli fil-biċċerija u kontrolli amministrattivi.

233    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-Repubblika Ellenika intiżi li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-primjums għall-annimali tal-ifrat, inkluż il-primjum għall-qatla, ma jurux in-natura żbaljata tal-korrezzjonijiet applikati f’din il-kawża.

 Fuq il-korrezzjonijiet li jirrigwardaw il-ħlasijiet għall-estensifikazzjoni

234    Skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament Nru 1254/1999, il-produtturi ma jistgħux jibbenefikaw mill-ħlas għall-estensifikazzjoni jekk l-impriża tagħhom ma tkunx ikbar minn fattur ta’ densità, stabbilit skont in-numru ta’ LU imqabbel mal-unità ta’ żona tal-mergħa użata għall-għalf tal-annimali miżmuma fl-impriża. Minn dan jirriżulta li l-għoti tal-ħlas għall-estensifikazzjoni jimplika determinazzjoni korretta, minn naħa, taż-żona tal-mergħa u, min-naħa l-oħra, tan-numru u tal-kategorija ta’ annimali fl-impriża.

235    L-ewwel nett, fir-rigward tad-determinazzjoni taż-żoni tal-għalf, ir-Repubblika Ellenika ssostni li teżisti sa mill-2002 infrastruttura kartografika u li hija pprovdiet linji gwida dwar l-eliġibbiltà taż-żoni sa mill-2000, ikkontrollati mill-programm tas-SIĠK. Barra minn hekk, hemm ukoll kontroll fuq il-post.

236    Madankollu, il-Qorti Ġenerali rrileva li mill-provi fil-proċess jirriżulta li l-kontrolli taż-żoni tal-mergħa disponibbli kienu kkunsidrati bħala insuffiċjenti kemm għall-2002 kif ukoll għall-2003. B’hekk, ġie kkonstatat li żoni tal-muntanji kienu ddikjarati b’mod żbaljat bħala żoni tal-mergħa eliġibbli u l-awtoritajiet Griegi ma pproduċewx il-prova ta’ titjib tal-kontrolli f’dan ir-rigward. L-argumenti tar-Repubblika Ellenika, u b’mod partikolari l-eżistenza ta’ struzzjonijiet ċari għall-kontrolli fuq il-post, ma jistabbilixxu bl-ebda mod in-natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet magħmula għas-snin inkwistjoni.

237    It-tieni nett, dwar il-kontroll ta’ UGB, għandu jitfakkar li l-Istat Membru jista’ jagħżel, sabiex jivverifika l-osservanza tal-fattur ta’ densità ddefinit fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1254/1999 bejn żewġ metodi. L-ewwel hija prevista provduta mill-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 2342/1999 (ara l-punti 185 u 186 hawn fuq). It-tieni metodu, li jidderoga mill-ewwel wieħed, huwa previst fl-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 2342/1999 (ara l-punt 187 hawn fuq). Din hija s-sistema ssimplifikata, li tikkonsisti f’dikjarazzjoni u f’impenn tal-produttur sabiex josserva l-fattur ta’ densità massimu. F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ta’ kontroll u ta’ sanzjonijiet previsti mis-sistema integrata (Regolamenti Nru 3508/92 u Nru 2419/2001) japplikaw.

238    F’din il-kawża, ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija applikat l-metodu tas-sistema ssimplifikata prevista fl-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 2342/1999 u li l-produtturi kollha ppreżentaw talba għal għajnuna taħt din is-sistema. Hija żiedet li s-sistema prevista fl-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 2342/1999 tirrikjedi biss kontroll tal-għadd ta’ annimali waqt il-kontroll fuq il-post previst mis-sistema integrata u li dawn il-kontrolli kien twettqu fuq ħames perijodi fil-ġimgħa, għax kien impossibbli li jingħaddu f’data waħda. Għall-2003, l-għadd sar permezz tad-database ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni u dan kopra 100 % tat-talbiet. Skont hija, ma kien hemm ebda riskju ta’ għadd doppju tal-annimali u l-kontroll kienet affidabbli.

239    F’dan ir-rigward, sa fejn ir-Repubblika Ellenika tinvoka l-applikazzjoni tal-iskema simplifikata tal-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 2342/1999, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kontrolli tal-LU huma bbażati fuq il-kontrolli fuq il-post previsti mis-sitema integrata u abbażi ta’ data ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-IACS. In-nuqqasijiet irrilevati preċedentement dwar il-kontrolli fuq il-post (ara l-paragrafi 216-222 hawn fuq) u l-anomaliji rrilevati fir-rapport ta’ sinteżi li jirrigwarda d-database ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni punt 191 setgħu għaldaqstant jaffettwaw il-kontrolli tal-LU.

240    Barra minn hekk, sa fejn ir-Repubblika Ellenika tinvoka argumenti li jikkonċernaw is-sistema tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 2342/1999, l-argumenti tagħha għandhom jiġi miċħuda. Fil-fatt, hija ssostni li stabbilixxiet ħames darbiet fil-ġimgħa għal raġunijiet prattiċi marbuta man-natura estensiva tat-trobbija fil-Greċja. Issa, din is-sistema ma tikkonformax mas-sistema “normali” prevista mill-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 2342/1999, peress li ma hijiex ibbażata fuq ħames perijodi ta’ għadd fuq il-post ta’ tul ta’ ġimgħa kull wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑344/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 94).

241    Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jitwarrab kwalunkwe argument tar-Repubblika Ellenika intiż sabiex isostni u juri li l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll tal-fattur ta’ densità prevista mil-leġiżlazzjoni Komunitarja tiltaqa’ ma’ diffikultajiet prattiċi fil-Greċja. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita ferm jirriżulta li Stat Membru ma jistax jinvoka diffikultajiet prattiċi biex jiġġustifika n-nuqqas li jiġu implementati kontrolli xierqa previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1991, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑28/89, Ġabra p. 581, punt 18, u s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 240 hawn fuq, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

242    Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha dritt tikkonkludi li l-kontrolli dwar il-pagamenti għall-estensifikazzjoni ma jipprovdux garanzija suffiċjenti ta’ affidabbiltà. Il-konstatazzjoni ta’ titjib osservat fl-2003 minħabba żieda fl-użu ta’ kontrolli doppji awtomatizzati fuq id-data ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni, irrilevata mill-Kummissjoni, kienet ikkunsidrata bħala insuffiċjenti sabiex tiġġustifika li ssir distinzjoni bejn l-2002 u l-2003 u l-argumenti tar-Repubblika Ellenika, diġà mressqa fil-proċedura kontradittorja, ma tinvalidax din il-konklużjoni.

243    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, ġustament, kellha dubju raġonevoli u serju dwar l-osservanza mir-Repubblika Ellenika tal-obbligi tagħha dwar kontroll tat-talbiet għall-ħlas għall-estensifikazzjoni magħmula għas-snin 2002 u 2003.

244    Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet aqpplikabbli jew fuq premessa żbaljata tal-fatti. Is-sitt motiv, dwar il-primjums tal-annimali tal-ifrat u l-ħlasijiet għall-estensifikazzjoni, għaldaqstant għandhom jiġi miċħuda.

5.     Fuq id-disa’ motiv, rigward il-korrezzjonijiet applikabbli fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

245    L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fl-oqsma tax-xaħmijiet ġiet stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE, tat-22 ta’ Settembru 1966, dwar l-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 77).

246    L-Artikolu 5 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Soċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol.23, p. 308) jistabbilixxi għajnuna għall-produzzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa li hija maħsuba biex tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ qligħ ekwu għall-produtturi. L-għajnuna tingħata lill-produtturi bbażati fuq l-ammont ta’ żejt taż-żebbuġa attwalment prodott.

247    L-Artikolu 11a tal-imsemmi regolament, kif emendat, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippenalizzaw ksur tal-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 5. Fil-każ ta’ ksur irrappurtat mill-aġenziji ta’ kontroll, l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fi żmien tnax-il xahar mill-irappurtar u jinformaw b’dan lill-Kummissjoni.

Fuq il-fajls kompjuterizzati

248    L-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84, tas-17 ta’ Lulju 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ta’ għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 6, p. 94) jimponi obbligu fuq kull Stat Membru produttur li jifformula u jaġġorna fajls permanenti kkompjuterizzati ta’ tagħrif dwar il-produzzjoni taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa.

249    L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 2261/84 jipprevedi : 

“Dawn il-files għandu jkun fihom ta’ l-anqas it-tagħrif li ġej :

a)      għal kull produttur taż-żebbuġ u għal kull sena ta’ bejgħ li għaliha jkun għamel applikazzjoni għal għajnuna :

–        it-tagħrif li jkun hemm fid-dikjarazzjoni dwar il-kultivazzjoni kif hemm provdut fl-Artikolu 3,

–        il-kwantitajiet ta’ żejt prodotti li għalihom tkun saret applikazzjoni għal għajnuna għall-produzzjoni u l-kwantitajiet li għalihom tkun titħallas għajnuna,

–        it-tagħrif li jirriżulta mill-verifiki fuq il-post magħmula fuq il-produttur taż-żebbuġ;

b)      għal organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, it-tagħrif kollu meħtieġ biex ikunu verifikati l-attivitajiet tagħhom b’konnessjoni mas-sistema preżenti ta’ għajnuna kif ukoll ir-riżultati tal-verifiki magħmula mill-Istati Membri;

c)      għall-imtieħen taż-żejt u għal kull sena ta’ bejgħ it-tagħrif li jidher fir-reġistri tal-ħażna, tagħrif dwar it-tagħmir tekniku u l-kapaċità ta’ l-ippressar u r-riżultati tal-verifiki magħmula skond dan ir-Regolament;

d)      l-ammont annwali indikattivi ta’ ġbir għal kull żona omoġenea ta’ produzzjoni.”

250    L-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2366/98 tat-30 ta’ Ottubru 1998, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għas-snin tal-marketing 1998/99, sa 2004/2005 (ĠU L 293, p. 50), kif emendat jipprovdi:

“1.      Il-files permanenti kompjuterizzati tat-tagħrif tal-produzzjoni taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa stipulati fl-Artikolu 16 tar-Regolament [(KEE)] Nru 2261/84 għandhom jinkludu:

a_      id-database alfanumerika u d-database bir-referenza grafika tas-SIĠ tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ stipulati fl-Artikoli 23 u 24 u r-riżultati tal-kontrolli stipulati fl-Artikolu 25 ;

b)      il-files tat-tħawwil ġdid li jkun fihom l-informazzjoni riferita fl-Artikolu 5 u r-riżultati tal-kontrolli stipulati fl-Artikolu 29;

ċ) il-files ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom li jkollhom l-informazzjoni li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 16(2)(b) tar-Regolament […] Nru 2261/84;

d)      il-files ta’ l-imtieħen li jkun fihom informazzjoni fuq il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni li għalihom issir referenza fl-Artikolu 7, ir-reġistri tal-ħażniet stipulati fl-Artikolu 8 u r-riżultati tal-kontrolli stipulati fl-Artikolu 30;

e)      il-files taż-żoni ta’ produzzjoni omoġeneja li jkun fihom l-informazzjoni li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 6.

2.      Il-files li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tad-database bir-referenza grafika, għandhom jippermettu mill-anqas li t-tagħrif tas-sena kurrenti tal-marketing u ta’ l-erba’ snin li jiġu qabel jiġu kkonsultati direttament u immedjatament […]

L-Istati Membri jistgħu jwaqqfu files deċentralizzati jekk dawn ta’ l-aħħar ikunu ta’ disinn omoġeneju, ikunu kumpatibbli ma’ xulxin u jkunu aċċessibbli ċentralment fl-aġenzija tal-ħlas u l-aġenzija tal-kontroll. Il-GIS tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ għandha tkun kompatibbli ma’ dawk tas-sistema integrata.

Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-produtturi taż-żebbuġ, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, l-imtieħen u ż-żoni ta’ produzzjoni omoġeneja għandu jew jiġi assenjat lill-persuni individwali jew lill-korpi kkonċernati darba għal dejjem jew awtomatikament konvertibbli biex jiġi permess il-ġbir u t-tfittxijiet fuq il-ħames snin tal-marketing riferiti fl-ewwel subparagrafu li jitwettqu immedjatament.

Mingħajr preġudizzju għall-kontrolli li jridu jitwettqu, b’mod partikolari l-kontrolli kontrapposti bejn il-files, u r-riżultati li għandhom jiġu nnotifikati, il-files għandu jkun fihom arkivji tat-tagħrif storiku disponibbli għas-snin tal-marketing li jiġu qabel dawk riferiti fl-ewwel subparagrafu u, mill-31 ta’ Ottubru 2001 l-aktar tard, għandhom jippermettu li l-informazzjoni li tkun tinsab fihom:

–        tkun awtomatikament miġbura fil-livelli reġjonali u f’dak ta’ l-Istati Membri,

–        tkun awtomatikament imqabbla bejn il-files.”

 Fuq ir-reġistru tal-kultivazzzjoni taż-żebbuġ

251    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 154/75, tal-21 ta’ Jannar 1975, dwar it-twaqqif ta’ reġistru tat-tkabbir taż-żebbuġ fl-Istati Membri li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 2, p. 64)), jimponi fuq l-Istati Membri kkonċernati l-obbligu li jistabbilixxu reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ fuq l-impriżi kollha agrikoli li jinsabu fit-territorju tagħhom.

252    Ir-Regolament Nru 1638/98, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1513/2001, tat-23 ta’ Lulju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 308), jipprovdi, fl-Artikolu 2(1) sa (3):

“1.      Minkejja r-Regolament (KEE) […] Nru 154/75, ix-xogħol fuq ir-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ matul is-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01 għandu jiffoka fuq il-ħolqien ta’, l-aġġornament u użu ta’ sistema ta’ l-informazzjoni ġeografika (GIS).

Il-GIS għandha tkun maħluqa bl-użu ta’ dettalji mir-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ. Dettalji addizzjonali għandhom ikunu pprovduti mid-dikjarazzjonijiet tat-tkabbir mhemuża ma’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna. L-informazzjoni fil-GIS għandha tkun pożizzjonata ġeografikament bl-użu ta’ ritratti kompjuterizzati meħuda mill-ajru.

2. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-informazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tat-tkabbir tkun tikkorrispondi għall-informazzjoni fil-GIS. Jekk din l-informazzjoni ma tkunx tikkorrispondi, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-verifiki u l-kontrolli fuq il-post.

[…]

3. Jekk, matul il-verifiki u l-kontrolli li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2, l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni tat-tkabbir ma tinstabx korretta, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ siġar taż-żebbuġ, l-Istati Membri għandhom japplikaw, għal sena tas-suq waħda jew aktar, u skond id-daqs tad-diskrepanzi misjuba:

–        tnaqqis fil-kwantità taż-żejt taż-żebbuġa eliġibbli għall-għajnuna, jew

–        l-esklużjoni tas-siġar taż-żebbuġ ikkonċernati mill-eliġibbiltà għall-għajnuna,

skond ir-regoli u l-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni.”

253    L-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru2366/98 jipprovdi, essenzjalment, li, -fir-reġjuni fejn is-SIĠ tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ ma jkunx għadu ġie lest, il-perċentwali tat-total tad-dikjarazzjonijiet tal-kultivazzjoni ta’ sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li huma suġġetti għal kontrolli fuq il-post huwa ta’ 10 % għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001 sa 2002/2003.

 Fuq id-dikjarazzjoni ta’ kultivazzjoni u l-kontrolli

254    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2366/98 jipprevedi li għall-finijiet tal-għoti tal-għajnuna għall-produzzjoni, kull produttur taż-żebbuġ għandu jippreżenta, qabel l-1 ta’ Diċembru ta’ kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, dikjarazzjoni tal-ħsad li jkopru s-siġar taż-żebbuġ tagħhom fil-produzzjoni u d-dettalji tal-imsaġar taż-żebbuġ li jkunu jamministraw fl-1 ta’ Novembru tas-sena li għaliha jikkorrispondu d-dikjarazzjonijiet.

255    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2366/98 :

[…] id-dikjarazzjonijiet tal-ħsad għandhom jinkludu ta’ l-anqas:

a)      il-kunjom, l-ismijiet u l-indirizz tal-produttur taż-żebbuġ;

b)      il-pożizzjoni jew il-pożizzjonijiet tar-raba’;

ċ)      in-numru totali ta’ siġar taż-żebbuġ fil-produzzjoni, inklużi s-siġar taż-żebbuġ imxerrdin;

d)      ir-referenzi tar-reġistru ta’ l-artijiet tal-biċċiet ta’ art għat-tkabbir taż-żebbuġ tar-raba’ jew, fejn ma jkunx inżamm reġistru ta’ l-artijiet, deskrizzjoni sħiħa tar-raba’ u tal-biċċiet ta’ art għat-tkabbir taż-żebbuġ;

e)      għal kull biċċa art għat-tkabbir taż-żebbuġ: in-numru ta’ siġar taż-żebbuġ fil-produzzjoni, il-varjetà prinċipali, u dettalji ta’ kull irrigazzjoni jew koltivazzjonijiet assoċjati li jkun hemm.”

256    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2366/98 jipprevedi :

“Sabiex tikkostitwixxi bażi għall-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi taż-żebbuġ taħt l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet fis-seħħ sa mill-1 ta’ Novembru 2001, is-siġar taż-żebbuġ addizzjonali mħawla wara l-1 ta’ Mejju 1998 […] għandhom jiġu identifikati ġeografikament u inklużi fi programm nazzjonali jew reġjonali approvat mill-Kummissjoni taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru […].

Is-siġar taż-żebbuġ għandhom jitqiesu li huma ġeografikament identifikati fejn jidru fid-database bir-referenza grafika stipulat fl-Artikolu 24 jew, jekk le, fejn l-aġenzija kompetenti ta’ l-Istat Membru ikollha informazzjoni kartografika li tippermetti li s-siġar jiġu lokati.”

257    L-Artikolu 28(3) tar-Regolament Nru 2366/98 jipprevedi:

“Matul il-kontrolli fuq il-post, l-informazzjoni kollha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-ħsad u l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jiġu vverifikati, u b’mod partikolari:

–        il-pożizzjoni ta’ kull biċċa art u n-numru ta’ siġar taż-żebbuġ li jkun hemm fiha,

–        id-destinazzjoni taż-żejt fil-każ li għalih issir referenza fl-Artikolu 10(1),

–        il-konsistenza bejn is-siġar taż-żebbuġ fil-proprjetajiet agrikoli u l-kwantità ta’ żejt kopert mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jispeċifikaw kwantità inkosistenti ta’ żejt għandhom jiġu rrifjutati.”

 Fuq l-imtieħen

258    Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 2366/98, l-Istati Membru jipprovdu, sa mis-sena 1998/1999, iż-żamma għar-reġistri tal-ħażniet marbuta mal-kontijiet finanzjarji. L-Artikolu 8(d) tal-imsemmi regolament jipprevedi sistema ta’ kontrolli dwar il-kwantitajiet ta’ żebbuġ ippressat, il-kwantitajiet ta’ żejt u ilbieba miksuba, l-istokkijiet ta’ żejt preżenti u l-konsum tal-kurrent elettriku.

259    Skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 2366/98, l-Istati Membru jipprevedu, sa mis-sena 1998/99, kontrolli fil-fond tal-konsistenza tal-informazzjoni u t-tagħrif mogħti għall-imtieħen. Il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi li dak li jfisser dan il-kontroll fil-fond.

260    L-Artikolu 9a tar-Regolament Nru 2366/98 jipprevedi s-sanzjonijiet (l-irtirar tal-approvazzjoni, sanzjonijiet finanzjarji jew oħrajn) fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-imtieħen tal-impenji tagħhom skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmi Regolament, kif speċifikat fl-Artikoli 7, 8 u 9 tal-istess regolament

 Rapport ta’ sinteżi

261    Fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet li għandhom ir-referenzi OT/2004/02/GR u OT/2004/05/GR, il-Kummissjoni wettqet verifiki fuq l-għajnuna għall-produzzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa, rispettivament mis-16 sal-20 ta’ Frar 2004 fid-distretti ta’ Lakonia (il-Greċja) u Messinia (il-Greċja) mid-29 ta’ Novembru sat-3 ta’ Diċembru 2004 fid-distretti ta’ Iraklion (il-Greċja) u f’Rethymno (il-Greċja). L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 ġew ifformulati rispettivament f’żewġ ittri tas-17 ta’ Novembru 2004 u tas-7 ta’ Novembru 2005. Ir-Repubblika Ellenika fformulat osservazzjonijiet fid-9 ta’ Marzu u fil-21 ta’ Novembru 2005. Saret laqgħa bilaterali bejn ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni fil-15 ta’ Novembru 2005 dwar l-ewwel investigazzjoni u fit-22 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tieni investigazzjoni. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Griegi l-minuti ta’ dawn iż-żewġ laqgħat fis-17 ta’ Frar u fit-13 ta’ Settembru 2006. L-awtoritajiet Griegi wieġbu fl-20 ta’ Marzu u fis-26 Ottubru 2006. Fl-10 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni kkomunikat formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-awtoritajiet Griegi għaż-żewġ investigazzjonijiet. Fil-11 ta’ Ottubru 2007, l-awtoritajiet Griegi fformulaw it-talba tagħhom għal konċiljazzjoni u bagħtu lill-Kummissjoni data dwar it-tqassim fis-sens tal-ispejjeż ddikjarati fl-2006, li l-Kummissjoni ħadithom inkunsiderazzjoni fil-pożizzjoni finali tagħha, ikkomunikata lill-imsemmija awtoritajiet fis-6 ta’ Awwissu 2008, wara l-opinjoni tal-korp ta’ konċiljazzjoni tat-12 ta’ Frar 2008.

262    Fir-rapport ta’ sinteżi, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrilevaw in-natura mhux operazzjonali tal-fajls tal-kompjuter, in-nuqqas ta’ reġistru tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ, in-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ tkabbir, nuqqasijiet fil-kontrolli fuq il-post tad-dikjarazzjonijiet tal-ħsad u l-kontrolli fuq l-imtieħen kif ukoll li ma ttiħdux is-sanzjonijiet proposti mill-aġenzija ta’ kontroll tal-għajnuna għaż-żejt taż-żebbuġa (iktar ’il quddiem l-“AYMEEE”). Dawn in-nuqqasijiet fl-implementazzjoni tal-kontrolli prinċipali kif ukoll in-nuqqasijiet fil-kontrolli sekondarji (dewmien twil wisq għat-teġid ta’ deċiżjoni dwar ta’ sanzjonijiet dwar l-imtieħen, nuqqas ta’ kontrolli addizzjonali taż-żebbuġ, nuqqas ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis tar-rata fissa, nuqqas ta’ sorveljanza mill- aġenzija tal-ħlas) kienu kkunsidrati bħala li jiġġustifikaw il-korrezzjonijiet b’rata fissa imposti.

263    L-ewwel nett, dwar in-natura mhux operattiv tal-fajls tal-kompjuter, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrilevaw li l-fajls tal-kompjuter jeżistu f’diversi korpi, iżda dawn ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji previsti fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 2366/98, meta dawn ma jippermettux li jiġu kkonsultati b’mod dirett u immedjat id-data relatati mas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni korrenti u mal-aħħar erba’ snin, f’din il-kawża 1998/1999 sa 2002/2003. Huma fakkru li l-fajls jista’ jiġu deċentralizzati sakemm ikunu kompatibbli bejniethom u aċċessibbli b’mod ċentralizzat fil-livell tal-aġenzija tal-ħlas u tal-aġenzija ta’ kontroll (Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 2366/98). Issa, ma ntweriex li l-Opekepe għandha effettivament aċċess ċentralizzat. Barra minn hekk, id-data hija deċentralizzata fil-livell ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi mingħajr ma tiġi żgurata l-kompatibbiltà bejn is-sistemi differenti.

264    Barra minn hekk, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrilevaw li l-fajls ma fihomx l-informazzjoni rikjesta mill-Artikolu 16(2)(a) u (c) tar-Regolament Nru 2261/84 (ma hemmx fajls tal-kompjuter għal plottijiet li jinkludi s-sit u n-numru ta’ siġar taż-żebbuġ li jinsabu f’kull plott) u għandhom inkonsistenzi. Bl-istess mod, id-data fuq l-imtieħen kienet kkunsidrata bħala insuffiċjenti (hemm kontijiet biss l-imtieħen ikkontrollati) u ma tippermettix li ssir analiżi ċentralizzata tal-profitt taż-żejt/siġar taż-żebbuġ pereżempju.

265    Fir-rigward tal-kontrolli inkroċjati, wara l-laqgħa bilaterali tal-15 ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet Griegi pprovdew, fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Marzu 2006, ir-riżultati tal-kontroverifiki bejn il-fajls tal-kompjuter. Madankollu, din id-data ġiet ikkunsidrata bħala insuffiċjenti. Fil-fatt, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrielvaw b’mod partikolari li, minħabba n-nuqqas ta’ bażi ċentralizzata ta’ plottijiet agrikoli sas-sena 2001/2002, id-dikjarazzjonijiet ta’ kultivazzjoni 2002/2003 użati għall-ħlas tal-għajnuna kienu dawk tas-snin ta’ qabel u għaldaqstant kienu jinkludu indikjazzjoni impreċiża wisq tal-plottijiet ikkonċernati. Il-kontrolli nkorċjati għaldaqstant ma setgħux isiru bejn id-dikjarazzjonijiet tal-ħsad taż-żebbuġ, u lanqas bid-dikjarazzjonijiet ta’ żoni li saru fil-kuntest ta’ skemi oħra ta’ għajnuna. Barra minn hekk, il-kontrolli nkroċjati bejn id-dikjarazzjonijiet tal-ħsad 2002/2003 u d-dikjarazzjonijiet tal-ħsad għall-kostituzzjoni ta’ SIĠ taż-żebbuġ li saru fl-2003 kienu saru mill-awtoritajiet Griegi tardivament fl-2004/2005 u jikkonċernaw għall-2002/2003 parti biss tal-produtturi. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ammont ikbar milli hemm ta’ siġar taż-żebbuġ, li rriżultat fl-esklużjoni tal-għajnuna Komunitarja ta’ 773 produttur, ma hijiex ir-riżultat ta’ kontroverifiki, iżda tikkorrispondi għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet previsti f’dan il-qasam mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 2366/98. Fl-aħħar nett, ir-riżultati ta’ kontrolli ta’ ċerti anomaliji ċerti ma ġewx ipprovduti għall-2002/2003.

266    L-awtoritajiet Griegi indikaw lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni li l-Opekepe kellha aċċess ċentralizzat għall-fajls tal-kompjuter tal-ħlasijiet ta’ għajnuna u għar-riżultati tal-kontroverifiki u li l AYMEEE żammet id-data relatata mal-imtieħen kollha. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan ma kienx biżżejjed sabiex tiżgura l-kompatibilità tas-sistema Griega mad-definizzjoni ta’ fajls tal-kompjuter skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2261/84 u l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 2366/98, li jirrikjedu kontijiet dwar l-imtieħen kollha l-imtieħen u mhux biss l-imtieħen kkontrollati u tirrikjedi, għal kull koltivatur, id-dettalji tal-elementi tad-dikjarazzjoni ta’ kultivazzjoni l-kwantitajiet ta’ żejt prodotta u mħallsa kif ukoll ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-post.

267    It-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika hija kkritikata li ma osservatx l-obbligu li tistabbilixxi reġistru tal-operazzjonijiet ta’ kultivazzjoni taż-żebbuġ u bdiet taħdem fuq xogħlijiet ta’ kostituzzjoni ta’ SIG taż-żebbuġa tardivament (użu sħiħ mis-sena 2003/2004).

268    It-tielet nett, id-dikjarazzjonijiet tal-ħsad ġew ikkunsidrati bħala mhux affidabbli. Ir-rapport ta’ sinteżi jikkonstata n-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ plottijiet u ta’ reġistru tal-artijiet katast (konfini bejn plottijiet spiss neqsin, plottijiet maħduma minn diversi produtturi, plottijiet xi kultant magħmula minn artijiet imbiegħda minn xulxin, l-isem ta’ plott kbir jista’ jintuża għal plotttijiet diversi minn diversi bdiewa), li jagħmel l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjonijiet ta’ ħsad mhux preċiża, kemm dwar il-post fejn jinsabu kif ukoll l-identifikazzjoni tal-plottijiet. Hemm ukoll nuqqasijiet oħra rrilevati fid-dikjarazzjonijiet ta’ kultivazzjoni (nuqqas ta’ indikazzjoni tad-data ta’ tħawwil ta’ siġar taż-żebbuġ, informazzjoni dwar l-irrigazzjoni ma taqbilx mar-realtà fuq l-art u mhux sfruttata għall-kontrolli ta’ profitt, numru ta’ siġar produttivi dejjem ugwali għat-total ta’ siġar iddikjarati, li huwa improbabbli ħafna). Fl-2002 u fl-2003, il-plottijiet taż-żebbuġ ma kinux identifikati f’format kompatibbli mas-Sistema ta’ Identifikazzjoni ta’ plottijiet agrikoli (SIPA) li kienu qed jinbnew.

269    Ir-raba’ nett, il-kontroll fuq il-post tad-dikjarazzjonijiet ta’ kultivazzjoni kienet ikkunsidrata bħala li kellha nuqqasijiet. Ir-rapport ta’ sinteżi jirrileva li, fin-nuqqas ta’ SIG taż-żebbuġ operazzjonali fl-2002 u fl-2003, il-kontrolli alternattivi japplikaw, skont l-Artikolu 28(2) u (3) tar-Regolament Nru 2366/98. Ġie kkonstatat li r-rati ta’ kontroll minimu ma ġewx osservati fil-livell nazzjonali u li l-kontrolli fuq il-post ma kinux konformi mar-rekwiżiti f’dan il-qasam (istruzzjonijiet li jipprevedu biss il-verifika tal-post u tan-numru ta’ siġar taż-żebbuġ f’kull plott, verifiki li huma ftit wisq tal-koerenza tal-profitt, ebda traċċabbiltà ta’ kontrolli, attitudni eteroġenja tal-kontrolluri lejn is-siġar taż-żebbuġ mhux produttivi) għas-sena 2002/2003. Huwa ppreċiżat li l-awtoritajiet Griegi integraw dawn l-elementi fl-istruzzjonijiet applikabbli għall-kontrolluri applikabbli mis-sena 2004.

270    Il-ħames nett, il-kontrolli tal-imtieħen kienu wkoll ikkunsidrati bħala insuffiċjenti. Is-servizzi tal-Kummissjoni rrilevaw in-nuqqas ta’ rabta bejn il-kontabbiltà tal-istokk u l-kontabbiltà finanzjarja. Huma enfasizzaw ukoll id-diffikultà li jitwettqu kontrolli tal-prova ta’ koerenza sabiex tiġi żgurata n-nuqqas ta’ sovravalutazzjoni fittizja tal-kwantitajiet prodotti, minħabba n-natura familjari tal-persunal, peress li s-servizzi ta’ inventarju spiss huma mħallsa biż-żejt stokks u n-nuqqas ta’ arloġġ tad-dawl. Il-kontroll tad-dħul mill-bejgħ u tal-istokk inklużi fid-dikjarazzjonijiet fiskali, li jippermetti li l-kontrolli jkunu affidabbli, ma kienx sar.

271    Is-sitt nett, fir-rigward tas-segwitu ta’ sanzjonijiet proposti mill-AYMEEE, ir-rapport ta’ sinteżi jirrileva li mill-konstatazzjonijiet li jiġġustifikaw l-irtirar tal-approvazzjoni ma kienx hemm segwitu b’effetti, li jagħmel mhux operattiv il-kontroll tal-imtieħen. Wara s-smigħ tagħhom mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni, l-awtoritajiet Griegi pprovdew data sintetika dwar ir-riżultati ta’ kontrolli fuq l-imtieħen tas-sena 2002/2003. Madankollu, skont il-Kummissjoni, din id-data ma taqbulx mad-data li tirriżulta mil-lista ddettaljata pprovduta mill-AYMEEE fl-2006. La l-għadd totali ta’ mtieħen ikkontrollati u lanqas in-numru ta’ mtieħen ssanzjonati li rċevew twissija jew multa ma’ jikkorrispondu. Id-data hija sintetika wisq, ma huwiex possibbli li tkun taf minn fejn ġejja d-differenza. Barra minn hekk, din id-data tindikaw li imtieħen ġew issanzjonati, mingħajr ma jissemmew il-proposti inizjali tal-AYMEEE jew id-data ta’ applikazzjoni ta’ sanzjonijiet. Issa, l-ilmenti tal-Kummissjoni jirrigwardaw prinċipalment il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ u t-tnaqqis tal-livell tas-sanzjonijiet imqabbel mal-proposti inizjali.

272    Peress li dawn in-nuqqasijiet ikkonstatati rigward kontrolli prinċipali għas-sena 2002/2003 diġà ġew irrappurtati waqt investigazzjonijiet preċedenti u kienu s-suġġett ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għall-perjodu 1999/2000 sa 2001/2002, ir-rata ta’ korrezzjoni kienet żdiedet għal 15 % skont il-prinċipju ta’ rikorrenza għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2002/2003.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

273    Fir-rigward tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa, ir-Repubblika Ellenika tqajjem id-disa’ motiv, ibbażat fuq in-natura allegatament żbaljata tal-korrezzjonijiet imposti, fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq in-natura allegatament żbaljata tal-korrezzjonijiet imposti.

274    Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-motivi li għalihom ġew imposti korrezzjonijiet, jiġifieri n-natura mhux operattiva tal-fajls tal-kompjuter, in-nuqqas ta’ reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ, in-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ kultivazzjoni, il-nuqqasijiet fil-kontrolli fuq il-post tad-dikjarazzjonijiet ta’ kultivazzjoni, in-nuqqasijiet fil-kontrolli fuq l-imtieħen u s-segwitu insuffiċjenti tas-sanzjonijiet proposti mill-AYMEEE.

275    Għandu jiġi kkunsidrat, f’din il-kawża, jekk ir-Repubblika Ellenika wriet, skont il-ġurisprudenza preċedentement imfakkra (ara l-punt 78 hawn fuq), l-ineżattezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

–       Fuq in-natura mhux operattiva tal-fajls tal-kompjuter

276    Ir-Repubblika Ellenika ssemmi d-databases eżistenti fi ħdan kull kull dipartiment nazzjonali skont l-oqsma ta’ kompetenza tagħhom. Hija tiddikjara li pproduċiet il-prova li l-fajls fihom l-informazzjoni kollha rikjesta mid-dispożizzjonijiet applikabbli u ssostni li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2261/84 ma jimponix li l-fajls kollha jkunu ċentralizzati. Hija żżid li, mill-perijodu ta’ kummerċjalizzazzjoni 2002/2003, Opekepe għandha aċċess ċentralizzat għall-fajls tal-kompjuter.

277    Għandu jitfakkar li l-fajls tal-kompjuter għandu jkollhom ċerta informazzjoni. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 2366/98, meta jkunu deċentralizzati, dawn il-fajls għandhom ikunu omoġenji, kompatibbli u aċċessibbli b’mod ċentralizzat fil-livell tal-aġenzija tal-ħlas u tal-aġenzija ta’ kontroll. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, il-fajls għandhom jippermettu li tiġi kkonsultata b’mod dirett u immedjat d-data dwar is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti u l-aħħar erba’ snin (ara l-punt 250 iktar ’il fuq).

278    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika semmiet id-databases differenti Griegi kkonċernati fid-dipartimenti differenti. Meta tagħmel dan, madankollu, ma tistabbilixxi bl-ebda mod li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma ineżatti, b’mod partikolari fir-rigward tal-inkompatibbiltà tal-fajls. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma kkritikatx lir-Repubblika Ellenika li żammet dawn il-fajls b’mod deċentralizzat, iżda kkontestat il-kompatibbiltà bejn is-sistemi differenti, mingħajr ma ntweriet in-natura żbaljata ta’ din il-konstatazzjoni f’din il-kawża. Lanqas mill-elementi tal-fajl li l-prova tal-aċċess ċentralizzat tal-Opekepe għall-fajls tal-kompjuter ġiet OPEKEPE ngħatat għas-sena 2002/2003 inkwistjoni.

279    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll in-natura inkompleta tal-fajls tal-kompjuter u l-fatt li dawn ma jippermettux li tiġi kkonsultata b’mod dirett u immedjat id-data dwar is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti l-aħħar erba’ snin , f’dan il-każ is-snin 1998/1999 sa 2002/2003 (ara l-punt 263 hawn fuq), kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 2366/98.

280    Bl-istess mod, kif il-Kummissjoni enfasizzat, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2261/84 (ara l-punt 249 hawn fuq) jirrkjedi kontabbiltà ta’ stokk tal-imtieħen kollha u l-imtieħen u mhux biss tal-imtieħen ikkontrollati u, għal kull min ikabbar iż-żebbuġ, l-elementi dettaljati tad-dikjarazzjoni ta’ kultivazzjoni u tal-kwantitajiet ta’ żejt prodotti u mħallsa u r-riżultati tal-kontrolli fuq il-post, li jimplika b’mod partikolari fajls tal-kompjuter ta’ plottijiet suffiċjentement kompleti u kontabbiltà tal-istokk tal-imtieħen kollha, li f’dan il-każ hija nieqsa.

281    Ir-Repubblika Ellenika ssostni wkoll li kontroverifiki seħħew. għandu jiġi rrilevat li, bħala riżultat ta’ informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi fl-ittra tagħhom tal-20 Marzu 2006 u l-kjarifiki mogħtija matul il-laqgħa bilaterali tat-22 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni setgħet ikkonstatat l-eżistenza ta’ kontroverifiki.

282    Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni ma hija invalidata bl-ebda mod mill-argument tar-Repubblika Ellenika li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet titjib.

283    Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu żbaljati rigward in-natura mhux operattiva tal-fajls tal-kompjuter u dan l-ilment għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

–       Fuq in-nuqqas ta’ tlestija tar-reġistru taż-żebbuġ

284    Ir-Repubblika Ellenika tfakkar il-kuntest regolatorju tar-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ u tal-GIS tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ. Hija ssostni li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1638/98, ix-xogħlijiet fuq ir-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ ser ikun riorjentati lejn il-kostituzzjoni ta’ GIS. Hija ssostni li l-kontrolli li saru (amministrattivi, fuq il-post, fl-imtieħen, eċċ.) fuq 10 % tal-produtturi, skont l-Artikolu 28(2) u (3) tar-Regolament Nru 2366/98, għenu sabiex jiġi kkumpensat il-fatt li r-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ ma kienx lest.

285    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax in-nuqqas ta’ stabbiliment tar-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ għas-sena 2002/2003 inkwistjoni.

286    Sussegwentement, l-obbligu li x-xogħlijiet dwar ir-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ jiġu orjentati għall-kostituzzjoni, l-aġġornament u l-użu ta’ GIS, li jirriżultaw b’mod partikolari mir-Regolament Nru 1638/98 (ara l-punt 252 hawn fuq), jikkompleta biss l-obbligu li jiġi stabbilit tali reġistru, li għandhom il-produtturi skont ir-Regolament Nru 154/75. Fil-fatt, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1638/98 jirriżulta li SIG hija stabbilita fuq il-bażi ta’ data tar-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑387/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 63, u s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 94).

287    Fir-rigward ta’ SIG tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ, mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li l-awtoritajiet Griegi nfushom ikkunsidraw li s-SIG tagħhom ma kinitx lesta għas-sena 2003/2004, li jimplika li ma kienx lest għas-sena 2002/2003 inkwistjoni f’din il-kawża.

288    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li kontrolli saru (kontrolli amministrattivi, fuq il-post, fl-imtieħen), sabiex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta’ reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 2366/98.

289    Madankollu, għandu jitfakkar li ż-żieda fin-numru ta’ kontrolli prevista fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 2366/98 fir-rigward tar-reġjuni li għalihom il-kostituzzjoni ta’ SIG tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ ma tlestietx, hija maħsuba sabiex tikkumpensa għan-nuqqas ta’ data li din is-sistema tkun tista’ tipprovdi, bħalma huma r-ritratti mill-ajru, iżda ma tissostitwixxix id-data li għandha tkun diġà disponibbli (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punt 65, u s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 95).

290    Ir-Repubblika Ellenika ma turix għaldaqstant in-natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ u dan l-ilment għandu konsegwentement jiġi miċħud.

–       Fuq in-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ kultivazzjoni

291    Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-identifikazzjoni ta’ plottijiet li saret fil-kuntest ta’ dikjarazzjonijiet tal-kultivazzjoni. Hija ssostni li kull plott hija identifikata permezz ta’ numru u li, sabiex jiffaċilitaw il-kontrolli fuq il-post, il-produtturi jiddelimitaw il-plottijiet u jimmarkaw is-siġar li jdawruhom. Bl-istess mod, ikun possibbli li tiġi vverifikata d-data li fiha s-siġar taż-żebbuġ inżergħu wara l-1 ta’ Mejju 1998, anki wara ħames sa sitt snin.

292    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li d-dikjarazzjoni ta’ kultivazzjoni, neċessarja għat-talba għal għajnuna, għandha tinkludi, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2366/1998, b’mod partikolari r-referenzi tar-reġistru tal-artijiet tal-plottijiet taż-żebbuġ tal-impriża jew, fin-nuqqas ta’ reġistru tal-artijiet, deskrizzjoni komprensiva tal-impriża u tal-plottijiet taż-żebbuġ, u għal kull plott taż-żebbuġ, in-numru ta’ siġar taż-żebbuġ fil-produzzjoni, il-varjetà dominanti kif ukoll l-eżistenza ta’ irrigazzjoni jew ta’ kultivazzjonijiet assoċjati. Bl-istess mod, l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprovdi li, sabiex tkun il-bażi għal għajnuna, is-siġar taż-żebbuġ supplimentari mħawla wara l-1 ta’ Mejju 1998 għandhom jiġu identifikati ġeografikament.

293    F’din il-kawża, mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet ta’ kultivazzjoni għandhom, għas-sena inkwistjoni, ħafna nuqqasijiet, deskritti fir-rapport ta’ sinteżi (ara l-punt 268 hawn fuq). Issa, id-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika ma jistabbilixxux in-natura żbaljata ta’ dawn il-konstatazzjonijiet. B’mod partikolari, l-ineżattezza tal-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjonijiet ta’ kultivazzjoni, kemm dwar il-post fejn issir jew dwar l-identifikazzjoni tal-plottijiet, ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-Repubblika Ellenika. Dan jgħodd ukoll dwar in-nuqqasijiet l-oħra rrilevati fid-dikjarazzjonijiet ta’ kultivazzjoni marbuta mas-siġar taż-żebbuġ. Fl-aħħar nett, kif tenfasizza l-Kummissjoni, fl-2002 u fl-2003, il-plottijiet taż-żebbuġ ma ġewx identifikati f’format kompatibbli mas-SIPA li qed jinħoloq, li ma huwiex ikkontestat bħala tali.

294    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika quddiem il-Qorti Ġenerali ma humiex biżżejjed sabiex juru n-natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet magħmula.

295    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq in-nuqqasijiet dwar il-kontrolli fuq il-post

296    L-ewwel nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-kontrolli fuq il-post twettqu għal iktar minn 10 % tad-dikjarazzjonijiet tal-ħsad u li, fi kwalunkwe każ, il-kalkolu tal-Kummissjoni, li wassal għal perċentwal kemxejn inqas (9.91 %), hija differenza negliġibbli li ma taffettwatx il-ħlasijiet.

297    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 2366/98 (ara l-punt 253 hawn fuq), fir-reġjuni fejn il-kostituzzjoni ta’ GIS taż-żebbuġ ma tkunx tlesta, il-kontrolli fuq post għandhom isiru fuq 10 % tad-dikjarazzjonijiet tal-kultivazzjoni totali għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2002/2003.

298    Id-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika ma jurux in-natura żbaljata tal-kalkolu tal-Kummissjoni, li l-perċentwali minimu ta’ 10 % ma kinitx ossevata f’din il-kawża.

299    It-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-kontrolli kienu saru b’mod sodisfaċenti. Skontha, il-kultivatur taż-żebbuġ huwa marbut li jikkomunika informazzjoni relatata mal-produzzjoni, mad-distribuzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u mal-istat tal-istokkijiet. Din l-informazzjoni magħquda tippermetti li d-dikjarazzjoni ta’ kultivazzjoni tilaqa’ mat-talba għal għajnuna u li din tal-aħħar tiġi miċħuda fil-każ ta’ inkoerenza.

300    Madankollu, meta tagħmel dan, ir-Repubblika Ellenika ma tirrispondix għall-kritika magħmula mill-Kummissjoni, sintetizzata fir-rapport ta’ sinteżi (ara l-punt 269 iktar ’il fuq), li minnu jirriżulta li ċerti kontrolli bħalma huma qligħ, prevista mill-Artikolu 28(3) tar-Regolament Nru 2366/98 (ara l-paragrafu 257 hawn fuq), huma ftit. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkritika n-nuqqas ta’ traċċabbiltà tal-kontrolli, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ mapep, ta’ skeċċijiet u ta’ nuqqasijiet fil-kontrolli u t-traċċabbiltà ta’ dawk il-kontrolli fil-għadd ta’ siġar taż-żebbuġ għal kull plott. Hija tikkritika wkoll l-attitudni eteroġenja tal-kontrolluri dwar is-siġar mhux produttivi taż-żebbuġ għas-sena 2002/2003. Dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex ikkontestati mid-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika.

301    Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika naqset milli tipproduċi l-prova tan-natura żbaljata tan-nuqqasijiet ikkonstatati fil-kontrolli fuq il-post. L-argument tagħha bbażat fuq li r-rata insuffiċjenti ta’ kontroll ma għandhiex effett fuq il-pagamenti, imqajjem fir-replika, għandu jiġi miċħud peress li, fi kwalunkwe każ, il-korrezzjoni imposta ma tirriżultax biss minn din l-insuffiċjenza (ara b’mod partikolari l-punti 283, 290 u 294 hawn fuq).

302    Dan l-ilment għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

–       Fuq in-nuqqasijiet dwar il-kontrolli fl-imtieħen

303    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fil-kuntest ta’ kontrolli fuq l-imtieħen, il-kontrolluri jieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi b’mod partikolari l-kontabbiltà tal-istokk, jikkontrollaw li jinżammu tajjeb il-kotba u r-reġistri u joperaw korrelazzjoni mal-informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-konsum tal-elettriku, il-kontabbiltà tal-istokks u fiżika. Dawn il-kontrolli għandhom ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni rabtiet ta’ parentela tal-operaturi.

304    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti bl-ebda mod ma jinvalidaw il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’din il-kawża.

305    Fil-fatt, mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li l-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Ellenika minħabba n-nuqqas ta’ rabta bejn il-kontabbiltà tal-istokk u l-kontabbiltà finanzjarja, previst mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 2366/98, u d-diffikultà li jsiru kontrolli ta’ koerenza sabiex tiġi żgurata l-assenza tal-soravalutazzjoni fittizji tal-kwantitjiet prodotti (ara l-punt 270 hawn fuq).

306    Issa, bid-dikjarazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika Ellenika ma tipproduċi ebda prova li turi n-natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-korrelazzjonijiet stabbiliti mid-dipartimenti ta’ kontroll ma jirrispondux għall-kritika tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta kontabbiltà tal-istokkijiet marbuta mal-kwistjonijiet tal-kontabbiltà finanzjarja. Bl-istess mod, ir-Repubblika Ellenika ma tipprovdi ebda prova li tistabbilixxi l-ineżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom fil-qasam tal-kontrolli tal-imtieħen.

307    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq is-segwitu insuffiċjenti tas-sanzjonijiet proposti mill-AYMEEE

308    Rigward in-nuqqas ta’ segwitu tas-sanzjonijiet proposti mill-AYMEEE fuq l-imtieħen, ir-Repubblika Ellenika ssostni li osservat il-proċedura legali li tippermetti sospensjoni tal-eżekuzzjoni, sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva.

309    Għandu jiġi kkonstatat li, meta għamlet dan, ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax id-dewmien fl-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, bi ksur tal-Artikolu 11a tar-Regolament Nru 136/66 (ara l-punt 247 hawn fuq), u t-tnaqqis fil-livell ta’ dawn is-sanzjonijiet li kien applikat imqabbel mal-proposti oriġinali, ikkritikati f’din il-kawża (ara l-punt 271 hawn fuq).

310    Għaldaqstant dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud.

311    Minn dan isegwi li r-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx in-natura żbaljata tal-korrezzjonijiet imposti.

 Fuq il-livell tal-korrezzjoni applikata, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

312    L-ewwel nett, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta ż-żieda awtomatika tal-korrezzjoni ta’ 10 sa 15 %, li ma tiħux inkunsiderazzjoni t-titjib sinjifikattiv fil-kwalità tal-kontrolli. Hija tallega l-ksur tad-dokumenti Nru VI/5330/97 u AGRI/61495/2002.

313    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ma setgħetx turi li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu ineżatti (ara l-punti 274 sa 310 iktar ’il fuq).

314    Sussegwentement, ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax li n-nuqqasijiet ikkonstatati diġà ġew innotifikati waqt l-investigazzjonijiet preċedenti u kienu suġġetti għal korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għas-snin 1999/2000 sa 2001/2002.

315    Għandu jitfakkar li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur li twettaq fl-evalwazzjoni tagħha tal-ammont li għandu jiġi eskluż wara l-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet.

316    Kif ġie indikat preċedentement (ara l-punt 57 iktar ’il fuq), ir-rikorrenza tal-irregolaritajiet inkwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala fattur aggravanti, li jista’ jiġġustifika ż-żieda fil-korrezzjoni finanzjarja imposta.

317    F’dan il-qafas, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni it-titjib li sar. Id-dokument Nru VI/5330/97 jipprovdi li n-nuqqas isir iktar serju jekk l-istat jonqos milli jtejjeb il-kontrolli tagħha u d-dokument AGRI/61495/2002 jindika b’hekk li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ kwalunkwe miżuri korrettivi jew kumpens meħuda mill-Istat Membru (ara l-punti 17 u 18 hawn-fuq).

318    F’din il-kawża, kif tenfasizza r-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni stess semmiet it-titjib li sar imqabblel mas-snin preċedenti, kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar l-investigazzjoni OTS/2004/05/GR.

319    Madankollu, f’dawn il-minuti, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-imsemmi titjib ma jippermettux li jikkumpensa għan-nuqqasijiet irrilevati. B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ kontroverifiki u ta’ fajls ċentralizzati kienet ikkunsidrata bħala li tibqa’ fuq livell globali, mingħajr ma tippermetti kontrolli sistematiċi u kontroverifiki fuq il-plottijiet u l-kontenut tagħhom kien ikkunsidrat mhux konformi mar-regolamenti. Barra minn hekk, ċerti nuqqasijiet identifikati ma kinux suġġetti għal titjib, bħall-kontroll tal-imtieħen u s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-AYMEEE.

320    B’hekk, minkejja t-titjib rilevat, baqgħu jeżistu n-nuqqasijiet li jikkonċernaw il-kontrolli prinċipali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta ma jiġux imwettqa wieħed jew iktar mill-kontrolli prinċipali jew jiġu mwettqa ħażin jew tant isiru rarament li ma jkunux effettivi sabiex jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ talba jew sabiex jipprevjenu l-irregolaritajiet, il-Kummissjoni għandha dritt li tikkunsidra li kien hemm riskju għoli ta’ telf kbir għall-FAEGG” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punt 105).

321    Konsegwentement, is-sempliċi fatt li kien hemm titjib ma jippermettix lir-Repubblika Ellenika li ssostni li r-rata ta’ korrezzjoni ta’ 10 % applikata qabel ma setgħetx tiżdied f’din il-kawża, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura tal-irregolaritajiet irrilevati, l-importanza tal-effett tagħhom għad-determinazzjoni tar-regolarità tal-infiq u n-natura rikorrenti tagħhom.

322    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, l-eżistenza ta’ ċertu titjib rrilevat ma huwiex inkompatibbli ma’ żieda fir-rata ta’ korrezzjoni sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni r-ripetizzjoni ta’ nuqqasijiet ikkonstatati u ż-żieda tar-riskju ta’ telf finanzjarju għall-FAEGG.

323    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-linja gwida tal-Kummissjoni li jirriżulta mid-dokumenti Nru VI/5330/97 u AGRI/61495/2002 għandu jiġi miċħud.

324    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fl-aħħar tal-minuti tat-13 ta’ Settembru 2006, relatata mat-tieni investigazzjoni, il-Kummissjoni, minħabba t-titjib ikkonstatat, ċaħdet il-possibbiltà li japplikaw d-dispożizzjonijiet dwar rikorrenza ta’ insuffiċjenza ta’ sistemi ta’ kontroll għall-perijodu 2002/2003.

325    Għandu jiġi rrilevat li, fil-laqgħa bilaterali tat-22 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tieni investigazzjoni, il-minuti tat-13 ta’ Settembru 2006 jsemmu li l-Kummissjoni “ma tara l-ebda raġuni f’dan l-istadju tal-proċedura sabiex jitnaqqas il-livell ta’ rata fissa ta’ korrezzjoni applikata għas-snin ta’ qabel anki jekk twarrab, minħabba titjib kkonstatat fil-kontrolli tal-qligħ u fil-kontroverifiki, il-possibbiltà li tapplika d-dispożizzjonijiet previsti fil-każ ta’ rikorrenza ta’ sistemi ta’ kontroll insuffiċjenti għall-perjodu 2002/2003 (dokument AGRI 60637/2006)”

326    Madankollu, bħal-kuntrarju ta’ dawn il-minuti, dawk tas-17 ta’ Frar 2006, dwar l-ewwel investigazzjoni li għandha r-referenza OTS/2004/02, jsemmu espressament il-fatt li l-Kummissjoni ma teskludix, f’dan l-istadju, li tapplika d-dispożizzjonijiet previsti fil-każ ta’ rikorrenza.

327    Barra minn hekk, għadu jitfakkar li l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprevedi li l-evalwazzjoni tal-ammont li għandu jiġi eskluż għandha ssir, b’mod partikolari, mill-importanza tan-nuqqas ta’ konformità kkonstatata, wara li tiġi segwita proċedura kontradittorja dettaljata. Jekk, fi tmiem din il-proċedura, l-evalwazzjoni tvarja minn dik li kienet wasslet għal proċediment preċedenti, huwa ġustament li l-Kummissjoni tiddetermina l-ammont li għandu jiġi skarat billi tibbaża fuq l-evalwazzjoni tagħha l-iktar reċenti. F’każ kuntrarju, il-Kummissjoni ma setgħetx tiżgura li l-FAEGG jiffinanzja biss l-interventi magħmula skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 75).

328    F din il-kawża, l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2007, wara l-minuti tat-13 ta’ Settembru 2006 u komuni għaż-żewġ investigazzjonijiet, tenfasizza l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar rikorrenza u jindikaw ir-raġunijiet. Bl-istess mod, il-pożizzjoni finali tas-6 ta’ Awwissu 2008 tikkonferma l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar rikorrenza. Il-Korp ta’ Konċiljazzjoni stess jirrikonoxxi li d-deċiżjoni li tissemma r-rikorrenza tan-nuqqasijiet sabiex tiżdied ir-rata ta’ korrezzjoni f’din il-kawża preżenti ma kinitx f’kunflitt ma’ interpretazzjoni stretta tal-proċess verbal tat-13 ta’ Settembru 2006.

329    Għaldaqstant, f’din il-kawża, l-argument ibbażat fuq id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-minuti tat-13 ta’ Settembru 2006 ma tinvalidax il-konklużjoni li t-titjib irrilevat ma jipprevjenix, f’din il-kawża, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni bir-rata ta’ 15 %.

330    Sa fejn ir-Repubblika Ellenika tikkontesta li r-riskju jkun sar ikbar għall-FAEGG, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ korrezzjoni, huwa l-Istat Membru li għandu juri li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-irregolaritajiet ikkonstatati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑59/97, Ġabra p. I‑1683, punt 55, u tal-20 ta’ Settembru 2001, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 37 sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 168). F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma tressaqx provi insostenn tad-dikjarazzjonijiet tagħha.

331    It-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li ż-żieda applikata f’din il-kawża kienet awtomatika u mingħajr motivazzjoni speċjali.

332    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ż-żieda tar-rata ta’ korrezzjoni ta’ 15 % ma għandhiex tiġi applikata b’mod awtomatiku, iżda biss fi tmiem eżami  ta’ eventwali miżuri korrettivi jew ta’ kumpens meħuda mill-Istat Membru u mingħajr ma jiġi ttraskurat it-titjib li sar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Greċja  vs Il-Kummissjoni, T‑214/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 90). Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti meta l-Istat destinatarju jkun ġie involut mill-qrib fil-proċess ta’ tħejjija ta’ din id-deċiżjoni u kien jaf ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li s-somma inkwistjoni ma tiġix iffinanzjata mill-FAEGG (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 iktar ’il fuq).

333    F’din il-kawża, hija biżżejjed li jiġi rrilevat li n-natura ripetuta tan-nuqqasijiet ikkonstatati ġiet enfasizzata matul il-proċedura kontenzjuża, li r-Repubblika Ellenika pparteċipat fiha (ara l-punti 326 sa 328 iktar ’il fuq).

334    Barra minn hekk, matul din il-proċedura, ġie indikat (ara l-punt 319 iktar ’il fuq) li t-titjib li sar fil-qasam tal-kontrolli doppji u tal-fajls ċentralizzati kienu baqgħu insuffiċjenti.

335    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li r-Repubblika Ellenika ssostni, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 hawn fuq.

336    It-tielet nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-korrezzjoni applikata hija sproporzjonata.

337    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta t-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż kollha li jkunu saru jekk hija tikkonstata li ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta’ kontroll suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza il-Qorti tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑318/02, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).

338    F’din il-kawża, jidher li n-nuqqasijiet irrilevati mid-dipartimenti mill-Kummissjoni jirrigwardaw elementi importanti tas-sistema ta’ kontroll kif ukoll ta’ eżekuzzjoni ta’ kontrolli li għandhom rwol importanti fid-determinazzjoni tar-regolarità tan-nefqa, hekk li jista’ raġonevolment jiġi konkluż li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG kien sinjifikattiv.

339    Konsegwentement, ir-rata ta’ korrezzjoni ta’ 15 % tan-nefqa kkonċernata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala eċċessiva u sproporzjonata f’din il-kawża.

340    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Ellenika ma jurux li huwa żbaljat li l-Kummissjoni applikat rata ta’ korrezzjoni ta’ 15 % jew li hija kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

341    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

342    Minn dan isegwi li l-motivi kollha kontra l-korrezzjonijiet finanzjarji applikati fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa għandhom jiġu miċħuda.

6.     Fuq l-għaxar u l-ħdax-il motiv, rigward il-korrezzjonijiet applikati għall-ispejjeż fil-qasam tal-verifika finanzjarja

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Termini għall-ħlas

343    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 296/96, tas-16 ta’ Frar 1996, dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri u l-prenotament ta’ kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jħassar ir-Regolament (EEC) Nru 2776/88 (ĠU L 39, p. 5), jipprevedi, fir-raba’ premessa tiegħu:

“Billi r-regolamenti komuni tal-biedja jinkludu temmiet taż-żmien sabiex jitħallsu l-għajnuniet lill-benefiċjarji mill-Istati Membri; billi l-ħlasijiet kollha effettwati wara dawn it-temmiet taż-żmien, u li għalihom ma jkunx iġġustifikat id-dewmien fil-ħlas, iridu jitqiesu bħala mhux eliġibbli, u għalhekk ma jistgħux, fil-prinċipju jkunu bla ħsara għal avvanz fuq il-prenotament tan-nefqa; billi, madankollu, sabiex jiġi mmodullat l-impatt finanzjarju fil-proporzjon tad-dewmien miġrur fil-ħlas, it-tnaqqis fl-avvanzi għandu jkun iggradwat bħala funzjoni tad-daqs tad-dewmien irreġistrat.”

344    .L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 296/96, kif emendat jipprevedi :

“1. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mibgħuta skond l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjonijiet u tagħmel l-avvanzi fix-xahar dwar il-prenotament tan-nefqa, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 94/729/KE.

2. L-avvanzi dwar il-prenotament għandhom jiġu mnaqqsa għan-nefqa effettwata wara t-temmiet taż-żmien stabbiliti kif ġej:

a)      fejn in-nefqa effettwata wara t-temmiet taż-żmien tkun ugwali għal 4 % jew inqas tan-nefqa effettwata qabel it-temmiet taż-żmien, ma għandha ssir l-ebda riduzzjoni, irrispettivament min-numru tax-xhur tad-dewmien,

b)      ’il fuq mill-għatba ta’ 4 %, kull nefqa iktar li ssir effettwata b’dewmien ta’ sa:

–         xahar għandha tiġi mnaqqsa b’10 %,

–         xahrejn għandha tiġi mnaqqsa b’25 %,

–        tliet xhur għandha tiġi mnaqqsa b’45 %,

–        erba’ xhur għandha tiġi mnaqqsa b’70 %,

–        ħames xhur jew iżjed għandha tiġi mnaqqsa b’100 %.

Madankollu, il-Kummissjoni trid tapplika skala differenti taż-żmien u/jew riduzzjonijiet iktar baxxi jew xejn għal kollox, jekk jiġu ffaċċjati kondizzjonijiet eċċezzjonali tal-maniġġjar għal ċertu miżuri, jew jekk jiddaħħlu ġustifikazzjonijiet imsejsa fis-sod mill-Istati Membri.

Ir-riduzzjonijiet riferiti f’dan l-Artikolu għandhom isiru skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 94/729/KE”

 Termini ta’ ħlas ta’ żoni żvataġġjati

345    L-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u l-Garanzija (FAEGG) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 46, p. 87) li jinkludi b’mod partikolari l-appoġġ għaż-żoni żvantaġġjati, jipprevedi :

“1.      Emendi għad-dokumenti tal-programmizzar tal-iżvilupp rurali u l-miżuri tal-iżvilupp rurali inlużi f’dokumenti singoli tal-programmizzar permezz ta’ l-Objettiva 2 li huma iffinanzjati mill-FAEGG, Sezzjoni tal-garanzija, għandhom ikunu sostanzjati kif xieraq, partikolarment billi jkun fihom l-informazzjoni segwenti:

a)      ir-raġunijiet u xi problemi ta’ l-impementazzjoni li jiġġustifikaw l-aġġustament tad-dokument tal-programmizzar;

b)      l-effetti mistennija mill-emenda;

ċ) l-implikazzjonijiet tal-finanzjament u tal-verifika tal-impenji.

2. Billi taġixxi bi qbil mal-proċeduri referuti […], il-Kummissjoni għandha tapprova dawk l-emendi għad-dokumenti tal-programnizzar tal-iżvilupp rurali, tat-tabella finanzjarja annessa mad-deċiżjoni referuta fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 48(1) u tal-miżuri tal-iżvilupp rurali inklużi fid-dokumenti singoli tal-proġrammizzar permezz tal-Objettiv 2 iffinanzjat mill-FAEGG, Sezzjoni tal-Garanzija, kull meta dawn ikollhom effett fuq:

a)      il-prijoritajiet;

b)      il-fatturi ewlenija tal-miżuri ta’ l-appoġġ kif indikat fl-Anness II;

ċ)      l-ammont massimu globali ta’ l-appoġġ tal-Komunità […];

d)      id-distribuzzjoniji ta’ l-allokazzjoni finanzjarja imwettqa għall-miżuri li jkunu fid-dokument tal-programmizzar meta din tkun teċċedi:

–        15 % tal-ispiża totali eliġibbli tal-programm ikkonċernat għall-perijodu intier tal-programmizzar, jekk il-kontribuzzjoni tal-Komunità tkun ibbażata fuq l-ispiża totali eliġibbli,

–        20 % tal-ispiża totali eliġibbli tal-programm ikkonċernat għall-perijodu intier tal-programmizzar, jekk il-kontribuzzjoni tal-Komunità tkun ibbażata fuq l-ispiża pubblika eliġibbli, ,

Ikkalkolati fuq il-bażi ta’ l-aħħar kolonna (total) tat-tabella finanzjarja annessa mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova d-dokument tal-programmizzar jew annessa mad-deċiżjoni referuta […] kif l-aħħar emendat..

3. L-emendi referuti fil-paragrafu 2 għandhom ikunu ippreżentati lill-Kummissjoni fi proposta singola għal kull programm mhux aktar minn darba kull sena kalendarja.

L-ewwel subparagrafu ma għandux ikun applikabbli:

a)      meta l-emendi huma meħtieġa bħala riżultat ta’ disastru naturali jew ta’ okkorrenza eċċezzjonali oħra b’impatt maġġuri fuq il-programmizzar tal-Istat Membru;

b)      meta emenda tat-tabella finanzjarja annessa mad-deċiżjoni referuta fl-Artikolu 48(1) tkun meħtieġa bħala riżultat ta’ emenda tad-dokument tal-programmizzar tal-iżvilupp rurali.

4. L-emendi ta’ natura finanzjarja li ma humiex koperti bil-paragrafu 2(d) u l-emendi tar-rata tal-kontribuzzjoni kif referuta fl-ewwel inċiż tal-punt 9(2) B ta’ l-Anness II għandhom ikunu ikkomunikati lejn il-Kummissjoni flimkien mat-tabella finanzjarja emendata bi qbil mal-punt 8 ta’ l-Anness II. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha jkunu waslu għand il-Kummissjoni.

L-emendi ta’ natura finanzjarja kif referuti fl-ewwel subparagrafu ma jistgħux jeċċedu l-massimi li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafu 2(d) meta jkunu totalizzati matul sena kalendarja.

L-emendi l-oħrajn apparti minn dawk koperti fil-paragrafi 2 u 4 għandhom ikunu ikkommunikati lejn il-Kummissjoni mill-anqas tlett xhur qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

Tali emendi jistgħu jidħlu fis-seħħ aktar kmieni jekk il-Kummissjoni tikkonferma lill-Istat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tlett xhur li l-emendi notifikati jkunu konformi mal-leġislazzjoni tal-Komunità.

Jekk l-emenda notifikata ma tkunx konformi mal-leġislazzjoni tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar dan u l-perijodu ta’ tlett xhur li hemm provvediment dwaru fl-ewwel subparagrafu għandu jkun sospiż sakemm il-Kummissjoni tirċievi l-emenda li tkun konformi.”

Rapport ta’ sinteżi

346    Ir-rapport ta’ sinteżi jirreferi għal tliet investigazzjonijiet li għandhom ir-riferenzi FA/2005/70/GR, FA/2006/108/GR u FA/2006/137/GR, li l-Kummissjoni nnotifikat ir-riżultati tagħhom rispettivament f’Jannar, f’April u f’Awwissu 2006. Wara skambju ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika għal kull proċedura, l-istedina konġunta tal-15 ta’ Jannar 2007 għal laqgħa bilaterali u ż-żamma ta’ din il-laqgħa, il-Kummissjoni bagħtet, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2007, il-minuti tal-laqgħa għal kull proċedura. Permezz ta’ tliet ittri tal-24 ta’ Jannar 2008 [AGRI-1912, AGRI-1913 u AGRI 1914], il-Kummissjoni kkomunikat formalment il-konkużjonijiet tagħha lir-Repubblika Ellenika. Wara l-parir tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni 08/GR/360 tal-10 ta’ Lulju 2008, komuni għat-tliet proċeduri komuni, il-Kummissjoni kkomunikat il-pożizzjoni finali tagħha rispettivament permezz ta’ ittri tat-8 ta’ Ottubru, tas-6 ta’ Ottubru u tad-19 ta’ Settembru 2008.

347    Minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-investigazzjoni li għandha r-riferenza FA/2005/70/GR, instab li ġie kkonstatat b’mod partikolari li, fl-oqsma żvantaġġati, il-limitu massimu tal-ispejjeż ġie stabbilit għal ammont ta’ EUR 115 770 000, filwaqt li l-infiq totali laħaq EUR 121 992 923.70, li jwassal għal żieda ta’ EUR 6222 923.70. Issa, skont l-Artikolu 51(4) tar-Regolament Nru 817/2004, l-emendi ta’ natura finanzjarja li ma humiex koperti mill-Artikolu 51(2) tal-imsemmi regolament għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u għandhom jiġu fis-seħħ mid-data tal-wasla mill-Kummissjoni. F’din il-kawża, ir-Repubblika Ellenika informat lill-Kummissjoni b’din il-bidla fid-29 ta’ Settembru 2004. Is-somma ta’ EUR 923.70 6222 għaldaqstant ma hijiex eliġibbli, peress li l-ispejjeż saru qabel ma t-talba għal emenda saret lill-Kummissjoni. L-argument li l-ammont totali mħallas għall-2004 (jiġifieri EUR 125 600 000) hija inqas mis-somma prevista fit-tabella finanzjarja 2004 (jiġifieri EUR 145 miljun) ma tistax tiġi aċċettata, peress li l-ammont ta’ EUR145 miljun jikkorrispondi għall-ammont totali disponibbli għall-programm u għaldaqstant ma setax jiġi kkunsidrat għal miżura speċifika.

348    Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-investigazzjoni li għandha r-referenza FA/2006/108/GR, kien ikkonstatat dewmien fir-rigward tal-ħlasijiet magħmula matul is-sena 2005 għall-uċuħ tar-raba’ u l-ħlasijiet addizzjonali fil-qasam tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella. Sabiex tiġi evitata korrezzjoni doppja mal-korrezjonijiet b’rata fissa imposti għall-istess eżerċizzju u l-istess linja tal-baġit, il-korrezzjoni tnaqqset. Din hija, finalment, ta’ EUR4 521 536.62 u tirrifletti l-korrezzjonijiet b’rata fissa diġà applikati sabiex jiġu evitati l-korrezzjonijiet doppji. ]

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

349    Ir-Repubblika Ellenika tqajjem l-għaxar motiv, rigward l-investigazzjoni li għandha r-riferenza FA/2005/70/GR, u l-ħdax-il-motiv, rigward l-investigazzjoni li għandha r-riferenza FA/2006/108/GR.

 Fuq l-għaxar motiv, rigward l-investigazzjoni li għandha r-riferenza FA/2005/70/GR, ibbażata fuq il-ksur tar-regoli tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet u tar-Regolament Nru 817/2004, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

350    Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-korrezzjoni relatata ma’ żoni żvantaġġati, imposta minħabba eċċess tal-limitu finanzjarju. Hija ssostni li l-Kummissjoni kienet informata bl-emenda inkwistjoni u li l-ammont tal-eċċess jibqa’ spiża eliġibbli, peress li l-ammont totali mħallas matul is-sena finanzjarja ma nqabiżx.

351    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax li l-limitu tal-ispejjeż inizjalment previsti għaż-żvantaġġati inqabeż b’ammont ta’ EUR 6 222 923.70 (ara l-punt 347 iktar ’il fuq).

352    Mir-rapport ta’ sinteżi, mhux ikkontestat f’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll li din l-emenda taqa’ taħt l-Artikolu 51(4) tar-Regolament Nru 817/2004, li jipprevedi li l-emendi finanzjarji għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u jidħlu fis-seħħ mid-data tal-wasla tagħhom għand il-Kummissjoni.

353    Issa, mill-elementi tal-fajl, b’mod partikolari mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta, li dan l-eċċess huwa dovut għal emenda li l-Kummissjoni ġiet informata biha fid-29 ta’ Settembru 2004 u li l-ispejjeż inkwistjoni kienu saru qabel din in-notifika lill-Kummissjoni, kif dan ġie kkonfermat waqt is-seduta u uffiċjalment irreġistrati fil-minuti tas-seduta.

354    Għaldaqstant, l-ispejjeż li saru għal ammont ogħla għall-għotja inizjali tal-miżura inkwistjoni qabel id-data tad-29 ta’ Settembru 2004 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala impriżi skont ir-regoli Komunitarji.

355    Ċertament, l-Artikolu 51(4) tar-Regolament Nru 817/2004, applikabbli f’din il-kawża, ma jimponix l-approvazzjoni tal-Kummissjoni għad-dħul fis-seħħ tal-emenda inkwistjoni, kif tenfasizza r-Repubblika Ellenika.

356    Madankollu, anki jekk din id-dispożizzjoni tipprevedi komunikazzjoni ta’ emendi finanzjarji lill-Kummissjoni għal għanijiet informattivi biss, il-kundizzjonijiet tan-notifika li hija tipprevedi ma ġewx osservati f’din il-kawżà. .

357    L-argument tar-Repubblika Ellenika li r-Regolament Nru 817/2004 jippermetti lill-Istati Membri li jemendaw id-dokumenti ta’ programmazzjoni u t-tabelli finanzjarji ma jinvalidax din il-konklużjoni. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jinkwadraw preċiżament il-possibbiltajiet ta’ emendi, kemm f’termini ta’ kontenut kif ukoll tal-proċedura li għandha tiġi segwita, u r-Repubblika Ellenika ma wrietx li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 51(4) tar-Regolament Nru 817/2004 ma kinitx osservata, hija żbaljata.

358    Barra minn hekk, l-ilment tar-Repubblika Ellenika li r-rapport finali ma għandux ebda motivazzjoni dwar iż-żvantaġġati u d-deċiżjoni kkontestata hija motivata b’mod insuffiċjenti għandu jiġi miċħud ukoll.

359    Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika kienet involuta mill-qrib fil-proċess ta’ redazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u, bid-diversi skambji mal-Kummissjoni, kemm l-ammonti kif ukoll il-bażi legali għall-korrezzjoni inkwistjoni (Artikolu 51(2) u (4) tar-Regolament Nru 817/2004) ġew imsemmija. Għaldaqstant, hija kienet taf ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li għaldaqstant għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjentement motivata fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija qabel, applikabbli fil-kwistjoni (ara l-punt 73 hawn fuq).

360    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ellenika tallega l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija ssostni li l-limitu massimu nqabeż fir-rigward taż-żoni żvantaġġati, iżda li l-limitu massimu totali stabbilit għall-programm ta’ żvilupp rurali għall-2004 ma ġiex maqbuż u ssemmi n-nuqqas ta’ preġudizzju kkawżat lill-FAEGG.

361    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprevedi li jkunu ffinanzjati skont l-Artikolu 1(2)(ċ) tal-imsemmi regolament l-azzjonijiet ta’ żvilupp rurali barra mill-programmi li jaqgħu taħt l-objettiv Nru 1 meħuda skont ir-regoli Komunitarji.

362    Barra minn hekk, skont ġurisprduenza stabbilita, il-FAEGG jiffinanzja biss l-interventi magħmula skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. Konsegwentement, hija tħalli f’idejn l-Istati Membri kull ammont ieħor mħallas, b’mod partikolari l-ammonti li l-awtoritajiet nazzjonali b’mod żbaljat qiesu li huma awtorizzati li jitħallsu fil-kuntest ta’ din l-organizzazzjoni komuni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ April 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑332/00, Ġabra p. I‑3609, punti 44 u 45; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, 347/85, Ġabra p. 1749, punti 52 u 53).

363    Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 354 u 356 iktar ’il fuq, il-limitu massimu tal-ispejjeż relatati maż-żoni żvantaġġati inqabeż u l-Kummissjoni ma ġietx informata skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 51(4) tar-Regolament Nru 817/2004

364    Wara li kkonstatat din l-irregolarità, il-Kummissjoni setgħet għaldaqstant ġustament tadotta d-deċiżjoni kkontestata, u dan minkejja l-argument tar-Repubblika Ellenika li l-limitu massimu totali stabbilit għall-programm ta’ żvilupp rurali totali għall-2004 ma nqabiżx. Għandu jitfakkar li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sistema ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kisba tal-objettivi tagħha, huwa importanti li l-miżuri eliġibbli għall-appoġġ huma konsistenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u li l-Istati Membri jikkooperaw għal dan ir-riżultat skont il-qafas regolatorju li jinsabu fir-regolamenti li jistabbilixxu regoli dwar is-sostenn għall-iżvilupp rurali, riżultat li ma jistax jintlaħaq jekk l-Istati Membri jistgħu joperaw ridistribuzzjonijiet tal-fondi bi ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 118).

365    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

366    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħdax-il motiv, li jirrigwarda l-investigazzjoni li għandha r-riferenza FA/2006/108/GR, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet, fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 296/96, tal-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, tan-nuqqas ta’ motivazzjoni u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

367    Ir-Repubblika Ellenika tispjega li d-dewmien fil-ħlas huwa dovut, minn naħa, għall-uċuħ tar-raba’, għall-eżami ta’ talbiet li hija kellha dritt, u, min-naħa l-oħra, għal-laħam taċ-ċanga, għall-kumpens bil-ħlasijiet ulterjuri.

368    Għandu jitfakkar li l-ispejjeż ta’ finanzjament a karigu tal-FAEGG għandhom jiġi kkalkolati fuq il-premessa li t-termini applikabbli previsti mil-leġiżlazzjoni agrikola ġew osservati. Għaldaqstant, meta l-awtoritajiet nazzjonali jħallsu l-għajnuna wara l-iskadenza tat-terminu, huma jimputaw lill-FAEGG, kif turi r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 296/96, infiq irregolari u, għaldaqstant, mhux eliġibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Qorti tal-Ġustizzja tad-28 ta’ Ottubru 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑253/97, Ġabra p.1‑7529, punt 126, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑3475, punt 116).

369    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 296/96 (ara l-punt 344 iktar ’il fuq), kull spiża mħallsa lil hinn mit-termini jew l-iskadenzi preskritti hija suġġetta għal teħid inkunsiderazzjoni mnaqqsa fil-kuntest fil-kuntest ta’ ħlasijiet minn qabel li jsegwu r-regoli riprodotti fl-imsemmi artikolu. Huwa biss jekk l-ispejjeż imħallsa tard ma jeċċedux 4 % tal-ispejjeż mħallsa li josservaw it-termini u l-iskadenzi li ebda tnaqqis ma jsir, peress li n-numru ta’ xhur ta’ dewmien ma għandu ebda influwenza.

370    F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax l-eżistenza ta’ ħlasijiet lura. Hija lanqas ma tikkontesta l-ispejjeż imħallsa b’dewmien li jeċċedu dan il-marġni ta’ diskrezzjoni.

371    Għaldaqstant, hija ma tistabbilixxi f’din il-kawża l-ebda evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, lanqas il-ksur mill-Kummissjoni tar-Regolament Nru 296/96 jew tar-regoli tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet.

372    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-korrezzjoni inkwistjoni kellha jkollha motivazzjoni speċifika.

373    Madankollu, mill-proċess jirriżulta li r-raġunijiet msemmija quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiġġustifikaw it-termini tal-ħlas ġew spjegati lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Lulju 2006 u miċħuda minnha, fuq il-bażi li ġustifikazzjonijiet msemmija ma jistgħux jiġġustifikaw il-ħlas tard. Barra minn hekk, il-minuti tal-laqgħa bilaterali jindikaw li l-korrezzjoni baqgħet minħabba li, fil-każ ta’ kawżi, il-marġni ta’ 4 % għandu jkun suffiċjenti. Barra minn hekk, fil-każ ta’ korrezzjonijiet dwar il-qasam tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, mill-proċedura amministrattiva jirriżulta li l-Kummissjoni naqqset l-amount l-ammont tal-korrezzjoni dovut għal ħlasijiet żejda sabiex tiġi evitata korrezzjoni doppja u hija ġibdet il-konsegwenzi fuq il-ħlasijiet tardivi. Tabella ddettaljata dwar l-impatt finanzjarju tat-tnaqqis diġà magħmul fuq il-pagamenti tardivi tinsab fir-rapport ta’ sinteżi.

374    Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika, li kienet assoċjata mill-qrib mal-proċess ta’ redazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienet taf ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kienet qieset il-korrezzjoni inkwistjoni fondata. Hija ma tipprovdix, barra minn hekk, l-ebda raġuni jew bażi legali li li twassal li tirrikjedi motivazzjoni iktar speċifika minn dik rikjesta fil-qasam mill-ġurisprudenza ċċitata (ara l-punt 73 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

375    Ir-Repubblika Ellenika tallega wkoll il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-Kummissjoni applikat l-iskema ta’ korrezzjoni previst mir-Regolament Nru 296/96 mingħajr ma eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha.

376    Issa, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 ma jagħti ebda setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni.

377    Ċertament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 jippermetti lill-Kummissjoni li tapplika skala differenti jekk ikun hemm kundizzjonijiet partikolari ta’ ġestjoni jew jekk l-Istat Membru jressaq ġustifikazzjonijiet fondati.

378    Madankollu, din hija dispożizzjoni li tintroduċi deroga, li għaldaqstant għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 368 iktar ’il fuq, punt 115).

379    F’din il-kawża, hija r-Repubblika Ellenika li għandha turi li l-kundizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 ġew sodisfatti, jiġifieri li tipprova li jeżistu kundizzjonijiet eċċezzjonali tal-immaniġġjar għal ċerti miżuri jew li tipprovdi ġustifikazzjonijiet fondati. B’mod partikolari, ir-Repubblika Ellenika għandha turi li d-dewmien ma marx lil hinn minn limiti raġjonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Settembru 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑331/00, Ġabra p. I‑9085, punt 117, u s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 372).

380    F’din il-kawża, b’hekk hija għandu turi l-eżistenza ta’ lmenti preċedenti rigward l-uċuħ tar-raba’ li l-eżami tagħhom jiġġustifika d-dewmien fil-ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punt 375). Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Ir-Repubblika Ellenika lanqas ma ġġustifikat id-dewmien fil-ħlasijiet rigward il-kumpens fil-qasam tal-laħam taċ-ċanga.

381    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

382    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ellenika ssemmi l-assenza ta’ preġudizzju għall-FAEGG, minħabba tnaqqis f’ammont ta’ EUR 4 678 975.85 li ġie applikat skont ir-Regolament Nru 296/96, fl-istadju tal-antiċipi, jiġifieri ammont ikbar mill-korrezzjoni finali.

383    Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, kif ġie mfakkar preċedentement (ara l-punt 368 hawn fuq), l-ispiża tal-finanzjament tal-FAEGG għandu jiġi kkalkolat billi jiġi preżunt li dan it-terminu jkun osservat. Konsegwentement, meta l-awtoritajiet Griegi jħallsu wara l-iskadenza tat-terminu, huma jimputaw lill-FAEGG spejjeż mhux eliġibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 368 iktar ’il fuq, punt 126, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2006, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑251/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 78). L-argument ibbażat fuq li l-korrezzjoni finalment imposta (jiġifieri EUR 4521 536.62) hija inqas mit-tnaqqis inizjalment magħmul (jiġifieri EUR 4678 975.85), huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

384    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ħdax-il motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

385    Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

386    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Jannar 2013.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

1. Linji gwida tal-Kummissjoni

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq il-portata tar-rikors

2. Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, rigward il-korrezzjonijiet applikati għall-qasam tal-“frott u ħaxix – trasformazzjoni ta’ ċitru”

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Rapport ta’ sinteżi

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tad-dokumenti Nru VI/5330/97 u 17933/2000

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u n-natura sproporzjonata tal-korrezzjonijiet imposti

3. Fuq it-tielet motiv, rigward il-korrezzjonijiet applikati għall-qasam tal-qoton

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Rapport ta’ sinteżi

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura allegatament żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet tas-SIĠK

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq in-natura allegatament żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-miżuri ambjentali

Fuq il-ħames parti, ibbażat fuq in-natura allegatament żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-kummissjoni dwar il-kontroll fuq il-post tal-arji

Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet, ibbażati fuq in-natura sproporzjonata tal-korrezzjoni finanzjarja

4. Fuq is-sitt motiv, rigward il-korrezzjonijiet applikati fil-qasam tal-primjums għall-annimali tal-ifrat u l-ħlasijiet għall-estensifikazzjoni.

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Kontrolli

Preimjum għall-qatla

Rapport ta’ sinteżi

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-kontrolli dwar il-primjums għall-annimali tal-ifrat

– Fuq il-kontrolli dopiji

– Dwar il-kontrolli fuq il-post

Fuq il-korrezzjonijiet li jirrigwardaw il-ħlasijiet għall-estensifikazzjoni

5. Fuq id-disa’ motiv, rigward il-korrezzjonijiet applikabbli fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Fuq ir-reġistru tal-kultivazzzjoni taż-żebbuġ

Fuq id-dikjarazzjoni ta’ kultivazzjoni u l-kontrolli

Sur les moulins

Rapport ta’ sinteżi

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq in-natura allegatament żbaljata tal-korrezzjonijiet imposti.

– Fuq in-natura mhux operattiva tal-fajls tal-kompjuter

– Fuq in-nuqqas ta’ tlestija tar-reġistru taż-żebbuġ

– Fuq in-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ kultivazzjoni

– Fuq in-nuqqasijiet dwar il-kontrolli fuq il-post

– Fuq in-nuqqasijiet dwar il-kontrolli fl-imtieħen

– Fuq is-segwitu insuffiċjenti tas-sanzjonijiet proposti mill-AYMEEE

Fuq il-livell tal-korrezzjoni applikata, il-ksur tal-prinċipju ta’ propozjonalita u l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

6. Fuq l-għaxar u l-ħdax-il motiv, rigward il-korrezzjonijiet applikati għall-ispejjeż fil-qasam tal-verifika finanzjarja

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Termini għall-ħlas

Termini ta’ ħlas ta’ żoni żvataġġjati

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-għaxar motiv, rigward l-investigazzjoni li għandha r-riferenza FA/2005/70/GR, ibbażata fuq il-ksur tar-regoli tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet u tar-Regolament Nru 817/2004, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq il-ħdax-il motiv, li jirrigwarda l-investigazzjoni li għandha r-riferenza FA/2006/108/GR, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet, fuq l-aplikazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 296/96, tal-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, tan-nuqqas ta’ motivazzjoni u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.