Language of document : ECLI:EU:C:2018:926

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Novembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31 – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Deroga – Artikolu 1(3) – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 2(2) – Attività ta’ assistent matern”

Fil-Kawża C‑147/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanţa, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Sindicatul Familia Constanţa,

Ustinia Cvas et

vs

Direcţia Generală de Asistenţă Socială şi Protecţia Copilului Constanţa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, T. von Danwitz, C. Toader, u C. Lycourgos (Relatur), Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, E. Levits, L. Bay Larsen, M. Safjan, C.G. Fernlund, C. Vajda, u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Rumen, inizjalment minn R. H. Radu, sussegwentement minn C.‑R. Canţăr, O. C. Ichim u L. Liţu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek, C. Hödlmayr u A. Biolan, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), kif ukoll tal-Artikolu 1(3), tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikoli 5, 7 u 17 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, is-Sindicatul Familia Constanța (is-Sindakat “Familja” ta’ Constanța, ir-Rumanija), sindakat professjonali, u assistenti materni u, min-naħa l-oħra, id-Direcția Generală de Asistență Socială și Protecția Copilului Constanța (id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Soċjali u għall-Protezzjoni tal-Minuri ta’ Constanţa, iktar ’il quddiem id-“Direttorat Ġenerali”), dwar talba mressqa minn dawn l-assistenti sabiex jiksbu l-ħlas ta’ drittijiet salarjali miżjuda b’100 % tas-salarju bażiku għall-attivitajiet eżerċitati matul il-perijodi ta’ serħan fil-ġimgħa, ta’ leave statutorju u matul ġranet oħra ta’ btala, kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens ugwali għall-kumpens marbut mal-leave annwali mħallas, matul is-snin 2012 sa 2015.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 89/391

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

 Id-Direttiva 2003/88

4        Il-premessi 1, 2, 4 u 5 tad-Direttiva 2003/88 jiddikjaraw:

“(1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993, li tikkonċerna ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, li tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi u tas-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, fir-rigward ta’ perjodi ta’ serħan kull jum, ta’ waqfien, ta’ serħan ta’ kull ġimgħa, il-ħin massimu tax-xogħol ta’ kull ġimgħa, il-leave annwali u l-aspetti tax-xogħol matul il-lejl, ix-xogħol bix-shift u l-istili tax-xogħol, kienu emendati b’mod importanti. Sabiex ikunu ċċarati dawn il-materji, kodifikazzjoni tad-disposizzjonijiet f’dan il-każ għandha tkun imħejjija.

(2)      L-Artikolu 137 tat-Trattat jipprovdi li l-Komunità għandha tappoġġja u tikkumplementa l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-ambjent tax-xogħol u tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. […]

[…]

(4)      It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.

(5)      Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. Il-kunċett ta’ ‘serħan’ għandu jkun espress f’unitajiet ta’ ħin, i.e. f’jiem, f’sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-Komunità għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u waqfien adekwati. Huwa wkoll meħtieġ li f’dan il-kuntest jitqiegħed limitu massimu fuq sigħat tax-xogħol matul kull ġimgha.”

5        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Direttiva tapplika għal:

(a)      il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

(b)      ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

3.      Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva [89/391], mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

[…]”

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

[…]”

7        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.

Jekk objettivi, l-organizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi jew tax-xogħol hekk jiġġustifikaw, perjodu minimu ta’ serħan ta’ 24 siegħa jista’ jkun applikat.”

8        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, dwar il-leave annwali, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

9        L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      F’dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u partikolarment fil-każ ta’:

(a)      eżekuttivi amministraturi jew persuni oħrajn b’poteri awtonomi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

(b)      ħaddiema parti mill-familja; jew

(ċ) ħaddiema li juffiċċjaw f’ċerimonji reliġjużi fi knejjes u f’komunitajiet reliġjużi.

[….]

3.      B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

[…]

(b)      fil-każ ta’ attivitajiet ta’ sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti sabiex tkun protetta l-propjetà u persuni, partikolarment gwardji tas-sigurtà u purtinara jew ditti tas-sigurtà;

(ċ)      fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa, partikolarment:

(i)      servizzi marbuta ma riċeviment, trattament u/jew kura pprovduta minn sptarijiet jew stabbilimenti simili, inklużi l-attivitajiet ta’ tobba waqt it-taħriġ, istituzzjonijiet residenzjali u ħabsijiet;

(ii)      ħaddiema tax-xatt jew ta’ l-ajruporti;

(iii)      servizzi ta’ l-istampa, tar-radju, tat-televiżjoni, tal-produzzjoni ċinematografika, tal-posta jew tat-telekommunikazzjonijiet, ta’ l-ambulanza, servizzi tal-protezzjoni tan-nar jew ċivili;

(iv) tal-produzzjoni tal-gass, ta’ l-ilma u ta’ l-elettriku, tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni, tal-ġbir ta’ l-iskart domestiku u ta’ l-impjanti ta’ l-inċenerazzjoni;

(v)      industriji li fihom ix-xogħol ma jistax ikun interrott fuq bażi teknika;

(vi)      attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp;

(vii)      l-agrikoltura;

(viii)      il-ħaddiema kkonċernati mal-karreġġjata ta’ passiġġieri fuq servizzi regolari tat-trasport urban;

[…]

4. B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3 u 5:

[…]

(b)      fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu perjodi ta’ xogħol imqassma matul il-jum, partikolarment dawk tal-persunal tat-tindif.

[…]”.

 Id-dritt Rumen

10      L-Artikolu 4 tal-Legea nr. 272/2004 privind protecția si promovarea drepturilor copilului (il-Liġi Nru 272/2004 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Minuri) jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-kliem u l-espressjonijiet indikati hawnhekk għandhom it-tifsiriet segwenti: […]

(d)      familja foster – persuni, għajr dawk li jagħmlu parti mill-familja estiża, inklużi l-qraba bi żwieġ sar-raba’ grad, u assistenti materni u li jiżguraw legalment it-trobbija u l-kura tal-minuri.”

11      L-Artikolu 116 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“(1)      Is-servizz pubbliku speċjalizzat fil-protezzjoni tal-minuri eżistenti li huwa suġġett għall-kunsilli tal-provinċji u għall-kunsilli lokali tad-distretti tal-muniċipalità ta’ Bukarest [ir-Rumanija], kif ukoll is-servizz pubbliku ta’ għajnuna soċjali fil-livell tal-provinċji u tad-distretti tal-muniċipalità ta’ Bukarest huma organizzati mill-ġdid bħala Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Soċjali u għall-Protezzjoni tal-Minuri.

(2)      Id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Soċjali u għall-Protezzjoni tal-Minuri huwa istituzzjoni pubblika b’personalità ġuridika, maħluqa taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli tal-provinċji, jew tal-kunsilli lokali tad-distretti tal-muniċipalità ta’ Bukarest, li għandu jassumi, mutatis mutandis, il-funzjonijiet tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna soċjali fil-livell tal-provinċji u, rispettivament, il-kompetenzi tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna soċjali fil-livell tad-distretti tal-muniċipalità ta’ Bukarest.

(3)      L-istituzzjoni msemmija fil-paragrafu (2) għandha teżerċita, fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri, il-kompetenzi msemmija f’din il-liġi kif ukoll f’atti normattivi oħra fis-seħħ.

[…]”

12      L-Artikolu 117 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Soċjali u għall-Protezzjoni tal-Minuri għandu jeżerċita, fil-qasam tal-protezzjoni u tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-minuri, il-kompetenzi prinċipali segwenti:

(a)      il-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni tal-familja u tad-drittijiet tal-minuri fil-livell tal-provinċji u tad-distretti tal-muniċipalità ta’ Bukarest;

[…]”

13      L-Artikolu 121 tal-Liġi Nru 272/2004 jipprovdi:

“Is-servizzi tal-familja huma s-servizzi li permezz tagħhom jiġu żgurati, fid-dar ta’ persuna fiżika jew ta’ familja, it-trobbija u l-kura ta’ minuri sseparat temporanjament jew permanentement mill-ġenituri tiegħu, b’riżultat ta’ miżura ta’ tqegħid taħt kura adottata konformement ma’ din il-liġi.”

14      L-Artikolu 122 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“(1)      Minuri jistgħu jitqiegħdu taħt il-kura ta’ familji u ta’ persuni li jkollhom minn tal-inqas 18-il sena, igawdu minn kapaċità sħiħa, ikunu residenti fir-Rumanija u jkollhom il-kwalitajiet morali u l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa sabiex irabbu u jieħdu kura ta’ minuri sseparat temporanjament jew permanentement mill-ġenituri tiegħu.

[…]

(3)      L-attività tal-persuna maħtura bħala assistent matern, skont il-liġi, għandha titwettaq abbażi ta’ kuntratt speċjali għall-protezzjoni tal-minuri, konkluż mad-Direttorat Ġenerali jew ma’ korp privat akkreditat, li għandu jinkludi l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-attivitajiet għat-trobbija, il-kura u l-edukazzjoni tal-minuri taħt kura għandhom isiru fid-dar;

(b)      il-programm ta’ xogħol għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-ħtiġijiet tal-minuri;

(c)      il-ħin liberu għandu jiġi ppjanat skont il-programm tal-familja u tal-minuri mqiegħda taħt kura;

(d)      il-kontinwità tax-xogħol magħmul għandha tiġi ggarantita matul il-perijodu ta’ leave statutorju, sakemm matul dan il-perjodu s-separazzjoni minn mal-minuri mqiegħed taħt il-kura tal-familja ma tkunx ġiet awtorizzata mid-Direttorat Ġenerali.

(4)      Il-kuntratt ta’ xogħol individwali għandu jitfassal sa mid-data tal-ħruġ tad-dispożizzjoni tad-Direttur li tistabbilixxi l-miżura ta’ tqegħid taħt kura b’urġenza jew mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri/tal-qorti dwar l-introduzzjoni ta’ miżura ta’ tqegħid taħt kura.

[…]”

15      Il-Hotarârea Guvernului nr. 679/2003 (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 679/2003) tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni, il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u l-istatus ta’ assistent matern professjonali.

16      Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni:

“L-assistent matern professjonali huwa persuna fiżika, awtorizzata konformement ma’ din id-deċiżjoni, li tiżgura, permezz tal-attività tagħha f’darha, it-trobbija, il-kura u l-edukazzjoni meħtieġa għall-iżvilupp armonjuż tal-minuri mqiegħda taħt il-kura tagħha jew fdati taħt ir-responsabbiltà tagħha.”

17      L-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

“(1) L-attivitajiet tal-persuni awtorizzati bħala assistenti materni professjonali għandhom jitwettqu abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol individwali speċjali, li l-għan tiegħu għandu jkun speċifikament il-protezzjoni tal-minuri u li għandu jkun konkluż ma’ servizz pubbliku speċjalizzat fil-protezzjoni tal-minuri jew ma’ korp privat akkreditat li jkollu d-dmir li jissorvelja u jgħin fix-xogħol magħmul mill-assistenti materni professjonali.

(2)      Il-kuntratt ta’ xogħol individwali għandu jiġi konkluż għall-perijodu tal-validità tal-awtorizzazzjoni.

(3)      L-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol individwali tibda fid-data li fiha tiġi rċevuta d-deċiżjoni li tqiegħed lill-minuri taħt il-kura jew ir-responsabbiltà tal-assistent matern professjonali.

[…]”

18      L-Artikolu 9 tal-istess deċiżjoni jipprovdi:

“(1)      Għal kull minuri li jitqiegħed taħt il-kura jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, l-assistent matern professjonali għandu jikkonkludi ftehim anness mal-kuntratt ta’ xogħol individwali mal-persuna li timpjega.

(2)      Il-ftehim għandu jiġi konkluż bil-kunsens bil-miktub tar-raġel jew, skont il-każ, tal-mara tal-assistent matern professjonali u għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri li tkun ordnat it-tqegħid taħt kura jew taħt responsabbiltà tal-minuri.

(3)      Il-ftehim għandu jinkludi l-elementi segwenti:

[…]

(g)      id-drittijiet u l-obbligi speċifiċi tal-partijiet.”

19      Skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 679/2003:

“(1)      L-assistent matern professjonali huwa marbut bl-obbligi segwenti fir-rigward tal-minuri mqiegħed taħt il-kura jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu:

(a)      għandu jipprovdi għat-trobbija, għall-kura u għall-edukazzjoni tal-minuri sabiex jiżgura l-iżvilupp fiżiku, mentali, intellettwali u emozzjonali tagħhom b’mod armonjuż;

(b)      għandu jipprovdi għall-integrazzjoni tal-minuri fil-familja tiegħu stess, filwaqt li jiggarantilhom trattament ugwali bħall-membri l-oħra tal-familja;

(c)      għandu jipprovdi għall-integrazzjoni soċjali tal-minuri;

(d)      għandu jikkontribwixxi għal tħejjijiet sabiex il-minuri jmorru lura għand il-familja naturali tagħhom jew għall-integrazzjoni tagħhom f’familja adottiva, skont il-każ;

(e)      għandu jippermetti li speċjalisti fis-servizz pubbliku għall-protezzjoni tal-minuri, jew li l-korp privat akkreditat, jagħmlu superviżjoni tal-attività professjonali tiegħu u jevalwaw l-iżvilupp tal-minuri;

(f)      għandu jiżgura li l-attività tiegħu tissokta matul il-leave statutorju, sakemm is-separazzjoni minn minuri taħt il-kura jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu ma tkunx ġiet awtorizzata għal dan il-perijodu mill-persuna li timpjega;

[…]

(2)      L-assistenti materni professjonali huma meħtieġa jinformaw immedjatament lis-servizz pubbliku speċjalizzat fil-protezzjoni tal-minuri jew lill-korp privat li jissorvelja l-attività b’kull bidla fis-sitwazzjoni personali, familjali jew soċjali tagħhom li tista’ tinfluwenza l-attività professjonali tagħhom.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Il-persuni fiżiċi, rikorrenti fil-kawża prinċipali, huma impjegati bħala assistenti materni mid-Direttorat Ġenerali, li huwa istituzzjoni pubblika li l-għan tagħha huwa li tikkoordina l-attivitajiet ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni tal-familja u tad-drittijiet tal-minuri fuq il-livell tal-provinċji jew fuq il-livell tad-distretti ta’ Bukarest. L-imsemmija persuni huma responsabbli sabiex jospitaw f’darhom minuri, li tiegħu l-ġenituri tkun tneħħitilhom, b’mod definittiv jew temporanju, il-kustodja, u sabiex jiżguraw l-edukazzjoni u l-manteniment ta’ dan il-minuri. Kull assistent matern ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol individwali mal-imsemmi direttorat ġenerali kif ukoll ftehim ta’ tqegħid taħt kura għal kull minuri mqiegħed taħt il-kustodja tiegħu.

21      Dawn l-assistenti materni u s-Sindakat “Familja” ta’ Constanța li jirrappreżentahom ippreżentaw, quddiem it-Tribunalul Constanţa (il-Qorti tal-Kontea ta’ Constanţa), rikors intiż għall-kundanna tad-Direttorat Ġenerali għall-ħlas ta’ pagamenti salarjali supplimentari, li jirrappreżentaw żieda ta’ 100 % tas-salarju bażiku tal-funzjoni okkupata, għax-xogħol imwettaq fil-jiem ta’ serħan fil-ġimgħa, fil-btajjel pubbliċi u f’jiem oħra meqjusa li ma humiex jiem ta’ xogħol kif ukoll għall-ħlas ta’ kumpens ekwivalenti għal kumpens marbut mal-leave annwali mħallas għas-snin 2012 sa 2015. Peress li r-rikors tagħhom ġie miċħud, huma appellaw mis-sentenza mogħtija quddiem il-qorti tar-rinviju.

22      Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-attività tal-persuna approvata legalment bħala assistent matern tiġi eżerċitata fuq il-bażi ta’ kuntratt individwali ta’ natura speċjali, marbuta mal-protezzjoni tal-minuri. Dan il-kuntratt jistipula, b’mod partikolari, li, fid-dawl tas-suġġett tiegħu, jiġifieri l-attività ta’ trobbija, ta’ kura u ta’ edukazzjoni fid-dar ta’ minuri mqiegħed taħt il-kustodja tal-assistent matern, din l-attività għandha tiġi żgurata b’mod kontinwu, inkluż fil-jiem ta’ serħan fil-ġimgħa, fil-btajjel pubbliċi u fil-jiem meqjusa li ma humiex jiem ta’ xogħol, fejn il-ħinijiet tax-xogħol jiddependu wkoll mill-ħtiġijiet tal-minuri. F’dan id-dawl, skont il-qorti tar-rinviju, il-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni jinkludu klawżoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol u ta’ serħan, li minnhom jirriżulta li l-assistenti materni jeżerċitaw, fil-verità, il-funzjonijiet tagħhom b’mod kontinwu, ħlief għall-perijodi li matulhom il-minuri jkun l-iskola.

23      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-obbligu ta’ kontinwità tal-attività ta’ assistent matern japplika wkoll matul il-perijodi ta’ leave annwali. It-tul ta’ tali leave, li jiddependi mill-anzjanità tal-assistent matern, huwa previst mill-kuntratti ta’ xogħol.

24      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li d-deskrizzjoni tal-funzjoni li tinsab fil-kuntratt kif ukoll il-ftehim ta’ tqegħid taħt kura konkluż għal kull minuri jipprevedu li, matul il-perijodi ta’ leave statutorju, l-attività tal-assistent matern għandha tiġi żgurata b’mod kontinwu, ħlief fil-każ li l-persuna li timpjega tawtorizza s-separazzjoni tal-minuri. Hija kkonstatat li, fil-prattika, fost l-assistenti materni rikorrenti fil-kawża pendenti quddiemha, waħda biss kienet ġiet awtorizzata tieħu leave mingħajr il-minuri li kien tqiegħed taħt il-kustodja tiegħu matul is-snin 2014 u 2015, filwaqt li tlieta minn dawn ir-rikorrenti kienu ħadu l-leave tagħhom mingħajr il-minuri fl-2014 u tlieta oħra fl-2015. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju madankollu tispjega li t-talbiet għal leave mressqa mill-assistenti materni rikorrenti quddiemha jispeċifikaw li dawn tal-aħħar kienu jafu bil-possibbiltà li jieħdu l-leave mingħajr il-minuri mqiegħed taħt il-kustodja tagħhom, iżda li huma kienu xorta waħda aċċettaw li jieħdu l-leave flimkien mal-minuri.

25      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika, fl-ewwel lok, li hemm diverġenzi fil-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-assistenti materni li jirċievu pagamenti salarjali supplimentari fir-rigward tax-xogħol imwettaq fil-jiem ta’ serħan fil-ġimgħa, li matulhom ma jkunux isseparati mill-minuri mqiegħed taħt il-kura tagħhom. Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt għal kumpens għall-attività eżerċitata fil-perijodu tal-leave statutorju, l-assistenti materni ma jistgħux jibbenefikaw minn kumpens għar-raġuni li ma jkunux isseparati mill-minuri mqiegħed taħt il-kustodja tagħhom. Madankollu, fil-ġurisprudenza nazzjonali hemm diverġenzi fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk dawn l-assistenti materni jistgħux jibbenefikaw minn kumpens fil-każ li l-persuna li timpjega ma tawtorizzax is-separazzjoni tal-minuri matul il-perijodu ta’ leave statutorju.

26      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/88 għat-tilwima fil-kawża quddiemha minħabba li l-attività ta’ assistent matern, li taqa’ fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika, għandha, fil-fehma tagħha, karatteristiċi partikolari inerenti, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, li jipprekludu b’mod inevitabbli l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88. Hija tqis li din l-attività tista’ titqies li hija ekwivalenti għar-rwol tal-ġenituri u għandha tiġi eżerċitata b’mod kontinwu skont il-ħtiġijiet tal-minuri. L-attivitajiet tal-assistent matern ma jistgħux jiġu ppjanati b’eżattezza iżda għandhom jiġu organizzati b’mod ġenerali ħafna. Għaldaqstant, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat it-tul tal-ħin ta’ xogħol inerenti għal tali attivitajiet u dan it-tul ma jistax jiġi kkonċiljat ma’ perijodu ta’ serħan obbligatorju.

27      Il-qorti tar-rinviju tispjega li jistgħu jsiru derogi mid-dritt għal serħan fil-ġimgħa, previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88. Hija għalhekk tqis li, fid-dawl tan-natura speċifika tal-attività tal-assistenti materni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, din id-deroga tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 17(1), (3)(b) u (ċ) jew (4) tal-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-assistenti materni rikorrenti fil-kawża prinċipali jeżerċitaw prinċipalment l-attività tagħhom f’darhom, mingħajr ma huma marbuta bi programm li jeħtieġ il-preżenza tagħhom f’post ta’ xogħol preċiż jew b’numru ddeterminat ta’ sigħat ta’ xogħol.

28      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-marġni li għandhom l-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-derogi previsti f’dan l-Artikolu 17, u b’mod partikolari dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex tinkludi dispożizzjonijiet derogatorji espliċiti. Hija tispjega li, f’dan il-każ, il-Liġi Nru 272/2004 ma tipprevedix deroga espliċita mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol Nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet dwar il-“ħin tax-xogħol” u dwar il-“ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88, u lanqas mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 sa 6 tal-imsemmija direttiva. Hija tosserva, madankollu, li l-Artikolu 122 ta’ din il-liġi jipprevedi li huwa biss wara li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ xogħol individwali, li jinkludi sett ta’ regoli speċjali dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħhom li jikkostitwixxu deroga impliċita mill-imsemmija dispożizzjonijiet, li l-persuni jistgħu jeżerċitaw attività ta’ assistent matern.

29      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-assistent matern jinsab f’sitwazzjoni partikolari minħabba li jikkondividi daru mal-minuri mqiegħed taħt il-kura tiegħu u jibqa’, minħabba f’hekk, b’mod kontinwu għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega sabiex jipprovdi servizz lil dan il-minuri, u dan anki matul il-perijodi li matulhom ma jeżerċitax l-attività tiegħu bħala assistent matern. Dik il-qorti għandha dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk fil-jiem ta’ serħan jew fil-btajjel pubbliċi jitwettaqx xogħol supplimentari, li għandu jkun is-suġġett ta’ remunerazzjoni supplimentari. Fir-rigward tad-dritt għal serħan fil-ġimgħa previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, dan ma huwiex iggarantit għaliex l-Artikolu 122 tal-Liġi Nru 272/2004 jeżiġi, de facto, attività kontinwa. Madankollu, l-imsemmi Artikolu 5 ma jkunx miksur jekk l-attività ta’ assistent matern taqa’ taħt deroga prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88, iżda tqum, eventwalment, fil-każ li japplika l-Artikolu 17(3) jew (4), il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ perijodu ta’ serħan kompensatorju ekwivalenti.

30      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan il-każ, li l-assistent matern effettivament ma jistax igawdi minn leave annwali, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Hija tispeċifika li għalkemm l-Artikolu 122(3)(d) tal-Liġi Nru 272/2004 jirrikonoxxi d-dritt għal-leave annwali, dan l-artikolu madankollu jobbliga lill-assistenti materni jiżguraw il-kontinwità tal-attività matul il-perijodu tal-leave, sakemm id-Direttorat Ġenerali ma jawtorizzahomx jisseparaw mill-minuri mqiegħed taħt il-kura tagħhom. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li din l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-persuna li timpjega li l-leave jittieħed mingħajr il-minuri mqiegħed taħt il-kura tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-obbligu li tiġi żgurata l-kontinwità tal-imsemmija attività. Sa fejn l-Artikolu 146(3) tal-Kodiċi tax-Xogħol Nazzjonali, li jittrasponi l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, jipprojbixxi espliċitament kull kumpens tal-leave permezz ta’ kumpens ekwivalenti, ħlief fil-każ li tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol, il-qorti tar-rinviju tindika li l-assistenti materni rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin iqisu li ġarrbu dannu minħabba l-impossibbiltà li jibbenefikaw kemm mil-leave annwali mħallas u kemm minn kumpens ekwivalenti.

31      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk l-eventwali kumpens finanzjarju jistax jinkludi kull tip ta’ kumpens, inkluż kumpens għad-dannu mġarrab minħabba li l-persuni kkonċernati ma setgħux jibbenefikaw mil-leave annwali, jew jekk tali kumpens huwiex limitat għad-drittijiet salarjali għall-perijodu ta’ leave annwali mhux meħud fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk it-tifsira tal-kunċett ta’ kumpens finanzjarju tkunx differenti meta jkunu l-karatteristiċi tal-attività ta’ assistent matern li jipprekludu, fil-verità, l-assistenti materni rikorrenti fil-kawża prinċipali milli jibbenefikaw mil-leave annwali, irrispettivament mill-interessi tal-persuna li timpjega.

32      Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuna li timpjega tagħti b’mod diskrezzjonali lill-assistent matern id-dritt li jieħu l-leave mingħajr il-minuri li jkun tqiegħed taħt il-kustodja tiegħu, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dan il-ksur għandux jiġi attribwit, fil-kuntest ta’ talba għad-danni, lill-Istat Membru jew inkella lill-persuna li timpjega.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanţa, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva attività bħal dik tal-assistenti soċjali li jaġixxu bħala ġenituri [assistenti materni], li hija l-attività eżerċitata mir-rikorrenti?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li attività bħal dik tal-assistenti soċjali li jaġixxu bħala ġenituri, eżerċitata mir-rikorrenti, tista’ tkun is-suġġett ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva bis-saħħa tal-Artikolu 17(1), (3)(b) u (ċ) jew (4)(b)?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti: l-Artikolu 17(1) jew, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 17(3) jew (4) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li tali deroga għandha tkun espliċita jew tista’ tkun anki impliċita, bl-adozzjoni ta’ att normattiv speċjali li jipprevedi regoli differenti dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol fir-rigward ta’ attività professjonali partikolari; fil-każ li tali deroga tista’ ma tkunx espliċita, liema huma l-kundizzjonijiet minimi meħtieġa sabiex ikun jista’ jitqies li dispożizzjoni nazzjonali tintroduċi deroga u tali deroga tista’ tkun espressa bir-regoli ddettaljati li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 272/2004?

4)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel, għat-tieni jew għat-tielet domandi: il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li fih assistent soċjali li jaġixxi bħala ġenitur iqatta’ mal-minuri li jkun qiegħed jieħu ħsieb, fid-dar tal-assistent soċjali jew f’post ieħor magħżul minnu, jikkostitwixxi ħin tax-xogħol anki jekk ma jwettaq ebda waħda mill-attivitajiet indikati fil-kuntratt individwali tax-xogħol bħala attivitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu?

5)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel, għat-tieni jew għat-tielet domandi: l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 122 tal-Liġi Nru 272/2004; u, fil-każ li tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 17(3)(b) u (ċ) jew (4)(b) ta’ din id-direttiva huwa applikabbli: tali artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali dispożizzjoni nazzjonali?

6)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u, eventwalment, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda: l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jista’ jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, minkejja kollox, li jingħata kumpens ugwali għall-kumpens li l-impjegat kien ikun intitolat għalih matul il-leave annwali sa fejn in-natura tal-attività eżerċitata mill-assistenti soċjali li jaġixxu bħala ġenituri twaqqafhom milli jieħdu dan il-leave jew, minkejja li l-leave ikun formalment ingħata, l-impjegat jibqa’ fil-prattika jwettaq l-istess attività sa fejn matul dan il-perijodu ma jkunx jista’ jissepara ruħu mill-minuri li jkun qiegħed jieħu ħsieb? Fl-affermattiv, sabiex ikun intitolat għal kumpens, huwa meħtieġ li l-impjegat ikun talab awtorizzazzjoni sabiex jissepara ruħu mill-minuri u l-persuna li timpjega tkun irrifjutat li tagħti tali awtorizzazzjoni?

7)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda u risposta fin-negattiv għas-sitt domanda, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jipprekludi dispożizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 122(3)(d) tal-Liġi Nru 272/2004 f’sitwazzjoni fejn tali liġi tħalli lill-persuna li timpjega l-possibbilta li tiddeċiedi, fid-diskrezzjoni tagħha, jekk tawtorizzax lill-assistent soċjali li jaġixxi bħala ġenitur jissepara ruħu mill-minuri matul il-leave u, fl-affermattiv, l-impossibbiltà ta’ tgawdija de facto tal-leave, minħabba l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni legali, tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiġi invokat id-dritt tal-impjegat għal kumpens? Fl-affermattiv, tali kumpens għandu jitħallas mill-Istat minħabba ksur tal-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88] jew mill-entità pubblika li għandha l-kwalità ta’ persuna li timpjega li ma tkunx awtorizzat, matul il-perijodu tal-leave, is-separazzjoni mill-minuri inkwistjoni? F’tali sitwazzjoni, sabiex ikun intitolat għal kumpens, huwa meħtieġ li l-impjegat ikun talab awtorizzazzjoni sabiex jissepara ruħu mill-minuri u l-persuna li timpjega tkun irrifjutat li tagħti tali awtorizzazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

34      Fl-ewwel lok, il-Gvern Ġermaniż iqajjem dubji dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula minħabba li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-ħlas ta’ somom ta’ flus mitluba mill-assistenti materni bħala remunerazzjonijiet.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, ħlief għall-ipoteżi partikolari dwar il-leave annwali mħallas, prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva tirregola biss ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex tiżgura l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, b’tali mod li, bħala prinċipju, ma hijiex intiża li tapplika għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Hälvä et, C‑175/16, EU:C:2017:617, punt 25, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2018, Matzak, C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 24).

36      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma timplikax li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula f’din il-kawża.

37      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 hija meħtieġa sabiex tkun tista’ taqta’ t-tilwima li għandha quddiemha. B’mod iktar partikolari, kif josserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-assistenti materni bħalma huma l-persuni fiżiċi rikorrenti fil-kawża prinċipali jibbenefikawx, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, mid-dritt għall-perijodi ta’ serħan, għall-btajjel pubbliċi u għal-leave li fuqu qegħdin jibbażaw it-talbiet tagħhom għall-ħlas ta’ pagamenti salarjali supplimentari u għal kumpens u jekk il-Liġi Nru 272/2004, li tipprevedi t-teħid ta’ responsabbiltà tal-minuri mqiegħda mal-assistenti materni b’mod kontinwu, hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, kwistjonijiet dawn li għandhom natura preliminari fil-konfront tal-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ dritt għall-ħlas ta’ pagamenti salarjali supplimentari u għal kumpens, li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali.

38      F’tali ċirkustanzi, hemm rabta evidenti bejn id-domandi preliminari u l-fatti li wasslu għall-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

39      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li kemm mill-Artikolu 137 KE (li sar l-Artikolu 153 TFUE), li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva 2003/88, kemm mill-premessi 1, 2, 4 u 5 tagħha, u kemm mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 1(1) tagħha jirriżulta li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw b’mod partikolari t-tul tal-ħin tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel, C‑313/02, EU:C:2004:607, punt 46).

40      Peress li għalhekk id-Direttiva 2003/88 tapplika biss għall-ħaddiema, għandu jiġi ddeterminat jekk il-persuni fiżiċi rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħux jitqiesu li huma “ħaddiema”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

41      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, il-kunċett ta’ “ħaddiem” ma jistax jingħata interpretazzjoni li tvarja skont id-drittijiet nazzjonali, iżda għandu portata awtonoma partikolari għad-dritt tal-Unjoni. Dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol fid-dawl tad-drittijiet u tad-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Issa, il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija ċ-ċirkustanza li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt it-tmexxija tagħha, prestazzjonijiet li bħala korrispettiv għalihom tirċievi remunerazzjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Minn dan isegwi li relazzjoni ta’ xogħol teħtieġ l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah. L-eżistenza ta’ tali rabta għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari fid-dawl tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 46).

43      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-assistenti materni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiżguraw, bħala prinċipju b’mod kontinwu, it-trobbija, il-kura u l-edukazzjoni ta’ minuri mqiegħda taħt il-kura tagħhom minn awtorità pubblika u li huma jirċievu remunerazzjoni bħala korrispettiv għal din l-attività. Barra minn hekk, dawn l-assistenti materni mhux biss għandhom ikunu approvati iżda wkoll, konformement mal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 679/2003, għandhom jikkonkludu “kuntratt ta’ xogħol individwali speċjali” mad-dipartiment kompetenti speċjalizzat fil-protezzjoni tal-minuri, li jgħodd għall-perijodu ta’ validità tal-approvazzjoni u li l-eżekuzzjoni tiegħu tibda fid-data tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt kura. Dan il-kuntratt jista’ jiġi sospiż jew xolt skont ir-regoli nazzjonali tad-dritt dwar ix-xogħol. L-imsemmija assistenti materni jidhru wkoll li jibbenefikaw minn dritt għas-sigurtà soċjali kif ukoll minn dritt għat-taħriġ professjonali.

44      Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn l-assistenti materni għandhom jippermettu lis-servizz pubbliku speċjalizzat fil-protezzjoni tal-minuri li miegħu jkunu kkonkludew kuntratt jissorvelja l-attività professjonali tagħhom u jevalwa l-iżvilupp tal-minuri mqiegħda taħt il-kura tagħhom.

45      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-persuni fiżiċi rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsabu, fir-rigward tad-dipartiment pubbliku li miegħu huma marbuta kuntrattwalment, f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni kkonkretizzata permezz ta’ sorveljanza u ta’ evalwazzjoni permanenti tal-attivitajiet tagħhom min-naħa tal-imsemmi dipartiment fid-dawl tar-rekwiżiti u tal-kriterji stabbiliti fil-kuntratt, bil-għan li titwettaq il-missjoni ta’ protezzjoni ta’ minuri mogħtija lil tali dipartiment mil-liġi.

46      Din l-evalwazzjoni ma hijiex imdaħħla inkwistjoni mill-fatt li l-assistenti materni, bħall-persuni fiżiċi rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ kuljum tal-funzjonijiet tagħhom u li l-missjoni fdata lilhom hija “missjoni ta’ fiduċja” jew ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2014, Haralambidis, C‑270/13, EU:C:2014:2185, punti 39 sa 41, u tad-9 ta’ Lulju 2015, Balkaya, C‑229/14, EU:C:2015:455, punt 41).

47      Barra minn hekk, il-fatt li l-attività tal-assistenti materni tixbah, fil-parti l-kbira tagħha, ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri fir-rigward tat-tfal tagħhom stess ma huwiex, fid-dawl ta’ dak li ġie osservat fil-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza, ta’ natura li jeskludi lil dawn l-assistenti mill-klassifikazzjoni ta’ “ħaddiema” fis-sens tad-Direttiva 2003/88.

48      Minn dan isegwi li l-assistenti materni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li huma “ħaddiema” fis-sens tad-Direttiva 2003/88.

 Fuq l-ewwel domanda

49      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, għandux jiġi interpretat fis-sens li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 l-attività ta’ assistent matern li, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ awtorità pubblika, jospita u jintegra minuri fil-familja tiegħu u li jiżgura, b’mod kontinwu, l-iżvilupp armonjuż u l-edukazzjoni ta’ dan il-minuri.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’riferiment għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391.

51      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/391, din tapplika “għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati”, li jinkludu l-attivitajiet “ta’ servizz”.

52      Madankollu, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tagħha, din id-direttiva ma tapplikax meta l-karatteristiċi partikolari inerenti għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku, b’mod partikolari fil-forzi armati jew fil-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi ta’ protezzjoni ċivili, jipprekludu din l-applikazzjoni b’mod inevitabbli. It-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jispeċifika, madankollu, li, fit-tali każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom jiġu żgurati, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jitħarsu l-interessi li hija tippermetti lill-Istati Membri jipproteġu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 54).

54      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “servizz pubbliku” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, għandu jiġi osservat li l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda definizzjoni ta’ dan il-kunċett u lanqas ma tagħmel riferiment għad-drittijiet nazzjonali fir-rigward tat-tifsira li għandha tingħata lill-imsemmi kunċett. Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u kemm mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2017, Schottelius, C‑247/16, EU:C:2017:638, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kriterju użat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 sabiex jiġu esklużi ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, indirettament, minn dak tad-Direttiva 2003/88, ma huwiex ibbażat fuq il-fatt li l-ħaddiema jkunu jappartjenu lil wieħed mis-setturi tas-servizz pubbliku msemmija f’din id-dispożizzjoni, ikkunsidrat b’mod ġenerali, iżda huwa bbażat esklużivament fuq in-natura speċifika ta’ ċerti missjonijiet partikolari eżerċitati mill-ħaddiema tas-setturi msemmija minn din id-dispożizzjoni, natura li tiġġustifika eċċezzjoni għar-regoli dwar il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, minħabba l-ħtieġa assoluta li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tal-komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑132/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:18, punt 24).

56      Min-natura funzjonali ta’ tali kriterju jirriżulta li l-espressjoni “servizz pubbliku”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, ma tkoprix biss is-setturi li fihom il-ħaddiema jkunu marbuta b’mod organiku mal-Istat jew ma’ awtorità pubblika oħra, iżda wkoll is-setturi li fihom il-ħaddiema jeżerċitaw l-attività tagħhom għal persuna privata li tassumi, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi, missjoni ta’ interess ġenerali li tagħmel parti mill-funzjonijiet essenzjali tal-Istat.

57      F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi kkonstatat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 isemmi l-attivitajiet tal-forzi armati, tal-pulizija u tas-servizzi ta’ protezzjoni ċivili biss bħala eżempji.

58      Fid-dawl tad-differenzi li jista’ jkun hemm, minn Stat Membru għal ieħor, fl-organizzazzjoni konkreta tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali li jagħmlu parti mill-funzjonijiet essenzjali tal-Istat, tali interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “servizz pubbliku” hija, barra minn hekk, iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 89/391 f’dawn l-Istati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Deutsche Umwelthilfe, C‑515/11, EU:C:2013:523, punt 24).

59      B’hekk, l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 tapplika, bl-istess mod, għall-ħaddiema li jeżerċitaw attivitajiet speċifiċi identiċi fis-servizz tal-komunità, kemm jekk il-persuna li timpjegahom tkun awtorità pubblika u kemm jekk tkun persuna privata mogħtija missjoni ta’ interess ġenerali li tagħmel parti mill-funzjonijiet essenzjali tal-Istat.

60      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-Rumanija, l-assistenti materni jistgħu jiġu impjegati kemm minn awtorità pubblika responsabbli, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tal-minuri, u kemm minn korp privat li jaġixxi taħt il-kontroll tagħha. F’dan il-każ, l-assistenti materni rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kollha impjegati minn awtorità pubblika. Fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni ta’ impjieg, il-missjoni tagħhom hija li jiggarantixxu l-iżvilupp armonjuż tal-minuri mqiegħda taħt il-kura tagħhom, li jiżguraw l-integrazzjoni ta’ dawn il-minuri fil-familja tal-assistenti materni stess u li jippreparawhom għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fil-familja ta’ oriġini tagħhom jew għall-integrazzjoni f’familja adottiva.

61      Għaldaqstant, l-attività tagħhom tagħmel parti mill-protezzjoni tal-minuri, li tikkostitwixxi missjoni ta’ interess ġenerali li tagħmel parti mill-funzjonijiet essenzjali tal-Istat.

62      Barra minn hekk, in-natura speċifika ta’ din l-attività fil-konfront ta’ attivitajiet oħra marbuta mal-protezzjoni tal-minuri tirriżulta mill-fatt li hija intiża li tintegra lill-minuri mqiegħed taħt ir-responsabbiltà ta’ assistent matern, b’mod kontinwu u għal żmien twil, fid-dar u fil-familja ta’ dan l-assistent.

63      Minn dan isegwi li tali attività għandha titqies li taqa’ taħt l-attivitajiet speċifiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/381.

64      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fost il-karatteristiċi partikolari inerenti għal dawn l-attivitajiet speċifiċi li jiġġustifikaw, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, eċċezzjoni għar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, jinsab il-fatt li dawn l-attivitajiet, min-natura tagħhom stess, ma humiex tali li jippermettu ppjanar tal-ħin tax-xogħol (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 55).

65      B’hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jippermetti li titħares l-effettività tal-attivitajiet speċifiċi tal-funzjoni pubblika li l-kontinwità tagħhom hija indispensabbli sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg, C‑52/04, EU:C:2005:467, punt 50).

66      Dan ir-rekwiżit ta’ kontinwità għandu jiġi evalwat fid-dawl tan-natura speċifika tal-attività kkunsidrata.

67      B’hekk, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ kontinwità tas-servizzi attivi fl-oqsma tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà pubblika u tal-ordni pubbliku ma jipprekludix li, meta jitwettqu f’kundizzjonijiet normali, l-attivitajiet ta’ dawn is-servizzi jistgħu jiġu organizzati, inkluż fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol tal-impjegati tagħhom, b’tali mod li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 tapplika għal tali servizzi biss f’ċirkustanzi ta’ gravità u ta’ portata eċċezzjonali (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 55 u 57, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑132/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:18, punt 26).

68      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi interpretata fis-sens li huwa eskluż li ċerti attivitajiet partikolari tas-servizz pubbliku jkollhom, anki meta jiġu eżerċitati f’kundizzjonijiet normali, karatteristiċi li tant ikunu speċifiċi li n-natura tagħhom tipprekludi, b’mod inevitabbli, ippjanar tal-ħinijiet tax-xogħol li josserva r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2003/88.

69      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi ddeterminat jekk l-attività ta’ assistent matern, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhiex ċerti karatteristiċi partikolari li huma inerenti għaliha u li jiġġustifikaw il-possibbiltà li għal din l-attività tiġi applikata l-eċċezzjoni li tirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391.

70      F’dan id-dawl, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bl-eċċezzjoni ta’ perijodi bħal dawk li matulhom il-minuri mqiegħed taħt il-kura tagħhom ikun l-iskola, l-assistenti materni jeżerċitaw, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-attività tagħhom b’mod kontinwu, inkluż matul il-jiem ta’ serħan fil-ġimgħa, il-btajjel pubbliċi jew ġranet oħra ta’ btala, kif ukoll matul il-leave annwali tagħhom, ħlief fil-każ li d-Direttorat Ġenerali jawtorizzahom jisseparaw ruħhom, matul l-imsemmi leave annwali, minn dan il-minuri. B’hekk, l-awtoritajiet Rumeni ppjanaw il-funzjoni ta’ assistent matern b’tali mod li l-minuri mqiegħed taħt ir-responsabbiltà ta’ tali assistent ikun integrat, b’mod kontinwu u fuq perijodu twil, fid-dar u fil-familja tal-istess assistent. Din l-integrazzjoni hija maħsuba sabiex tippermetti lill-minuri jiżviluppa, għall-perijodu ta’ żmien li jkun neċessarju għalih, fi ħdan ambjent affettiv u edukattiv li jinkoraġġixxi żvilupp armonjuż.

71      L-integrazzjoni, kontinwa u fuq perijodu twil, fid-dar u fil-familja ta’ assistent matern, ta’ minuri li, minħabba s-sitwazzjoni familjari diffiċli tagħhom, ikunu partikolarment vulnerabbli, tikkostitwixxi miżura adegwata sabiex jitħares l-aħjar interess tal-minuri, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jkun meħtieġ li jingħata, f’intervalli regolari, lill-assistent matern id-dritt li jissepara ruħu mill-minuri mqiegħed taħt il-kura tiegħu wara numru ta’ sigħat ta’ xogħol iddeterminat jew matul perijodi li, bħall-jiem ta’ serħan fil-ġimgħa jew fis-sena, huma ġeneralment marbuta ma’ mumenti li jrawmu l-iżvilupp tal-ħajja familjari, imur direttament kontra l-għan imfittex mill-awtoritajiet Rumeni, jiġifieri li l-minuri mqiegħed taħt ir-responsabbiltà ta’ assistent matern jiġi integrat, b’mod kontinwu u fuq perijodu twil, fid-dar u fil-familja tal-assistent matern.

73      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ rotazzjoni bejn assistenti materni jew l-użu ta’ assistenti materni sostituti, li taħt ir-responsabbiltà tagħhom jitpoġġew il-minuri mqiegħda taħt kura matul il-jiem ta’ leave rrikonoxxuti lill-assistenti materni li jkunu prinċipalment responsabbli għalihom, tippreġudika aspett essenzjali tas-sistema ta’ kura stabbilita mill-awtoritajiet Rumeni, jiġifieri ż-żamma kontinwa u għal perijodu twil ta’ rabta privileġġata bejn il-minuri mqiegħed taħt kura u l-assistent matern, rabta li hija kkaratterizzata mill-integrazzjoni ta’ dan il-minuri fid-dar u fil-familja tal-assistent matern.

74      Għaldaqstant, il-fatt li jiġu llimitati s-sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa tal-assistenti materni, konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88, u l-fatt li l-persuna li timpjega tkun obbligata tagħti, konformement mal-Artikoli 5 u 7 ta’ din id-direttiva, lil dawn tal-aħħar il-benefiċċju ta’ jiem ta’ serħan fil-ġimgħa jew fis-sena, li matulhom ikunu eżentati milli jeżerċitaw l-attività tagħhom, u, għaldaqstant, milli jieħdu ħsieb lill-minuri mqiegħed taħt il-kura tagħhom, ma jkunx kompatibbli mal-karatteristiċi partikolari inerenti għal tali attività, li jeħtieġu li l-assistent matern jospita, b’mod kontinwu u fuq perijodu twil, lill-minuri mqiegħed taħt ir-responsabbiltà tiegħu fid-dar u fil-familja tiegħu.

75      Issa, għalkemm, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88, tista’ ssir deroga, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, dwar is-serħan fil-ġimgħa, u mill-Artikolu 6 tagħha, dwar il-ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

76      Minn dan isegwi li l-karatteristiċi partikolari inerenti għall-attività ta’ assistent matern inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li jipprekludu b’mod inevitabbli l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 għall-imsemmija assistenti materni.

77      Għandu jiġi osservat ukoll f’dan ir-rigward li l-karatteristika essenzjali tal-attività ta’ assistent matern, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkostitwita mill-obbligu ta’ integrazzjoni kontinwa tal-minuri fid-dar u fil-familja tal-assistent matern, tiddistingwi din l-attività minn dik ta’ “ġenituri sostituti” inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Hälvä et (C‑175/16, EU:C:2017:617). Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma kinux marbuta b’tali obbligu, u l-ħin tax-xogħol tagħhom kien fil-parti l-kbira tiegħu ddeterminat minn qabel permezz tal-kuntratti ta’ xogħol li kellhom mal-persuna li timpjegahom, u dan sa fejn, minn naħa, in-numru ta’ perijodi ta’ xogħol ta’ 24 siegħa li kellhom jipprovdu fis-sena kien iffissat kuntrattwalment u sa fejn, min-naħa l-oħra, l-imsemmija persuna li timpjega kienet tistabbilixxi bil-quddiem il-listi li jindikaw, f’intervalli regolari, il-perijodi ta’ 24 siegħa li matulhom il-ġenitur sostitut kien responsabbli għall-ġestjoni ta’ dar tat-tfal (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Hälvä et, C‑175/16, EU:C:2017:617, punt 33).

78      Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, anki meta, minħabba karatteristiċi partikolari li jkunu inerenti għalihom, ċerti attivitajiet speċifiċi tas-servizz pubbliku jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 xorta waħda jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema “sa fejn ikun possibbli” (digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg, C‑52/04, EU:C:2005:467, punt 56).

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 122(3)(c) tal-Liġi Nru 272/2004, il-kuntratt konkluż bejn l-assistent matern u l-awtorità pubblika jew il-korp privat approvat għandu jippermetti lill-assistent matern jkollu “ħin liberu”. Minn dan isegwi li jeżistu perijodi li matulhom l-assistent matern ma huwiex meħtieġ jieħu ħsieb b’mod attiv lill-minuri mqiegħed taħt il-kura tiegħu, pereżempju meta dan ikun l-iskola, u dan jippermettilu jiġġestixxi dawn il-perijodi ta’ ħin mingħajr restrizzjonijiet kbar.

80      Barra minn hekk, l-assistenti materni ma humiex meħtieġa jibqgħu fid-dar tagħhom, iżda huma liberi jmorru postijiet oħra, b’mod partikolari għal finijiet ta’ mistrieħ, sakemm, bħala prinċipju, il-minuri mqiegħda taħt il-kura tagħhom imorru magħhom.

81      Barra minn hekk, mill-Artikolu 122(3)(d) tal-Liġi Nru 272/2004 u mill-Artikolu 10(1)(f) tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 679/2003 jirriżulta li l-assistenti materni jistgħu jitolbu mingħand l-awtorità kompetenti d-dritt li ma jibqgħux mal-minuri matul ċerti perijodi tas-sena. F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-informazzjoni mogħtija waqt is-seduta mill-Gvern Rumen jirriżulta li tali awtorizzazzjoni tingħata meta l-awtorità kompetenti tqis li ma hijiex ser tippreġudika t-twettiq tajjeb tal-missjoni fdata lill-assistenti materni.

82      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-awtoritajiet Rumeni żguraw, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, li, fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħhom, is-sigurtà u s-saħħa tal-assistenti materni jkunu żgurati sa fejn huwa possibbli.

83      Għandu jingħad ukoll li limitazzjonijiet għad-dritt, irrikonoxxut lil kull ħaddiem mill-Artikolu 31(2) tal-Karta, għal perijodi ta’ serħan kull jum u kull ġimgħa kif ukoll għal perijodu annwali ta’ leave mħallas jistgħu jiġu previsti b’osservanza tal-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha u, b’mod partikolari, tal-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 59, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 54).

84      F’dan il-każ, kif intqal fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 122(3)(c) tal-Liġi Nru 272/2004 jeżiġi li l-kuntratt konkluż bejn l-assistent matern u l-persuna li timpjegah jinkludi elementi dwar l-ippjanar tal-ħin liberu tal-assistent matern. Madankollu, dan l-ippjanar għandu jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-użu tal-ħin tal-minuri mqiegħed taħt kura.

85      Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 81 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikonoxxi lill-assistenti materni dritt għal leave annwali mħallas, iżda tissuġġetta d-dritt tagħhom li jieħdu dan il-leave mingħajr il-minuri li jkun tqiegħed taħt ir-responsabbiltà tagħhom għal awtorizzazzjoni mill-persuna li timpjega, li għandha tosserva t-twettiq tajjeb tal-missjoni ta’ protezzjoni tal-minuri kkonċernat.

86      Il-limitazzjonijiet legali li b’hekk huma imposti fuq id-dritt tal-imsemmija assistenti għal perijodi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa kif ukoll għal-leave annwali mħallas josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt. Barra minn hekk, dawn il-limitazzjonijiet huma neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, jiġifieri l-ħarsien tal-aħjar interess tal-minuri rrikonoxxut fl-Artikolu 24 tal-Karta, kif dan il-għan tfassal mil-leġiżlazzjoni Rumena u li huwa intiż li jissodisfa l-obbligu, għall-assistent matern, li jiżgura b’mod kontinwu l-integrazzjoni tal-minuri mqiegħed taħt il-kura tiegħu fid-dar u fil-familja tiegħu, kif ukoll l-iżvilupp armonjuż u t-trobbija ta’ dan il-minuri.

87      Għaldaqstant, tali limitazzjonijiet josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 l-attività ta’ assistent matern li, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ awtorità pubblika, jospita u jintegra minuri fil-familja tiegħu u li jiżgura, b’mod kontinwu, l-iżvilupp armonjuż u l-edukazzjoni ta’ dan il-minuri.

 Fuq it-tieni sas-seba’ domanda

89      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sas-seba’ domanda magħmula.

 Fuq l-ispejjeż

90      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88/KE tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva  tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 l-attività ta’ assistent matern li, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ awtorità pubblika, jospita u jintegra minuri fil-familja tiegħu u li jiżgura, b’mod kontinwu, l-iżvilupp armonjuż u l-edukazzjoni ta’ dan il-minuri.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.