Language of document : ECLI:EU:C:2016:325

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Mejju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2014/40/UE — Artikoli 7, 18 u 24(2) u (3) — Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(a), (c), u (g), 13 u 14 — Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk — Validità — Bażi legali — Artikolu 114 TFUE — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Prinċipju ta’ sussidjarjetà — Drittijiet fundamentali tal-Unjoni — Libertà ta’ espressjoni — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 11”

Fil-Kawża C‑547/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti amministrattiva), ir-Renju Unit], permezz tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta’:

Philip Morris Brands SARL,

Philip Morris Ltd,

British American Tobacco UK Ltd,

vs

Secretary of State for Health,

fil-preżenza ta’:

Imperial Tobacco Ltd,

JT International SA,

Gallaher Ltd,

Tann UK Ltd,

Tannpapier GmbH,

V. Mane Fils,

Deutsche Benkert GmbH & Co. KG,

Benkert UK Ltd,

Joh. Wilh. von Eicken GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev (Relatur), C. Lycourgos u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Philip Morris Brands SARL u Philip Morris Ltd, minn M. Demetriou u K. Nairn, QC, D. Piccinin u J. Egerton-Peters, barristers,

–        għal British American Tobacco UK Ltd, minn N. Pleming, QC, S. Ford u D. Scannell, barristers, kif ukoll minn L. Van Den Hende, avukat, b’mandat minn A. Lidbetter, solicitor,

–        għal Imperial Tobacco Ltd, minn D. Rose, QC, B. Kennelly u J. Pobjoy, barristers, b’mandat minn E. Sparrow u J. Gale, solicitors,

–        għal JT International SA u Gallaher Ltd, minn J. MacLeod, D. Anderson u J. Flynn, QC, kif ukoll minn V. Wakefield, barrister, b’mandat minn A. Morfey, T. Snelling u T. Baildam, solicitors,

–        għal Tann UK u Tannpapier GmbH, minn T. Johnston, barrister, b’mandat minn S. Singleton, solicitor,

–        għal V. Mane Fils, minn M. Chamberlain, QC, u Z. Al‑Rikabi, barrister, b’mandat minn P. Wareham u J. Robinson, solicitors,

–        għal Deutsche Benkert GmbH & Co KG u Benkert UK Ltd, minn A Henshaw u D. Jowell, QC, b’mandat minn M. Evans u F. Liberatore, solicitors,

–        għal Joh. Wilh. von Eicken GmbH, minn A. Howard, barrister, b’mandat minn A.-M. Irwin u A. Rook, solicitors,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye u C. Brodie, bħala aġenti, assistiti minn M. Hoskins u I. Rogers, QC, kif ukoll minn S. Abram u E. Metcalfe, barristers,

–        għall-Irlanda, minn J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn E. Barrington u J. Cooke, SC, kif ukoll minn E. Carolan, BL,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. G. Marrone, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u M. Bóra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. Seiça Neves, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn L. Visaggio, A. Tamás u M. Sammut, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Herrmann u O. Segnana, kif ukoll minn M. Simm, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u J. Tomkin, kif ukoll minn C. Cattabriga, bħala aġenti,

–        għar-Renju tan-Norveġja, minn K. Moen u K. Kloster, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Philip Morris Brands SARL u Philip Morris Ltd (iktar ’il quddiem “PMI”) kif ukoll British American Tobacco UK Ltd (iktar ’il quddiem “BAT”) u s-Secretary of State for Health (segretarju tal-Istat għas-saħħa), fir-rigward tal-legalità tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva 2014/40.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk

3        Fil-preambolu tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (iktar ’il quddiem il-“FCTC”), iffirmata f’Genève fil-21 ta’ Mejju 2003, li għaliha huma parti l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, il-partijiet għal din il-konvenzjoni jirrikonoxxu li, minn naħa, “evidenza xjentifika stabbilixxiet inekwivokalment li l-konsum tat-tabakk u l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk twassal għal mewt, għal mard u għal diżabbiltà” u, min-naħa l-oħra, “li s-sigaretti u xi prodotti oħra li fihom it-tabakk huma prodotti sofistikati, li joħolqu u jżommu d-dipendenza, għal numru kbir ta’ sustanzi li fihom u li d-duħħan li jipproduċu huma farmakoloġikament attivi, tossiċi, mutaġeniċi u karċinoġeniċi, u li d-dipendenza fuq it-tabakk hija s-suġġett ta’ klassifikazzjoni separata bħala disturb fil-klassifikazzjonijiet internazzjonali ewlenin tal-mard”.

4        L-Artikolu 7 tal-FCTC, intitolat “Miżuri oħra għajr dawk finanzjarji intiżi għat-tnaqqas fit-talba għat-tabakk”, jipprevedi:

“[…] Kull Parti għandha tadotta u timplementa miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew miżuri oħra effettivi neċessarji sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 8 sa 13 u għandha tikkopera kif meħtieġ mal-Partijiet l-oħra, direttament jew permezz ta’ organi internazzjonali kompetenti sabiex jinfurzawhom. Il-Konferenza tal-Partijiet tipproponi linji gwida xierqa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dawn l-artikoli.”

5        L-Artikolu 9 tal-KKKT, intitolat “Regoli għall-kompożizzjoni tal-prodotti tat-tabakk”, jiddisponi:

“Il-Konferenza tal-Partijiet, f’konsultazzjoni mal-organi internazzjonali kompetenti, għandha tipproponi linji gwida għall-ittestjar u għall-analiżi tas-sustanzi u tal-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk, u għar-regolamentazzjoni ta’ dawn is-sustanzi u dawn l-emissjonijiet. Kull Parti għandha tadotta u tapplika, suġġetta għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew miżuri oħra effettivi għal dan l-ittestjar u analiżi, u għal din ir-regolamentazzjoni.”

6        L-Artikolu 11 tal-KKKT, intitolat “Ippakkjar u ittikkettjar tal-prodotti tat-tabakk”, jistabbilixxi:

“1.       Kull Parti għandha, fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tal-[FCTC], f’dak li jikkonċernaha, tadotta u tapplika konformement mal-liġi nazzjonali tagħha miżuri effettivi sabiex tiżgura li:

a)      l-ippakkjar u l-ittikkettjar tal-prodotti tat-tabakk ma jikkontribwixxix għall-promozzjoni ta’ prodotti tat-tabakk b’mezzi li huma foloz, qarrieqa jew żleali, jew li aktarx joħolqu impressjoni żbaljata dwar il-karatteristiċi, l-effetti fuq is-saħħa, il-perikoli jew l-emissjonijiet tal-prodott, inklużi termini, deskrizzjonijiet, trade marks, sinjali figurattivi jew oħrajn li b’mod dirett jew indirett joħolqu l-impressjoni żbaljata li prodott tat-tabakk partikolari jkun inqas ta’ ħsara minn oħrajn, bħal pereżempju termini bħal ‘qatran baxx’, ‘ħfief’, ‘ħfief ħafna’ jew ‘mhux qawwija’; u

b)      kull pakkett jew skartoċċ ta’ prodotti tat-tabakk u l-forom kollha ta’ ppakkjar u ttikkettjar esterni ta’ dawn il-prodotti jġorru wkoll twissijiet tas-saħħa li jiddeskrivu l-effetti ħżiena tal-konsum tat-tabakk u jistgħu jinkludu messaġġi oħra xierqa. Dawn it-twissijiet u l-messaġġi

[…]

iii)      [għandhom] ikunu kbar, ċari, viżibbli u leġġibbli,

iv)      għandhom ikopru 50 % jew iktar miż-żewġ naħat prinċipali iżda mhux inqas minn 30 %,

v)      jistgħu jkunu fil-forma ta’ stampi jew piktogrammi jew jinkludu tali stampi jew piktogrammi.”

7        Skont il-punt 1.1 tal-Linji gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC”), il-partijiet “huma […] mħeġġa japplikaw miżuri li jmorru lil hinn minn dawk irrakkomandati minn dawn il-linji gwida”.

8        Il-punt 3.1.2 ta’ dawn il-linji gwida parzjali, intitolat “Ingredjenti (regolamentazzjoni)”, jiddeskrivi l-miżuri li l-partijiet kontraenti jistgħu jieħdu għar-regolamentazzjoni tal-ingredjenti, billi jistabbilixxu dan li ġej:

“3.1.2.1 Sfond

Ir-regolamentazzjoni tal-ingredjenti intiża sabiex l-attrazzjoni lejn il-prodotti tat-tabakk tonqos tista’ tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-prevalenza tat-tipjip u tad-dipendenza fost il-konsumaturi ġodda kif ukoll fost il-konsumaturi regolari […]

3.1.2.2 Prodotti tat-tabakk

i)      Ingredjenti użati sabiex tittejjeb it-togħma

In-natura ħarxa u irritanti tad-duħħan tat-tabakk huwa ostakolu sinjifikattiv għall-esperimentazzjoni u għall-użu inizjali. Dokumenti tal-industrija tat-tabakk werew li kienu saru sforzi kbar sabiex jitnaqqsu dawn il-karatteristiċi spjaċevoli. In-natura ħarxa tad-duħħan tista’ tittaffa b’diversi modi, pereżempju biż-żieda ta’ ingredjenti varji, li jeliminaw sustanzi li huma magħrufa għall-proprjetajiet irritanti tagħhom, billi jinsab bilanċ għall-irritazzjoni permezz ta’ effetti sensorji sinjifikattivi oħra, jew bit-tibdil tal-proprjetajiet kimiċi tal-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk biż-żieda jew bit-tneħħija ta’ sustanzi speċifiċi.

[…]

Il-ħabi tan-natura ħarxa tad-duħħan tat-tabakk permezz ta’ togħmiet, jikkontribwixxi għall-promozzjoni u għaż-żamma tat-tipjip. L-aromi użati huma pereżempju il-benzaldeid, il-maltol, il-mentol u l-vanillin.

Wieħed jista’ juża wkoll ħwawar u estratti tal-pjanti biex tittejjeb it-togħma tal-prodotti tat-tabakk, pereżempju kannella, ġinġer u menta.

Rakkomandazzjoni

Il-Partijiet għandhom jirregolaw, billi jillimitaw jew jipprojbixxu, l-użu tal-ingredjenti li jistgħu jintużaw biex itejbu t-togħma tal-prodotti tat-tabakk.

[…]”

9        Skont il-punt 7 tal-Linji gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11 (Ippakkjar u ittikkettjar tal-prodotti tat-tabakk) tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-FCTC”):

“It-twissijiet tas-saħħa u l-messaġġi li huma mfassla tajjeb jagħmlu parti mill-firxa ta’ miżuri effettivi sabiex jiġu kkomunikati r-riskji għas-saħħa u sabiex jitnaqqas il-konsum tat-tabakk. Il-fatti juru li l-effettività tat-twissijiet tas-saħħa u tal-messaġġi tiżdid meta jkunu iktar viżibbli. Meta mqabbla ma’ twissijiet tas-saħħa ta’ daqs iżgħar li fihom biss test stampat, it-twissijiet tas-saħħa ta’ daqs ikbar li jkun fihom stampi għandhom probabbiltà ikbar li jiġu nnotati, li jqajmu kuxjenza dwar ir-riskji għas-saħħa, li jkollhom impatt emozzjonalment iktar b’saħħtu u li jħeġġu lill-konsumaturi tat-tabakk sabiex inaqqsu jew jabbandunaw l-konsum tagħhom. Min-naħa l-oħra, it-twissijiet li jkunu ikbar u jinkludu stampi huma iktar probabbli li jżommu l-effettività tagħhom maż-żmien u huma partikolarment effettivi biex jippubbliċizzaw l-effetti għas-saħħa lill-persuni bi ftit edukazzjoni, lit-tfal u liż-żgħażagħ. Fost l-elementi l-oħra li jsaħħu l-effettività hemm il-fatt li t-twissijiet tas-saħħa u l-messaġġi huma mqiegħda fuq in-naħat prinċipali u fil-parti ta’ fuq tan-naħat prinċipali, l-użu ta’ kuluri pjuttost milli l-iswed u l-abjad, l-obbligu li simultanjament ikun hemm diversi twissijiet tas-saħħa u messaġġi, u r-reviżjoni perjodika ta’ dawn.”

10      Il-punt 12 ta’ dawn il-linji gwida, intitolat “Daqs”, jistabbilixxi:

“L-Artikolu 11.1(b)(iv) tal-[FCTC] jipprevedi li t-twissijiet tas-saħħa u l-messaġġi li jinsabu fuq il-forom varji ta’ ppakkjar u ta’ tikkettar tal-prodotti tat-tabakk għandhom ikopru 50 % jew iktar tan-naħat prinċipali iżda mhux inqas minn 30 %. Peress li huwa magħruf li l-effettività tas-twissijiet tas-saħħa u tal-messaġġi oħra tiżdied mad-daqs tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw l-possibbiltà tal-użu ta’ twissijiet tas-saħħa u ta’ messaġġi li jkopru iktar minn 50 % tan-naħat prinċipali u jipprovaw jiksbu li dawn jokkupaw l-ikbar parti possibbli ta’ dawn in-naħat prinċipali. It-test tat-twissijiet tas-saħħa u tal-messaġġi għandu jkun stampat b’tipa grassa, ta’ daqs suffiċjenti li jagħmilha faċli li jinqara u fi stil u b’ kulur(i) speċifiċi li jsaħħu l-viżibbiltà ġenerali u li jkun jista’ jinqara.”

 Id-Direttiva 2014/40

11      Id-Direttiva 2014/40 tinkludi, b’mod partikolari, il-premessi li ġejjin:

“(7)      Tinħtieġ […] azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata l-[FCTC], li d-dispożizzjonijiet għaliha huma vinkolanti għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Id-dispożizzjonijiet tal-FCTC huma dwar ir-regolamentazzjoni tal-kontenuti tal-prodotti tat-tabakk, ir-regolamentazzjoni dwar l-informazzjoni li trid tidher fuq il-prodotti tat-tabakk, l-ippakkjar u t-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk, ir-reklamar u il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk huma ta’ rilevanza partikolari. Il-Partijiet għall-FCTC, inklużi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, adottaw b’kunsens, sett ta’ linji gwida għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FCTC waqt diversi Konferenzi tal-Partijiet.

[…]

(15)      In-nuqqas ta’ approċċ armonizzat għar-regolamentazzjoni tal-ingredjenti ta’ prodotti tat-tabakk jaffettwa t-tħaddim bla xkiel tas-suq intern u għandu impatt negattiv fuq il-moviment liberu tal-prodotti mal-Unjoni kollha. Ċerti Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni jew daħlu fi ftehimiet vinkolanti mal-industrija li jippermettu jew jipprojbixxu ċerti ingredjenti. Bħala riżultat, xi ingredjenti huma rregolati f’ċerti Stati Membri, iżda mhux f’oħrajn. L-Istati Membri qegħdin ukoll jieħdu approċċi differenti fir-rigward tal-addittivi fil-filtri tas-sigaretti kif ukoll tal-addittivi koloranti tad-duħħan tat-tabakk. Mingħajr armonizzazzjoni, l-ostakli tat-tħaddim bla xkiel tas-suq intern huma mistennija li jiżdiedu fis-snin li ġejjin, filwaqt li titqies l-implimentazzjoni tal-FCTC u l-linji gwida rilevanti tal-FCTC fl-Unjoni kollha u fid-dawl tal-esperjenza miksuba f’ġuriżdizzjonijiet oħra barra l-Unjoni. Il-linji gwida tal-FCTC fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-kontenuti tal-prodotti tat-tabakk u r-regolamentazzjoni tal-iżvelar tal-prodott tat-tabakk jitolbu partikolarment it-tneħħija tal-ingredjenti li jżidu l-palat, joħolqu l-impressjoni li prodotti tat-tabakk għandhom benefiċċji għas-saħħa, huma assoċjati mal-enerġija u l-vitalità jew ikollhom proprjetajiet koloranti.

(16)      Il-probabbiltà tar-regolamentazzjoni diverġenti qed tiżdied aktar minħabba t-tħassib dwar il-prodotti tat-tabakk li jkollhom togħma karatterizzanti għajr waħda tat-tabakk, li jistgħu jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk jew jaffettwaw ix-xejriet tal-konsum. Miżuri li jintroduċu differenzi ta’ trattament mhux ġustifikati bejn tipi differenti ta’ sigaretti aromatizzati għandhom jiġu evitati. Madankollu, prodotti b’ togħma karatterizzanti b’volum ogħla ta’ bejgħ għandhom jitneħħew fuq perijodu ta’ żmien estiż sabiex il-konsumaturi jingħataw żmien adegwat biex jaqilbu għal prodotti oħra.

(17)      Il-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti ma tipprekludix għal kollox l-użu ta’ addittivi individwali, iżda tobbliga lill-manifatturi biex inaqqsu l-addittiv jew it-taħlita ta’ addittivi sal-punt li l-addittivi ma jibqgħux jirriżultaw f’togħma karatterizzanti […]

[…]

(22)      Għadhom jeżistu disparitajiet bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ twissijiet tas-saħħa kkombinati li jikkonsistu fi stampa u f’test, informazzjoni dwar is-servizzi ta’ waqfien mit-tipjip u elementi promozzjonali fil-pakketti individwali u fuqhom.

(23)      Dawn id-disparitajiet jistgħu joħolqu ostaklu għall-kummerċ u jimpedixxu t-tħaddim bla xkiel tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk, u għandhom għalhekk jiġu eliminati. Barra minn hekk, hu possibbli li l-konsumaturi f’uħud mill-Istati Membri huma informati aħjar dwar ir-riskji għas-saħħa tal-prodotti tat-tabbakk, milli konsumaturi fi Stati Membri oħra. Mingħajr azzjoni ulterjuri fil-livell tal-Unjoni, id-disparitajiet eżistenti x’aktarx jiżdiedu fis-snin li ġejjin.

(24)      L-adattament tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar huwa meħtieġ ukoll sabiex ir-regoli li japplikaw fil-livell tal-Unjoni jiġu allinjati mal-iżviluppi internazzjonali. Pereżempju l-linji gwida dwar l-FCTC dwar l-ippakkjar u t-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk jitolbu biex ikun hemm twissijiet kbar bl-istampi fuq iż-żewġ naħat prinċipali tal-pakketti, informazzjoni obbligatorja dwar il-waqfien mit-tipjip u regoli stretti dwar informazzjoni qarrieqa […]

(25)      Id-dispożizzjonijiet tat-tikkettar għandhom jiġu adattati wkoll għal evidenza xjentifika ġdida. Pereżempju, l-indikazzjoni tal-livelli ta’ emissjonijiet għall-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju fuq il-pakketti individwali tas-sigaretti rriżultat li hija qarrieqa billi twassal biex il-konsumaturi jemmnu li ċerti sigaretti huma anqas ta’ ħsara minn oħrajn. L-evidenza tissuġġerixxi ukoll li twissijiet tas-saħħa kbar ikkombinati magħmulin minn twissija bil-miktub u ritratt korrispondenti bil-kulur huma aktar effettivi minn twissijiet bil-miktub biss. Bħala konsegwenza, it-twissijiet tas-saħħa kkombinati għandhom isiru obbligatorji fl-Unjoni kollha u jkopru partijiet sinifikanti u viżibbli tal-wiċċ tal-pakketti individwali. Għandhom jiġu stabbiliti dimensjonijiet minimi għat-twissijiet tas-saħħa kollha biex jiġu żgurati l-viżibbiltà u l-effettività tagħhom.

[…]

(27)      Il-prodotti tat-tabakk jew il-pakkett tagħhom jistgħu jqarrqu lill-konsumaturi, b’mod partikolari liż-żgħażagħ, fejn jissuġġerixxu li dawn il-prodotti huma anqas ta’ ħsara. Pereżempju, dan huwa l-każ meta jintużaw ċerti kliem jew karatteristiċi, bħalma huma l-kliem ‘qatran baxx’, ‘ħfief’, ‘ħfief ħafna’, ‘mhux qawwija’, ‘naturali’, ‘organiċi’, ‘mingħajr addittivi’, ‘mingħajr aromi’, jew ‘irqaq’, jew ċerti ismijiet, stampi, u sinjali ta’ figuri jew oħrajn. L-elementi qarrieqa l-oħra jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati, għal kuluri, inserzjonijiet jew materjal addizzjonali ieħor bħalma huma tikketti li jeħlu, stickers, onserts, scratch-offs u sleeves jew jirreferu għall-forma tal-prodott tat-tabakk innifsu. Ċerti pakketti u prodotti tat-tabakk jistgħu jqarrqu wkoll bil-konsumatur billi jissuġġerixxu benefiċċji f’termini ta’ telf ta’ piż, sex appeal, status soċjali, ħajja soċjali jew kwalitajiet bħal femminilità, maskulinità jew eleganza. Bl-istess mod, id-daqs u d-dehra tas-sigaretti individwali jista’ jqarraq lill-konsumaturi billi joħloq l-impressjoni li huma ta’ anqas ħsara […]

(28)      Sabiex jiġu żgurati l-integrità u l-viżibbiltà tat-twissijiet tas-saħħa u tiġi mmassimizzata l-effikaċja tagħhom, għandhom isiru dispożizzjonijiet rigward id-daqs tat-twissijiet tas-saħħa kif ukoll rigward ċerti aspetti tad-dehra tal-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk, inkluż il-forma u l-mekkaniżmu tal-ftuħ tiegħu […] L-Istati Membri japplikaw regoli differenti fuq l-għadd minimu ta’ sigaretti għal kull pakkett individwali. Dawn il-prodotti għandhom jiġu allinjati sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti kkonċernati.

[…]

(33)      Bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk transkonfinali mill-bogħod jista’ jiffaċilita l-aċċess għal prodotti ta’ tabakk li mhumiex konformi ma’ din id-Direttiva. Hemm ukoll ir-riskju miżjud li ż-żgħażagħ jiksbu aċċess għal prodotti ta’ tabakk. Konsegwentement, hemm riskju li l-leġiżlazzjoni ta’ kontroll tat‑tabakk tiddgħajjef. Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprojbixxu l-bejgħ traskonfinali mill-bogħod. Fejn il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod mhuwiex projbit, jenħtieġu regoli komuni dwar ir-reġistrazzjoni tal-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li huma impenjati f’tali bejgħ sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din id-Direttiva […]

[…]

(48)      Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tarmonizzax ir-regoli dwar ambjenti ħielsa mit-tipjip […] L-Istati Membri huma liberi biex jirregolaw tali kwistjonijiet fil-limitu tal-ġuriżdizzjoni tagħhom u huma mħeġġa jagħmlu dan.

[…]

(53)      It-tabakk u prodotti relatati li jaderixxu ma’ din id-Direttiva għandhom jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-oġġetti. Madankollu, fid-dawl tal-gradi differenti ta’ armonizzazzjoni miksuba minn din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iżommu, taħt ċerti kondizzjonijiet, is-setgħa li jimponu aktar miżuri ristrettivi f’ċerti aspetti sabiex jipproteġu s-saħħa pubblika. Dan hu l-każ fir-rigward tal-preżentazzjoni u l-ippakkjar, inklużi l-kuluri, ta’ prodotti tat-tabakk minbarra t-twissijiet tas-saħħa, li għalihom din id-Direttiva tipprevedi l-ewwel sett ta’ regoli komuni bażiċi. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jintroduċu dispożizzjonijiet li jipprevedu standardizzazzjoni ulterjuri tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk (inklużi l-kuluri u t-tipa) sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli mat-TFUE, mal-obbligi tad-WTO u ma jaffettwawx l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva.

(54)      Barra minn hekk, sabiex jittieħed kont ta’ żviluppi futuri possibbli tas-suq, l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jipprojbixxu ċerta kategorija ta’ prodotti tat-tabakk jew relatati miegħu, abbażi tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istat Membru kkonċernat u dment li d-dispożizzjonijiet huma ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi protetta s-saħħa pubblika, b’kont meħud tal-livell għoli ta’ protezzjoni miksub b’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw tali dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti lill-Kummissjoni.

(55)      Stat Membru għandu jibqa’ ħieles li jżomm jew jintroduċi liġijiet nazzjonali li japplikaw għall-prodotti kollha mqiegħda fis-suq nazzjonali tiegħu għal aspetti mhux irregolati minndin id-Direttiva, dment li dawn ikunu kompatibbli mat-TFUE u ma jipperikolawx l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva […].

[…]

(60)      Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu minħabba l-iskala u l-effett tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkisbu dawk l-għanijiet[.]”

12      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Suġġett”, jiddisponi:

“L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward:

(a)      l-ingredjenti u l-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk u l-obbligi tar-rappurtar relatati inkluż il-livelli massimi ta’ emissjonijiet għall-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju għas-sigaretti;

(b)      ċerti aspetti tat-tikkettar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk inklużi t-twissijiet tas-saħħa li jridu jidhru fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk u fuq l-ippakkjar estern kif ukoll il-miżuri ta’ traċċabbiltà u l-karatteristiċi ta’ sigurtà li huma applikati għal prodotti tat-tabakk biex tiġi żgurata l-konformità tagħhom ma’ din id-Direttiva;

(c)      il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali;

(d)      il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk;

(e)      l-obbligu li tiġi ppreżentata notifika dwar prodotti tat-tabakk ġodda;

(f)      it-tqegħid fis-suq u t-tikkettar ta’ ċerti prodotti, li huma relatati mal-prodotti tat-tabakk, jiġifieri sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika,u prodotti erbali għat-tipjip;

sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-[FCTC].”

13      Konformement mal-Artikolu 2(24) u (25) ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, “aroma” tfisser “addittiv li jagħti riħa u/jew togħma”, filwaqt li “togħma karatterizzanti” tfisser “riħa jew togħma oħra għajr ta’ tabakk li tista’ tiġi nnotata b’mod ċar, li tirriżulta minn addittiv jew taħlita ta’ addittivi, li tinkludi iżda mhijiex limitata għal frott, ħwawar, ħxejjex aromatiċi, alkoħol, ħelu, mentol jew vanilla, li tista’ tiġi osservata qabel jew matul il-konsum tal-prodott tat-tabakk”.

14      L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regolamentazzjoni ta’ ingredjenti”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti.

[…]

7.      L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom bħal filtri, karti, pakketti, kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità ta’ duħħan tagħhom. Il-filtri, il-karti u l-kapsuli ma għandux ikun fihom tabakk jew nikotina.

[…]

14.      Fil-każ ta’ prodotti tat-tabakk b’aroma karatterizzanti li l-volum tal-bejgħ tagħhom mal-Unjoni kollha jirrappreżenta 3 % jew aktar ta’ kategorija partikolari ta’ prodott, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mill-20 ta’ Mejju 2020.”

15      Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II, intitolat “Ittikkettar u ippakkjar”, tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/40 b’mod partikolari jinkludu r-regoli dwar it-twissijiet tas-saħħa li għandhom jitwaħħlu fuq l-ittikkettjar u l-pakketti individwali, fil-preżentazzjoni tal-prodotti tat-tabakk, fl-aspett u fil-kontenut tal-pakketti individwali, fit-traċċabbiltà ta’ dawn il-prodotti kif ukoll fil-karatteristiċi ta’ sigurtà li dawn il-prodotti għandhom jinkludu.

16      B’mod partikolari, l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-twissijiet tas-saħħa fuq pakkett individwali u kull ippakkjar estern jiġu stampati b’mod li ma jkunux jistgħu jitneħħew, b’mod indelibbli u kompletament viżibbli, inkluż li ma jkunux parzjalment jew totalment moħbija jew interrotti permezz ta’ bolol tat-taxxi, marki tal-prezz, karatteristiċi ta’ sigurtà, tqartis, għatjiet, kaxex, jew oġġetti oħrajn meta l-prodotti tat-tabakk jitqiegħdu fis-suq. Fuq pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim fil-borża, it-twissijiet tas-saħħa jistgħu jitwaħħlu permezz ta’ stickers, dment li t-tali stickers ma jkunux jistgħu jitneħħew. It-twissijiet tas-saħħa għandhom jibqgħu sħaħ mal-ftuħ tal-pakkett individwali minbarra l-pakketti b’għatu flip-top fejn it-twissijiet tas-saħħa jistgħu jinkisru mal-ftuħ, iżda b’tali mod li jkunu żgurati l-integrità grafika u l-viżibilità tat-test, ir-ritratti u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip.”

17      Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Twissijiet ġenerali u messaġġi ta’ informazzjoni fuq il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip”:

“1.      Kull pakkett individwali u kwalunkwe ppakkjar estern tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għandhom juru waħda mit-twissijiet ġenerali li ġejjin:

‘It-tipjip joqtol — Ieqaf issa’

jew

‘It-tipjip joqtol’

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema minn dawn it-twissijiet ġenerali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tintuża.

2.      Kull pakkett individwali u kull ippakkjar estern tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għandhom juru l-messaġġ ta’ informazzjoni li ġej:

‘Id-duħħan tat-tabakk fih aktar minn 70 sustanza magħrufa li jikkawżaw il-kanċer.’

3.      Għall-pakketti tas-sigaretti u t-tabakk tal-brim f’pakketti fil-forma ta’ kubu t-twissija ġenerali għandha tidher fuq il-parti t’isfel ta’ wieħed mill-uċuħ laterali tal-pakketti individwali u l-messaġġ ta’ informazzjoni għandu jidher fuq il-parti ta’ isfel tal-wiċċ laterali l-ieħor. Dawn it-twissijiet tas-saħħa għandu jkollhom wisa’ ta’ mhux inqas minn 20 mm.

Għal pakketti li huma fil-forma ta’ kaxxa bl-għatu mitwi f’ċappetta li meta dan jinfetaħ jaqsam fi tnejn il-wiċċ laterali, it-twissija ġenerali u l-messaġġ ta’ informazzjoni għandhom jidhru fl-intier tagħhom fuq l-akbar parti minn dawk l-uċuħ maqsuma. It-twissija ġenerali għandha tidher ukoll fuq ġewwa tal-wiċċ ta’ fuq li huwa viżibbli meta l-pakkett ikun miftuħ.

L-uċuħ laterali ta’ dan it-tip ta’ pakkett għandu jkollhom għoli ta’ mhux anqas minn 16-il mm.

Għat-tabakk tal-brim immarkat fil-boroż it-twissija ġenerali u l-messaġġ ta’ informazzjoni għandhom jidhru fuq l-uċuħ biex b’hekk tiġi żgurata l-viżibbiltà sħiħa ta’ dawk it-twissijiet tas-saħħa. Għat-tabakk tal-brim fil-pakketti ċilindriċi t-twissija ġenerali għandha tidher fil-wiċċ ta’ barra tal-għatu u l-messaġġ ta’ informazzjoni fil-wiċċ ta’ ġewwa tal-għatu.

Kemm it-twissija ġenerali u kif ukoll il-messaġġ tal-informazzjoni għandhom ikopru 50 % tal-uċuħ li fuqu jkunu stampati.

[…]”

18      L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Twissijiet tas-saħħa kkombinati flimkien għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip”, jiddisponi:

“1.       Kull pakkett individwali u kull ippakkjar estern tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għandu juri twissijiet tas-saħħa kkombinati flimkien. It-twissijiet tas-saħħa kkombinati għandhom:

(a)      ikunu fihom waħda mill-kitbiet ta’ twissija elenkati fl-Anness I u ritratt bil-kulur korrispondenti speċifikat fil-librerija tal-istampi fl-Anness II;

[…]

(c)      ikopru 65 % tal-erja esterna tal-wiċċ ta’ quddiem u ta’ wara tal-pakkett individwali u kwalunkwe ppakkjar estern. Il-pakketti ċilindriċi għandhom juru żewġ twissijiet tas-saħħa kombinati, ekwidistanti minn xulxin u kull twissija tas-saħħa tkopri 65 % tan-nofs rispettiv tagħhom tal-wiċċ kurvat;

[…]

(g)      fil-każ ta’ pakketti individwali tas-sigaretti, jirrispettaw id-dimensjonijiet li ġejjin:

(i)      għoli: mhux inqas minn 44 mm;

(ii)      wisa’: mhux inqas minn 52 mm;

[…]”

19      L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Preżentazzjoni tal-prodott”, jistabbilixxi:

“1.       It-tikkettar ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu ma għandhom jinkludu ebda element jew karatteristika li:

(a)      tippromwovi prodott tat-tabakk jew tħeġġeġ il-konsum tiegħu billi toħloq impressjoni żbaljata dwar il-karatteristiċi, l-effetti fuq is-saħħa, ir-riskji jew l-emissjonijiet tiegħu; it-tikketti ma għandhom jinkludu ebda tagħrif dwar il-kontenut tan-nikotina, il-qatran jew il-monossidu tal-karbonju tal-prodotti tat-tabakk;

(b)      tissuġġerixxi li prodott partikolari tat-tabakk jagħmel anqas ħsara minn oħrajn jew li għandu l-għan li jnaqqas l-effett ta’ xi komponenti ta’ ħsara tad-duħħan jew li għandu karatteristiċi li jagħtu ħajja, enerġetiċi, li jfejqu, li jwasslu biex dak li jkun iħossu aktar żagħżugħ, naturali, organiċi jew li għandu benefiċċji oħrajn għas-saħħa jew l-istil ta’ ħajja;

(c)      tirreferi għat-togħma, ir-riħa, kwalunkwe aromi jew addittivi oħra jew l-assenza tagħhom;

(d)      tixbah prodott tal-ikel jew kożmetiku;

(e)      tissuġġerixxi li ċertu prodott tat-tabakk għandu bijodegradabbiltà aħjar jew vantaġġi ambjentali oħra.

2.      Il-pakketti individwali u kwalunkwe ippakkjar estern m’għandhomx jissuġġerixxu vantaġġi ekonomiċi billi jinkludu kupuni stampati, joffru skontijiet, distribuzzjoni b’xejn, żewġ prodotti għall-prezz ta’ wieħed jew offerti simili.

3.      L-elementi u l-karatteristiċi li huma pprojbiti skont il-paragrafi 1 u 2 jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, kliem, simboli, ismijiet, marki kummerċjali, sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn.”

20      L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dehra u l-kontenut tal-pakketti individwali”, jipprevedi:

“1.      Pakketti individwali tas-sigaretti għandu jkollhom forma ta’ kubu. Pakketti individwali ta’ tabakk tal-brim għandu jkollhom forma ta’ kubu jew ta’ ċilindru, jew il-forma ta’ borża. Pakkett individwali tas-sigaretti għandu jinkludi mill-inqas 20 sigarett. Pakkett individwali tat-tabakk tal-brim għandu jkollu tabakk li jiżen mhux anqas minn 30 g.

2.      Pakkett individwali tas-sigaretti jista’ jikkonsisti minn kartun jew materjal artab u ma għandux ikollu fetħa li tista’ tingħalaq mill-ġdid jew tiġi siġillata mill-ġdid wara l-ewwel darba li tinfetaħ, barra mill-għatu flip-top u l-kaxxa bl-għatu mitwi f’ċappetta. Għall-pakketti li għandhom għatu flip-top u dawk li għandhomgħatu mitwi f’ċappetta, l-għatu għandu jkun mitwi f’ċappetta fuq dahar il-pakkett individwali biss.”

21      L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk” jipprevedi li:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk lill-konsumaturi. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jipprojbixxu tali bejgħ. L-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut involuti fil-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk ma jistgħux ifornu tali prodotti lill-konsumaturi fl-Istati Membri fejn tali bejgħ ġie pprojbit. L-Istati Membri li ma jipprojbixxux tali bejgħ għandhom jeħtieġu lill-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li biħsiebhom jinvolvu ruħhom f’bejgħ transkonfinali mill-bogħod lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni li jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut ikun stabbilit u fl-Istat Membru fejn jinsabu l-konsumaturi attwali jew potenzjali […]

[…]

3.      L-Istati Membri tad-destinazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk mibjugħa permezz ta’ bejgħ transkonfinali mill-bogħod jistgħu jesiġu li stabbiliment tal-bejgħ bl-imnut supplenti jinnomina persuna fiżika li tkun responsabbli biex tivverifika — qabel il-prodotti tat-tabakk jilħqu lill-konsumatur — li dawn jikkonformaw mad‑dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, jekk tali verifika hija neċessarja sabiex tiżgura l-konformità u tiffaċilita l-infurzar.

[…]”

22      L-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Moviment liberu”, jiddisponi:

“1.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal konsiderazzjonijiet marbutin ma’ aspetti regolati minn din id-Direttiva, u soġġett għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq ta’ tabakk jew prodotti relatati li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tolqot id-dritt ta’ Stat Membru li jżomm jew jintroduċi aktar rekwiżiti, applikabbli għall-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq tiegħu, f’rabta mal-istandardizzazzjoni tal-pakketti ta’ prodotti tat-tabakk, fejn ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, filwaqt li jitqies il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li nkiseb permezz ta’ din id-Direttiva. Tali dispożizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati u m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dawk il-miżuri għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni flimkien mar-raġunijiet għaż-żamma jew l-introduzzjoni tagħhom.

3.      Stat Membru jista’ wkoll jipprojbixxi ċerti kategoriji ta’ prodotti tat-tabakk jew relatati miegħu, abbażi tas-sitwazzjoni speċifika f’dak l-Istat Membru u dment li d-dispożizzjonijiet huma ġustifikati mill-bżonn li tiġi protetta s-saħħa pubblika b’kont meħud tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem miksub b’din id-Direttiva. Dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawn għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni flimkien mar-raġunijiet tal-introduzzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur mid-data li tirċievi n-notifika prevista f’dan il-paragrafu, tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali wara li tkun ivverifikat, filwaqt li ħadet inkonsiderazzjoni l-livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem miksuba permezz ta’ din id-Direttiva, jekk humiex ġustifikati, meħtieġa u proporzjonati jew le għall-għan tagħhom u jekk humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul il-perijodu ta’ sitt xhur, id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom ikunu meqjusa bħala approvati.”

23      L-Artikolu 28(2)(a) tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Rapport”, jippreċiża, li l-Kummissjoni tindika, fir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, “l-esperjenza miksuba fir-rigward tad-disinn tal-uċuħ tal-pakkett mhux regolati b’din id-Direttiva li tieħu kont tal-iżviluppi nazzjonali, internazzjonali, legali, ekonomiċi u xjentifiċi”.

24      Skont l-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet ta’ din għandhom ikunu trasposti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri sal-20 ta’ Mejju 2016 u għandhom jidħlu fis-seħħ minn din id-data.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      PMI u BAT adixxew lill-qorti tar-rinviju b’rikors intiż għall-istħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva 2014/40 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

26      Huma jsostnu li din id-direttiva hija kompletament jew parzjalment invalida, peress li tikser l-Artikoli 114 TFUE, 290 TFUE u 291 TFUE, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, kif ukoll l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

27      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali “jistgħu raġonevolment jagħtu lok għal diskussjoni”.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti amministrattiva)], iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva [2014/40] hija, kompletament jew parzjalment, ivvizzjata b’illegalità għar-raġuni li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali adegwata? B’mod partikolari:

a)      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva [2014/40]:

i)      jekk jiġi interpretat b’mod korrett, sa liema punt jippermetti lill-Istati Membri jadottaw regoli iktar stretti fil-qasam tal-‘istandardizzazzjoni’ tal-ippakkjar ta’ prodotti tat-tabakk; u

ii)      fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, l-Artikolu 24(2) huwa vvizzjat b’illegalità għar-raġuni li l-Artikolu 114 TFUE ma jipprovdix bażi legali adegwata?

b)      L-Artikolu 24(3) tad-Direttiva [2014/40], li jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu kategorija ta’ tabakk jew prodotti relatati f’ċirkustanzi speċifiċi, huwa vvizzjat b’illegalità għar-raġuni li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali adegwata?

c)      Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma vvizzjati b’illegalità għar-raġuni li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali adegwata:

i)      id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva [2014/40] dwar l-ippakkjar u l-ittikkettjar;

ii)      l-Artikolu 7 tad-Direttiva [2014/40], sa fejn jipprojbixxi s-sigaretti tal-mentol u l-prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti;

iii)      l-Artikolu 18 tad-Direttiva [2014/40] li jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk; u

iv)      l-Artikoli 3(4) u 4(5) tad-Direttiva [2014/40] li jiddelegaw setgħat lill-Kummissjoni fil-qasam ta’ livelli ta’ emissjonijiet?

2)      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13 tad-Direttiva [2014/40]:

a)      jekk jiġi interpretat b’mod eżatt, dan jipprojbixxi dikjarazzjonijiet veri u mhux qarrieqa dwar prodotti tat-tabakk fuq l-ippakkjar tagħhom; u,

b)      jekk iva, huwa vvizzjat b’illegalità għar-raġuni li jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

3)      Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma, kompletament jew parzjalment, ivvizzjati b’illegalità għar-raġuni li jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità:

a)      l-Artikoli 7(1) u 7(7), sa fejn jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk bil-mentol bħala togħma karatterizzanti u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom;

b)      l-Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(g) u 14, sa fejn jimponu rekwiżiti varji fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-ippakkjar; u,l-Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(g) u 14, sa fejn jimponu rekwiżiti varji fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-ippakkjar; u,

c)      l-Artikolu 10(1)(a) u (c), sa fejn jimponi twissijiet tas-saħħa li jkopru 65 % tas-superfiċi esterna ta’ quddiem u ta’ wara tal-ippakkjar individwali u ta’ kwalunkwe ppakkjar estern?

4)      Xi waħda mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva [2014/40] hija, kompletament jew parzjalment, ivvizzjata b’illegalità għar-raġuni li jiksru l-Artikolu 290 TFUE:

a)      l-Artikoli 3(2) u 3(4) dwar livelli massimi ta’ emissjoni;

b)      l-Artikolu 4(5) dwar il-metodi ta’ kejl tal-emissjonijiet;

c)      l-Artikoli 7(5), 7(11) u 7(12) dwar ir-regolamentazzjoni tal-ingredjenti;

d)      l-Artikoli 9(5), 10(1)(f), 10(3), 11(6), 12(3) u 20(12) dwar twissijiet tas-saħħa;

e)      l-Artikolu 20(11) dwar il-projbizzjoni ta’ sigaretti elettroniċi u/jew il-kontenituri ta’ rikarika; u/jew

f)      l-Artikolu 15(12) dwar kuntratti għall-ħażna ta’ data?

5)      L-Artikoli 3(4) u 4(5) tad-Direttiva [2014/40] huma vvizzjati b’illegalità għar-raġuni li jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali u/jew jiddelegaw illegalment setgħat lill-korpi esterni li ma humiex suġġetti għall-garanziji proċedurali tal-Unjoni Ewropea?

6)      Xi waħda mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva [2014/40] hija, kompletament jew parzjalment, ivvizzjata b’illegalità għar-raġuni li tikser l-Artikolu 291 TFUE:

a)      l-Artikolu 6(1) dwar l-obbligi ta’ rappurtar;

b)      l-Artikoli 7(2) sa (4) u 7(10) dwar l-atti ta’ implementazzjoni fil-qasam tal-projbizzjoni ta’ prodotti tat-tabakk f’ċerti ċirkustanzi; u/jew,

c)      l-Artikolu 9(6) u 10(4) dwar it-twissijiet tas-saħħa?

7)      Id-Direttiva [2014/40] u b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8(3), 9(3), 10(1)(g), 13 u 14 huma vvizzjati b’illegalità minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

29      Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvern Franċiż isostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija kompletament jew parzjalment inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari kollha kemm hija

30      It-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fl-intier tagħha minħabba, minn naħa, li ma teżistix tilwima reali bejn il-partijiet u, min-naħa l-oħra, li r-rikors intiż għall-istħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi direttiva jikkostitwixxi mezz ta’ kif tista’ tiġi evitata s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat FUE.

31      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24).

32      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25).

33      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, in-natura reali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li r-rikors intiż għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva 2014/40, ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiemha, huwa ammissibbli, anki jekk sad-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, it-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma kienx għadu skada u ebda miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma kienet għadha ġiet adottata. Barra minn hekk, jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u s-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa fuq il-punt dwar jekk ir-rikors imsemmi iktar ’il fuq huwiex fondat. Peress li l-qorti tar-rinviju ntalbet tiddeċiedi dwar dan in-nuqqas ta’ qbil, ma jidhirx b’mod ċar li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex reali [ara, b’analoġija, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 36 u 38].

34      Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-argument li r-rikors intiż għall-istħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi direttiva jikkostitwixxi mezz ta’ kif tista’ tiġi evitata s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat FUE, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat ammissibbli diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw il-validità ta’ leġiżlazzjoni sekondarja fformulata fil-kuntest ta’ tali rikorsi, b’mod partikolari fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741), Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312), kif ukoll Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419).

35      Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-individwi li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-imsemmi att diġà kien effettivament is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati skont id-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li titressaq quddiem il-qorti nazzjonali tilwima vera li fiha tqum, b’mod indirett, il-kwistjoni dwar il-validità ta’ att bħal dan. Issa, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta fil-każ tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-punt 33 tas-sentenza preżenti [ara, b’analoġija, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 40, u Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 29].

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli kollha kemm hija.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti domandi preliminari

37      Għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ ċerti domandi preliminari fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument li l-partijiet (a) u (b), u l-parti (c), punt (iii) li jirrigwardaw l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikoli 18 u 24(2) u (3) tad-Direttiva 2014/40, huma ipotetiċi u irrilevanti għas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

38      Għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jindirizzaw lill-Istati Membri u essenzjalment jawtorizzawhom, sabiex fl-ordinament ġuridiku nazzjonali jintroduċu jew iżommu ċerti projbizzjonijiet jew iktar rekwiżiti. Filwaqt li huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk jipprevedu l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri u mhux obbligu li jaġixxu, madankollu jibqa’ xorta l-fatt li dawn x’aktarx li jkunu jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, in-natura, il-kontenut u l-portata ta’ tali miżuri jistgħu jvarjaw skont l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikoli 18 u 24(2) u (3) ta’ din id-direttiva.

39      Il-fatt li deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda indikazzjoni fir-rigward tal-intenzjoni tar-Renju Unit li jagħmel użu minn dawn id-dispożizzjonijiet meta jkun qiegħed jittrasponi d-Direttiva 2014/40 fis-sistema legali nazzjonali tiegħu ma jimplikax li l-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-validità tagħhom huma purament ipotetiċi. Fil-fatt, id-deċiżjoni li jsir użu minn dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tiddependi fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali, li speċifikament tittratta l-intenzjoni u/jew l-obbligu tar-Renju Unit li jittrasponi din id-direttiva.

40      Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni u l-evalwazzjoni tal-validità tal-istess dispożizzjonijiet ma għandhom ebda relazzjoni mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problemi mqajma huma ta’ natura ipotetika.

41      Għalhekk, il-partijiet (a) u (b), u l-parti (c), punt (iii) tal-ewwel domanda huma ammissibbli.

42      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ammissibbiltà tal-parti (c), punt (iv) tal-ewwel domanda, kif ukoll tar-raba’ sas-sitt domanda, għandu jiġi rrilevat li dawn jikkonċernaw il-validità tal-Artikoli 3(2) u (4), 4(5), 6(1), 7(2) sa (5) u (10) sa (12), 9(5) u (6), 10(1)(f), (3) u (4), 11(6), 12(3), 15(12), u 20(11) u (12) tad‑Direttiva 2014/40. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta diversi atti delegati jew ta’ implementazzjoni.

43      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma hija indirizzata lill-Istati Membri. Għaldaqstant, dawn ma għandhomx x’jaqsmu mat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ dawn tal-aħħar.

44      Barra minn hekk, ma ġiex allegat li l-invalidità ta’ dispożizzjoni waħda jew iktar minn fost dawn id-dispożizzjonijiet twassal għall-invalidità ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva li tagħti lok għal traspożizzjoni.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa manifest li l-parti (c) tal-punt (iv) tal-ewwel domanda, kif ukoll ir-raba’ sas-sitt domandi ma għandhom l-ebda relazzjoni mal-intenzjoni u/jew l-obbligu tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva 2014/40, li tikkostitwixxi s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

46      Għaldaqstant, hemm lok li l-parti (c), punt (iv) tal-ewwel domanda, kif ukoll ir-raba’ sas-sitt domanda, jiġu ddikjarati inammissibbli.

47      Għal dak li jirrigwarda, it-tielet nett, l-ammissibbiltà tas-seba’ domanda, dwar il-validità tal-Artikoli 7, 8(3), 9(3), 10(1)(g), 13 u 14 tad-Direttiva 2014/40, għandu jitfakkar li mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għaliex hija tqis li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Bertini et, 98/85, 162/85 u 258/85, EU:C:1986:246, punt 6; ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 46, kif ukoll IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 31).

48      Għaldaqstant huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Greenpeace France et, C‑6/99, EU:C:2000:148, punt 55, kif ukoll id-digriet Adiamix, C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 22). Tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

49      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati oħra li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, fid-dawl tal-fatt li skont dan l-artikolu, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, bl-esklużjoni tal-fajl nazzjonali li jista’ jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Holdijk et, 141/81 sa 143/81, EU:C:1982:122, punt 6; Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 23, kif ukoll id-digriet Adiamix, C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 24).

50      Minn dan isegwi li, minn naħa, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina biss il-validità ta’ att tal-Unjoni jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu fid-dawl tal-motivi ta’ invalidità meqjusa fid-deċiżjoni tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kwalunkwe referenza għal raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ dan l-att jew ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal għall-inammissibbiltà tad-domandi dwar il-validità ta’ dawn.

51      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax għalfejn hija ddeċidiet, fil-kuntest tas-seba’ domanda tagħha, li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(g), 13 u 14 tad-Direttiva 2014/40. Fil-fatt, l-elementi kollha dwar din il-kwistjoni, li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirrigwardaw esklużivament l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-seba’ domanda hija ammissibbli biss sa fejn din tikkonċerna l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-parti (c), punt (iv) tal-ewwel domanda, ir-raba’ sas-sitt domanda, kif ukoll is-seba’ domanda, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, peress li dawn jirrigwardaw l-Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(g), 13 u 14 tad-Direttiva 2014.

 Fuq l-ewwel domanda

54      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2014/40 hijiex kompletament jew parzjalment invalida minħabba l-fatt li l-Artikolu 114 TFUE ma jipprovdijiex b’bażi legali adatta. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi dwar il-validità tal-Artikoli 7, 18, 24(2) u (3) ta’ din id-direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, Kapitolu II tagħha.

55      Għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-kliem tal-ewwel domanda, id-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmi ebda raġuni preċiża ta’ invalidità tad-Direttiva 2014/40 fl-intier tagħha. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni huma esklużivament relatati mal-validità ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet elenkati fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, meħuda separatament.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tingħata wara eżami tar-raġunijiet għall-invalidità invokati kontra kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Jekk, wara dan l-eżami, waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet trid tiġi ddikjarata invalida, għandu jiġi eżaminat jekk din l-invalidità taffettwax il-validità tad-Direttiva 2014/40 fl-intier tagħha.

57      L-Artikolu 114(1) TFUE jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill jadottaw il-miżuri relattivi għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

58      F’dan ir-rigward, jekk is-sempliċi konstatazzjoni ta’ differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-riferiment għall-Artikolu 114 TFUE, dan huwa differenti fil-każ ta’ diskrepanzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li huma ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u b’hekk ikollhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑376/98, EU:C:2000:544, punti 84 u 95; British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 59 u 60; Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 30; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 29; Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 37; kif ukoll Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 32].

59      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, jekk ir-riferiment għall-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali huwa wkoll possibbli għall-finijiet ta’ prevenzjoni ta’ ostakoli futuri għall-kummerċ li jirriżultaw minħabba l-iżvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, il-ħolqien ta’ dawn l-ostakoli jkun probabbli u l-miżura inkwistjoni għandu jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom [sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 61; Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 31; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 30; Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 38; kif ukoll Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 33].

60      Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 114 TFUE jkun jista’ jintuża bħala bażi legali jiġu ssodisfatti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi ostakolat milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija determinanti fl-għażliet li għandhom isiru [sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 62; Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 32; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 31, kif ukoll Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 39].

61      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 168(1) TFUE jipprevedi li għandu jkun iggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-istrateġiji u tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u li l-Artikolu 114(3) TFUE espliċitament jeżiġi li, fl-armonizzazzjoni li titwettaq, jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem [sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 62; Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 33; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 32, kif ukoll Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 40].

62      Minn dan isegwi li, meta jkunu jeżistu ostakoli għall-kummerċ jew ikun probabbli li fil-futur jista’ jkun hemm ostakoli bħal dawn, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw fir-rigward ta’ prodott jew ta’ kategorija ta’ prodotti, miżuri diverġenti b’tali mod li jiġi żgurat livell differenti ta’ protezzjoni u b’tali mod li, minħabba f’hekk, il-prodott jew prodotti kkonċernati jiġu mfixkla mill-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, l-Artikolu 114 TFUE jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jintervjeni billi jadotta l-miżuri xierqa konformement, minn naħa, mal-Artikolu 114(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat FUE jew identifikati mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 34; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 33, kif ukoll Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 41).

63      Għandu jiġi osservat ukoll li, permezz tal-espressjoni “miżuri għal approssimazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 114 TFUE, l-awturi tat-Trattat riedu jikkonferixxu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi (sentenzi Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C 380/03, EU:C:2006:772, punt 42, kif ukoll Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 102). Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk, fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, seta’ jipproċedi biss għal armonizzazzjoni gradwali u seta’ jeżiġi biss tneħħija gradwali tal-miżuri unilaterali meħuda mill-Istati Membri (sentenza Rewe‑Zentrale, 37/83, EU:C:1984:89, punt 20).

64      Skont iċ-ċirkustanzi, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 144(1) TFUE jistgħu jikkonsistu f’obbligu fuq l-Istati Membri kollha li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jew prodotti kkonċernati, li jissuġġettaw tali obbligu ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet, jew sabiex jipprojbixxu, provviżorjament jew definittivament, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ wieħed jew ta’ ċerti prodotti (sentenzi Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 35; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 34; Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 33, kif ukoll Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 43).

65      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 114 TFUE jintuża bħala l-bażi legali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40 imsemmija mill-ewwel domanda humiex issodisfatti.

 Fuq il-parti (a) tal-ewwel domanda

66      Permezz tal-parti (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2014/40 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jadottaw regoli dwar l-istandardizzazzjoni tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk iktar stretti minn dawk previsti minn din id-direttiva, u jekk, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, din id-dispożizzjoni hijiex invalida għar-raġuni li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix, għal din id-direttiva, bażi legali adatta.

67      Skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2014/40, l-Istati Membri ma jistgħux, għal kunsiderazzjonijiet marbutin ma’ aspetti rregolati minn din id-direttiva u suġġetti għal dan l-Artikolu 24(2) u (3), jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk jew ta’ prodotti relatati, ladarba jikkonformaw ma’ din l-istess direttiva. Skont l-Artikolu 24(2), id-Direttiva 2014/40 ma taffettwax id-dritt ta’ Stat Membru li jżomm jew li jintroduċi, taħt ċerti kundizzjonijiet, “aktar rekwiżiti, applikabbli għall-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq tiegħu, f’rabta mal-istandardizzazzjoni tal-pakketti ta’ prodotti tat-tabakk”.

68      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Irlanda, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Norveġiż jikkunsidraw li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2014/40 jawtorizza lill-Istati Membri li jżommu jew li jintroduċu iktar rekwiżiti fi kwalunkwe aspett tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, kemm jekk huwa jew ma huwiex kopert minn din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Portugiż, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li din l-għażla tiġi estiża biss għal dawk l-aspetti tal-ippakkjar li ma jkunux ġew armonizzati minn din id-direttiva.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2014/40 jista’ effettivament ikun suġġett għal diversi interpretazzjonijiet, b’mod li l-estensjoni preċiża tas-setgħa hekk mogħtija lill-Istati Membri ma tidhirx li hija nieqsa minn kull ambigwità. Fil-fatt, minn naħa, din id-direttiva ma fiha l-ebda definizzjoni ta’ “aktar rekwiżiti” u ta’ “standardizzazzjoni”, użati fl-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tindikax jekk dan id-dritt jestendix jew le għall-aspetti tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk li ġew armonizzati minn din id-direttiva.

70      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li meta l-kliem tal-leġiżlazzjoni sekondarja jista’ jkun suġġett għal iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mat-Trattat milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà mat-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 28).

71      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2014/40, li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jżommu jew li jintroduċu iktar rekwiżiti relatati ma’ kwalunkwe aspett tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, inklużi dawk li ġew armonizzati minn din id-direttiva, essenzjalment tkun tfisser li tiġi kkontestata l-armonizzazzjoni effettwata minn din tal-aħħar fl-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti. Fil-fatt, tali interpretazzjoni konsegwentement tawtorizza lill-Istati Membri jissostitwixxu r-rekwiżiti fil-qasam tal-ippakkjar li ġew armonizzati minn din id-direttiva b’rekwiżiti oħra, introdotti fuq livell nazzjonali, u dan bi ksur tar-regoli dwar iż-żamma u l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni, previsti fl-Artikolu 114(4) sa (10) TFUE.

72      Tali interpretazzjoni tagħmel l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2014/40 inkompatibbli mal-Artikolu 114 TFUE.

73      Madankollu, jista’ wkoll jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tawtorizza biss lill-Istati Membri li jżommu jew li jintroduċu iktar rekwiżiti f’dak li jikkonċerna l-aspetti tal-istandardizzazzjoni tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk li ma jkunux ġew armonizzati minn din id-direttiva. Filwaqt li huwa minnu li l-ifformular tal-Artikolu 24(2), ma fihx tali preċiżjoni, xorta jibqa’ l-fatt li tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan u mal-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva.

74      Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 2014/40 li din tal-aħħar għandha bħala għan l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw “ċerti” aspetti tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk. Minn dan isegwi li din id-direttiva ma tarmonizzax l-aspetti kollha tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti.

75      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 28(2)(a) tad-Direttiva 2014/40, li jipprovdi li, meta jkun qiegħed jitfassal ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari, b’mod partikolari, għal “l-esperjenza miksuba fir-rigward tad-disinn tal-uċuħ tal-pakkett mhux regolati b’din id-Direttiva”.

76      Il-premessa 53 tad-Direttiva 2014/40 tippreċiża, f’dan ir-rigward, li minħabba fil-livelli differenti ta’ armonizzazzjoni effettwati minn din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jimponu rekwiżiti dwar, pereżempju, il-kuluri tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk jew li jipprevedu standardizzazzjoni ulterjuri ta’ dan l-ippakkjar. Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva la tipprevedi u lanqas tipprojbixxi tali standardizzazzjoni u lanqas ma tirregola l-kuluri tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, bla ħsara għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

77      Barra minn hekk, jirriżulta mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2014/40 li din ma twettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti fil-qasam tal-manifattura, tal-preżentazzjoni u tal-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati. Kif evidenzjat, b’mod partikolari, mill-premessi 47 u 48 ta’ din id-direttiva, li jirreferu għal diversi aspetti mhux irregolati minn din id-direttiva. Bl-istess mod, il-premessa 55 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew li jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-prodotti kollha mqiegħda fis-swieq nazzjonali tagħhom “għal aspetti mhux irregolati minndin [l-istess] Direttiva”.

78      Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2014/40 prevista fil-punt 73 tas-sentenza preżenti tagħmel din id-dispożizzjoni konformi mal-Artikolu 114 TFUE.

79      Huwa minnu li, billi jawtorizza lill-Istati Membri li jżommu jew li jintroduċu iktar rekwiżiti dwar l-aspetti tal-ippakkjar li ma ġewx armonizzati mid-Direttiva 2014/40, l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva ma jiggarantixxix li l-prodotti li l-ippakkjar tagħhom jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern.

80      Madankollu, din iċ-ċirkustanza hija l-konsegwenza inevitabbli tat-teknika ta’ armonizzazzjoni magħżula, f’dan il-każ, mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 63 fis-sentenza preżenti, il-leġiżlatur għandu marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li armonizzazzjoni sseħħ biss b’mod gradwali u li jeħtieġ biss tneħħija gradwali tal-miżuri unilaterali meħuda mill-Istati Membri.

81      Madankollu, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tagħha, miżura ta’ armonizzazzjoni parzjali fil-qasam tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, bħal dik imwettqa mid-Direttiva 2014/40, ma tiffavorixxix inqas il-funzjonament tas-suq intern, peress li hija xorta waħda telimina ċerti ostakoli għall-kummerċ, għalkemm mhux kollha.

82      Fil-fatt, b’differenza għad-direttiva inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544), l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2014/40 moqri flimkien mal-Artikolu 24(2), kif interpretat fil-punt 73 fis-sentenza preżenti, jipprojbixxi lill-Istati Membri li jipprekludu, għal raġunijiet relatati mal-aspetti tal-ippakkjar li din id-direttiva tarmonizza, l-importazzjoni, il-bejgħ u l-konsum ta’ prodotti tat-tabakk li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet jikkontribwixxu għall-għan tat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern u huma għalhekk konformi mal-Artikolu 114 TFUE [ara, b’analoġija, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 74].

83      Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2014/40, li din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri li jżommu jew li jintroduċu iktar rekwiżiti dwar dawk l-aspetti biss tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk li ma humiex armonizzati minn din id-direttiva, tippermetti lil din id-dispożizzjoni tkun konformi mal-Artikolu 114 TFUE. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 fis-sentenza preżenti, huwa xieraq li tinżamm din l-interpretazzjoni.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda għandha tkun:

–        l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu iktar rekwiżiti f’dak li jikkonċerna l-aspetti tal-pakketti tal-prodotti tat-tabakk li ma jkunux armonizzati minn din id-direttiva;

–        l-eżami ta’ din id-domanda ma żvelax elementi li jistgħu jaffettwaw il-validità ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq il-parti (b) tal-ewwel domanda

85      Permezz tal-parti (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40 huwiex invalidu minħabba li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix, għal din id-dispożizzjoni, bażi legali adatta.

86      L-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi, b’mod partikolari, li Stat Membru jista’ jipprojbixxi “ċerti kategoriji” ta’ prodotti tat-tabakk jew tal-prodotti relatati għal raġunijiet li jirrigwardaw is-sitwazzjoni speċifika ta’ dak l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet huma ġġustifikati mill-bżonn li tiġi protetta s-saħħa pubblika, b’kont meħud tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li din id-direttiva tiżgura.

87      Huwa minnu li, billi l-Istati Membri jiġu permessi jipprojbixxu ċerta kategorija ta’ prodotti tat-tabakk jew ta’ prodotti relatati, anki jekk dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2014/40, l-Artikolu 24(3) ta’ din l-aħħar direttiva jista’ jostakola l-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti.

88      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2014/40 ma għandhiex l-għan li tinterferixxi mal-politika tal-Istati Membri fil-qasam tal-legalità tal-prodotti tat-tabakk bħala tali.

89      Fil-fatt, il-premessa 48 tad-Direttiva 2014/40 tippreċiża li “ma tarmonizzax ir-regoli dwar ambjenti ħielsa mit-tipjip”. Tali regoli jistgħu jvarjaw mill-projbizzjoni tat-tipjip f’ċerti postijiet għall-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ kategorija sħiħa ta’ prodotti tat-tabakk.

90      Minn dan isegwi li l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40 jirrigwarda aspett li ma kienx is-suġġett ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati minn din id-direttiva u li għalhekk ma għandux ikun suġġett għar-regoli dwar l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni, previsti skont l-Artikolu 114(4) sa (10) TFUE.

91      L-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-Artikolu 24(1), għandu l-għan li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva billi jiċċara l-fatt li l-prodotti tat-tabakk u l-prodotti relatati li huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva jistgħu jiċċirkolaw liberament fi ħdan is-suq intern, sakemm dawn il-prodotti jaqgħu taħt kategorija ta’ prodotti ta’ tabakk jew ta’ prodotti relatati li hija, bħala tali, legali fl-Istat Membru tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ b’mod leġittimu jiddeċiedi li jinkludi f’att leġiżlattiv adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE, dispożizzjonijiet li jiċċaraw il-kwistjonijiet li ma humiex suġġetti għal miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati, speċjalment peress li l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi kundizzjonijiet u mekkaniżmu intiżi sabiex jipprevjenu diskriminazzjonijiet arbitrarji jew restrizzjonijiet moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern li fuqu huwa bbażat dan l-Artikolu 114 TFUE.

93      Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ibbażat fuq l-inkonsistenza li teżisti bejn l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40 u l-Artikolu 7 ta’ dan tal-aħħar, minħabba l-fatt li, minn naħa, il-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni għandha l-għan li jiġu eliminati d-diskrepanzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, filwaqt li, min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 24(3) jiffaċilita l-ħolqien ta’ dawn id-differenzi.

94      Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq fehim żbaljat tar-relazzjoni li teżisti bejn l-Artikoli 7 u 24(3) tad-Direttiva 2014/40. Mingħajr ma jikkontradixxu lil xulxin, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma komplementari. Fil-fatt, waqt li jipprojbixxi l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, l-Artikolu 7 jfittex li jelimina d-differenzi li jeżistu f’dan ir-rigward bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, sabiex, b’mod partikolari, jiġi żgurat il-moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk b’mod ġenerali. Skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, dawn il-prodotti, sakemm dawn ikunu konformi, b’mod partikolari, mal-Artikolu 7, igawdu minn moviment liberu fis-suq intern sakemm il-kategorija tal-prodotti tat-tabakk li jagħmlu parti minnha ma hijiex, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 24(3) ta’ din l-istess direttiva, ipprojbita, bħala tali, fl-Istat Membru tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-parti (b) tal-ewwel domanda, ma żvelax elementi tali li jaffettwaw il-validità tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/40.

 Fuq il-parti (c) tal-ewwel domanda

96      Permezz tal-parti (c) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/40, kif ukoll l-Artikoli 7 u 18 ta’ din humiex invalidi minħabba li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix, għal dawn id-dispożizzjonijiet, bażi legali adatta.

–       Fuq il-parti (c), punt (i) tal-ewwel domanda

97      Ir-raġunijiet ta’ invalidità invokati fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II, intitolat “Ittikkettar u ippakkjar”, tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/40 jirrigwardaw, fl-ewwel lok, l-allegata assenza ta’ differenzi, jew tar-riskju ta’ okkorrenza ta’ tali differenzi, bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-ippakkjar u l-ittikkettjar tal-prodotti tat-tabakk, li jistgħu jfixklu l-moviment liberu ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, id-differenzi eżistenti jkunu dovuti mhux minħabba tali differenzi, iżda minħabba fl-istrateġija kummerċjali tal-manifatturi, li tikkonsisti f’li jiġu adattati l-ippakkettjar u l-ittikkettjar tal-prodotti tagħhom skont il-preferenzi tal-konsumatur, li jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-premessi 22, 23 u 28 tad-Direttiva 2014/40, kif ukoll mill-analiżi tal-impatt tad-19 ta’ Diċembru 2012, stabbilit mill-Kummissjoni u anness mal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fl-oqsma tal-manifattura, tal-preżentazzjoni u tal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati [SWD(2012) 452 finali, parti 1, p. 30 et seq], li fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40, kien hemm differenzi sinjifikattivi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fl-oqsma tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk. Filwaqt li, b’mod partikolari, ċerti Stati Membri jippreskrivu twissijiet tas-saħħa kkombinati, li jikkonsistu fi stampa u f’messaġġ, oħrajn jeħtieġu biss li t-twissijiet jikkonsistu minn messaġġ. Barra minn hekk, fil-livell nazzjonali, kienu jeżistu differenzi li jikkonċernaw id-daqs tal-pakketti tas-sigaretti, in-numru minimu ta’ sigaretti għal kull pakkett, kif ukoll ir-reklamar awtorizzat fuq dawn il-pakketti.

99      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2014/40, fl-assenza ta’ azzjoni supplimentari fil-livell tal-Unjoni, kien hemm ir-riskju li dawn id-differenzi x’aktarx jiżdiedu matul is-snin, partikolarment fid-dawl tan-neċessità li jiġu adattati r-regoli dwar l-ittikkettjar mal-avvanzi internazzjonali f’dan il-qasam, bħal dawk li jinsabu fil-linji gwida tal-FCTC dwar l-ippakkjar u l-ittikkettjar tal-prodotti tat-tabakk.

100    Peress li s-suq tal-prodotti tat-tabakk huwa suq li fih il-kummerċ bejn l-Istati Membri jirrappreżentaw parti relattivament importanti, ir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li dawn il-prodotti għandhom jissodisfaw, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-denominazzjoni, il-kompożizzjoni u l-ittikkettjar tagħhom, fihom infushom jistgħu, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal‑Unjoni, jikkostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija [ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 64].

101    Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 tas-sentenza preżenti, meta jeżistu ostakoli għall-kummerċ, jew ikun probabbli li fil-futur jista’ jkun hemm tali ostakoli, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw, fir-rigward ta’ prodott jew ta’ kategorija ta’ prodotti, miżuri li ma jaqblux bejniethom, li huma tali li jiġi żgurat livell differenti ta’ protezzjoni u li, minħabba f’hekk, il-prodott jew il-prodotti kkonċernati jiġu mfixkla mill-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, l-Artikolu 114 KE jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jintervjeni.

102    It-tieni nett, il-validità tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, Kapitolu II tad-Direttiva 2014/40 hija kkontestata fuq il-bażi li din ma tikkontribwixxix għall-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk, billi wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu, f’kull każ, li l-manifatturi jipproduċu ppakkjar differenti għal kull Stat Membru. Dan japplika b’mod partikolari għar-regoli dwar it-timbri fiskali, li huma differenti għal kull Stat Membru, jew dawk li għandhom x’jaqsmu mat-twissijiet dwar is-saħħa, billi dawn tal-aħħar għandhom ikunu miktuba bil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru ta’ kummerċjalizzazzjoni.

103    Filwaqt li huwa minnu li ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu II, Kapitolu II tad-Direttiva 2014/40 jeħtieġu li ċerti elementi tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk jiġu adattati għal, b’mod partikolari, il-lingwa/i uffiċjali jew il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ kummerċjalizzazzjoni, jibqa’ l-fatt li din id-direttiva tarmonizza elementi oħra tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti, bħall-forma tal-pakketti individwali, in-numru minimu ta’ sigaretti għal kull pakkett, id-daqs u n-natura kkombinata tat-twissijiet tas-saħħa. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn il-miżuri b’hekk jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ, peress li dawn jippermettu lill-impriżi kkonċernati jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom permezz ta’ ekonomiji ta’ skala.

104    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, Kapitolu II tad-Direttiva 2014/40 x’aktarx joħolqu tgħawwiġ fil-kompetizzjoni billi jfixklu l-abbiltà tal-manifatturi li jiddifferenzjaw il-prodotti tagħhom, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din tirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa s-suġġett tal-partijiet (b) u (c) tat-tielet domanda.

105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li l-eżami tal-parti (c), punt (i), tal-ewwel domanda, ma żvela ebda element ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, Kapitolu II tad-Direttiva 2014/40.

–       Fuq il-parti (c), punt (ii) tal-ewwel domanda

106    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-validità tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40, li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, hija kkontestata minħabba, fl-ewwel lok, li ma hemm ebda differenza reali jew probabbli bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-użu tal-mentol, li jista’ joħloq ostakoli għall-kummerċ.

107    Dan l-argument speċifikament jikkonċerna l-użu tal-mentol bħala togħma karatterizzanti u mhux dak tal-aromi li huma suġġetti għal din il-projbizzjoni. Il-premessa li fuqha huwa bbażat l-imsemmi argument jikkonsisti f’li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 114 TFUE jobbliga lil-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi l-eżistenza ta’ differenzi reali jew probabbli bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li jkun fihom, b’mod partikolari, il-mentol.

108    Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jadotta regoli uniformi għall-prodotti tat-tabakk kollha li fihom togħma karatterizzanti. Huwa kkunsidra, kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2014/40, li dawn il-prodotti jistgħu jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk jew ikollhom effett fuq ix-xejriet tal-konsum.

109    Barra dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni, kif huwa evidenzjat fil-premessa 15 tal-imsemmija direttiva, tal-Linji gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC, li jitolbu partikolarment it-tneħħija tal-ingredjenti użati sabiex itejbu t-togħma tal-prodott u joħolqu l-impressjoni li l-prodotti tat-tabakk għandhom benefiċċji għas-saħħa, tal-ingredjenti li huma assoċjati mal-enerġija u l-vitalità jew ta’ dawk li jkollhom proprjetajiet koloranti.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, li l-imsemmija linji gwida parzjali lanqas ma jistabbilixxu distinzjoni bejn l-aromi differenti li jistgħu jiżdiedu fil-prodotti tat-tabakk. Għall-kuntrarju, huwa rrakkomandat, fil-punt 3.1.2.2 ta’ dawn l-istess linji gwida parzjali, li jiġi rregolat, billi jiġi limitat jew ipprojbit, l-użu ta’ ingredjenti li jistgħu jtejbu t-togħma tal-prodotti tat-tabakk. F’dan ir-rigward, hemm riferiment espliċitu għall-mentol bħala aroma li tgħatti l-ħruxija tat-tipjip tat-tabakk u li tikkontribwixxi sabiex jiġi promoss u miżmum it-tipjip.

111    Jekk huwa eżatt li l-linji gwida tal-FCTC ma għandhomx saħħa vinkolanti, dawn għandhom bħala għan, konformement mal-Artikoli 7 u 9 tal-FCTC, li jassistu lill-partijiet kontraenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet vinkolanti ta’ din il-konvenzjoni.

112    Barra minn hekk, dawn il-linji gwida huma bbażati fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli kif ukoll fuq l-esperjenza tal-partijiet tal-FCTC, kif jirriżulta mill-punt 1.1 tagħhom, u ġew adottati b’kunsens, inklużi mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha, kif huwa rrilevat fil-premessa 7 tad-Direttiva 2014/40.

113    Għaldaqstant, ir-rakkomandazzjonijiet hekk żviluppati huma maħsuba sabiex jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata fil-qasam inkwistjoni, kif evidenzjat mid-deċiżjoni espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeħodhom inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40, kif ġie kkonstatat fil-premessi 7 u 15 ta’ din.

114    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, kemm jekk tal-mentol jew ta’ togħma oħra, għandhom, minn naħa, karatteristiċi oġġettivi simili u, min-naħa l-oħra, effetti simili li jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk u ż-żamma tat-tipjip.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ validament jissuġġetta t-togħmiet karatterizzanti kollha għall-istess sistema legali.

116    Għalhekk, sabiex l-Artikolu 114 TFUE jista’ jikkostitwixxi bażi legali adatta għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40, huwa biżżejjed li tintwera l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-prodotti tat-tabakk li jkun fihom togħma karatterizzanti, meta kkunsidrati flimkien, li jistgħu jfixklu l-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti, jew il-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ tali diverġenzi fil-futur.

117    F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-argument li jgħid li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 ma huwiex intiż sabiex jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-premessa 15 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-analiżi tal-impatt imsemmi fil-punt 98 tas-sentenza preżenti (l-ewwel parti, p. 34, u r-raba’ parti, p. 6 et seq), li meta d-direttiva kienet adottata kienu jeżistu diverġenzi sinjifikattivi bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, b’uħud minnhom kienu stabbilixxew listi differenti ta’ aromi awtorizzati jew ipprojbiti, filwaqt li oħrajn ma kinux adottaw leġiżlazzjoni speċifika dwar dan il-punt.

118    Barra minn hekk, jidher probabbli li, fl-assenza ta’ miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni, kienu ser jiġu implementati fil-livell nazzjonali sistemi differenti applikabbli għall-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, inkluż il-mentol.

119    Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 110 tas-sentenza preżenti, il-Linji gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC jirrakkomandaw lill-partijiet għal din il-konvenzjoni qafas li “jirregolaw, billi jillimitaw jew jipprojbixxu, l-użu tal-ingredjenti li jistgħu jintużaw biex itejbu t-togħma tal-prodotti tat-tabakk”, inkluż il-mentol.

120    Filwaqt li jħallu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-partijiet kontraenti, dawn il-linji gwida parzjali jippermettu li jiġi previst, bi probabbiltà suffiċjenti, li fl-assenza ta’ miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam ikunu jistgħu jevolvu b’mod eteroġenu, inkluż f’dak li jirrigwarda l-użu tal-mentol.

121    Billi jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 jimpedixxi preċiżament tali żvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri.

122    Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 tas-sentenza preżenti, ir-riferiment għall-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali hija possibbli sabiex jiġu evitati ostakoli futuri għall-kummerċ li jirriżultaw mill-iżvilupp eteroġenu tal-liġijiet nazzjonali, sakemm ikun hemm probabbiltà li jirriżultaw dawn l-ostakoli u li l-miżura kkonċernata jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom.

123    Barra minn hekk, kif diġà ġie mfakkar fil-punt 100 tas-sentenza preżenti, is-suq tal-prodotti tat-tabakk huwa suq li fih il-kummerċ bejn Stati Membri jirrappreżenta parti relattivament kbira u li, għaldaqstant, ir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu suġġetti għalihom dawn il-prodotti, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-kompożizzjoni tagħhom, jistgħu min-natura tagħhom, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, jikkostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija.

124    Għandu jitfakkar ukoll li, konformement għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 tas-sentenza preżenti, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 114 TFUE jistgħu, b’mod partikolari, jikkonsistu fil-projbizzjoni, provviżorja jew definittiva, tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott wieħed jew ta’ ċerti prodotti.

125    Għaldaqstant, l-eliminazzjoni ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-prodotti tat-tabakk jew il-prevenzjoni tal-evoluzzjoni eteroġena tagħhom, inkluż bi projbizzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ċerti addittivi, hija intiża sabiex tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti kkonċernati.

126    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-parti (c), punt (ii) tal-ewwel domanda, ma żvela ebda element ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40.

–       Fuq il-parti (c), punt (iii) tal-ewwel domanda

127    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-validità tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/40 hija kkontestata minħabba li hija ma tikkontribwixxix għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, iżda għall-kuntrarju, għandha tiffaċilita l-apparenza ta’ differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, b’tali mod li l-Artikolu 114 TFUE ma jkunx jikkostitwixxi, għal dan l-Artikolu 18, bażi legali adatta.

128    L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/40, minn naħa, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-bejgħ transkonfinali mill-bogħod tal-prodotti tat-tabakk għall-konsumaturi, u min-naħa l-oħra, jimponi sett komuni ta’ regoli għall-Istati Membri, li jippermettu dan il-modalità ta’ kummerċjalizzazzjoni.

129    L-għan tal-Artikolu 18 jirriżulta mill-premessa 33 tad-Direttiva 2014/40, li fih il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk jista’, minn naħa jiffaċilita l-aċċess għall-prodotti tat-tabakk li ma humiex konformi ma’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, iwassal għal riskju ikbar li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal dawn il-prodotti.

130    Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tostakola li jiġu evitati r-regoli ta’ konformità stabbiliti mid-Direttiva 2014/40, billi bħala bażi jittieħed livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

131    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li att tal-Unjoni adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE jista’ jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipprekludu l-evitar tar-rekwiżiti li għandhom bħala skop it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 100, kif ukoll British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 82].

132    Fir-rigward tal-oġġezzjoni li tgħid li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/40 għandha bħala konsegwenza l-ħolqien ta’ differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam minħabba l-fatt li ċerti Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipprojbixxu l-bejgħ mill-bogħod transkonfinali filwaqt li oħrajn jistgħu jkomplu jawtorizzawh, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk ma kinitx is-suġġett ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni qabel l-adozzjoni ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, l-Istati Membri diġà kienu qegħdin japplikaw skemi varji f’dan il-qasam, hekk kif evidenzjat mill-analiżi ta’ impatt imsemmi fil-punti 98 u 117 fis-sentenza preżenti (parti 4, p. 8). L-argument li l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jista’ jkun il-kawża ta’ dawn id-differenzi ma jistax jintlaqa.

133    Barra minn hekk, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 128 fis-sentenza preżenti, dan l-Artikolu 18 jistabbilixxi wkoll serje ta’ regoli komuni li huma imposti fuq l-Istati Membri kollha li ma jipprojbixxux tali bejgħ, biex b’hekk il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom joqorbu lejn xulxin fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE.

134    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 fis-sentenza preżenti, l-Artikolu 114 TFUE jagħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li ssir armonizzazzjoni gradwali u li jeħtieġ biss tneħħija gradwali tal-miżuri unilaterali meħuda mill-Istati Membri.

135    Għaldaqstant, bl-osservanza ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni, il-leġiżlatur seta’ validament jipproċedi bl-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-bejgħ transkonfinali tal-prodotti tat-tabakk, filwaqt li jħalli l-aspetti l-oħrajn għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-parti (c), punt (iii) tal-ewwel domanda, ma żvela ebda element ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/40.

 Fuq it-tieni domanda

137    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi t-tqegħid fuq l-ittikkettjar tal-pakketti individwali, fuq l-ippakkjar estern, kif ukoll fuq il-prodotti tat-tabakk nfushom, ta’ ċerti infomazzjonijiet, anki jekk materjalment eżatti u, fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni hijiex invalida minħabba li tikser l-Artikolu 11 tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40

138    L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 essenzjalment jipprojbixxi t-tqegħid fuq l-ittikkettjar tal-pakketti individwali, fuq l-ippakkjar estern, kif ukoll fuq il-prodott innifsu tat-tabakk, ta’ kull element jew karatteristika tiegħu li jista’ jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ dawn il-prodotti jew jinkoraġġixxi l-konsum tagħhom.

139    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali promozzjoni jew inċentiv jista’ jirriżulta minn ċerti indikazzjonijiet jew allegazzjonijiet, anki meta dawn ikunu materjalment eżatti.

140    Bħala eżempju, skont l-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva 2014/40, “it-tikketti ma għandhom jinkludu ebda tagħrif dwar il-kontenut tan-nikotina, il-qatran jew il-monossidu tal-karbonju tal-prodotti tat-tabakk”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda importanza lill-evidenza dwar il-kwistjoni jekk din l-informazzjoni hija materjalment eżatta jew le. Din l-indifferenza hija bbażata fuq il-fatt, spjegat fil-premessa 25 ta’ din id-direttiva, li dan it-tip ta’ indikazzjonijiet jistgħu jkunu qarrieqa u jwasslu lill-konsumaturi sabiex jemmnu li ċerti sigaretti huma inqas ta’ ħsara minn oħrajn.

141    Bl-istess mod, il-projbizzjonijiet ta’ kull element jew karatteristika li jissuġġerixxu li prodott tat-tabakk partikolari huwa inqas ta’ ħsara minn oħra, imsemmija fl-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2014/40, jew li jevokaw togħma, riħa, aroma jew kull addittiv ieħor, imsemmija fl-Artikolu 13(1)(c) ta’ din id-direttiva, jew li jissuġġerixxu li prodott tat-tabakk partikolari huwa iktar faċilment bijodegradabbli jew li għandu vantaġġi oħra għall-ambjent, li jinsab fl-Artikolu 13(1)(e) ta’ din id-direttiva, japplikaw, ukoll, indipendentement mill-kwistjoni jekk l-allegazzjonijiet inkwistjoni huma materjalment eżatti.

142    Fil-fatt, hekk kif stabbilixxiet il-premessa 27 tad-Direttiva 2014/40, ċerti termini jew espressjonijiet, bħal “qatran baxx”, “ħfief”, “ħfief ħafna”, “naturali”, “organiċi”, “mingħajr addittivi”, “mingħajr aromi”, jew “irqaq”, kif ukoll elementi oħrajn jew karatteristiċi li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, billi jissuġġerixxu effetti inqas dannużi jew ta’ benefiċċju.

143    Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva 2014/40, li jikkonsisti, konformement għall-Artikolu 1 tiegħu f’li jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi jieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

144    Tali livell għoli ta’ protezzjoni fil-fatt jeħtieġ li l-konsumaturi tal-prodotti tat-tabakk, li jikkostitwixxu kategorija ta’ konsumaturi partikolarment vulnerabbli minħabba l-effetti ta’ dipendenza kkawżati minn nikotina, ma jkunux inkoraġġiti li jikkonsmaw dawn il-prodotti permezz ta’ informazzjoni, anki materjalment eżatta, li tista’ tiġi interpretata bħala li qed tnaqqas r-riskji marbuta mad-drawwiet tagħhom jew bħala li tagħti lill dawn il-prodotti ċerti effetti ta’ benefiċċju.

145    Konsegwentement, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li jiġi pprojbit fuq l-ittikkettjar ta’ pakkett individwali, fuq l-ippakkjar estern, kif ukoll fuq il-prodotti tat-tabakk innifishom, it-tqegħid ta’ informazzjoni li hija s-suġġett ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk din tkun fattwalment eżatta.

 Fuq il-validità tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40

146    Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40, fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

147    L-Artikolu 11 tal-Karta jistabbilixxi l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni. Din il-libertà hija wkoll protetta konformement mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li japplika b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għat-tixrid ta’ informazzjoni ta’ natura kummerċjali minn imprenditur, b’mod partikolari fil-forma ta’ reklami. Issa, peress li l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni prevista fl-Artikolu 11 tal-Karta għandha, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(3) tal-Karta u mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta marbuta mal-Artikolu 11 tagħha, l-istess tifsira u l-istess portata bħal din il-libertà ggarantita mill-KEDB, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija libertà tkopri l-użu, minn imprenditur, fuq l-imballaġ u fuq it-tikketti tal-prodotti tat-tabakk, ta’ indikazzjonijiet bħal dawk li huma s-suġġett tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 (sentenza Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punti 64 u 65).

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, li l-projbizzjoni li jiġu inklużi elementi jew karatteristiċi, imsemmija fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, fuq it-tikketta ta’ pakketti individwali, fuq l-ippakkjar estern kif ukoll fuq il-prodott tat-tabakk innifsu, ċertament jikkostitwixxi ndħil fil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tal-imprenditur.

149    Konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti minn din għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u għandha biss tkun ammessa, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk tkun neċessarja u effettivament tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni oħra.

150    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-indħil ikkonstatat fil-punt 148 fis-sentenza preżenti għandu jitqies li huwa previst bil-liġi peress li jirriżulta minn dispożizzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

151    It-tieni nett, il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tal-imprenditur ma huwiex affettwat minn dan l-Artikolu 13(1), sa fejn din id-dispożizzjoni, minkejja li ma tipprojbixxix il-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni dwar il-prodott, tillimita ruħha sabiex f’qasam speċifiku tirregola l-ittikkettjar ta’ dawn il-prodotti billi tipprojbixxi biss it-tqegħid ta’ ċerti elementi u karatteristiċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Deutsches Weintor, C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 57, u Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 71).

152    It-tielet nett, l-indħil irrilevat jissodisfa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa. Fil-fatt, sa fejn ikun stabbilit li l-konsum tat-tabakk u l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk huma kawżi ta’ mewt, ta’ mard u ta’ diżabbiltà, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dan l-għan peress li dan jostakola l-promozzjoni tal-prodotti tat-tabakk u l-inċentiv għall-konsum tagħhom.

153    Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-indħil ikkonstatat, għandu jiġi enfasizzat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta, kif ukoll l-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE u 168(1) TFUE jeżiġu li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jiġi żgurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni ta’ kull politika u azzjoni tal-Unjoni.

154    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-validità tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 għandha titwettaq b’tali mod li tiżgura l-konċiljazzjoni neċessarja bejn ir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet fundamentali u l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u bilanċ ġust bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 75).

155    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-setgħa diskrezzjonali li minnha jiddisponi l-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-rigward tal-kwistjoni tad-determinazzjoni ta’ kif jista’ jintlaħaq dan il-bilanċ ġust, ivarja għal kull wieħed mill-għanijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni ta’ dan id-dritt u skont in-natura tal-attivitajiet inkwistjoni. F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, essenzjalment jibbażaw ruħhom, taħt l-Artikolu 11 tal-Karta, fuq il-libertà li jxandru l-informazzjoni intiża sabiex tiżgura t-tfittxija tal-interessi kummerċjali tagħhom.

156    Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem f’qasam ikkaratterizzat mill-ħsara kbira kkawżata mill-konsum tal-prodotti tat-tabakk, mill-effetti ta’ dawn tal-aħħar f’termini ta’ dipendenza u mill-okkorrenza ta’ mard serju kkawżat minn komponenti farmakoloġikament attivi, tossiċi, mutaġeniċi u karċinoġeniċi f’dawn il-prodotti, huwa ta’ importanza ikbar meta mqabbla mal-interessi mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

157    Fil-fatt, u kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta, kif ukoll mill-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE u 168(1) TFUE, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandu jiġi żgurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni ta’ kull politika u azzjoni tal-Unjoni.

158    Għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 hija, minn naħa, ta’ natura tali li tipproteġi lill-konsumaturi kontra riskji marbuta mat-tipjip, hekk kif jirriżulta mill-punt 152 fis-sentenza preżenti, u min-naħa l-oħra, din il-projbizzjoni ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan.

159    F’dan ir-rigward ma jistax jintlaqa’ l-argument li l-projbizzjoni ma hijiex neċessarja, peress li l-protezzjoni tal-konsumaturi hija diġà biżżejjed żgurata mit-twissijiet tas-saħħa obbligatorji li jindikaw ir-riskji marbuta mat-tipjip. Fil-fatt, l-għarfien ta’ dawn ir-riskji jistgħu, għall-kuntrarju, jiġu mminati minn dawk id-dikjarazzjonijiet li jistgħu jissuġġerixxu li l-prodott ikkonċernat ikun inqas ta’ ħsara jew li huwa ta’ benefiċċju f’ċerti aspetti.

160    Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument li jgħid li l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi oħra, bħall-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-elementi u tal-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/40, minflok il-projbizzjoni tagħhom, jew iż-żieda ta’ ċerti twissijiet tas-saħħa supplimentari. Tali miżuri ma jkunux daqshekk effettivi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, peress li l-elementi u l-karatteristiċi msemmija f’dan l-Artikolu 13, fihom infushom, jistgħu jinkoraġġixxu t-tipjip [ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 140]. Fil-fatt, wieħed ma jistax jassumi li dawn l-elementi u dawn il-karatteristiċi jistgħu jitqiegħdu bil-għan li jipprovdu informazzjoni ċara u preċiża lill-konsumaturi, peress li dawn huma iktar mfassla sabiex jisfruttaw l-vulnerabbiltà tal-konsumaturi tal-prodotti tat-tabakk, li, minħabba d-dipendenza tagħhom għan-nikotina, huma partikolarment riċettivi għal kwalunkwe element li jissuġġerixxi ċertu effett benefiku relatat mat-tipjip, sabiex jiġġustifikaw jew itaffu r-riskji assoċjati mad-drawwiet tagħhom.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi jiġi pprojbit it-tqegħid ta’ elementi u ta’ karatteristiċi fuq l-ittikkettjar ta’ pakkett individwali, fuq l-ippakkjar estern, kif ukoll fuq il-prodott tat-tabakk innifsu, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40, anki meta dawn jinvolvu informazzjoni fattwalment eżatta, il-leġiżlatur tal-Unjoni xejn ma neħħa mill-bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni u dawk relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

162    Għaldaqstant, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 la jikser l-Artikolu 11 tal-Karta u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

163    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tat-tieni domanda, ma żvela ebda element ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40.

 Fuq it-tielet domanda

164    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 7(1) u (7), 8(3), 9(3), 10(1)(a), (c) u (g), u 14 tad-Direttiva 2014/40 humiex invalidi minħabba li jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

165    Dan il-prinċipju jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 122; ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86, kif ukoll Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 67 u 91].

166    Għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu diskrezzjoni wiesgħa f’qasam, bħal dak f’dan il-każ fil-kawża prinċipali, li jimplika għażliet, min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom intenzjoni jilħqu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura [ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 123].

167    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40 imsemmija mit-tielet domanda jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-parti (a) tat-tielet domanda

168    Il-parti (a) tat-tielet domanda tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti jew li fihom aromi f’wieħed mill-komponenti tagħhom bħall-filtri, il-karti, il-pakketti u l-kapsuli, jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità tad-duħħan tagħhom.

169    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija kkontestata għar-raġuni li l-projbizzjoni tal-użu tal-mentol la hija xierqa u lanqas neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din id-direttiva u li l-impatt ta’ dik il-projbizzjoni tkun sproporzjonata.

170    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura xierqa tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li jkun fihom mentol, huwa allegat, essenzjalment, li dan ma huwiex kapaċi jikseb l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, minħabba l-fatt li l-mentol ma jippreżenta l-ebda attrazzjoni għal dawn tal-aħħar u li l-użu tiegħu għalhekk ma jistax jiffaċilita l-bidu tal-konsum tat-tabakk.

171    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 2014/40 tfittex, skont l-Artikolu 1, għan doppju li jikkonsisti fil-fatt li tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti tat-tabakk u għall-prodotti relatati, waqt li jittieħed bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

172    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, hekk kif jirriżulta mill-punt 125 fis-sentenza preżenti, il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti tista’ tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati.

173    Barra minn hekk, din il-projbizzjoni hija wkoll xierqa sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li ċerti aromi huma partikolarment attraenti għal dawn tal-aħħar u jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk.

174    F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li ż-żgħażagħ ma humiex miġbuda għall-mentol u li l-użu ta’ din ma tiffaċilitax il-bidu tal-konsum tat-tabakk, diġà ġie rrilevat fil-punt 115 fis-sentenza preżenti, li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ validament iressaq it-togħmiet kollha karatterizzanti għall-istess sistema legali. Minn dan isegwi li l-kapaċità ta’ din il-projbizzjoni li tilħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandu biss jiġi kkontestat fir-rigward ta’ aroma partikolari.

175    Għandu jiġi wkoll irrilevat li, skont il-Linji gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC, li għandhom jiġu rikonoxxuti valur probatorju partikolarment għoli minħabba fil-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt 112 fis-sentenza preżenti, il-mentol, fost aromi oħra, jikkontribwixxi għall-promozzjoni u għaż-żamma tat-tipjip u permezz tal-karattru pjaċevoli tiegħu, jagħmel il-prodotti tat-tabakk iktar attraenti għall-konsumaturi.

176    Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/40 tfittex li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-konsumaturi kollha, b’tali mod li l-kapaċità tagħha sabiex jintlaħaq dan l-għan ma jistax jiġi evalwat biss fir-rigward ta’ kategorija waħda ta’ konsumaturi.

177    Għalhekk il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 ma tistax titqies li hija manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

178    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura neċessarja ta’ din il-projbizzjoni, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li hekk kif ġie rrilevat fil-punt 110 tas-sentenza preżenti, il-Linji gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-FCTC jirrakkomandaw lill-partijiet għall-FCTC, b’mod partikolari, li jipprojbixxu, l-użu tal-ingredjenti, bħall-mentol, li jistgħu jintużaw biex itejbu t-togħma tal-prodotti tat-tabakk. Barra minn hekk, skont il-punt 1.1 ta’ dawn il-linji gwida parzjali, il-partijiet għall-Konvenzjoni Qafas huma mħeġġa japplikaw miżuri li jmorru lil hinn minn dak irrakkomandat mill-imsemmija direttivi.

179    Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ leġittimament, filwaqt li jikkunsidra dawn ir-rakkomandazzjonijiet u fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, jimponi projbizzjoni ta’ kull togħma karatterizzanti.

180    Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-miżuri inqas restrittivi proposti minn ċerti partijiet fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li dawn ma jidhrux daqstant xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

181    Fil-fatt, iż-żieda tal-limitu ta’ età li minnha huwa awtorizzat il-konsum ta’ dawk il-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, mhux probabbli li jnaqqas l-attrazzjoni lejn dawn il-prodotti u għalhekk, li jimpedixxi li jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk għal dawk ta’ età li hija ogħla mil-limitu magħżul. Barra minn hekk, il-projbizzjoni tal-bejgħ li tirriżulta miż-żieda fil-limitu ta’ età tista’, fi kwalunkwe każ, tiġi faċilment evitata meta dawn il-prodotti jitqiegħdu fil-kummerċ.

182    L-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni mmirati fuq il-perikoli tal-prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti, bħala tali, ma jeliminax id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar it-tqegħid fis-suq ta’ tali prodotti u għalhekk sabiex il-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern jittejbu.

183    Fir-rigward tal-adozzjoni ta’ listi ta’ aromi pprojbiti jew awtorizzati, din il-miżura jista’ jkollha bħala konsegwenza li jiġi stabbilit trattament differenti għal tipi differenti ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti li ma jkunx iġġustifikat. Barra minn hekk, tali listi malajr jistgħu jiġu misbuqa permezz tal-istrateġiji kummerċjali dejjem jinbidlu tal-manifatturi jew jistgħu faċilment jiġu evitati.

184    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti ma tmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan intiż.

185    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-effetti allegatament sproporzjonati tal-projbizzjoni tal-użu tal-mentol bħala togħma karatterizzanti, minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi li twassal għalihom din il-projbizzjoni, għandu jitfakkar li, anki fil-preżenza, bħal f’dan il-każ, ta’ setgħa leġiżlattiva wiesgħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u li jeżamina jekk l-għanijiet segwiti mill-miżura magħżula tiġġustifikax il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑176/09, EU:C:2011:290, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

186    Fil-fatt, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità annessi mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, il-proposti ta’ leġiżlazzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni tan-neċessità li jiġi żgurat li kwalunkwe piż fuq l-operaturi ekonomiċi jkun l-inqas għoli possibbli u proporzjonat għall-għan li jrid jintlaħaq.

187    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni żgura ruħu li l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti jkunu mtaffa.

188    Għalhekk, l-ewwel nett, sabiex jingħata kemm lill-industrija tat-tabakk kif ukoll lill-konsumaturi perijodu ta’ adattament, l-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi li, f’dak li jirrigwarda l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti partikolari, li l-volum ta’ bejgħ tagħhom fil-livell tal-Unjoni jirrappreżenta 3 % jew iktar fil-kategorija ta’ prodotti speċifiċi, il-projbizzjoni ta’ dawn il-prodotti tapplika biss mill-20 ta’ Mejju 2020.

189    It-tieni nett, mill-analiżi tal-impatt imsemmi fil-punti 98, 117 u 132 fis-sentenza preżenti (parti 1, p. 114 u parti 6, p. 2), jirriżulta b’mod mhux ikkontestat fuq dan il-punt, li din il-projbizzjoni tissarraf fi tnaqqis ta’ 0.5 % sa 0.8 % tal-konsum ta’ sigaretti fl-Unjoni fuq perijodu ta’ ħames snin.

190    Dawn l-elementi juru li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex bilanċ bejn, minn naħa, il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ din il-projbizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju li jikkonsisti fil-fatt li jiġi żgurat, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta, kif ukoll mal-Artikoli 9 TFUE 114(3) TFUE u 168(1) TFUE, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem f’dak li jikkonċerna prodott ikkaratterizzat mill-proprjetajiet tiegħu li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni. L-impatt tal-projbizzjoni previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 għalhekk ma jidhirx manifestament sproporzjonat.

191    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-parti (a) tat-tielet domanda, ma żvela ebda element ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40.

 Fuq il-parti (b) tat-tielet domanda

192    Id-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-parti (b) tat-tielet domanda, fihom diversi regoli dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, li essenzjalment jirrigwardaw l-integrità tat-twissijiet tas-saħħa wara l-ftuħ tal-pakkett, stabbilit fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40, il-post u d-daqs minimu tat-twissija tas-saħħa ġenerali u tal-messaġġ ta’ informazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, id-dimensjonijiet minimi tat-twissijiet tas-saħħa kkombinati, li jinsab fl-Artikolu 10(1)(g) ta’ din id-direttiva, kif ukoll il-forma tal-pakketti individwali u n-numru minimu ta’ sigaretti għal kull pakkett individwali, stabbilit fl-Artikolu 14 tal-istess direttiva.

193    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha hija kkontestata, b’mod estremament qasir u ġenerali, għar-raġuni, l-ewwel nett, li dawn la huma xierqa u lanqas neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fil-fatt, minflok ir-rekwiżiti previsti, li jitqiesu li huma intrużivi ħafna, jeżistu miżuri inqas restrittivi, bħal, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li t-twissijiet tas-saħħa jridu jkunu viżibbli għal kollox u ma jkunux affettwati mill-forma tal-pakkett. It-tieni nett, ir-rekwiżiti kkontestati jostakolaw id-differenzjar bejn il-prodotti tat-tabakk u jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. It-tielet nett, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/40, li pakkett individwali tas-sigaretti jkun fih mill-inqas għoxrin sigarett, ma jistax jiġi ġġustifikat mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

194    Ħafna minn dawn l-oġġezzjonijiet iqiegħed f’dubju l-proporzjonalità ta’ dawn ir-rekwiżiti biss f’dak li jirrigwarda l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, billi ma jiġix ikkunsidrat dak intiż sabiex jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u li għalhekk ma jikkunsidrax il-fatt li din id-direttiva u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-parti (b) tat-tielet domanda jsegwu dan l-objettiv doppju.

195    Issa, minn naħa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 97 sa 105 fis-sentenza preżenti, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, Kapitolu II tad-Direttiva 2014/40, li jinkludu d-dispożizzjonijiet koperti minn din il-kwistjoni, jikkontribwixxu għat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk, billi jiġu eliminati d-differenzi f’dan il-qasam bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri.

196    Dan jikkonċerna wkoll in-numru minimu ta’ sigaretti għal kull pakkett, impost fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/40, u speċifikament imsemmi fid-deċiżjoni tar‑rinviju. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit huwa prinċipalment intiż sabiex jitneħħew id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, kif muri mill-premessa 28 ta’ din id-direttiva.

197    Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti inkwistjoni jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, hekk kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 191 u 192 tal-konklużjonijiet tagħha, il-forom innovattivi, ġodda jew oriġinali jistgħu jikkontribwixxu sabiex iżommu jew iżidu l-attrazzjoni lejn prodott u jinkoraġġixxu l-konsum tiegħu. Bl-istess mod, ċerti forom ta’ ppakkjar jista’ jimpedixxi l-viżibbiltà tat-twissijiet tas-saħħa u, konsegwentement, inaqqas l-effiċjenza tagħhom, hekk kif jirriżulta mill-premessi 25 u 28 tad-Direttiva 2014/40. Fir-rigward tar-rekwiżit li pakkett individwali għandu jkun fih mill-inqas għoxrin sigarett, dan huwa dovut għall-fatt li pakketti iżgħar jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk, minħabba l-fatt li l-konsumatur jikkunsidra li dawn ikunu jiswew inqas flus, jagħmluk inqas dipendenti u huma iktar psikoloġikament aċċettabbli.

198    Fir-rigward tal-miżura inqas restrittiva rrakkomandata fil-punt 193 fis-sentenza preżenti, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li ma hijiex maħsuba sabiex telimina d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk u għalhekk ma hijiex adatta sabiex jintlaħaq l-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

199    Filwaqt li huwa minnu li dawn ir-rekwiżiti, min-natura tagħhom, jistgħu jżidu, sa ċertu punt, ix-xebh bejn il-prodotti tat-tabakk, madankollu jibqa’ l-fatt li dawn jirrigwardaw biss ċerti aspetti tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti, b’tali mod li jħallu biżżejjed possibbiltajiet ta’ differenzazzjoni ta’ dawn il-prodotti.

200    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi aċċettat li r-rekwiżiti previsti taħt l-Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(g) u 14 tad-Direttiva 2014/40 huma manifestament mhux xierqa jew li manifestament imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi bħala bażi jittieħed livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ.

201    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-parti (b) tat-tielet domanda, ma żvela ebda element ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq il-parti (c) tat-tielet domanda

202    L-Artikolu 10(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2014/40, li huwa s-suġġett tal-parti (c) tat-tielet domanda, jipprevedi, essenzjalment, li kull pakkett individwali jew ippakkjar estern għandu jkollu fuqu twissijiet tas-saħħa kkombinati li jikkonsistu f’wieħed mill-messaġġi elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, u minn fotografija bil-kulur korrispondenti li tinsab fl-Anness II tagħha, li għandhom ikopru 65 % tas-superfiċji esterna ta’ quddiem u ta’ wara ta’ kull pakkett individwali.

203    Il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija kkontestata, essenzjalment, minħabba fl-ispazju kunsiderevoli rriżervat għall-imsemmija twissijiet. Għalhekk, huwa allegat, l-ewwel nett, li tali spazju kunsiderevoli la huwa xieraq u lanqas neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, it-tieni nett, li din il-parti ta’ 65 % hija arbitrarja u ma tistax tiġi ġġustifikata mir-rakkomandazzjonijiet tal-FCTC u, it-tielet nett, li l-effetti tagħha huma manifestament sproporzjonati.

204    Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura xierqa tat-twissijiet tas-saħħa ta’ daqs ikbar ikkombinati, għandu jiġi rrilevat li l-punt 7 tal-Linji gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-FCTC jispjega li b’differenza mit-twissijiet tas-saħħa ta’ daqs iżgħar li fihom biss test stampat, it-twissijiet tas-saħħa ta’ daqs ikbar li jkun fihom stampi għandhom probabbiltà ikbar li jiġu nnotati, li jqajmu kuxjenza dwar ir-riskji għas-saħħa, li jkollhom impatt emozzjonalment iktar b’saħħtu u li jħeġġu lill-konsumaturi tat-tabakk sabiex inaqqsu jew jabbandunaw il-konsum tagħhom. Tali twissijiet huma iktar probabbli li jżommu l-effettività tagħhom maż-żmien u huma partikolarment effettivi biex jippubbliċizzaw l-effetti għas-saħħa lill-persuni bi ftit edukazzjoni, lit-tfal u liż-żgħażagħ.

205    Għalhekk, it-twaħħil ta’ twissijiet tas-saħħa kkombinati ta’ daqs kbir ma jidhirx manifestament inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

206    Fir-rigward, sussegwentement, tal-karattru allegatament arbitrarju tad-daqs taż-żona rriżervata għat-twissijiet tas-saħħa kkombinati, skont l-Artikolu 10(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2014/40, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 11(1)(b)(iv) tal-FCTC, dawn it-twissijiet għandhom ikopru “50 % jew iktar” tan-naħat prinċipali tal-pakketti individwali, iżda mhux inqas minn 30 %.

207    F’dan ir-rigward, il-punt 12 tal-Linji gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-FCTC jirrakkomandaw lill-partijiet li, peress li huwa magħruf li “l-effettività tas-twissijiet tas-saħħa u tal-messaġġi oħra tiżdied mad-daqs tagħhom”, il-partijiet għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà tal-użu ta’ twissijiet tas-saħħa u ta’ messaġġi li jkopru “iktar minn 50 %” tan-naħat prinċipali u jipprovaw jiksbu li dawn jokkupaw “l-ikbar parti possibbli” ta’ dawn in-naħat prinċipali.

208    F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi kkritikat lil-leġiżlatur tal-Unjoni li aġixxa b’mod arbitrarju meta żamm parti mill-65 % għaż-żona rriżervata għat-twissijiet tas-saħħa kkombinati skont l-Artikolu 10(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2014/40. Fil-fatt, din l-għażla hija bbażata fuq kriterji li jirriżultaw mir-rakkomandazzjonijiet tal-FCTC u barra minn hekk, twettqet fir-rispett tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li jiddisponi minnu l-leġiżlatur, kif imfakkar fil-punt 166 fis-sentenza preżenti.

209    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżura inkwistjoni u tal-effetti tagħha allegatament sproporzjonati fuq il-kapaċità tal-manifatturi li jikkomunikaw lill-konsumaturi l-informazzjoni dwar il-prodott ikkonċernat, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-parti rriżervata lil dawn it-twissijiet tħalli biżżejjed spazju għal dan it-tip ta’ informazzjoni fuq il-pakketti individwali.

210    Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet hekk imposti għandhom jitqiegħdu f’bilanċ mar-rekwiżit li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem f’qasam ikkaratterizzat mit-tossiċità tal-prodott ikkonċernat u mill-effetti tagħhom fil-qasam tad-dipendenza.

211    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirx li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2014/40, il-leġiżlatur tal-Unjoni manifestament imur lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi bħala bażi jittieħed livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ.

212    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-parti (c) tat-tielet domanda, ma żvela ebda element ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 10(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2014/40.

 Fuq is-seba’ domanda

213    Fid-dawl tal-konstatazzjoni effettwata fil-punt 52 tas-sentenza preżenti, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun fis-sens li tirrigwarda biss il-validità tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

214    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tindika ebda raġuni ta’ invalidità bbażata fuq dan il-prinċipju u li tikkonċerna din id-direttiva fl-intier tagħha. Fil-fatt, hija biss il-validità tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva li hija kkontestata peress li dan l-artikolu jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti tat-tabakk li fihom mentol bħala togħma karatterizzanti. Huwa allegat li l-leġiżlatur tal-Unjoni sempliċement afferma, b’mod stereotipiku, li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà kien irrispettat, mingħajr ma wera li l-benefiċċji għas-suq intern li jirriżultaw minn din il-projbizzjoni huma tali li jiġġustifikaw l-azzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika seta’ jintlaħaq b’mod suffiċjenti fuq il-livell tal-Istati Membri.

215    Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa stabbilit fl-Artikolu 5(3) TUE, li permezz tiegħu l-Unjoni għandha taġixxi biss f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tiegħu jekk u sakemm l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar mill-Unjoni. Il-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE jistabbilixxi wkoll, fl-Artikolu 5 tiegħu, ċerti linji gwida sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti (sentenza Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 44).

216    L-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jiġi eżerċitat, inizjalment, fil-livell politiku, mill-parlamenti nazzjonali skont il-proċeduri stabbiliti għal dan il-għan minn dan il-protokoll.

217    Sussegwentement, dan l-istħarriġ jirritorna għand il-qorti tal-Unjoni, li għandha tivverifika kemm l-osservanza tar-rekwiżiti sostantivi tal-Artikolu 5(3) TUE, kif ukoll l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti minn dan il-protokoll.

218    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tar-rekwiżiti sostantivi previsti fl-Artikolu 5(3) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni setax jikkunsidra, fuq il-bażi ta’ elementi dettaljati, li l-għan tal-azzjoni proposta setax jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Unjoni.

219    F’dan il-każ, fir-rigward ta’ qasam, bħat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, li ma huwiex fost dawk li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, għandu jiġi vverifikat jekk l-għan imfittex mid-Direttiva 2014/40 setax jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 179 u 180].

220    F’dan ir-rigward, hekk kif issemma fil-punt 143 fis-sentenza preżenti, id-Direttiva 2014/40 għandha għan doppju li tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

221    Issa, anki jekk it-tieni parti ta’ dan l-għan jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Istati Membri, jibqa’ l-fatt li t-tfittxija ta’ dan l-għan f’tali livell jista’ jikkonsolida, jekk ma jikkawżax, sitwazzjonijiet li fihom ċerti Stati Membri jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom ċerti togħmiet karatterizzanti, fil-waqt li Stati Membri oħra jipprojbixxuhom, biex b’hekk imur l-oppost preċiż tal-għan prinċipali tad-Direttiva 2014/40, jiġifieri t-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati.

222    Mill-interdipendenza taż-żewġ għanijiet intiżi mid-direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jqis leġittimament li l-azzjoni tiegħu kellha tinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid fuq is-suq tal-Unjoni tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti u li, minħabba din l-interdipendenza, dan l-għan doppju seta’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 78, kif ukoll L-Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 48).

223    Għaldaqstant, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 115 tas-sentenza preżenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ validament jissuġġetta t-togħmiet karatterizzanti kollha għall-istess sistema legali.

224    Konsegwentement, l-argumenti li juru li l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jista’ jintlaħaq aħjar fuq il-livell nazzjonali f’dak li jikkonċerna speċifikament il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti għandhom jiġu miċħuda.

225    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-osservanza tar-rekwiżiti sostantivi u, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandu jiġi mfakkar li konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat mhux biss b’referenza għall-kliem tal-att ikkontestat, iżda wkoll għall-kuntest tiegħu u għaċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 61).

226    F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-proposta ta’ direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni, kif ukoll l-analiżi tal-impatt magħmula minnu, jipprovdu biżżejjed elementi li b’mod ċar u inekwivoku juru l-vantaġġi marbuta ma’ azzjoni meħuda fil-livell tal-Unjoni iktar milli fil-livell tal-Istati Membri.

227    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ddokumentat b’mod suffiċjenti li dawn l-elementi ppermettew kemm lil-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali jevalwaw jekk din il-proposta kinitx konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, filwaqt li tippermetti lill-individwi jsiru jafu bir-raġunijiet relatati ma’ dak il-prinċipju u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

228    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tas-seba’ domanda, ma żvela ebda element ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40.

 Fuq l-ispejjeż

229    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu iktar rekwiżiti f’dak li jikkonċerna l-aspetti tal-pakketti tal-prodotti tat-tabakk li ma jkunux armonizzati minn din id-direttiva.

2)      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li jiġi pprojbit fuq l-ittikkettjar ta’ pakkett individwali, fuq l-ippakkjar estern, kif ukoll fuq il-prodotti tat-tabakk innifishom, it-tqegħid ta’ informazzjoni li hija s-suġġett ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk din tkun fattwalment eżatta.

3)      L-eżami tad-domandi preliminari mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti amministrattiva)] ma żvela ebda element ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikoli 7, 18 u 24(2) u (3) tad-Direttiva 2014/40, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet fit-Titolu II, Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.