Language of document :

Kawża C537/22

Global Ink Trade Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal11 ta’ Jannar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Rifjut tad-dritt għal tnaqqis – Obbligi tal-persuna taxxabbli – Dmir ta’ diliġenza – Oneru tal-prova – Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ ċertezza legali – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Kontradizzjoni bejn il-ġurisprudenza ta’ qorti nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni”

1.        Dritt tal-Unjoni – Supremazija – Deċiżjonijiet tal-qorti suprema ta’ Stat Membru li huma kuntrarji għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru josservaw dawn id-deċiżjonijiet – Inammissibbiltà – Interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-forma ta’ digriet motivat skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura – Assenza ta’ effett – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru jimmotivaw kwalunkwe devjazzjoni mill-evalwazzjoni tal-qorti suprema – Ammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 23 sa 30, u d-dispożittiv 1)

2.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Dritt għal tnaqqis – Miżuri meħuda mill-Istat Membru sabiex jiġi żgurat l-ġbir eżatt tat-taxxa u tiġi evitata l-frodi – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ ċertezza legali – Nuqqas ta’ diliġenza tal-persuna taxxabbli fir-rigward ta’ dawn il-miżuri – Rifjut tad-dritt għal tnaqqis

(Direttiva tal-Kunsill Nru 2006/112, Artikoli 167, 168(a), 178(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273)

(ara l-punti 35, 36, 41 sa 46, 49, 50, 52, u d-dispożittiv 2)

3.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Rifjut minħabba assenza ta’ twettiq effettiv tal-kunsinna tal-oġġetti, minħabba frodi jew irregolaritajiet – Produzzjoni tal-provi – Użu tar-regoli ta’ prova previsti mid-dritt nazzjonali – Limitu – Rispett tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni


 

(ara l-punt 38)

4.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Dritt għal tnaqqis – Rifjut minħabba l-involviment ta’ persuna taxxabbli fi frodi fiskali – Frodi tal-VAT tat-tip karusell – Rekwiżiti ta’ prova – Awtorità tat-taxxa li sempliċement tistabbilixxi li t-tranżazzjoni kkonċernata tagħmel parti minn katina ta’ fatturazzjoni ċirkulari – Inammissibbiltà – Obbligi tal-awtorità tat-taxxa għall-istabbiliment tal-frodi b’mod suffiċjenti fid-dritt – Karatterizzazzjoni preċiża tal-elementi li jikkostitwixxu l-frodi – Stabbiliment tal-provi tal-aġir frawdolenti u tal-parteċipazzjoni attiva fil-frodi


 

(ara l-punt 58 u d-dispożittiv 3)

Sunt

Fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda rifjut tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fil-każ ta’ diverġenza bejn il-qrati nazzjonali fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż meta din tieħu l-forma ta’ digrieti skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll it-tagħlim tal-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tar-rifjut tad-dritt għal tnaqqis.

Fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ kummerċ bl-ingrossa, l-impriża Global Ink Trade kienet xtrat diversi provvisti għall-uffiċċju, prinċipalment mingħand fornitur bl-isem Office Builder Kft.

Wara verifiki mwettqa, l-awtorità tat-taxxa qieset li dan il-fornitur ma kienx jeżerċita attività ekonomika reali u li ma kienx osserva l-obbligi fiskali tiegħu. Minħabba inċertezza dwar l-identità reali tal-imsemmi fornitur, din l-awtorità qieset li l-kunsinni tal-oġġetti ffatturati lil Global Ink Trade ma kinux seħħew, u għalhekk il-fatturi prodotti minnha ma setgħux jitqiesu li huma affidabbli. Konsegwentement, din irrifjutat lil Global Ink Trade d-dritt għal tnaqqis tal-VAT relatata ma’ dawn il-fatturi, b’mod partikolari minħabba li din l-impriża ma kinitx tat prova tad-diliġenza meħtieġa fl-eżerċizzju tal-attività tagħha, billi naqset milli tinforma ruħha b’mod suffiċjenti dwar l-identità reali tal-fornitur tagħha u dwar l-osservanza, minn dan tal-aħħar, tal-obbligi fiskali tiegħu. L-awtorità tat-taxxa qieset, f’dan il-kuntest, li Global Ink Trade kienet ħatja ta’ frodi passiva.

Global Ink Trade ippreżentat rikors quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju.

Il-qorti tar-rinviju tqis li hija marbuta mill-evalwazzjonijiet legali magħmula preċedentement mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li dawn l-evalwazzjonijiet jirrestrinġu, fil-fehma tagħha, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT billi jimponu fuq kull persuna taxxabbli l-obbligu li twettaq verifiki kumplessi u fid-dettall dwar il-fornituri tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservanza, minnhom, tal-obbligi tagħhom stess ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tal-VAT.

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/112 (1) ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi simili (2), li minnhom jirriżulta li tali verifiki ma jistgħux jiġu imposti fuq il-persuna taxxabbli li teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT. Issa, minkejja din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kúria tkompli tapplika l-ġurisprudenza preċedenti tagħha għal dawn id-deċiżjonijiet, għar-raġuni li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, meħuda fil-forma ta’ digrieti skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ma jistgħux jinkludu elementi ġodda għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

F’dan il-kuntest, l-awtorità tat-taxxa tkompli, hija wkoll, tapplika rekwiżiti inkompatibbli kemm mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll ma’ ċirkulari ppubblikata minn din l-awtorità għall-attenzjoni tal-persuni taxxabbli.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        fl-ewwel lok, fuq il-kwistjoni, essenzjalment, dwar jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-evalwazzjonijiet legali magħmula minn qorti nazzjonali superjuri jorbtu lill-qrati nazzjonali inferjuri, li huma obbligati jimmotivaw kwalunkwe devjazzjoni minn dawn l-evalwazzjonijiet, meta dawn il-qrati nazzjonali inferjuri jqisu, fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-imsemmija evalwazzjonijiet ma humiex konformi ma’ dan id-dritt;

–        fit-tieni lok, fuq il-kwistjoni dwar, essenzjalment, jekk l-Artikolu 167, l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ ċertezza legali, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika li permezz tagħha l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas il-VAT relatata mal-akkwist ta’ oġġetti li ġew ikkunsinnati lil din tal-aħħar minħabba li ma humiex affidabbli l-fatturi relatati ma’ dawn l-akkwisti, minħabba ċirkustanzi li juru nuqqas ta’ diliġenza imputabbli lill-imsemmija persuna taxxabbli, liema ċirkustanzi huma, bħala prinċipju, evalwati fid-dawl ta’ ċirkulari ppubblikata minn din l-awtorità għall-attenzjoni tal-persuni taxxabbli;

–        Fit-tielet lok, fuq il-kwistjoni dwar jekk, essenzjalment, id-Direttiva dwar il-VAT għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi, meta l-awtorità tat-taxxa jkollha l-intenzjoni tirrifjuta lil persuna taxxabbli l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa minħabba li din il-persuna taxxabbli tkun ipparteċipat fi frodi tal-VAT tat-tip “karusell”, li din l-awtorità tat-taxxa sempliċement tistabbilixxi li din it-tranżazzjoni tagħmel parti minn katina ta’ fatturazzjoni ċirkulari, mingħajr ma tidentifika l-persuni kollha li jkunu pparteċipaw f’din il-frodi u l-aġir rispettiv tagħhom.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li dan il-prinċipju jobbliga lill-qorti nazzjonali tiddevja mill-evalwazzjonijiet ta’ qorti nazzjonali superjuri jekk tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex konformi ma’ dan id-dritt, jekk ikun il-każ billi tħalli mhux applikata r-regola nazzjonali li tobbligaha tikkonforma ruħha mad-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti superjuri.

Sabiex tiżgura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali għandha għalhekk temenda, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita bbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt intern inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u timplimenta interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tirriżulta minn ġurisprudenza ċara tal-Qorti tal-Ġustizzja, irrispettivament mill-fatt li din il-ġurisprudenza tieħu l-forma ta’ digriet motivat skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, peress li dan għandu l-istess portata u l-istess effett bħal sentenza. Għalhekk, qorti nazzjonali ma tistax tinjora digriet għar-raġuni li, b’differenza minn sentenza, dan allegatament ma jinkludix elementi ġodda għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT minħabba l-allegat nuqqas ta’ diliġenza tal-persuna taxxabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali rifjut huwa permess mhux biss meta frodi tal-VAT titwettaq mill-persuna taxxabbli stess, iżda wkoll meta jiġi stabbilit oġġettivament li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist tal-oġġetti jew tas-servizzi li jservu ta’ bażi sabiex jiġi stabbilit id-dritt għal tnaqqis, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta f’tali frodi.

Peress li r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis huwa eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali li jikkostitwixxi dan id-dritt, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom, taħt l-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt l-elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuna taxxabbli hija involuta f’tali frodi, b’konformità mar-regoli ta’ prova tad-dritt nazzjonali.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, il-persuna taxxabbli kkonċernata tatx prova ta’ diliġenza suffiċjenti u ħaditx il-miżuri li setgħu raġonevolment jintalbu minnha sabiex tiżgura ruħha li, permezz tal-akkwist tagħha, hija ma pparteċipatx fi tranżazzjoni involuta fi frodi mwettqa minn operatur fi stadju preċedenti.

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jadottaw ċirkulari sabiex jippreċiżaw il-livell ta’ diliġenza meħtieġ u jiggwidaw l-evalwazzjoni tal-awtorità tat-taxxa, peress li tali ċirkulari ma tikkontestax sistematikament id-dritt għal tnaqqis tal-VAT u, għaldaqstant, in-newtralità tal-VAT, u ma tippreġudikax l-effettività tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-provi fil-qasam tal-frodi tal-VAT.

B’mod partikolari, l-awtorità tat-taxxa ma tistax, permezz ta’ tali ċirkulari, teżiġi li l-persuna taxxabbli twettaq verifiki kumplessi u fid-dettall mal-fornitur tagħha, u b’mod partikolari li tivverifika jekk dan tal-aħħar issodisfax l-obbligi tiegħu ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tal-VAT, li jkollu l-effett li jittrasferixxi b’mod indirett fuq din il-persuna taxxabbli t-twettiq tal-atti ta’ kontroll li bħala prinċipju jaqgħu fuq l-awtorità tat-taxxa.

Barra minn hekk, tali ċirkulari għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk iċ-ċirkulari ppubblikata mill-amministrazzjoni fiskali għall-attenzjoni tal-persuni taxxabbli kinitx ifformulata b’mod inekwivoku, jekk l-applikazzjoni tagħha kinitx prevedibbli għall-individwi u jekk ir-rekwiżiti applikati minn din l-istess awtorità fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha kinux kuntrarji għal din iċ-ċirkulari.

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kwistjoni tar-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT lil persuna taxxabbli fil-kuntest ta’ frodi tal-VAT tat-tip “karusell”, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li din l-awtorità għandha tipproduċi provi suffiċjenti li jippermettu li tiġi stabbilita oġġettivament l-eżistenza tal-frodi kif ukoll l-aġir frawdolenti tal-persuna taxxabbli, li jipprojbixxi l-użu ta’ suppożizzjonijiet jew ta’ preżunzjonijiet.

Konsegwentement, l-awtorità tat-taxxa ma tistax tillimita ruħha li tistabbilixxi li t-tranżazzjoni mwettqa mill-persuna taxxabbli tifforma parti minn katina ta’ fatturazzjoni ċirkulari. Madankollu, il-prova tal-eżistenza tal-frodi u tal-parteċipazzjoni tal-persuna taxxabbli f’din il-frodi ma timplikax neċessarjament li l-persuni kollha li pparteċipaw fl-imsemmija frodi kif ukoll l-aġir rispettiv tagħhom ikunu ġew identifikati.


1      Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).


2      Dawn huma d-digrieti tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó (C‑610/19, EU:C:2020:673), u Crew print (C‑611/19, EU:C:2020:674).