Language of document : ECLI:EU:T:2013:445

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Fond ta’ Koeżjoni — Regolament (KE) Nru 1164/94 — Proġetti ta’ infrastruttura ambjentali mwettqa fit-territorju tal-Cataluña (Spanja) — Tneħħija parzjali tal-għajnuna finanzjarja — Kuntratti pubbliċi għal servizzi u għal xogħlijiet — Kriterji ta’ għoti — Offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament — Ugwaljanza fit-trattament — Trasparenza — Offerta anormalment baxxa — Eliġibbiltà tal-infiq — Determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji — Artikolu H(2) tal-Anness IItar-Regolament Nru 1164/94 — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑402/06,

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn J. M. Rodríguez Cárcamo, sussegwentement minn A. Rubio González, abogados del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Steiblytė u L. Escobar Guerrero, sussegwentement minn A. Steiblytė u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5105, tal-20 ta’ Ottubru 2006, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fond ta’ Koeżjoni lil tmien proġetti mwettqa fit-territorju tal-Komunità awtonoma tal-Cataluña (Spanja),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, S. Frimodt Nielsen u M. Kancheva, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 u tat-13 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

A –  Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-Fond ta’ Koeżjoni

1        L-Artikolu 158 KE jistabbilixxi li ġej:

“Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, il-Komunità għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdanha.

B'mod partikolari, il-Komunità għandu jkollha l-iskop li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni jew gżejjer li huma anqas favoriti, inklużi iż-żoni rurali.”

2        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 KE:

“Il-Kunsill, [...] għandu [...] jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni biex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-proġetti fl-oqsma ta’ l-ambjent u ta’ networks trans-Ewropej fil-qasam ta’ l-infrastruttura tat-trasport.”

3        Il-Fond ta’ Koeżjoni nħoloq bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94”).

4        L-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94, fil-verżjoni emendata tiegħu, jistabbilixxi l-ammonti tar-riżorsi finanzjarji li jistgħu jitqassmu lil proġetti eliġibbli għall-għajnuna tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-perijodu bejn l-2000 u l-2006.

5        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94, kif emendat, jipprovdi li r-rata tal-assistenza Komunitarja mogħtija mill-Fond ta’ Koeżjoni għandha tkun minn 80 sa 85 % tal-infiq pubbliku jew ekwivalenti.

6        L-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94, fil-verżjoni emendata tiegħu, jipprovdi:

“Proġetti finanzjati mill-Fond [ta’ Koeżjoni] għandhom ikunu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, skond l-istrumenti adottati in segwitu tagħhom u skond politiki Komunitarji, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali, it-trasport, ir-rettikolati trans-Ewropej, il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.”

7        L-Artikolu 12(1) tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94 jipprevedi, fil-verżjoni emendata tiegħu, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għar-responsabbilità tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ l-estimi tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli l-ewwel nett għall-kontroll finanzjarju tal-proġetti. Għal dak il-għan, il-miżuri li għandhom jieħdu għandhom jinkludu:

(a)      li jivverifikaw li jkunu ġew stabbiliti l-arranġamenti ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u li dawn qegħdin jiġu implementati b’mod li jiżguraw li l-Fondi tal-Komunità qegħdin jintużaw b’mod effiċjenti u korrett;

[…]

(ċ)      li jiżguraw li l-proġetti huma amministrati skond ir-regoli applikabbli tal-Komunità u li l-fondi impoġġija għad-dispożizzjoni tagħhom jintużaw skond il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;

(d)      li jiċċertifikaw li d-dikjarazzjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni huma preċiżi u jiggarantixxu li jirriżultaw minn sistemi ta’ żamma ta’ kontijiet ibbażati fuq dokumenti ta’ appoġġ u li jistgħu jiġu vverifikati;

(e)      li jimpedixxu u li jikxfu irregolaritajiet, li jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, bi qbil mar-regoli, u li jżommu lill-Kummissjoni aġġornata fuq il-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali [...] ;

[…]

(ġ)      li jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-fondi tal-Komunità jkunu qegħdin jintużaw skond il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;

(ħ)      li jirkupraw kull ammont mitluf minħabba irregolarità mikxufa u, fejn xieraq, jieħdu l-interessi fuq ħlas tard.”

8        Ir-regoli tal-ġestjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni huma mniżżla fl-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94, kif emendat.

9        L-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94, kif emendat, jipprovdi dan li ġej:

“Korrezzjonijiet finanzjarji

1.      Jekk, wara li tlesti il-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li:

(a)      l-implementazzjoni ta’ proġett ma tiġġustifikax l-għajnuna mogħtija kollha jew parti minnha, inkluż in-nuqqas li tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet fid-deċiżjoni li tingħata għajnuna u b’mod partikolari kwalunkwe bdil sinnifikanti li jaffettwa l-implementazzjoni tal-proġett u li għalih ma tkunx intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jew

(b)      hemm irregolarità fir-rigward ta’ l-assistenza mill-Fond [ta’ Koeżjoni] u li l-Istat Membru nvolut ma ħax il-miżuri ta’ korrezzjoni meħtieġa, il-Kummissjoni għandha tissospendi l-għajnuna fir-rigward tal-proġett konċernat u filwaqt li tagħti r-raġunijiet tagħha, għandha titlob li l-Istat Membru jagħmel il-kummenti tiegħu fi żmien perjodu speċifikat.

Jekk l-Istat Membru jagħmel oġġezzjoni għall-osservazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal seduta [smigħ], li fiha, ż-żewġ naħat għandhom jaħdmu sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u għandhom joħorġu konklużjonijiet minnhom.

2.      Fl-aħħar tal-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha, soġġetta li tiġi rispettata l-proċedura x-xierqa, jekk fi żmien tlett xhur ma jkun intlaħaq ebda qbil, wara li jiġu kunsidrati l-kummenti ta’ l-Istat Membru, tiddeċiedi li:

(a)      tnaqqas il-pagament fuq kont li hemm referenza għalih f’Artikolu D(2), jew

(b)      tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa. Dan għandu jfisser li titneħħa parti jew l-assistenza kollha mogħtija għall-proġett.

Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni, meta tiddeċiedi l-ammont tal-korrezzjoni, għandha tikkunsidra t-tip ta’ l-irregolarità jew bidla u kemm huwa kbir l-impatt finanzjarju potenzjali tan-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll. Kull tnaqqis jew tħassir għandu jwassal għal irkupru ta’ l-ammonti mħallsa.

3.      [...] Kull somma riċevuta b’mod mhux dovut u li għandha tiġi rkuprata għandha titħallas lill-Kummissjoni. Għandhom jiġu mitlubin l-interessi fuq il-kont ta’ ħlas lura tard bi qbil mar-regoli li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

4.      Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 u għandha tinforma lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew bihom.”

10      L-Artikoli 17 sa 21 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1386/2002, tad-29 ta’ Lulju 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-għajnuna mogħtija taħt il-Fondi ta’ Koeżjoni u l-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 162, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002”), jippreċiżaw l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94 u jinkludu d-dispożizzjonijiet dettaljati tal-proċedura li għandha tiġi osservata meta jiġu applikati korrezzjonijet għall-għajnuna riċevuta mill-Fond ta’ Koeżjoni sa mill-1 ta’ Jannar 2000.

11      L-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002 jipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“1.      L-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissjoni taħt Artikolu Ħ(2) ta’ Anness II għar-[Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94] għal irregolaritajiet individwali jew sistematiċi għandu jiġi stmat kull meta jkun possibbli u prattikabbli fuq il-bażi ta’ files individwali u għandu jkun ugwali għall-ammont ta’ nfiq mitlub bi żball mill-[Fond ta’ Koeżjoni], wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipju tal-proporzjonalità.

2.      Meta ma jkunx possibbli jew prattikabbli li jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ infiq irregolari b’mod preċiż, jew meta ma jkunx addattat li jiġi kkanċellat l-infiq kollu msemmi, u l-Kummissjoni għalhekk tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq estrapolazzjoni jew rati bażi [bażi fissa], hija għandha tipproċedi kif ġej:

(a)      fil-każ ta’ estrapolazzjoni, għandha tuża kampjun rappreżentattiv ta’ transazzjonijiet b’karatteristiċi simili;

(b)      fil-każ ta’ rata bażi [bażi fissa], għandha tistma l-importanza u s-severità tal-ksur tar-regoli u l-implikazzjonijet finanzjarji ta’ kull nuqqas fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li wassal għall-irregolarità stabbilita.

[…]”

12      L-Artikolu 18 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002 jipprevedi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“1.      Il-perjodu ta’ żmien li matulu, l-Istat Membru konċernat jista’ jirrispondi għal talba taħt l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu Ħ(1) ta’ Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94 sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu, għandu jkun ta’ xahrejn, għajr f’każijiet ġustifikati kif dovut fejn jista jsir qbil għal perjodu itwal mill-Kummissjoni.

2.      Fejn il-Kummissjoni tipproponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-bażi ta’ estrapolazzjoni jew fuq rata bażi [bażi fissa], l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità sabiex juri, permezz ta’ eżaminazzjoni tal-files konċernati, li l-kobor veru ta’ l-irregolarità kien inqas mill-istima tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jillimita l-għan ta’ din l-eżaminazzjoni għal proporzjon jew kampjun xieraq tal-files konċernati.

Għajr f’każijiet iġġustifikati kif dovut, il-ħin permess għal din l-eżaminazzjoni ma għandux jaqbeż perjodu ieħor ta’ xahrejn wara l-perjodu ta’ xahrejn li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1. Ir-riżultati ta’ eżaminazzjoni bħal din għandhom jiġu eżaminati bil-mod speċifikat fit-tieni subparagrafu ta’ Artikolu Ħ(1) ta’ Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94. Il-Kummissjoni għandha tqis kull evidenza pprovduta mill-Istat Membru fi ħdan il-limiti ta’ żmien.

3.      Kull meta l-Istat Membru jkollu oġġezzjoni għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u ssir seduta [smigħ] taħt it-tieni subparagrafu ta’ Artikolu Ħ(1) ta’ Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94, il-perjodu ta’ tlett xhur li matulu l-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni taħt Artikolu Ħ(2) ta’ Anness II għar-Regolament għandu jibda mid-data tas-seduta [tas-smigħ].”

13      Skont l-Artikolu 23 tiegħu, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002 daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Awwissu 2002.

14      Il-gwidi dwar il-prinċipji, il-kriterji u l-iskali indikattivi li għandhom jiġu applikati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jiġu ddeterminati korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni, tad-29 ta’ Lulju 2002 [C(2002) 2871] (iktar ’il quddiem il-“gwidi tal-2002”), jesponu l-kriterji u l-prinċipji ġenerali li jiggwidaw lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fid-determinazzjoni tal-imsemmija korrezzjonijiet finanzjarji.

B –  Dispożizzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw il-kuntratti pubbliċi

15      Il-leġiżlazzjoni ta’ referenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li hija rilevanti bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), hija magħmula, minn naħa, mid-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37”), u, min-naħa l-oħra, mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50”).

16      Skont l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, b’mod partikolari:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      l-awtoritajiet kontraenti għandhom ifissru l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika [korpi rregolati mid-dritt pubbliku], assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika.

Korp irregolat mil-liġi pubblika jfisser kwalunkwe korp:

–        stabbilit għall-iskop speċifiku li jissodisfa bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali, u

–        li jkollu personalità ġuridika u

–        iffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika; jew soġġett għal sorveljanza ta’ amministrazzjoni minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, li iktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika.

[…] ”

17      L-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37, li jirregola l-kriterji għall-għoti tal-kuntratti għal xogħlijiet, jipprovdi b’mod partikolari:

“1.      Il-kriterji li fuqhom l-awtoritajiet ta’ kuntrattar [awtoritajiet kontraenti] għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti għandhom ikunu:

(a) jew l-irħas prezz biss;

(b) jew, meta l-għoti jsir lejn l-aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża, diversi kriterji skond il-kuntratt: eż. prezz, perijodu biex jitlesta, spejjeż, profitabilità, meritu tekniku.

2.      Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1(b), l-awtorità ta’ kuntrattar [awtorità kontraenti] għandha tiddikjara fid-dokumenti tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt il-kriterji kollha li beħsiebha tapplika għall-għoti, f’ordni dixxendenti meta possibbli.

[…]

4.      Jekk, għal kuntratt partikolari, dawk li jagħmlu l-offerti [xi offerti] jidhru li huma abnormalment baxxi b’relazzjoni max-xogħol, l-awtorità ta’ kuntrattar [awtorità kontraenti] għandha, qabel ma tirrifjuta dawk l-offerti, titlob, bil-miktub, dettalji tal-elementi kostitwenti ta’ l-offerta li hija tikkonsidra relevanti u għandha tivverifika dawk l-elementi kostitwenti billi tikkunsidra l-ispjegazzjonijiet li jkunu waslu.

[…] ”

18      Il-kriterji ta’ għoti rilevanti li jikkonċernaw il-kuntratti għal servizzi huma ddefiniti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50.

19      Skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50:

“1.      Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi għar-rimunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-awtorità kontraenti għandha tibbaża l-għoti tal-kuntratti jistgħu jkunu:

(a)      meta l-għoti jsir lill-oferta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, varji kriterji li jirrelataw għall-kuntratt: per eżempju, kwalità, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, assistenza teknika u servizz ta’ wara l-bejgħ, data ta’ kunsinna, perjodu ta’ kunsinna jew perjodu tal-kompletazzjoni, prezz; jew

(b)      l-iktar prezz baxx biss.

2.      Meta l-kuntratt għandu jingħata lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tiddikjara fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika ta’ offerta il-kriterja ta’ l-għoti li hija jkollha l-intenzjoni tapplika, meta possibbli f’ordni dixxendenti ta’ importanza.”

20      Skont l-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50:

“Jekk, għal kuntratt partikolari, offerti jidhru li jkunu anormalment baxxi f’relazzjoni għas-servizz li għandu jiġi pprovdut, l-awtorità kontraenti għandha, qabel ma tiċħad dawk l-offerti, titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi kostitwenti ta’ l-offerta li hija tikkunsidra relevanti u għandha tivverifika dawk l-elementi kostitwenti u tieħu kont ta’ l-ispjegazzjonijiet riċevuti.

L-awtorità kontraenti tista’ tieħu inkonsiderazzjoni spjegazzjonijiet li huma ġġustifikati fuq bażi oġġettiva inkluża l-ekonomija tal-metodu li bih jiġi pprovdut is-servizz, jew is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula, jew il-kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli disponibbli għall-offerent għad-dispożizzjonijiet tas-servizzi, jew l-oriġinalità tas-servizz propost mill-offerent.

Jekk id-dokumenti relatati mal-kuntratt jipprovdu għall-għoti tiegħu bl-iktar prezz baxx offert, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika lill-Kummissjoni ċ-ċaħda ta’ offerti li hija tikkunsidra li jkunu baxxi wisq.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-proġetti kkonċernati

21      Permezz ta’ għadd ta’ deċiżjonijiet adottati bejn l-2002 u l-2004, il-Kummissjoni tat għajnuniet mill-Fond ta’ Koeżjoni lil tmien proġetti mwettqa fit-territorju tal-Komunità awtonoma tal-Cataluña (Spanja).

22      Il-proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.058 jikkonċerna l-estensjoni tal-impjant tal-purifikazzjoni tal-ilma tal-Besos sabiex isir trattament bioloġiku sekondarju tad-drenaġġ u trattament tal-ħama li joriġina mir-reġjun ta’ Barcelona [għajnuna mogħtija permezz tad-deċiżjoni C (2002) 1767, tas-6 ta’ Awwissu 2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti”)], li l-ġestjoni tiegħu hija fdata lil Depuradora del Baix Llobregat SA (iktar ’il quddiem “Depurbaix”).

23      Is-seba’ proġetti l-oħra huma amministrati mill-Agencia Catalana del Agua (Aġenzija Katalana tal-ilma, iktar ’il quddiem l-“ACA”) u mill-Agencia de Residuos de Cataluña (Aġenzija tal-iskart tal-Cataluña, iktar ’il quddiem l-“ARC”), it-tnejn li huma kkontrollati mill-Comunidad Autónoma de Cataluña. Dawn huma l-proġetti li ġejjin:

–        proġett bir-referenza 2003.ES.16.C.PE.005 li jikkonċerna l-infrastrutturi tas-sanitazzjoni ta’ bliet żgħar tal-Cataluña [għajnuna mogħtija permezz tad-Deċiżjoni C (2003) 4384, tad-19 ta’ Novembru 2003] ;

–        proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.054 li jikkonċerna l-purifikazzjoni, it-trattament tal-ħama u l-użu mill-ġdid tad-drenaġġ urban tal-Cataluña [għajnuna mogħtija permezz tad-Deċiżjoni C(2002) 3519, tad-29 ta’ Novembru 2002, emendata bid-Deċiżjoni C (2005) 1523, tas-17 ta’ Mejju 2005];

–        proġett bir-referenza 2000.ES.16.C.PE.112 li jikkonċerna s-sanitazzjoni u l-purifikazzjoni tal-baċir idrografiku tal-Èbre: Monzón, Caspe u baċiri interni tal-Cataluña [għajnuna mogħtija permezz tad-Deċiżjoni C (2000) 4325, emendata bid-Deċiżjoni C (2004) 597, tal-20 ta’ Frar 2004] ;

–        proġett bir-referenza 2002.ES.16.C.PE.006 li jikkonċerna d-desalinazzjoni tal-ilma baħar tad-delta tat-Tordera [għajnuna mogħtija permezz tad-Deċiżjoni C (2003) 1543, tas-6 ta’ Mejju 2003] ;

–        proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.055 li jikkonċerna l-kostruzzjoni u l-adattament tal-infrastrutturi tat-trattament tal-iskart muniċipali tal-Cataluña [għajnuna mogħtija permezz tad-Deċiżjoni C (2002) 1766, tas-6 ta’ Awwissu 2002];

–        proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.057 li jikkonċerna t-trattament tal-iskart muniċipali fil-kontei ta’ Urgell, ta’ Palars Jussà u ta’ Conca de Barbera, fil-Cataluña [għajnuna mogħtija permezz tad-Deċiżjoni C (2003) 1478, tad-29 ta’ April 2003] ;

–        proġett bir-referenza 2002.ES.16.C.PE.041 li jikkonċerna l-ħolqien u t-titjib tan-netwerk ta’ infrastrutturi tat-trattament tal-iskart ta’ muniċipalitajiet tal-Cataluña [għajnuna mogħtija permezz tad-Deċiżjoni C (2002) 4660, tal-20 ta’ Diċembru 2002].

B –  Il-proċedura amministrattiva

24      Matul il-perijodu ta’ bejn is-6 u l-10 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni wettqet, fi Spanja, missjoni ta’ awditjar bl-għan li jsir kontroll tal-proġett ta’ estensjoni tal-impjant ta’ purifikazzjoni tax-xmara Besos, amministrat minn Depurbaix, kif ukoll li ssir verifikazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, kif stabbiliti mill-awtoritajiet Katalani fil-kuntest tal-Fond ta’ Koeżjoni.

25      Fis-27 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli rapport li jidentifika irregolaritajiet li jikkonċernaw lill-proġetti inkwistjoni, kif ikkonstatati matul il-missjoni ta’ awditjar. Dawn l-irregolaritajiet kienu jikkonċernaw, minn naħa, l-assenza ta’ eliġibbiltà ta’infiq mitlub minn Depurbaix bħala “taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet” fiċ-ċertifikati tal-infiq, u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ osservanza, mill-awtoritajiet Katalani, ta’ ċerti regoli tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fil-kuntest tas-seba’ proġetti msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq.

26      Fi tmiem ta’ skambju ta’ għadd ta’ korrispondenzi mal-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni pproponiet korrezzjoni finanzjarja għal kull wieħed mill-proġetti kkonċernati u stiednet lill-imsemmija awtoritajiet għal smigħ. Matul is-smigħ tas-27 u tat-28 ta’ Ġunju 2006, l-awtoritajiet Spanjoli talbu terminu ta’ tliet ġimgħat sabiex jipprovdu provi addizzjonali. Il-Kummissjoni ffissat dan it-terminu għall-21 ta’ Lulju 2006. Hija rċeviet dawn il-provi fil-25 ta’ Lulju 2006.

C –  Id-deċiżjoni kkontestata

27      Fl-20 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 5105 li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fond ta’ Koeżjoni lit-tmien proġetti msemmija fil-punti 22 u 23 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet innotifikata lir-Renju ta’ Spanja fit-23 ta’ Ottubru 2006.

28      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li, matul il-missjoni ta’ awditjar tagħha, skopriet xi irregolaritajiet li jirrigwardaw, minn naħa, l-assenza ta’ eliġibbiltà ta’ ċertu nfiq u, min-naħa l-oħra, il-ksur, mill-awtoritajiet Spanjoli, ta’ ċerti regoli tal-Unjoni li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      F’dak li jirrigwarda l-proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.058, il-Kummissjoni rrilevat li, fil-kuntest tal-kuntratti li jorbtu lill-amministrazzjoni ċentrali tal-Istat Spanjol ma’ Depurbaix, hija identifikat infiq ineliġibbli msejjaħ “taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet”, liema taxxa kienet tikkonsisti fiż-żieda ta’ ammont b’rata fissa ta’ 4 % tal-ispejjeż tax-xogħlijiet. Skont il-Kummissjoni, dan l-ammont b’rata fissa kellu tiġi kklassifikata bħala nfiq ġenerali jew amministrattiv ineliġibbli skont l-inċiż ta’ qabel tal-aħħar, tal-punt 2 tat-Taqsima IV tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      F’dak li jirrigwarda s-seba’ proġetti l-oħra, il-Kummissjoni kkonstatat xi irregolaritajiet minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, mill-ACA u mill-ARC, tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratti għal xogħlijiet kollha kkonċernati, dawn l-organi użaw kriterji ta’ għoti li ma humiex konformi mal-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37. Bl-istess mod, il-kuntratti għal servizzi kollha kienu ngħataw bi ksur tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Għalhekk, l-ewwel nett, il-Kummisssjoni qieset li l-applikazzjoni mill-ACA, fil-kuntest tal-għoti tal-proġetti inkwistjoni, tal-kriterji ta’ idoneità tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti ma kinitx konformi mal-imsemmija regoli, sa fejn dan il-kriterju ma kienx jirrigwarda s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li kellha ssir distinzjoni ċara bejn il-kriterji ta’ idoneità, rilevanti għas-selezzjoni tal-offerenti, u l-kriterji ta’ għoti, iddestinati li jiddeterminaw l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Skont il-Kummissjoni, minkejja li l-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti setgħet titqies bħala kriterju ta’ selezzjoni kwalitattiv rilevanti, min-naħa l-oħra hija ma hijiex ammissibbli bħala kriterju intiż li jiddetermina l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, u dan taħt piena li jinkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament [punt 18 u punt 24(b) tad-deċiżjoni kkontestata].

32      It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li l-użu, kemm mill-ACA kif ukoll mill-ARC tal-metodu tal-prezz medju bħala kriterju ta’ għoti sabiex tiġi ddeterminata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament jikser l-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 fil-każ tal-kuntratti għal xogħlijiet u jikser l-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 fil-każ tal-kuntratti għal servizzi. F’każ ta’ ugwaljanza tal-kriterji l-oħra kollha, dan il-metodu jista’ jippenalizza offerti li huma orħos minn offerti li jinsabu iktar qrib il-medja kkalkolata, b’mod li l-applikazzjoni tiegħu tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament [punt 18 u punt 24(c) tad-deċiżjoni kkontestata].

33      It-tielet nett, il-Kummissjoni rrilevat li d-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jeżiġu, fil-każ ta’ offerti anormalment baxxi, li tiġi prevista proċedura kontradittorja mal-offerenti sabiex tippermettilhom jiġġustifikaw il-“viabbiltà” tal-offerta tagħhom. Issa, la l-ACA u lanqas l-ARC ma osservaw tali proċedura, u dan huwa kuntrarju għall-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 għall-kuntratti għal xogħlijiet u kontra l-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 għall-kuntratti għal servizzi [punt 24(d) tad-deċiżjoni kkontestata].

34      Għaldaqstant il-Kummissjoni qieset li, sa fejn id-dikjarazzjonijiet tal-infiq tal-awtoritajiet Spanjoli kienu jinkludu nfiq ineliġibbli u sa fejn kien jeżisti nuqqas ta’ kontroll min-naħa tagħhom, l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji kienet ġustifikata u xierqa (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tqis li ġeneralment huwa xieraq li jiġu applikati korrezzjonijiet b’rata fissa fuq l-infiq kollu ddikjarat fil-kuntest ta’ proġett meta din tiskopri nuqqasijiet gravi fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, li jwasslu għal ksur mifrux sew tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ jew fejn hija tikkonstata ksur individwali. Ir-rata speċifika li għandha tiġi applikata tkun tiddependi mill-gravità tan-nuqqas identifikat u tista’ tiżdied f’każ ta’ reċidiva. Il-Kummissjoni madankollu qieset li, fil-każijiet inkwistjoni, korrezzjoni b’rata fissa applikabbli għall-proġetti kollha tkun piena sproporzjonata (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda l-“infiq indirett” ineliġibbli, iffatturat minn Depurbaix bħala “taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet”, il-Kummissjoni kkonstatat li l-imsemmi nfiq kien ġie imputat għal tliet proġetti amministrati minn Depurbaix, li l-ammont totali tiegħu matul il-missjoni ta’ awditjar ta’ Ottubru 2003 kien ta’ EUR 9 298 055. Skont il-Kummissjoni, dan il-fatt juri nuqqas tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll implementata mill-Ministeru Spanjol għall-Ambjent. Għaldaqstant hija ddeċidiet, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, korrezzjoni finanzjarja ta’ 2 % tal-kofinanzjament (ta’ 85 %) mogħti lill-proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.058, li għalih hija ffissat l-ammont ta’ EUR 2 324 414 (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fir-rigward tal-proġetti amministrati mill-ACA u mill-ACR, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti u l-metodu tal-prezz medju kienu jinsabu b’mod sistematiku fil-kuntratti inkwistjoni. Għaldaqstant, hija talbet lill-awtoritajiet Katalani sabiex iwettqu evalwazzjoni tal-offerenti kuntratt kuntratt, u dawn l-awtoritajiet wettquha. Għall-kuntratti li l-valur tagħhom kien jeċċedi l-livelli tad-Direttivi 92/50 u 93/37, il-metodu tal-prezz medju ġie sostitwit minn metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet li kien jattribbwixxi l-ogħla punteġġ lill-offerta l-iktar baxxa u l-iktar punteġġ baxx lill-offerta l-iktar għolja. Barra minn hekk, il-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti ġie eliminat mill-evalwazzjoni teknika, u ngħata piż ġdid (reweighting) tal-piż tekniku u ekonomiku. Għall-kuntratti li l-valur tagħhom kien jinsab taħt il-livelli tal-imsemmija direttivi, l-evalwazzjoni l-ġdida kienet tibbaża ruħha fuq linearizzazzjoni tal-prezzijiet, u l-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti nżamm fl-evalwazzjoni teknika (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Abbażi tal-evalwazzjonijiet il-ġodda tal-awtoritajiet Katalani, il-Kummissjoni adottat korrezzjoni finanzjarja għal kull proġett ekwivalenti għal 100 % tad‑differenza f’termini ta’ kofinanzjament tal-Unjoni bejn l-offerti miżmuma u dawk ikkalkolati mill-ġdid kuntratt kuntratt. Għas-seba’ proġetti kkonċernati, il-Kummissjoni ffissat l-ammont globali tal-korrezzjoni finanzjarja għal EUR 4 490 021 (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ammont ta’ EUR 6 814 435 kellu jitqies bħala li kien ġie ddikjarat indebitament u, għaldaqstant, kellu jingħata lura mir-Renju ta’ Spanja (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

40      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) fis-27 ta’ Diċembru 2006, ir-Renju ta’ Spanja fetaħ din il-kawża.

41      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42      Il-Kummimssjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

43      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2012, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali minn naħa stiednet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jippreżenta ċerti dokumenti u, min-naħa l-oħra, għamlet xi domandi bil-miktub lir-Renju ta’ Spanja u lill-Kummissjoni filwaqt li stednithom jirrispondu għalihom bil-miktub. Dawn il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

44      Peress li l-Imħallef Relatur ma setax jisma’ l-kawża, fit-22 ta’ Marzu 2012 il-President tal-Qorti Ġenerali assenja l-kawża lil Imħallef Relatur ieħor u, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, innomina Imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

45      B’ittra tat-18 ta’ Lulju 2012, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet domandi bil-miktub lir-Renju ta’ Spanja u lill-Kummissjoni filwaqt li talbithom iweġbuha għalihom bil-miktub. Dawn il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

46      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

47      Instemgħu is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tat-12 u t-13 ta’ Novembru 2012. Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tħalli l-proċedura orali miftuħa u, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-partijiet sabiex, fi żmien tliet ġimgħat, jipproduċu ċerti dokumenti u infomazzjoni li dwarhom ġew mistiedna jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

48      Billi l-imsemmija dokumenti u informazzjoni kif ukoll l-imsemmija osservazzjonijiet ġew riċevuti fit-termini mogħtija, fit-28 ta’ Jannar 2013 il-Qorti Ġenerali għalqet il-proċedura orali.

 Id-dritt

D –  Sinteżi tal-motivi għal annullament

49      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja invoka erba’ motivi, bit-tieni u t-tielet motivi jitqajmu b’mod sussidjarju.

50      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, maqsum fi tliet partijiet, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment jallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn interpretazzjoni ħażina u minn applikazzjoni żbaljata tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 f’dak li jikkonċerna lis-seba’ proġetti amministrati mill-ACA u mill-ARC.

51      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, imqajjem b’mod sussidjarju, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94 fid-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja dwar l-imsemmija proġetti.

52      Permezz tat-tielet motiv tiegħu, imqajjem b’mod sussidjarju, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-forom proċedurali sostanzjali kif ukoll tal-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”.

53      Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jallega ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002 minħabba l-assenza ta’ irregolaritajiet reali kif ukoll, b’mod sussidjarju, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja dwar il-proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.058 amministrat minn Depurbaix.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50

 Osservazzjonijiet preliminari

54      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-konklużjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kriterji applikati mill-ACA u mill-ARC sabiex jagħtu l-kuntratti relattivi għas-seba’ proġetti msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq ma kinux konformi mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u mal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50. Permezz tal-ewwel parti, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata sa fejn din tqis li l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju kien kuntrarju għall-imsemmija regoli u kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Permezz tat-tieni parti, huwa jsostni li l-imsemmija deċiżjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tal-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, f’dak li jikkonċerna l-ipproċessar tal-offerti anormalment baxxi. Permezz tat-tielet parti, ir-Renju ta’ Spanja jallega li l-imsemmija deċiżjoni tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tal-Artikolu 36(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, f’dak li jirrigwarda, matul l-evalwazzjoni tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti.

55      Qabel jiġu evalwati dawn id-diversi lmenti, għandhom jitfakkru l-karatteristiċi prinċipali tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti amministrati mill-ACA u mill-ARC sabiex jingħataw il-kuntratti relattivi għas-seba’ proġetti inkwistjoni.

56      Għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, l-ACA u l-ARC iddeċidew li japplikaw il-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament minflok dak tal-prezz l-iktar baxx [ara l-Artikolu 30(1)(a) u (b) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u l-Artikolu 36(1)(a) u (b) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50]. Fil-fatt, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt stabbilliti mill-ACA u mill-ARC, il-kuntratti inkwistjoni kellhom jingħataw skont il-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, u dan kellu jiġi evalwat b’applikazzjoni ta’ ċerti metodi u abbażi ta’ ċerti parametri ekonomiċi u tekniċi, fejn kull wieħed minnhom kellu koeffiċjent ta’ piż.

57      Fost il-metodi u l-parametri ekonomiċi rilevanti kien hemm il-metodu tal-prezz medju, li l-applikazzjoni tiegħu mill-awtorità kontraenti kienet maqsuma fi tliet fażijiet. Matul l-ewwel fażi, kull offerta ġiet imqabbla mal-baġit li l-awtorità kontraenti kellha għall-kuntratt inkwistjoni, imsejjaħ il-prezz bażiku, stabbilit minn qabel minn uffiċju ta’ inġiniera indipendenti, wara studju tas-suq. L-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju matul din il-fażi kien jikkonsisti fil‑kalkolu tat-“tnaqqis” (Bi), f’termini ta’ perċentwali ta’ tnaqqis, tal-offerta ta’ kull offerent meta mqabbel mal-prezz bażiku, skont l-ekwazzjoni “Bi = (prezz bażiku – offerta)/prezz bażiku ”. Jekk l-offerta kienet inqas mill-prezz bażiku, l-offerenti kien jitqies bħala li jkun għamel “tnaqqis pożittiv” (Bi > 0). Jekk min-naħa l-oħra l-offerta kienet iktar mill-prezz bażiku (Bi ˂ 0), l-offerent kien jitqies bħala li jkun għamel “żieda”. Matul it-tieni fażi, ġiet ikkalkolata l-medja tat-tnaqqis imwettaq minn kull wieħed mill-offerenti, imsejjaħ “tnaqqis medju” (Bm). B’mod analogu, ġie ddeterminat it-“tnaqqis imprudenti” (Bt), li kien jindika l-perċentwali ta’ tnaqqis li minnu l-offerta kienet titqies bħala nieqsa mill-kredibbiltà, jew għaliex ma kienx raġonevolment prevedibbli li l-proġett jista’ jitwettaq b’tali prezz, jew inkella għaliex il-prezz kien tant baxx li s-servizzi proposti ma setgħux jilħqu kwalità teknika minima. Matul it-tielet fażi, ġiet applikata formula matematika sabiex jingħataw punti lid-diversi offerti.

58      Fil-biċċa l-kbira tal-kuntratti mogħtija mill-ACA, it-“tnaqqis” imwettaq minn kull offerta (Bi) kien imqabbel jew mat-“tnaqqis medju” (Bm), jew ma’ “tnaqqis ikkoreġut”. It-“tnaqqis ikkoreġut” kien ġeneralment jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ korrezzjoni fuq it-“tnaqqis medju” billi jiżdied b’ħames punti perċentwali. Skont ir-Renju ta’ Spanja, din il-korrezzjoni kellha l-għan li tevita li offerti li jkun fihom “tnaqqis” ta’ iktar mit-“tnaqqis medju”, iżda li jikkorrispondu għall-prezz bażiku u li għandhom kwalità teknika tajba, ikunu żvantaġġati minħabba l-fatt li l-offerenti l-oħra jkunu ppreżentaw offerti wisq għolja. L-offerenti li jkunu ppreżentaw offerti superjuri għall-prezz bażiku, li għaldaqstant it-“tnaqqis” tagħhom kien negattiv, ma kienu jiksbu ebda punt. Għall-kuntrarju, l-offerenti li jkunu ppreżentaw offerti daqs jew inferjuri għall-prezz bażiku, li t-“tnaqqis” tagħhom għaldaqstant kien “pożittiv”, ġew ittrattati bil-mod li ġej. L-ewwel nett, l-offerti li t-“tnaqqis” tagħhom kien jaqbeż it-“tnaqqis imprudenti”, jiġifieri offerti baxxi ħafna u li għandhom “tnaqqis pożittiv” kbir ħafna, ma kienu jiksbu ebda punt għall-kwalità ekonomika tagħhom. It-tieni nett, l-offerti bi “tnaqqis” inferjuri għat-“tnaqqis medju” (eventwalment ikkoreġut) kienu jiksbu numru ta’ punti dejjem jikber jekk kemm-il darba u sa fejn dawn kienu joqorbu għat-“tnaqqis medju”. It-tielet nett, l-offerti li t-“tnaqqis” tagħhom kien iktar mit-“tnaqqis medju” (eventwalment ikkoreġut), iżda inqas mit-“tnaqqis imprudenti”, jiġifieri inqas mill-prezz bażiku u iktar mit-“tnaqqis medju”, iżda li ma kinux eċċessivament baxxi, kienu jingħataw numru ta’ punti dejjem jikber jekk kemm-il darba u sa fejn dawn kienu joqorbu għat-“tnaqqis medju” u kienu jitbiegħdu mit-“tnaqqis imprudenti”. Fi kliem ieħor, dawn l-offerti kien jingħatalhom numru ta’ punti dejjem jonqos kemm-il darba u sa fejn huma kienu jitbiegħdu mit-“tnaqqis medju” u joqorbu lejn it-“tnaqqis imprudenti”.

59      Fir-rigward tal-kuntratti mogħtija mill-ARC, b’mod analogu, inizjalment, kull offerta kienet titqabbel mal-prezz bażiku sabiex jiġi ddeterminat it-“tnaqqis” imwettaq minn kull offerent. L-offerti li kienu jaqbżu l-prezz bażiku kienu jitwarrbu. Fir-rigward tal-offerti daqs jew inferjuri għall-imsemmi prezz, jiġifieri dawk bi “tnaqqis pożittiv”, it-“tnaqqis medju” u t-“tnaqqis imprudenti” kienu sussegwentement jiġu kkalkolati skont modalitajiet identiċi għal dawk applikati mill-ACA, sabiex jingħataw punti lid-diversi offerti skont il-formula li ġejja. L-ewwel nett, kienu jingħataw 15-il punt lill-offerti bi “tnaqqis zero”, jiġifieri dawk li l-prezz tagħhom kien jikkoinċidi mal-prezz bażiku (Bi = 0). It-tieni nett, l-offerti bi “tnaqqis pożittiv” u inferjuri għat-“tnaqqis imprudenti” kienu jiksbu bejn 15 u 30 punt, u n-numru ta’ punti kien jiżdied kemm-il darba u sa fejn dawn kienu joqorbu għat-“tnaqqis imprudenti” u kienu jitbiegħdu mit-“tnaqqis zero”. It-tielet nett, it-tnaqqis superjuri għat-“tnaqqis imprudenti” kienu jiksbu numru dejjem jonqos ta’ punti, li jmorru minn 30 għal zero, kemm-il darba u sa fejn dawk kienu jitbiegħdu mit-“tnaqqis imprudenti”. Għalhekk, l-offerta ekwivalenti għal jew inferjuri għal 90 % tal-offerta li għaliha kien jikkorrispondi t-“tnaqqis imprudenti” kienet tkun eċċessivament baxxa b’mod li hija ma kienet tikseb ebda punt sa minn dan il-livell ’il quddiem. Skont ir-Renju ta’ Spanja, it-“telf ta’ punti” lil hinn minn dan il-livell kien superjuri għal dak li jikkorrispondi għat-tnaqqisijiet li kienu jinsabu bejn zero u t-“tnaqqis imprudenti”, b’mod li l-offerti eċċessivament baxxi kienu jiġu ppenalizzati.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50

60      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta li l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju jmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50.

61      L-offerenti kollha ġew ittrattati bl-istess mod. Dawn ġew informati minn qabel bil-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ għoti tal-kuntratti inkwistjoni, fosthom l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju, u rċievew trattament analogu matul l-evalwazzjoni tal-offerti. Skont ir-Renju ta’ Spanja, anki jekk, matul il-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom l-offerenti ma kinux jafu l-prezz medju, huma kienu jafu l-prezz bażiku x’kien, kif speċifikat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fl-avviż tal-kuntratt u stabbilit minn studju tas-suq, li ġie ppubblikat u għaldaqstant kien aċċessibbli għall-offerenti f’dan l-istadju. Barra minn hekk, il-metodu tal-prezz medju ġie applikat b’mod ugwali għall-offerti kollha, irrilevanti mill-oriġini tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja jippreċiża li, fost il-173 kuntratt ikkonċernat, identifika 25 kuntratt li ngħataw lill-offerta l-inqas oneruża, li barra minn hekk kienet inferjuri għal dik li rriżultat mill-applikazzjoni tal-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet li eżiġiet il-Kummissjoni. Fi 78 każ, l-offerta miżmuma kienet l-istess bħal dik li ġiet identifikata mill-imsemmi metodu lineari. Dawn l-eżempji juru b’mod partikolari li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-metodu tal-prezz medju ma kienx jiggarantixxi l-għoti tal-kuntratt lill-offerent li jkun ippropona l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz, iżda biss lil dak li jkun offra l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz medju, hija żbaljata. Ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment iżid li l-applikazzjoni, mill-awtorità kontraenti, ta’ kriterju matematiku, bħalma huwa l-livell ta’ anomalija tat-“tnaqqis imprudenti”, ibbażat fuq il-medja tal-offerti riċevuti, ġiet rikonoxxuta mill-ġurisrudenza. Id-determinazzjoni ta’ tali livell iservi b’mod partikolari sabiex “jintiżen” sa liema punt offerta tkun tosserva l-metodu tal-prezz medju u, b’mod indirett, “jintiżnu” l-kriterji li jiggarantixxu l-kwalità u l-vijabbiltà teknika tal-proġett.

62      Sussidjarjament, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, anki jekk wieħed jippresupponi li teżisti inugwaljanza fit-trattament, li ma huwiex il-każ, din tkun iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi. Jekk l-awtoritajiet kontraenti taw lill-offerti bi prezz baxx numru ta’ punti varjabbli jew ta’ zero, dan huwa preċiżament bl-għan li jiġi protett l-interess pubbliku u sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà teknika tal-proġetti inkwistjoni, peress li l-offerti bi prezz eċċessivament baxx jistgħu jikkompromettu l-eżekuzzjoni korretta tax-xogħlijiet. Fir-rigward tal-offerti bi prezzijiet għolja, li jaqbżu dawk proposti mill-offerenti l-oħra u li għaldaqstant jinsabu lil hinn mit-“tnaqqis medju”, in-numru ta’ punti jitnaqqsilhom b’mod gradwali bl-għan li jiġu ppreżervati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-adegwatezza tal-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet li teżiġi l-Kummissjoni, li la huwa iktar effikaċi u lanqas ma jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni iktar mill-metodu tal-prezz medju. Għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tiegħu twassal sabiex jinżammu offerti iktar onerużi minn dawk li kienu nżammu mill-ARC u mill-ACA b’applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju, liema ħaġa l-Kummissjoni stess irrikonoxxietha matul is-seduta tas-27 u tat-28 ta’ Ġunju 2006.

63      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

64      Il-Qorti Ġenerali qabel kollox tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li rrikonoxxiet li d-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 u d-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 għandhom essenzjalment l-għan li jipproteġu l-interessi tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru li jixtiequ joffru beni jew servizzi lill-awtoritajiet kontraenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor u, għal dan l-għan, li jeskludu kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti nazzjonali fl-għoti ta’ kuntratt kif ukoll il-possibbiltà li awtorità kontraenti pubblika tippermetti li tiġi ggwidata minn kunsiderazzjonijiet li ma humiex ekonomiċi. L-għan prinċipali tal-imsemmija direttivi għaldaqstant hija s-sejħa għal offerti għall-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u għal servizzi. Fil-fatt, hija l-ftuħ għas-sejħa għal offerti fl-Unjoni skont il-proċeduri previsti mill-imsemmija direttivi li tiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, Ġabra p. I‑9233, punti 35 u 36, u l-ġurisprudenza ċċitata fihom rispettivament).

65      Barra minn hekk, fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kemm għal xogħlijiet kif ukoll għal servizzi, l-awtorità kontraenti hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, hekk kif, mill-bqija, jirriżulta b’mod espress mill-Artikolu 3(2), mill-Artikolu 27(4) u mill-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C‑532/06, Ġabra p. I‑251, punt 33) u mill-Artikolu 22(4), mir-raba subparagrafu tal-Artikolu 30(4), u mill-Artikolu 31(1) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 (sentenza Lombardini u Mantovani, punt 64 iktar ’il fuq, punt 37).

66      B’mod iktar partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, li huwa biss espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punti 46 u 48, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2008, European Service Network vs Il‑Kummissjoni, T‑332/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 72), u li għandu l-iskop li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni f’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għalhekk jimplika li dawn għandhom jiġu ppreżentati taħt l-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punt 110). Għaldaqstant, l-awtorità kontraenti hija obbligata, f’kull fażi tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 85), u dawn għandhom ikunu fuq l-istess livell kemm fil-mument fejn huma jippreparaw l-offerti kif ukoll fil-mument fejn huma jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C‑213/07, Ġabra p. I‑9999, punt 45, u tas-17 ta’ Frar 2011, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑251/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

67      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimplika, b’mod partikolari, obbligu ta’ trasparenza sabiex jippermetti li l-awtorità kontraenti tiżgura l-osservanza tiegħu (ara s-sentenzi Lombardini u Mantovani, punt 64 iktar ’il fuq, punt 38, u Il-Kummissjoni vs Ċipru, punt 66 iktar ’il fuq, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). Il-prinċipju ta’ trasparenza, li huwa l-korollarju tal-priniċpju ta’ ugwaljanza fit-trattament, essenzjalment għandu l-għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti (sentenzi Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, punt 66 iktar ’il fuq, punt 111), kif ukoll il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri ta’ għoti (ara s-sentenza Parking Brixen, punt 66 iktar ’il fuq, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura ta’ għoti għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u mhux ambigwu fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sabiex b’hekk, minn naħa, l-offerenti kollha informati b’mod raġonevoli u normalment diliġenti jkunu jistgħu jifhmu l-portata preċiża tagħhom u jinterpretawhom bl-istess mod u, min‑naħa l-oħra, l-awtorità kontraenti tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk jekk l-offerti sottomessi mill-offerenti effettivament jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, punt 66 iktar ’il fuq, punt 111). Fl-aħħar nett, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza huma l-bażi tad-direttivi dwar il-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi. Id-dmir tal-awtoritajiet kontraenti li jiżguraw l-osservanza tagħhom huwa l-essenza ta’ dawn id-direttivi (ara s-sentenza Michaniki, punt 66 iktar ’il fuq, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

68      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li, sussegwentement, għandhom jiġu evalwati l-ilmenti mqajma mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tiegħu.

69      Għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratti li jirrigwardaw is-seba’ proġetti msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Katalani għażlu li japplikaw il-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament skont l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 u l-Artikolu 30(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37, billi jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji kemm ekonomiċi kif ukoll tekniċi. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkontestat il-legalità, fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, tal-metodu tal-prezz medju, li l-funzjonament tiegħu jinsab spjegat fil-punti 57 sa 59 iktar ’il fuq, għar-raġuni li, f’każ ta’ ugwaljanza fil-kriterji l-oħrajn kollha, l-applikazzjoni tiegħu tkun tippenalizza offerti li jkunu inqas għoljin meta mqabbla ma’ oħrajn li joqorbu iktar lejn il-medja kkalkolata [punt 24(c) tad-deċiżjoni kkontestata].

70      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, preliminarjament għandu jitfakkar li huwa stabbilit li, qabel il-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom, l-offerenti kienu informati kemm bl-applikazzjoni tal-prezz medju kif ukoll bil-prezz bażiku ta’ kull proġett, kif speċifikat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fl-avviż tal-kuntratt. Xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan l-istess stadju tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-offerenti ma setgħux ikunu jafu l-prezz medju, peress li dan kellu jiġu kkalkolat, minħabba li huwa medja aritmetika tal-perċentwali ta’ “tnaqqis” meta mqabbel mal-prezz bażiku tal-offerti l-oħra kollha milqugħa, biss wara li jiġu riċevuti l-imsemmija offerti għall-kuntratt inkwistjoni.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet kontraenti huma suġġetti għal obbligu ta’ trasparenza li essenzjalment għandu l-għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tagħhom. B’mod partikolari, meta l-għoti ta’ kuntratt ikun jiddependi mid-determinazzjoni tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, fis-sens tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 jew tal-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt l-awtorità kontraenti għandha tiddefinixxi u tippreċiża l-kriterji ta’ għoti applikabbli. Dawn id-dispożizzjonijiet għaldaqstant għandhom l-għan li jiggarantixxu l-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament u tat-trasparenza fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-offerti għall-għoti tal-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, Evropaïki Dynamiki vs EMSA, C‑252/10 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 29).

72      Barra minn hekk, minkejja li l-ġurisprudenza ma rrikonoxxietx projbizzjoni totali u assoluta milli l-awtorità kontraenti tispeċifika iktar fid-dettall, wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti, kriterju ta’ għoti tal-kuntratt li l-offerenti ġew informati bih minn qabel, xorta jibqa’ l-fatt li tali determinazzjoni sussegwenti hija possibbli biss jekk jiġu osservati, b’mod strett, tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, din id-determinazzjoni a posteriori ma għandhiex temenda l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt iddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt; it-tieni nett, hija ma għandhiex ikollha elementi li, kieku kienu magħrufa matul il-preparazzjoni tal-offerti, setgħu jinfluwenzaw din il-preparazzjoni; u, it-tielet nett, hija ma għandhiex tkun ġiet adottata b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi li jistgħu jkollhom effett diskriminatorju lejn wieħed mill-offerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lianakis et, punt 65 iktar ’il fuq, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk, u Evropaïki Dynamiki vs EMSA, punt 71 iktar ’il fuq, punti 32 u 33).

73      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju kienet tippresupponi n-neċessità li, a posteriori, jiġi ddeterminat element essenzjali, u saħansitra deċiżiv, għad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratti, jiġifieri l-prezz medju li miegħu kellhom jiġu pparagunati l-offerti kollha wara li jiġu riċevuti mill-awtorità kontraenti. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ għarfien tal-imsemmi prezz medju, fl-istadju tal-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom, l-offerenti kienu mċaħħda minn element li, kieku kienu jafuh qabel, kien ikun partikolarment probabbli li jinfluwenza din il-preparazzjoni, fis-sens tat-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq, peress li kien ikun ippermettielhom li jżidu ċ-ċansijiet tagħhom li jiksbu l-punteġġ massimu skont il-kriterji elenkati fil-punti 58 u 59 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, l-assenza ta’ għarfien ta’ dan l-element xekkilhom milli jadattaw l-offerti rispettivi tagħhom għall-evalwazzjoni tal-imsemmija offerti. Għall-kuntrarju, in-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-prezz medju wassal għal sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni “irrazzjonali” għall-offerenti l-iktar kompettivi li, jekk riedu jżommu ċ-ċansijiet tagħhom li jiksbu l-kuntratt, kienu kostretti jissottomettu offerta bi prezz iktar għoli meta mqabbel ma’ dak li setgħu jippreżentaw, jiġifieri offerta bi prezz li jikkorrispondi għall-medja prevedibbli tal-prezz tal-offerti kollha u mhux l-offerta l-inqas għolja. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju kien kuntrarju għall-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u l-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50.

74      Ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jikkontesta din l-evalwazzjoni billi jinvoka l-punt 70 tas-sentenza Lombardini u Mantovani (punt 64 iktar ’il fuq), li l-elementi fattwali u legali tagħhom ma humiex kumparabbli ma’ dawk tal-kawża ineżami. Ċertament, skont dik is-sentenza, il-fatt li livell ta’ anomalija li jirriżulta minn kalkolu bbażat essenzjalment fuq il-medja tal-offerti ppreżentati fil-kuntest ta’ kuntratt ma jkunx magħruf mill-offerenti fil-mument li fih jippreżentaw l-offerta tagħhom, peress li dan jiġi ddeterminat biss ladarba l-offerti kollha jiġu ppreżentati, ma jaffettwax il-kompatibbiltà ta’ dan il-livell ta’ anomalija mad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 (sentenza Lombardini u Mantovani, punt 64 iktar ’il fuq, punti 68 sa 70). Madankollu, l-imsemmi livell ta’ anomalija kien intiż li jiddetermina u jwarrab l-offerti anormalment baxxi fis-sens tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37, li jikkostitwixxi raġuni assoluta għal ċaħda ta’ offerta, filwaqt li, f’dan il-każ, il-metodu tal-prezz medju kien jikkonċerna element essenzjali, u saħansitra deċiżiv intiż li jistabbilixxi l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament bħala kriterju ta’ għoti tal-kuntratt rilevanti, li l-offerenti ma kinux jafu x’inhu fil-mument tal-preparazzjoni u tal-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-esklużjoni ex officio, mill-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, ta’ ċerti offerti stabbiliti skont kriterju matematiku u, min-naħa l-oħra, li, minkejja li d-dritt tal-Unjoni fil-prinċipju ma jipprekludix li jintuża kriterju matematiku sabiex jiġi ddeterminat liema offerti jidhru anormalment baxxi, madankollu dan huwa biss jekk kemm-il darba r-riżultat li twassal għalih l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ma tkunx intanġibbli u l-eżiġenza ta’ verifika kontradittorja ta’ dawn l-offerti konformi mal-Artikolu 30(4) tal-imsemmija direttiva tiġi osservata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lombardini u Mantovani, punt 64 iktar ’il fuq, punt 73).

75      Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju seta’ jwassal għal sitwazzjoni fejn, f’sitwazzjoni ta’ parità fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħrajn, b’mod partikolari dawk tekniċi, offerta bi prezz iktar għoli setgħet tikseb iktar punti minħabba l-kwalità ekonomika tagħha milli offerta oħra li tkun inqas għolja, b’mod partikolari meta l-ewwel offerta kienet toqrob iktar lejn il-prezz medju jew, fil-każ tal-kuntratti amministrati mill-ARC, lejn il-prezz li jikkorrispondi għat-“tnaqqis imprudenti”.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja li l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 – u, b’mod analogu, l-Artikolu 30(1)(b) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 – iħalli f’idejn l-awtorità kontraenti l-għażla tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li hija jkollha l-intenzjoni tieħu inkunsiderazzjoni, madankollu din l-għażla tista’ biss tkun tikkonċerna kriterji intiżi li jidentifikaw l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland, C‑513/99, Ġabra p. I‑7213, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). Issa, l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament tista’ tiġi ddefinita bħala dik fost id-diversi offerti ppreżentati li għandha l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ġġustifikati mis-suġġett tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑148/04, Ġabra p. II‑2627, punt 48). Konsegwentement, meta l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu l-kuntratt lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, huma għandhom jevalwaw l-offerti sabiex jiddeterminaw dik li għandha l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑368/10, punt 86, li tikkonċerna t-tielet paragrafu tal-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132].

77      Għalkemm l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament ma tkunx dejjem dik li għandha l-iktar prezz baxx, għandu jiġi kkonstatat li, f’kundizzjonijiet fejn ikun hemm ugwaljanza perfetta bejn l-offerti fir-rigward tal-kriterji rilevanti l-oħra kollha, inklużi dawk tekniċi, offerta inqas oneruża bilfors għandha titqies, mill-perspettiva ekonomika, bħala iktar vantaġġuża minn offerta ogħla. Issa, f’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju, li twassal sabiex il-kuntratt jingħata lil offerta iktar għolja minn oħra, ma tistax titqies li hija konformi mal-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament.

78      L-argumenti l-oħra mressqa mir-Renju ta’ Spanja ma jistgħux jinvalidaw din l-evalwazzjoni.

79      L-ewwel nett, l-argument ibbażat fuq li l-awtoritajiet kontraenti taw piż ugwali lill-kriterji ekonomiċi, inklużi dawk tal-prezz medju, u l-kriterji tekniċi, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, dan l-argument ma jikkontradixxix il-fatt li, f’dan il-każ, il-metodu tal-prezz kien kriterju essenzjali, jekk mhux deċiżiv, għad-determinazzjoni tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, li seta’ jwassal, b’mod partikolari, f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza perfetta tal-offerti fir-rigward tal-kriterji l-oħra kollha, li l-kuntratt jingħata lil offerta li hija ogħla minn oħra (ara l-punti 75 sa 77 iktar ’il fuq).

80      It-tieni nett, huwa daqstant ieħor ineffettiv l-argument li jgħid li l-metodu tal-prezz medju kien japplika għall-offerenti kollha, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, u dan peress li dan l-argument ma jinvalidax il-konstatazzjoni li l-applikazzjoni tal-imsemmi metodu hija inkompatibbli mal-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament (ara l-punti 73 sa 77 iktar ’il fuq).

81      It-tielet nett, l-eżistenza ta’ għodda ta’ “korrezzjoni” tat-“tnaqqis medju” li twassal għall-għoti ta’ ħames punti addizzjonali lill-offerti ta’ kwalità teknika kbira (ara l-punt 58 iktar ’il fuq) ma tiġġustifikax l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju. F’dan ir-rigward, kulma għamel ir-Renju ta’ Spanja kien li sostna li din kienet korrezzjoni unilaterali magħmula mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ ċerti offerti li hija kienet tqis li kienu ta’ kwalità teknika kbira, b’esklużjoni b’mod partikoalri tal-offerti kklassifikati bħala eċċessivament baxxi. Issa, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni li jippermettu tali korrezzjoni, li fiha nnifisha tmur kontra l-prinċipju ta’ trasparenza u kontra l-projbizzjoni li l-awtorità kontraenti tingħata libertà inkundizzjonata tal-għażla għall-għoti tal-kuntratt lil offerent (ara s-sentenza Concordia Bus Finland, punt 76 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk), tali ġustifikazzjoni ma tistax tintlaqa’.

82      Ir-raba’ nett, għandu wkoll jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument li jgħid li, fil-kuntest ta’ għadd ta’ proċeduri għal sejħa għal offerti, il-kuntratt ingħata madankollu lill-offerent li ppreżenta l-offerta l-inqas oneruża, peress li din iċ-ċirkustanza waħedha ma tistax turi li l-metodu tal-prezz medju kien jikkonforma mal-prinċipju ta’ trasparenza u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50.

83      Il-ħames nett, għandu jinċaħad l-argument, imqajjem b’mod sussidjarju, li jgħid li l-inugwaljanza fit-trattament possibbli hija ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi li jirrelataw mal-għan li jiġu protetti l-interess pubbliku u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u man-neċessità li tiġi ggarantita l-vijabbiltà teknika tal-proġetti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ kuntratt lil offerent li jkun ippreżenta offerta ogħla minn offerta oħra, li madankollu hija, barra minn hekk, ekwivalenti għaliha, fih innifsu jmur kontra l-interess pubbliku u ma huwiex kapaċi jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

84      Is-sitt nett, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet elenkati fil-punti 122 u 123 iktar ’il quddiem, l-argument ibbażat fuq in-natura inadegwata tal-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet li teżiġi l-Kummissjoni lanqas ma jista’ jinvalida l-inkompatibbiltà tal-metodu tal-prezz medju mal-prinċipju ta’ trasparenza u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, u għaldaqstant għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm għaldaqstant lok li wieħed jikkonkludi li l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju jmur kontra l-prinċipju ta’ trasparenza kif ukoll kontra l-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u l-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 u li l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tal-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, f’dak li jikkonċerna l-offerti anormalment baxxi

86      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali sa fejn din, fil-punt 24(d) tagħha tikkonkludi li s-sistema ta’ għoti ta’ kuntratti użata mill-ACA u mill-ARC hija inkompatibbli mal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u mal-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50. Anki jekk l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 jipprevedi proċedura kontradittorja ta’ verifika tal-offerti li l-awtorità kontraenti jkollha l-intenzjoni li tiċħad bħala anormalment baxxi, f’dan il-każ din id-dispożizzjoni hija inapplikabbli, u dan peress li l-metodu tal-prezz medju ma jipprevedix tali ċaħda, lanqas de facto, ta’ offerti anormalment baxxi. F’dawn il-kundizzjonijiet, matul l-eżami tal-offerta l-iktar vantaġġuza ekonomikament, l-ACA u l-ARC ma kinux obbligati jimplementaw il-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u fl-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50.

87      Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja jiġu miċħuda u, għaldaqstant, tiġi miċħuda din il-parti tal-ewwel motiv.

88      Il-Qorti Ġenerali qabel kollox tfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 93/37, “[j]ekk, għal kuntratt partikolari, dawk li jagħmlu l-offerti [xi offerti] jidhru li huma abnormalment baxxi b’relazzjoni max-xogħol, l-awtorità ta’ kuntrattar [l-awtorità kontraenti] għandha, qabel ma tirrifjuta dawk l-offerti, titlob, bil-miktub, dettalji tal-elementi kostitwenti ta’ l-offerta li hija tikkonsidra relevanti u għandha tivverifika dawk l-elementi kostitwenti billi tikkunsidra l-ispjegazzjonijiet li jkunu waslu”. Skont it-tieni subparagrafu tal-istess Artikolu, “[l-]awtorità ta’ kuntrattar [l-awtorità kontraenti] tista’ tikkunsidra spjegazzjonijiet li huma ġġustifikati fuq bażi oġġettiva inkluża l-ekonomija tal-metodu ta’ kostruzzjoni, jew is-soluzzjoni teknika magħżula, jew il-kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli disponibbli għal dak li jagħmel l-offerta fl-attwazzjoni tax-xogħol, jew l-oriġinalità tax-xogħol propost minn dak li jagħmel l-offerta”. L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, minbarra l-fatt li jirreferu għall-provvista ta’ servizzi, huma fformulati b’mod kważi identiku.

89      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ppreċiżat li huwa sabiex l-offerenti li ppreżentaw offerti partikolarment baxxi jkunu jistgħu jagħtu prova li dawn l-offerti huma serji, u sabiex b’hekk jiġi żgurat il-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, li l-Kunsill stabbilixxa proċedura preċiża u ddettaljata ta’ verifika tal-offerti li jidhru anormalment baxxi (sentenza Lombardini u Mantovani, punt 64 iktar ’il fuq, punt 48).

90      Konsegwentment, l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 jippresupponi neċessarjament l-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ verifika kontradittorja tal-offerti li tqiesu bħala anormalment baxxi mill-awtorità kontraenti, billi jimponi fuqha l-obbligu sabiex, wara li tara l-offerti kollha u qabel ma tiddeċiedi li tattribwixxi l-kuntratt, qabel kollox titlob bil-miktub xi preċiżazzjonijiet dwar l-elementi tal-offerta li fir-rigward tagħhom ikun hemm suspett ta’ anomalija li, b’mod konkret, ikunu ħolqu dubji fiha u mbagħad tevalwa din l-offerta fid-dawl tal-ġustifikazzjonijiet ipprovduti mill-offerent ikkonċernat b’risposta għall-imsemmija talba. Fil-fatt, huwa essenzjali li kull offerent li fir-rigward tiegħu jkun hemm suspett li ppreżenta offerta anormalment baxxa jkollu l-fakultà li jesponi l-perspettiva tiegħu f’dan ir-rigward b’mod utli, u dan billi tingħatalu l-possibbiltà li jipprovdi kull ġustifikazzjoni dwar id-diversi elementi tal-offerta tiegħu f’mument — li jrid bilfors ikun jinsab wara l-ftuħ tal-pakketti kollha — fejn huwa jkun jaf mhux biss il-livell ta’ anomalija applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni kif ukoll ikun jaf il-fatt li l-offerta tiegħu dehret bħala anormalment baxxa iżda wkoll il-punti preċiżi li qajmu mistoqsijiet fl-awtorità kontraenti (sentenza Lombardini u Mantovani, punt 64 iktar ’il fuq, punti 51 u 53).

91      L-interpretazzjoni ta’ hawn fuq hija l-unika waħda li tikkonforma kemm mal-kliem kif ukoll mal-għan tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37. Għalhekk, minn naħa, mill-formulazzjoni stess tal-imsemmija dispożizzjoni, redatta b’mod imperattiv, jirriżulta li l-awtorità kontraenti għandha, l-ewwel nett, tidentifika l-offerti suspettużi, it-tieni nett, tippermetti lill-impriżi kkonċernati li juru s-serjetà tal-offerti, u dan billi titlobhom il-preċiżazzjonijiet li hija tqis opportuni, it-tielet nett, tevalwa r-rilevanza tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet ikkonċernati u, ir-raba’ nett, tieħu deċiżjoni dwar l-ammissjoni jew iċ-ċaħda tal-imsemmija offerti. Għaldaqstant ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li r-rekwiżiti inerenti għan-natura kontradittorja tal-proċedura ta’ verifika tal-offerti anormalment baxxi, fis-sens tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 93/37, dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi, ġew osservati ħlief sa fejn l-istadji kollha hekk deskritti jkunu twettqu b’mod suċċessiv. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dibattitu kontradittorju effettiv, li jkun jinsab f’mument utli fil-proċedura tal-eżami tal-offerti, bejn l-awtorità kontraenti u l-offerent huwa rekwiżit fundamentali tad-Direttiva, u dan sabiex tiġi evitata l-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti u sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni sana bejn l-impriżi (sentenza Lombardini u Mantovani, punt 64 iktar ’il fuq, punti 54 sa 57).

92      F’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tas-sistemi ta’ għoti inkwistjoni, kif ipprovduta mir-Renju ta’ Spanja stess, jirriżulta li kemm il-kuntratti mogħtija mill-ACA kif ukoll dawk mogħtija mill-ARC kienu pprovdu għad-determinazzjoni ta’ livell imsejjaħ “tnaqqis imprudenti”, li kien jindika l-perċentwali ta’ tnaqqis tal-prezz li minnu l-offerta kienet meqjusa li hija nieqsa mill-kredibbiltà (ara l-punt 57 iktar ’il fuq). Minn dan jirriżulta wkoll li, fil-każ tal-kuntratti mogħtija mill-ACA, l-offerenti li jkunu ppreżentaw offerta li t-tnaqqis tagħha kien jaqbeż it-“tnaqqis imprudenti” ma jirċievu ebda punt għall-kwalità ekonomika. Bl-istess mod, fil-każ tal-kuntratti mogħtija mill-ARC, offerta ta’, jew inqas minn, madwar 90 % tal-offerta li għaliha jikkorrispondi t-“tnaqqis imprudenti” kienet meqjusa bħala eċċessivament baxxa b’mod li hi ma kienet tirċievi ebda punt minn meta tilħaq dan il-livell.

93      Huwa wkoll stabbilit li s-sistemi ta’ għoti inkwistjoni ma kienu jipprevedu ebda proċedura li tippermetti lil offerent li jkun ippreżenta offerta li t-tnaqqis tagħha kien jaqbeż it-“tnaqqis imprudenti” li jsostni b’mod utli l-perspettiva tiegħu u li jipprovdi ġustifikazzjonijiet dwar id-diversi elementi tal-offerta tiegħu.

94      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u fl-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 ma humiex applikabbli f’dan il-każ ma jistax jintlaqa’. Anki jekk l-imsemmija sistemi ta’ għoti ma kinux jipprovdu għaċ-ċaħda awtomatika tal-offerti li t-tnaqqis tagħhom kien jaqbeż it-“tnaqqis imprudenti”, xorta jibqa’ l-fatt li l-offerti meqjusa baxxi wisq ma rċievew ebda punt għall-kwalità ekonomika tagħhom. Issa, hekk kif ġie kkonfermat mill-partijiet matul is-seduta u mid-dokumenti prodotti sussegwentement mir-Renju ta’ Spanja, id-determinazzjoni tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament kellha ssir abbażi ta’ żewġ kriterji prinċipali, jiġifieri l-kwalità ekonomika u l-kwalità teknika, li l-piż ezatt tagħhom kien ivarja, ċertament, skont il-proġetti u l-kuntratti. Barra minn hekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza relattiva tal-kwalità ekonomika, li spiss kienet ta’ 50 %, l-għoti ta’ zero punti għal din il-kwalità kellha neċessarjament ikollha l-konsegwenza li l-offerta kkonċernata tinċaħad, peress li, anki jekk wieħed jippreżumi li din kienet tiġġustifika l-għoti tan-numru massimu ta’ punti għall-kwalità teknika (ukoll mogħtija l-piż ta’ 50 %), l-offerent qatt ma seta’ jikseb numru totali ta’ punti li jippermettilu li jingħata l-kuntratt. Minn dan jirriżulta li l-għoti ta’ zero punti lil tali offerta jipproduċi l-istess riżultat li tipproduċi ċ-ċaħda ta’ offerta bħala anormalment baxxa. Fl-aħħar nett, hekk kif ir-Renju ta’ Spanja stess isostni fil-kuntest tad-deskrizzjoni tiegħu tas-sistemi ta’ għoti inkwistjoni, dan il-metodu, ibbażat fuq il-livell tat-“tnaqqis imprudenti”, huwa ggwidat mill-istess spirtu bħal dak sottostanti l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, jiġifieri dak li jiġi evitat li l-kuntratt jingħata lil offerent li l-prezz propost tiegħu huwa sproporzjonalment baxx meta mqabbel mal-provvista offruta u ma jistax jiżgura l-eżekuzzjoni t-tajba tagħha jew il-kwalità teknika minima meħtieġa (ara l-punt 57 iktar ’il fuq).

95      F’dawn il-kundizzjonijiet, billi s-sistemi ta’ għoti tal-awtoritajiet Katalani ma kinux jipprevedu proċedura ta’ verifika kontradittorja tal-offerti li kienu meqjusa bħala li kienu tant baxxi li ma ngħataw ebda punt għall-kwalità ekonomika tagħhom u li, għaldaqstant, l-imsemmija sistemi ma kinux joffru l-fakultà lill-offerenti kkonċernati li jsostnu b’mod utli l-perspettiva tagħhom u li jipprovdu ġustifikazzjonijiet fuq id-diversi elementi tal-offerti tagħhom, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha raġun tqis li dawn is-sistemi jiksru l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50.

96      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball fil-punt 24(d) tad-deċizjoni kkontestata u li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti sabiex tiġi ddeterminata l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament

97      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni esposta fil-punt 18 u fil-punt 24(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti ma hijiex ammissibbli bħala kriterju li jiddetermina l-għażla tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament u jikser l-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u l-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50. Ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment iqis li, qabel l-2002, kienet għadha ma teżistix ġurisprudenza kkonsolidata li tiddeċiedi li l-użu tal-imsemmi kriterju kien kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, b’mod li, sa dak l-istadju, hu ma kellux jiġi kklassifikat bħala irregolari. Fil-fatt, wara din il-kjarifika ġurisprudenzjali, l-ACA waqfet tapplikah.

98      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li t-tielet parti ta’ dan il-motiv tiġi miċħuda.

99      Il-Qorti Ġenerali qabel kollox tfakkar li l-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 jipprovdi li l-għoti tal-kuntratt isir abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 36 u 37 tal-istess direttiva, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 24 tagħha, wara li l-idoneità tal-fornituri tas-servizzi mhux esklużi taħt l-Artikolu 29 tagħha tkun ġiet ivverifikata mill-awtoritajiet kontraenti skont il-kriterji msemmija fl-Artikoli 31 u 32 tagħha. Bl-istess mod, l-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 jipprevedi li l-għoti tal-kuntratt isir abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 30 sa 32 tal-istess direttiva, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tagħha, wara li l-idoneità tal-kuntratturi mhux esklużi taħt l-Artikolu 24 tagħha tkun ġiet ivverifikata mill-awtoritajiet kontraenti skont il-kriterji tal-kapaċità ekonomika, finanzjarja u teknika msemmija fl-Artikoli 26 u 27.

100    Sussegwentement, ġie deċiż b’mod kostanti li, minkejja li fil-prinċipju dawn id-direttivi ma jeskludux li l-verifika tal-idoneità tal-offerenti u l-għoti tal-kuntratt jistgħu jseħħu fl-istess ħin, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma żewġ operazzjonijiet distinti u li huma rregolati minn regoli differenti (ara, f’dan is‑sens, għall-kuntratti għal xogħlijiet, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes, 31/87, Ġabra p. 4635, punti 15 u 16, u, għall-kuntratti għal servizzi, is-sentenza Lianakis et, punt 65 iktar ’il fuq, punt 26).

101    Il-verifika tal-idoneità tal-offerenti fil-fatt issir mill-awtoritajiet kontraenti b’mod konformi mal-kriterji tal-kapaċità ekonomika, finanzjarja u teknika (imsejħa “kriterji għal selezzjoni kwalitattiva”) imsemmija fl-Artikoli 31 u 32 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 u fl-Artikoli 26 u 27 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 rispettivament. Għall-kuntrarju, l-għoti tal-kuntratt isir abbażi tal-kriterji elenkati fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 u fl-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 rispettivament, jiġifieri jew il-prezz l-iktar baxx jew inkella l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament (ara, għall-kuntratti għal xogħlijiet, is-sentenza Beentjes, punt 100 iktar ’il fuq, punti 17 u 18, u, għall-kuntratti għal servizzi, is-sentenza Lianakis et, punt 65 iktar ’il fuq, punti 27 u 28).

102    Issa, minkejja li huwa minnu li, fil-każ tal-għażla tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, il-kriterji li jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet kontraenti ma humiex elenkati b’mod limitattiv fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 u fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u peress li dawn id-dispożizzjonijiet għaldaqstant iħallu f’idejn l-awtoritajiet kontraenti l-għażla tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li huma għandhom l-intenzjoni jużaw, xorta jibqa’ l-fatt li din l-għażla tista’ tirrigwarda biss kriterji intiżi li jidentifikaw l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Għalhekk, huma esklużi mill-“kriterji ta’ għoti” kriterji li ma humiex intiżi li jidentifikaw l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, imma li huma essenzjalment marbuta mal-evalwazzjoni tal-idoneità tal-offerenti sabiex jeżegwixxu l-kuntratt inkwistjoni (ara s-sentenza Lianakis et, punt 65 iktar ’il fuq, punti 29 u 30, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

103    Għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti, kif użat mill-ACA bħala kriterju ta’ għoti, jikkonċerna l-idoneità tal-offerenti sabiex jeżegwixxu l-kuntratt u għaldaqstant ma għandux il-kwalità ta’ kriterju ta’ għoti fis-sens tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 u tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lianakis et, punt 65 iktar ’il fuq, punt 31). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-punt 18 u fil-punt 24(b) tad-deċiżjoni kkontestata li, f’dan il-każ, dan il-kriterju ma setax jintuża bħala kriterju ta’ għoti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, u din hija xi ħaġa li, fi kwalunkwe każ, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax.

104    Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-Kummissjoni ma għandhiex tikkonstata tali irregolarità sakemm il-ġurisprudenza tkun ikkjarifikat il-kwistjoni ta’ liġi msemmija fil-punt 102 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tillimita ruħha biss li tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata tagħha, kif kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata anki għal relazzjonijiet legali mnissla u stabbiliti qabel is-sentenza inkwistjoni u huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, titwassal sabiex tillimita l-possibbiltà għal kull parti interessata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta dawn, min-naħa tagħhom, jissejħu sabiex jimplementaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma suġġetti għal interpretazzjoni sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punt 159).

105    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax isostni li assenza possibbli ta’ ġurisprudenza kkonsolidata qabel l-2002 li tikkonċerna l-projbizzjoni li jintuża l-kriterju tal-esperjenza bħala kriterju ta’ għoti għandha l-effett li l-użu tal-imsemmi kriterju seta’ jitqies bħala regolari sa dak l-istadju.

106    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-ġurisprudenza preċedenti ma kinitx tippermetti li wieħed jifhem li l-użu tal-kriterju tal-esperjenza bħala kriterju ta’ għoti kien kuntrarju għar-regoli rilevanti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, id-distinzjoni bejn il-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva u l-kriterji ta’ għoti tirriżulta direttament mid-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50 u d-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 (ara b’mod partikolari l-Kapitoli 2 u 3 tat-Titoli VI ta’ dawn id-direttivi). Barra minn hekk, il-prinċipju li jgħid li l-verifika tal-idoneità tal-offerenti u l-għoti tal-kuntratt huma żewġ operazzjonijiet distinti rregolati minn regoli differenti kien diġà rikonoxxut fl-1988, fis-sentenza Beentjes, punt 100 iktar ’il fuq (punt 16). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kriterju tal-esperjenza speċifika għax-xogħol li għandu jitwettaq kien jikkostitwixxi kriterju leġittimu ta’ kapaċità teknika bl-għan li tiġi vverifikata l-idoneità tal-kuntratturi (punt 37 tal-imsemmija sentenza).

107    Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Concordia Bus Finland, punt 76 iktar ’il fuq (punt 59), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn offerta kienet relatata neċessarjament mas-suġġett tal-kuntratt, il-kriterji ta’ għoti li setgħu jintużaw kellhom, huma wkoll, ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt. Minn dan jirriżulta li l-kriterji ta’ għoti użati mill-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu kriterji oġġettivi marbuta b’mod dirett u esklużiv mal-karatteristiċi tal-offerta u mal-kwalitajiet intrinsiċi ta’ prodott jew ta’ servizz, u mhux mal-kapaċità tal-offerenti. Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-kriterju tal-esperjenza preċedenti, fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Frar 2002, Esedra vs Il-Kummissjoni (T‑169/00, Ġabra p. II‑609, punt 158), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kwalità tal-offerti kellha tiġi evalwata abbażi tal-offerti stess u mhux skont l-esperjenza miksuba mill-offerenti mal‑awtorità kontraenti matul kuntratti preċedenti jew abbażi ta’ kriterji ta’ selezzjoni, bħalma hija l-kapaċità teknika tal-kandidati, li kienu diġà ġew ivverifikati matul il-fażi ta’ selezzjoni tal-kandidaturi u li ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-ġdid għall-għanijiet tat-tqabbil tal-offerti (sentenza TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 86). Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT (C‑315/01, Ġabra p. I‑6351, punt 66), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat mill-ġdid li element li jirrigwarda l-esperjenza ta’ offerent, bħalma hija lista ta’ referenzi dwar l-identità u n-numru ta’ klijenti preċedenti, ma kinitx tagħti indikazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament u għaldaqstant ma setgħetx tikkostitwixxi kriterju ta’ għoti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jinvoka biss is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il-Kunsill, (T‑183/00, Ġabra p. II‑135, punti 75 sa 79), u Renco vs Il‑Kunsill (T‑4/01, Ġabra p. II‑171, punt 68), li setgħu jagħtu lok għal interpretazzjoni differenti.

108    L-argumenti l-oħra mressqa mir-Renju ta’ Spanja ma jistgħux jinvalidaw l-evalwazzjoni ta’ hawn fuq.

109    L-ewwel nett, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni b’aġir kontradittorju talli hija stess ippubblikat, anki wara l-2002, avviżi ta’ kuntratt fejn fihom, l-esperjenza tal-offerent kienet tagħmel parti mill-kriterji ta’ għoti, dan l-argument, li barra minn hekk ma huwiex sostanzjat, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, billi tali illegalità possibbli ma tiġġustifikax dik imwettqa f’dan il-każ fil-kuntratti amministrati mill-ACA.

110    It-tieni nett, għandu wkoll jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-użu tal-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti ma kellux effett fuq l-għażla tal-aġġudikanti, billi tali ċirkustanza possibbli ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-evalwazzjoni preċedenti f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-irregolarità kkonstatata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ illegalità fl-implementazzjoni jew fl-applikazzjoni tad-direttivi inkwistjoni ma tistax tiddependi fuq konsegwenzi fattwali ta’ tali aġir illegali.

111    It-tielet nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment tqajjem mir-Renju ta’ Spanja biss fir-replika u li, għaldaqstant, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni u ta’ kontestazzjoni min-naħa tiegħu matul is-seduta, għandu jiġi miċħud bħala tardiv u inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fi kwalunkwe każ, insostenn tal-ilment tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja ma invoka ebda garanzija preċiża, mingħajr kundizzjoni u konkordanti fis-sens tal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il-Kummissjoni, T‑145/06, Ġabra p. II‑145, punt 117) li tista’ tiġġustifika l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tiegħu.

112    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-Renju ta’ Spanja ma stabbilixxiex li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn żball, minħabba li l-Kummissjoni qieset li l-kuntratti mogħtija mill-ACA ma kinux konformi mar-regoli rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi peress li huma ma kinux jinkludu l-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti bħala kriterju ta’ għoti.

113    F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tielet parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94

114    Permezz tat-tieni motiv tiegħu, imqajjem b’mod sussidjarju, ir-Renju ta’ Spanja jallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 KE u fl-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94. Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta b’mod partikolari l-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jeżiġi r-restituzzjoni tal-ammont ta’ EUR 4 490 021, “iddikjarati indebitament” għall-proġetti tal-ACA u tal-ARC, kif ukoll il-punt 28 tal-imsemmija deċiżjoni, li jgħid li l-Kummissjoni tipproponi “korrezzjoni finanzjarja għal kull proġett, ekwivalenti għal 100 % tad-differenza f’termini ta’ kontribuzzjoni Komunitarja bejn l-offerti miżmuma u dawk ikkalkolati mill-ġdid kuntratt kuntratt”.

115    Fl-ewwel lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet meħtieġ mill-Kummissjoni la huwa iktar xieraq, la jipproteġi iktar l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u lanqas ma josserva iktar ir-regoli rilevanti fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi milli l-metodu tal-prezz medju. L-applikazzjoni tal-imsemmi metodu lineari f’ċerti każijiet wassal sabiex jinżamm prezz superjuri jew daqs dak tal-offerti miżmuma mill-ACA u mill-ARC meta rrikorrew għall-metodu tal-prezz medju. Issa, sabiex jiġi evalwat korrettament l-impatt finanzjarju tal-allegata irregolarità, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntratti kollha, inklużi dawk li għalihom, id-deċiżjoni tal-ACA jew tal-ARC li japplikaw dan l-aħħar metodu kien jimplika ffrankar għall-Unjoni. Għaldaqstant, il-korrezzjoni finanzjarja netta, li tieħu inkunsiderazzjoni kemm ir-riżultati pożittivi kif ukoll dawk negattivi, kellha tkun ta’ EUR 2 895 884.80 għall-ACA u ta’ EUR 112 900.52 għall-ARC. It-talba għal restituzzjoni ta’ EUR 4 490 021 bħala ammont “iddikjarat indebitament” għaldaqstant jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

116    Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jqis li, billi bbażat ruħha fuq il-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni kellha tikkoreġi l-piż il-ġdid rispettiv tal-kriterji tekniċi u ekonomiċi. Issa, il-piż ġdid imsemmi fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata jieħu kont biss tat-tneħħija tal-kriterju tal-esperjenza. Skont ir-Renju ta’ Spanja, fil-fatt, jekk l-ACA u l-ARC għażlu li jagħtu l-i“score” l-iktar għoli, għall-kwalità ekonomika, lill-offerta l-inqas oneruża, huma ma żammewx il-piż bejn il-kriterju tekniku u dak ekonomiku, iżda taw neċessarjament iktar piż lill-kriterju tekniku. Peress li l-metodu tal-prezz medju kien intiż preċiżament li jiggarantixxi l-vijabbiltà teknika tal-offerti sottomessi, piż ġdid kien indispensabbli. Għall-kuntrarju, iż-żamma tal-piż inizjali wassal għal “distorsjoni teknika” u ma ggarantixxiex li l-offerta miżmuma kienet realment l-aħjar waħda mill-perspettiva teknika u, għaldaqstant, l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament.

117    Fit-tielet lok, skont ir-Renju ta’ Spanja, jeżistu motivi inqas vinkolanti sabiex jiġu difiżi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni milli l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 100 %. Il-Kummissjoni kisret il-punt 2.3 tal-gwidi tal-2002 li, jekk wieħed isegwih, tali korrezzjoni hija prevista biss meta n-nuqqasijiet ikkonstatati fis-sistema tal-ġestjoni u tal-kontroll jew l-irregolarità inkwistjoni huma “tant gravi li jwasslu għal nuqqas totali ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni”, u b’hekk il-ħlasijiet isiru kollha irregolari. Issa, f’dan il-każ, tali nuqqas “totali” ma jinsabx hemm, speċjalment meta wieħed iqis in-natura minima tad-distorsjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni, mill-ACA u mill-ARC, tal-metodu tal-prezz medju. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li korrezzjoni finanzjarja xierqa li tieħu inkunsiderazzjoni piż ġdid tal-kriterju tekniku u dak ekonomiku għandha tkun ta’ EUR 976 000.

118    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

119    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 KE, jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, tintuża dik l-inqas vinkolanti u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenti kkawżati ma jkunux eċċessivi meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑308/05, Ġabra p. II‑5089, punt 153, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). B’mod partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-ksur tal-obbligi li l-osservanza tagħhom hija ta’ importanza fundamentali għall-funzjonament tajjeb ta’ sistema tal-Unjoni jista’ jiġi ssanzjonat permezz tat-telf ta’ dritt mogħti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħalma huwa d-dritt għal għajnuna finanzjarja (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2002, Sgaravatti Mediterranea vs Il-Kummissjoni, T‑199/99, Ġabra p. II‑3731, punti 134 u 135, u tad-19 ta’ Novembru 2008, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑404/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 89).

120    Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002, l-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji applikati mill-Kummissjoni taħt Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94 għal irregolaritajiet individwali jew sistematiċi għandu jiġi stmat, kull meta jkun possibbli u prattikabbli, fuq il-bażi ta’ files individwali u għandu jkun ugwali għall-ammont ta’ nfiq mitlub bi żball mill-Fond ta’ Koeżjoni, wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont l-Artikolu 17(2) tal-istess regolament, meta ma jkunx possibbli jew prattikabbli li jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ nfiq irregolari b’mod preċiż, jew meta jkun sproporzjonat li jiġi kkanċellat l-infiq kollu inkwistjoni, il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq estrapolazzjoni jew fuq bażi fissa.

121    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġu ddeterminati l-korrezzjonijiet finanzjarji għas-seba’ proġetti amministrati mill-ACA u mill-ARC, il-Kummissjoni ddeċidiet, minn naħa, li tissostitwixxi l-metodu tal-prezz medju bil-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet li kien jagħti l-aħjar punteġġ lill-offerta l-iktar baxxa u, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li telimina l-kriterju tal-esperjenza mill-evalwazzjoni teknika. Abbażi tal-evalwazzjonijiet il-ġodda ppreparati mill-awtoritajiet Katalani, sussegwentement hija pproponiet korrezzjoni finanzjarja għal kull proġett, ekwivalenti għal 100 % tad-differenza f’termini ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni bejn l-offerti miżmuma u dawk ikkalkolati mill-ġdid kuntratt kuntratt.

122    Għaldaqstnat, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002, l-ammont totali tal-korrezzjoni finanzjarja ġie kkalkolat b’mod individwali għal kull kuntratt inkwistjoni b’teħid inkunsiderazzjoni tal-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet u billi ġie eliminat il-kriterju tal-esperjenza mill-evalwazzjoni teknika, u li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq estrapolazzjoni jew fuq bażi fissa. Barra minn hekk, mir-risposti tal-partijiet għad-domandi bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, matul l-għoti ta’ piż ġdid lill-kriterju tekniku u dak ekonomiku fir-rigward tal-imsemmija kuntratti, il-Kummissjoni ma emendatx il-piż rispettiv tal-imsemmija kriterji minn kif kien deċiż għall-finijiet tal-għoti ta’ piż inizjali tagħhom.

123    Fir-rigward tal-ewwel ilment tar-Renju ta’ Spanja, li jgħid li l-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet meħtieġ mill-Kummissjoni la huwa iktar xieraq, la jipproteġi l-interess finanzjarji tal-Unjoni iktar, u lanqas ma josserva iktar ir-regoli rilevanti fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi milli l-metodu tal-prezz medju, hemm lok li jitfakkar li r-Renju ta’ Spanja jibbaża dan l-ilment b’mod partikolari fuq l-allegazzjoni li tgħid li l-applikazzjoni tal-imsemmi metodu lineari wasslet, f’ċerti każijiet, sabiex jinżammu offerti iktar onerużi milli dawk effettivament miżmuma b’applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju. Issa, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet kontradetta espressament fuq dan il-punt mir-Renju ta’ Spanja, li dawn ir-riżultati kienu dovuti għall-abbandun, fil-kuntest tal-evalwazzjoni l-ġdida tal-offerti, tal-kriterju tekniku tal-esperjenza preċedenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja la juri fiex il-metodu lineari jmur kontra r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u lanqas għal liema raġuni l-applikazzjoni tiegħu twassal lill-Kummissjoni sabiex tadotta korrezzjonijiet finanzjarji li jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, permezz tal-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet, l-aħjar punteġġ jingħata lill-offerta l-iktar baxxa, ir‑Renju ta’ Spanja baqa’ ma spjegax b’mod konvinċenti, jekk u taħt liema kundizzjonijiet l-imsemmi metodu seta’, f’każ ta’ ugwaljanza fil-kriterji l-oħra kollha, ikollu l-konsegwenza li tintgħażel offerta li l-prezz tagħha kien ogħla mill-prezz ta’ offerta li kienet tintgħażel għall-istess kuntratt li kieku ġie applikat il-metodu tal-prezz medju.

124    Sa fejn, fl-istess kuntest, ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-iffrankar allegat għall-baġit tal-Unjoni li jirriżulta mill-fatt li, f’dak li jikkonċerna ċerti kuntratti, l-ACA jew l-ARC żammew offerti inqas onerużi minn dawk li kienu jintgħażlu b’applikazzjoni tal-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet meħtieġ mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji, ma huwiex possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni tali allegat iffrankar riżultanti preċiżament mill-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju. Fil-fatt, jekk wieħed jippresupponi li tali ffrankar jeżisti, dan inkiseb bi ksur tar-regoli rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (ara l-punti 71 sa 77 iktar ’il fuq). Issa, Stat Membru li l-awtoritajiet tiegħu stabbilixxew sistema ta’ għoti irregolari ma jistax jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu stess, tali prassi illegali.

125    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 1 tal-gwidi tal-2002, l-għan tal-korrezzjonijiet finanzjarji huwa li jistabbilixxu mill-ġdid sitwazzjoni sabiex l-infiq kollu suġġett għal talba għal kofinanzjament tal-Fond ta’ Koeżjoni jkun konformi mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli fil-qasam. Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ konformità, kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94, l-infiq imwettaq b’konformità mar-regoli rilevanti biss għandu jitħallas mill-baġit tal-Unjoni. Konsegwentement, meta l-Kummissjoni tiskopri l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-ħlasijiet imwettqa minn Stat Membru, bħalma huwa dak inkwistjoni li jibbaża ruħu fuq l-applikazzjoni tal-metodu tal-prezz medju, din hija marbuta twettaq rettifika tal-kontijiet ippreżentati minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑81/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

126    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

127    Ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma ssostanzja t-tieni lment tiegħu li jgħid li l-Kummissjoni kien imissha wettqet eżerċizzju ġdid fejn tieħu inkunsiderazzjoni l-piżijiet relattivi tal-kriterju ekonomiku u tal-kriterju tekniku, b’mod partikolari minħabba li l-metodu tal-prezz medju kien intiż li jiggarantixxi l-vijabbiltà teknika tal-offerti ppreżentati u li jżomm l-aħjar offerta mill-perspettiva teknika u, għaldaqstant, l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Fil-fatt, minn naħa, ma huwiex ipprovat li l-użu tal-metodu tal-prezz medju, li fih innifsu jmur kontra r-regoli rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (ara l-punti 70 sa 76 iktar ’il fuq), kien metodu li jiżgura speċifikament il-vijabbiltà teknika tal-proġetti inkwistjoni u li jrendi indispensabbli għoti ta’ piż ġdid lill-kriterju tekniku u ekonomiku. Min-naħa l-oħra, ir-Renju ta’ Spanja ma stabbilixxiex li d-dannu kkawżat lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-użu tal-metodu tal-prezz medju, sa fejn dan kien jippermetti, f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza tal-offerti fir-rigward tal-kriterji l-oħra kollha, li l-kuntratt jingħata lil offerta iktar għolja minn oħra, seta’ jiġi kkumpensat permezz ta’ żieda allegata fil-kwalità teknika tiegħu.

128    Issa, huwa l-Istat Membru li għandu jsostni u juri li, meta ssir l-evalwazzjoni l-ġdida tal-offerti jew id-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji, minbarra t-tneħħija jew is-sostituzzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni illeċiti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni — jiġifieri, f’dan il-każ, it-tneħħija tal-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti u s-sostituzzjoni tal-metodu tal-prezz medju bl-evalwazzjoni lineari tal-prezzijiet — hemm lok li jsiru emendi addizzjonali għall-kriterji ta’ evalwazzjoni rilevanti, u li l-imsemmija emendi huma, anki huma, konformi ma’ din il-leġiżlazzjoni. F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-Kummissjoni osservat il-piżijiet inizjali rispettivi tal-kriterju tekniku u tal-kriterju ekonomiku li jikkonċernaw il-kuntratti kollha inkwistjoni, u r-Renju ta’ Spanja baqa’ ma stabbilixxiex li għoti ta’ piż ieħor kellu jitwettaq jew seta’ jitwettaq legalment sabiex jiġu ddeterminati l-korrezzjonijiet finanzjarji.

129    Għalhekk, it-tieni lment ukoll għandu jiġi miċħud.

130    Fir-rigward tat-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret il-gwidi tal-2002 u imponiet korrezzjonijiet finanzjarji sproporzjonati, għandu jitfakkar li, billi adottat regoli ta’ mġiba amministrattiva intiżi li jipproduċu effetti esterni, bħalma huma l-imsemmija gwidi, u billi ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, f’dan il-każ fuq l-internet, li hija se tkun qiegħda tapplikahom minn dakinhar ’il quddiem fil-każijiet ikkonċernati minnhom, l-istituzzjoni inkwistjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma titbegħidx minn dawn ir-regoli taħt piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-kontenut tagħhom, tali regoli ta’ mġiba li għandhom portata ġenerali jistgħu jipproduċu effetti legali u li, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bil-kundizzjoni li tali approċċ ma jkunx kuntrarju għal regoli oħra superjuri tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 209 sa 211, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2007, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑374/04, Ġabra p. II‑4431, punt 111, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

131    Issa, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss fir-rigward ta’ korrezzjonijiet fissi li l-punt 2.3 tal-gwidi tal-2002 jipprevedi li tista’ tiġi prevista korrezzjoni finanzjarja ta’ 100 %, meta n-nuqqasijiet identifikati fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, jew l-irregolarità inkwistjoni, ikunu “tant gravi li jwasslu għan-nuqqas totali [mill-Istat Membru kkonċernat] tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni]”, u b’hekk irendi l-ħlasijiet kollha irregolari. Madankollu, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta b’mod espliċitu mill-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma applikatx korrezzjoni fissa, iżda hija kkalkolat il-korrezzjoni finanzjarja abbażi ta’ ammonti konkreti stabbiliti għal kull wieħed mill-kuntratti inkwistjoni (ara l-punt 122 iktar ’il fuq). Fil-fatt, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002, li jgħid li l-“ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissjoni [...] għandu jkun ugwali għall-ammont ta’ nfiq mitlub bi żball mill-[Fond]” ta’ koeżjoni, bid-deċiżjoni kkontestata hawnhekk tkun tirreferi għal korrezzjoni ta’ “100 % tad-differenza” bejn kull waħda mill-offerti miżmuma u dawk ikkalkolati mill-ġdid kuntratt kuntratt, u mhux korrezzjoni fissa, b’mod li t-tielet ilment tar-Renju ta’ Spanja huwa ineffettiv.

132    F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tielet ilment u, għaldaqstant, it-tieni aggravju kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-forom proċedurali sostanzjali, kif ukoll tal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94 minħabba ksur tal-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”

133    Permezz tat-tielet motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-forom proċedurali sostanzjali u tal-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tas-seduta tas-27 u tat-28 ta’ Ġunju 2006 kif ukoll tal-osservazzjonijiet li r-rappreżentanti tal-awtoritajiet Katalani kienu fformulaw f’din l-okkażjoni. Issa, matul din is-seduta, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li l-metodu lineari ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet kien jipprovoka xi distorsjonijiet, peress li f’ċerti każijiet, l-applikazzjoni tiegħu twassal sabiex jintgħażlu offerti li jiswew iktar minn dawk effettivament miżmuma mill-ACA u mill-ARC, u hija indikat li, għal din ir-raġuni, hija kienet disposta twettaq korrezzjoni finanzjarja “netta”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-osservazzjonijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali tal-awtoritajiet Katalani ġew ippreżentati barra miż-żmien, taħt piena li ċċaħħad lis-smigħ mis-sustanza tiegħu u mill-għanijiet essenzjali tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret forma proċedurali sostanzjali taħt l-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94. Bl-istess mod, minħabba l-imġiba kontradittorja tal-Kummissjoni bejn il-pożizzjoni tagħha matul is-smigħ tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2006 u dik li finalment inżammet fid-deċiżjoni kkontestata, hija kisret id-drittijiet tad-difiża tal-awtoritajiet Katalani. B’mod partikolari, li kieku d-deċiżjoni kkontestata ħadet inkunsiderazzjoni l‑argumenti esposti mill-imsemmija awtoritajiet f’dik l-okkażjoni, li tagħhom hija rrikonoxxiet il-fondatezza, hija kienet tasal għal riżultat iktar favorevoli, jiġifieri għal korrezzjoni finanzjarja “netta”. Fl-aħħar nett, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”, li, bħala gwardjana tad-dritt tal-Unoni hija obbligata tosservah.

134    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

135    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94, moqri flimkien mal-Artikolu 18 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002, jipprevedi proċedura kontradittorja bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru dwar l-irregolaritajiet li l-Kummissjoni tiskopri matul il-verfiki tagħha ta’ proġetti kofinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu H(1), “[j]ekk l-Istat Membru jagħmel oġġezzjoni għall-osservazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal seduta [...] li fiha, ż-żewġ naħat għandhom jaħdmu sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u għandhom joħorġu konklużjonijiet minnhom”. Barra minn hekk, il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu H(2) jipprovdi li, “[f]l-aħħar tal-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha, soġġetta li tiġi rispettata l-proċedura x-xierqa, jekk fi żmien tlett xhur ma jkun intlaħaq ebda qbil, wara li jiġu kunsidrati l-kummenti ta’ l-Istat Membru, tiddeċiedi li [...] tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa. Dan għandu jfisser li titneħħa parti jew l-assistenza kollha mogħtija għall-proġett”. Barra minn hekk, sabiex smigħ li jirrigwarda korrezzjonijiet finanzjarji kkunsidrati mill-Kummissjoni ma jitlifx is-sens tiegħu, l-imsemmi smigħ għandu jippermetti dibattitu kontradittorju fuq il-punti kollha tal-kawża u li l-punti kollha dibattuti matulu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Settembru 2003, Ir-Renju Unit vs Il-Kummisssjoni, C‑346/00, Ġabra p. I‑9293, punt 70).

136    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, matul is-smigħ tas-27 u tat-28 ta’ Ġunju 2006 dwar l-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proġetti inkwistjoni, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet Katalani kellhom il-possibbiltà li jesponu l-perspettiva tagħhom, inkluża dik dwar l-allegata neċessità li ssir korrezzjoni finanzjarja “netta” fuq l-irregolaritajiet allegati u fuq il-korrezzjonijiet finanzjarji previsti mill-Kummissjoni li jikkonċernaw il-proġetti kollha inkwistjoni, li ssemmiet f’rendikont mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u li sussegwentement intbagħat lir-rappreżentanza permanenti tar-Renju ta’ Spanja permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Settembru 2006. Mill-imsemmi rendikont jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni, wara li evalwat l-argumenti mressqa mir-rappreżentati tal-awtoritajiet Katalani, ikkonkludiet li ma kienx hemm lok li tibdel il-pożizzjoni inizjali tagħha. Minn dan jirriżulta li, matul l-imsemmi smigħ, il-Kummissjoni ppermettiet dibattitu kontradittorju fuq il-punti kontenzjużi kollha, xi ħaġa li barra minn hekk ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax, u li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Katalani f’din l-okkażjoni.

137    Għaldaqstant, l-ilment tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-forom proċedurali sostanzjali billi neħħiet is-sens mis-smigħ previst fl-inċiż (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94, moqri flimkien mal-Artikolu 18 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002, għandu jiġi miċħud.

138    Ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma jista’ jsostni ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba li l-Kummissjoni ġabet ruħha b’mod kontradittorju bejn il-pożizzjoni tagħha matul is-smigħ u dik finalment miżmuma fid-deċiżjoni kkontestata, u dan billi din l-allegazzjoni ma hija sostnuta minn ebda prova u ma għandha ebda appoġġ fir-rendikont imsemmi iktar ’il fuq. Barra minn hekk, la jirriżulta mill-proċess u lanqas mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ċaħdet bħala tardivi l-osservazjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-awtortiajiet Spanjoli wara s-smigħ tas-27 u tat-28 ta’ Ġunju 2006. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju ta’ Spanja stess irrikonoxxa li l-imsemmija osservazzjonijiet ma kienu jipprovdu ebda element ġdid, iżda kienu biss jikkonfermaw bil-miktub l-elementi esposti matul is-smigħ. Minn dan jirriżulta li l-ilment dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża wkoll għandu jiġi miċħud.

139    Fl-aħħar nett, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”, li l-kontenut li r-Renju ta’ Spanja jixtieq jattribwilu jibqa’ vag, huwa limitat għal riferiment ġenerali għall-argumenti l-oħra żviluppati fil-kuntest ta’ dan il-motiv, b’mod li dan ukoll għandu jiġi miċħud.

140    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002 minħabba l-assenza ta’ irregolaritajiet reali, kif ukoll, sussidjarjament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja relattiva għall-proġett amministrat minn Depurbaix

 Osservazzjoni preliminari

141    Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-korrezzjoni finanzjarja li tikkonċerna l-proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.058 amministrat minn Depurbaix. Fil-kuntest tal-ewwel parti, huwa jikkontesta l-eżistenza ta’ irregolarità fir-rigward tal-ineliġibbiltà tal-ispejjeż marbuta mat-taxxa msejħa “taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet”. Fil-kuntest tat-tieni parti, imqajma b’mod sussidjarju, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja.

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002

–       Tfakkira tal-argumenti tal-partijiet

142    Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-allegata irregolarità sistematika li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, tibbaża ruħha fuq il-fatt li t-“taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet” tkopri spejjeż ġenerali jew amministrattivi ta’ Depurbaix, li, skont id-deċiżjoni ta’ għoti huma ineliġibbli.

143    Ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li d-deċiżjoni ta’ għoti tiddistingwi bejn erba’ każijiet ta’ eżempju, skont jekk ix-xogħlijiet jitwettqux jew minn terzi, jew minn aġenti tal-amministrazzjoni, jew minn organu responsabbli mit-twettiq tal-proġett, jew mill-amministrazzjoni pubblika. Fil-każ fejn ix-xogħlijiet jitwettqu mill-organu responsabbli mit-twettiq tal-proġett, li huwa distint mill-amministrazzjoni pubblika, bħalma f’dan il-każ hija Depurbaix, ma huwiex obbligatorju li jitwettqu l-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ ppjanar u ta’ ddisinjar ta’ proġetti, ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni, kif ukoll ta’ preparazzjoni tal-art u ta’ kostruzzjoni, id-deċiżjoni tal-għoti tagħmel differenza ċara bejn l-ipoteżi li skontha l-organu responsabbli jwettaqhom huwa stess, mingħajr ma jirrikorri għal aġenti tal-amministrazzjoni, u l-ipoteżi li skontha tali aġenti jipparteċipaw fihom. Depurbaix, li hija kumpannija kummerċjali stabbilita bl-għan waħdieni li teżegwixxi l-proġett li fir-rigward tiegħu ngħatat l-għajnuna finanzjarja u li ma għandha ebda attività oħra ħlief it-twettiq tal-imsemmi proġett, ma hijiex obbligata tosserva proċedura pubblika ta’ għoti ta’ kuntratti, sa fejn din twettaq ix-xogħlijiet iċċitati iktar ’il fuq bil-mezzi tagħħha stess u sa fejn hija teżerċita l-funzjonijiet tagħha ta’ kontroll finanzjarju, ta’ monitoraġġ finanzjarju u fiżiku u ta’ prevenzjoni ta’ irregolaritajiet, anki jekk, f’dan l-aħħar każ, hija tirrikorri għall-persunal tal-amministrazzjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jippreċiża, b’fatturi insostenn tiegħu, li l-ammont fiss ta’ 4 % tal-ispejjeż jikkostitwixxi l-kunsiderazzjoni tal-attività ta’ direzzjoni tax-xogħlijiet imwettaq minnDepurbaix, kif ukoll tal-attivitajiet obbligatorji ta’ kontroll, ta’ monitoraġġ u ta’ prevenzjoni, b’mod li dan ma jistax jikkwalifika bħala spejjeż amministrattivi jew ġenerali ineliġibbli. Għalhekk, l-attivitajiet eliġibbli mwettqa minn Depurbaix jidħlu fil-kuntest jew tar-“remunerazzjoni għal intervent fil-kostruzzjoni”, jew tal-“kumpens tal-infiq ta’ kontroll finanzjarju, ta’ monitoraġġ finanzjarju u fiżiku u ta’ prevenzjoni tal-irregolaritajiet”, jew tal-“kumpens tal-ispejjeż ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni tal-proġetti”, jew tal-“kumpens tal-infiq ta’ komunikazzjoni u ta’ reklamar”.

144    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

–       Tfakkira tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ dak tad-deċiżjoni ta’ għoti

145    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, fir-rigward tal-proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.058 u amministrat minn Depurbaix, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata qiegħed jiġi essenzjalment sostnut li l-Kummissjoni kienet skopriet xi infiq bħala “taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet”, li kienet tikkonsisti fiż-żieda, mal-infiq tax-xogħlijiet, ta’ ammont fiss ta’ 4 %, u li dawn l-ispejjeż kellhom jikkwalifikaw bħala ineliġibbli minħabba li kienu spejjeż ġenerali jew amministrattiv skont l-inċiż ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 2 tat-Taqsima IV tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li, skont il-punt VII tar-Reglamento de contratación del consejo de aministración de Depurbaix (regolament dwar l-għoti ta’ kuntratti tal-Bord tad-Diretturi ta’ Depurbaix, iktar ’il quddiem ir-“regolament dwar l-għoti tal-kuntratti”), hija kellha d-dritt li tiffattura lill-impriża kontraenti, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ twettiq ta’ xogħlijiet, ammont fiss sa 4 % tal-ispiża totali tax-xogħlijiet, minbarra l-VAT, bħala kontribuzzjoni għall-infiq tagħha ta’ manutenzjoni u ta’ struttura.

146    Barra minn hekk, il-punt 2 tat-Taqsima IV tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti, imsejjaħ “Parteċipazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika”, jipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Meta xi aġenti tal-amministrazzjoni pubblika jipparteċipaw fl-attivitajiet imsemmija fil-punt 1(a) ta’ din it-Taqsima, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra bħala eliġibbli […] l-infiq […] li josserva l-kriterji li ġejjin:

[…]

–        il-kompiti li għandhom jitwettqu skont dan il-kuntratt ma għandhomx ikopru funzjonijiet amministrattivi ġenerali, kif iddefiniti fil-punt 1 tat-Taqsima IX;

[…] ”.

147    It-Taqsima II, intitolata “Definizzjonijiet u kunċetti bażiċi” tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti, fil-punt 1 tagħha tiddefinixxi l-organu responsabbli mit-twettiq tal-proġett. Skont l-imsemmi punt 1(a), b’mod partikolari, “[f]il-proġetti ssussidjati mill-Fond ta’ Koeżjoni, b’‘organu responsabbli mit-twettiq’ wieħed għandu jifhem l-organu pubbliku jew privat li huwa responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kuntratti li jirrigwardaw il-proġetti”. Skont il-punt 1(b), “[d]an l-organu għandu jinħatar bħala l-benefiċjarju finali tal-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta’ Koeżjoni”. Barra minn hekk, il-punt 2 tal-imsemmija Taqsima II jiddefinixxi l-kunċett ta’ “amministrazzjoni pubblika”, li jinkludi tliet livelli, jiġifieri l-amministrazzjoni ċerntrali (livell nazzjonali), l-amministrazzjoni reġjonali u l-amministrazzjoni lokali.

148    Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “nfiq” tinsab spjegata fl-ewwel subparagrafu tal-punt 5(a) tat-Taqsima II tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti, li jgħid li l-infiq għandu “jikkorrispondi għall-ħlasijiet iċċertifikati u effettivament imwettqa mill-organu responsabbli mit-twettiq tal-proġett appoġġjati minn fatturi mħallsa jew minn dokumenti ta’ kontabbiltà li għandhom valur probatorju ekwivalenti”. Barra minn hekk, mill-punt 5(b) tat-Taqsima II tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti jirriżulta li, f’każ fejn proġett jiġġenera dħulijiet, l-infiq jista’ eċċezzjonalment jikkorrispondi għall-fatturi ċċertifikati u li, f’dan il-każ, ikun neċessarju li jinkiseb il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

149    It-Taqsima III tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti tistabbilixxi l-“kategoriji prinċipali ta’ nfiq eliġibbli”, jiġifieri, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw l-ippjanar u d-disinjar, l-akkwist tal-artijiet, il-preparazzjoni tal-art fejn se jitwettqu x-xogħlijiet, il-bini u l-kostruzzjoni, l-inġenji u t-tagħmir installati b’mod permanenti fil-proġett u l-miżuri marbuta mal-ġestjoni tal-proġett. Barra minn hekk, it-Taqsima IV tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti, intitolata “Ippjanar u ddisinjar tal-proġetti”, fil-punt 1(a) tagħha tipprevedi, b’mod partikolari, li “[l‑]infiq li jirriżulta mill-ippjanar, mill-għarfien espert u mid-disinjar tal-proġetti għandu, bħala regola ġenerali, ikun eliġibbli […], kemm-il darba jkun marbut mal-proġett”.

150    It-Taqsima IX tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti, intitolata “Spejjeż amministrattivi”, fil-punt 1(a) tagħha tipprovdi li, “[b]ħala regola ġenerali, ma huwiex possibbli li tinkiseb għajnuna għall-infiq sostnut mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, inklużi s-salarji tal-uffiċjali nazzjonali, reġjonali u lokali, ħlief għall-infiq debitament iċċertifikat, li twettaq bħala parti mill-obbligu li jiġu eżerċitati kontrolli finanzjarji u bħala parti mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ finanzjarju u fiżiku u ta’ prevenzjoni tal-irregolaritajiet”.

151    Fl-aħħar nett, it-Taqsima X tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti, intitolata “Tipi oħra ta’ nfiq”, tipprevedi li, “[b]ħala regola ġenerali, l-ispejjeż li jirrelataw mal-ġestjoni u mas-superviżjoni tal-proġetti għandhom ikunu eliġibbli [...], u fir-rigward tagħhom għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet indikati fil-punti 1 u 2 tat-Taqsima IV”.

152    Fid-dawl tal-elementi esposti iktar ’il fuq, għaldaqstant hemm lok li wieħed jevalwa, l-ewwel nett, jekk Depurbaix hijiex jew le “amministrazzjoni pubblika” fis-sens tal-punt 2 tat-Taqsima II tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti; it-tieni nett, jekk it-“taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet”, li kienet tikkonsisti fiż-żieda, mal-ispejjeż tax-xogħlijiet, ta’ ammont fiss ta’ 4 %, għandhiex tikkwalifika jew le bħala “nefqa sostnuta minn amministrazzjoni pubblika”; u, it-tielet nett, jekk wieħed jippresupponi li dan huwa l-każ, jekk madankollu dan huwiex “infiq, debitament iċċertifikat, li twettaq bħala parti mill-obbligu li jiġu eżerċitati kontrolli finanzjarji u bħala parti mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ finanzjarju u fiżiku u ta’ prevenzjoni tal-irregolaritajiet” fis-sens tal-punt 1 tat-Taqsima IX tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti.

–       Fuq il-kwalità ta’ amministrazzjoni pubblika ta’ Depurbaix

153    Mill-proċess jirriżulta li Depurbaix hija sociedad mercantil estatal (kumpannija kummerċjali pubblika), li l-Istat Spanjol u l-ACA jżommu ishma ta’ 85 % u ta’ 15 % tal-kapital tagħha rispettivament, u li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola rilevanti, hija rregolata mid-dritt privat. Barra minn hekk, skont il-punt 3 tal-Anness I tad-deċiżjoni ta’ għoti, Depurbaix hija l-organu responsabbli mit-twettiq tal-proġett ta’ estensjoni tal-impjant tal-purifikazzjoni tal-ilma tal-Besos għall-finijiet tat-trattament bioloġiku sekondarju tad-drenaġġ u ta’ trattament tal-ħama li joriġina mir-reġjun ta’ Barcelona (proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.058) u, għaldaqstant, il-benefiċjarju finali tal-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta’ Koeżjoni.

154    Hekk kif il-Kummissjoni ġustament issostni fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, Depurbaix għandha mhux biss tikkwalifika bħala “organu rregolat mid-dritt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, iżda għandha wkoll titqies bħala amministrazzjoni pubblika fis-sens tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà msemmija fid-deċiżjoni ta’ għoti.

155    Fil-fatt, sabiex organu jkun jista’ jitqies bħala organu rregolat mid-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, kif interpretat mill-ġurisprudenza, għandhom jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, dan l-organu għandu jinħoloq sabiex jissodisfa bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma humiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali; it-tieni nett, huwa għandu jkollu personalità ġuridika; u t-tielet nett, huwa għandu jkun jiddependi mill-qrib mill-Istat, minn awtoritajiet territorjali jew minn organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et, C‑44/96, Ġabra p. I‑73, punti 20 u 21, u tal-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑237/99, Ġabra p. I‑939, punti 40 u 41). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-kunċett ta’ “awtorità kontraenti”, inkluża dik ta’ “organu rregolat mid-dritt pubbliku”, għandu jingħata interpretazzjoni funzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et, C‑337/06, Ġabra p. I‑11173, punt 37).

156    Għandu jiġi rrilevat li Depurbaix tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija iktar ’il fuq. B’hekk, skont il-ftehim tal-ġestjoni diretta Nru 2, tal-11 ta’ Diċembru 2001, konkluż bejn il-Ministeru Spanjol għall-Ambjent u Depurbaix, Depurbaix hija impriża pubblika kkostitwita mill-Kunsill tal-Ministri Spanjol bl-għan li “tiżġura l-ġestjoni diretta tal-kostruzzjoni u/jew l-operat ta’ ċerti xogħlijiet pubbliċi idrawliċi” li jikkonċernaw il-purifikazzjoni tad-drenaġġ tal-Bas Llobregat. Mit-tieni premessa tal-istess ftehim jirriżulta li, bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 3, tas-26 ta’ Frar 1993, dawn ix-xogħlijiet ġew iddikjarati li huma ta’ interess ġenerali. Minn dan għandu jiġi konkluż li Depurbaix inħolqot sabiex tissodisfa speċifikament bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma humiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali, jiġifieri, f’dan il-każ, ta’ natura ambjentali, fis-sens tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 155 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, huwa stabbilit li Depurbaix għandha personalità ġuridika bħala kumpannija b’responsabbiltà limitata, li l-kapital tagħha huma miżmum esklużivament mill-awtoritajiet pubbliċi, jiġifieri sa 85 % mill-Istat Spanjol, minn naħa, u sa 15 % mill-ACA, li tiddependi mill-Amministrazzjoni tal-Comunidad Autónoma de Cataluña, min-naħa l-oħra, li fl-istess ħin juri r-rabta mill-qrib tagħha mal-Istat Spanjol u wieħed mir-reġjuni awtonomi tiegħu. Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet kundizzjonijet imsemmija fil-punt 155 iktar ’il fuq ukoll huma ssodisfatti.

157    Għaldaqstant, kuntrarjament għall-opinjoni tar-Renju ta’ Spanja, bħala organu rregolat mid-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, Depurbaix għandha tikkwalifika bħala “awtorità kontraenti” skont l-istess direttiva, bil-konsegwenza li hija ssir suġġetta għall-obbligu li tosserva l-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi kif previsti b’din id-direttiva.

158    Minn dan jirriżulta wkoll li Depurbaix għandha titqies bħala li tagħmel parti integrali mill-“amministrazzjoni pubblika” fis-sens tal-punt 1(a) tat-Taqsima IX tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti. Din l-evalwazzjoni hija kkofermata mill-klawżola Nru 5.2.c tal-ftehim ta’ ġestjoni diretta Nru 2, li, għall-finijiet tat-twettiq tal-inkarigu assenjat lilha fil-kuntest tal-imsemmi ftehim, tinkariga lil Depurbaix sabiex tikkonkludi ma’ terzi kuntratti li jikkonċernaw it-twettiq tax-xogħlijiet filwaqt li tosserva d-dispożizzjonijiet tal-“liġi dwar il-kuntratti konklużi mill-amministrazzjonijiet pubbliċi”. Barra minn hekk, mill-ewwel u t-tieni premessa tal-kuntratt ta’ twettiq tal-proġett inkwistjoni, tal-14 ta’ Ġunju 2002, jirriżulta li l-imsemmi kuntratt “jifformalizza l-mandat” mogħti mill-Istat Spanjol lil Depurbaix, fit-30 ta’ Novembru 2001, sabiex twettaq ix-xogħlijiet relattivi għall-estensjoni tal-impjant ta’ purifikazzjoni tal-Besos għall-finijiet ta’ trattament bioloġiku tad-drenaġġ.

159    Konsegwentment, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li Depurbaix, bħala organu responsabbli mit-twettiq tal-proġett inkwistjoni, hija distinta mill-amministrazzjoni pubblika, ma jistax jintlaqa’.

160    Barra minn hekk jirriżulta li, skont il-punt 1(a) tat-Taqsima IX tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti, bħala organu li jagħmel parti mill-“amministrazzjoni pubblika”, Depurbaix ma tistax tistenna kofinanzjament tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-“infiq amministrattiv” tagħha, ħlief meta dan ikun “infiq, debitament iċċertifikat, li twettaq bħala parti mill-obbligu li jiġu eżerċitati kontrolli finanzjarji u attivitajiet ta’ monitoraġġ finanzjarju u fiżiku u ta’ prevenzjoni tal-irregolaritajiet”.

–       Fuq in-natura eliġibbli ta’ nfiq sostnut minn Depurbaix bħala amministrazzjoni pubblika

161    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk it-“taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet”, li kienet tikkonsisti fiż-żieda, mal-ispejjeż tax-xogħlijiet, ta’ ammont fiss sa 4 %, għandhiex tikkwalifika jew le bħala “nefqa sostnuta minn amministrazzjoni pubblika”, għandu jitfakkar li r-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li l-imsemmija “taxxa” ma tikorrispondix għal spejjeż ġenerali jew amministrattivi ta’ Depurbaix, iżda hija remunerazzjoni li hija tieħu bħala ħlas għal ċerti servizzi allegatament ipprovduti favur l-impriża kontraenti li tkun wettqet ix-xogħlijiet relattivi għall-proġett inkwistjoni. B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju ta’ Spanja ppreċiża, b’fatturi ta’ Depurbaix bħala appoġġ, li din kienet “ħlas għat-twettiq ta’ xogħlijiet fakultattivi ta’ ppjanar, ta’ amministrazzjoni, ta’ spezzjoni, ta’ għoti bidu, ta’ riċezzjoni, u ta’ ħlas tax-xogħlijiet, kif ukoll ta’ nfiq ta’ sorveljanza tal-kontroll ta’ kwalità u ta’ studji”.

162    Madankollu, din l-allegazzjoni hija kkontestata, minn naħa, mill-punt VII tar-Regolament dwar l-għoti ta’ kuntratti (punt 145 iktar ’il fuq), li skontu Depurbaix kellha d-dritt li tiffattura lill-impriża kontraenti ammont fiss sa 4 % tal-ispiża totali tax-xogħlijiet, minbarra l-VAT, bħala “kontribuzzjoni għall-ispejjeż tagħha ta’ manutenzjoni u ta’ struttura” u, min-naħa l-oħra, mill-punt 2.4(c) tal-kuntratt ta’ twettiq tal-proġett inkwistjoni, tal-14 ta’ Ġunju 2002, li jorbot lil Depurbaix mal-imsemmija impriża kontraenti, li skontu din kienet “kontribuzzjoni għall-infiq ġenerali ta’ Depurbaix, bħalma huma s-sorveljanza tal-kontroll ta’ kwalità u ta’ studji”, u mhux kumpens ta’ spejjeż preċiżi marbuta ma’ servizzi speċifiċi ta’ dan it-tip. Barra minn hekk, mill-fatturi prodotti mir-Renju ta’ Spanja jirriżulta li Depurbaix iffatturat l-imsemmija “taxxa” b’mod uniformi u ġenerali fir-rigward tal-impriża kontraenti ċertament billi varjat ir-rata tagħha bejn 3 u 4 %, billi, permezz ta’ formula standard, kull darba kienet tindika li din kienet iddestinata sabiex tkun ta’ kumpens “għat-twettiq ta’ xogħlijiet fakultattivi ta’ ppjanar, ta’ amministrazzjoni, ta’ spezzjoni, ta’ għoti bidu, ta’ riċezzjoni, u ta’ ħlas tax-xogħlijiet, kif ukoll ta’ nfiq ta’ sorveljanza tal-kontroll ta’ kwalità u ta’ studji”, mingħajr madankollu ma tippreċiża iktar dawn is-servizzi, u lanqas id-data ta’ meta dawn ġew provduti. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jikkontesta l-portata ġenerali u uniformi tat-“taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet”, li l-iskop tagħha issemma b’mod purament ġenerali u astratt fil-fatturi ta’ Depurbaix, billi jsostni li din kienet intiża bħala kumpens għal servizzi speċifiċi pprovduti favur l-impriża kontraenti.

163    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-ammont fiss ta’ 4 % li jikkorrispondi għat-“taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet” kien jikkostitwixxi kumpens għal servizzi speċifiċi għandu jiġi miċħud.

164    Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippresupponi li l-imsemmi ammont fiss huwa remunerazzjoni għal servizzi speċifiċi pprovduti minn Depurbaix u indipendentement min-natura konkreta ta’ dawn is-servizzi, il-ħlasijiet imwettqa mill-impriża kontraenti bħala “taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet” ma jistgħux jiġu kkaratterizzati minn infiq eliġibbli sostnut mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fis-sens tal-punt 1(a) tat-Taqsima IX tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti. Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “infiq” li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-punt 5(a) tat-Taqsima II tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti, li tgħid li l-infiq għandu “jikkorrispondi għall-ħlasijiet iċċertifikati u effettivament imwettqa mill-organu responsabbli mit-twettiq tal-proġett appoġġjati minn fatturi mħallsa jew minn dokumenti ta’ kontabbiltà li għandhom valur probatorju ekwivalenti”, l-infiq eliġibbli għandu neċessarjament jibbaża ruħu fuq tali “ħlasijiet”. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li dħulijiet, bħalma huma dawk fatturati minn u li rċeviet Depurbaix bħala “taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet” ma jaqgħux f’din id-definizzjoni ta’ “spejjeż”, u dan wassal lill-Kummissjoni sabiex, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkwalifikahom bħala “infiq indirett iffatturat minn Depurbaix”. Għall-kuntrarju, mill-punt 5(b) tat-Taqsima II tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti jirriżulta li, fil-każ fejn proġett jiġġenera dħul, l-infiq jista’ biss jikkorrispondi għall-fatturi ċċertifikati u li huwa meħtieġ li jinkiseb il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni, u dan ma kienx il-każ fil-każ preżenti. Madankollu, il-klassifikazzjoni tad-dħul li rċeviet Depurbaix bħala “taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet” bħala infiq eliġibbli jkollha l-effett ta’ ħlas doppju tal-ispejjeż allegatament marbuta mas-servizzi allegati, jiġifieri, minn naħa, permezz tal-ħlasijiet imwettqa mill-impriża kontraenti lil Depurbaix bħala awtorità kontraenti u amministrazzjoni pubblika fis-sens tal-punt 1(a) tat-Taqsima IX tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti u, min-naħa l-oħra, permezz tal-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta’ Koeżjoni. Fl-aħħar nett, fis-seduta, ir-Renju ta’ Spanja ma spjegax ir-raġuni għaliex u fuq liema bażi legali huwa seta’ jitlob tali ħlas doppju tal-ispejjeż marbuta ma’ tali servizzi.

165    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod korrett meta, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, qieset li l-infiq tat-“taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet”, li kienet tikkonsisti fiż-żieda, mal-ispejjeż tax-xogħlijiet, ta’ ammont fiss ta’ 4 %, kien ineliġibbli għall-kofinanzjament tal-Fond ta’ Koeżjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ulterjuri dwar l-għan tad-diversi servizzi allegatament ipprovduti minn Depurbaix kif ukoll fuq il-possibbiltà li dawn ikunu ta’ natura eliġibbli fis-sens tat-Taqsima III tal-Anness IV tad-deċiżjoni ta’ għoti, li f’dan il-każ ma hijiex applikabbli.

166    Konsegwentement, l-ewwel parti tar-raba’ motiv, sa fejn din tallega ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002, għandha tinċaħad minħabba assenza ta’ irregolarità.

 Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, imqajma b’mod sussidjarju u bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

167    B’mod sussidjarju, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-korrezzjoni finanzjarja fissa li tikkonċerna l-proġett 2001.ES.16.C.PE.058 jikser l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Matul il-proċedura amministrattiva, mingħajr ebda ġustifikazzjoni l-Kummissjoni bidlet l-opinjoni tagħha u ddeċidiet li tapplika korrezzjoni finanzjarja fissa. Issa, f’dan il-każ, kien ikun possibbli li ssir kwantifikazzjoni preċiża u li titwettaq korrezzjoni abbażi tal-ammont hekk ikkwantifikat. Din il-korrezzjoni finanzjarja kellha ssir abbażi tal-ammonti kollha ċċertifikati sad-data tal-kontroll, skont il-proposta tar-Renju ta’ Spanja, kif mehmuża mar-rikors, u mhux abbażi ta’ ammont fiss.

168    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li t-tieni parti ta’ dan il-motiv tiġi miċħuda.

169    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment esponiet li l-“infiq indirett” ineliġibbli, iffatturat minn Depurbaix bħala “taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet”, kien ġie ffatturat fuq tliet proġetti amministrati minn Depurbaix u li l-ammont totali tiegħu, matul il-missjoni ta’ awditjar ta’ Ottubru tal-2003, kien ta’ EUR 9 298 055. Skont il-Kummissjoni, dan il-fatt juri nuqqas tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbilita mill-Ministeru Spanjol għall-Ambjent. Għaldaqstant, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija ddeċidiet li għandha ssir korrezzjoni finanzjarja (fissa) ta’ 2 % tal-kofinanzjament (ta’ 85 %) mogħti lill-proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.058, jiġifieri ammont ta’ EUR 2 324 414.

170    Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002, il-Kummissjoni tista’ tibbaża korrezzjonijiet finanzjarji fuq bażi fissa biss meta ma jkunx possibbli jew prattikabbli li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż l-ammont tal-infiq irregolari, jew meta ma jkunx addattat li jiġi kkanċellat l-infiq kollu inkwistjoni.

171    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jitfakkar li, bil-promulgazzjoni tal-gwidi tal-2002, il-Kummissjoni adottat regoli ta’ mġiba amministrattiva intiżi li jipproduċu effetti esterni, ħabbret, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn dakinhar ’il quddiem fil-każijiet ikkonċernati minnhom, u b’hekk illimitat lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, inkluż għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq).

172    Skont il-punt 2.3 tal-gwidi tal-2002, il-Kummissjoni qieset li hija awtorizzata twettaq korrezzjoni finanzjarja (fissa) massima sa 100 %, meta n-nuqqasijiet skoperti fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, jew l-irregolarità inkwistjoni, ikunu “tant gravi li jwasslu għal nuqqas totali ta’ osservanza [, mill-Istat Membru kkonċernat,] tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni]” u b’hekk irendu irregolari l-ħlasijiet kollha. Madankollu, hija tapplika biss korrezzjoni finanzjarja (fissa) minima ta’ 2 % b’teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju inferjuri ta’ telf għall-Fond ta’ Koeżjoni u tan-natura inqas severa tan-nuqqas, meta r-rendiment fil-każijiet ikkonċernati jkun xieraq meta mqabbel mal-elementi prinċipali tas-sistema, iżda jkun jeżisti nuqqas totali f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni ta’ element anċillari wieħed jew iktar.

173    Barra minn hekk, fit-tieni paragrafu tal-punt 2.5 tal-gwidi tal-2002, huwa ppreċiżat b’mod partikolari li “r-rata tal-korrezzjoni [normalment] għandha tiġi applikata fir-rigward tal-parti tal-infiq li għaliha hemm riskju”, u li, “meta n-nuqqas jirriżulta mill-ommissjoni tal-awtoritajiet ikkonċernati li jadottaw sistema ta’ kontroll xieraq, il-korrezzjoni għandha tapplika għall-infiq kollu li fir-rigward tiegħu kienet meħtieġa l-imsemmija sistema ta’ kontroll”. Skont l-istess paragrafu, “il-korrezzjoni normalment għandha tapplika fir-rigward tal-infiq ta’ matul il-perijodu eżaminat, per eżempju sena fiskali [, iżda,] meta l-irregolarità tirriżulta minn nuqqasijiet sistematiċi, li huma evidentement durevoli u li jaffettwaw l-infiq fuq numru ta’ snin, il-korrezzjoni għandha tapplika fuq l-infiq kollu ddikjarat mill-Istat Membru għall-perijodu li matulu n-nuqqas sistematiku jibqa’ jeżisti, sax-xahar li matulu dan jiġi rrimedjat”.

174    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni sostniet kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fin-noti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Renju ta’ Spanja dwar dan il-punt, li mid-data pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli stess jirriżulta li, fid-data tal-missjoni ta’ awditjar, l-ammont kumulat iffatturat minn Depurbaix bħala “taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet” għall-proġetti kollha amministrati minnha kien ta’ iktar minn EUR 9 miljun. B’mod partikolari, il-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni applikat il-perċentwali ta’ korrezzjoni finanzjarja l-iktar baxx, jiġifieri rata ta’ 2 %, kif previst fil-punt 2.3 tal-gwidi tal-2002, u dan biss fir-rigward tal-proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.058. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fin-noti tagħha, dan l-approċċ kien intiż li jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li l-awditjar kien l-ewwel wieħed imwettaq fir-reġjun ikkonċernat wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002 u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli kienu rtiraw iċ-ċertifikati fir-rigward tal-infiq kollu li jikkorrispondi għat-“taxxa għall-immaniġġjar tax-xogħlijiet” għall-proġetti kollha amministrati minn Depurbaix. Dawn l-ispjegazzjonijiet ma ġewx kontradetti mir-Renju ta’ Spanja fil-mori tal-kawża.

175    Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja ma invoka ebda ħjiel li jista’ juri li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità jew ir-regoli ta’ mġiba li hija imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-osservanza tal-imsemmi prinċipju. Fil-fatt, skont l-imsemmija regoli, il-limitazzjoni tal-korrezzjoni fissa għall-perċentwali minimu ta’ 2 % kif ukoll l-applikazzjoni limitata għal proġett wieħed biss minn Depurbaix kienet, fid-dawl tal-irregolarità kkontestata, il-piena l-iktar ridotta possibbli mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, huwa ma ressaq ebda argument intiż li jikkontesta l-legalità tar-regoli rilevanti tal-gwidi tal-2002 fir-rigward tal-imsemmi prinċipju, u lanqas ma kkontesta li d-dgħufija tas‑sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll imsemmi fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi “nuqqas totali f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni ta’ element anċillari wieħed jew iktar” fis-sens tal-punt 2.3 tal-gwidi tal-2002.

176    F’dak li jikkonċerna l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li korrezzjoni finanzjarja għandha tibbaża ruħha fuq l-ammonti kollha ċċertifikati sad-data tal-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni u mhux fuq ammont fiss, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja ma ressaq ebda element li jista’ jappoġġa tali argument. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002, il-Kummissjoni kienet awtorizzata twettaq, hekk kif għamlet f’dan il-każ, korrezzjoni finanzjarja limitata għall-proġett bir-referenza 2001.ES.16.C.PE.058 biss, peress li kien ikun sproporzjonat li kieku kellu jiġi annullat l-infiq kollu, inkluż dak li jikkonċerna l-proġetti l-oħra kollha amministrati minn Depurbaix. Barra minn hekk, mit-tieni paragrafu tal-punt 2.5 tal-gwidi tal-2002 jirriżulta li r-rati hemm previsti sabiex jiġu stabbiliti l-korrezzjonijiet fissi għal ċerti tipi ta’ irregolaritajiet normalment japplikaw għall-“parti mill-infiq li fir-rigward tagħha jeżisti riskju”, u mhux għall-ammonti ċċertifikati fl-istadju tal-kontroll. Bl-istess mod, mill-perspettiva temporali, l-imsemmija dispożizzjoni terġa’ tipprovdi li l-korrezzjoni finanzjarja normalment tapplika għall-infiq matul il-perijodu eżaminat, bħalma hija sena fiskali; għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx limitata, kif mitlub mir-Renju ta’ Spanja, li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu sal-mument fejn hija wettqet il-kontroll tagħha.

177    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jikkritika lill-Kummissjoni talli kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi naqset milli tikkalkola l-korrezzjoni fissa kontenzjuża abbażi tal-ammonti kollha ċċertifikati sad-data tal-kontroll.

178    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv wkoll għandha tiġi miċħuda, u, għaldaqstant, dan il-motiv kollu kemm hu.

179    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li dan ir-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

180    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

181    Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef fil-motivi kollu tiegħu, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk esposti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

Azizi

Frimodt Nielsen

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem

Werrej

Il-kuntest ġuridikuII – 2

A –  Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-Fond ta’ KoeżjoniII – 2

B –  Dispożizzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw il-kuntratti pubbliċiII – 6

Il-fatti li wasslu għall-kawżaII – 9

A –  Il-proġetti kkonċernatiII – 9

B –  Il-proċedura amministrattivaII – 10

C –  Id-deċiżjoni kkontestataII – 10

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijietII – 13

Id-drittII – 14

D –  Sinteżi tal-motivi għal annullamentII – 14

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50II – 15

Osservazzjonijiet preliminariII – 15

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50II – 17

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet 93/37 u tal-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi 92/50, f’dak li jikkonċerna l-offerti anormalment baxxiII – 24

Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju tal-esperjenza ta’ xogħlijiet preċedenti sabiex tiġi ddeterminata l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikamentII – 28

Fuq it-tieni motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni Nru 1164/94II – 32

Fuq it-tielet motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-forom proċedurali sostanzjali, kif ukoll tal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”II – 37

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002 minħabba l-assenza ta’ irregolaritajiet reali, kif ukoll, sussidjarjament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja relattiva għall-proġett amministrat minn DepurbaixII – 39

Osservazzjoni preliminariII – 39

Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1386/2002II – 40

– Tfakkira tal-argumenti tal-partijietII – 40

– Tfakkira tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ dak tad-deċiżjoni ta’ għotiII – 41

– Fuq il-kwalità ta’ amministrazzjoni pubblika ta’ DepurbaixII – 43

– Fuq in-natura eliġibbli ta’ nfiq sostnut minn Depurbaix bħala amministrazzjoni pubblikaII – 45

Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, imqajma b’mod sussidjarju u bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitàII – 46

Fuq l-ispejjeżII – 49


* Langue de procédure : l’espagnol.