Language of document : ECLI:EU:T:2009:313

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

8 ta’ Settembru 2009(*)

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien indeterminat – Deċiżjoni ta’ tkeċċija – Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kumpens pekunjarju”

Fil-Kawża T‑404/06 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (seduta plenarja) tas-26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF (F-1/05, ĠabraSP p. I-A-1 123 u II-A-1-459), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

Fondation européenne pour la formation (ETF), irrappreżentata inizjalment minn G. Vandersanden, sussegwentement minn L. Levi, avukati,

appellanti

sostnuta minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-parti l-oħra fil-proċedura

P. Landgren, residenti f’Revigliasco (l-Italja), irrappreżentata minn M.-A. Lucas, avukat,

appellata,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger (Relatur), President, J. Azizi, A. W. H. Meij, M. Vilaras u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti, il-Fondation européenne pour la formation (ETF), qed titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (seduta plenarja), tas-26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF (F‑1/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑123 u II‑A‑1459, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha huwa annulla d-deċiżjoni tal-ETF li ttemm il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat ta’ P. Landgren u, b’mod interlokutorju, talab lill-partijiet jilħqu ftehim li jiffissa kumpens ekwu pekunjarju għat-tkeċċija illegali tagħha jew, fin-nuqqas, jippreżentaw it-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 sa 26 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) dwar id-drittijiet u obbligi tal-uffiċjali japplikaw b’analoġija.

3        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Kull deċiżjoni relatata ma’ individwu speċifiku li tittieħed taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun ikkomunikata minnufih bil-miktub lill-uffiċjal ikkonċernat. Kull deċiżjoni li taffettwa ħażin uffiċjal għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.”

4        L-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi:

“Minbarra t-tmiem mal-mewt, l-impieg tal-persunal temporanju għandu jieqaf::

[…]

ċ) meta l-kuntratt huwa għal perjodu indefinit:

i)      fl-aħħar tal-perjodu tan-notifika stipulat fil-kuntratt; it-tul tal-perjodu tannotifika ma jkunx anqas minn xahar għal kull sena kompluta ta' servizz, suġġett għal minimu ta’ tlett xhur u massimu ta’ għaxar xhur. Madankollu, il-perjodu tan-notifika m'għandux jibda għaddej matul il-vakanzi tal-maternità jew il-vakanzi għall-mard, sakemm it-tali vakanzi tal-mard ma jaqbiżx it-tliet xhur. Barra minn hekk, ikun sospiż matul il-maternità jew il-vakanzi għall-mard suġġett għal-limiti msemmija qabel; jew

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura fl-ewwel istanza

5        Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura fl-ewwel istanza huma msemmija fil-punti 6 sa 32 tas-sentenza appellata, li minnhom jirriżultaw is-segwenti elementi.

6        P. Landgren, imwielda fil-21 ta’ Ġunju 1947, ġiet impjegata fit-3 ta’ Jannar 1995 bħala membru tal-persunal temporanju tal-kategorija Ċ mill-ETF, inizjalment għal żmien determinat, sussegwentement, sa mit-18 ta’ Lulju 2000, għal żmien indeterminat.

7        Ir-rapport dwar il-perijodu ta’ prova stabbilit fir-rigward tagħha fl-10 ta’ Mejju 1995 jinkludi l-evalwazzjonijiet li ġejjin:

–        fir-rigward ta’ “Abbiltà li twettaq id-dmirijiet tagħha”: l-evalwazzjoni “tajba”, l-intestatura “Komprensjoni, adattabbiltà, ġudizzju” madankollu ġiet immarkata “insuffiċjenti”, iġġustifikata b’nuqqas ta’ preċiżjoni, ta’ attenzjoni għad-dettall u ta’ attenzjoni;

–        fir-rigward ta’ “Rendiment”: l-evalwazzjoni “tajba”, l-intestatura “Ħeffa fl-eżekuzzjoni tax-xogħol” iġġib ukoll l-indikazzjoni “insuffiċjenti”, iġġustifikata minn xi dewmien, b’mod partikolari fl-istabbiliment ta’ kuntratti tal-persunal;

–        fir-rigward tal-“Kondotta fis-servizz”: l-evalwazzjoni “tajba ħafna”.

8        Fl-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni tagħha, stabbilit fit-13 ta’ Mejju 1997 għall-perijodu 1995-1997, P. Landgren kisbet il-marka ġenerali ta’ “3”, li tikkorrispondi għal “sodisfaċenti” fuq skala bejn 1 u 6, li jvarja bejn “eċċellenti” u “assolutament negattiv”. B’mod iktar speċifiku, hija kisbet ir-referenzi “tajba”, għall-intestaturi “Kompetenza” u “Kondotta fis-servizz”, u “insuffiċjenti” għall-intestatura “Effettività”. In-nuqqas ta’ attenzjoni u ta’ ħeffa fl-eżekuzzjoni tal-kompiti huwa invokat f’dan ir-rigward. Filwaqt li hija enfasizzata l-evalwazzjoni globalment pożittiva, hija mitluba tkun iktar preċiża u li ttejjeb is-“sens politiku” tagħha.

9        Fit-tieni rapport ta’ evalwazzjoni, stabbilit fis-17 ta’ Ġunju 1998 għall-perijodu 1997-1998, ingħatat marka ta’ “2”, li tikkorrispondi għal “tajba”. Fil-kummentarju ġenerali tiegħu, l-evalwatur ikkonstata titjib ċar fil-prestazzjonijiet ta’ P. Landgren, filwaqt li osserva, taħt l-intestatura “Effettività”, li seta’ jsir iktar progress.

10      It-tielet rapport ta’ evalwazzjoni, stabbilit fis-17 ta’ Jannar 2000 għall-perijodu 1999-2000, ikkonferma l-marka globali ta’ “2”, filwaqt li l-intestaturi kollha ngħataw l-evalwazzjoni “tajba”. Madankollu, P. Landgren intalbet ttejjeb l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħha. Min-naħa l-oħra, ġiet enfasizzata l-konoxxenza tagħha tal-leġiżlazzjoni u tal-funzjonament tal-ETF.

11      Fir-raba’ rapport ta’ evalwazzjoni, stabbilit fid-29 ta’ Marzu 2001 għall-perijodu 2000-2001, P. Landgren ingħatat marka globali ta’ “3”. Għalkemm is-sens tal-komunikazzjoni ta’ P. Landgren, il-mod tajjeb ta’ kif iġġib ruħha man-nies, il-manjieri tajba tagħha, il-konoxxenza vasta tagħha tal-ETF, il-flessibbiltà u l-lealtà tagħha fil-konfront tal-ġerarkija huma enfasizzati fl-imsemmi rapport, jissemmew punti dgħajfa fil-qasam informatiku u, taħt l-intestatura “Analiżi u ġudizzju”, hija ntalbet ma tasalx għal konklużjonijiet wisq mgħaġġla, b’mod partikolari meta ma jkollhiex informazzjoni kompleta tal-fajlijiet, anki jekk issemma’ li hija kienet tissottometti proposti tajbin. Fl-aħħar nett, ġie ssuġġerit lilha li ssegwi taħriġ għat-teħid ta’ noti waqt laqgħat.

12      Minn Jannar 2002 sa Jannar 2003 inklużi, P. Landgren kienet impjegata fid-direttorat tal-ETF, fejn eżerċitat funzjonijiet ta’ segretarja u ta’ assistenta amministrattiva, responsabbli b’mod partikolari mill-missjonijiet u mil-leave tal-membri tad-direttorat.

13      Fid-9 ta’ Lulju 2002, il-viċidirettur tal-ETF, is-Sur H, stabbilixxa rapport ta’ evalwazzjoni temporanju li jikkonkludi li P. Landgren ma kinitx tissodisfa suffiċjentement ir-rekwiżiti tal-funzjonijiet tagħha. Din il-konklużjoni tibbaża ruħha fuq nuqqasijiet ikkonstatati fit-tħejjija tal-missjonijiet u ż-żamma tal-aġendi, attribwiti għal nuqqas ta’ organizzazzjoni u ta’ applikazzjoni, għal kapaċità limitata ta’ użu tas-sistemi informatiċi u għal konoxxenza insuffiċjenti tal-kompiti u tal-istruttura tal-organizzazzjoni tal-ETF. Madankollu, dan ir-rapport kien jenfasizza l-attitudni pożittiva u l-isforzi ta’ P. Landgren sabiex twettaq il-bosta kompiti tagħha.

14      Fl-aħħar tas-sena 2002, iż-żewġ viċidiretturi, is-Sur H u s-Sur P, stabbilixxew, inkwantu aġenti li jevalwaw, abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ta’ P. Landgren għas-sena 2002, skont sistema ġdida ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet, li daħal fis-seħħ fix-xahar ta’ Jannar tal-istess sena.

15      Is-Sur H ikkonferma l-evalwazzjoni tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2002 billi kkonstata nuqqas ta’ affidabbiltà u nuqqasijiet gravi fil-parti l-kbira tal-aspetti tal-funzjonijiet eżerċitati, minkejja li huwa enfasizza l-isforzi mwettqa minn P. Landgren sabiex twettaq il-kompiti tagħha. Huwa sostna li tilef il-fiduċja fil-kwalità tas-servizzi tagħha u kkonkluda li hija ma setgħetx tkompli tassumi l-funzjonijiet tagħha.

16      Min-naħa tiegħu, is-Sur P ikkunsidra li l-eżekuzzjoni minn P. Landgren tal-kompiti speċifiċi tagħha kienet fil-biċċa l-kbira tal-każijiet sodisfaċenti, u saħansitra tajba għal xi wħud minnhom, iżda l-evalwazzjoni globali tagħha kienet turi dewmien fl-eżekuzzjoni u żbalji dovuti għal nuqqas ta’ attenzjoni, li fl-opinjoni tiegħu kienu parzjalment attribwibbli għal ammont ta’ xogħol eċċessiv.

17      Fil-kummenti tagħha dwar dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni, P. Landgren, filwaqt li tikkontesta ċerti kritiki speċifiċi tas-Sur H jew filwaqt li tiġġustifika ruħha fil-konfront tagħhom, ammettiet li l-kariga li hija kienet tokkupa kienet eżiġenti wisq għaliha. Hija ġibdet ukoll l-attenzjoni tad-direttorat għall-fatt li d-diffikultajiet tagħha setgħu jiġu attribwiti għal nuqqas temporanju tal-memorja tagħha dovut għall-istat tas-saħħa tagħha, kif ukoll għall-konsegwenzi negattivi ħafna li jikkawżalha t-telf tal-impjieg, fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji tagħha, tas-sitwazzjoni tal-familja tagħha, u tal-età tagħha. Għaldaqstant, hija talbet li tiġi eżaminata l-possibbiltà li tingħata kompiti oħra, inqas eżiġenti, fi ħdan l-istess direttorat jew f’dipartimenti oħra.

18      Dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni qatt ma ġie ffinalizzat, u għaldaqstant, lanqas ma ddaħħal fil-fajl personali ta’ P. Landgren.

19      Fl-1 ta’ Frar 2003, P. Landgren ġiet assenjata, mingħajr limitazzjoni ta’ żmien, fid-dipartiment “Ewropa tal-Lvant u tal-Ażja Ċentrali” tal-ETF sabiex tassumi, fil-kuntest ta’ impjieg part-time, il-funzjonijiet ta’ segretarja tal-kap ta’ dipartiment, is-Sinjura S, tal-viċikap tad-dipartiment, is-Sinjura T, u tal-koordinatur tal-ETF. It-talba għal impjieg part-time, kif aċċettata mid-direttur, kellha tkopri l-perijodu mill-1 ta’ Frar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2004 u kienet iġġustifikata bħala preparazzjoni għal irtirar, bħala membru tal-persunal li laħaq l-età ta’ 55 sena.

20      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ P. Landgren, stabbilit fit-18 ta’ Marzu 2004 għas-sena 2003 jinkludi fih it-test li ġej:

“Pia laħqet l-għanijiet prinċipali li ġew assenjati lilha għall-2003. Evalwazzjoni tal-indikaturi prinċipali korrispondenti turi li hija kapaċi teżegwixxi l-kompiti tagħha b’mod effettiv u effikaċi b’osservanza tat-termini imposti.

Pia wriet kapaċità li tikkonċentra fuq xogħolha, minkejja li kellha tiżvolġi diversi attivitajiet fl-istess waqt. Hija għamlet sforzi kunsiderevoli sabiex ittejjeb il-memorja tagħha.

Pia tejbet il-kompetenzi informatiċi tagħha.

Pia żżomm relazzjonijiet tajba u amikevoli, iżda madankollu rispettużi, man-nies ta’ madwarha u mal-kollegi tax-xogħol tagħha.”

21      Dan l-aħħar rapport tfassal mis-Sinjura T, inkwantu kap ta’ dipartiment li kienet qed taġixxi inkwantu direttur fin-nuqqas tas-Sinjura S, li kienet fuq leave tal-mard minn Novembru 2003 sa Marzu 2004 inklużi, u ġie ffirmat mis-Sur R, bħala direttur. Minkejja li s-Sinjura S ma kinitx iffirmatu, hija kienet madankollu tidher fir-rapport bħala aġent li jevalwa, maġenb is-Sinjura T. Huwa stabbilit li l-kap tad-dipartiment ma kienx jaqbel mal-evalwazzjoni tas-Sinjura T, u kellu opinjoni pjuttost negattiva tal-prestazzjonijiet ta’ P. Landgren.

22      Konsegwentement, P. Landgren qieset li kien neċessarju li, fil-kuntest ta’ intervista mas-Sinjura S, titlob għall-possibbiltà li tkompli bl-eżerċizzju tal-attività tagħha fuq bażi part-time. Waqt din l-intervista, li seħħet fl-10 ta’ Mejju 2004, il-kap tad-dipartiment informa lil P. Landgren li hija kienet qed tirriżerva l-possibbiltà li titkellem dwar dik it-talba mad-direttur, is-Sur R.

23      Fis-17 ta’ Mejju 2004, P. Landgren kellha intervista mas-Sur R, li pproponielha l-għażla bejn “irtirar kmieni” u t-tkeċċija tagħha. Is-Sur R ippreċiża wkoll li, fil-każ ta’ tkeċċija, hija tkun tista’ tibbenefika mill-allowances tal-qgħad, skont l-Artikolu 28a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, sa meta tilħaq l-età minima ta’ irtirar, jiġifieri 60 sena.

24      Fil-15 ta’ Ġunju 2004, P. Landgren kellha intervista oħra mas-Sur R, din id-darba fil-preżenza ta’ medjatur maħtur mill-ETF. Waqt din l-intervista, is-Sur R spjega li hija kienet “persuna ġentili, iżda segretarja ineffikaċi” u li, għal din ir-raġuni, hija ntalbet tirriżenja.

25      Waqt tielet intervista, fil-25 ta’ Ġunju 2004, fil-preżenza ta’ persuni oħra responsabbli tal-ETF, is-Sur R għadda lil P. Landgren ittra li tinformaha bit-terminazzjoni tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tkeċċija”), li kienet tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005.

26      Din id-deċiżjoni tgħid hekk:

“Għażiża Pia,

Skont l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt tiegħek u tal-klawżoli li jemendawh, b’dispjaċir ninformak li l-impjieg tiegħek bħala membru tal-persunal temporanju fi ħdan l-ETF se jiġi mitmum. Peress li l-klawżola li temenda l-kuntratt tiegħek tipprovdi perijodu ta’ notifika ta’ sitt xhur, l-aħħar jum ta’ xogħol tiegħek ser ikun il-31 ta’ Diċembru 2004.

Nirringrazzjak ħafna tal-kontribut tiegħek lill-ETF u nixtieqlek l-ikbar suċċess fil-karriera tiegħek fil-ġejjieni.”

27      Wara din id-deċiżjoni, P. Landgren ġiet assenjata fit-taqsima “Amministrazzjoni u dipartimenti ċentrali”, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2004. Fuq talba tagħha, hija ġiet awtorizzata terġa’ tibda l-attività tagħha full-time minn din id-data.

28      P. Landgren, li ġiet sottoposta għal operazzjoni kirurġika f’Ottubru 2004, kienet bil-leave tal-mard għal tliet xhur, matul liema żmien il-perijodu ta’ notifika tagħha ġie sospiż.

29      Fis-27 ta’ Settembru 2004, P. Landgren ressqet ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2005, l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti (iktar ’il quddiem l-“AHCC”) ċaħdet dan l-ilment billi sostniet li t-tkeċċija kienet iġġustifikata minħabba n-natura mhux sodisfaċenti u insuffiċjenti tal-prestazzjonijiet ta’ P. Landgren u li l-AHCC ma kinitx għamlet użu b’mod manifestament żbaljat tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz. Hija qagħdet ukoll attenta li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, bħala parti mill-obbligu ta’ premura tagħha, l-interess tal-membru tal-persunal temporanju kkonċernat, meta ffissat id-data tad-dħul fis-seħħ tat-tkeċċija.

31      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li fit-28 ta’ April 2005, P. Landgren ippreżentat rikors intiż, min-naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u, min-naħa l-oħra, għall-ħlas tad-dannu materjali u morali kkawżat mid-deċiżjoni msemmija.

32      Ir-rikors fl-ewwel istanza ġie inizjalment irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bin-numru tal-Kawża T‑180/05. Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU Ħarġa Speċjali bil-Malti, L 153 M, 7 ta' Ġunju 2006, p. 83), irrinvijat din il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bin-numru tal-Kawża F‑1/05.

33      Permezz tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li ddeċieda b’mod interlokutorju, minn naħa annulla d-deċiżjoni ta’ tkeċċija u, min-naħa l-oħra, talab lill-partijiet jilħqu ftehim li jiffissa kumpens ekwu pekunjarju għat-tkeċċija illegali ta’ P. Landgren jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, sabiex jippreżentaw it-talbiet tagħhom quddiemha dwar il-kwantifikazzjoni f’dan ir-rigward, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tas-sentenza.

34      Wara li l-partijiet informaw lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ma kinux waslu għal ftehim fuq l-ammont tal-kumpens pekunjarju, l-ETF kienet madankollu indikat li kienet disposta li tħallas lil P. Landgren is-somma ta’ EUR 39 265.10 bħala danni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b’digriet tat-22 ta’ Mejju 2007, iffissa b’mod provviżorju, fl-istennija tar-regolarizzazzjoni definittiva tal-kawża, l-ammont tal-kumpens pekunjarju għal EUR 39 000.

35      Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Mejju 2007, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, abbażi tal-Artikolu 77(b) u tal-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku abbażi tal-Artikolu 3(4) tad-deċiżjoni 2004/752, issospenda l-proċedura fil-Kawża F-1/05, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ġġib fi tmiemha l-istanza f’din il-kawża. Fil-fatt, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrileva li s-soluzzjoni definittiva tal-kawża tista’ tiddependi mill-kwistjoni jekk P. Landgren hijiex inkapaċi b’mod totali u permanenti milli taħdem. Din il-kwistjoni kienet teħtieġ li tiġi ordnata miżura istruttorja, bħan-nomina ta’ esperti mediċi, liema ħaġa, fid-dawl tal-ispejjeż ta’ tali proċedura, mhijiex konformi ma amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja sakemm ma jiġix deċiż l-appell ippreżentat mis-sentenza interlokutorja.

 Fuq is-sentenza appellata

36      Inizjalment, fil-punti 60 sa 79 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina l-argument tal-ETF ibbażat fuq l-ineżistenza ta’ xi bażi legali li tobbliga l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

37      Qabel kollox, f’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 1991, Pérez-Mínguez Casariego vs Il-Kummissjoni, T‑1/90, Ġabra p. II‑143, punt 73; tat-18 ta’ Marzu 1997, Picciolo u Caló vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑178/95 u T‑179/95, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑155, punt 33; tal-20 ta’ Lulju 2001, Brumter vs Il-Kummissjoni, T‑351/99, ĠabraSP p. I‑A‑165 u II‑757, punt 28; tas-16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, ĠabraSP p. I‑A‑65 u II‑267, punt 37; tas-6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il-Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903, punt 105, u tat-3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑171/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑195 u II‑A‑2‑999, punt 36), l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitarju li ma tistax issir deroga minnu ħlief għal raġunijiet imperattivi, u li dan il-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 253 KE u msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, jifforma preċiżament parti mid-drittijiet u mill-obbligi tal-uffiċjali li jirreferi għalihom l-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

38      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrileva li, madankollu, permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1977, Schertzer vs Il-Parlament (25/68, Ġabra p. 1729, punti 38 sa 40), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju jintemm, fir-rigward tal-kuntratti għal żmien indeterminat, mat-tmiem tal-perijodu ta’ notifika previst fil-kuntratt, b’mod konformi mal-Artikolu 47(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Huwa ppreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’hekk ikkonkludiet li t-tmiem unilaterali tal-imsemmi kuntratt, prevista b’mod espliċitu minn din l-aħħar dispożizzjoni, li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtorità kompetenti u rikonoxxuta mill-membru tal-persunal, fil-mument stess tal-impjieg tiegħu, hija ġġustifikata fil-kuntratt ta’ impjieg u konsegwentement ma għandhiex bżonn tiġi mmotivata. Huwa enfasizza li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa fuq dan il-punt li s-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju hija essenzjalment distinta minn dik ta’ uffiċjal, b’mod li tiġi eskluża l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja r-referenza ġenerali tal-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg għall-Artikoli 11 sa 26 tar-Regolamenti tal-Persunal. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kompla jgħid li din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata minn ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1992, V. vs Il-Parlament, C‑18/91 P, Ġabra p. I‑3997, punt 39; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Jannar 1992, Speybrouck vs Il-Parlament, T‑45/90, Ġabra p. II‑33, punt 90; tas-17 ta’ Marzu 1994, Hoyer vs Il-Kummissjoni, T‑51/91, ĠabraSP p. I‑A‑103 u II‑341, punt 27; Smets vs Il-Kummissjoni, T‑52/91, ĠabraSP p. I‑A‑107 u II‑353, punt 24; tal-5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il-Kummissjoni, T‑70/00, ĠabraSP p. I‑A‑247 u II‑1231, punt 55; tas-7 ta’ Lulju 2004, Schmitt vs AER, T‑175/03, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑939, punti 57 u 58; tat-23 ta’ Frar 2006, Karatzoglou vs AER, T‑471/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑35 u II‑A‑2‑157, punti 43 u 44, u tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑2‑129 u II‑A‑2‑609).

39      Madankollu, fid-dawl tal-evoluzzjoni tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħaddiem kontra t-tkeċċija u l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal perijodu stabbilit suċċessivi, kif ukoll tal-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-ħtieġa ta’ motivazzjoni formali tal-atti li għandhom mnejn jikkawżaw preġudizzju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku madankollu kkunsidra li kellu jiġi eżaminat jekk it-tmiem unilaterali ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju setgħetx ma tkunx immotivata.

40      Fl-ewwel lok, filwaqt li josserva b’mod partikolari li l-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, implementat mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), jipprovdi li l-kuntratti għal żmien indefinit jikkostitwixxu “il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema”, huma kkaratterizzati mill-istabbiltà tal-impjieg, u li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg jikkostitwixxi element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 64; ara, wkoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 62), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li jekk min jimpjega jiġi permess li jtemm, mingħajr ma jagħti r-raġunijiet tat-terminazzjoni, relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, bl-unika limitazzjoni tal-osservanza ta’ perijodu ta’ notifika, ikun ifisser li tiġi injorata n-natura nfisha tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, sa fejn dawn jiggarantixxu ċerta sigurtà ta’ impjieg, u li titnaqqas id-distinzjoni bejn din il-kategorija ta’ kuntratti u dik tal-kuntratti għal perijodu stabbilit.

41      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet ukoll għall-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Nru 158 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, tat-22 ta’ Ġunju 1982, dwar it-twaqqif tar-relazzjoni ta’ xogħol fuq l-inizjattiva ta’ min jimpjega, li jiddisponi li “[ħ]addiem qatt ma għandu jiġi mkeċċi mingħajr ma jkun jeżisti motiv validu għal tkeċċija marbut mal-kapaċità jew mal-kondotta tal-ħaddiem jew ibbażata fuq in-neċessitajiet tal-funzjonament tal-impriża, tal-istabbiliment jew tas-servizz” [verżjoni mhux uffiċjali], kif ukoll l-Artikolu 24(a) tal-Karta Soċjali Ewropea tat-18 ta’ Ottubru 1961, kif riveduta, li tiżgura “d-dritt tal-ħaddiema li ma jiġux imkeċċija mingħajr motiv validu marbut mal-kapaċità jew mal-kondotta tagħhom, jew ibbażat fuq in-neċessitajiet tal-funzjonament tal-impriża, tal-istabbiliment jew tas-servizz”, u l-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2000, C 364, p. 1), li jiddisponi li “[i]l-ħaddiema kollha għandhom dritt għal protezzjoni kontra kull tkeċċija li mhijiex iġġustifikata, skont id-dritt Komunitarju u skont il-leġiżlazzjonijiet u prattiki nazzjonali”. It-tielet inċiż tal-Artikolu 41(2) ta’ din il-Karta jipprovdi wkoll, b’mod ġenerali, skont id-dritt għal amministrazzjoni tajba, “l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha” [verżjoni mhux uffiċjali].

42      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrileva li l-għan prinċipali tal-Karta msemmija huwa dak li tafferma mill-ġdid “id-drittijiet kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u mill-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mit-Trattati Komunitarji, [mil]l-[…] [KEDB] mill-Karti Soċjali adottati mill-Komunità u mill-Kunsill ta’ l-Ewropa kif ukoll [mil]l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem” [verżjoni mhux uffiċjali] (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 38).

43      Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li meta pproklamaw b’mod solenni l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kellhom neċessarjament l-intenzjoni li jirrikonoxxu li din għandha tifsira partikolari, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

44      Filwaqt li qies li l-ebda raġuni imperattiva ma tippermetti li l-membri tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jiġu esklużi minn protezzjoni kontra t-tkeċċija mhux ġustifikata, b’mod partikolari meta jkunu marbuta b’kuntratt għal żmien indeterminat jew, meta jkunu marbuta b’kuntratt għal żmien fiss, jiġu mkeċċija qabel l-iskadenza tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ikkonkluda li, sabiex tiġi ggarantita protezzjoni suffiċjenti f’dan is-sens, minn naħa, il-partijiet ikkonċernati għandhom jingħataw l-opportunità li jiżguraw li l-interessi leġittimi tagħhom ġew osservati jew miksura u li jevalwaw l-opportunità li l-kwistjoni titressaq quddiem il-qorti u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar għandha tiġi permessa teżerċità l-istħarriġ tagħha, li jammonta għar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-awtorità kompetenti.

45      Fl-aħħar nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku enfasizza li l-għarfien ta’ tali obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-awtorità kompetenti ma jeskludix li din tal-aħħar tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tat-tkeċċija u li, b’hekk, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest jew ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Frar 1999, Carrasco Benítez vs EMEA, T‑79/98, ĠabraSP p. I‑A‑29 u II‑127, punt 55; tat-12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, ĠabraSP p. I‑A‑277 u II‑1267, punt 53, u tas-6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑7/01, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑239, punti 50 u 51), u li l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jipprekludix l-kunsiderazzjonijiet preċedenti sa fejn dan l-artikolu jillimita ruħu, fil-kuntest tal-punt (ċ)(i) tiegħu, li jipprovdi l-iffissar ta’ perjodu ta’ notifika u li jirregola t-tul tiegħu, mingħajr ma jittratta l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tat-tkeċċija.

46      It-tieni nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina, fil-punti 77 sa 81 tas-sentenza appellata, jekk dan l-obbligu ta’ motivazzjoni kienx ġie osservat f’dan il-każ. Wara li rrileva li għalkemm, fil-preżenza ta’ miżura ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal impjegat taħt kuntratt għal żmien indeterminat, huwa partikolarment importanti li l-motivi li huma l-bażi ta’ tali miżura jkunu, bħala regola ġenerali, imsemmija b’mod ċar bil-miktub, preferibbilment fit-test innifsu tad-deċiżjoni kkonċernata, madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li l-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet tat-tkeċċija jista’ wkoll jitqies bħala osservat jekk il-parti kkonċernata tkun ġiet debitament informata, waqt intervisti mal-ġerarkija tagħha, dwar dawn ir-raġunijiet, u jekk id-deċiżjoni tal-AHCC seħħet ftit wara li saru dawn il-laqgħat, iżid ukoll li l-AHCC tista’ wkoll, jekk ikun xieraq, tikkompleta din il-motivazzjoni fl-istadju tat-tweġiba għall-ilment magħmul mill-parti kkonċernata.

47      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrileva li P. Landgren kienet ġiet informata, waqt l-intervisti li kellha mas-Sur R fil-15 u fil-25 ta’ Ġunju 2004, bir-raġunijiet għalfejn kien ġie previst li jintemm il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju minħabba inkompetenza professjonali, u li kienu ngħataw preċiżazzjonijiet addizzjonali b’mod utli mill-AHCC bħala tweġiba għall-ilment tagħha. Dan ippermetta li P. Landgren li tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, u għalhekk kellha l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b’tali mod li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kellu jiġi miċħud.

48      Fit-tielet lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina, fil-punti 82 sa 95 tas-sentenza appellata, il-fondatezza tal-motivi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

49      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata qabel kollox li, sabiex tiġġustifika t-tkeċċija, l-ETF kienet invokat biss l-insuffiċjenza professjonali “globali” ta’ P. Landgren, liema ħaġa ġiet ikkonfermata minn numru ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni negattivi jew kritiċi fir-rigward tal-prestazzjonijiet tagħha.

50      Wara, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrileva li, għalkemm insuffiċjenzi bħan-nuqqas ta’ attenzjoni, ta’ preċiżjoni u ta’ ħeffa fl-eżekuzzjoni tal-kompiti ġew spiss ikkritikati lil P. Landgren tul il-karriera tagħha, jirriżulta mid-diversi rapporti dwar iż-żmien ta’ prova jew ta’ evalwazzjoni li l-evalwazzjoni tal-merti tagħha, kuntrarjament għal dak li tallega l-ETF, kienet globalment sodisfaċenti, jew saħansitra tajba (għall-perijodu 1997 sa 2000 u għall-2003).

51      Barra minn hekk, dan enfasizza li kienu ġew ifformulati evalwazzjonijiet negattivi ħafna minn żewġ persuni inpartikolari, jiġifieri s-Sur H, assistent direttur, li P. Landgren kienet is-segretarja tiegħu minn Jannar 2002 sa Jannar 2003, u s-Sinjura S, kap ta’ dipartiment, li P. Landgren kienet is-segretarja tagħha wkoll mill-1 ta’ Frar 2003 sat-30 ta’ Ġunju 2004.

52      Madankollu, minn naħa waħda, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li, fir-rigward tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2002, mhux biss dan it-test qatt ma ġie konkluż, iżda l-evalwazzjoni tal-viċidirettur l-ieħor, is-Sur P, li P. Landgren ħadmet għalih ukoll matul l-istess perijodu, kien ħafna inqas iebes, peress li dan ikkunsidra bħala sodisfaċenti, u saħansitra tajba, l-eżekuzzjoni tal-inkarigi mill-parti kkonċernata, anki jekk irrikonoxxa li din wriet xi nuqqasijiet li huwa attribwixxa, parzjalment, għall-ammont ta’ xogħol eċċessiv.

53      Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li r-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2003, stabbilit fit-18 ta’ Marzu 2004 mis-Sinjura T, li P. Landgren ħadmet għaliha wkoll, u ffirmat mis-Sur R fil-31 ta’ Marzu 2004, jiġifieri madwar xahrejn qabel l-intervisti li fihom dan wera lil P. Landgren l-intenzjoni tiegħu li jtemm il-kuntratt tagħha, kien partikolarment favorevoli għal din tal-aħħar. B’mod partikolari, dan enfasizza li skont dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni, P. Landgren “[kienet] laħqet l-għanijiet prinċipali li ġew assenjati lilha għall-2003 […] [kienet] turi li hija kapaċi teżegwixxi l-kompiti tagħha b’mod effettiv u effikaċi b’osservanza tat-termini imposti […] [kienet] weriet kapaċità li tikkonċentra fuq xogħolha, minkejja li kellha tiżvolġi diversi attivitajiet fl-istess waqt […] [kienet] għamlet sforzi kunsiderevoli sabiex ittejjeb il-memorja tagħha […] [kienet] tejbet il-kompetenzi informatiċi tagħha […] [kienet] iżżomm relazzjonijiet tajba u amikevoli iżda madankollu rispettużi man-nies ta’ madwarha u mal-kollegi tagħha tax-xogħol”.

54      Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li mill-atti ma jirriżultax li l-prestazzjonijiet professjonali ta’ P. Landgren naqsu drastikament bejn id-data tal-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni tagħha mis-Sinjura T f’Marzu 2004, li kien ifaħħar it-twettiq tal-kompiti tagħha b’mod effettiv u fl-osservanza tat-termini, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija inqas minn tliet xhur wara.

55      Konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, u kellha tiġi annullata.

56      Fir-raba’ u l-aħħar nett, filwaqt li kkonstata li P. Landgren kienet iddikjarat li l-istat tas-saħħa tagħha kien mar ħafna għall-agħar, u li ma kinitx fiżikament adattata sabiex terġa’ tibda l-eżerċizzju ta’ attività fi ħdan l-ETF, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, sabiex jiżgura, fl-interess tar-rikorrenti, effett utli għas-sentenza ta’ annullament, kellu jsir użu mill-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li hija mogħtija lilu fil-kwistjonijiet ta’ natura pekunjarja, billi jistieden lill-ETF tfittex soluzzjoni ekwa ta’ natura tali li tipproteġi adegwatament id-drittijiet ta’ P. Landgren (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1993, Il-Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, Ġabra p. I‑3839, punt 13, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑483, punt 89).

57      B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet sabiex, qabel kollox, jipprovaw jilħqu ftehim li jistabbilixxi kumpens ekwu pekunjarju għat-tkeċċija illegali ta’ P. Landgren u sussegwentement, sabiex jinformawh bl-ammont hekk stabbilit, jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, sabiex jippreżentawlu l-kwantifikazzjoni tad-dannu tagħhom f’dan ir-rigward, fi żmien tliet xhur mill-għoti tas-sentenza appellata.

 Fuq l-appell

I –  Il-proċedura

58      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Diċembru 2006, l-ETF ippreżentat dan l-appell.

59      Fis-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni fil-kawża. Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ April 2007, il-President tal-Awla tal-Appell ammetta lill-Kummissjoni sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ETF.

60      P. Landgren ippreżentat ir-risposta tagħha fis-16 ta’ April 2007.

61      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ġunju 2007, l-ETF talbet sabiex tkun awtorizzata tippreżenta replika, għalkemm it-terminu għall-preżentata ta’ tali talba kien skada fl-10 ta’ Mejju 2007, billi invokat każ ta’ forza maġġuri. Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2007, il-President tal-Awla tal-Appell ċaħad din it-talba.

62      Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fis-6 ta’ Ġunju 2007. L-ETF u P. Landgren ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota, rispettivament, fid-19 ta’ Lulju u fit-28 ta’ Awwissu 2007.

63      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Awla tal-Appell) ikkonstatat li ebda talba għall-iffissar ta’ seduta ma kienet ġiet ippreżentata mill-partijiet fi żmien xahar mid-data tan-notifikata tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura.

II –  It-talbiet tal-partijiet

64      L-ETF titlob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata u, konsegwentement, tirrikonoxxi l-validità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija inkwistjoni fl-ewwel istanza, minn naħa, u n-nuqqas ta’ bażi legali għall-ħlas ta’ kumpens lil P. Landgren, min-naħa l-oħra;

–        tikkundanna lil P. Landgren għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

65      P. Landgren titlob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, tilqa’ t-talbiet li ressqet fl-ewwel istanza;

–        tikkundanna lill-ETF għall-ispejjeż.

66      Il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        konsegwentement, b’mod prinċipali, tiddikjara bħala inammissibbli r-rikors fl-ewwel istanza jew, għall-inqas, it-talbiet għal kumpens inklużi fih;

–        sussidjarjament, tilqa’ t-talbiet tal-ETF.

 Fid-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

A –  L-argumenti tal-partijiet

67      P. Landgren issostni li l-appell kollu huwa inammissibbli, peress li l-ETF qablet mas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il-Kummissjoni (C‑248/99 P, Ġabra p. I‑1, punt 31), fejn ġie deċiż li l-qbil ma’ sentenza jista’ jipprekludi l-ammissibbiltà tal-appell ippreżentat kontriha.

68      F’dan il-każ, tali qbil jirriżulta mill-ittra mibgħuta mir-rappreżentant tal-ETF fl-10 ta’ Novembru 2006, li tikkostitwixxi att ġuridiku unilaterali li jaċċetta s-sentenza appellata u li jirrinunzja għall-eżerċizzju tar-rimedji legali previsti kontra s-sentenza msemmija.

69      Fil-fatt, P. Landgren tqis li jekk l-ETF kellha l-intenzjoni li tippreżenta appell kontra s-sentenza appellata, hija kellha tastjeni milli tressaq proposta għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza qabel ma ppreżentat l-appell tagħha u talba għas-sospensjoni tal-proċedura pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq din il-bażi.

70      Issa, b’mod kuntrarju, l-ETF stednitha, mingħajr ma rriżervat id-dritt li tippreżenta appell eventwali, sabiex tagħmillha proposta bil-għan li jintlaħaq ftehim ta’ kumpens jew, fin-nuqqas ta’ dan, sabiex jiġu ppreżentati talbiet kwantifikati tad-dannu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Tali ftehim jew tali talbiet kienu ta’ natura li jtemmu l-kwistjoni b’mod definittiv, u li jeskludu kull rikors ulterjuri, peress li l-obbligu ta’ kumpens ma jirriżultax iktar mis-sentenza appellata, iżda mill-imsemmi ftehim jew mill-imsemmija talbiet.

71      B’hekk, fl-ittra tal-10 ta’ Novembru 2006, l-ETF indikat li kienet tispera li tilħaq qbil magħha. F’dan ir-rigward, P. Landgren tosserva li, jekk l-ETF kienet ikkunsidrat li tippreżenta appell, ftit kien jimporta li l-partijiet jaslu għal ftehim li kien inevitabbilment jitqiegħed indiskussjoni mill-appell imsemmi.

72      Dan huwa kkonfermat mill-indikazzjoni, mogħtija mill-ETF, li tgħid li kien mixtieq li P. Landgren tibgħatilha l-proposta tagħha l-iktar malajr possibbli, sabiex il-ħlas tal-kumpens ikun jista’ jiġi imputat għall-baġit tal-2006. B’hekk, skont P. Landgren, għandu jiġi dedott li l-ETF kellha effettivament l-intenzjoni li teżegwixxi b’mod definittiv is-sentenza appellata, peress li, fil-każ kuntrarju, ftit li xejn kien jimporta li l-imputazzjoni ssir għall-baġit għas-sena 2006 jew għas-sena 2007.

73      B’hekk, meta inizjalment, fl-ittra tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2006, irriżervat id-dritt li tippreżenta appell mis-sentenza appellata, meta marret lura, sussegwentement, fit-8 ta’ Diċembru 2006, għall-proposta ta’ kumpens tagħha li saret fl-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2006, u meta finalment, ippreżentat dan l-appell, l-ETF kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, u dan iktar u iktar meta l-proposta fformulata fl-10 ta’ Novembru 2006 kienet ġiet aċċettata.

74      Barra minn hekk, P. Landgren issostni li anki jekk jitqies li m’hemmx lok għalfejn jitqies li l-ittra tal-10 ta’ Novembru 2006 tikkostitwixxi qbil mas-sentenza appellata min-naħa tal-ETF, l-assigurazzjonijiet preċiżi, konsistenti u inkondizzjonali mogħtija mir-rappreżentant tal-ETF ħolqu fiha aspettattiva leġittima li din is-sentenza kienet ser tiġi eżegwita b’mod rapidu u definittiv. Meta inizjalment, fl-ittra tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2006, irriżervat id-dritt li tippreżenta appell mis-sentenza appellata, meta fit-8 ta’ Diċembru 2006 marret lura għall-proposta ta’ kumpens tagħha li saret fl-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2006, u wara, meta ppreżentat dan l-appell, l-ETF kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, tali bdil ta’ pożizzjoni huwa tali li “jixħet dubju” fuq l-interess personali u konkret tal-ETF għas-soluzzjoni tat-tilwima. Dan huwa kkonfermat mit-talba għal intervent tal-Kummissjoni, li minnha jirriżulta li fir-realtà, l-interess segwit jinsab fil-konsegwenzi tas-sentenza appellata fuq il-prattika, ibbażata fuq il-ġurisprudenza, li tgħid li t-tkeċċija tal-membri tal-persunal temporanju ma għandhiex tkun motivata.

75      L-ETF u l-Kummissjoni jqisu li dan l-argument huwa infondat.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

76      Indipendentement mill-eżami tal-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ qbil japplikax fil-kuntest tar-rikors għal annullament kontra deċiżjoni adottata minn istituzzjoni Komunitarja, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 233 KE jirriżulta li l-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att annullat hija marbuta li tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza.

77      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-ETF sabiex tfittex soluzzjoni ekwa li tkun tali li tipproteġi d-drittijiet ta’ P. Landgren b’mod adegwat. Għalhekk, abbażi tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjara li l-partijiet kellhom jittrażmettu, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tas-sentenza, jew l-ammont stabbilit bi qbil komuni tal-kumpens pekunjarju relatat mal-illegalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, jew, fin-nuqqas ta’ qbil, il-proposti kwantifikati tad-dannu fir-rigward ta’ dan l-ammont.

78      Fl-aħħar nett, b’mod konformi mal-Artikolu 244 KE, is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom jiġu eżegwiti taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 256 KE.

79      Isegwi li, b’kunsiderazzjoni tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, moqri fid-dawl tal-motivi tagħha, b’mod partikolari tal-punt 93 tagħha, l-ETF kienet obbligata li tikkomunika ma’ P. Landgren bil-għan li jinstab ftehim fuq il-kumpens pekunjarju li s-sentenza msemmija kienet iddikjarat favur din tal-aħħar. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Novembru 2006, P. Landgren tindika li “hija [l-ETF] li għandha [tgħamlilha] […] proposta ta’ kumpens li hija għandha tiddeċiedi fuqha, iktar u iktar meta hija ovvjament l-istituzzjoni konvenuta li għandha teżegwixxi s-sentenza ta’ annullament”.

80      Peress li, skont l-Artikolu 12 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandux effett sospensiv, is-sempliċi fatt li l-ETF ikkomunikat ma’ P. Landgren bil-għan li teżegwixxi s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jimplikax li hija rrinunzjat milli tippreżenta appell. F’kull każ, ir-rinunzja għall-eżerċizzju ta’ rimedju legali, peress li dan jinvolvi t-telf ta’ dritt, jista’ jinvolvi l-inammissibbiltà ta’ rikors biss fil-każ fejn ir-rinunzja tista’ tiġi kkonstatata b’mod ċar u inkundizzjonat.

81      Manifestament, dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża. Mhux biss l-ittra tal-10 ta’ Novembru 2006 bl-ebda mod ma ssemmi tali rinunzja, iżda l-ETF tindika espressament fl-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2006, mibgħuta b’reazzjoni għat-tweġiba ta’ P. Landgren tat-22 ta’ Novembru 2006, li hija “tirriżerva barra minn hekk id-dritt, indipendentement minn din il-proposta, li tippreżenta appell mis-sentenza tat-[Tribunal għas-Servizz Pubbliku] tas-26 ta’ Ottubru 2006”.

82      F’dan ir-rigward, huwa rrilevanti li l-ETF setgħet indikat li kienet tispera li ssib qbil ma’ P. Landgren, liema ħaġa turi sempliċement bona fide fir-rieda li s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tiġi eżegwita. Bl-istess mod, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-appell ma għandux effett sospensiv, ix-xewqa tal-ETF li tkun tista’ timputa l-kumpens ta’ P. Landgren għall-baġit tal-2006, mhux neċessarjament tfisser li l-ETF ma kellhiex l-intenzjoni li tippreżenta appell, u lanqas, a fortiori, li hija rrinunzjat b’mod formali milli tappella.

83      Għall-istess raġunijiet, P. Landgren ma tistax tilmenta li l-ETF kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, kull individwu għandu d-dritt jinvoka dan il-prinċipju meta jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi pprovdietu b’assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot f’dan ir-rigward aspettattivi fondati. Barra minn hekk, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom, minbarra dan, jikkonformaw mal-istandards applikabbli (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, AER vs Karatzoglou, C‑213/06 P, Ġabra p. I‑6733, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, anki jekk jitqies li kontra l-ETF, fil-kwalità tagħha bħala parti fil-kawża, setgħu jiġu invokati l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li japplika għall-azzjoni amministrattiva, biżżejjed li jiġi rilevat li minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li din ma tat l-ebda assigurazzjoni preċiża lil P. Landgren fir-rigward ta’ eventwali regolament definittiv tal-kwistjoni.

84      Għaldaqstant, din it-talba għal inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

II –  Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti kapi tat-talbiet

A –  L-argumenti tal-partijiet

85      P. Landgren issostni li t-talbiet tal-ETF intiżi sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrikonoxxi l-legalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u n-nuqqas ta’ bażi legali tal-obbligu ta’ kumpens impost mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huma inammissibbli. Dawn it-talbiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 139 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li ma jikkorrispondux ma’ dawk ippreżentati mill-ETF quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Dawn lanqas ma jistgħu jiġu interpretati bħala intiżi sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tilqa’ t-talbiet imressqa mill-ETF fl-ewwel istanza. Fil-fatt, l-ETF ippreżentat tali talbiet bħala riżultanti biss mill-annullament tas-sentenza appellata, u mhux mill-evokazzjoni tal-kwistjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

86      P. Landgren iżżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti sabiex “tiddeċiedi”. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, hija tiddeduċi li l-appell għandu jitqies bħala intiż biss għall-annullament tas-sentenza appellata, u mhux għat-tqegħid indiskussjoni tas-sitwazzjoni ta’ P. Landgren. B’hekk, in-natura personali u konkreta tal-interess ġuridiku tal-ETF jidher dubjuż, u l-appell għandu jiġi miċħud b’mod sħiħ.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

87      Hekk kif tosserva P. Landgren, l-istess bħall-qorti tal-ewwel istanza, il-Qorti tal-appell ma għandhiex il-kompetenza li tipproċedi għal dikjarazzjonijiet ġenerali li jmorru lil hinn mill-kuntest strett tal-kwistjoni. B’hekk, it-talbiet tal-ETF intiżi sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrikonoxxi l-legalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u n-nuqqas ta’ bażi legali tal-obbligu ta’ kumpens impost mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom għalhekk jiġu ddikjarati inammissibbli, liema ħaġa wara kollox l-ETF ma tikkontestax.

88      Anki jekk jitqies li permezz ta’ dawn it-talbiet, l-ETF esprimiet ix-xewqa tagħha li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, f’kull każ, l-Artikolu 13 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddisponi li, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tħassar id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddeċiedi l-kawża hija stess, iżda jekk il-kawża tkun f’punt fejn għadha ma tistax tiġi deċiża, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tibgħat l-atti lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk l-ETF talbitx sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza stess tiddeċiedi fuq il-kawża hija rrilevanti.

III –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza

A –  L-argumenti tal-partijiet

89      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat minn P. Landgren kellu jiġi ddikjarat inammissibbli mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

90      Fil-fatt, hija tqis li peress li l-kuntratt ta’ impjieg konkluż bejn P. Landgren u l-ETF kien jipprovdi li l-istituzzjoni jew il-membru tal-persunal setgħu jtemmu l-kuntratt skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 sa 50 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda mill-ETF abbażi tal-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan b’mod konformi ma’ dak li hemm stabbilit fil-kuntratt, kien tardiv.

91      Il-Kummissjoni tenfasizza li, fis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Fernández Gómez (C‑417/05 P, Ġabra p. I‑8481), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza mogħtija fl-ewwel istanza, u ddikjarat inammissibbli r-rikors ippreżentat mill-membru tal-persunal temporanju inkwistjoni kontra r-rifjut tal-Kummissjoni li ġġedded il-kuntratt tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrilevat li l-kuntratt ta’ impjieg kien jipprovdi li dan ma setax jiġi mġedded. Wara li fakkret li kien biss il-kuntratt ta’ impjieg li kien is-sors ta’ effetti legali għall-persuni msemmija fl-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-membru tal-persunal temporanju ma kienx ikkontesta l-kuntratt ta’ impjieg fit-termini ta’ żmien legali, u b’hekk ma setax jikkontesta deċiżjoni meħuda b’mod konformi mal-istipulazzjonijiet espressi ta’ dan il-kuntratt. Raġunament simili għandu jiġi segwit f’dan il-każ.

92      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tammetti li, b’mod konformi mal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ma’ ġurisprudenza stabbilita, peress li l-ETF ma eċċepietx l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, la quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u lanqas fl-istadju tal-appell, mhuwiex ammissibbli li din, bħala parti intervenjenti, tressaq talbiet f’dan is-sens.

93      Madankollu, fir-rigward ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien marbut li jinvokaha ex officio (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 28 u 29, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T‑193/02, Ġabra p. II‑209, punti 36 u 37).

94      F’dan ir-rigward, huwa rrilevanti li l-invokazzjoni ex officio ta’ din l-inammissibbiltà sseħħ fl-istadju tal-appell. Minn naħa, li kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tikkonstata hija stess din l-inammissibbiltà, din ikollha tieħu deċiżjoni dwar kawża li fir-realtà tkun inammissibbli. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza hija kwistjoni ta’ dritt, li b’hekk għandha tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istadju tal-appell.

95      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, l-ETF tingħaqad mal-argument ta’ din tal-aħħar u tqis li r-rikors fl-ewwel istanza kien inammissibbli minħabba tardività. Hija żżid li huwa ammissibbli li l-Kummissjoni tinvoka dan il-motiv ta’ ordni pubbliku fl-istadju tal-appell, u dan anki jekk l-ETF ma invokatx l-inammissibbiltà tar-rikors.

96      P. Landgren issostni li l-aggravju tal-Kummissjoni bbażat fuq l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza huwa inammissibbli, peress li dan ma ġiex invokat mill-appellanti, u peress li dan lanqas ma ġie invokat fl-ewwel istanza.

97      Sussidjarjament, P. Landgren issostni li l-aggravju bbażat fuq l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza huwa infondat.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

98      Il-Kummissjoni tippretendi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jinvoka ex officio l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma pproduċietx effetti legali awtonomi fir-rigward tal-kuntratt ta’ impjieg, li kien jipprovdi li l-impjieg seta’ jintemm skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Issa, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija pproċediet preċiżament għat-terminazzjoni tal-kuntratt taħt l-imsemmija kundizzjonijiet. B’hekk, ir-rikors fl-ewwel istanza kien ġie ppreżentat tardivament.

99      F’kull każ, mingħajr lanqas m’hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, li ma ġiex imqajjem mill-ETF, u li ma ġiex diskuss fl-ewwel istanza, għandu jiġi kkonstatat li dan għandu jiġi miċħud bħala infondat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punt 52).

100    Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi tal-każ huma differenti b’mod sinjifikattiv minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Fernández Gómez, punt 91 iktar ’il fuq.

101    F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tweġiba negattiva tal-Awtorità tal-Ħatra mogħtija għal talba ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal tul ta’ żmien fiss, ma kinitx tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, peress li l-istipulazzjonijiet tal-imsemmi kuntratt, kif spjegati fl-ittra ta’ akkumpanjament mibgħuta lir-rikorrenti, kienu diġà jipprovdu li l-kuntratt ma setax jiġġedded. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-tweġiba tal-Awtorità tal-Ħatra, fir-rigward tal-imsemmija stipulazzjonijiet, ma kien fiha l-ebda element ġdid f’dak li jirrigwarda d-data li fiha kien jintemm il-kuntratt u l-kwistjoni tat-tiġdid tal-kuntratt, u ma setax ikollha l-effett li tibda terminu ta’ żmien ġdid għar-rikors.

102    Issa, f’dan il-każ, P. Landgren kienet impjegata fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal tul ta’ żmien indefinit, li kien jipprovdi li seta’ jiġi tterminat mill-istituzzjoni jew mill-membru tal-persunal fil-każijiet previsti fl-Artikoli 47 sa 50 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għalhekk, fin-nuqqas tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, il-kuntratt ta’ impjieg ma kienx jintemm, b’tali mod li P. Landgren kellha tibqa’ f’relazzjoni ta’ impjieg mal-ETF. B’hekk, ma jistax jingħad b’mod raġonevoli li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ P. Landgren ma tikkawżalhiex preġudizzju, peress li kienet din id-deċiżjoni li bidlet is-sitwazzjoni legali tagħha, u dan b’mod ikkaratterizzat, billi ntemm il-kuntratt tagħha.

IV –  Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni

103    Permezz ta’ dan l-aggravju, l-ETF tilmenta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien japplika għad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju impjegat għal tul ta’ żmien indefinit, mogħtija b’mod konformi mal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

A –  Fuq in-natura operanti tal-ewwel aggravju

1.     L-argumenti tal-partijiet

104    P. Landgren issostni li l-aggravju bbażat fuq il-ksur, mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa ineffettiv, sa fejn dan huwa dirett kontra motivi superfluwi tas-sentenza appellata.

105    In-natura superfluwa tal-motivi relattivi għall-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ tkeċċija tal-membri tal-persunal temporanju impjegati għal tul ta’ żmien indefinit tirriżulta mill-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minn naħa, ċaħad il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fformulat fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, annulla d-deċiżjoni ta’ tkeċċija billi kkonstata li din kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-obbligu ta’ motivazzjoni “ma għandhomx x’jaqsmu mad-dispożittiv tas-sentenza appellata”.

106    L-ETF u l-Kummissjoni jikkontestaw din l-evalwazzjoni, u jikkunsidraw li r-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija kellu effett fuq l-eżami tal-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

107    Essenzjalment, l-ETF u l-Kummissjoni jaffermaw li fin-nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku la seta’, u lanqas kellu jeżamina l-legalità interna ta’ din id-deċiżjoni.

108    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validita tal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni (ara s-sentenza Michel vs Il-Parlament, punt 37 iktar ’il fuq, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Fil-fatt, deċiżjoni li hija nieqsa minn kull motivazzjoni, kemm fir-rigward tal-istrument innifsu kif ukoll tal-elementi tat-test u tal-kuntest li kienu parti minnha, fil-fatt ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ tal-legalità interna min-naħa tal-qorti, u dan indipendentement mill-firxa ta’ dan l-istħarriġ. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ obbligu, għall-awtur ta’ deċiżjoni, li jsemmi r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha, il-kapaċità tal-qorti li tissodisfa l-missjoni, meta tingħata lilha, li tikkonsisti fl-istħarriġ tal-legalità interna tal-atti li jitressqu quddiemha, kif ukoll fil-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija lill-individwu tkun kompromessa u għalhekk u tkun fid-diskrezzjoni tal-awtur ta’ din id-deċiżjoni. B’hekk, il-fatt li jkun meħtieġ li l-istituzzjoni tippreżenta l-motivi tad-deċiżjonijiet tagħha ma jistax jiġi distint mill-eżistenza, favur il-qorti, ta’ setgħa ta’ stħarriġ tal-mertu ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li f’komunità ta’ dritt, għandha tiġi żgurata f’kundizzjonijiet ekwivalenti għal kull persuna li teżerċità d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja.

110    Għaldaqstant, li kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonkludi, hekk kif jallegaw l-ETF u l-Kummissjoni, li hemm nuqqas totali tal-obbligu għall-AHCC li timmotiva d-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju għal tul ta’ żmien indefinit, fis-sens li huma biss il-kundizzjonijiet ta’ perijodu ta’ notifika tat-terminazzjoni previsti fl-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jorbtu lill-AHCC f’dan il-każ, peress li mhuwiex ikkontestat li l-imsemmija kundizzjonijiet ġew osservati, dan il-fatt jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-firxa tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-qorti fir-rigward tal-imsemmija deċiżjonijiet, u għalhekk fuq il-legalità tal-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni magħmul f’dan il-każ mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li wassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

111    Isegwi li dan l-aggravju ma jistax jiġi miċħud mill-ewwel bħala rrilevanti. B’hekk, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu.

B –  Fuq il-fondatezza tal-ewwel aggravju

112    Dan l-aggravju jinqasam fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif interpretat mill-ġurisprudenza, it-tieni nett, fuq ir-riferenza żbaljata għal ftehim u konvenzjonijiet li ma japplikawx għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom, u t-tielet nett, fuq il-kontradizzjoni bejn il-ħtieġa formali ta’ motivazzjoni, u l-affermazzjoni tal-legalità tal-għarfien tal-motivi tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija permezz ta’ metodi oħra.

1.     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif interpretat mill-ġurisprudenza

a)     L-argumenti tal-partijiet

113    L-ETF tfakkar li, skont l-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-impjieg tal-membru tal-persunal temporanju jintemm, fil-każ ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, fl-aħħar tal-perijodu tan-notifika stipulat fil-kuntratt, liema perijodu ma jistax ikun inqas minn xahar għal kull sena kompluta ta’ servizz, suġġett għal minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ għaxar xhur.

114    Konsegwentement, l-uniku obbligu tal-persuna li tħaddem fil-każ ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat huwa dak li tosserva l-perijodu tan-notifika stipulata fil-kuntratt, bil-kundizzjoni li dan il-perijodu tan-notifika jkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

115    F’dan ir-rigward, l-ETF tinvoka s-sentenzi Schertzer vs Il‑Parlament u Speybrouck vs Il‑Parlament, punt 38 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li m’hemmx għalfejn li d-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju jkunu motivati. Fil-fatt, diversament mill-uffiċjali li l-istabbilità tal-impjieg tagħhom hija ggarantita mir-Regolamenti tal-Persunal, il-membri tal-persunal temporanju jifformaw parti minn sistema speċifika li abbażi tagħha huwa mfassal il-kuntratt ta’ impjieg konkluż mal-istituzzjoni kkonċernata. Meta dan il-kuntratt ikun jipprovdi b’mod espliċitu t-tmiem unilaterali tiegħu mingħajr ma jimponi, permezz ta’ referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-obbligu li din it-terminazzjoni tiġi motivata, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif prevista, f’termini ġenerali, mill-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, hija eskluża.

116    Issa, il-kuntratt ta’ impjieg ta’ P. Landgren jistipula biss li “dan il-kuntratt jista’ jiġi tterminat mill-istituzzjoni jew mill-membru tal-persunal għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 sa 50 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dawn l-Artikoli”. Peress li l-Artikoli 47 sa 50 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma fihom l-ebda referenza għall-Artikolu 11 tal-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg u lanqas, a fortiori, għall-applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma kienx meħtieġ li f’dan il-każ, l-ETF timmotiva t-terminazzjoni tal-imsemmi kuntratt. F’dan ir-rigward, l-ETF tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1994, Hoyer vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, u s-sentenza Smets vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, li jipprovdu li m’hemmx bżonn li t-terminazzjoni unilaterali, prevista b’mod espliċitu mill-kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju, tiġi mmotivata, indipendentement mill-parti li titlob dan. Hija tosserva li, skont dawn is-sentenzi, dan in-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ motivazzjoni hija ġġustifikata mis-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jagħti lill-awtorità kompetenti fir-rigward tat-terminazzjoni ta’ tali kuntratt. Fuq dan il-punt, is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju hija differenti minn dik ta’ uffiċjal protett taħt ir-Regolamenti tal-Persuanl, b’tali mod li teskludi l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju minkejja rinviju ġenerali mill-Artikolu 11 tas-sistema msemmija għall-Artikoli 11 sa 26 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali.

117    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq (punt 72), irrilevat li l-membru tal-persunal temporanju, li l-impjieg tiegħu huwa bbażat fuq kuntratt li jista’ jiġi tterminat b’mod unilaterali u mingħajr motiv, fl-osservanza tad-dritt applikabbli, jiddistingwi ruħu b’mod essenzjali, minn dan l-aspett, mill-uffiċjal. Skont din l-istess sentenza, il-membru tal-persunal temporanju ma jibbenifikax mill-istabbilità tal-impjieg żgurata lill-uffiċjali, peress li l-funzjonijiet tiegħu huma, bħala definizzjoni, intiżi sabiex jiġu eżerċitati għal perijodu limitat biss.

118    Minn dan, l-ETF tikkonkludi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien żbaljat meta fil-punt 62 tas-sentenza appellata, irrefera għall-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, peress li s-sistema legali li huwa suġġett għaliha l-membru tal-persunal temporanju hija dik tal-kuntratt li għandu saħħa ta’ liġi bejn il-partijiet, u li d-dispożizzjoni tiegħu, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-possibbiltà ta’ terminazzjoni unilaterali, min-naħa tal-istituzzjoni jew tal-membru tal-persunal, tirreferi biss għall-Artikoli 47 sa 50 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

119    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-kuntratt ta’ P. Landgren ġie tterminat fl-osservanza tal-perijodu tan-notifika stipulat fil-kuntratt, u tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u li ma kienx hemm lok għalfejn tkun meħtieġa motivazzjoni partikolari f’dan ir-rigward.

120    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjara li l-ETF kienet suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, dan ħa deċiżjoni ultra petita jew, għall-inqas, ultra vires.

121    Hija ssostni li fl-ewwel istanza, P. Landgren ma kinitx talbet li l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu ta’ motivazzjoni fuq l-amministrazzjoni li tixtieq tittermina kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, iżda osservat li, minkejja dan in-nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni, id-deċiżjoni xorta kellha tkun ibbażata fuq motivi validi ta’ fatt u ta’ dritt.

122    Meta ddeċieda fuq l-eżistenza ta’ tali obbligu ta’ motivazzjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien biddel is-suġġett tal-kawża billi wieġeb għal argument imqajjem mill-ETF (punt 60 tas-sentenza appellata), iżda li ma kienx invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza. Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-armi meta pprekluda lill-ETF milli tiddeċiedi b’mod utli dwar dan.

123    Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument huwa ammissibbli, peress li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux li intervenjent iressaq argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li intervjena insostenn tagħha, għaliex inkella, l-intervent tiegħu jkun limitat għar-repetizzjoni tal-argumenti mressqa minn rikorrent. L-argument tal-Kummissjoni huwa insostenn tat-talba tal-ETF li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata minħabba li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku injora l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni. B’hekk, peress li dan l-argument la biddel u lanqas varja l-kuntest tal-kawża kif stabbilit mir-rikors, dan l-argument għandu għalhekk jitqies bħala ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, C‑245/92 P, Ġabra p. I‑4643, punti 32 u 33).

124    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żbalji ta’ liġi meta sostna li t-terminazzjoni unilaterali ta’ kuntratt għal żmien indeterminat hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni.

125    Qabel kollox, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza baqgħet l-istess wara l-allegati evoluzzjonijiet tad-dritt imsemmija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 65 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonferma n-nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni fis-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq.

126    Sussegwentement, ir-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu lex specialis, b’mod konformi mal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il-Kunsill, T‑371/03, ĠabraSP p. I‑A‑209 u II‑957, punti 122 u 123), b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jidderogaw mir-regoli ta’ natura ġenerali. Barra minn hekk, in-natura speċifika tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, Aubineau vs Il-Kummissjoni, T‑102/95, ĠabraSP p. I‑A‑357 u II‑1053, punti 45 u 46).

127    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-kunsiderazzjonijiet li jgħidu li t-tkeċċija hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni jmorru kontra l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif interpretati b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Speybrouck vs Il-Parlament, punt 38 iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iddeċidiet li l-obbligu ta’ motivazzjoni jeżisti biss fil-każ ta’ terminazzjoni għal raġunijiet dixxiplinari, stabbiliti fl-Artikolu 49 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

128    Il-kontroparti għal dan in-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ motivazzjoni hija l-obbligu li jiġi osservat il-perijodu tan-notifika u li jitħallas il-kumpens ta’ perijodu tan-notifika. B’hekk, fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jissuġġetta lill-istituzzjoni għal obbligu doppju, jiġifieri li timmotiva t-tkeċċija u li tħallas il-kumpens tal-perijodu tan-notifika, liema ħaġa b’hekk twassal sabiex din tiġi suġġetta għal rekwiżiti ogħla minn dawk applikabbli fil-każ ta’ terminazzjoni għal raġunijiet dixxiplinari.

129    Fl-aħħar nett, peress li r-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jidhirx li huwa trasponibbli għall-każ fejn il-membru tal-persunal temporanju jipproċedi għat-terminazzjoni unilaterali tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, is-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-partijiet li jirriżulta mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg u mill-ġurisprudenza, li tipprovdi li d-dritt li ssir terminazzjoni unilaterali jappartjeni liż-żewġ partijiet għall-kuntratt (sentenza Schertzer vs Il-Parlament, punt 38 iktar ’il fuq, punt 47).

130    P. Landgren tosserva li l-ETF tirrepeti kważi testwalment, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-argumenti li kienet diġà żviluppat fil-kontroreplika ppreżentata fl-ewwel istanza. Tali argument huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

131    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ħa deċiżjoni ultra petita jew, tal-inqas, ultra vires, P. Landgren issostni li dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li dan huwa aggravju li l-ETF ma kienet invokat la fl-ewwel istanza, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talabha sabiex tesprimi ruħha fuq il-kwistjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u lanqas fl-appell. Għalhekk, dan huwa aggravju ġdid li jvarja jew ibiddel is-suġġett tal-kawża, u li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, b’mod konformi mal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni, T‑114/02, Ġabra p. II‑1279). F’kull każ, dan l-argument huwa manifestament infondat.

132    Bl-istess mod, P. Landgren tikkunsidra li l-argumenti tal-ETF u tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija tal-membri tal-persunal temporanju impjegati għal żmien indeterminat huma infondati.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ħa deċiżjoni ultra petita jew, għall-inqas, ultra vires

133    Peress li jirreferi b’mod awtonomu għall-annullament tas-sentenza appellata, dan l-ilment għandu jiġi kkwalifikat bħala aggravju. Barra minn hekk, hekk kif tosserva P. Landgren, dan l-aggravju bl-ebda mod ma ġie invokat mill-ETF fil-kuntest tal-appell tagħha, u ma jistax ikun marbut ma’ dak ibbażat fuq il-ksur tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

134    Fil-fatt, fil-mument meta esponiet l-argumenti tagħha, l-ETF bl-ebda mod ma allegat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien mar lil hinn jew il-petitum ifformulat minn P. Landgren, jew il-limiti tal-kuntest tal-kawża kif stabbilit mill-motivi tagħha. L-ETF illimitat ruħha sabiex tikkontesta mhux il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ħa deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, iżda l-portata mogħtija lil dan l-obbligu mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

135    Għaldaqstant, dan l-aggravju jikkostitwixxu aggravju ġdid. B’hekk, b’applikazzjoni tas-soluzzjoni użata fis-sentenza BaByliss vs Il-Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq (punt 417), dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, skont din is-sentenza, għalkemm it-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux lil parti intervenjenti milli tippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li tidher insostenn tagħha, mingħajr ma l-intervent tagħha jkun limitat għar-repetizzjoni tal-argumenti mressqa fir-rikors, ma jistax jiġi ammess li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettulha li tibdel jew li tvarja l-kuntest tal-kawża kif stabbilit mir-rikors billi jiġu invokati aggravji ġodda.

136    F’kull każ, dan l-aggravju huwa wkoll infondat. Fil-fatt, mill-ewwel u mir-raba’ motivi invokati fir-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta li P. Landgren ilmentat li l-ETF ma pprovatx li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kienet ibbażata fuq motiv validu fid-dritt, minn naħa, u li ma mmotivatx id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, fil-każ li din kienet ibbażata fuq inkompetenza professjonali globali, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, l-ETF kienet iddedikat taqsima sħiħa mill-kontroreplika għall-kwistjoni tan-nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, u kkonkludiet li l-iżviluppi dedikati għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni msemmija kemm fir-risposta kif ukoll fil-kontroreplika, kienu msemmija b’mod sussidjarju.

137    Isegwi li l-kwistjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni ġiet ikkunsidrata mill-partijiet fl-ewwel istanza. B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma eċċediex il-limiti tal-kompetenza tiegħu meta wieġeb għall-argument tal-konvenuta fl-ewwel istanza bbażat fuq in-nuqqas ta’ tali obbligu, u dan iktar u iktar meta l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi aggravju ta’ ordni pubbliku, li għandu jiġi eżaminat mill-qorti ex officio (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, Ġabra p. I‑983, punt 24).

138    Fl-aħħar, mill-proċess jirriżulta li, hekk kif osservat P. Landgren, ir-rapport preparatorju għas-seduta kien jistieden espressament lill-ETF sabiex tippreċiża “kif ikun konvenjenti li jiġu rrikonċiljati, minn naħa, in-nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, allegat mil[l-ETF] fil-kontroreplika u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq id-deċiżjoni ta’ terminazzjoni ta’ tali kuntratt”. Għaldaqstant, l-argument li jgħid li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser il-prinċipju tal-kontradittorju, minbarra li fir-realtà dan għandu jiġi evalwat bħala aggravju inammissibbli peress li ma ġiex invokat mill-appellanti, huwa għalhekk manifestament infondat.

 Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju fir-rigward tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg

–       Fuq l-ammissibbiltà

139    P. Landgren tikkunsidra li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba li l-ETF tillimita ruħha sabiex tirrepeti argument li diġà tressaq fl-ewwel istanza.

140    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 225 KE, mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Ma jirriflettix din il-ħtieġa appell li, mingħajr ma jkollu argument speċifikatament intiż sabiex jiġi identifikat l-iżball ta’ liġi li hija vvizzjata bih is-sentenza appellata, jillimita ruħu sabiex jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, fir-realtà, tali appell jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, liema ħaġa ma tidħolx fil-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 34 u 35).

141    Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula min-naħa tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-punti ta’ liġi evalwati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid waqt l-appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il-Parlament, C‑488/01 P, Ġabra p. I‑13355, punt 39).

142    Issa, f’dan il-każ, m’hemmx dubju li l-ETF tilmenta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku interpreta b’mod żbaljat ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg meta ddeċieda li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, li kienet ikkontestata fl-ewwel istanza, kienet suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni. B’hekk, it-talba ta’ inammissibbiltà mressqa minn P. Landgren għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-mertu

143    Hekk kif ġie espost fil-punti 98 sa 102 iktar ’il fuq, deċiżjoni ta’ tkeċċija tikkostitwixxi, għall-membru tal-persunal temporanju li huwa s-suġġett tagħha, deċiżjoni li tvarja b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali tiegħu, u li, għalhekk, tikkawżalu preġudizzju.

144    B’mod konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull deċiżjoni li taffettwa ħażin uffiċjal għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

145    Fir-rigward tas-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju, għandu jiġi rilevat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi li “Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 11 sa 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ l-uffiċjali, għandhom japplikaw b'analoġija.”. Madankollu, l-istess dispożizzjoni tippreċiża li “għall-membru tal-persunal li għandu kuntratt għal żmien indeterminat, it-tul tal-leave fuq raġunijiet personali previst fit-tieni subparagrafu tal-Artiolu 15, għandu jkun limitat għall-bqija taż-żmien tal-kuntratt”.

146    B’hekk, l-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li l-Artikoli 11 sa 26 tar-Regolamenti tal-Persunal japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju. Eċċezzjoni espressa waħda biss hija stabbilita għal dan il-prinċipju, fir-rigward tat-tul tal-vakanzi għal raġunijiet personali previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-każ fejn il-membru tal-persunal temporanju jkollu kuntratt għal perijodu stabbilit.

147    Għalhekk, wara l-qari tad-dispożizzjonijiet rilevanti, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax għat-terminazzjoni ta’ kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat.

148    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni, li huwa sempliċi repetizzjoni tal-obbligu ġenerali stabbilit mill-Artikolu 253 KE, huwa prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitarju li ma tistax issir deroga minnu ħlief minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi (ara s-sentenza Huygens vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 105, u l-ġurisprudenza ċċitata), hekk kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku enfasizza ġustament fil-punt 61 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 108 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni (sentenza Michel vs Il-Parlament, punt 37 iktar ’il fuq, punt 22). B’hekk, dan l-obbligu jikkontribixxi sabiex jiġi żgurat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u li ġiet ikkonfermata fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-importanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jingħataw fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol ġiet enfasizzata wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja, li rrilevat li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jkun jista’ jikkonċerna l-legalità tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, timplika, b’mod ġenerali, li l-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża tista’ teżiġi mill-awtorità kompetenti l-komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi. Speċjalment fir-rigward li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta’ dritt fundamentali mogħti mit-Trattat lil ħaddiema fil-Komunità, hemm bżonn ukoll li dawn ikunu jistgħu jiddefendu dan id-dritt fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, u li tiġi rrikonoxxuta lilhom il-possibiltà li jiddeċiedu, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex utli għalihom li jressqu każ quddiem il-qorti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 15).

149    Għalhekk, eċċezzjoni daqstant wiesgħa għall-prinċipju ġenerali u essenzjali tal-obbligu, għall-amministrazzjoni, li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, b’mod partikolari dawk li jikkawżaw preġudizzju, tista’ tirriżulta biss mir-rieda espressa u mhux ekwivoka tal-leġiżlatur Komunitarju, li mkien ma hija espressa f’dan is-sens fid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

150    Issa, għandu jiġi kkonstatat li lanqas l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni mhumiex suġġetti għall-obbligu ta’ motivazzjoni. Peress li l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi prinċipju essenzjali li jikkonċerna d-drittijiet tal-uffiċjal u, skont l-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tal-membru tal-persunal temporanju, ma jistax jiġi aċċettat li s-sempliċi fatt li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jipprovdux, fl-Artikolu 47 tagħhom, li d-deċiżjonijiet meħuda b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jiġu motivati, għandu l-effett li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod ġenerali, ħlief fil-każ ta’ deroga. Għaldaqstant, in-natura speċifika tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u n-natura ta’ lex specialis tar-Regolamenti tal-Persunal, allegati mill-Kummissjoni, huma rrilevanti, peress li l-ebda wieħed minn dawn l-istrumenti ma jidderogaw espressament mill-Artikolu 253 KE f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat.

151    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, hekk kif josservaw l-ETF u l-Kummissjoni, ir-rabta ta’ impjieg bejn l-istituzzjoni u l-membru tal-persunal temporanju hija derivanti mill-kuntratt ta’ impjieg, dan xorta ma jistax jinjora l-kundizzjonijiet legali imperattivi stabbiliti mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jirreferu għar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-kuntratt ta’ impjieg jipprovdi l-possibbiltà li jiġi tterminat b’mod unilaterali, bla ħsara għall-osservanza tal-perijodu ta’ notifika, ma jistax jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-AHCC sabiex tidderoga mill-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u mill-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal. Minbarra dan, għandu jiġi osservat li n-natura unilaterali ta’ din it-terminazzjoni kif prevista hija distinta mill-kwistjoni dwar l-obbligu li tingħata motivazzjoni għaliha, peress li dan jinvolvi biss in-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ reċiproċità tar-rieda ta’ terminazzjoni.

152    Barra minn hekk, huwa wkoll minnu li l-Artikolu 49 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, dwar it-terminazzjoni mingħajr perijodu tan-notifika għal raġunijiet dixxiplinari, fil-każ ta’ nuqqas gravi mill-membru tal-persunal temporanju li jwettaq l-obbligi tiegħu, jiddisponi li “deċiżjoni raġunata għandha tittieħed mill-awtorità imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, wara li l-ħaddiem ikkonċernat ingħata opportunità li jippreżenta d-difiża tiegħu”.

153    Madankollu, b’mod kuntrarju, mill-fatt li l-Artikolu 49 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg irrepeta espressament ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ tat-terminazzjonijiet dixxiplinari, ma jistax jiġi dedott li l-imsemmija rekwiżiti mhumiex applikabbli għat-terminazzjonijiet li ma jinsabux fil-kuntest dixxiplinari. Tali raġunament ikun jista’ jwassal għall-konklużjoni li jkun hemm biss il-ħtieġa ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni fil-każ fejn dan l-obbligu jkun speċifikament previst mid-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni msemmija, liema interpretazzjoni ma hija sostnuta la mill-iskop stess tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas mill-ġurisprudenza. Barra minn hekk, abbażi tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, peress li l-Artikoli 47 u 49 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jifformaw parti minn regoli li għandhom valur legali inqas minn dak tat-Trattat, sa fejn huwa possibbli, dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl tiegħu, u b’mod partikolari, f’dan il-każ, b’osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE.

154    Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-AHCC fil-każ ta’ terminazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jistax jiġi ammess, għaliex dan iwassal sabiex jiġi impost obbligu doppju fuq l-AHCC, jiġifieri obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ ħlas ta’ kumpens ta’ perijodu tan-notifika, u b’hekk sabiex jissuġġettaha għal rekwiżiti ikbar minn dawk applikabbli fil-każ ta’ terminazzjoni għal raġuni dixxiplinari, għandha tiġi miċħuda.

155    Fil-fatt, minn naħa, il-ħlas ta’ kumpens lill-membru tal-persunal temporanju matul it-terminu ta’ perijodu tan-notifika ma jikkostitwixxix, fih innifsu, kumpens ta’ perijodu tan-notifika, peress li l-membru tal-persunal jaqdi l-funzjonijiet tiegħu matul dan il-perijodu, liema ħaġa tiġġustifika li jirċievi l-korrispettiv finanzjarju. Min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, huwa minħabba l-fatt li mhuwiex allegat li l-membru tal-persunal wettaq xi nuqqasijiet gravi tal-obbligi tiegħu li dan jibbenifika minn terminu suffiċjenti bil-għan li jorganizza l-ġejjieni tiegħu, kuntrarjament għall-membru tal-persunal imkeċċi għal raġunijiet dixxiplinari, li rrenda ruħu responsabbli ta’ nuqqasijiet tali li ż-żamma tiegħu fil-funzjonijiet tmur kontra l-interess tas-servizz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-osservanza tal-perijodu tan-notifika ma tistax tiġi evalwata bħala l-korrispettiv tan-nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-kwistjoni tal-perijodu tan-notifika hija biss marbuta mar-raġuni li wasslet għat-tkeċċija.

156    L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li s-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, billi timponi obbligu ta’ motivazzjoni biss fuq l-istituzzjoni, u dan minkejja li d-dritt għal terminazzjoni unilaterali jappartjeni liż-żewġ partijiet għall-kuntratt, lanqas ma jista’ jirnexxi. Fil-fatt, ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjoni u l-membru tal-persunal temporanju mhumiex stabbiliti biss mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali, iżda huma suġġetti wkoll għar-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, għalkemm ir-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu li d-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni li jikkawżaw preġudizzju għandhom ikunu mmotivati, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jipprevedux dan l-obbligu fir-rigward tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal meta dawn jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jikkawżaw preġudizzju lill-amministrazzjoni. B’hekk, l-eventwali inugwaljanza li tirriżulta minn dan hija r-riżultat tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-validità tagħhom mhijiex ikkontestata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni joriġina mill-premessa żbaljata li tgħid li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni impost fuq l-amministrazzjoni ċċaħħadha mid-dritt ta’ terminazzjoni unilaterali tagħha. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jċaħħadx lill-amministrazzjoni milli tittermina fuq l-inizjattiva tagħha biss il-kuntratt li jorbotha mal-membru tal-persunal temporanju, iżda jeħtieġ sempliċement li din tippreżenta r-raġunijiet li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni, bil-għan li jiġu żgurati lill-imsemmi membru tal-persunal il-kundizzjonijiet minimi tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

157    Mill-punti 143 sa 153 iktar ’il fuq jidher li minn ebda element testwali ma jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi r-repetizzjoni ta’ rekwiżit fundamentali li jirriżulta mit-Trattat stess, għandha tiġi injorata fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija bbażati fuq l-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

158    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet previsti mill-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal.

159    Din id-dispożizzjoni, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għandha l-għan, minn naħa, li tipprovdi lill-persuna interessata li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni li tippreġudika s-sitwazzjoni legali tagħha, b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni u jekk ikunx xieraq li jiġi ppreżentat rikors ġudizzjarju intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità tagħha u, min-naħa l-oħra, li tippermetti li l-Qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Peress li d-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat mhumiex eżenti mill-istħarriġ ġudizzjarju, huwa konformi ma’ dan il-għan li, bħad-deċiżjonijiet kollha li jikkawżaw preġudizzju li jolqtu lil membru tal-persunal temporanju, inklużi dawk ta’ inqas importanza, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-istituzzjoni tittermina l-funzjonijiet tal-membru tal-persunal temporanju tkun immotivata.

160    Fin-nuqqas ta’ tali obbligu ta’ motivazzjoni, ikun impossibbli għall-qorti Komunitarja li teżerċita l-istħarriġ tagħha kif suppost, anki b’mod ristrett, filwaqt li, b’mod definittiv, l-amministrazzjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-ġejjieni ta’ membru tal-persunal temporanju b’mod arbitrarju, u dan anki jekk, skont il-ġurisprudenza, meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, hija marbuta, fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Fil-fatt, dan jirriżulta mid-dover ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrefletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha (ara s-sentenza Dejaiffe vs UASI, punt 45 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    Għalkemm huwa minnu li r-Regolamenti tal-Persunal jikkonferixxu fuq l-uffiċjali stabbilità ta’ impjieg ikbar, peress li l-każijiet ta’ terminazzjoni definittiva tal-funzjonijiet kontra x-xewqa tal-parti interessata huma stabbiliti b’mod strett, għandu jiġi enfasizzat li n-natura inqas stabbli tal-impjieg tal-membru tal-persunal temporanju ma tvarjax l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-AHCC fl-okkażjoni tat-terminazzjoni tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat.

162    Fil-fatt, din in-natura tirriżulta, b’mod partikolari, mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-AHCC fir-rigward tat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, skont l-Artikolu 47(1)(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg b’osservanza tal-perijodu tan-notifika stipulat fil-kuntratt, u b’hekk, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest jew ta’ abbuż ta’ poter (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 1981, de Briey vs Il-Kummissjoni, 25/80, Ġabra p. 637, punt 7; sentenzi Speybrouck vs Il-Parlament, punt 38 iktar ’il fuq, punti 97 u 98; tas-17 ta’ Marzu 1994, Hoyer vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 27, u Smets vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 24).

163    Minflok ma tiġġustifika l-possibbiltà li l-amministrazzjoni ma tkunx meħtieġa li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha f’dan il-qasam, din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tenfasizza iktar il-ħtieġa tal-osservanza tal-formalità sostanzjali li jikkostitwixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn istituzzjoni Komunitarja jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti tal-każ kollha u l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 58, u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 56).

164    Barra minn hekk, ġie deċiż li l-prattika li tikkonsisti fit-tneħħija tal-obbligu minn fuq l-istituzzjoni kompetenti li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha meta dawn jikkawżaw preġudizzju, kuntrarjament għar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba, twassal għal żbilanċ fit-tqassim tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi rispettivi bejn, minn naħa, l-amministrazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-qorti Komunitarja, peress li din tal-aħħar tkun l-unika u l-ewwel istanza li quddiemha r-rikorrent ikun jista’ jikseb tali motivazzjoni. Fil-fatt, din il-prattika tqiegħed indiskussjoni s-sistema ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet u tal-bilanċ istituzzjonali bejn l-amministrazzjoni u l-qorti, kif prevista mit-Trattat, u b’mod speċjali, l-effett utli tar-rimedji legali kif ukoll il-rekwiżiti ta’ ġustizzja fil-pront u tal-ekonomija tal-ġudizzju, fid-dawl tal-fatt li motivazzjoni fil-forma t-tajba u kif meħtieġa tal-att li jikkawża preġudizzju, u n-notifika tiegħu lill-persuna interessata matul il-fażi prekontenzjuża, jistgħu jwasslu sabiex jispjegaw lil din il-persuna l-portata tad-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha u, jekk ikun il-każ, sabiex jikkonvinċuwha bil-fondatezza tagħha, u b’hekk jevitaw li l-kontenzjuż jitressaq quddiem il-Qorti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il-Parlament, T‑237/00, ĠabraSP p. I‑A‑385 u II‑1731, punt 106).

165    Għalhekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-ETF u tal-Kummissjoni, la l-għan segwit mill-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, la l-istabbilità tas-sitwazzjoni ta’ impjieg tal-uffiċjal, u lanqas is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-AHCC ma jistgħu jipprekludu l-għan essenzjali u ġenerali segwit mill-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju, kif previst mill-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal.

166    Barra minn hekk, dan huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda adottati fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanju. Għalhekk, fil-kuntest tal-impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg, ġie deċiż li l-AHCC ma setgħetx tillimita ruħha sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet legali li hija suġġetta għalihom ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra, billi tibbaża ruħha fuq l-applikabbiltà, prevista fl-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal għad-deċiżjonijiet individwali li jirrigwardaw lill-membri tal-persunal temporanju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il-Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, punti 38, 39 u 41).

167    Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li, hekk kif josservaw l-ETF u l-Kummissjoni, ġie deċiż li m’hemmx bżonn li d-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat jkunu motivati, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-istess ħin, kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza sostnew li, fil-każ ta’ tkeċċija għal inkompetenza professjonali deċiża fl-osservanza tat-terminu ta’ perijodu tan-notifika previst fl-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-qorti Komunitarja ma tistax tistħarreġ il-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni ħlief jekk tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest jew ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi de Briey vs Il-Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, punt 7, u Speybrouck vs Il-Parlament, punt 38 iktar ’il fuq, punti 97 u 98). Barra minn hekk, fl-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ limitat, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, meta ddeċidiet li tkeċċi lil membru tal-persunal temporanju minħabba li dan ma kienx imniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa mfassla wara l-konklużjoni ta’ kompetizzjoni, li kienet ivvizzjata minn illegalità, il-Kummissjoni kienet qabżet il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha u, konsegwentement, annullat id-deċiżjoni ta’ tkeċċija kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1994, Hoyer vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punti 37 sa 40, u Smets vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punti 34 sa 37).

168    Peress li, hekk kif ġie espost preċedentement, b’mod partikolari fil-punti 108 u 109 iktar ’il fuq, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza ta’ deċiżjoni, anki ristrett, ma jistax jiġi separat mill-obbligu, fuq l-istituzzjoni li tagħti din id-deċiżjoni, li tesponi l-motivi tagħha, il-ġurisprudenza li jirreferu għaliha l-ETF u l-Kummissjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma timponix fuq l-istituzzjoni li timmotiva b’mod formali, fid-dokument innifsu, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju bbażata fuq l-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, iżda din id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq motivi validi li l-persuna interessata għandha tkun tista’ ssir taf bihom. Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat li din l-interpretazzjoni hija konformi mas-sentenza de Briey vs Il-Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li r-rikorrent kellu kull possibbiltà, waqt l-intervisti personali u diversi skambji ta’ ittri, li jinvoka motivi għad-difiża tiegħu u li, għall-istess raġuni, dan ma setax jilmenta minn nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni nnifisha (punt 9).

169    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li reċentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, f’termini ġenerali, li minn naħa, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal japplika b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju b’mod konformi mal-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, min-naħa l-oħra, li l-obbligu ta’ motivazzjoni mhuwiex limitat għal deċiżjoni ta’ impjieg jew ta’ tkeċċija fir-rigward ta’ impjieg suġġett għall-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑406/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑213 u II‑A‑2‑1097, punt 68), u dan minkejja li l-fiduċja reċiproka hija element essenzjali tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju kollha msemmija minn din l-aħħar dispożizzjoni (punt 47). Issa, tali affermazzjoni tista’ tapplika, a fortiori, għat-tkeċċija fir-rigward ta’ impjieg suġġett għall-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħal f’dan il-każ.

170    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju impjegat għal żmien indeterminat, ibbażata fuq l-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kienet suġġetta għar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni previsti mill-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal.

171    B’hekk, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq il-ksur tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

172    F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok għalfejn tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan l-istess aggravju, ibbażata fuq ir-referenza żbaljata għal ftehim u konvenzjonijiet li ma japplikawx għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom. Peress li, hekk kif ġie espost iktar ’il fuq, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija konformi mar-Regolamenti tal-Persunal u mal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-eventwali nuqqas ta’ rilevanza tar-referenzi magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punti 66 sa 72 tas-sentenza appellata, għad-Direttiva 1999/70 u għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata magħha, kif ukoll għad-diversi strumenti internazzjonali u għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jaffettwax il-fondatezza tal-konklużjonijiet tas-sentenza appellata fuq dan il-punt.

173    Barra minn hekk, mir-raġunament segwit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li dan ma kkunsidrax lili nnifsu bħala legalment marbut minn dawn ir-referenzi, iżda semmihom biss bil-għan li jiġġustifika l-interpretazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija fil-punti 61, 73 u 74 tas-sentenza appellata.

174    Isegwi li, minkejja li t-tieni parti hija fondata, dan il-fatt, minnu nnifsu, huwa rrilevanti għad-dispożittiv tas-sentenza appellata, u ma jistax iwassal għall-annullament ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, l-imsemmija parti għandha tiġi miċħuda bħala rrilevanti.

2.     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-kontradizzjoni bejn ir-rekwiżit formali ta’ motivazzjoni u l-affermazzjoni tal-legalità tal-għarfien b’mezzi oħra tal-motivi tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija

a)     L-argumenti tal-partijiet

175    L-ETF tqis li s-sentenza appellata hija kontradittorja, peress li din tgħid li l-motivi ta’ tkeċċija għandhom, bħala regola ġenerali, jissemmew b’mod ċar bil-miktub, preferibbilment fit-test stess tad-deċiżjoni inkwistjoni, filwaqt li madankollu tirrileva li l-obbligu li jissemmew il-motivi tat-tkeċċija jista’ wkoll jitqies li ġie osservat jekk il-persuna interessata ġiet debitament informata, matul intervisti mal-ġerarkija tagħha, b’dawn il-motivi u jekk id-deċiżjoni tal-AHCC ingħatat fi żmien qasir wara li saret din l-intervista.

176    Skont l-ETF, għalkemm il-ħtieġa ta’ motivazzjoni formali fid-deċiżjoni stess hija eċċessiva u tmur kontra l-ġurisprudenza Komunitarja, min-naħa l-oħra, il-qorti Komunitarja rrikonoxxiet li n-neċessità ta’ għarfien suffiċjenti tal-motivi, b’mezzi oħra, hija ġustifikata, fil-każ ta’ uffiċjali. Fir-realtà, din il-“motivazzjoni” hija dejjem eżaminata fil-każ meta deċiżjoni ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt għal perijodu stabbilit tkun is-suġġett ta’ proċedura kontenzjuża, permezz tal-eżami tal-fatti li jkunu wasslu għad-deċiżjoni ta’ terminazzjoni u li jkunu perfettament magħrufa mill-persuna interessata. L-istħarriġ tal-qorti jseħħ f’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tal-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti. Fil-fatt, mhuwiex immaġinabbli li deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tkunx preċeduta minn elementi li permezz tagħhom il-persuna interessata jista’ jkollha dubji jew tista’ tkun taf b’ċertu numru ta’ raġunijiet li jistgħu jwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt tagħha, u li din tista’ tikkontesta r-rilevanza u l-fondatezza tagħhom. Għalhekk, mhuwiex neċessarju li tkun meħtieġa motivazzjoni espressa, u lanqas a fortiori li jkun meħtieġ li din tkun tinsab fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija stess.

177    Anki jekk jitqies li deċiżjoni ta’ tkeċċija tingħata mhux biss mingħajr motivazzjoni formali, iżda wkoll mingħajr l-ebda kuntatt preċedenti mal-persuna interessata, din id-deċiżjoni tiġi annullata, għaliex l-ebda fatt ma jippermetti li tiġi fformata l-bażi materjali jew ġuridika tagħha. Skont il-ġurisprudenza, mhuwiex obbligatorju li tingħata l-motivazzjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju, iżda l-qorti, fil-mument tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, tista’ teżamina l-fatti sabiex issib ir-relazzjoni bejniethom u eventwali ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni msemmija. Għaldaqstant, m’hemmx għalfejn tkun meħtieġa motivazzjoni, kemm jekk tkun ifformulata b’mod formali fl-att innifsu kif ukoll jekk tkun mogħtija espressament lill-persuna interessata. Din ma tistax tinjora tali sitwazzjoni, li jkollha l-konsegwenza li “twassalha għal sitwazzjoni ta’ impjieg mhux fiss”, u saħansitra li twassal għat-tkeċċija tagħha. F’dan l-aħħar każ, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti jsir permezz tal-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

178    P. Landgren tqis li dan l-argument huwa infondat.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

179    Peress li l-ETF, permezz tal-argument espost iktar ’il fuq, tallega li teżisti kontradizzjoni fil-ħtieġa, bħala prinċipju, li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ssemmi bil-miktub il-motivi li tkun ibbażata fuqhom, filwaqt li madankollu tammetti li dawn il-motivi jistgħu jiġu kkomunikati lill-persuna interessata matul intervisti kif ukoll fl-istadju tat-tweġiba għal ilment, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li m’hemmx kontradizzjoni fil-fatt li jiġi stabbilit prinċipju filwaqt li jkun previst li dan jammetti ċerti arranġamenti. Min-naħa l-oħra, is-soluzzjoni magħżula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija konformi mal-ġurisprudenza li tgħid li l-għarfien, min-naħa tal-persuna interessata, tal-kuntest li fih tkun ittieħdet id-deċiżjoni jista’ jikkostitwixxi motivazzjoni tad-deċiżjoni msemmija (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1997, B vs Il-Parlament, T‑123/95, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑697, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, hija ġurisprudenza stabbilita li, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni u ta’ ħatra, l-Awtorità tal-Ħatra mhijiex marbuta li timmotiva d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fir-rigward tal-kandidati mhux promossi, fejn ikun hemm riskju li tali motivazzjoni tikkaġunalhom dannu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1221, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tesponi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha li ma taċċettax lil kandidat fl-istadju tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment imressaq minnu, peress li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kellha tikkoinċidi mad-deċiżjoni li l-ilment huwa dirett lejha (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Marzu 1995, Kotzonis vs CES, T‑586/93, Ġabra p. II‑665, punt 105, u Huygens vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 107).

180    Barra minn hekk, jidher li l-ETF issostni li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija tal-membri tal-persunal temporanju mhuwiex indispensabbli, peress li, minn naħa, din il-motivazzjoni hija neċessarjament magħrufa mill-persuna interessata u, min-naħa l-oħra, permezz tal-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, il-qorti Komunitarja tista’ tissanzjona l-eventwali nuqqas ta’ motivi ta’ tkeċċija.

181    L-ewwel waħda minn dawn l-allegazzjonijiet tikkostitwixxi purament spekulazzjoni ta’ fatt, nieqsa minn kull valur legali, u ma tistax tiġġustifika eżenzjoni mill-obbligu ta’ motivazzjoni favur l-AHCC. Fir-rigward tat-tieni waħda, din tinjora l-għan stess tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jiġifieri dak li jippermetti lill-persuna interessata li tiżgura ruħha mill-fondatezza tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, u li tevalwa l-opportunità li tippreżenta rikors, minn naħa, u lill-qorti li tistħarreġ il-legalità ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, min-naħa l-oħra. Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat li n-nuqqas ta’ motivazzjoni jista’ jiġi ssanzjonat permezz tal-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li dan l-istħarriġ, min-natura tiegħu, jista’ jiġi eżerċitat biss fil-preżenza ta’ motivazzjoni li tippermetti li jiġi evalwat jekk l-amministrazzjoni eċċedietx jew le l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

182    Isegwi li din il-parti għandha tiġi miċħuda, u magħha, l-ewwel aggravju b’mod sħiħ.

V –  Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-elementi materjali li hija bbażata fuqhom id-deċiżjoni ta’ tkeċċija

183    Dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq id-distorsjoni tal-fatti u, fit-tieni lok, fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-interess ġenerali.

A –  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq id-distorsjoni tal-fatti

1.     L-argumenti tal-partijiet

184    L-ETF issostni li mis-sentenza appellata jirriżulta li minn seba’ mir-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ P. Landgren, sitta kienu jsemmu nuqqasijiet, liema ħaġa ppermettiet li l-ETF tinvoka l-inkompetenza professjonali globali tagħha.

185    L-uniku rapport pożittiv ġie mfassal minn sostituta, is-Sinjura T, fl-assenza tas-Sinjura S, is-superjur ġerarkiku ta’ P. Landgren li inizjalment kellha tkun l-evalwatur, u jirrigwarda biss perijodu ta’ għaxar xhur.

186    Għaldaqstant, teżisti “differenza ta’ evalwazzjoni, mhux biss matematika, iżda fuq kollox fuq il-mertu”, bejn, minn naħa, id-diversi twissijiet li ntbagħtu lil P. Landgren u, min-naħa l-oħra, ir-referenza għal dan l-uniku rapport, li barra minn hekk, qanqal ir-reazzjoni tas-Sinjura S meta din saret taf bih.

187    Barra minn hekk, l-ETF tirrileva li, anki kieku kellu jitqies, kif għamel it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjonijiet unilaterali, annessi mal-kontroreplika, imfassla wara l-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza, ma jistgħux jingħataw l-istess valur bħal dak marbut mar-rapporti stess, dan ma jfissirx li dawn ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. Issa, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jagħmlu xejn għajr li jsaħħu l-evalwazzjonijiet negattivi li jinsabu fir-rapporti ta’ P. Landgren, minbarra dak imfassal mis-Sinjura T. F’dan ir-rigward, l-ETF tenfasizza li tali elementi ta’ prova jistgħu jiġu invokati u ppreżentati wara, sa fejn dawn huma intiżi sabiex jikkonfermaw il-fondatezza tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Ġunju 2003, Del Vaglio vs Il-Kummissjoni, T‑124/01 u T‑320/01, ĠabraSP p. I‑A‑157 u II‑767, punt 77).

188    B’hekk, l-ETF tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti tal-każ, sal-punt li l-iżbilanċ f’din l-evalwazzjoni jwassal għal distorsjoni tal-fatti.

189    B’mod prinċipali, P. Landgren issostni li din il-parti hija inammissibbli peress li din hija magħmula kontra l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-elementi ta’ prova mwettqa mill-qorti tal-ewwel istanza, liema ħaġa ma tinsabx fil-kompetenza tal-qorti tal-appell.

190    Sussidjarjament, P. Landgren tqis li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

191    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala qorti tal-appell, jirriżulta li l-qorti tal-ewwel istanza hija l-unika li għandha kompetenza sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑222/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 60).

192    Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-każ tad-distorsjoni tal-provi li jiġu mressqa quddiem din il-qorti, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza Kerstens vs Il-Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, punt 61).

193    Tali distorsjoni għandha tidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza Kerstens vs Il-Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, punt 62).

194    Permezz ta’ din il-parti, l-ETF ma tpoġġix indiskussjoni l-evalwazzjoni magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-diversi rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ P. Landgren u tal-kritiki li kienet suġġetta għalihom matul il-karriera tagħha mal-ETF, iżda essenzjalment tqis li minn dan, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma setax jikkonkludi li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ P. Landgren minħabba inkompetenza professjonali globali kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

195    Fir-realtà, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ETF qed tipprova tikseb min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza l-eżami mill-ġdid tal-fatti u ta’ provi diġà evalwati mill-qorti tal-ewwel istanza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mit-talba tal-ETF li tgħid li “b’hekk saret evalwazzjoni żbaljata min-naħa tat-[Tribunal għas-Servizz Pubbliku] minn fost il-fatti kollha li tressqu quddiemu […] sal-punt li dan l-iżbilanċ fl-evalwazzjoni tal-fatti jwassal għad-distorsjoni tagħhom”.

196    Barra minn hekk, safejn l-ETF tippretendi li mis-sentenza appellata jirriżulta li sitta mis-seba’ rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ P. Landgren ġew “meqjusa bħala mhux suffiċjenti”, biżżejjed li jiġi rrilevat li din l-affermazzjoni hija manifestament infondata fil-fatt, peress li, hekk kif tosserva P. Landgren, il-punti 10 sa 13, 22 u 85 tas-sentenza appellata, li l-ETF ma tallegax li huma vvizzjati minn distorsjoni, isemmu żewġ rapporti ta’ evalwazzjoni li jattribwixxu evalwazzjoni globali ta’ 3, li tikkorrispondi għall-evalwazzjoni “sodisfaċjenti” (eżerċizzji 1995-1997 u 2000-2001), u żewġ rapporti ta’ evalwazzjoni li jattribwixxu evalwazzjoni globali ta’ 2, li tikkorrispondi għall-evalwazzjoni “tajjeb”.

197    Finalment, fir-rigward tal-kritiki dwar il-punt 89 tas-sentenza appellata, li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet tas-Sur H u tas-Sinjura S annessi mal-kontroreplika, għandu jiġi rrilevat li mill-punt imsemmi jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadithom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha, iżda qieset li ma setgħetx tagħti lil dikjarazzjonijiet unilaterali, imfassla wara l-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza, l-istess valur bħal dak mogħti lir-rapporti ta’ evalwazzjoni stess, li kienu ġew imfassla wara proċedura kontradittorja li kellha preċiżament bħala għan li tiġi permessa l-evalwazzjoni oġġettiva tal-merti tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

198    Issa, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni mill-qorti tal-ewwel istanza tal-valur probatorju ta’ dokument ma tistax, bħala prinċipju, tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ appell, peress li mill-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appell jista’ jitressaq biss fuq punti ta’ liġi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑182/99 P, Ġabra p. I‑10761, punt 43). Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss huwa kompetenti li jevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu. B’hekk, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tal-provi quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, punt ta’ liġi mressaq quddiem il-qorti tal-appell (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punti 38 sa 40).

199    Issa, l-eżistena ta’ tali distorsjoni ma ġiet la stabbilita u lanqas allegata mill-ETF.

200    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

B –  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-interess ġenerali

1.     L-argumenti tal-partijiet

201    L-ETF tenfasizza li, kif rikonoxxut mill-ġurisprudenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat, jiġi eżerċitat permezz ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija suġġetta biss għal stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-qorti.

202    Issa, P. Landgren kienet is-suġġett ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni mill-1995 sal-2000 li juru nuqqasijiet professjonali kbar, ta’ rapport ta’ evalwazzjoni temporanju, f’Lulju 2002, li juri li, minkejja ċerti sforzi, P. Landgren kien għad kellha diffikultajiet serji sabiex torganizza l-inkarigi tagħha, u rapport ta’ evalwazzjoni relatat mas-sena 2002 partikolarment sfavorevoli. Barra minn hekk, l-ETF assenjat mill-ġdid darbtejn lil P. Landgren bil-għan li tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni professjonali tagħha meqjusa bħala mhux sodisfaċenti. Finalment, P. Landgren ġiet informata, waqt laqgħa mas-superjuri ġerarkiċi tagħha, bir-raġunijiet għalfejn ix-xogħol tagħha kien meqjus bħala mhux suffiċjenti, ġiet awtorizzata sabiex terġa’ tibda x-xogħol full-time sa mill-1 ta’ Lulju 2004 sabiex taffronta xi diffikultajiet finanzjarji, u minħabba l-istat tas-saħħa tagħha, kienet is-suġġett ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha bi tliet xhur sal-31 ta’ Marzu 2005.

203    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ETF issostni li fir-rigward tal-interess ġenerali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kkunsidrax il-motivi invokati minnha, u ma wettaqx stħarriġ korrett tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, liema ħaġa tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

204    B’mod prinċipali, P. Landgren tqis li din il-parti hija inammissibbli, peress li hija intiża sabiex jinkiseb mingħand il-Qorti tal-Prim’Istanza eżami ġdid tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem il-qorti tal-ewwel istanza.

205    Effettivament, il-fatti li tibbaża ruħha fuqhom l-ETF bil-għan li turi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi, mhumiex dawk li dan ibbaża ruħu fuqhom, iżda huma bbażati fuq nota tal-ETF ippreżentata fl-ewwel istanza.

206    Issa, P. Landgren tenfasizza li, għalkemm, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tal-ewwel istanza injoratx il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni meta kkunsidrat li deċiżjoni ma kinitx immotivata biżżejjed, hija kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ appell, minn dan jirriżulta wkoll li l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat f’dan il-kuntest għandu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu fuqhom sabiex jasal għall-konklużjoni tiegħu.

207    Minn dan isegwi li l-ETF, meta naqset milli tidentifika b’mod preċiż il-punti kkritikat mis-sentenza appellata, u meta limitat ruħha li tirrepeti l-argumenti li kienet diġà ppreżentat fl-ewwel istanza, ma kellhiex l-intenzjoni li tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-kwistjoni dwar jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienx osserva l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju meta kkunsidra li hija kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda kellha l-intenzjoni li tikseb eżami ġdid tal-fatti ppreżentati fl-ewwel istanza, liema ħaġa ma tidħolx fil-kompetenza tal-qorti tal-appell.

208    Sussidjarjament, P. Landgren issostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku enfasizza ġustament, fil-punti 84, 85, 87 u 88 tas-sentenza appellata, tliet żbalji manifesti mwettqa mill-ETF, u dan abbażi ta’ elementi ta’ fatt mhux ikkontestati minnha matul dan l-appell.

209    Għaldaqstant, ma jkunx eżatt li jingħad li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabeż il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tiegħu meta kkonkluda li kien hemm żball manifest fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, li jinkludi fih l-interess ta’ P. Landgren, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ premura.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

210    Mill-argument tal-ETF jirriżulta li din tilmenta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni mingħajr ma kkunsidra l-motivi ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw li jiġi tterminat il-kuntratt ta’ P. Landgren. B’dan il-mod it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma pproċediex b’mod xieraq għall-evalwazzjoni tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, liema ħaġa tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

211    Mingħajr lanqas ma huwa neċessarju li tiġi stabbilita b’mod inekwivoku l-portata ta’ dan l-argument ambigwu, għandu jiġi rrilevat li, peress li dan l-ilment huwa intiż sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina mill-ġdid l-elementi ta’ fatt li, skont l-ETF, huma intiżi sabiex jipprovaw li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma kinitx ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 191 sa 193 iktar ’il fuq.

212    Madankollu, sa fejn l-ETF issostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eċċeda l-limiti tal-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku iddefinixxa espressament il-firxa tal-istħarriġ tiegħu billi indika li “[...] fir-rigward tal-mertu tal-motivi li jiġġusitfikaw id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni magħmula mill-ETF fir-rigward ta’ l-interess tas-servizz, fil-limitu tal-verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest”.

213    Sussegwentement, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, dan fakkar li l-awtorità kompetenti hija marbuta, meta tiddeċiedi fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tikkunsidra l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

214    Issa, dan ir-raġunament huwa konformi mal-ġurisprudenza, b’mod partikolari mas-sentenza Dejaiffe vs UASI, punt 45 iktar ’il fuq, li barra minn hekk irrefera għaliha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

215    Fil-fatt, skont il-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal perijodu stabbilit minħabba raġunijiet marbuta mal-interess tas-servizz, li l-awtorità kompetenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz u li, għaldaqstant, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk l-awtorità kkonċernata żammitx il-limiti raġonevoli mingħajr ma użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat (sentenza Carrasco Benítez vs EMEA, punt 45 iktar ’il fuq, punt 55). Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-awtorità kompetenti hija marbuta, meta hija tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan fil-fatt jirriżulta mid-dover ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrefletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ April 1996, Kyrpitsis vs CES, T‑13/95, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑503, punt 52).

216    Il-ġeneralità tat-termini u r-ratio decidendi ta’ din il-ġurisprudenza ma jippermettux li tiġi kkunsidrata soluzzjoni differenti f’dan il-każ għall-unika raġuni li t-terminazzjoni tirrigwarda kuntratt għal żmien indeterminat, liema ħaġa, barra min hekk, la l-ETF u lanqas il-Kummissjoni ma jallegaw..

217    Għalhekk, id-definizzjoni, mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-firxa tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija mhijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi.

218    Inizjalment, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ imwettaq f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku espona l-motiv tat-tkeċċija invokat mill-ETF, jiġifieri l-inkompetenza professjonali globali ta’ P. Landgren (punt 84 tas-sentenza appellata). Fl-istadju ta’ dan l-appell, l-ETF ma tikkontestax din id-deskrizzjoni tal-motiv ta’ tkeċċija.

219    Fit-tieni lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq eżami tad-diversi rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ P. Landgren, minn liema kkonkluda li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-ETF, l-evalwazzjoni tal-merti ta’ P. Landgren kienet globalment sodisfaċenti, jew saħansitra tajba (punt 85 tas-sentenza appellata), liema konklużjoni mhijiex ivvizzjata minn distorsjoni. Madankollu, wara li rrileva li kienu ġew ifformulati evalwazzjonijiet negattivi ħafna minn żewġ superjuri ġerarkiċi ta’ P. Landgren, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku irrelativizza dawn il-kritiki billi enfasizza, minn naħa, li dawn kienu jidhru b’mod ċert f’rapport ta’ evalwazzjoni mhux finalizzat, li fi ħdanu kienu jidhru wkoll evalwazzjonijiet ħafna inqas ħarxa magħmula minn evalwatur ieħor (punt 87 tas-sentenza appellata) u, min-naħa l-oħra, li d-dikjarazzjonijiet unilaterali mfassla mill-imsemmija superjuri ġerarkiċi wara l-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza ma jistgħux jingħataw l-istess valur bħar-rapporti stess. Hekk kif ġie espost fil-punt 198 iktar ’il fuq, tali evalwazzjonijiet, mhux ivvizzjati minn distorsjoni, jaqgħu biss fil-kompetenza tal-qorti tal-ewwel istanza.

220    B’mod kuntrarju, filwaqt li enfasizza li l-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni ta’ P. Landgren relatat mas-sena 2003, iffirmat mid-Direttur tal-ETF fil-31 ta’ Marzu 2004, jiġifieri tliet xhur qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata minnha, kien partikolarment favorevoli u kien ifaħħar it-twettiq tal-inkarigi tagħha b’mod effettiv u fl-osservanza tat-termini, minn naħa, u li mill-proċess ma kienx jirriżulta li l-prestazzjonijiet professjonali ta’ P. Landgren naqsu b’mod kunsiderevoli bejn it-tfassil ta’ dan ir-rapport u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni (punt 91 tas-sentenza appellata).

221    Isegwi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku llimita ruħu biex iwettaq stħarriġ tal-motiv tat-tkeċċija invokat mill-ETF, jiġifieri l-inkompetenza professjonali globali ta’ P. Landgren, sabiex jasal għall-konklużjoni li dan kien manifestament żbaljat. Għaldaqstant, ma jistax jiġi lmentat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser il-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu, qabel kollox peress li l-interess tal-membru tal-persunal ittieħed inkunsiderazzjoni biss sa fejn jikkonsisti fil-konservazzjoni tal-impjieg tiegħu.

222    Din il-parti u, konsegwentement, it-tieni aggravju fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

VI –  Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija

A –  L-argumenti tal-partijiet

223    L-ETF issostni li l-kriterji stabbiliti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 95 tas-sentenza appellata, huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ipotetiċi u aleatorji, jiġifieri l-età li fiha P. Landgren setgħet normalment, b’kunsiderazzjoni tal-istat ta’ saħħa tagħha, titolob li jkollha pensjoni ta’ rtirar. Issa, xejn ma jippermetti li jiġi sostnut li din, impjegata skont it-termini ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, kienet tibqa’ taħdem mal-ETF sal-età tal-irtirar. Minn dan, l-ETF tikkonkludi li d-determinazzjoni ta’ dawn il-kriterji hija żbaljata u ma tistax tiġġustifika kumpens ġust u ekwu.

224    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq diversi żbalji ta’ liġi meta ddeċieda dwar il-konsegwenzi pekunjarji tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

225    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni mhijiex ta’ natura pekunjarja, b’tali mod li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx jibbenefika minn ġurisdizzjoni sħiħa. B’hekk, meta ddeċieda fuq il-konsegwenzi pekunjarji tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, fir-realtà, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta, fir-realtà, deċiżjoni ultra vires billi ressaq inġunzjoni fuq l-ETF, bi ksur tal-Artikolu 233 KE.

226    Fit-tieni lok, għall-istess motivi, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jiddikjara inammissibbli t-talbiet għal kumpens imressqa minn P. Landgren fl-ewwel istanza, liema ħaġa tiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.

227    Sussidjarjament, fit-tielet u l-aħħar lok, il-Kummissjoni ssostni li l-kriterji stabbiliti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bil-għan li jevalwa l-kumpens pekunjarju favur P. Landgren huma aleatorji u ipotetiċi, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

228    Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jobbliga lill-ETF sabiex tikkumpensa lil P. Landgren daqs li kieku din baqgħet taħdem sakemm irtirat, filwaqt li l-ETF setgħet, b’eżekuzzjoni tas-sentenza appellata abbażi tal-Artikolu 233 KE, tadotta deċiżjoni ta’ terminazzjoni ġdida billi timmotiva lil din id-deċiżjoni b’mod xieraq.

229    P. Landgren tqis li dawn l-argumenti huma infondati. Barra minn hekk, hija tosserva li t-talbiet tal-Kummissjoni intiżi sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla s-sentenza appellata minħabba li r-rikors għad-danni fl-ewwel istanza kien inammissibbli, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, b’mod konformi mal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li tali talbiet ma ġewx iffomulati mill-ETF fl-appell.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

230    Essenzjalment, l-argumenti mressqa mill-ETF u mill-Kummissjoni jistgħu jiġu evalwati bħala li jsostnu żewġ aggravji bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta deċiżjoni ultra vires u, min-naħa l-oħra, fuq il-karattru ipotetiku u aleatorju tal-kriterji tal-kumpens pekunjarju stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

1.     Fuq l-aggravju bbażat fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta deċiżjoni ultra vires

231    F’dak li jirrigwarda l-ilment, imressaq mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta deċiżjoni ultra vires, u korrelattivament, li dan wettaq żball ta’ liġi billi ma ċaħadx it-talbiet għal kumpens ta’ P. Landgren bħala inammissibbli, għandu jiġi enfasizzat li huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, tagħti inġunzjonijiet lill-istituzzjonijiet Komunitarji. Fil-fatt, fil-każ ta’ annullament ta’ att, l-istituzzjoni kkonċernata hija marbuta, abbażi tal-Artikolu 233 KE, li tadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Mejju 2005, Castets vs Il-Kummissjoni, T‑398/03, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑507, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).

232    Madankollu, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddisponi minn ġurisdizzjoni sħiħa, b’mod konformi mat-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-impjegati l-oħra abbażi tal-Artikolu 117 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jippermettilha li tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta’ ammonti stabbiliti u miżjuda, jekk ikun il-każ, b’interessi moratorji (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Novembru 1993, Vienne vs Il-Parlament, T‑15/93, Ġabra p. II‑1327, punti 41 u 42; tat-8 ta’ Lulju 1998, Aquilino vs Il-Kunsill, T‑130/96, ĠabraSP p. I‑A‑351 u II‑1017, punt 39, u tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punt 32).

233    F’dan il-każ, għall-inqas b’mod parzjali, din il-kawża għandha natura pekunjarja, peress li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kellha effett dirett fuq id-drittijiet pekunjarji ta’ P. Landgren (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1999, Hautem vs BEI, T‑140/97, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑897, punt 77, u Rudolph vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punti 33 u 92).

234    Isegwi li, b’mod konformi mat-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien jiddisponi minn ġurisdizzjoni sħiħa sabiex jiddeċiedi fuq l-aspetti pekunjarji tal-kawża, hekk kif indika ġustament fil-punt 93 tas-sentenza appellata.

235    Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-qorti Komunitarja ma għandhiex kompetenza sabiex tagħti inġunzjonijiet fil-kuntest ta’ stħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, u għaldaqstant ma tistax tordna lill-istituzzjoni kkonċernata li tintegra mill-ġdid lir-rikorrenti fil-funzjonijiet tagħha (sentenza Rudolph vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punt 92) u, min-naħa l-oħra, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li P. Landgren kienet iddikjarat li l-istat tas-saħħa tagħha kien iddeterjora ħafna u li hija ma kinitx fiżikament kapaċi li terġa’ tibda teżerċita attività fi ħdan l-ETF, liema ħaġa mhijiex ikkontestata f’din l-istanza.

236    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma eċċediex il-limiti tal-kompetenza tiegħu, u ma wettaqx żball ta’ liġi meta stieden lill-ETF sabiex tfittex soluzzjoni ekwa ta’ natura li tipproteġi b’mod xieraq id-drittijiet ta’ P. Landgren.

237    Għaldaqstant, mingħajr lanqas m’hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq l-aggravju bbażat fuq in-natura ipotetika u aleatorju tal-kriterji tal-kumpens pekunjarju stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

238    Il-Kummissjoni u l-ETF jsostnu li fir-realtà, il-kriterji msemmija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jwasslu sabiex jiġi kkumpensat dannu li la huwa reali u lanqas ċert.

239    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda b’mod interlokutorju, billi ħalla f’idejn il-partijiet li jilħqu ftehim dwar il-kumpens pekunjarju ekwu li kellu jitħallas lir-rikorrenti. Huwa biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi, permezz ta’ sentenza ulterjuri u abbażi tat-talbiet kwantifikati tal-partijiet, fuq l-ammont tal-kumpens billi jsemmi u jevalwa, jekk ikun il-każ, il-kriterji ta’ kalkolu meqjusa rilevanti, jiġifieri, b’mod partikolari, abbażi tal-punt 95 tas-sentenza appellata, il-kumpens għal qgħad imħallas lil P. Landgren wara t-tkeċċija tagħha u l-età li fiha hija normalment setgħet, b’kunsiderazzjoni tal-istat tas-saħħa tagħha, tippretendi li tieħu pensjoni tal-irtirar.

240    Għandu jiġi kkonstatat li l-ETF u l-Kummissjoni ma jikkontestaw la l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, u lanqas ir-rilevanza li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kumpensi tal-qgħad imħallsa lil P. Landgren wara t-tkeċċija tagħha. Għaldaqstant, peress li fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku la ffissa l-ammont tal-kumpens pekunjarju, la semma l-metodi ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens, u lanqas ma ddefinixxa b’mod definittiv il-kriterji kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (il-punt 95 tas-sentenza appellata jipprovdi espressament li l-kriterji li huma msemmija fih għandhom “b’mod partikolari” jittieħdu inkunsiderazzjoni), il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ biss tiddeċiedi, fl-istadju ta’ dan l-appell, fuq il-validità tat-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod ġenerali, tal-kriterju tal-età li fiha r-rikorrenti setgħet titlob li tieħu pensjoni tal-irtirar.

241    Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata l-eżistenza ta’ dannu, huwa biss huwa kompetenti li jiddeċiedi, fil-limiti tat-talba, il-mod u l-portata tal-kumpens ta’ dan id-dannu, bil-kundizzjoni li, sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn ikunu motivati biżżejjed u, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dannu, jindikaw il-kriterji li ġew ikkunsidrati sabiex jiġi stabbilit l-ammont adottat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

242    F’dan il-każ, P. Landgren ma setgħetx iktar tkompli l-eżerċizzju ta’ attività fi ħdan l-ETF minħabba l-istat tas-saħħa tagħha, liema ħaġa mhijiex ikkontestata mill-partijiet, b’tali mod li ma kienx iktar possibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li kienet tinsab fiha P. Landgren meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Isegwi li P. Landgren batiet, minħabba d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, dannu reali u ċert li jirriżulta mit-telf tal-benefiċċju tad-drittijiet pekunjarji, u b’mod partikolari tar-remunerazzjoni tagħha, derivanti mis-sitwazzjoni tagħha bħala membru tal-persunal temporanju fi ħdan l-ETF. Issa, fin-nuqqas tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, din setgħet potenzjalment tibbenifika mid-drittijiet imsemmija sal-età tal-irtirar. Isegwi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi meta kkunsidra li l-età li fiha hija normalment setgħet, b’kunsiderazzjoni tal-istat tas-saħħa tagħha, titlob pensjoni ta’ rtirar, kienet tikkostitwixxi kriterju rilevanti, fost oħrajn, bil-għan li jiġi evalwat il-kumpens li kellu jingħata lil P. Landgren.

243    Madankollu, il-Kummissjoni tallega li l-ETF setgħet, b’eżekuzzjoni tas-sentenza għal annullament, tadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija ġdida abbażi ta’ motivazzjoni adegwata.

244    Madankollu, xejn ma jippermetti li jitqies li s-sentenza appellata setgħet ikollha tali eżekuzzjoni min-naħa tal-ETF. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma ġietx annullata, fl-ewwel istanza, minħabba nuqqas jew anki minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, iżda minħabba li l-ETF kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li P. Landgren uriet inkompetenza professjonali globali, u dan kemm fir-rigward tar-rapporti ta’ evalwazzjoni kollha tagħha kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet ta’ xi wħud mis-superjuri ġerarkiċi ppreżentati matul il-kawża fl-ewwel istanza.

245    Għalhekk, anki meta motiv ieħor ikun jista’ effettivament jiġġustifika t-terminazzjoni ulterjuri tal-kuntratt ta’ impjieg ta’ P. Landgren, dan ma jkunx b’eżekuzzjoni tas-sentenza appellata, iżda b’mod awtonomu. F’dan ir-rigward, hija, jekk ikun il-każ, l-ETF li għandha tosserva, fil-kuntest tal-evalwazzjoni, mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-kumpens pekunjarju dovut lil P. Landgren, li ċerti elementi jistgħu jipprovaw li huwa probabbli li, anki fin-nuqqas tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija annullata fl-ewwel istanza, P. Landgren ma kinitx tibqa’ fil-funzjonijiet tagħha sal-età li fiha hija setgħet titlob pensjoni tal-irtirar. Tali prova hija kapaċi li tiġġustifika li t-telf ta’ remunerazzjoni kkawżat mill-imsemmija deċiżjoni ta’ tkeċċija jiġi kkalkulat b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni intiż sabiex jirrifletti din l-inċertezza, bħall-metodu applikat fis-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma ġiex eskluż mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, peress li dan, fis-sentenza interlokutorja tiegħu, ma ddefinixxiex b’mod definit u eżawrjenti l-kriterji u l-metodi ta’ kalkolu tal-kumpens pekunjarju.

246    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq għandu jiġi konkluż li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi meta stabbilixxa l-kriterju tal-età li fiha P. Landgren normalment setgħet, b’kunsiderazzjoni tal-istat tas-saħħa tagħha, titlob li tieħu pensjoni tal-irtirar.

247    Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud, u miegħu, it-totalità tal-appell.

 Fuq l-ispejjeż

248    B’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 148 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell mhuwiex fondat, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

249    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 144 tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

250    Peress li P. Landgren talbet il-kundanna tal-ETF għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fl-aggravji mressqa, hemm lok li l-ETF tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti minn P. Landgren fil-kuntest tal-ewwel istanza.

251    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 144 tagħhom, l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni, parti intervenjenti fil-kuntest ta’ din l-istanza, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Fondation européenne pour la formation (ETF) għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn P. Landgren fil-kuntest ta’ din l-istanza.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Jaeger

 

      Azizi

Meij

Vilaras

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu t-8 ta’ Settembru 2009.

 

E. Coulon             

 

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura fl-ewwel istanza

Fuq is-sentenza appellata

Fuq l-appell

I –  Il-proċedura

II –  It-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II –  Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti kapi tat-talbiet

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

III –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

IV –  Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni

A –  Fuq in-natura operanti tal-ewwel aggravju

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq il-fondatezza tal-ewwel aggravju

1.  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif interpretat mill-ġurisprudenza

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ħa deċiżjoni ultra petita jew, għall-inqas, ultra vires

Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju fir-rigward tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg

–  Fuq l-ammissibbiltà

–  Fuq il-mertu

2.  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-kontradizzjoni bejn ir-rekwiżit formali ta’ motivazzjoni u l-affermazzjoni tal-legalitŕ tal-għarfien b’mezzi oħra tal-motivi tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

V –  Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-elementi materjali li hija bbażata fuqhom id-deċiżjoni ta’ tkeċċija

A –  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq id-distorsjoni tal-fatti

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-interess ġenerali

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

VI –  Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1.  Fuq l-aggravju bbażat fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta deċiżjoni ultra vires

2.  Fuq l-aggravju bbażat fuq in-natura ipotetika u aleatorju tal-kriterji tal-kumpens pekunjarju stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.