Language of document : ECLI:EU:T:2009:90

Kawża T-405/06

ArcelorMittal Luxembourg SA et      

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Komunitarju tat-travi — Deċiżjoni li tikkonstata ksur fl-Artikolu 65 KEFA, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Kompetenza tal-Kummissjoni — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Preskrizzjoni — Drittijiet tad-difiża”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Akkordji suġġetti ratione materiae u ratione temporis għas-sistema legali tat-Trattat KEFA — Skadenza tat-Trattat KEFA

(Artikolu 65(1) KEFA; Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 7(1) u 23(2))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Regoli proċedurali — Regoli sostantivi — Distinzjoni — Retroattività ta’ regola sostantiva – Kundizzjonijiet

(Artikolu 65(1) KEFA; Artikolu 305 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 7(1) u 23(2))

3.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputabbiltà — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

4.      KEFA — Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Imputabbiltà — Identiċità tar-regoli applikabbli għall-ksur fl-Artikolu 81 KE u fl-Artikolu 65 KEFA

(Artikolu 65(1) KEFA; Artikolu 81(1) KE)

5.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputabbiltà — Kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” tal-impriża

(Artikolu 65(1) KEFA; Artikolu 81(1) KE)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-proċeduri – Interruzzjoni — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25(3) u (4); Deċiżjoni Ġenerali Nru 715/78, Artikoli 2(1) u (2))

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-proċeduri — Interruzzjoni — Talba għal informazzjoni

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-proċeduri — Sospensjoni — Preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Deċiżjoni Ġenerali Nru 715/78)

9.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dewmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

1.      Jekk is-suċċessjoni tal-kuntest ġuridiku tat-Trattat KE għal dik tat-Trattat KEFA wasslet, b’effett mill-24 ta’ Lulju 2002, għal tibdil tal-bażijiet legali, tal-proċeduri u tar-regoli sostantivi applikabbli, din tidħol fil-kuntest tal-unità u tal-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u tal-għanijiet tagħha. F’dan ir-rigward, l-introduzzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera, li fi ħdanha l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni huma żgurati, u li ġeneralment tagħti lok għar-regoli fil-qasam ta’ akkordji bejn l-impriżi, jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet essenzjali kemm tat-Trattat KE kif ukoll tat-Trattat KEFA. F’dan il-kuntest, minkejja li r-regoli tat-Trattati KEFA u KE li jirregolaw il-qasam tal-akkordji bejn impriżi għandhom ċerti differenzi, il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattiki miftehma fis-sens tal-Artikolu 65(1) KEFA huma l-istess bħal dawk ta’ akkordji u ta’ prattiki miftehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE, u dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ġew interpretati bl-istess mod mill-qorti Komunitarja. B’hekk, it-tfittxija tal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-setturi li jaqgħu inizjalment taħt is-suq komuni tal-faħam u tal-azzar mhijiex interrotta minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA, peress li dan l-għan huwa wkoll segwit fil-kuntest tat-Trattat KE, mill-istess istituzzjoni, jiġifieri l-Kummissjoni, awtorità amministrattiva inkarigata mill-implementazzjoni u l-iżvilupp tal-politika dwar il-kompetizzjoni fl-interess ġenerali tal-Komunità.

Barra minn hekk, skont il-prinċipju komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, hemm lok, fil-każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni, li tiġi żgurata, ħlief fil-każ li jiġi espress mod ieħor mil-leġiżlatur, il-kontinwità tal-istrutturi legali. Il-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u tal-għanijiet tagħha li jmexxu t-tħaddim tagħha teżiġi għaldaqstant li, bħala suċċessur tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, u fil-kuntest proċedurali tagħha, il-Komunità Ewropea tiżgura, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt it-Trattat KEFA, ir-rispett tad-drittijiet u tal-obbligi li japplikaw eo tempore kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq l-individwi skont it-Trattat KEFA u r-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Din il-ħtieġa hija neċessarja iktar u iktar sa fejn id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam tal-akkordji bejn impriżi tista’ testendi l-effetti tagħha ratione temporis wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, taħt it-Trattat KE.

Minn dan jirrizulta li r-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, u, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 23(2) tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippremettu lill-Kummissjoni li tikkonstata u li tippenalizza, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji bejn impriżi magħmula fis-setturi li jaqgħu ratione materiae u ratione temporis taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, u dan minkejja li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament iċċitati iktar ’il fuq ma jsemmux espressament l-Artikolu 65 KEFA.

(ara l-punti 59-64)

2.      Għalkemm ir-regoli proċedurali huma ġeneralment ikkunsidrati li japplikaw għall-kawżi pendenti kollha meta dawn jidħlu fis-seħħ, dan ma japplikax għar-regoli sostantivi. Fil-fatt, dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li jirrigwardaw sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li t-tali effett għandu jiġi attribwit lilhom.

Minn din il-perspettiva, il-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u l-ħtiġijiet li jikkonċernaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet materjali, adottati skont it-Trattat KEFA, għall-fatti li, ratione materiae u ratione temporis, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Iċ-ċirkustanza li, minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-kuntest leġiżlattiv inkwistjoni ma jkunx iktar fis-seħħ meta ssir l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali hija irrilevanti, peress illi din l-evalwazzjoni tirrigwarda sitwazzjoni legali definittivament miksuba fi żmien meta kienu applikabbli d-dispożizzjonijiet materjali adottati skont it-Trattat KEFA.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, wara proċedura li saret skont dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet dwar il-bażi legali u l-proċedura segwita sa ma ġiet adottata d-deċiżjoni jaqgħu taħt ir-regoli proċedurali, ir-regoli applikabbli huma ċertament dawk li jinsabu fir-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, fir-rigward tar-regoli sostantivi, peress li din id-deċiżjoni tikkonċerna sitwazzjoni legali definittivament miksuba qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fin-nuqqas ta’ kull effett retroattiv tad-dritt materjali tal-kompetizzjoni applikabbli mill-24 ta’ Lulju 2002, l-Artikolu 65(1) KEFA jikkostitwixxi r-regola sostantiva applikabbli, fejn għandu jitfakkar li preċiżament min-natura ta’ lex generalis tat-Trattat KE fir-rigward tat-Trattat KEFA, imsemmija fl-Artikolu 305 KE, jirriżulta li s-sistema speċifika li toħroġ mit-Trattat KEFA u mir-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu hija, abbażi tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, applikabbli biss għas-sitwazzjonijiet li seħħew qabel l-24 ta’ Lulju 2002.

(ara l-punti 65-68)

3.      Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tindirizza lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji deċiżjoni li timponi multa għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni imwettaq minn waħda mis-sussidjarji tagħha, mhux minħabba relazzjoni ta’ istigazzjoni bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u iktar ukoll lanqas minħabba implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda minħabba l-fatt li dawn il-kumpanniji jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża waħda fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk huma ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq.

Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent tikkontrolla 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun responsabbli għal aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha u li għaldaqstant dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant hija l-kumpannija parent li quddiem il-qorti Komunitarja tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuqha multa minħabba l-aġir tas-sussidjarja tagħha, li għandha ddawwar din il-preżunzjoni billi tipproduċi provi li jistgħu juru l-awtonomija tas-sussidjarja.

Fi kliem ieħor, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex tiġi stabbilita l-preżunzjoni li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, anki jekk jiġi kkonstatat li din il-kumpannija parent ma tkunx ipparteċipat direttament fil-ftehim, ħlief jekk din il-kumpannija tipproduċi prova li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

(ara l-punti 88, 89, 91)

4.      Fid-dawl tal-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, dik tal-Artikolu 65(1) KEFA hija indirizzata, b’mod partikolari, lil “impriżi”. Il-kunċett ta’ impriża għandu l-istess sens f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Konsegwentement, ir-regoli dwar l-imputabbiltà tar-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE huma validi wkoll fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA.

(ara l-punt 92)

5.      Kumpannija kkostitwita 100 % bħala sussidjarja sabiex twettaq waħda mill-attivitajiet ekonomiċi tal-kumpannija parent tista’ tiġi attribwita lilha, bħala suċċessur ekonomiku, ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija parent, u b’hekk, b’konsegwenza, ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja oħra ta’ din il-kumpannija.

Din l-imputabbiltà ta’ responsabbiltà tidher iġġustifikata fir-rigward tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika, żviluppat b’mod partikolari fil-każijiet ta’ ristrutturazzjonijiet jew tibdiliet oħra fi ħdan grupp ta’ impriżi. Fil-fatt, fil-każ ta’ trasferiment tal-attivitajiet ekonomiċi, kemm parti minnhom kif ukoll kollha, minn entità ġuridika lejn oħra, ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-operatur oriġinali, fil-kuntest tal-attivitajiet inkwistjoni, tista’ tiġi attribwita lill-operatur il-ġdid jekk flimkien ma’ din l-entità jikkostitwixxi l-istess entità ekonomika għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, u dan anki jekk l-operatur oriġinali jkun għadu jeżisti bħala entità ġuridika. Tali implementazzjoni tal-penali hija b’mod partikolari ammissibbli ladarba dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u li, fir-rigward tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq livell ekonomiku u organizzattiv, fil-parti l-kbira, applikaw l-istess direttivi kummerċjali. Dan jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-każijiet ta’ ristrutturazzjoni fi ħdan grupp ta’ impriżi, meta l-operatur oriġinali ma jiqafx neċessarjament milli jkollu eżistenza ġuridika, iżda ma jwettaqx iżjed attività ekonomika sinjifikattiva fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan, jekk, bejn l-operatur oriġinali u l-operatur il-ġdid tal-impriża involuta fl-akkordju, teżisti rabta strutturali, il-persuni interessati jistgħu jaħarbu – kemm jekk din tkun l-intenzjoni tagħhom jew le – mir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tad-dritt tal-akkordji billi jieħdu vantaġġ mill-possibbiltajiet strutturali legali disponibbli għalihom.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunċett fundamentali ta’ unità ekonomika, mhuwiex neċessarju li l-Kummissjoni tagħżel li tfittex jew il-kumpanija li kienet attiva fi żmien il-ksur, jew is-suċċessur ekonomiku tagħha f’dan is-settur. Fil-fatt, billi jinkludi l-attivitajiet tal-impriżi, id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa indirizzat lil entitajiet ekonomiċi kkostitwiti minn numru ta’ elementi materjali u umani li jistgħu jingħaqdu għat-twettiq ta’ ksur li jaqa’ taħt l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 65(1) KEFA. Impriża tista’ għaldaqstant tinkludi bosta suġġetti tad-dritt. Kumpannija tista’ tiġi ddikjarata responsabbli in solidum ma’ kumpannija oħra għall-ħlas ta’ multa imposta fuq din il-kumpannija, sew jekk tkun wettqet il-ksur intenzjonalment sew jekk b’negliġenza, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni turi, fl-istess att, li dan il-ksur seta’ ġie wkoll ikkonstatat fi ħdan il-kumpannija li hija responsabbli in solidum għall-multa. Ir-responsabbiltà in solidum tidher għaldaqstant bħala konsegwenza normali tal-imputabbiltà ta’ responsabbiltà tal-aġir ta’ kumpannija lejn oħra, b’mod partikolari meta dawn iż-żewġ kumpanniji jikkostitwixxu l-istess impriża.

(ara l-punti 107-115, 117)

6.      Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni Ġenerali Nru 715/78, dwar il-perijodi ta’ preskrizzjoni fir-rigward ta’ proċeduri u ta’ infurzar ta’ sanzjonijiet skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, u l-Artikolu 25(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, il-preskrizzjoni hija interrotta minn kull att tal-Kummissjoni intiż għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri fir-rigward tal-ksur, innotifikat lil tal-inqas impriża waħda li tkun ipparteċipat fil-ksur, filwaqt li l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika fir-rigward tal-impriżi kollha li jkunu pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni.

B’“impriża li pparteċipat fil-ksur”, għandu fil-fatt jinftiehem kull impriża identifikata bħala tali f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippenalizza ksur. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li impriża ma ġietx identifikata bħala waħda “li pparteċipat fi ksur”, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet inizjali jew, b’mod iktar ġenerali, matul il-proċedura amministrattiva li tikkonċerna l-att li jinterrompi l-preskrizzjoni, mhijiex rilevanti jekk din l-impriża tiġi ulterjorment identifikata bħala tali.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-preskrizzjoni hija interrotta mhux biss fir-rigward tal-impriżi li kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni jew proċeduri, iżda wkoll fir-rigward ta’ dawk li, minkejja li pparteċipaw fil-ksur, għadhom mhumiex magħrufa lill-Kummissjoni u, għaldaqstant, ma kienu suġġetti għal ebda investigazzjoni jew li mhumiex destinatarji ta’ att proċedurali.

Barra minn hekk, kumpannija li lilha jista’ jiġi attribwit l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija oħra, b’mod li titqies li wettqet hija stess dan il-ksur, “tipparteċipa fil-ksur” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punti 143-146)

7.      Talba għal informazzjoni bil-miktub min-naħa tal-Kummissjoni intiża sabiex tinkiseb id-data relatata mad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi suġġetti għal proċedura skont ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni tista’ tikkostitwixxi att neċessarju għall-proċeduri fir-rigward tal-ksur, li tikkostitwixxi att li jinterrompi l-preskrizzjoni, peress li dan jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika li l-multi li hija għandha l-intenzjoni li timponi fuq dawn l-impriżi ma jaqbżux l-ammont massimu tal-multi awtorizzati fil-każ ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

(ara l-punt 147)

8.      Jekk, fir-rigward tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni fir-rigward tal-proċeduri, ir-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, u d-Deċiżjoni Ġenerali Nru 715/78, dwar il-perijodi ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-proċeduri u tal-infurzar ta’ sanzjonijiet skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, jipprovdu espressament l-effett erga omnes tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja, fir-rigward tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni, dawn it-testi ma jiddeċidux il-kwistjoni dwar jekk il-preżentata ta’ rikors għandhiex effett fuq il-partijiet biss, f’liema każ is-sospensjoni tal-preskrizzjoni tul il-proċeduri kollha hija valida biss fir-rigward tal-impriża rikorrenti, jew erga omnes, f’liema każ is-sospensjoni tal-preskrizzjoni matul il-proċeduri hija valida fir-rigward tal-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur, kemm jekk ippreżentaw rikors jew le.

Bħal fil-każ tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, is-sospensjoni tal-preskrizzjoni, li tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Dan il-prinċipju jipprekludi li s-skiet tal-leġiżlatur jista’ jiġi interpretat fis-sens ta’ effett erga omnes. Dan huwa iktar validu meta, b’differenza mill-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tibda proċeduri u li tippenalizza b’mod effettiv il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-sospensjoni tal-preskrizzjoni tikkonċerna, b’definizzjoni, ipoteżi li fiha l-Kummissjoni diġà tkun adottat deċiżjoni. Normalment, ma jkunx iktar neċessarju, f’dan l-istadju, li jiġi inkluż effett erga omnes fuq l-introduzzjoni, minn waħda mill-impriżi penalizzati, ta’ proċeduri quddiem il-qorti Komunitarja. F’din l-ipoteżi, bil-kontra, l-effett inter partes tal-proċeduri ġudizzjarji u l-konsegwenzi marbuta ma’ dan l-effett mill-qorti Komunitarja, bħala prinċipju jipprekludu li l-preżentata ta’ rikors minn impriża destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata jkollha xi tip ta’ impatt fuq is-sitwazzjoni ta’ destinatarji oħra.

Barra minn hekk, jekk huwa minnu li r-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat huma indirizzati lejn impriżi, xorta jibqa’ l-fatt li, għall-finijiet tal-applikazzjoni u tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, huwa meħtieġ li tiġi identifikata, bħala destinatarja, entità li jkollha personalità ġuridika, u li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tippreċiża inekwivokabbilment il-persuna ġuridika li fuqha jistgħu jiġu imposti l-multi u li lilha tiġi indirizzata din id-dikjarazzjoni. Din il-persuna ġuridika hija l-unika li tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva u, għalhekk, huwa biss fil-konfront tagħha li tista’ tiġi prekluża s-sospensjoni tal-preskrizzjoni. Is-sospensjoni tal-preskrizzjoni li tirriżulta mill-fatt li impriża tibda proċeduri quddiem il-qorti Komunitarja tapplika għalhekk għall-entità ġuridika li hija parti fil-kawża, bl-esklużjoni tal-entitajiet ġuridiċi oħra li jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika.

(ara l-punti 151, 153-158)

9.      Peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa ta’ importanza kapitali fil-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli minħabba d-dewmien eċċessiv tal-fażi ta’ investigazzjoni u li dan id-dewmien jista’ jkun ta’ ostakolu biex jiġu prodotti provi intiżi sabiex jikkonfutaw l-eżistenza ta’ aġir li jista’ jwassal biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Għal din ir-raġuni, l-eżami ta’ ostakolu eventwali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża m’għandux ikun limitat għall-fażi stess li fiha dawn id-drittijiet ikollhom l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva. L-evalwazzjoni tas-sors tat-tnaqqis eventwali tal-effettività tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi estiża għal din il-proċedura kollha billi tirreferi għat-tul ta’ żmien totali tagħha. Barra minn hekk, l-oneru tal-prova ta’ ksur eventwali tad-drittijiet tad-difiża, li jirriżulta mill-fatt li impriża tkun sabet diffikultajiet biex tiddefendi ruħha kontra l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, b’konsegwenza tad-dewmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, jaqa’ fuq il-persuna interessata.

(ara l-punti 166, 167)