Language of document : ECLI:EU:T:2010:67

Kawża T-401/06

Brosmann Footwear (HK) Ltd et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Trattament individwali — Teħid ta’ kampjuni — Appoġġ tal-ilment mill‑industrija Komunitarja — Definizzjoni tal-prodott ikkonċernat — Trattament ugwali — Dannu — Aspettattivi leġittimi — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Teħid ta’ kampjuni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 9(6) u 17(1), (2) u (3))

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq fis-sens tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 384/96 — Teħid ta’ kampjuni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 2(7)(b), 9(6) u 17(1) u (3))

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Investigazzjoni — Ftuħ ta’ investigazzjoni fuq ilment ippreżentat minn jew f’isem l-industrija Komunitarja — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 4(1), 5(1), (2) u (4), u 18(1))

4.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Investigazzjoni — Definizzjoni tal-prodott ikkonċernat — Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 1(4), 2 u 3)

5.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Teħid ta’ kampjuni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 17(1))

6.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Investigazzjoni — Kooperazzjoni ta’ kumpannija li wettqet frodi fuq livell nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping

(Artikolu 253 KE)

8.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Dannu — Perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(2))

9.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Dannu — Marġni ta’ qligħ għall-kalkolu tal-prezz indikattiv

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3)

1.      Skont il-kliem tal-Artikolu 17(1) u (3) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 384/96, it-teknika tat-teħid ta’ kampjun, bħala teknika li tippermetti sabiex tilqa’ għan-numri sinjifikattivi ta’ persuni li jilmentaw, ta’ esportaturi, ta’ importaturi, ta’ tipi ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet, tikkostitwixxi limitazzjoni għall-investigazzjoni. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 9(6) tal‑imsemmi regolament bażiku, li jgħid li l-produtturi mhux magħżula fil‑kampjun ma humiex inklużi fl-investigazzjoni.

Madankollu, ir-Regolament bażiku jistabbilixxi li, meta din il-limitazzjoni tintuża, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jissodisfaw żewġ obbligi. L-ewwel nett, il-kampjun totali għandu jkun rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 17(1) u (2) tal‑imsemmi regolament bażiku. Sussegwentement, l-Artikolu 9(6) tal-istess regolament jistabbilixxi li l-marġni ta’ dumping stabbilit għall-produtturi mhux inklużi fil-kampjun ma għandux jaqbeż il-marġni medja peżata ta’ dumping stabbilita għall-partijiet li jikkostitwixxu l-kampjun.

(ara l-punti 72, 73)

2.      F’każ ta’ użu tat-teknika tat-teħid ta’ kampjun kif previst fl-Artikolu 17 tar‑Regolament bażiku antidumping Nru 384/96, il-produtturi li ma humiex inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu l-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali, li jippreżumi li talba għal status ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jew għal trattament individwali, tiġi aċċettata meta tirrigwarda pajjiżi kkonċernati mill‑Artikolu 2(7)(b) tal-imsemmi regolament bażiku, biss fuq il-bażi tal‑Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa ta’ evalwazzjoni dwar jekk, fid‑dawl tan-numru ta’ dawn it-talbiet, l-eżami tagħhom jikkomplikax b’mod inġustifikat l-inkarigu tagħha u jipprekludix il-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.

Minn dan jirriżulta li r-Regolament bażiku antidumping ma jagħtix lill-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun dritt inkundizzjonat sabiex jibbenefikaw mill‑kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni ta’ tali talba tiddependi mid-deċiżjoni tal‑Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal‑Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament bażiku. Barra minn hekk, peress li l‑għoti ta’ tali status jew trattament iservi biss, skont l‑Artikolu 2(7)(b) tal-istess regolament, sabiex jiġi stabbilit il-metodu tal-kalkolu tal-valur normali bil-għan ta’ kalkolu tal-marġnijiet ta’ dumping individwali, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata li teżamina t-talbiet ġejjin mill-operaturi li ma humiex inklużi fil‑kampjun, meta hija tkun ikkonkludiet, fil-kuntest tal‑applikazzjoni tal‑Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-kalkolu ta’ tali marġnijiet jikkomplika b’mod inġustifikat l-inkarigu tagħha u jipprekludiha milli tikkonkludi l‑investigazzjoni fi żmien xieraq.

L‑applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tammontax għal ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-kumpanniji inklużi fil-kampjun u dawk li ma humiex inklużi fih, peress li dawn iż-żewġ kategoriji jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti, għaliex, għall-ewwel kategorija, il-Kummissjoni hija obbligata li tikkalkola marġni ta’ dumping individwali, liema ħaġa tippreżumi l-eżami u l‑aċċettazzjoni ta’ tali talba għal status jew trattament, filwaqt li hija ma hijiex obbligata li tistabbilixxi marġni individwali għat-tieni kategorija.

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-kumpanniji mhux inklużi fil-kampjun, ma jimponix fuq il-Kummissjoni li hija tiddeċiedi fuq it‑talbiet kollha li sarulha, b’tali mod li jkun jista’ jiġi applikat fil-konfront tal‑produtturi jew l-esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, iżda li ngħatalhom tali status jew tali trattament, il-marġni medju tad-dumping tal-kumpanniji fil-kampjun li jkun ingħatalhom tali status jew tali trattament.

Fil-fatt, fil-każ fejn in-numru ta’ talbiet ikun daqshekk sinjifikattiv li l-eżami tagħhom jimpedixxi lill-istituzzjonijiet Komunitarji milli jikkonkludu l‑investigazzjoni fi żmien xieraq, dawn ma humiex, skont l‑Artikolu 17(3) tar‑Regolament bażiku, obbligati li jiddeċiedu fuq dawn it-talbiet kollha, u dan iseħħ bl-għan uniku li ssir distinzjoni, fost il-kumpanniji mhux magħżula fil‑kampjun, bejn dawk li jistgħu jibbenefikaw minn tali status jew trattament u dawk li ma jistgħux, bil-għan li jiġi applikat għalihom il-marġni medju ta’ dumping tal-kumpanniji fil-kampjun li ngħatalhom tali status jew trattament, mingħajr ma jsir, madankollu, il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali.

(ara l-punti 76-78, 81-83)

3.      Mill-Artikolu 5(1) u (4) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 384/96 jirriżulta li investigazzjoni antidumping tinbeda validament, ħlief bl-applikazzjoni tal‑paragrafu 6 tal-istess artikolu, jekk ilment jiġi ppreżentat minn jew f’isem l‑industrija Komunitarja. Ilment jitqies li ġie ppreżentat minn jew f’isem l‑industrija Komunitarja meta jkun appoġġat minn produtturi Komunitarji li jirrappreżentaw, fir-rigward tal-prodott simili, iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili ġġenerata minn dik il-parti tal-industrija Komunitarja li tesprimi l-appoġġ jew l-oppożizzjoni tagħha għall-ilment. Barra minn hekk, il‑produtturi li jappoġġaw espressament l-ilment għandhom ukoll jirrappreżentaw mill-inqas 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili mmanifatturat mill‑industrija Komunitarja.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “appoġġ”, l-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament bażiku jipprovdi li lment għandu jikkontjeni provi dwar l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejniethom. F’dan ir-rigward, ilment għandu jikkontjeni ċertu ammont ta’ informazzjoni li tista’ raġonevolment tkun għad‑dispożizzjoni ta’ min iressaq l-ilment.

Għalhekk, l-appoġġ għall-ilment imressaq minn jew f’isem l-industrija Komunitarja jimplika għal dak jew dawk li jressqu l-ilment(i), u għall-persuni li dan ġie ppreżentat f’isimhom, fl-ewwel lok, il-fornitura tal-elementi li l-Kummissjoni titlob sabiex tivverifika li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall‑impożizzjoni ta’ dazju antidumping u, fit-tieni lok, l-aċċettazzjoni li wieħed jissottoponi ruħu għal kull kontroll li l-Kummissjoni tista’ twettaq sabiex teżamina jekk l-elementi fornuti jikkorrispondux mar-realtà.

B’hekk, meta produttur Komunitarju jiddikjara li ma jaċċettax il-verifika tal‑informazzjoni li huwa pprovda insostenn ta’ lment imressaq minnu jew f’ismu, dan għandu, fl-ewwel lok, jitqies bħala produttur li jirrifjuta li jikkoopera fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku u, fit-tieni lok, ikun eskluż mill-grupp tal-produtturi li jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-ilment fis-sens tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

(ara l-punti 103-106)

4.      Id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping għandha bħala għan li tgħin fit-tfassil ta’ lista tal-prodotti li, skont il-każ, ikunu s‑suġġett għall-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Għall-finijiet ta’ din l‑operazzjoni, l-istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħall‑karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l‑interkambjabbiltà tagħhom, il-perċezzjoni li l-konsumaturi għandhom tagħhom, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-proċess tal-manifattura, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il‑kwalità, eċċ. B’hekk, allegazzjoni li tgħid li prodott determinat għandu jiġi eskluż mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat għandha tkun ibbażata fuq argumenti intiżi li juru jew li l-istituzzjonijiet wettqu evalwazzjoni żbaljata fir‑rigward tal-fatturi li huma kkunsidraw rilevanti, jew li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra iktar rilevanti kienet timponi l-esklużjoni ta’ dan il-prodott mid‑definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(ara l-punti 131, 132)

5.      Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 384/96, l-użu tat‑teknika tat-teħid ta’ kampjun jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-investigazzjoni għal numru raġonevoli ta’ partijiet, ta’ prodotti jew ta’ transazzjonijiet bl-użu ta’ kampjuni statistikament rappreżentattivi jew għall-ikbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ esportazzjonijiet li l-investigazzjoni tista’ raġonevolment titratta fuqha, b’kunsiderazzjoni taż-żmien disponibbli. Din id‑dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tagħżel lil dawk li ser ikunu inklużi fil-kampjun minn fost il-kumpanniji li kienu volontarji sabiex jipparteċipaw fil-kampjun u li pprovdew l-informazzjoni neċessarja għal dan il‑għan. Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li imsemmija dispożizzjoni tagħti lill‑Kummissjoni, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja fuq l-għażla magħmula f’dan ir-rigward titratta l-verifika tal-osservanza tar-regoli tal‑proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punti 146, 147)

6.      Il-fatt li impriża wettqet frodi fuq livell nazzjonali mhux neċessarjament jimplika li hija ma tikkooperax f’investigazzjoni antidumping tal-istituzzjonijiet Komunitarji u li hija tipprovdi informazzjoni skorretta f’dan il-kuntest. Anki jekk jitqies li l-impriża kkonċernata wetqet frodi fuq livell nazzjonali, fih innifsu dan ma jippermettix li jiġi konkluż li l-informazzjoni li din ipprovdiet fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping ma tkunx affidabbli jekk l-imsemmija informazzjoni ma jkollha l-ebda rabta mal-imsemmija frodi.

(ara l-punt 168)

7.      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tar-regolamenti li jimponu dazji antidumping tispeċifika d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi, xi kultant numerużi u kumplessi ħafna, li huma s-suġġett tagħhom, peress li dawn ir-regolamenti jidħlu fil-kuntest sistematiku tal-miżuri kollha li jiffurmaw parti minnu. F’dan ir‑rigward, huwa suffiċjenti li r-raġunament tal-istituzzjonijiet Komunitarji fir-regolamenti jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ma humiex marbuta li jadottaw pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemhom mill‑partijiet ikkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li jiġu esposti l-fatti u l‑kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad‑deċiżjoni.

(ara l-punti 180, 181)

8.      L-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ma tikkostitwixxix is-sanzjoni ta’ aġir preċedenti, iżda miżura ta’ difiża u ta’ protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill-prattiċi ta’ dumping. Għaldaqstant, huwa neċessarju li l‑investigazzjoni ssir abbażi ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun attwali sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti dazji antidumping li jkunu adegwati sabiex tiġi protetta l-industrija Komunitarja kontra l-prattiċi ta’ dumping.

Meta l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw li l-importazzjonijiet ta’ prodott li sa dak iż‑żmien ikun ġie ssuġġettat għal restrizzjonijiet kwantitattivi jiżdiedu wara l‑iskadenza tal-imsemmija restrizzjonijiet, huma jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni din iż-żieda għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

(ara l-punti 198, 199)

9.      Xejn ma jobbliga lill-istituzzjonijiet Komunitarji li jibbażaw ruħhom biss fuq informazzjoni li tirrigwarda l-prodott ikkonċernat sabiex jiġi evalwat il-marġni ta’ qligħ li tkun għamlet l-industrija Komunitarja fin-nuqqas ta’ dumping dannuż. B’mod kuntrarju, huwa mixtieq li huma jibbażaw ruħhom fuq prodotti relatati, li jixxiebħu fis-sens wiesa’ tal-prodott ikkonċernat. Anki jekk dawn il-prodotti ma jiffurmawx parti mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-marġni ta’ qligħ li l‑industrija Komunitarja għamlet għal dawn il-prodotti jista’ jitqies bħala indikazzjoni valida tal-marġni ta’ qligħ li l-produtturi Komunitarji għamlu fuq il‑bejgħ tal-prodott ikkonċernat fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping.

(ara l-punt 208)