Language of document : ECLI:EU:T:2010:67

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tmien Awla)

4 ta’ Marzu 2010 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam – Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Trattament individwali – Teħid ta’ kampjuni – Appoġġ tal-ilment mill-industrija Komunitarja – Definizzjoni tal-prodott ikkonċernat – Trattament ugwali – Dannu – Aspettattivi leġittimi – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T-401/06,

Brosmann Footwear (HK) Ltd, stabbilita f’Kowloon (iċ-Ċina),

Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, stabbilita f’Zhongshan (iċ-Ċina),

Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd, stabbilita f’Guangzhou (iċ-Ċina),

Risen Footwear (HK) Co., Ltd, stabbilita f’Kowloon,

irrappreżentati minn L. Ruessmann u A. Willems, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u T. Scharf, bħala aġenti,

u minn

Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn P. Vlaemminck, G. Zonnekeyn u S. Verhulst, sussegwentement minn P. Vlaemminck u A. Hubert, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006, tal-5 ta’ Ottubru 2006, [li] jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [żraben] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 352M, p. 485), sa fejn ir-regolament jirrigwarda lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 1(1), (2) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10 p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir- “Regolament bażiku”), jistabbilixxi li:

“1. Dazju kontra xiri taħt il-prezz [Dazju antidumping] jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara [dannu].

2. Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala mixtri taħt il-prezz jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

[…]

4. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “prodott simili” għandu jiġi interpretat biex ifisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ prodott bħal dan, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l-istess f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.”

2        Fir-rigward tar-rekwiżiti għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“MET”), l-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku jistipula:

“b)      Fl-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet […] [m]ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina […], il-valur normali jkun stabbilit skond kif provdut fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati […], li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw.

(ċ)      Pretensjoni skond [l-Artikolu 2(7)] subparagrafu (b) trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza li l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq […]

         Għandu jiġi stabilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni […]”

3        Fir-rigward tal-mod ta’ kif għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu, l-Artikolu 3(2), (3), (6) u (7) tar-Regolament bażiku jistipula li:

“2. Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’ (a) il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet mibjugħin taħt il-prezz fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm (b) l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

3. […] Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta’ l-importazzjonijiet meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti […]

6. Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skont il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.

7. Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma hijiex attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja.”

4        Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-bidu tal-proċeduri antidumping, l-Artikolu 5(2), (3) u (4) tar-Regolament bażiku jistipula:

“2. Ilment taħt paragrafu 1 għandu jinkludi evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz, ħsara u rabta każwali [kawżali] bejn l-importazzjonijiet allegatament li huma l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara allegata […]

3. Il-Kummissjoni għandha sakemm ikun possibbli, teżamina l-preċiżjoni ta’ l-evidenza mogħtija fl-ilment biex tiddetermina jekk hemmx biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ investigazzjoni.

4. Investigazzjoni ma għandhiex tinbeda skond il-paragrafu 1 sakemm ma tkunx ġiet stabbilita, fuq il-bażi ta’ eżaminazzjoni dwar il-livell ta’ appoġġ għal, jew oppożizzjoni għall-ilment espress mill-produtturi Komunitarji ta’ l-istess prodott, li l-ilment sar minn jew għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja. L-ilment għandu jiġi kkunsidrat li jkun ġie magħmul minn jew għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja jekk ikun appoġġjat minn dawk il-podutturi Komunitarji li produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali ta’ l-istess prodott, prodott minn dak il-porzjon ta’ l-industrija Komunitarja li jappoġġja jew jopponi lill-ilment. Madanakollu, ebda investigazzjoni ma għandha tinbeda meta produtturi Komunitarji li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili prodott mill-industrija Komunitarja.”

5        L-Artikolu 6(8) u (9) tar-Regolament bażiku jistipula:

“8. Għajr fiċ-ċirkustanzi li jipprevedi għalihom l-Artikolu 18, l-informazzjoni li tiġi fornuta mill-partijiet interessati u li fuqha huma bbażati s-sejbiet għandha tiġi eżaminata għall-preċiżjoni sakemm ikun possibbli.

9. Għall-proċeduri mibdija skond l-Artikolu 5(9), investigazzjoni għandha, kull fejn possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, investigazzjonijiet bħal dawn għandhom fil-każijiet kollha jiġu konklużi fi żmien 15-il xahar mill-bidu, skond is-sejbiet magħmula skond l-Artikolu 8 għall-attivitajiet jew is-sejbiet magħmula skond l-Artikolu 9 għal azzjoni definittiva.”

6        Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5), u l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku:

“5. […]

a) Madankollu, fejn japplika l-Artikolu 2(7)(a), għandu jiġi speċifikat dazju individwali għall-esportaturi li jistgħu juru, fuq bażi ta’ pretensjonijiet sostanzjati li:

a)      fil-każ ta’ ditti li huma kompletament jew parjalment ta’ sidien barranin jew intrapriżi konġunti, huma liberi li jibgħatu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti;

b)      il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u l-kwantitajiet u l-kondizzjonijiert u t-termini tal-bejgħ huma determinati liberament;

ċ)      il-maġġoranza ta’ l-ishma jappartjenu lil persuni privati, L-uffiċjali ta’ l-Istat li jidhru fuq il-Bord tad-Diretturi jew li għandhom karigi maniġerjali importanti jew huma fil-minoranza jew għandu jintwera’ li l-kumpannija hi xorta waħda indipendenti biżżejjed mill-indħil ta’ l-Istat;

d)      il-konverżjonijiet tal-kambju jitwettqu skond ir-rata fis-suq; u

e)      l-indħil ta’ l-Istat mhux tali li jippermetti ħelsien mir-restrizzjonijiet ta’ miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħatawlhom rati differenti ta’ dazju.

6. Fejn il-Kummissjoni llimitat l-eżaminazzjoni tagħha skond l-Artikolu 17, kwalunkwe dazju kontra l-bejgħ taħt il-prezz applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li għamlu lilhom infushom magħrufa skond l-Artikolu 17 imma ma ġewx inklużi fl-eżaminazzjoni ma għandux jaqbeż il-marġini medja stabbilit għall-partijiet fil-kampjun […] Dazji individwali għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet minn kwlaunkwe esportatur jew produttur li huwa mogħti trattament individwali, kif previsti fl-Artikolu 17.”

7        Fir-rigward tat-teknika tat-teħid tal-kampjuni, l-Artikolu 17(1) u (3) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li:

“1. F’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet [transazzjonijiet] huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transizzjonijiet [transazzjonijiet] bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum [rappreżentattiv] ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

[…]

3. F’każijiet fejn l-eżaminazzjoni tkun ġiet limitata skond dan l-Artikolu, il-marġini individwali tal-bejgħ taħt il-prezz [tad-dumping] għandu, madanakollu, jiġi kkalklulat għal kwalunkwe esportatur jew produttur mhux inizjalment magħżul li jissottometti l-informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien previsti f’dan id-Regolament, ħlief fejn in-numru ta’ esportaturi jew produtturi jkun daqshekk kbir li eżaminazzjonijiet individwali kienu jkunu ta’ piż mhux dovut u kienu jkunu ta’ xkiel għat-tmiem ta’ l-investigazzjoni f’qasir żmien.”

8        Skont l-Artikolu 18(3) u (4) tar-Regolament bażiku:

“3. Fejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien u li din tista’ tiġi vverifikata, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

4. Jekk evidenza jew informazzjoni mhumiex aċċettati, il-parti li tforni l-informazzjoni għandha tiġi infurmata mill-ewwel bir-raġunijiet segwenti u għandha tiġi mogħtija l-opporunità li tagħti iktar spjegazzjonjiet fi żmien il-limitu ta’ żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet jiġu kkunsidrati mhux soddisfaċenti, ir-raġunijiet għal ċaħda ta’ evidenza jew informazzjoni bħal din għandhom jiġu rivelati u mogħtija f’sejbiet pubblikati.”

9        L-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li:

“1. Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu żvelar tad-dettalji taħt il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet fuq il-bażi li fuqha ġew imposti l-miżuri proviżjonali. Talbiet għal żvelar bħal dan għandhom jiġu magħmula bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżjonali, u l-iżvelar għandu jsir bil-miktub kemm jista’ jkun malajr possibbli wara.

2. Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċeduri mingħajr impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-iżvelar ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżuri proviżjonali.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament ikkontestat

10      Ir-rikorrenti, Brosmann Footwear (HK) Ltd, Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd u Risen Footwear (HK) Co., Ltd, huma kumpanniji stabbiliti fiċ-Ċina li jipproduċu u jesportaw żraben.

11      L-importazzjoni ta’ żraben li ġejjin miċ-Ċina li jaqgħu f’ċerti kategoriji tan-Nomenklatura Magħquda kienu suġġetti għal sistema ta’ kwoti kwantitattivi li skadiet fl-1 ta’ Jannar 2005.

12      Wara ilment ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2005 mill-Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bdiet proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam. L-avviż tal-ftuħ ta’ din il-proċedura ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2005 (ĠU C 166, p. 14, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ bidu ta’ proċedura”).

13      Fid-dawl tan-numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati, ġie kkunsidrat, fil-punt 5(1)(a) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, li jsir użu mit-teknika tat-teħid ta’ kampjun, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

14      Ir-rikorrenti kkuntattjaw lill-Kummissjoni u fil-25 u 26 ta’ Lulju 2005 għaddewlha l-informazzjoni mitluba fil-punt 5(1)(a)(i) u (e) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura sabiex ikunu jiffurmaw parti mill-kampjun tal-produtturi-esportaturi li din l-istituzzjoni pproponiet li tistabbilixxi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u sabiex jingħataw il-MET jew, fin-nuqqas, li jibbenefikaw minn trattament individwali (iktar ’il quddiem “IT”).

15      Fit-23 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 553/2006 li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam (ĠU L 98, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

16      Skont il-premessa 9 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kopriet il-perijodu mill-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tal-kawżi rilevanti sabiex jiġi evalwat d-dannu kien jirrigwarda l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”).

17      Peress li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit valur normali tal-prodotti tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi u Vjetnamiti li għalihom l-MET jista’ ma jingħatax, saret żjara ta’ verifika fil-bini ta’ tliet kumpanniji Brażiljani. Iż-żjara ta’ verifika kienet maħsuba sabiex tistabbilixxi l-valur normali fuq il-bażi ta’ data li tikkonċerna pajjiż simili, li f’dan il-każ kienet ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil (premessa 8 tar-Regolament provviżorju).

18      Mill-premessi 10, 11, 40 u 41 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-prodott ikkonċernat jinkludi essenzjalment sandlijiet, buts, żraben normali u żraben formali, ilkoll prodotti bil-parti ta’ fuq tal-ġilda naturali jew rikostitwita. Barra minn hekk, mill-premessi 12 sa 31 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni eskludiet mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat iż-żraben tal-isports b’teknoloġija speċjali (Special Technology Athletic Footwear, iktar ’il quddiem, l-“iSTAF”) u li hija inkludiet f’din l-esklużjoni ż-żraben għat-tfal. Skont il-premessa 38 tar-Regolament provviżorju, iż-żraben kollha bil-parti ta’ fuq tal-ġilda, għalkemm ta’ tip u ta’ stili differenti ħafna, għandhom l-istess karatteristiċi essenzjali, huma intiżi għall-istess użu u jibbenefikaw minn l-istess perċezzjoni mill-konsumaturi. B’hekk, dawn it-tipi u stili ta’ żraben huma, skont il-premessa 39 tal-istess regolament, f’kompetizzjoni diretta u, ħafna drabi, interkambjabbli.

19      B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 52 tar-Regolament provviżorju, li t-tipi kollha ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda naturali jew rikostitwita prodotti u mibjugħa fil-pajjiżi kkonċernati u fil-Brażil u dawk prodotti u mibjugħa fis-suq tal-Komunità mill-industrija Komunitarja kienu simili għal dawk esportati mill-pajjiżi kkonċernati lejn il-Komunità.

20      Sabiex tistabbilixxi d-dumping, il-Kummissjoni użat it-teknika tat-teħid ta’ kampjun. Skont il-premessa 55 tar-Regolament provviżorju, fost il-produtturi-esportaturi Ċiniżi li resqu ’l quddiem sabiex jiġu inklużi fil-kampjun, 154 minnhom esportaw lejn il-Komunità waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni. Skont din l-istess premessa, fil-bidu, dawn il-kumpanniji tqisu li kooperaw u ġew ikkunsidrati għall-finijiet tal-kompożizzjoni tal-kampjun.

21      Mill-premessa 57 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni fl-aħħar nett ħadet kampjun li kien jinkludi tlettax-il produttur-esportatur Ċiniż li jirrappreżentaw iktar minn 20 % tal-volum tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Komunità. Skont il-premessa 59 tal-istess regolament, il-kriterji meqjusa għall-finijiet tal-għażla inkwistjoni kienu, l-ewwel nett, id-daqs tal-produttur-esportatur f’termini ta’ bejgħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, u, it-tieni nett, id-daqs ta’ dawn il-produtturi-esportaturi f’termini ta’ bejgħ nazzjonali. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar kriterju, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 60 tar-Regolament provviżorju, li d-data marbuta mal-bejgħ nazzjonali żżid ir-rappreżentattività tal-kampjun billi tipprovdi informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-swieq nazzjonali. Skont il-premessa 61 tar-Regolament provviżorju, il-kumpanniji Ċiniżi magħżula fil-kampjun kienu jirrappreżentaw 25 % tal-volum esportat lejn il-Komunità u 42 % tal-bejgħ fis-suq intern Ċiniż li sar mill-produtturi li kooperaw fl-investigazzjoni. Skont din l-istess premessa, l-esklużjoni tal-iSTAF mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma kellhiex konsegwenza sinjifikattiva fuq ir-rappreżentattività tal-kampjuni.

22      Skont il-premessa 62 tar-Regolament provviżorju, il-produtturi-esportaturi mhux magħżula fil-kampjun ġew informati li kull dazju antidumping li jikkonċernahom kien ser jiġi kkalkolat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-talbiet imressqa minn dawn il-produtturi-esportaturi intiżi sabiex il-marġni antidumping jiġi kkalkolat individwalment skont l-Artikolu 9(6) u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 64 tar-Regolament provviżorju, li l-eżami individwali tagħhom jikkomplika xogħolha għalxejn u jimpediha milli tikkonkludi l-investigazzjoni fit-terminu previst. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-marġni ta’ dumping ta’ dawn il-produtturi ġie ddeterminat billi ġiet stabbilita l-medja peżata tal-marġni ta’ dumping tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-kampjun (premessi 135 u 143 tar-Regolament provviżorju).

23      Waħda mit-tlettax-il kumpannija inizjalment inklużi fil-kampjun ma weġbitx għall-kwestjonarju antidumping li bagħtitilha l-Kummissjoni (premessa 63 tar-Regolament provviżorju).

24      Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-industrija Komunitarja, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 150 tar-Regolament provviżorju, li l-persuni li jilmentaw jammontaw għal 42 % tal-produzzjoni totali Komunitarja tal-prodott ikkonċernat. Skont il-premessi 65 u 151 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ għaxar produtturi Komunitarji stabbilit fuq il-bażi tal-volum tal-produzzjoni u tal-istabbiliment tagħhom. Il-produtturi inklużi fil-kampjun jirrappreżentaw 10 % tal-produzzjoni tal-persuni li jilmentaw. B’hekk, ġie kkunsidrat li t-814-il produttur Komunitarju li f’isimhom kien ġie ppreżentat l-ilment kienu jikkostitwixxu l-“industrija Komunitarja” fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku (premessa 152 tar-Regolament provviżorju).

25      Għal dak li jirrigwarda l-identità tal-produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun, il-Kummissjoni osservat li xi uħud kellhom, fil-Komunità, klijenti li kienu jfornu ruħhom ukoll miċ-Ċina u mill-Vjetnam, u li b’hekk kienu jibbenefikaw direttament mill-importazzjonijiet inkwistjoni. Konsegwentement, l-imsemmija produtturi jinsabu f’“sitwazzjoni delikata”, peress li xi wħud mill-klijenti tagħhom jistgħu jieħduha kontrihom talli ppreżentaw jew appoġġaw ilment dwar il-prattiċi preżunti ta’ dumping dannuż. B’hekk, dawn il-produtturi jikkunsidraw li huma jistgħu jkunu l-“mira ta’ attakki” minn naħa ta’ xi wħud mill-klijenti tagħhom, li jistgħu eventwalment iwasslu għat-tmiem tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. B’hekk, il-Kummissjoni laqgħet it-talba għall-kunfidenzjalità tal-kumpanniji magħżula fil-kampjun f’dak li jirrigwarda l-iżvelar ta’ isimhom (premessa 8 tar-Regolament provviżorju).

26      Fir-rigward tal-livell li l-miżuri antidumping provviżorji kellhom jilħqu sabiex jeliminaw id-dannu, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 284 tar-Regolament provviżorju, li seta’ jiġi mistenni marġni ta’ qligħ ta’ 2 % fuq id-dħul mill-bejgħ għall-industrija Komunitarja fin-nuqqas ta’ dumping dannuż. Dan il-marġni ta’ qligħ jikkorrispondi, skont din l-istess premessa, mal-iktar qligħ għoli li sar mill-industrija Komunitarja matul il-perijodu kkunsidrat u, b’mod iktar preċiż, fl-2002, meta l-pajjiżi kkonċernati kellhom ishma mis-suq relattivament baxxi meta pparagunati ma’ dawk irreġistrati matul il-perijodu ta’ investigazzoni.

27      B’ittri tas-7 u tat-12 ta’ April 2006, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament bażiku rispettivament, bagħtet lir-rikorrenti kopja tar-Regolament provviżorju u dokument bl-informazzjoni dwar id-dettalji li jenfasizzaw il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġew imposti dazji antidumping provviżorji (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ informazzjoni intermedjarja”). Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex sat-8 ta’ Mejju 2006 jibagħtulha l-kummenti eventwali tagħhom dwar dawn id-dokumenti.

28      B’ittri tat-8 ta’ Mejju 2006, tnejn mir-rikorrenti, Brosmann Footwear (HK) (iktar ’il quddiem “Brosmann”) u Lung Pao Footwear (Guangzhou) (iktar ’il quddiem “Lung Pao”), ikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kummenti tagħhom fuq ir-Regolament provviżorju u d-dokument ta’ informazzjoni intermedjarja.

29      Fit-2 ta’ Ġunju 2006, seħħet laqgħa bejn Lung Pao u l-Kummissjoni fis-sede tal-Kummissjoni.

30      B’faks tat-8 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni, skont l-Artikoli 20(2) sa (4) tar-Regolament bażiku, bagħtet lir-rikorrenti dokument finali ta’ informazzjoni fuq il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġiet proposta l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi. Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex sas-17 ta’ Lulju 2006 jibgħatulha l-kummenti tagħhom dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni.

31      B’ittra tat-28 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali.

32      B’ittri tas-17 ta’ Lulju u tat-2 ta’ Awwissu 2006, tlieta mir-rikorrenti, Brosmann, Seasonable Footwear (Zhongshan), Lung Pao kif ukoll Novi Footwear (Far East) Pte Ltd, ikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kummenti tagħhom dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni u d-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali. B’ittra tas-7 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti l-oħra, Risen Footwear (HK) Co. ikkomunikat lill-Kummissjoni l-kummenti tagħha dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali.

33      Fil-5 ta’ Ottubru 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 1472/2006, [li] jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [żraben] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 352M, p. 485, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”). Skont ir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda naturali jew rikostitwita, bl-esklużjoni taż-żraben tal-isports, tal-iSTAF, tal-papoċċi u ta’ żraben oħra ta’ ġewwa u ta’ żraben b’maskretta protettiva li joriġinaw miċ-Ċina u li jaqgħu taħt diversi subtitoli tan-Nomenkaltura Magħquda (Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat). Ir-rata ta’ dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, ġiet stabbilita, għaż-żraben immanifatturati mir-rikorrenti, għall-16.5 %. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, dan kien applikabbli għal perijodu ta’ sentejn.

34      Fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, il-Kunsill ikkonferma l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), li jgħidu li l-iSTAF kellhom jiġu esklużi mid-definizzjoni ta’ dan, filwaqt li ż-żraben għat-tfal kellhom jiġu inklużi fih (premessi 19 u 25 tar-Regolament ikkontestat). Min-naħa l-oħra, il-Kunsill ċaħad it-talbiet intiżi sabiex jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat sitt tipi ta’ żraben, fosthom iż-żraben li jużaw teknoloġiji brevettati. Fir-rigward ta’ din l-aħħar kategorija ta’ żraben, il-Kunsill sostna li teknoloġija brevettata ma kinitx tirrapreżenta, fiha nnifisha, modifika sostanzjali tal-karatteristiċi li jgħamluhom żraben intiżi għal użu ordinarju. B’hekk, dawn iż-żraben jibqgħu f’kompetizzjoni mal-produzzjoni Komunitarja tal-prodott ikkonċernat (premessa 37 tar-Regolament ikkontestat).

35      F’dak li jirrigwarda r-rappreżentattività tal-kampjun tal-produtturi Ċiniżi, il-Kunsill enfasizza, fil-premessa 44 tar-Regolament ikkontestat, li l-impriżi li jiffurmaw parti minnu jirrapreżentaw iktar minn 12 % tal-esportazzjonijiet lejn il-Komunità provenjenti minn produtturi li kooperaw fl-investigazzjoni. Peress li l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku ma jipprovdix għal limitu tal-livell ta’ rappreżentattività, il-kampjun stabbilit huwa rappreżentattiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

36      Fil-premessa 46 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill ippreċiża wkoll li l-metodu applikat kellu bħala għan li jiżgura rappreżentattività kemm jista’ jkun kbira tal-kampjuni, u li jiġu inklużi, fl-ikbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet li fuqu l-investigazzjoni setgħet raġonevolment titratta, kumpanniji li jwettqu bejgħ domestiku rappreżentattiv.

37      Fir-rigward tal-kampjun tal-produtturi Komunitarji, il-Kunsill ċaħad, fil-premessi 53 sa 59 tar-Regolament ikkontestat, l-ilmenti kollha li jikkontestaw ir-rappreżentattività tagħha u, konsegwentement, ikkonferma l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni kienet wettqet fir-Regolament provviżorju (ara l-punt 24 iktar ’il fuq).

38      Fir-rigward tal-kwistjonijiet marbuta mat-talbiet imressqa minn diversi kumpanniji dwar l-għoti tal-MET, li dwarhom il-Kummissjoni ma kkumentatx, il-Kunsill iddedika l-premessi 60 sa 65 tar-Regolament ikkontestat għalihom.

39      Skont dawn il-premessi, il-fatt li l-Kummissjoni ma rrispondietx individwalment għall kull talba li saritilha f’dan ir-rigward ma jikkostitwixxix ksur tar-Regolament bażiku. Kuntrarjament, dan huwa konformi mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Dan il-metodu ta’ teħid ta’ kampjun stabbilit minn dan l-artikolu japplika wkoll fil-każ meta numru għoli ta’ kumpanniji kkonċernati jitolbu li jingħataw MET jew IT. F’din il-kawża, in-numru eċċezzjonalment għoli ta’ talbiet imressqa mill-kumpanniji kkonċernati ma jħalli l-ebda alternattiva oħra għall-amministrazzjoni ħlief li teżamina biss dawk li huma ġejjin mill-kumpanniji tal-kampjun u dan sabiex l-obbligi li jirriżultaw mill-analiżi tal-fajl kemm jista’ jkun individwalizzat jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tat-termini obbligatorji. Dan kien jimplika l-applikazzjoni, għal kull kumpannija mhux magħżula fil-kampjun, tal-marġni medju peżat ikkalkolat għall-impriżi tal-kampjun. B’hekk jirriżulta li l-ilmenti mressqa matul il-proċedura amministrattiva, li jgħidu li l-kalkolu tad-dumping ma kienx rappreżentattiv, għandhom ukoll jiġu miċħuda.

40      Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għat-talbiet għall-għoti ta’ IT.

41      Fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija Komunitarja, il-Kunsill enfasizza, fil-premessa 157 tar-Regolament ikkontestat, li l-ebda mill-persuni li lmentaw ma kien naqas milli jikoopera fl-investigazzjoni. Il-kwestjonarji kompluti dwar id-dannu ntbagħtu biss lill-produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun, liema ħaġa tirriżulta min-natura stess tal-kampjun (premessa 158 tar-Regolament ikkontestat).

42      Fir-rigward tal-livell li kellhom jilħqu l-miżuri antidumping definittivi sabiex jiġi eliminat id-dannu, il-Kunsill irrefera, fil-premessa 292 tar-Regolament ikkontestat, għal elementi mressqa mill-industrija Komunitarja wara l-impożizzjoni tad-dazji provviżorji, li juru li l-marġni ta’ qligħ ta’ 2 % stabbilit mir-Regolament provviżorju (ara l-punt 26 iktar ’il fuq) kellu jerġa jiġi eżaminat. Fuq din il-bażi, il-Kunsill mexxa dan il-marġni ta’ qligħ għal 6 % tad-dħul mill-bejgħ tal-industrija Komunitarja, filwaqt li ppreċiża li din kienet laħqet tali marġni ta’ qligħ f’dak li jirrigwarda ż-żraben li ma kinux is-suġġett ta’ dumping dannuż.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentaw din il-kawża.

44      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qed tirrinunzja milli tippreżenta nota ta’ intervent, iżda li kienet se tieħu sehem fis-seduta.

45      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2007, is-CEC talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

46      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Mejju 2007 u fit-30 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti talbu sabiex ċerti dokumenti u informazzjoni li kienu jinsabu fin-noti tagħhom jkunu esklużi mill-atti kkomunikati lis-CEC skont l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għal dan il-għan, huma pproduċew verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kkonċernati.

47      B’digriet tat-2 ta’ Awwissu 2007, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta t-talbiet għal intervent ippreżentati mill-Kummissjoni u mis-CEC.

48      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Awwissu 2007, is-CEC iddikjarat li ma topponix it-talba għall-kunfidenzjalità mressqa mir-rikorrenti.

49      Is-CEC ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fid-19 ta’ Settembru 2007.

50      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat mat-Tmien Awla, u għalhekk, il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha.

51      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

52      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2009.

53      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn dan jimponi dazji antidumping fuq iż-żraben li huma jesportaw;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

54      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

55      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

56      Is-CEC titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha.

 Id-dritt

57      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu tmien motivi, ibbażati rispettivament fuq:

–        ksur tal-Artikolu 2(7)(b), u tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi,

–        ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ), u tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, kif ukoll ksur tad-drittijiet tad-difiża,

–        żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku,

–        żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll ksur tal-Artikolu 1(4) u tal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament bażiku,

–        żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 253 KE,

–        żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 253 KE,

–        żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku,

–        żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

58      Peress li l-ewwel żewġ motivi jirrigwardaw l-iżbalji li allegatament wettqet il-Kummissjoni meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-MET jew l-IT, madankollu mingħajr ma eżaminat it-talbiet tagħhom għal MET/IT, dawn ser jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq l-ewwel żewġ motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ), tal-Artikolu 9(5), u tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

59      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi eżaminaw biss it-talbiet għal MET/IT provenjenti mill-kumpanniji li jiffurmaw parti mill-kampjun tal-produtturi-esportaturi, il-Kummissjoni u l-Kunsill kisru l-Artikolu 2(7) u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

60      Fil-fatt, mill-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jirriżulta li fir-rigward tal-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina, l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu l-valur normali b’mod konformi mal-paragrafi 1 sa 6 ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li l-produtturi kkonċernati jintroduċu talbiet fil-“forma tajba u dovuta”. Bl-istess mod, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, fil-każ fejn l-MET ma tingħatax, il-valur normali għandu jiġi pparagunat mal-prezzijiet applikati għall-esportazzjoni mill-esportatur ikkonċernat (IT), bil-kundizzjoni li dan l-esportatur jintroduċi talba debitament dokumentata li turi li seħħew il-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni.

61      Hekk kif jikkonferma kliemhom stess, l-Artikolu 2(7)(b) u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku japplikaw biss fuq bażi individwali, peress li jinvolvu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi proprji għal kull esportatur ikkonċernat.

62      Id-dispożizzjonijiet relatati mat-teħid ta’ kampjuni jirrigwardaw numru limitat ta’ aspetti dwar il-kalkolu tal-marġnijiet ta’ dumping, b’mod konformi mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, jew dwar il-kalkolu tad-dannu, u ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet ekonomiċi li fihom topera kull kumpannija, liema elementi ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kampjun. L-Artikolu 2(7)(b) u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jitilfu s-sens tagħhom jekk, permezz tal-użu tat-teknika tat-teħid ta’ kampjun, l-istituzzjonijiet ikunu liberi mill-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, li barra minn hekk huma mfassla f’termini imperattivi u ma jagħtu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni. B’hekk, il-kwistjoni rilevanti ma hijiex dik jekk l-istituzzjonijiet applikawx b’mod korrett l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, iżda jekk huma għandhomx dritt li jirrikorru għal din id-dispożizzjoni sabiex ma jieħdux inkunsiderazzjoni t-talbiet għal MET/IT ippreżentati minn operaturi mhux inklużi fil-kampjun u, konsegwentement, li jirriżervaw l-istess trattament għall-kumpanniji li t-talba tagħhom kellha tintlaqa’ u għal dawk li t-talba tagħhom ma kelliex tintlaqa’.

63      B’hekk, f’każ li jittieħed kampjun, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw għall-kumpanniji mhux magħżula fil-kampjun, iżda li t-talba tagħhom għal MET/IT intlaqgħet, il-marġni medja peżata ta’ dumping stabbilit għall-kumpanniji magħżula fil-kampjun li jibbenefikaw minn MET, jew, skont il-każ, minn IT. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi r-rifjut awtomatiku tal-MET jew ta’ IT lil kumpanniji li “jistħoqqilhom”.

64      Barra minn hekk, il-prassi segwita preċedentement mill-istituzzjonijiet f’żewġ kawżi oħra tikkonferma li kull talba għal MET/IT għandha tiġi eżaminata individwalment. Minbarra dan, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jinvokaw obbligi amministrattivi sabiex jiġġustifikaw l-inosservanza tal-obbligu tagħhom li jeżaminaw kull talba għal MET/IT, peress li numru żgħir ta’ aġenti supplementari kien ikun suffiċjenti għal dan l-eżami.

65      Apparti dan, l-approċċ tal-istituzzjonijiet huwa ekwivalenti għal ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn jirriżerva l-istess trattament lill-kumpanniji li minn naħa, ikooperaw, ipprovdew il-provi meħtieġa għall-finijiet tat-teħid ta’ kampjuni, introduċew it-talbiet għal MET/IT u “jistħoqqilhom” li jingħataw l-MET jew IT u, min-naħa l-oħra, lil dawk li ma pprovdewx din l-informazzjoni, jew li ma introduċewx tali talbiet, jew li ma “jistħoqqilhom” l-MET jew IT. La l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li jirrigwarda biss il-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping u mhux l-eżami tat-talbiet għal MET/IT, u lanqas obbligi amministrattivi ma jistgħu jiġġustifikaw b’mod oġġettiv din l-inugwaljanza fit-trattament. F’dan il-każ, il-produtturi kollha mhux inklużi fit-teħid ta’ kampjun, iżda li “jistħoqqilhom” l-għoti ta’ MET, kellhom jingħataw marġni ta’ dumping daqs dak mogħti lill-kumpannija Foshan City Nanhai Golden Step Industrial Co., Ltd (9.7 %), l-unika kumpannija tal-kampjun li bbenefikat mill-MET.

66      In-nuqqas ta’ eżami tat-talbiet għal MET/IT jammonta wkoll għal ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-prassi preċedenti tal-istituzzjonijiet kif ukoll l-istedina indirizzata lill-esportaturi, permezz tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, sabiex jintroduċu f’ċertu terminu ta’ żmien t-talbiet tagħhom għal MET/IT, kienu kkreaw fir-rigward tar-rikorrenti aspettattiva leġittima li l-istituzzjonijiet kienu ser iwettqu eżami individwali tat-talbiet sabiex l-operaturi jingħataw il-marġni ta’ dumping impost skont il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 63 iktar ’il fuq. L-interpretazzjoni tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura b’mod differenti jwassal sabiex jiġi aċċettat li l-Kummissjoni setgħet titlob lill-esportaturi kollha li jiddedikaw ir-riżorsi tagħhom għall-provvista ta’ informazzjoni insostenn tat-talbiet tagħhom għal MET/IT qabel ma jsir it-teħid ta’ kampjuni, u dan mingħajr madankollu ma din kellha l-intenzjoni li teżaminhom. Barra minn hekk, it-test tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura huwa identiku għal dak tal-avviż ippublikat fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri oħra fejn il-Kummissjoni kienet ukoll eżaminat it-talbiet għal MET/IT ippreżentati minn operaturi li ma kinux jiffurmaw parti mit-teħid tal-kampjun.

67      Qabel kollox, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jinvokaw l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, li jgħid li l-kwistjoni dwar jekk il-produttur jissodisfax il-kriterji meħtieġa għall-finijiet li jingħata MET għandhiex tinqata’ fit-tliet xhur wara l-ftuħ tal-investigazzjoni. Dan huwa terminu proċedurali vinkolanti li l-Kummissjoni għandha tosserva. Issa, billi naqset milli tadotta deċiżjoni f’dan ir-rigward f’dan it-terminu, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

68      Sussegwentement, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 18(3) u (4) tar-Regolament bażiku, li jgħid li l-istituzzjonijiet mgħandhomx jinjoraw informazzjoni mogħtija mill-partijiet ikkonċernati anki jekk dawn ma humiex l-aħjar f’kull rigward, u għandhom javżaw lill-partijiet li l-informazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda filwaqt li jagħtuwhom il-possibbiltà li jipprovdu spjegazzjonijiet supplementari. Dawn id-dispożizzjonijiet, li huma applikabbli meta l-Kummissjoni tintalab sabiex tiddeċiedi fuq talbiet għal MET/IT, jimplikaw li din l-istituzzjoni kienet marbuta li tinforma b’mod motivat lir-rikorrenti f’dan ir-rigward. Madankollu, il-Kummissjoni irrispondiet biss għall-kummenti tar-rikorrenti fid-dokument finali ta’ informazzjoni fejn irreferiet għan-numru eċċezzjonalment għoli ta’ talbiet għal MET/IT li saru. Issa, peress li l-Kummissjoni kienet taf bin-numru ta’ talbiet għal MET/IT sa minn qabel it-tmiem tax-xahar ta’ Lulju 2005, xejn ma waqqafha milli tinforma lir-rikorrenti immedjatament wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jew, l-iktar tard, fir-Regolament provviżorju, bil-fatt li t-talbiet tagħhom ma kinux ser jiġu eżaminati. B’hekk, l-istituzzjonijiet irrifjutaw l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti mingħajr ġustifikazzjoni u, konsegwentement, kisru l-Artikolu 18(3) u (4) tar-Regolament bażiku.

69      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-avviż ta’ bidu ta’ proċedura kien jinforma lill-operaturi li xtaqu jiksbu marġni ta’ dumping individwali b’mod konformi mal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku li ma kienx ċert li t-talba tagħhom kienet ser tiġi aċċettata, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-avviż ma jippreċiżax li l-Kummissjoni kienet qed tirriżerva d-dritt li ma tirrispondix għat-talbiet għal MET/IT, kuntrarjament għall-prassi preċedenti.

70      Il-Kummissjoni allegatament kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti peress li ma indikatx fid-dokument interim ta’ informazzjoni li t-talbiet tagħhom għal MET/IT ma kinux ser jiġu eżaminati filwaqt li l-esportaturi li kienu jiffurmaw parti mill-kampjun rċevew komunikazzjoni dwar it-talbiet rispettivi tagħhom. Issa, ir-rikorrenti rċevew risposta biss permezz ta’ dokument finali ta’ informazzjoni.

71      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mis-CEC, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

72      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, skont il-kliem tal-Artikolu 17(1) u (3) tar-Regolament bażiku, it-teknika tat-teħid ta’ kampjun, bħala teknika li tippermetti sabiex tilqa’ għan-numri sinjifikattivi ta’ persuni li jilmentaw, ta’ esportaturi, ta’ importaturi, ta’ tipi ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet, tikkostitwixxi limitazzjoni għall-investigazzjoni. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, li jgħid li l-produtturi mhux magħżula fil-kampjun ma humiex inklużi fl-investigazzjoni.

73      Madankollu, ir-Regolament bażiku jistabbilixxi li, meta din il-limitazzjoni tintuża, l-istituzzjonijiet għandhom jissodisfaw żewġ obbligi. L-ewwel nett, il-kampjun totali għandu jkun rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament bażiku. Sussegwentement, l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li l-marġni ta’ dumping stabbilit għall-produtturi mhux inklużi fil-kampjun ma għandux jaqbeż il-marġni medja peżata ta’ dumping stabbilita għall-partijiet li jikkostitwixxu l-kampjun.

74      It-tieni nett, din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li għaliha hija tagħmel riferiment, tagħti l-possibbiltà lil kull produttur mhux inkluż fil-kampjun li jitlob li l-marġni ta’ dumping jiġi kkalkolat individwalment, bil-kundizzjoni li huwa jagħti l-informazzjoni kollha meħtieġa fit-termini previsti għal dan il-għan, u li din l-operazzjoni la tikkomplika b’mod inġustifikat l-inkarigu tal-Kummissjoni, u lanqas ma tipprekludi l-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.

75      It-tielet nett, l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jistipula li l-valur normali għandu jiġi stabbilit b’mod konformi mal-paragrafi 1 sa 6 tal-istess dispożizzjoni jekk ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ talbiet imressqa minn produttur wieħed jew iktar li jkunu suġġetti għall-investigazzjoni, li l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu 7(ċ), ikunu ġew sodisfatti.

76      B’hekk, kif isostni l-Kunsill, il-produtturi li ma humiex inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu l-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali, li jippreżumi li talba għal MET/IT tiġi aċċettata meta tirrigwarda pajjiżi kkonċernati mill-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, biss fuq il-bażi tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa ta’ evalwazzjoni dwar jekk, fid-dawl tan-numru ta’ talbiet għal MET/IT, l-eżami tagħhom jikkomplikax b’mod inġustifikat l-inkarigu tagħha u jipprekludix il-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.

77      Qabel kollox, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-każ li tintuża t-teknika tat-teħid ta’ kampjun, ir-Regolament bażiku ma jagħtix lill-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun dritt inkundizzjonat sabiex jibbenefikaw mill-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni ta’ tali talba tiddependi mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

78      Sussegwentement, peress li l-għoti ta’ MET jew ta’ IT iservi biss, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi stabbilit il-metodu tal-kalkolu tal-valur normali bil-għan ta’ kalkolu tal-marġnijiet ta’ dumping individwali, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li teżamina t-talbiet għal MET/IT li ġejjin mill-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun, meta hija tkun ikkonkludiet, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-kalkolu ta’ tali marġnijiet jikkomplika b’mod inġustifikat l-inkarigu tagħha u jipprekludiha milli tikkonkludi l-investigazzjoni fi żmien xieraq.

79      Fl-aħħar nett, f’din il-kawża, mhux qed jiġi kkontestat li l-kalkolu tal-marġnijiet ta’ dumping individwali għall-operaturi kollha li ma humiex inklużi fil-kampjun u li għamlu talba f’dan is-sens ikkomplika b’mod inġustifikat l-inkarigu tal-istituzzjonijiet u pprekluda l-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.

80      Għalhekk, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li l-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-Kummissjoni sabiex teżamina t-talbiet għal MET/IT li ġejjin mill-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun, u dan anki meta ma jiġix applikat għalihom marġni ta’ dumping individwali, għandha tiġi rrifjutata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti, li tgħid li l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ MET jew ta’ IT fuq il-bażi ta’ eżami ta’ kull talba li tkun saritilha, ma jfissirx li din l-istituzzjoni għandha teżamina kull talba anki meta hija ma għandhiex l-intenzjoni li tikkalkola marġnijiet ta’ dumping individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

81      Dan japplika wkoll għall-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-kumpanniji inklużi fil-kampjun u dawk li ma humiex inklużi fih (ara l-punt 65 iktar ’il fuq). Fil-fatt, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti, peress li, għall-ewwel kategorija, il-Kummissjoni hija obbligata li tikkalkola marġni ta’ dumping individwali, liema ħaġa tippreżumi l-eżami u l-aċċettazzjoni ta’ talba għal MET/IT, filwaqt li hija ma hijiex obbligata li tistabbilixxi marġni individwali għat-tieni kategorija. Għaldaqstant, l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jipprojbixxi, minn naħa waħda, li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti, u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament bħal dan, ma jimponix l-obbligu li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji jiġu ttrattati b’mod identiku.

82      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċpju ta’ trattament ugwali bejn il-kumpanniji mhux inklużi fil-kampjun, ma jistax jiġi kkunsidrat f’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li dan il-prinċipju jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li hija tiddeċiedi fuq it-talbiet għal MET/IT kollha li sarulha, b’tali mod li jkun jista’ jiġi applikat il-marġni medju tad-dumping tal-kumpanniji fil-kampjun li jkun ingħatalhom MET jew IT għall-produtturi jew l-esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, iżda li ngħatalhom MET jew IT.

83      Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punti 76 sa 80 iktar ’il fuq, fil-każ fejn in-numru ta’ talbiet għal MET/IT ikun daqshekk sinjifikattiv li l-eżami tagħhom jimpedixxi lill-istituzzjonijiet milli jikkonkludu l-investigazzjoni fi żmien xieraq, l-istituzzjonijiet ma humiex, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, obbligati li jiddeċiedu fuq dawn it-talbiet kollha, u dan iseħħ bl-għan uniku li ssir distinzjoni, fost il-kumpanniji mhux magħżula fil-kampjun, bejn dawk li jistgħu jibbenefikaw minn MET jew IT u dawk li ma jistgħux, bil-għan li jiġi applikat għalihom il-marġni medju ta’ dumping tal-kumpanniji fil-kampjun li ngħatalhom MET jew IT, mingħajr ma jsir, madankollu, il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali.

84      F’din il-kawża, peress li tressqu 141 talba għal MET/IT mingħand produtturi-esportaturi Ċiniżi quddiem il-Kummissjoni, b’tali mod li, anki jekk jitqies li kien possibbli li huma jiġu eżaminati biss fuq bażi dokumentarja mingħajr ma kien meħtieġ li din id-data tiġi vverifikata permezz ta’ żjarat ta’ verifika fil-bini tal-produtturi jew esporaturi kkonċernati, il-Kummissjoni, ġustament qieset li n-numru ta’ talbiet kien wisq għoli sabiex jippermetti li jsir eżami tagħhom mingħajr ma tiġi kompromessa t-tlestija tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.

85      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tan-numru partikolarment għoli ta’ talbiet għal MET/IT li ġew ippreżentati lilha fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma qabżitx il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku billi ma ħaditx deċiżjoni fuq it-talbiet kollha għal MET/IT li ġew ippreżentati lilha minn kumpanniji li ma jiffurmawx parti mill-kampjun, peress li d-differenza fit-trattament invokata mir-rikorrenti hija qabel kollox inerenti fit-teknika tat-teħid ta’ kampjun stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

86      B’hekk, għalkemm il-Kummissjoni setgħet taġixxi bil-mod kif deskritt mir-rikorrenti fil-punt 63 iktar ’il fuq, la r-Regolament bażiku u lanqas il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jimponulha li tipproċedi b’dan il-mod.

87      L-istess kunsiderazzjonijiet huma applikabbli fir-rigward tal-eżami tat-talbiet għal IT li saru minn kumpanniji li ma jiffurmawx parti mill-kampjun.

88      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, dan il-prinċipju, skont ġurisprudenza stabbilita, jestendi għal kull persuna li fir-rigward tagħha, istituzzjoni Komunitarja tkun ħolqot tamiet fondati. Barra minn hekk, ksur ta’ dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li l-amministrazzjoni tkun tatha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I-5479, punt 147).

89      Issa, mir-raba’ inċiż tal-punt 5.1(a)(i) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, u b’mod partikolari min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1 imdaħħla taħt dan il-punt, jirriżulta li l-Kummissjoni informat lill-operaturi kkonċernati dwar il-possibbiltà li tintuża t-teknika tat-teħid ta’ kampjun skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u li, f’din l-ipoteżi, il-kalkolu tal-marġnijiet individwali seta’ jintalab, għall-kumpanniji mhux inklużi fil-kampjun, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Din l-informazzjoni reġgħet ġiet irrepetuta fil-punt 5.1(b) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura. B’hekk, il-fatt li l-operaturi kkonċernati ġew mistiedna jressqu talba għal MET/IT ma jfissirx li ngħatat assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordata li din it-talba ser tiġi eżaminata.

90      F’dan il-kuntest, għandu jiġi aċċettat ukoll li n-nuqqas ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni matul perijodu sinjifikattiv ta’ żmien ma jistax jikkostitwixxi assigurazzjoni li toħloq aspettattivi leġittimi lir-rikorrenti. Fil-fatt, din in-nuqqas ta’ reazzjoni ma taffettwax is-sens tal-kliem ċar użat fl-avviż ta’ bidu ta’ proċedura.

91      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li prassi preċedenti fil-kuntest tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-istituzzjonjiet ma ġietx segwita, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, meta qieset li l-eżami tat-talbiet għal MET/IT kollha mressqa mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi mhux inklużi fil-kampjun kien ser jipprekludiha milli tikkonkludi l-investigazzjoni fit-terminu previst mir-Regolament bażiku (ara l-punt 84 iktar ’il fuq). Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-istituzzjonijiet igawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni għall-għażla tal-mezzi meħtieġa sabiex il-politika tagħhom titwettaq, l-operaturi ekonomiċi ma jkunux ġustifikati li jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma tal-metodu inizjalment magħżul, li jista’ jitbiddel minn dawn l-isituzzjonijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1987, Nippon Seiko vs Il-Kunsill, 258/84, Ġabra p. 1923, punt 34, u tal-10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il-Kunsill, C‑171/87, Ġabra p. I-1237, punt 41).

92      Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta naqset milli teżamina t-talbiet għal MET/IT tar-rikorrenti, peress li dawn tal-aħħar ma humiex ġustifikati li jinvokaw l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur stabbilit mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku (ara l-punti 3 u 67 iktar ’il fuq) peress li dan it-terminu jirrigwarda l-każijiet li fihom il-Kummissjoni hija marbuta li teżamina l-imsemmija talbiet.

93      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(3) u (4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi osservat li, bħal fil-każ tal-Kunsill, din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-istituzzjonijiet jeżaminaw it-talbiet għal MET/IT tal-kumpanniji li ma jiffurmawx parti mill-kampjun. B’hekk, skont il-kunsiderazzonijiet imsemmija iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni kienet ġustifikata li ma teżaminax u, konsegwentement, li ma tadottax deċiżjoni dwar it-talbiet għall MET/IT tal-produtturi li ma jiffurmawx parti mill-kampjun, l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat bil-mod issuġġerit mir-rikorrenti.

94      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, abbażi tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-impriżi kkonċernati minn proċedura ta’ investigazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, fejn ikunu jistgħu jressqu b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u ta’ dannu li jirriżulta minnha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C‑49/88, Ġabra p. I‑3187, punt 17, u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Novembru 1998, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, T‑147/97, Ġabra p. II‑4137, punt 55, u tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il-Kunsill, T‑88/98, Ġabra p. II‑4897, punt 132).

95      F’din il-kawża, hemm lok li jiġi osservat, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessi 62, 64, 135 u 143 tar-Regolament provviżorju, li l-Kummissjoni spjegat li kull dazju antidumping li jikkonċerna l-produtturi mhux inklużi fil-kampjun ġie kkalkolat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku u li l-marġni ta’ dumping ta’ dawn il-produtturi ġie stabbilit billi ġiet ikkalkolata l-medja peżata tal-marġni ta’ dumping tal-kumpanniji li jiffurmaw il-kampjun.

96      B’hekk, fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat il-pożizzjoni tagħha dwar il-metodu tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tal-operaturi mhux inklużi fil-kampjun, li jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-marġni medja ta’ dumping tal-kumpanniji li jiffurmaw il-kampjun. Dan il-metodu kien jimplika li t-talbiet għal MET/IT mressqa minn dawn l-operaturi ma kinux ser jiġu eżaminati, għaliex dan l-eżami ma kienx utli fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni.

97      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kellhom, sa mill-istadju tal-komunikazzjoni tar-Regolament provviżorju u tad-dokument interim ta’ informazzjoni, il-possibbiltà li jsostnu l-perspettiva tagħhom dwar il-metodu użat mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tagħhom, b’tali mod li d-drittijiet tagħhom tad-difiża ma ġewx miksura.

98      Minn dan jirriżulta li l-ewwel żewġ motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku fin-nuqqas ta’ provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-ilment imressaq mill-industrija Komunitarja

 L-argumenti tal-partijiet

99      Ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet Komunitarji wettqu żball fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija Komunitarja meta appoġġaw l-ilment li wassal għall-proċedura antidumping inkwistjoni. Fil-passat, l-amministrazzjoni Komunitarja kienet adottat it-teżi li kienu biss il-produtturi Komunitarji li jikooperaw fil-proċedura billi jipparteċipaw fl-eżerċizzju tat-teħid ta’ kampjuni jew fil-forniment ta’ informazzjoni utili li setgħu jiġu kkunsidrati bħala li sostnew l-ilment.

100    Fil-każ preżenti, kien hemm biss għaxar talbiet għal parteċipazzjoni fil-kapjun tal-produtturi Komunitarji, ippreżentati mill-operaturi finalment magħżula għall-kampjun. B’hekk, fost it-814-il kumpannija li qed jilmentaw, għaxra biss fornew informazzjoni sinjifikattiva u jistgħu konsegwentement ikun kklassifikati bħala kumpanniji li kkooperaw fl-investigazzjoni. Konsegwentement, huma biss dawn il-kumpanniji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-definizzjoni tal-industrija Komunitarja. Issa, dawn il-kumpanniji jirrappreżentaw biss 4.2 % tal-produzzjoni Komunitarja u, b’hekk, il-livell ta’ 25 % meħtieġ mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku ma ntlaħaqx.

101    L-informazzjoni fornuta mill-Kunsill fir-risposta fuq il-metodu ta’ eżami tal-livell ta’ appoġġ tal-ilment mill-industrija Komunitarja ma ġietx ikkomunikata lir-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva. Il-fatt li r-regolament ikkontestat ma jesponix il-mod li fih l-istituzzjonijiet ikkalkulaw il-livell ta’ appoġġ tal-ilment mill-industrija Komunitarja jammonta għal nuqqas ta’ motivazzjoni. In-nuqqas ta’ din l-informazzjoni jammonta wkoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Barra minn hekk, meta ġabret l-informazzjoni dwar l-appoġġ tal-ilment mill-industrija Komunitarja qabel ma bdiet l-investigazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-investigazzjoni setgħet b’mod validu tibda qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, dan kien ifisser li r-regolament ikkontestat ġie adottat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħmistax-il xahar previst fl-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku tiġi konkluża l-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li, fl-eżami dwar jekk l-ilment kienx sostnut mill-industrija Komunitarja qabel ma nbdiet l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma vverifikatx b’mod adegwat jekk il-produtturi Komunitarji li kienu jsostnuha kinux jirrappreżentaw 25 % mill-produzzjoni totali tal-prodott simili tal-industrija Komunitarja b’mod konformi mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, l-appoġġ ta’ ilment fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku jippresupponi li dak li jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ appoġġ ikun jaf bl-obbligi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tiegħu fil-kampjun tal-produtturi Komunitarji, bħar-risposta għal kwestjonarju dwar id-dannu u l-aċċettazzjoni li jissottometti ruħu għal vista ta’ verifika fuq il-post. Issa, sempliċi dikjarazzjoni li saret qabel il-bidu tal-investigazzjoni ma tistax turi appoġġ fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

102    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mis-CEC, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

103    Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 5(1) u (4) tar-Regolament bażiku, investigazzjoni antidumping tinbeda validament, ħlief bl-applikazzjoni tal-paragrafu 6 tal-istess artikolu, jekk ilment jiġi ppreżentat minn jew f’isem l-industrija Komunitarja. Ilment jitqies li ġie ppreżentat minn jew f’isem l-industrija Komunitarja meta jkun appoġġat minn produtturi Komunitarji li jirrappreżentaw, fir-rigward tal-prodott simili, iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili ġġenerata minn dik il-parti tal-industrija Komunitarja li tesprimi l-appoġġ jew l-oppożizzjoni tagħha għall-ilment. Barra minn hekk, il-produtturi li jappoġġaw espressament l-ilment għandhom ukoll jirrappreżentaw mill-inqas 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili mmanifatturat mill-industrija Komunitarja.

104    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “appoġġ”, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku, ilment għandu jikkontjeni provi dwar l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejniethom. F’dan ir-rigward, ilment għandu jikkontjeni ċertu ammont ta’ informazzjoni li tista’ raġonevolment tkun għad-dispożizzjoni ta’ min iressaq l-ilment.

105    B’hekk, l-appoġġ għall-ilment imressaq minn jew f’isem l-industrija Komunitarja jimplika għal dak jew dawk li jressqu l-ilment, u għall-persuni li dan ġie ppreżentat f’isimhom, fl-ewwel lok, il-fornitura tal-elementi li l-Kummissjoni titlob sabiex tivverifika li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping u, fit-tieni lok, l-aċċettazzjoni li wieħed jissottoponi ruħu għal kull kontroll li l-Kummissjoni tista’ twettaq sabiex teżamina jekk l-elementi fornuti jikkorrispondux mar-realtà. Fil-fatt, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kull mezz obbligatorju ta’ investigazzjoni, ir-risposti tal-partijiet għall-kwestjonarju previst mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament bażiku, kif ukoll il-verifika sussegwenti li l-Kummissjoni tista’ twettaq fuq il-post, prevista fl-Artikolu 16 tal-istess regolament, huma essenzjali għall-iżvolġiment tal-proċedura antidumping (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, T‑413/03, Ġabra p. II‑2243, punt 65).

106    Konsegwentement, il-Kummissjoni hija ġustifikata li ma tieħux inkunsiderazzjoni, sabiex tivverifika li l-appoġġ tal-ilment jissodisfa l-limiti tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, produttur li ma huwiex dispost li joffri elementi insostenn ta’ lment ippreżentat minnu jew f’ismu jew sabiex jippermetti l-verifika tal-fondatezza ta’ tali lment. B’hekk, meta produttur Komunitarju jiddikjara li ma jaċċettax il-verifika tal-informazzjoni li huwa pprovda insostenn ta’ lment imressaq minnu jew f’ismu, dan għandu, fl-ewwel lok, jitqies bħala produttur li jirrifjuta li jikoopera fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku u, fit-tieni lok, ikun eskluż mill-grupp tal-produtturi li jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-ilment fis-sens tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

107    Dan l-approċċ huwa konformi mal-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku, li jgħid li, ħlief fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, l-eżattezza tal-informazzjoni fornuta minn partijiet interessati u li fuqha huma bbażati s-sejbiet għandha tiġi vverifikata sa fejn ikun possibbli.

108    Huwa għalhekk li, hekk kif jindika l-Kunsill fil-premessa 156 tar-Regolament ikkontestat, il-produtturi Komunitarji li ressqu lment li ma kkooperawx fl-investigazzjoni għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja. B’hekk, f’każ ta’ użu tat-teknika tat-teħid ta’ kampjuni, il-Kummissjoni għandha tipproċedi, fil-parti l-kbira tal-każijiet, hekk kif jindika l-Kunsill fir-risposta, billi tibgħat kwestjonarju lil kull produttur magħruf fejn titolbu informazzjoni dwar il-produzzjoni tiegħu u l-bejgħ tiegħu u fejn titolbu jekk huwiex dispost li jimla l-kwestjonarju dwar id-dannu kif ukoll sabiex jippermetti verifika fuq il-post fil-każ li jiġi inkluż fil-kampjun. Huma biss il-produtturi li rrispondew fl-affermattiv għal dawn iż-żewġ domandi li għandhom jitqiesu li kkooperaw fl-investigazzjoni u li, konsegwentement, jistgħu jiġu inklużi fil-kampjun. Min-naħa l-oħra, produttur li jiddikjara ruħu li ma huwiex lest li jipparteċipa fil-kampjun ma jistax jitqies li kkoopera fl-investigazzjoni, peress li, skont id-definizzjoni, dan ma huwiex dispost li jimla kwestjonarju dwar id-dannu, u lanqas li jippermetti l-verifika tar-risposti tiegħu. Fil-fatt, dawn il-miżuri jikkonċernaw biss lil kumpanniji li jiffurmaw parti mill-kampjun.

109    Fil-każ preżenti, il-Kunsill isostni li, b’kunsiderazzjoni tan-numru eċċezzjonalment għoli ta’ produtturi Komunitarji, il-Kummissjoni applikat proċedura differenti, iżda ugwalment valida. B’hekk, minflok bagħtet kwestjonarji għat-teħid ta’ kampjuni lil kull produttur Komunitarju, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni relattiva għall-produzzjoni Komunitarja li tidher fl-ilment u, fit-tieni lok, ġabret l-elementi dwar l-appoġġ tal-ilment mingħand kull wieħed mit-814-il produttur rappreżentat mis-CEC.

110    Barra minn hekk, fis-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni indikaw li d-dokument anness mar-risposta intitolat “Informazzjoni fuq l-ilment antidumping dwar l-importazzjoni ta’ […] oriġinarji minn […]” ma kienx dak effettivament mibgħut lill-produtturi Komunitarji, u li l-Kunsill kien ippreżenta dan id-dokument bi żball. Il-Kummissjoni ppreżentat dokument ieħor li kien ġie mibgħut lill-produtturi Komunitarji sabiex jiġi vverifikat l-appoġġ tagħhom għall-ilment. Kuntrarjament għad-dokument ippreżentat bħala anness għar-risposta, it-titolu ta’ dan id-dokument (Ftuħ probabbli ta’ investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjoni ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda provenjenti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam) jagħmel riferiment speċifiku għall-investigazzjoni inkwistjoni, b’tali mod li jista’ jiġi konkluż li kien effettivament dan id-dokument li ntbagħat mill-Kummissjoni lill-produtturi Komunitarji. Permezz ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni talbet lil kull produttur Komunitarju li kien destinatarju tiegħu sabiex jindika, b’mod partikolari, jekk kienx jappoġġa l-ilment, jekk kienx jopponi jew inkella jekk ma kienx jieħu pożizzjoni, kienx jipproduċi u jbiegħ fis-suq Komunitarju l-prodott ikkonċernat u f’liema kwantitajiet, jekk kienx konness ma’ produtturi jew ma’ esportaturi Ċiniż jew Vjetnamiti tal-prodott ikkonċernat, u jekk kienx biegħ il-prodott ikkonċernat importat mill-pajjiżi terzi msemmija.

111    Fil-preambolu ta’ dan id-dokument, ġie indikat li kull element kwantifikat kien ser ikun trattat bħala kunfidenzjali u seta’ jkun is-suġġett ta’ verifika min-naħa tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull produttur Komunitarju li kien id-destinatarju tiegħu kien jaf li l-informazzjoni kollha kkomunikata lill-Kummissjoni, inkluża dik eventwalment ippreżentata fil-kuntest tal-kwestjonarju dwar id-dannu, tista’ wkoll tiġi vverifikata minnha. Barra minn hekk, f’dan l-istess dokument, kien ġie indikat li l-bażi legali li fuqha kienet mitluba din l-informazzjoni kienet l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Skont il-lista tal-annessi li tidher fl-aħħar paġna tad-dokument inkwistjoni, l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament bażiku kienu annessi fiha. F’dan ir-rigward, ir-riferiment għall-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku u l-inklużjoni tiegħu fl-annessi tad-dokument inkwistjoni kienu jinformaw lill-produtturi Komunitarji li l-ilment kellu jikkontjeni sensiela ta’ provi fir-rigward tal-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn it-tnejn u, b’mod partikolari, informazzjoni fuq il-prezzijiet.

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li d-dikjarazzjoni tal-produtturi Komunitarji, li tgħid li huma jappoġġjaw l-ilment, kienet suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ appoġġ tal-ilment fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

113    F’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku minħabba li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni elementi dwar il-produzzjoni Komunitarja, dwar il-locus standi ta’ min ressaq l-ilment, u dwar id-dannu kkaġunat qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni, għandu jiġi konkluż li dan ma jistax jiġi milqugħ.

114    Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li l-ilment, li mid-definizzjoni tiegħu jitressaq qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni, għandu jikkontjeni sensiela ta’ provi fir-rigward tal-eżisteza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejniethom. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku jipprevedi li l-Kummissjoni għandha teżamina, sa fejn possibbli, l-eżatezza u l-adegwatezza tal-provi fornuti fl-ilment sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx provi suffiċjenti sabiex jiġi ġustifikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni. Issa, hekk kif isostni l-Kunsill, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkunsidra, fil-kuntest tal-investigazzjoni, provi li min-natura tagħhom huma miġbura qabel il-ftuħ tagħha.

115    Fit-tieni lok, għandu jingħad li l-Kummissjoni għandha tivverifika l-locus standi tal-persuni li ressqu l-ilment qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni.

116    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku peress li r-Regolament ikkontestat kien ġie adottat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħmistax-il xahar previst minn din id-dispożizzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-ftuħ tal-investigazzjoni jikkostitwixxi, skont din id-dispożizzjoni, il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ ħmistax-il xahar previst għall-impożizzjoni tad-dazji definittivi.

117    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 114 sa 116 iktar ’il fuq, għalkemm it-terminu ta’ ħmistax-il xahar previst mir-Regolament bażiku għall-impożizzjoni ta’ dazji definittivi għandu jiġi kkalkulat mill-mument meta l-Kummissjoni tiftaħ l-investigazzjoni, tali ftuħ iseħħ biss wara li l-Kummissjoni tkun ivverifikat li l-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti kemm f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-ilment kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-locus standi tal-persuna jew persuni li ressqu l-ilment.

118    B’hekk, l-ilmenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda, peress li r-Regolament ikkontestat ġie adottat fit-terminu ta’ ħmistax-il xahar previst mir-Regolament bażiku.

119    Fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għandu jiġi osservat li, f’nota tas-6 ta’ Lulju 2005, li tidher fl-atti, il-Kummissjoni spjegat li l-produzzjoni Komunitarja kienet ġiet evalwata għal ċirka 425 miljun par żarbun fl-2004, u għal ċirka 92 miljun par żarbun fl-ewwel trimestru tal-2005. B’hekk, minn din in-nota jirriżulta li l-produzzjoni tal-kumpanniji li f’isimhom ġie mressaq l-ilment tammonta għal ċirka 190 miljun par żarbun fl-2004, u għal ċirka 44 miljun par żarbun fl-ewwel trimestru tal-2005, b’mod li dawn il-kumpanniji jirrappreżentaw iktar minn 44 % tal-industrija Komunitarja fl-2004, u iktar minn 47 % ta’ din l-industrija fl-ewwel trimestru tal-2005. Barra minn hekk, 36 produttur ieħor kienu appoġġaw ukoll l-ilment, liema ħaġa żżid iktar ir-rappreżentattività għal rata ta’ iktar minn 45 % fl-2004, u ta’ iktar minn 48 % fl-ewwel trimestru tal-2005. Dawn iċ-ċifri jirriżultaw mill-ilment, tal-produtturi Komunitarji u tal-assoċjazzjonijiet li jiġbruhom fi ħdanhom. Fl-aħħar nett, in-nota inkwistjoni tispjega li ma ġiet espressa l-ebda oppożizzjoni għall-ilment, u fiha, anness magħha, data kwantifikata dwar il-produzzjoni totali ta’ sitt Stati Membri (mhux indikati) fl-2004, u dwar l-ewwel trimestru tal-2005.

120    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni esponiet il-bażi tal-evalwazzjoni tagħha dwar il-locus standi tal-kumpanniji li l-ilment kien ġie mressaq f’isimhom. B’hekk, l-istituzzjonijiet irrispettaw id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

121    Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi rrilevat li l-istituzzjonijiet issodisfaw id-dover tagħhom li jimmotivaw l-atti tagħhom kif meħtieġ mil-liġi.

122    B’hekk jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) u tal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

123    Qabel kollox, ir-rikorrenti jilmentaw li l-istituzzjonijiet waslu għal definizzjoni wiesa’ wisq tal-prodott ikkonċernat, billi inkludew fiha prodotti sostanzjalment differenti fir-rigward tal-karatteristiċi tagħhom, tal-apparenza tagħhom, tal-perċezzjoni li l-konsumatur għandu tagħhom, tal-istil tagħhom, tal-użu tagħhom u tal-mezzi ta’ distribuzzjoni.

124    Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li, meta fl-investigazzjoni inkludew iż-żraben li jużaw teknoloġiji bbrevettati (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), l-istituzzjonijiet ipproċedew, minn din il-perspettiva wkoll, għal definizzjoni wiesa’ wisq tal-prodott ikkonċernat, liema ċirkustanza wasslithom għal konklużjonijiet żbaljati. Fil-fatt, il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi ta’ dawn iż-żraben huma differenti minn dawk taż-żraben l-oħra, peress li dawn jinkludu “sistema brevettata ta’ assorbiment tal-iskossi”, qiegħ taż-żarbun ċentrali “li jservi bħala buffer”, u “dispożittiv super-flex brevettat”. Barra minn hekk, dawn iż-żraben huma differenti f’dak li jirrigwarda l-proċess tal-produzzjoni tagħhom, peress li jeħtieġu ktajjen ta’ produzzjoni separati u makkinarju speċifiku. Barra minn hekk, fir-rigward tal-użu finali tal-imsemmija żraben, ir-rikorrenti jqisu li dawn huma intiżi għal “suq speċjalizzat” li jifforma parti mis-settur taż-żraben tas-saħħa u li għandhom bħala pubbliku mmirat nisa li għandhom problemi tas-saħħa. B’hekk, dawn iż-żraben jinbiegħu fil-ħwienet speċjalizzati. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jfakkru li dan it-tip ta’ żraben ma huwiex prodott fil-Komunità.

125    Il-“klassifikazzjoni skorretta” adottata mill-istituzzjonijiet wasslet għal paraguni bejn żraben immanifatturati minn ġlud ta’ kwalitajiet għal kollox differenti. Issa, dawn il-paraguni ma jagħmlux sens.

126    F’dan ir-rigward, xi eżempji u xi informazzjoni fuq il-kuntest jidhru fi tliet dokumenti ppreżentati mill-Footwear Association of Importers and Retail chains (Assoċjazzjoni tal-importaturi u tal-ktajjen tal-ħwienet taż-żraben) matul il-proċedura amministrattiva.

127    B’hekk, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku, li jgħid li, l-espressjoni “prodott simili” tfisser prodott li jixxiebaħ minn kull lat mal-prodott ikkunsidrat. Tali ksur ipoġġi fid-dubju l-validità tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni kollha.

128    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mis-CEC, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

129    Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti fformulaw żewġ ilmenti. L-ewwel wieħed jirrigwarda d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, hekk kif saret fil-premessi 38 u 39 tar-Regolament provviżorju (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) u kkonfermata fil-premessa 39 tar-Regolament ikkontestat. It-tieni wieħed għandu bħala għan l-inklużjoni fil-investigazzjoni taż-żraben li jużaw teknoloġiji brevettati.

130    F’dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, ir-rikorrenti jifformulaw l-allegazzjoni ġenerali li tgħid li l-prodott ikkonċernat, hekk kif definit fir-Regolament provviżorju u fir-Regolament ikkontestat, jinkludi prodotti sostanzjalment differenti fir-rigward tal-karatteristiċi tagħhom, tal-apparenza tagħhom, tal-perċezzjoni li l-konsumatur għandu tagħhom, tal-istil tagħhom, tal-użu tagħhom u tal-mezzi ta’ distribuzzjoni. Bħala eżempju, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għaż-żraben formali, minn naħa, u għaż-żraben tal-ħajkijiet, min-naħa l-oħra, li huma sostanzjalment differenti fir-rigward tal-karatteristiċi tagħhom u tal-użu tagħhom u, konsegwentement, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-konsumaturi għandhom tagħhom.

131    F’dan ir-rigward, għandu jiġi sostnut li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping għandha bħala għan li tgħin fit-tfassil ta’ lista tal-prodotti li, skont il-każ, ikunu s-suġġett għall-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni, l-istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħall-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà tagħhom, il-perċezzjoni li l-konsumaturi għandhom tagħhom, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-proċess tal-manifattura, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-kwalità, eċċ.

132    B’hekk, allegazzjoni li tgħid li prodott determinat għandu jiġi eskluż mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat għandha tkun ibbażata fuq argumenti intiżi li juru jew li l-istituzzjonijiet wettqu evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tal-fatturi li huma kkunsidraw rilevanti, jew li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra iktar rilevanti kienet timponi l-esklużjoni ta’ dan il-prodott mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

133    F’dan il-każ, l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti, l-użu prinċipali tagħhom u l-perċezzjoni li l-konsumaturi għandhom tagħhom. Ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom sabiex isostnu b’mod ġenerali li l-prodott ikkonċernat jinkludi tipi ta’ żraben differenti b’riferiment, bħala eżempju, għaż-żraben formali u għaż-żraben tal-ħajkijiet. Issa, hekk kif ġie sostnut fil-punt preċedenti, dawn l-allegazzjonijiet jistgħu joperaw biss jekk ikunu jirrigwardaw tip wieħed jew iktar ta’ prodotti speċifiċi li għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. B’hekk jirriżulta li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tista’, l-iktar, tkun intiża għall-esklużjoni taż-żraben tal-ħajkijiet mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, dak li huwa importanti f’dan il-każ, huwa li ż-żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li kienu s-suġġett ta’ din il-proċedura għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi essenzjali u l-istess użu, u li teżisti kompetizzjoni bejn iż-żraben ta’ kategoriji differenti, b’mod partikolari dawk tal-kategoriji qrib xulxin. B’hekk, l-istituzzjonijiet ma wettqux żball ta’ evalwazzjoni meta inkludew iż-żraben tal-ħajkijiet fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

134    Fir-rigward tal-argumenti fformulati fil-kuntest tal-osservazzjonijiet imressqa mill-Footwear Association of Importers and Retail chains fil-proċedura amministrattiva, li joffru “informazzjoni fuq il-kuntest” fir-rigward ta’ dan il-motiv (ara l-punt 126 iktar ’il fuq), għandu jiġi sostnut li, bl-esklużjoni tal-allegazzjonijiet ġenerali fuq id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, dawn jirrigwardaw il-kriterji użati sabiex jinġabru flimkien taħt numru ta’ kontrolli ta’ prodott id-diversi tipi ta’ żraben li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. B’hekk, din l-argumentazzjoni ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk ċerti tipi ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda għandhomx jiffurmaw parti mill-prodott ikkonċernat, iżda dik tal-kriterji skont liema kellha ssir il-kategorizzazzjoni tal-prodotti li jiffurmaw parti mill-prodott ikkonċernat. Konsegwentement, dawn l-argumenti huma inoperanti fil-kuntest tal-analiżi ta’ dan il-motiv. Għall-istess raġunijiet, l-argumenti ppreżentati fir-replika, li huma intiżi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet dwar il-kategorizzazzjoni tat-tipi ta’ żraben li jiffurmaw parti mill-prodott ikkonċernat (ara l-punt 125 iktar ’il fuq), għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala inoperanti.

135    Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ ktajjen ta’ produzzjoni separati għall-manifattura ta’ żraben li jużaw teknoloġiji brevettati, fuq in-nuqqas ta’ produzzjoni Komunitarja ta’ dan it-tip ta’ żraben u fuq l-eżistenza ta’ privattiva, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma humiex determinanti. Fil-fatt, minnu nnifsu, il-proċess ta’ manifattura ma jinfluwenzax il-perċezzjoni tal-konsumatur u lanqas, konsegwentement, l-interkambjabbiltà bejn diversi tipi ta’ żraben jekk il-karatteristiċi fiżiċi u d-destinazzjoni tal-prodotti ma jvarjawx. L-istess jgħodd għan-nuqqas ta’ produzzjoni Komunitarja ta’ żraben li jużaw teknoloġiji brevettati, peress li l-kwistjoni determinanti hija dik jekk dan it-tip ta’ żraben huwiex, minħabba l-karatteristiċi fiżiċi tiegħu, id-destinazzjoni tiegħu u, b’hekk, il-perċezzjoni li l-konsumatur għandu tiegħu, f’kompetizzjoni maż-żraben li ħarġu minn produzzjoni Komunitarja. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li tip ta’ żarbun igawdi mill-protezzjoni ta’ privattiva ma jikkostitwix ħjiel fir-rigward tal-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fir-rigward tal-prodotti ta’ oriġini Komunitarja.

136    F’dak li jirrigwarda t-tieni lment dwar l-inklużjoni taż-żraben li jużaw teknoloġiji brevettati fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, għandu jiġi rilevat li l-argumenti li jgħidu li dawn iż-żraben huma intiżi għal persuni li għandhom problemi ortopediċi u jinbiegħu esklużivament fi ħwienet speċjalizzati jistgħu jkunu ta’ tip li jpoġġu fid-dubju l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-inklużjoni ta’ dan it-tip ta’ żraben fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Fil-fatt, kieku ġie pprovat li l-użu ta’ dan it-tip ta’ żraben kien jifforma parti minn trattament mediku intiż għall-persuni li għandhom problemi ortopediċi u li dawn il-prodotti kienu ddistribwiti biss fi ħwienet speċjalizzati, kien ikollu jingħad li dawn mgħandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi u lanqas l-istess destinazzjoni bħaż-żraben li mgħandhomx dawn il-kwalitajiet. B’hekk, f’dan ir-rigward, il-perċezzjoni tal-konsumatur tkun neċessarjament differenti.

137    Madankollu, għandu jingħad li r-rikorrenti ma ppreżentaw l-ebda prova li tista’ ssostni d-deskrizzjoni tagħhom dwar il-karatteristiċi u l-użu ta’ dan it-tip ta’ żarbun. Fil-fatt, la l-ittra ta’ Brosmann tat-8 ta’ Mejju 2006 (ara l-punt 28 iktar ’il fuq) u lanqas l-osservazzjonijiet mibgħuta b’faks tad-29 ta’ Novembru 2005 minn Wortmann KG Internationale Schuhproduktionen, li hija s-sid tal-privattivi inkwistjoni, ma jikkontjenu provi insostenn tal-allegazzjonijiet li saru. Flimkien ma’ din il-konstatazzjoni, għandu jingħad ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-punt 3.2.1.3 tal-ittra tat-8 ta’ Mejju 2006 u mill-punt 3.4 tal-faks tad-29 ta’ Novembru 2005, meta għamlu riferiment għal ħwienet speċjalizzati, jidher li r-rikorrenti kienu qedin jirreferu għal ħwienet differenti mill-ħwienet li jbiegħu bl-irħis u mill-istabbilimenti l-kbar. Issa, dan l-approċċ ma jeskludix li, fil-ħwienet speċjalizzati, fis-sens li jbiegħu żraben biss, jinbiegħu wkoll żraben li jużaw teknoloġiji brevettati. Din l-evalwazzjoni tikkonferma t-teżi tal-Kunsill li tgħid li minkejja l-kwalitajiet taż-żraben inkwistjoni, huwa għal kollox probabbli li l-għażla tal-konsumaturi tiddependi minn preferenzi personali pjuttost milli minn ċirkustanzi li wasslu għall-kunsiderazzjonijiet ta’ natura medika.

138    Minn dan jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 253 KE

 L-argumenti tal-partijiet

139    Ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rappreżentattività tal-kampjun tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi billi jinvokaw argumenti abbażi ta’ żewġ ċirkustanzi. L-ewwel nett, dan it-teħid ta’ kampjun huwa essenzjalment kompost minn operaturi li jimmanifatturaw prinċipalment l-iSTAF, li madankollu kienu ġew esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat (ara l-punti 18 u 34 iktar ’il fuq). Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jirreferu għal diversi “nuqqasijiet” f’dak li jirrigwarda l-kriterji applikati għall-finijiet tal-kostituzzjoni tal-kampjun inkwistjoni, u jieħdu bħala eżempju l-fatt li diversi kumpanniji li kkooperaw u li ma kinux jiffurmaw parti mill-kampjun, irreġistraw livelli ta’ produzzjoni, ta’ esportazzjoni, u ta’ bejgħ ħafna ikbar minn dawk li kienu jiffurmaw parti minnu.

140    Għalkemm huwa minnu li fil-premessa 43 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill indika li l-esklużjoni tal-iSTAF ma kellhiex “konsegwenza sinjifikattiva” fuq ir-rappreżentattività tal-kampjun, xorta jibqa’ l-fatt li l-istituzzjonijiet ma mmotivawx din l-evalwazzjoni, għalkemm dawn il-prodotti jirrapreżentaw perċentwali sostanzjali tal-importazzjonijiet inizjalment immirati. Din ir-rimarka hija iktar u iktar rilevanti peress li, skont il-premessi 180 u 181 tar-Regolament ikkontestat, l-esklużjoni tal-iSTAF kellha riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq il-marġni ta’ dumping. B’mod ġenerali, kampjun ikkostitwit biss minn produtturi ta’ prodott eskluż mill-kamp tal-investigazzjoni għandu, bħala regola, jiġi kkunsidrat bħala mhux rappreżentattiv.

141    Skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-gvernijiet tal-pajjiżi esportaturi kienu ġew implikati fl-għażla ta’ parti mill-kumpanniji magħżula fil-kampjun, hekk kif tindika wkoll is-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-premessa 61 tar-Regolament ikkontestat, ma huwiex direttament rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar ir-rappreżentattività tal-kampjun, iktar u iktar peress li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ġiet modifikata wara l-konsultazzjoni ma’ dawn il-gvernijiet. Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-risposta jirriżulta li l-għażla għall-finijiet tal-kostituzzjoni tal-kampjun kienet ibbażata fuq il-kriterji tan-nazzjonalità Ċiniża tal-proprjetarji tal-impriżu, kif ukoll fuq l-appartenenza għaċ-China Chamber of Commerce for Import and Export of Light Industrial Products and Arts-Crafts (Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti industrijali ħfif u ta’ prodotti ta’ artiġjanat, iktar ’il quddiem is-“CCCLA”). B’hekk, il-kampjun ma ġiex ikkostitwit b’mod li jiggarantixxi r-rappreżentattività tiegħu.

142    Barra minn hekk, il-kampjun jinkludi kumpannija waħda biss li kisbet l-MET, u l-ebda kumpannija li bbenefikat minn IT, liema ħaġa tikkostitwixxi ħjiel ieħor tan-nuqqas tar-rappreżentattività tal-imsemmi kampjun.

143    Fil-premessa 44 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill indika li l-esportaturi tal-kampjun kienu jirrappreżentaw 12 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi wara l-esklużjoni tal-iSTAF mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, liema ċirkustanza tiċħad lill-kampjun mir-rappreżentattività tiegħu. F’dan il-kuntest, peress li Brosmann waħedha tirrapreżenta 10 % tal-importazzjonijiet fil-Komunità, l-affermazzjoni li tgħid li l-kampjun kien jinkludi l-ikbar volum possibbli ta’ esportazzjonijiet rappreżentattivi hija żbaljata. Barra minn hekk, il-Kunsill ma ppreżenta l-ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tiegħu li tgħid li l-produtturi tal-kampjun jirrapreżentaw 14 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi kollha, inklużi fosthom dawk tal-produtturi li ma kkooperawx.

144    Dan juri nuqqas ta’ motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat u żball manifest ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

145    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

146    Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, l-użu tat-teknika tat-teħid ta’ kampjun jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-investigazzjoni għal numru raġonevoli ta’ partijiet, ta’ prodotti jew ta’ transazzjonijiet bl-użu ta’ kampjuni statistikament rappreżentattivi jew għall-ikbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ esportazzjonijiet li l-investigazzjoni tista’ raġonevolment titratta fuqha, b’kunsiderazzjoni taż-żmien disponibbli.

147    Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tagħżel lil dawk li ser ikunu inklużi fil-kampjun minn fost il-kumpanniji li kienu volontarji sabiex jipparteċipaw fil-kampjun u li pprovdew l-informazzjoni neċessarja għal dan il-għan. B’hekk, fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku jagħti lill-Kummissjoni, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja fuq l-għażla magħmula f’dan ir-rigward titratta l-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

148    F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessa 60 tar-Regolament provviżorju u mill-premessi 44 u 46 tar-Regolament ikkontestat li, fl-għażla tagħhom fir-rigward tal-kostituzzjoni tal-kampjun tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi, l-istituzzjonijiet kienu ggwidati mill-intenzjoni li jiggarantixxu kemm ir-rappreżentattività tal-kampjun kif ukoll l-inklużjoni, fl-ikbar volum rappreżentattiv tal-esportazzjonijiet li l-investigazzjoni setgħet raġonevolment titratta fuqu, b’kunsiderazzjoni taż-żmien disponibbli, ta’ ċertu numru ta’ kumpanniji li jwettqu bejgħ rappreżentattiv fis-suq intern Ċiniż.

149    B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti, l-għażliet tal-istituzzjonijiet jippreżentawx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ għanijiet.

150    F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li tgħid li l-kumpanniji li jiffurmaw parti mill-kampjun huma produtturi tal-iSTAF, għandu jingħad li r-rikorrenti ma ppreżentawx provi li jsostnu din l-allegazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

151    Għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-istituzzjonijiet esponew l-impatt tal-esklużjoni tal-iSTAF mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

152    F’dak li jirrigwarda l-perċentwali tal-esportazzjonijiet inklużi fil-kampjun, għandu jingħad li r-rikorrenti u l-Kunsill jaqblu fuq il-fatt li l-bejgħ mit-tlettax-il kumpannija inizjalment magħżula sabiex jipparteċipaw fil-kampjun kien jirrappreżenta 25 % tal-esportazzjonijiet u 42 % mill-bejgħ intern tal-produtturi kollha Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat li kooperaw. Il-partijiet jaqblu wkoll fuq il-fatt li, wara l-esklużjoni tal-informazzjoni ta’ produttur Ċiniż li ma weġibx għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni u ta’ ħames kumpanniji oħra li ma kinux ikooperaw, ir-rappreżentattività tal-kampjun tbaxxiet għal 16.5 % tal-esportazzjonijiet tal-produtturi kollha Ċiniżi li kooperaw, perċentwali li naqas għal 12.5 % wara l-esklużjoni tal-iSTAF mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

153    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Kunsill espona, fil-premessa 44 tar-Regolament ikkontestat, kif dan il-perċentwali kien suffiċjenti sabiex jiggarantixxi r-rappreżentattività tal-kampjun. B’hekk, il-Kunsill immotiva b’mod suffiċjenti fil-liġi l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-karattru rappreżentattiv tal-kampjun.

154    Fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fl-ewwel lok, għandu jingħad li, fil-mument tal-kostituzzjoni tal-kampjun, ma kienx possibbli li jiġi kkalkulat in-numru ta’ operaturi li kienu ser jirrifjutaw milli jikooperaw, b’mod partikolari peress li dawn l-operaturi kienu ddikjaraw il-kuntrarju fid-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni sa dak iż-żmien. L-istess japplika għall-kumpanniji li ngħataw MET jew IT, peress li l-eżami tat-talbiet għal MET/IT isir wara l-kostituzzjoni tal-kampjun.

155    Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li kien possibbli li fil-kampjun jiġu inklużi kumpanniji oħra wara li ġie kkonstatat li ċertu numru ta’ parteċipanti ma kellhomx l-intenzjoni li jikooperaw, xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li l-operaturi li baqgħu fil-kampjun kienu jirrapreżentaw 12.5 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi fil-Komunità kien suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-rappreżentattività tal-kampjun.

156    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tinkludi lil kumpanniji oħra fil-kampjun u, għalhekk, ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tagħmel dan. Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku kif ukoll tal-Artikolu 253 KE

 L-argumenti tal-partijiet

157    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-istituzzjonijiet Komunitarji bbażaw ruħom fuq informazzjoni “nieqsa mir-rappreżentattività u mhux affidabbli ħafna” sabiex tevalwa d-dannu subit mill-industrija Komunitarja. B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti josservaw li, peress li l-kampjun tal-produtturi Komunitarji jinkludi biss għaxar kumpanniji, dan jirrappreżenta biss 0.1 % tal-produtturi u 4.2 % tal-produzzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, il-produtturi kkunsidrati ma ppreżentawx informazzjoni li tippermetti li tiġi evalwata r-rappreżentattività tal-kampjun u ma kinux ġew mistiedna jagħmlu dan. Dan l-approċċ, li minn natura tiegħu huwa arbitrarju, jammonta għal ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Il-ġbir tal-informazzjoni makro-ekonomika dwar id-dannu qabel il-ftuħ tal-proċedura jimplika li din l-informazzjoni ma ġietx ivverifikata korrettement, li verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha ma ġietx impoġġija għad-dispożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati, u li l-Kummissjoni ttrattat lill-produtturi Komunitarji b’mod diskriminatorju meta pparagunat mal-produtturi Ċiniżi li ma kellhomx il-possibbiltà li jippreżentaw it-talbiet tagħhom għal MET/IT qabel il-ftuħ tal-proċedura sabiex il-Kummissjoni jkollha iktar żmien teżaminhom.

158    Minħabba n-nuqqas ta’ żvelar tal-isem tal-kumpanniji li kienu jiffurmaw parti mill-kampjun tal-produtturi Komunitarji, ir-rikorrenti ma kisbu ebda informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom, u ma setgħux iwettqu verifika indipendenti tar-rappreżentattività tal-kampjun. B’hekk isegwi li d-drittijiet ta’ difiża tagħhom ġew miksura, u dan b’mod kuntrarju għall-ġurisprudenza f’dan ir-rigward.

159    Fir-rigward tal-affidabbiltà tal-informazzjoni li kellhom aċċess għaliha l-istituzzjonijiet, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, matul il-proċedura amministrattiva, huma pprovdew lill-Kummissjoni b’ġabra ta’ informazzjoni provenjenti minn sorsi pubbliċi li juru li xi wħud mill-ikbar produtturi Taljani, li kienu probabbilment jiffurmaw parti mill-kampjun tal-produtturi Komunitarji jew mill-persuni li lmentaw (liema ħaġa l-Kunsill ma jiċħadx), kienu ppreżentaw lil din l-istituzzjoni informazzjoni falza jew mhux korretta. L-informazzjoni skoretta tirrigwarda l-impjiegi, l-investimenti, id-dħul mill-bejgħ, il-bejgħ u l-post tal-istabbiliment, peress li ċerti kumpanniji kienu ddelokalizzaw it-taqsimiet ta’ produzzjoni tagħhom lejn pajjiżi terzi. Din l-informazzjoni tiġġustifika stħarriġ iktar attent min-naħa tal-Kummissjoni. Peress li, skont ir-rikorrenti, żewġ kumpanniji Taljani li ppreżentaw informazzjoni falza jew mhux korretta jirrapreżentaw madwar 10.4 % mill-bejgħ u 7.5 % tal-produzzjoni Komunitarja, l-impatt taċ-ċirkustanzi esposti iktar ’il fuq, fuq l-evalwazzjoni tad-dannu hija sinjifikattiva sal-punt li taffettwa b’mod sostanzjali r-riżultati tal-investigazzjoni, kemm jekk dawn il-kumpanniji pparteċipaw fil-kampjun jew le. Fil-fatt, skont il-premessa 175 tar-Regolament provviżorju, l-indikaturi makro-ekonomiċi ġew evalwati fil-livell tal-industrija Komunitarja kollha, filwaqt li l-indikaturi mikro-ekonomiċi ġew evalwati fil-livell tal-produtturi tal-kampjun. B’hekk, jekk jitqies li l-ebda waħda minn dawn il-kumpanniji ma pparteċipat fil-kampjun tal-produtturi Komunitarji, xorta jkun jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni użat informazzjoni mogħtija minnhom sabiex tasalgħal konsegwenzi makro-ekonomiċi dwar id-dannu għall-industrija Komunitarja.

160    Issa, l-istituzzjonijiet ma ħadux din l-informazzjoni inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja, liema ħaġa tammonta għal żball manifest ta’ evalwazzjoni li wassal għall-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). F’kull każ, in-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni f’dan ir-rigward fir-Regolament ikkontestat jammonta għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar punt determinanti tal-investigazzjoni.

161    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mis-CEC, jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

162    Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jilmentaw li l-istituzzjonijiet ma eżaminawx jekk l-operaturi magħżula fil-kampjun tal-produtturi Komunitarji kinux rappreżentattivi tal-industrija Komunitarja. F’dan il-kuntest, huma jsostnu wkoll li huma ġew miċħuda minn kull prova li setgħet tippermettilhom li jivverifikaw ir-rappreżentattività ta’ dawn l-operaturi. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq informazzjoni mhux affidabbli sabiex jevalwaw il-fatturi makro-ekonomiċi u mikro-ekonomiċi dwar id-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

163    F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti, għandu jiġi mfakkar li, skont il-premessa 65 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ għaxar produtturi Komunitarji stabbilit fuq il-bażi tal-volum tal-produzzjoni u tal-istabbiliment tagħhom (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Skont din l-istess premessa, dawn il-kriterji kienu intiżi mhux biss sabiex jirriflettu d-daqs u l-importanza tad-diversi produtturi, iżda anki t-tqassim ġeografiku tal-industrija Komunitarja. B’hekk, il-produtturi tal-kampjun kienu stabbiliti, skont il-premessa 8 tar-Regolament provviżorju, f’ħames Stati Membri differenti.

164    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-formularju tal-ilment u l-kwestjonarji tat-teħid ta’ kampjuni mibgħuta lit-814-il produttur li kien ġie ppreżentat l-ilment f’isimhom (ara l-punt 108 iktar ’il fuq) kienu jikkontjenu informazzjoni fuq il-produzzjoni u fuq il-bejgħ domestiku tal-industrija Komunitarja kif ukoll fuq il-produzzjoni ta’ kull produttur li ressaq l-ilment fl-2003 u fl-2004. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tevalwa d-daqs u l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ kull kumpannija li ressqet l-ilment u, naturalment, il-post fejn hija stabbilita. B’hekk, il-Kummissjoni kienet tippossjedi l-informazzjoni neċessarja sabiex tipproċedi bil-kostituzzjoni tal-kampjun tal-produtturi Komunitarji fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji li, skont hi, kienu l-iktar rilevanti. Peress li r-rikorrenti ma kkontestawx ir-rilevanza ta’ dawn il-kriterji, għandu jiġi konkluż li l-argumentazzjoni tagħhom fir-rigward tal-kostituzzjoni tal-kampjun għandha tiġi miċħuda f’dan ir-rigward.

165    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, ir-rikorrenti ma kkontestawx l-allegazzjoni tal-Kunsill li tgħid li huma kellhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-produzzjoni ta’ kull kumpannija tal-kampjun, kif ukoll għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposti li dawn il-kumpanniji kienu pprovdew fil-kwestjonarju dwar id-dannu. L-isem ta’ kull kumpannija li kienet tifforma parti mill-kampjun jikkostitwixxi prova irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-rappreżentattività tagħhom. Madankollu, din l-evalwazzjoni hija valida biss jekk l-informazzjoni mogħtija mill-kumpanniji kkonċernati tikkorrispondi mar-realtà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kellhom jitolbu aċċess għall-informazzjoni li ppermettiet lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-provi ppreżentati mill-operaturi Komunitarji li kienu jiffurmaw parti mill-kampjun kienu korretti. Dan l-aċċess seta’ jingħata mingħajr ma jingħata l-isem tal-kumpanniji. Issa, jidher li r-rikorrenti ma talbux l-aċċess għal dawn l-elementi, b’tali mod li l-argumentazzjoni tagħhom fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom ma tistax tintlaqgħa.

166    Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, għandha qabel kollox tiġi miċħuda l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill minħabba li r-rikorrenti jagħmlu sempliċi riferiment għall-annessi tagħhom. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kkuntentawx ruħhom li jagħmlu sempliċi riferiment għall-Annessi A 33 u A 34 tar-rikors, iżda għamlu preżentazzjoni sommarja tal-punti prinċipali tagħhom billi fformulaw ilmenti speċifiċi kontra l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet. Issa, ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux il-preżentata, in sostenn ta’ dawn l-ilmenti, tad-dokumenti iktar dettaljati ppreżentati lill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva.

167    Fir-rigward tal-mertu tal-argumenti tar-rikorrenti, għandu qabel kollox jingħad li l-informazzjoni li huma pprovdew lill-Kummissjoni fin-noti tas-17 ta’ Lulju u tat-2 ta’ Awwissu 2006 jirrigwardaw, essenzjalment, informazzjoni miġbura mill-istampa fuq nuqqasijiet li allegatament wettqu xi produtturi Komunitarji taż-żraben, bħal frodi mwettqa fuq livell nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sussidji, jew ksur tal-kodiċi tax-xogħol.

168    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li impriża wettqet frodi fuq livell nazzjonali mhux neċessarjament jimplika li hija ma tikkooperax f’investigazzjoni antidumping tal-Kummissjoni u li hija tipprovdi informazzjoni skorretta f’dan il-kuntest. Għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li l-impriżi msemmija mir-rikorrenti wettqu frodi fuq livell nazzjonali, fih innifsu dan ma jippermettix li jiġi konkluż li l-informazzjoni li huma pprovdew fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping ma tkunx affidabbli jekk l-imsemmija informazzjoni ma jkollha l-ebda rabta mal-imsemmija frodi. Fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva dwar it-trattament degradanti tal-ħaddiema u dwar ir-reklutaġġ tat-tfal, għandu qabel kollox jingħad li jidher li huwa eskluż li dawn il-fatti jista’ jkollhom rabta mal-informazzjoni li l-kumpanniji kkonċernati eventwalment ipprovdew fil-kuntest tal-investigazzjoni inkwistjoni.

169    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-produttur Taljan La Nuova Adelchi pprovda informazzjoni mhux eżatta dwar id-dħul mill-bejgħ u l-bejgħ tiegħu. F’dan ir-rigward, huma invokaw, fin-noti tas-17 ta’ Lulju u tat-2 ta’ Awwissu 2006, il-fatt li l-amministratur uniku tal-kumpannija La Nuova Adelchi kien ġie kkundannat fl-ewwel istanza mill-awtoritajiet Taljani minħabba kontijiet miżmuma b’mod irregolari. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, huma bbażaw ruħhom, fin-noti tas-17 ta’ Lulju u tat-2 ta’ Awwissu 2006, fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, Ġabra p. I‑3565). Madankollu, mill-punt 29 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fatti inkwistjoni kienu jirrigwardaw is-snin 1992 u 1993, u b’hekk perijodu diversi snin qabel il-perijodu tal-investigazzjoni. Irregolaritajiet eventwali dwar il-kontijiet tal-1992 u tal-1993 ma jistgħux ipoġġu fid-dubju l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni.

170    Fir-rigward tal-fatti l-oħra li r-rikorrenti jilmentaw kontra ċerti produtturi Komunitarji taż-żraben, għandu jingħad dan li ġej. Skont il-premessi 175 sa 185 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ dannu subit mill-industrija Komunitarja fuq il-livell makro-ekonomiku abbażi tal-informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-bejgħ, l-ishma mis-suq, l-impjieg, it-tkabbir, l-importanza tal-marġni ta’ dumping u l-irkupru permezz ta’ prattiċi ta’ dumping preċedenti. Din l-informazzjoni kienet tirrigwarda l-industrija Komunitarja kollha (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm tnaqqis fil-produzzjoni, fl-ishma mis-suq, fix-xogħol u, għalhekk, fit-tkabbir għal perijodu mill-2001 sal-aħħar tal-perijodu tal-investigazzjoni. Fir-rigward tal-indikaturi mikro-ekonomiċi dwar il-produtturi tal-kampjun, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessi 186 sa 196 tar-Regolament provviżorju, li l-volumi ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ, il-prezzijiet tal-bejgħ, il-flussi ta’ likwidità, il-qligħ, ir-rendiment tal-investimenti, l-abilità li jiġu ttrasferiti kapitali għall-finijiet ta’ investimenti u x-xogħol kienu raw tnaqqis sinjifikattiv mill-2001 sal-aħħar tal-perijodu tal-investigazzjoni.

171    F’dak li jirrigwarda l-konklużjonijiet definittivi fir-rigward tal-indikaturi tad-danni makro-ekonomiċi, il-Kunsill ikkonferma, fil-premessi 186 sa 198 tar-Regolament ikkontestat, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis fil-produzzjoni, fil-bejgħ, fl-ishma mis-suq, fix-xogħol, fil-produttività, fit-tkabbir u fl-irkupru wara prattiċi ta’ dumping. Fir-rigward tal-indikaturi mikro-ekonomiċi, il-Kunsill ikkonferma wkoll, fil-premessi 199 sa 206 tar-Regolament ikkontestat, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ, fil-flussi tal-likwidità, fil-qligħ u fir-rendiment tal-investimenti kif ukoll fl-abilità li jiġu ttrasferiti kapitali għall-finijiet ta’ investimenti.

172    Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Kunsill sostna, fil-premessa 214 tar-Regolament ikkontestat, li d-dannu kien prinċipalment issaraf, fuq il-livell makro-ekonomiku, fi tnaqqis fil-volum tal-bejgħ u telf tal-ishma mis-suq, liema ċirkustanzi kienu influwenzaw il-livell tal-produzzjoni u tax-xogħol. Fir-rigward tal-livell mikro-ekonomiku, il-Kunsill ikkonstata, fil-premessa 200 tar-Regolament ikkontestat, li l-kumpanniji tal-kampjun kienu għamlu qligħ minimu matul il-perijodu tal-investigazzjoni, u ma setgħux ibaxxu iktar il-prezzijiet tagħhom mingħajr ma jirreġistraw telf.

173    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-informazzjoni distorta allegatament ipprovduta minn żewġ kumpanniji Taljani jistgħu jiġu kkunsidrati bħala rilevanti biss jekk l-informazzjoni msemmija tista’ tqiegħed indiskussjoni l-fatturi kkunsidrati mill-Kunsill sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu.

174    Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirreferu għas-sensji fittizji implementati minn żewġ kumpanniji Taljani sabiex jerġgħu jimpjegaw lill-ħaddiema mkeċċija filwaqt li jiksbu għajnuna mill-Istat għar-reklutaġġ tan-nies qegħda. Ir-rikorrenti jqisu li n-numru ta’ sensji fittizji inkwistjoni jammonta għal 3 100. Anki jekk jitqies li dawn is-sensji kollha ma jippermettux li tiġi pprovata s-sitwazzjoni diffiċli tal-kumpanniji inkwistjoni, iżda intenzjoni li tittieħed l-għajnuna mill-Istat b’mod frawdolenti, għandu jingħad li l-Kunsill semma’, fil-premessa 192 tar-Regolament ikkontestat, telf ta’ iktar minn 27 000 impjieg sa mill-2001. B’hekk, anki jekk wieħed jaċċetta li 3 100 minn dawn is-sensji kienu fittizji, il-konklużjoni tal-Kunsill fir-rigward ta’ tnaqqis sostanzjali fil-livell tax-xogħol fuq livell makro-ekonomiku tibqa’ valida. Għandu jingħad ukoll li, fuq livell mikro-ekonomiku, il-Kunsill ma bbażax il-konklużjoni tiegħu dwar id-dannu fuq informazzjoni li tirrigwarda x-xogħol.

175    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jirreferu għad-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni Komunitarja lejn pajjiżi terzi flimkien ma’ miżuri frawdolenti intiżi sabiex jindikaw l-oriġini Taljana tal-prodotti. Issa, anki jekk jitqies li l-istituzzjonijiet kienu l-vittma ta’ din il-prassi fis-sens li inkludew fiċ-ċifri li jirrigwardaw il-produzzjoni tal-industrija Komunitarja kwantitajiet prodotti barra, dan fil-fatt ikun ifisser li t-tnaqqis fil-produzzjoni Komuntarja huwa ikbar minn dak ippreżentat fir-Regolament provviżorju u fir-Regolament ikkontestat. B’hekk, iċ-ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti, jekk jitqies li huma stabbiliti, ma humiex ta’ natura li jpoġġu fid-dubju l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tad-dannu li jirriżulta mill-livell tal-produzzjoni Komunitarja.

176    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jinvokaw frodi allegatament imwettqa minn waħda miż-żewġ impriżi Taljani, li tikkonsisti fil-benefiċċju ta’ għajuna mill-Istat għall-finijiet tax-xiri ta’ makkinarju ġdid li madankollu ġew installati fl-Albanija b’mod partikolari. Issa, anki jekk jiġi ammess li din l-allegazzjoni hija stabbilita, din iċ-ċirkustanza jista’ jkollha biss effett negattiv fir-rigward tal-livell reali tal-investimenti ġewwa s-suq Komunitarju, u b’hekk tikkonferma l-konklużjonijiet tal-Kunsill f’dan ir-rigward.

177    B’hekk, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jpoġġu indiskussjoni l-evalwazzjonijiet tal-Kunsill fil-livell makro-ekonomiku.

178    Mill-perspettiva mikro-ekonomika, għandu jingħad li, f’kull każ, anki jekk iż-żewġ kumpanniji Taljani inkwistjoni pparteċipaw fil-kampjun u li huma inkludew fost il-bejgħ tagħhom fis-suq Komunitarju bejgħ ta’ żraben li huma pproduċew f’pajjiżi terzi, liema ħaġa tista’ taffettwa l-kalkolu tal-prezz medju għal kull par ta’ EUR 18.2 imsemmi fil-premessa 199 tar-Regolament ikkontestat, xorta jibqa’ l-fatt li, għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa 200 tar-Regolament ikkontestat, il-kriterju tal-prezz tal-bejgħ medju fih innifsu ma huwiex fattur determinanti.

179    Fil-fatt, hekk kif ġie indikat fil-premessa 200 tar-Regolament ikkontestat, iż-żraben huma prodotti fuq ordni u l-ordnijiet ġodda huma normalment aċċettati biss jekk il-prezz korrispondenti jippermetti għall-inqas li jintlaħaq il-punt ta’ ekwilibriju. B’hekk, anki jekk jitqies li l-prezz tal-bejgħ medju tal-industrija Komunitarja ma ġiex stabbilit bl-ikbar preċiżjoni u li, fir-realtà, jinsab f’livell għola, dan mhux suffiċjenti sabiex ipoġġi fid-dubju l-konklużjonijiet dwar il-fluss ta’ likwidità, il-qligħ, ir-rendiment tal-investimenti, l-abbiltà li jiġu ttrasferiti kapitali u għall-investimenti, kollha juru deterjorament kbir fis-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja.

180    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi osservat li ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tar-regolamenti tispeċifika d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi, xi kultant numerużi u kumplessi ħafna, li huma s-suġġett tagħhom, peress li dawn ir-regolamenti jidħlu fil-kuntest sistematiku tal-miżuri kollha li jiffurmaw parti minnu. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li r-raġunament tal-istituzzjonijiet fir-regolamenti jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, T‑2/95, Ġabra p. II‑3939, punti 357 u 358).

181    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-istituzzjonijiet ma humiex marbuta li jadottaw pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemhom mill-partijiet ikkonċernati, iżda li huwa suffiċjenti li jiġu esposti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).

182    Issa, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill espona b’mod ċar, fil-kuntest tar-Regolament ikkontestat, ir-raġunijiet li għalihom huwa kkunsidra li l-industrija Komunitarja kienet subiet dannu kunsiderevoli, kemm fil-livell mikro-ekonomiku kif ukoll fil-livell makro-ekonomiku, minħabba l-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina. Minn dan jirriżulta li r-Regolament ikkontestat huwa mmotivat biżżejjed fil-liġi f’dan ir-rigward.

183    B’hekk, isegwi li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

184    Skont ir-rikorrenti, għandu jiġi stabbilit jekk teżistix rabta kawżali diretta bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu li l-industrija Komunitarja ssubiet fl-2004. Dan ma huwiex il-każ, fid-dawl tal-eżistenza ta’ fatturi oħra ta’ dannu bħal, essenzjalment, ir-riżultati ħżiena fl-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja, iż-żieda fl-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi terzi differenti miċ-Ċina jew mill-Vjetnam u t-tneħħija tas-sistema tal-kwoti kwantitattivi sa mill-1 ta’ Jannar 2005 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

185    F’dan il-każ, is-sitwazzjoni ekonomika medjokri tal-industrija Komunitarja hija dovuta għal deterjorazzjoni tar-riżultati tagħha fl-esportazzjoni, ċirkustanza li tikkonferma n-nuqqas ta’ kompetittività tal-produzzjoni Komunitarja. Din hija r-raġuni għalfejn il-produtturi Komunitarji ma jistgħux iżidu l-prezzijiet tagħhom b’mod sinjifikattiv jew iżidu l-qligħ tas-settur għal livell għola minn dak tal-2004, sena rilevanti għall-istabbilment tal-livell tad-dazji antidumping li jippermettu li jiġi eliminat id-dannu. Dan jispjega wkoll it-tnaqqis fil-bejgħ tal-produtturi Komunitarji fis-suq Komunitarju kif ukoll id-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni lejn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-investigazzjonijiet antidumping preċedenti, il-livell ta’ qligħ milħuq mill-industrija Komunitarja fl-2004 u matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ma huwiex nettament inferjuri għal dak tal-aħħar ħmistax-il sena.

186    Isegwi li d-dannu subit mill-industrija Komunitarja huwa essenzjalment dovut għall-prezzijiet mhux kompetittivi tal-prodotti Komunitarji kkonċernati. B’hekk, anki jekk it-teżi li tgħid li r-riżultati għall-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja ma kkawżawx dannu kunsiderevoli setgħet tirriżulta eżatta sa’ ċertu punt, din ma tikkunsidrax il-fatt li d-dannu kunsiderevoli li seħħ ma jirriżultax minn importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping inkwistjoni.

187    L-analiżi li tinsab fir-Regolament ikkontestat, li għandha l-għan li tpoġġi fid-dubju din il-konklużjoni, hija bbażata fuq evalwazzjonijiet manifestament żbaljati li jidhru fil-premessa 229 tagħha. Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni li tgħid li l-ebda pajjiż terz elenkat fil-premessa 227 tar-Regolament ikkontestat ma kabbar b’mod sinjifikanti s-sehem tiegħu mis-suq matul il-perijodu kkunsidrat jinjora l-fatt li żewġ pajjiżi li għadhom ishma mis-suq mhux negliġibbli rduppjaw dawn l-ishma, u tnejn oħra żieduhom rispettivament b’50 % u bi 30 %. Fit-tieni lok, is-sehem mis-suq tal-pajjiżi kollha elenkati fil-premessa 227 tar-Regolament ikkontestat huwa paragunabbli ma’ dak tal-pajjiżi milquta mill-miżuri antidumping inkwistjoni u, għalkemm dan is-sehem ma jikkorrispondix eżattament ma’ dak taċ-Ċina, huwa superjuri għal dak tal-Vjetnam. Fit-tielet lok, tliet pajjiżi terzi baxxew il-prezzijiet tagħhom b’mill-inqas 22 %, u pajjiż ieħor baxxihom b’madwar 20 %. Fir-raba’ lok, it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti provenjenti miċ-Ċina jista’ jiġi spjegat mill-iskadenza tas-sistema ta’ kwoti kwantitattivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ żraben provenjenti minn dan il-pajjiż, ċirkustanza li wasslet għal żieda fil-kwantitajiet ta’ żraben bi prezz baxx importati u, b’hekk, għal evoluzzjoni fit-tqassim tal-prodotti.

188    Iċ-ċirkustanzi elenkati fil-premessi 227 et seq tar-Regolament ikkontestat pjuttost iwasslu għall-konklużjoni li l-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi terzi (minbarra ċ-Ċina u l-Vjetnam) ikkontribwixxew b’mod sostanzjali għad-dannu subit mill-industrija Komunitarja. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet Komunitarji mminimizzaw b’mod artifiċjali l-impatt li ż-żieda fil-kwota seta’ kellha fuq l-industrija Komunitarja, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis fil-prezz unitarju medju, iż-żieda fl-importazzjonijiet u t-tibdil fit-tqassim tal-prodotti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-perijodu tal-investigazzjoni kien jinkludi biss perijodu ta’ tliet xhur mingħajr kwoti (mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2005). Issa, dan huwa perijodu qasir wisq sabiex tasal għall-konklużjoni ta’ tibdil daqstant sinjifikattiv li jeħtieġ perijodu kunsiderevoli sabiex jippermetti l-istabbilizzar tas-suq. B’hekk, l-istituzzjonijiet ikkonkludew b’mod żbaljat li t-tneħħija tas-sistema ta’ kwoti ma kellha l-ebda effett ta’ distorsjoni maġġuri jew li kienet biss aggravat l-effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

189    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

190    Għandu jingħad li, fil-konstatazzjoni tad-dannu, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu li huma għandhom il-ħsieb li jikkunsidraw, jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping u li jeskludu kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra u, b’mod partikolari, dak ikkawżat mill-aġir tal-produtturi Komunitarji nnifishom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1992, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C‑358/89, Ġabra p. I‑3813, punt 16).

191    F’dan il-każ, il-Kunsill stabbilixxa l-eżistenza ta’ rabta kawżali billi eżamina, minn naħa, l-effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u, min-naħa l-oħra, l-effetti ta’ fatturi oħra, bħar-riżultati fl-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja, l-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi terzi oħra, il-flussi fir-rati tal-kambju, it-tneħħija tas-sistema tal-kwoti, in-nuqqas ta’ mmodernizzar fost il-produtturi li ressqu l-ilment u d-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni mill-industrija Komunitarja.

192    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq riżultati ħżiena fl-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja, għandu jingħad, bħal fil-każ tal-Kunsill fil-premessa 224 tar-Regolament ikkontestat, li din iċ-ċirkustanza ma taffettwax l-indikaturi bħall-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq u t-tnaqqis fil-prezzijiet li kienu l-bażi għall-istabbiliment tad-dannu. Fil-fatt, dawn l-indikaturi ġew stabbiliti fil-livell tal-bejgħ fil-Komunità. Barra minn hekk, skont il-premessi 187 u 189 tar-Regolament ikkontestat, it-tnaqqis fl-ishma mis-suq tal-industrija Komunitarja fis-suq domestiku wassal għal tnaqqis analogu fil-produzzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill ikkonstata ġustament, fil-premessa 224 tar-Regolament ikkontestat, li l-parti l-kbira tal-produzzjoni Komunitarja kienet destinata għas-suq Komunitarju u li, konsegwentement, ir-riżultati tal-esportazzjoni ma setgħux ikkawżaw dannu kunsiderevoli fl-industrija Komunitarja.

193    Fir-rigward tal-argumenti dwar l-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi terzi oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-pajjiżi kollha li sar riferiment għalihom fil-premessa 227 tar-Regolament ikkontestat qasmu sehem mis-suq ta’ 33.8 % matul il-perijodu tal-investigazzjoni, kontra 24.4 % fl-2001. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat ukoll li żewġ pajjiżi, il-Makaw u l-Brażil, irduppjaw is-sehem mis-suq tagħhom fil-perijodu ta’ investigazzjoni kkunsidrat (minn Jannar 2001 sa April 2005) fejn żieduhom minn 1.2 % għal 2.4 % u għal 2.5 % rispettivament, filwaqt li l-Indja żiedet is-sehem tagħha mis-suq minn 3.6 % fl-2001 għall-5.7 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

194    Barra minn hekk, skont it-tieni tabella tal-premessa 227 tar-Regolament ikkontestat, il-prezzijiet tal-prodotti importati minn dawn l-istess pajjiżi, bl-eċċezzjoni tar-Rumanija, raw tnaqqis minn 10 % (l-Indja) sa 25 % (il-Brażil), li jvarja bejn EUR 8.7 (Indoneżja b’sehem mis-suq ta’ 2 %) u EUR 14.9 (Rumanija b’sehem mis-suq ta’ 6.9 %).

195    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont il-premessi 162, 168 u 170 tar-Regolament ikkontestat, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina u mill-Vjetnam żied minn 9.3 % fl-2001 għal 23.2 % fil-perijodu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, skont il-premessi 170 u 199 tar-Regolament ikkontestat, iż-żraben li ġejjin miċ-Ċina u mill-Vjetnam ġew importati, fil-perijodu ta’ investigazzjoni, bi prezz medju ta’ EUR 8.5 għal kull par, kontra prezz medju ta’ EUR 18.2 għal kull par għaż-żraben prodotti fil-Komunità, u prezz medju ta’ EUR 12.21 għal kull par għall-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi. Il-kalkolu ta’ dan l-aħħar prezz huwa bbażat fuq prezzijiet medji msemmija fit-tieni tabella tal-premessa 227 tar-Regolament ikkontestat, deċiżi skont l-ishma mis-suq li hemm riferiment għalihom fl-ewwel tabella tal-istess premessa.

196    Minn din l-informazzjoni jirriżulta li, anki jekk il-pajjiżi terzi jkollhom flimkien bejniethom sehem kunsiderevoli mis-suq Komunitarju, is-sehem mis-suq globali taċ-Ċina u tal-Vjetnam jikkorrispondi għal madwar 72 % tas-sehem mis-suq tal-pajjiżi terzi elenkati fil-premessa 227 tar-Regolament ikkontestat. F’dan il-kuntest, għandu jingħad li l-prezz medju tal-importazzjoni taż-żraben provenjenti mill-pajjiżi inkwistjoni huwa 30.4 % inqas mill-prezz medju li bih huma importati ż-żraben provenjenti minn pajjiżi terzi oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effetti li jirriżultaw mill-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi terzi oħra ma humiex ta’ natura li jpoġġu fid-dubju r-rabta kawżali eżistenti bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

197    Din il-konklużjoni ma hijiex affetwata mill-fatt li ċerti pajjiżi terzi żiedu b’mod sinnifikanti l-ishma tagħhom mis-suq matul il-perijodu kkunsidrat, peress li l-informazzjoni msemmija fil-punti 193 sa 196 iktar ’il fuq tieħu debitament inkunsiderazzjoni din l-evoluzzjoni.

198    Fir-rigward tal-impatt li seta’ kellha t-tneħħija tal-kwoti (ara l-punt 188 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ma tikkostitwixxix is-sanzjoni ta’ aġir preċedenti, iżda miżura ta’ difiża u ta’ protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill-prattiċi ta’ dumping. Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-investigazzjoni ssir abbażi ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun attwali sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti dazji antidumping li jkunu adegwati sabiex tiġi protetta l-industrija Komunitarja kontra l-prattiċi ta’ dumping (sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 91 u 92, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, T‑138/02, Ġabra p. II‑4347, punt 60).

199    B’hekk, meta l-istituzzjonijiet jikkonstataw li l-importazzjonijiet ta’ prodott li sa dak iż-żmien ikun ġie ssuġġettat għal restrizzjonijiet kwantitattivi jiżdiedu wara l-iskadenza tal-imsemmija restrizzjonijiet, huma jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni din iż-żieda għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

200    Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-premessi 162, 168 sa 170, 187 sa 206 u 216 sa 240 tar-Regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet ħadu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi dwar id-dannu u r-rabta kawżali mhux biss fir-rigward tal-aħħar trimestru tal-perijodu ta’ investigazzjoni, iżda wkoll fir-rigward tal-perijodu kkunsidrat.

201    Minn dan isegwi li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

202    Ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-livell li għandhom jilħqu l-miżuri antidumping definittivi sabiex jeliminaw id-dannu (ara l-punt 42 iktar ’il fuq) hija manifestament żbaljata. Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq informazzjoni li tirrigwarda parti mill-prodott ikkonċernat li ma hijiex is-suġġett ta’ “dumping li jikkaġuna dannu gravi” (minnflok ma tintuża l-aħjar informazzjoni, li tirrigwarda s-snin 2001 sa 2003, li matulhom ma kienx hemm dumping) u li tikkonsisti f’li ssir subdiviżjoni tal-prodott simili billi jiġi segwit “raġunament ċirkulari”. L-identifikazzjoni taż-żraben li ma humiex is-suġġett ta’ “dumping li jikkaġuna dannu gravi” jimplika li jiġi stabbilit minn liema mument ikun jeżisti “dumping li jikkaġuna dannu gravi”, liema ħaġa teħtieġ ukoll paragun tal-marġni ta’ qligħ tal-produtturi Komunitarji mal-marġni ta’ qligħ li kien jintlaħaq fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Dan l-approċċ huwa partikolarment mhux adattat, peress li l-miżuri antidumping japplikaw għall-importazzjonijiet kollha.

203    Barra minn hekk, fir-risposta, il-Kunsill spjega li l-marġni ta’ qligħ ta’ 6 % kien jirrigwarda prodotti li ma kinux suġġetti għall-investigazzjoni inkwistjoni, ċirkustanza li, fiha nnifisha, timplika li din il-perċentwali ma tistax tikkostitwixxi indikazzjoni valida għall-kalkolu tal-marġni ta’ qligħ li l-produtturi Komunitarji kienu jagħmlu fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Fil-fatt, l-industrija Komunitarja ma għamlitx marġni ta’ qligħ għola minn 2 % matul il-perijodu kopert mill-investigazzoni jew f’passat reċenti.

204    Isegwi li l-iffissar tal-marġni ta’ qligħ għal 6 % li l-industrija Komunitarja setgħet tnaqqas fin-nuqqas ta’ dumping dannuż jirriżulta minn żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

205    Il-Kunsill jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti billi jindika li l-kunċett ta’ “żraben li ma humiex is-suġġett ta’ dumping li jikkaġuna dannu gravi” ma jikkorrispondix għal sub-kategorija tal-prodott ikkonċernat, iżda għal żraben li ma jidħlux fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. B’hekk, l-istituzzjonijiet ma segwewx b’“raġunament ċirkulari” u ma ttratawx b’mod privileġġjat informazzjoni mhux affidabbli b’detriment għall-aħjar informazzjoni li tirrigwarda l-prodott ikkonċernat.

206    Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li, anki fil-każ li dan il-motiv jiġi milqugħ, dan jista’ jkollu biss bħala konsegwenza l-annullament tar-Regolament ikkontestat sa fejn il-Kunsill inkluda fih marġni ta’ dannu 4 % għola mill-marġni li kellu jistabbilixxi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

207    Qabel kollox, għandu jingħad li, fir-replika, ir-rikorrenti aċċettaw l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kunsill li tgħid li l-kunċett ta’ “żraben li ma humiex is-suġġett ta’ dumping li jikkaġuna dannu gravi” ma kienx jikkorrispondi ma’ sub-kategorija tal-prodott ikkonċernat, iżda ma’ żraben li ma jidħlux fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

208    Wara, għandha tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-marġni ta’ qligħ li l-industrija Komunitarja għamlet għal żraben mhux ikkunsidrati fl-investigazzjoni (u li ma kinux is-suġġett ta’ dumping dannuż) ma tistax titqies bħala indikazzjoni valida tal-marġni ta’ qligħ li l-produtturi Komunitarji għamlu fuq il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Fil-fatt, xejn ma jobbliga lill-istituzzjonijiet li jibbażaw ruħhom biss fuq informazzjoni li tirrigwarda l-prodott ikkonċernat sabiex jiġi evalwat il-marġni ta’ qligħ li tkun għamlet l-industrija Komunitarja fin-nuqqas ta’ dumping dannuż. B’mod kuntrarju, huwa mixtieq li huma jibbażaw ruħhom fuq prodotti relatati, li jixxiebħu fis-sens wiesa’ tal-prodott ikkonċernat. Anki jekk dawn il-prodotti ma jiffurmawx parti mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-marġni ta’ qligħ li l-industrija Komunitarja għamlet għal dawn il-prodotti jista’ jitqies bħala indikazzjoni valida tal-marġni ta’ qligħ li l-produtturi Komunitarji għamlu fuq il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping. F’dan il-każ, il-Kunsill ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq il-marġni ta’ qligħ li l-industrija Komunitarja għamlet għal żraben differenti minn dawk milquta mill-investigazzjoni, peress li dawn iż-żraben l-oħra huma suffiċjentement simili għall-prodott ikkonċernat.

209    Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jistipula espressamant il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni tnaqqis eventwali tal-prezzijiet ipprattikati mill-industrija Komunitarja sabiex jiġi stabbilit, f’dan il-każ, il-livel ta’ traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment.

210    Minn dan jirriżulta li t-tmien motiv għandu, huwa wkoll, jiġi miċħud, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

211    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jkun deċiż li huma jbatu l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kunsill.

212    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni u s-CEC għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Brosmann Footwear (HK) Ltd, Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd u Risen Footwear (HK) Co., Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u l-Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Marzu 2010.

Firem












Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament ikkontestat

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel żewġ motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ), tal-Artikolu 9(5), u tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku fin-nuqqas ta’ provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-ilment imressaq mill-industrija Komunitarja

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) u tal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament bażiku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 253 KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku kif ukoll tal-Artikolu 253 KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.