Language of document : ECLI:EU:T:2023:422

(Kawża T-776/20)

Robert Stockdale

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea et

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tas26 ta’ Lulju 2023

“Rikos għal annullament u għad-danni – Membru tal-persunal internazzjonali bil-kuntratt mar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja‑Ħerzegovina – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Natura kuntrattwali tat-tilwima – Assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ u ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Artikoli 263, 268, 272 u 274 TFUE – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ammissibbiltà – Identifikazzjoni tal-konvenuti – Kunċett ta’ ‘korp jew organu tal-Unjoni’ – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u inammissibbiltà parzjali”

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Rikors fil-preżenza ta’ kuntratt li jorbot lir-rikorrent ma’ istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Effetti legali vinkolanti lil hinn mir-relazzjoni kuntrattwali u li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 31)

2.      Rikors għad-danni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Limiti – Natura tar-responsabbiltà invokata – Verifika mill-qorti – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punt 32)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Ġurisdizzjoni – Tilwima f’materji kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Kawża mressqa abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Konsegwenza – Ġurisdizzjoni ordinarja tal-qrati nazzjonali

(Artikoli 272 u 274 TFUE)

(ara l-punt 40)

4.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors għal annullament u għal kumpens għad-danni li fir-realtà jikkonċerna tilwima ta’ natura kuntrattwali – Annullament ta’ att li jagħmel parti minn qafas kuntrattwali – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni skont l-Artikoli 263 u 268 TFUE – Inammissibbiltà – Eċċezzjoni – Ħtieġa li tinżamm il-koerenza tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv mill-qrati tal-Istati Membri jew mill-qorti tal-Unjoni

(Artikoli 263, 268, 272 u 274 TFUE)

(ara l-punti 48, 49, 76)

5.      Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Kunċett ta’ kuntratt individwali ta’ xogħol – Interpretazzjoni awtonoma – Kundizzjoni – Eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem – Kriterji

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, Artikolu 21)

(ara l-punt 61)

6.      Rikors għad-danni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Kundanna tal-Unjoni għall-kumpens ta’ dannu konformement mal-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kumpens in natura fil-forma ta’ ordni di fare jew di non fare – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Każ partikolari ta’ dannu li ma jistax jiġi rrimedjat totalment permezz ta’ kumpens u li jeħtieġ ordni minħabba l-karatteristiċi partikolari tiegħu

(Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 81, 82)

7.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors għal annullament u għad-danni – Talba għal konstatazzjoni dikjaratorja – Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni

(Artikoli 263 u 268 TFUE)

(ara l-punt 85)

8.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors għal annullament u għad-danni – Suġġett – Talba għall-annullament ta’ att jew għall-kumpens għad-danni – Kunċett ta’ istituzzjonijiet, korpi jew organi – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kapaċità legali – Mandat intrinsikament marbut mal-funzjonament tal-Unjoni – Entità legalment distinta mill-istituzzjonijiet, korpi u organi eżistenti tal-Unjoni – Inklużjoni – Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina – Ammissibbiltà

(Artikoli 263 u 268 TFUE)

(ara l-punti 130, 131, 134, 139)

9.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Azzjonijiet operattivi tal-Unjoni Ewropea – Adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-għanijiet, il-portata tagħhom, il-mezzi li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom u t-tul tagħhom – Ġurisdizzjoni – Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Portata – Persunal ċivili internazzjonali – Adozzjoni ta’ sistema legali applikabbli għall-persunal bil-kuntratt – Inklużjoni – Imputazzjoni lill-Kunsill ta’ nuqqas fl-adozzjoni ta’ tali sistema – Ammissibbiltà

(Artikolu 26 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1) TUE)

(ara l-punti 148, 152, 154, 157, 158, 162)

Sunt

Ir-rikorrent, ċittadin tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kien jokkupa l-funzjonijiet ta’ kap tal-finanzi u tal-amministrazzjoni mar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“RSUE”) fil-Bosnja-Ħerzegovina bejn l-2006 u l-31 ta’ Diċembru 2020 u, f’dan ir-rigward, kien ikkonkluda 17-il kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat (KŻD) ma’ dan ir-RSUE. Wara l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u mill-Euratom (1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020, li kien jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina adotta deċiżjoni ta’ xoljiment tal-aħħar kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrent minn din id-data.

Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament u għad-danni, ippreżentat kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u r-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina, ir-rikorrent talab, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ xoljiment, kif ukoll il-kumpens għad-danni li huwa allegatament ġarrab minħabba din id-deċiżjoni. Huwa talab ukoll il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat (KŻI) u l-kumpens għad-danni li huwa allegatament ġarrab minħabba n-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ status ċar applikabbli għalih. Barra minn hekk, ir-rikorrent talab, sussidjarjament, li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-każ ta’ ċaħda tat-talbiet tiegħu mressqa b’mod prinċipali.

Adita b’eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar dawn it-talbiet qabel ma tidħol fil-mertu u tilqagħhom parzjalment. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar diversi kwistjonijiet ġodda. Qabel kollox, hija tistabbilixxi li, meta tilwima ta’ natura kuntrattwali li tinvolvi lill-Unjoni titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li l-kuntratt inkwistjoni ma jkunx jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ favuriha, hija xorta jkollha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti meħuda minn entitajiet li jaqgħu taħt l-Unjoni (2)u sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni (3), jekk ebda qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni ma tkun tista’ tiġi identifikata abbażi tal-kuntratt jew tar-Regolament Brussell Ia (4). Sussegwentement, huwa jidentifika lir-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina bħala l-korp tal-Unjoni li adotta d-deċiżjoni ta’ xoljiment. Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mill-assenza ta’ sistema legali ġenerali applikabbli għall-membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-PESK, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa l-Kunsill li huwa kompetenti sabiex, jekk ikun il-każ, jadotta tali sistema.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar il-kapijiet tat-talbiet marbuta rispettivament mad-deċiżjoni ta’ xoljiment u mas-suċċessjoni ta’ KŻD.

Preliminarjament, hija tikkonstata li t-talbiet tar-rikorrent ifformulati fil-kuntest ta’ dawn il-kapijiet tat-talbiet huma ta’ natura kuntrattwali. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ xoljiment għandha rabta diretta mal-kuntratt inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, it-talbiet għal klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni ta’ impjieg f’KŻI jirriżultaw mill-KŻD suċċessivi kollha konklużi bejn ir-rikorrent u r-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina. Issa, fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-KŻD, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi skont l-Artikolu 272 TFUE, b’tali mod li, konformement mal-Artikolu 274 TFUE, dawn il-kapijiet ta’ talbiet jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, meta, fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura kuntrattwali, il-qorti tal-Unjoni tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikoli 263 u 268 TFUE, dan huwa sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni koerenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikoli 272 u 274 TFUE u, għaldaqstant, sabiex tinżamm il-koerenza tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, ikkostitwita minn ġabra sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri intiżi li jiżguraw, rispettivament, l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, u l-kumpens għad-danni kkawżati mill-Unjoni. Għalhekk, fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura kuntrattwali, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tirrifjuta l-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mit-Trattat FUE, meta dan ikollu l-effett li jeżenta minn kull stħarriġ ġudizzjarju, mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati tal-Istati Membri, atti tal-Unjoni jew talba għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-Unjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja n-natura kuntrattwali tal-kapijiet tat-talbiet ifformulati f’dan il-każ, sabiex tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, il-Qorti Ġenerali tivverifika li r-rikorrent jista’ jissuġġetta tali talbiet lil qorti ta’ Stat Membru. Din hija r-raġuni għaliex, qabel kollox, hija tiċħad l-argument tal-konvenuti li dawn il-kapijiet tat-talbiet jistgħu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Bosnja-Ħerzegovina. Bl-istess mod, hija tiċħad l-argument li r-rikorrent kellu l-possibbiltà li jadixxi l-istanza arbitrali prevista fil-kuntratt inkwistjoni, peress li l-ġurisdizzjoni ta’ tali istanza ma tistax tiġi prevista bl-esklużjoni ta’ dik tal-qorti tal-Unjoni jew tal-qrati tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, peress li l-kontenut tal-kuntratt inkwistjoni ma jippermettix li tiġi identifikata qorti ta’ Stat Membru kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-kapijiet tat-talbiet inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Brussell Ia, li japplika f’dan il-każ. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ xoljiment ma tikkostitwixxix att ta’ awtorità pubblika (5), iżda hija bbażata fuq il-kuntratt inkwistjoni. Għaldaqstant, il-kapijiet tat-talbiet inkwistjoni jaqgħu taħt il-materji ċivili u kummerċjali u, peress li jikkonċernaw tilwima ta’ natura kuntrattwali, meqjusa li taqa’, bħala prinċipju, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia jippermettux li tiġi identifikata qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar dawn il-kapijiet tat-talbiet.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-persuna li timpjega lir-rikorrent kienet ir-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina, u li peress li ebda qorti ta’ Stat Membru ma għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kapijiet tat-talbiet inkwistjoni, marbuta mal-kuntratt, id-dispożizzjoni ġenerali tar-Regolament Brussell Ia li tipprovdi li, “[j]ekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, […] tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru” (6) għandha, bħala prinċipju, tapplika.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni timplika li l-ġurisdizzjoni eventwali ta’ qorti nazzjonali għandha natura kawżali, sa fejn hija l-liġi ta’ kull Stat Membru li tiddetermina jekk il-qrati tiegħu jistgħux jiġu aditi b’tali tilwima, bil-konsegwenza possibbli li, fl-aħħar mill-aħħar, ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni. Hija tqis li din il-konsegwenza hija partikolarment probabbli f’dan il-każ, peress li, bħar-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina, ir-rikorrent għandu d-domiċilju tiegħu f’pajjiż terz, u peress li ma jidhirx manifest li din it-tilwima għandha element ta’ rabta ma’ Stat Membru.

Issa, peress li l-Qorti Ġenerali ma tistax, fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura kuntrattwali li fiha l-Unjoni hija parti, tirrifjuta l-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikoli 263 u 268 TFUE, meta dan iwassal sabiex jiġi eskluż kull stħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Unjoni jew talba għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-Unjoni, hija għandha teżamina jekk it-talbiet imressqa fil-kapijiet tat-talbiet inkwistjoni jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni li hija tislet minn dawn id-dispożizzjonijiet.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kemm, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, dwar it-talba għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ xoljiment, li hija deċiżjoni adottata minn entità tal-Unjoni u stabbilita skont it-Trattati, jiġifieri r-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina, kif ukoll, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, dwar it-talba għall-kumpens pekunjarju għad-dannu morali kif ukoll għad-dannu materjali allegatament imġarrab minħabba l-imsemmija deċiżjoni.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talba tar-rikorrent intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna r-reintegrazzjoni tar-rikorrent fi ħdan il-persunal tar-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina, il-Qorti Ġenerali tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax, bħala prinċipju, inkluż fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, tindirizza ordnijiet lil istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni mingħajr ma tinterferixxi fil-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva. Għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għoti ta’ kumpens in natura li jista’ jieħu l-forma ta’ ordni di fare jew di non fare, li tista’ twassal lill-istituzzjoni konvenuta sabiex tadotta aġir partikolari, tali ipoteżi tista’ tiġi prevista biss f’każijiet partikolari fejn ir-rikorrent jinvoka dannu li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ permezz ta’ kumpens u li l-karatteristiċi partikolari tiegħu jkunu jeħtieġu l-għoti ta’ ordni di fare jew di non fare, b’mod partikolari jekk tali ordni tkun intiża sabiex twaqqaf il-fatt li jikkawża dannu li l-effetti tiegħu jkunu kontinwi, li ma huwiex il-każ fil-każ ineżami.

It-tieni nett, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali tiċħdu kollu kemm hu, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha. Fil-fatt, minn naħa, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar it-talba għal ordni indirizzata lir-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li timpjega lir-rikorrent, intiża sabiex jikseb il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu f’KŻI. Min-naħa l-oħra, peress li t-talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-konvenuti kisru l-obbligi kuntrattwali tagħhom ma ġietx ippreżentata insostenn tat-talbiet għal annullament u lanqas għall-kumpens għal dannu, hija għandha titqies li hija intiża biss sabiex il-Qorti Ġenerali tieħu pożizzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni ġenerali jew ta’ prinċipju, fatt li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni li hija tislet mit-Trattati.

Fit-tieni lok, fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà dwar l-identifikazzjoni tal-konvenut jew tal-konvenuti, fir-rigward, l-ewwel, tal-ewwel kap tat-talbiet, sa fejn il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex teżaminah inkwantu huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ xoljiment u għall-kumpens pekunjarju għad-danni morali u materjali allegatament ikkawżati minn din id-deċiżjoni, hija tfakkar, minn naħa, li rikors għal annullament għandu għalhekk jiġi ppreżentat kontra l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni li jkun adotta l-att inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, hija għandha ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tat-tilwim dwar il-kumpens għad-danni kkawżati minn din tal-aħħar, irrappreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali mill-istituzzjoni, mill-korp jew mill-organu li jkun akkużat bil-fatt li jkun ta lok għar-responsabbiltà.

F’dan il-każ, peress li l-ewwel kap tat-talbiet jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ xoljiment, li hija imputabbli lir-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk dan tal-aħħar jistax jiġi kklassifikat bħala korp jew organu tal-Unjoni li jista’ jkun konvenut fil-kuntest tar-rikorsi għal annullament u għad-danni mhux kuntrattwali inkwistjoni f’dan il-każ.

F’dan ir-rigward, hija tfakkar li entità jew struttura li taqa’ taħt l-iskema organizzattiva tal-Unjoni jew li topera fi ħdanha tista’ titqies bħala korp jew organu tal-Unjoni jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istatus tagħha, hija jkollha kapaċità legali suffiċjenti sabiex tkun tista’ titqies li hija korp awtonomu tal-Unjoni u tiġi rrikonoxxuta lilha l-kwalità ta’ konvenut. B’mod partikolari, hija għandha tiġi kklassifikata bħala korp jew organu tal-Unjoni meta, minn naħa, ikollha mandat intrinsikament marbut mal-funzjonament tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, tkun ġuridikament distinta mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni eżistenti.

Issa, ir-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina għandu tali mandat peress li, qabel kollox, huwa nħatar mill-Kunsill sabiex jeżerċita “mandat dwar kwestjonijiet partikolari ta’ politika” (7). Sussegwentement, għalkemm dan ir-RSUE huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-mandat tiegħu u jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant l-Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, din l-awtorità ma tkoprix il-ġestjoni amministrattiva fil-kuntest ta’ mandat simili, b’mod partikolari fil-qasam tal-persunal. Barra minn hekk, ir-RSUE huwa legalment distint mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi l-oħra tal-Unjoni sa fejn għandu l-kapaċità legali li jagħti kuntratti u jixtri oġġetti, jikkonkludi kuntratt mal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tan-nefqa tiegħu u jilqa’ persunal issekondat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mis-SEAE. Fl-aħħar nett, fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal bil-kuntratt tiegħu, huwa għandu kapaċità legali li tippermettilu jaġixxi b’mod awtonomu u, f’dan ir-rigward, huwa responsabbli mit-twaqqif ta’ tim u jista’ jikkonkludi kuntratti għar-reklutaġġ ta’ persunal internazzjonali, li huwa jagħżel mingħajr ma jkollu jikseb l-approvazzjoni ta’ istituzzjonijiet, korpi jew organi oħra tal-Unjoni, peress li dan il-persunal jaqa’ taħt l-awtorità diretta tiegħu.

Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, għall-finijiet ta’ din il-kawża, li tirrigwarda kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-persunal tar-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina, dan tal-aħħar għandu jiġi assimilat mal-korpi u mal-organi tal-Unjoni li jistgħu jkunu konvenuti fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew għal responsabbiltà mhux kuntrattwali u li l-ewwel kap tat-talbiet huwa ammissibbli fir-rigward ta’ dan ir-RSUE.

It-tieni, fir-rigward tal-kap ta’ talbiet intiż għall-kumpens għad-danni li r-rikorrent allegatament ġarrab minħabba n-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ status ċar applikabbli għalih, il-Qorti Ġenerali tqis li kull eventwali nuqqas żbaljat fl-adozzjoni ta’ sistema ġenerali applikabbli għall-persunal bil-kuntratt li jaqa’, b’mod ġenerali, taħt il-PESK jew, b’mod partikolari, taħt ir-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina, għandu jiġi imputat lill-Kunsill, b’tali mod li dan il-kap tat-talbiet huwa ammissibbli fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

Fil-fatt, huwa il-Kunsill li għandu jfassal il-PESK u li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għad-definizzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika, abbażi tal-linji gwida ġenerali u l-linji strateġiċi ddefiniti mill-Kunsill Ewropew. Issa, l-adozzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ sistema legali applikabbli għall-persunal bil-kuntratt irreklutat fil-kuntest tal-PESK taqa’ taħt l-implimentazzjoni ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, taħt il-kompetenza tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li fl-2012, il-Kummissjoni kienet issuġġeriet lill-Kunsill sabiex japplika l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK u r-RSUE. Madankollu, hija tikkonstata li l-adozzjoni ta’ sistema legali applikabbli għall-persunal bil-kuntratt irreklutat fil-kuntest tal-PESK, applikabbli għall-persunal bil-kuntratt internazzjonali tar-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina, taqa’ taħt il-kompetenzi u l-għażla tal-Kunsill u li jekk dan is-suġġeriment ma ġiex segwit b’effett, dan huwa għaliex id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri ma laħqux ftehim fi ħdan il-Kunsill.


1      Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7).


2      Skont l-Artikolu 263 TFUE.


3      Skont l-Artikolu 268 TFUE.


4      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”).


5      Fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell Ia.


6      Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell Ia.


7      Skont l-Artikolu 33 TUE.