Language of document :

Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Novembru 2008 - Makhteshim-Agan Holding et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-393/06) 1

("Rikors għal annullament - Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni - Direttiva 91/414/KEE - Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti - Sustanza attiva azinphos-methyl - Inklużjoni fl-Anness 1 tad-Direttiva 91/414/KEE - Nuqqas ta' proposta ġdida mill-Kummissjoni wara l-oppożizzjoni tal-Kunsill - Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KEE - Att li ma jistax jiġi kkontestat - Nuqqas ta' sejħa biex tittieħed azzjoni - Inammissibbiltà")

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Makhteshim-Agan Holding BV (Amsterdam, l-Olanda); Makhteshim-Agan Italia Srl (Bergamo, l-Italja); u Magan Italia Srl (Bergamo) (rappreżentanti: K. Van Maldegem u C. Mereu, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew (rappreżentanti: L. Parpala u B. Doherty, aġenti)

Intervenjenti insostenn tar-rikorrenti: European Crop Protection Association (ECPA) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: D. Waelbroeck u N. Rampal, avukati)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li allegatament tinsab f'ittra tat-12 ta' Ottubru 2006, li ma tippreżentax proposta għall-inklużjoni tas-sustanza attiva azinphos-methyl fl-Anness 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta' Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1), jew, sussidjarjament, talba sabiex jiġi kkonstatat nuqqas li tittieħed azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni billi din tal-aħħar naqset illegalment milli tippreżenta tali proposta.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

Makhteshim-Agan Holding BV, Makhteshim-Agan Italia Srl u Magan Italia Srl huma kkundannati għall-ispejjeż tagħhom, kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni.

Il-European Crop Protection Association għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

____________

1 - ĠU C 20, 27.1.2007.