Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2016 – Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-146/09 RENV) 1

(“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-manek marittimi – Ftehimiet ta’ iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Prinċipju ta’ kontinwità ekonomika – Prinċipju ta’ responsabbiltà personali – Multi – Ċirkustanzi aggravanti – Rwol ta’ tmexxija – Limitu massimu ta’ 10 % - Ġurisdizzjoni sħiħa”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Parker Hannifin Manufacturing Srl, li qabel kienet Parker ITR Srl (Corsico, l-Italja), u Parker-Hannifin Corp. (Mayfield Heights, Ohio, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: B. Amory, F. Marchini Camia u É. Barbier de La Serre, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Bottka, S. Noë u R. Sauer, aġenti)

Suġġett

Prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 428 finali, tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 – Manek Marittimi), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża li tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom bid-deċiżjoni msemmija.

Dispożittiv

Il-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2009) 428 finali, tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 – Manek Marittimi), huwa annullat sa fejn żieda ta’ 30 % ġiet applikata lill-ammont tal-multa li kellha titħallas in solidum minn Parker Hannifin Corp., minħabba fiċ-ċirkustanza aggravanti li ġejja mir-rwol ta’ kap ta’ ITR SpA bejn il-11 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001 u sa fejn il-Kummissjoni Ewropea ma kkalkolatx, abbażi biss tal-valur tal-bejgħ ta’ Parker ITR Srl, il-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], għal dak li jirrigwarda l-parti tal-multa li minħabba fiha Parker ITR inżammet responsabbli esklużivament għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

L-ammont tal-multa imposta fuq Parker Hannifin Manufacturing Srl, li qabel kienet Parker ITR, huwa stabbilit għal EUR 19 945 728, ammont li kienet responsabbli għalih in solidum Parker-Hannifin sal-ammont ta’ EUR 6 400 000.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Parker Hannifin Manufacturing, Parker-Hannifin u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

____________

1 ĠU C 141, 20.6.2009.