Language of document : ECLI:EU:T:2004:226

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

8 ta' Lulju 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali bestpartner – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Trade mark nieqsa minn karattru distintiv – Trade mark deskrittiva"

Fil-kawża T-270/02,

MLP Finanzdienstleistungen AG, stabbilita f'Heidelberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn  W. Göpfert, avukat,

rikorrenti,

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-26 ta' Ġunju 2002 (kawża R 206/2002-3), li rrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali bestpartner,

 IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur:  D. Christensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-28 ta' Awwissu 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' Diċembru 2002,

wara li rat il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura tas-16 ta' Diċembru 2003,

wara s-seduta tat-3 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-20 ta' Ġunju 2001, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11,p.1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali bestpartner.

3       Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 36, 38 u 42 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, wara rettifika, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–       "assigurazzjoni, b'mod partikolari konsulenza fil-qasam ta' l-assigurazzjoni; senserija ta' l-assigurazzjoni; konsulenza finanzjarja, servizzi finanzjarji; konsulenza fil-qasam tat-tifdil u investimenti finanzjarji, konsulenza fil-qasam ta' l-investimenti; analiżi finanzjarja, immaniġġjar ta' l-assi b'mod partikolari fondi ta' investiment; investimenti kapitali; immaniġjar finanzjarju f'isem terzi; konsulenza fil-qasam tax-xiri tal-proprjetà immobbili; pjanijiet għall-immaniġġjar tal-proprjeta immobbili f'isem terzi", li jaqgħu taħt il-klassi 36;

–       "is-servizzi ta' l-internet, jiġifieri l-proviżjoni, l-ipproċessar u l-għoti ta' informazzjoni permezz ta' l-internet", li jaqgħu taħt il-klassi 38;

–       "ipproċessar ta' data f'isem terzi; żvilupp, kreazzjoni, titjib u aġġornament ta' programmi għall-ipproċessar tal-kliem u tad-data (word and data processing), kif ukoll għall-kontroll ta' proċessi; pariri tekniċi u dwar l-użu fil-qasam tal-kompjuter u l-programmi għall-ipproċessar ta' l-informazzjoni; servizzi ta' provider ta' l-aċċess għall-internet, jiġifieri l-kreazzjoni ta' programmi li jsolvu l-problemi speċifiċi f'kull qasam fuq l-Internet, kreazzjoni u ideazzjoni tal-websajts, jiġifieri l-kreazzjoni u l-manutenzjoni ta' l-aċċess u tal-punti ta' aċċess għall-Internet", li jaqgħu taħt il-klassi 42.

4       Permezz ta' deċiżjoni tat-2 ta' Jannar 2002, l-eżaminatriċi rrifjutat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 40/94, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 7(1)(b) u (c) u (2) ta' l-imsemmi Regolament, għar-raġuni li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni kien espressjoni popolari li kienet tiġi perċepita bħala slogan pubbliċitarju deskrittiv u nieqes minn kull karattru distintiv, għall-inqas fil-parti ta' l-Unjoni Ewropea fejn jiġi mitkellem l-Ingliż. Fis-27 ta' Frar 2002 ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

5       Permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Ġunju 2002 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), it-tielet Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell għar-raġuni li s-sinjal li għalih saret l-appikazzjoni, minn naħa, kien totalment nieqes mill-karattru distintiv meħtieġ u, min-naħa l-oħra, kien magħmul esklużivament minn indikazzjonijiet deskrittivi.

 It-talbiet tal-partijiet

6       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

7       L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Argumenti tal-partijiet

8       Ir-rikorrenti tibbaża r-rikors tagħha, fl-ewwel lok, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 inkwantu l-Bord ta' l-Appell injora l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, fit-tieni lok, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(c) ta' l-imsemmi Regolament inkwantu l-Bord ta' l-Appell applika b'mod żbaljat il-kriterju li jirrigwarda l-bżonn ta' disponibbiltà.

9       Ir-rikorrenti tosserva li t-termini "best" u "partner" it-tnejn jistgħu jinftiehmu f'sens differenti. A fortiori, it-terminu bestpartner li jirriżulta mill-abbinament ta' dawk iż-żewġ termini m'għandu l-ebda tifsira fissa u jippermetti lill-pubbliku kkonċernat, kompost minn konsumaturi medji iżda li huma partikolarment infurmati u raġonevoment attenti għall-qasam sensittiv tas-servizzi ta' assigurazzjoni u s-servizzi finanzjarji, biex ikunu jistgħu jiddistingwu bejn is-servizzi li toffri. Hi tenfasizza li t-terminu bestpartner huwa neoloġiżmu li ma jidhirx fid-dizzjunarji bħala terminu waħdu u li jrid jiġi eżaminat separatament mit-termini li hu magħmul minnhom.

10     Skond ir-rikorrenti, minn dawn iċ-ċirkustanzi jsegwi, li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark għas-servizzi finanzjarji, ta' assigurazzjoni u ta' pproċessar ta' data fuq l-internet ma jiddeskrivix dawn is-servizzi. Għalhekk mhemm l-ebda bżonn ta' disponibbiltà li jostakola din ir-reġistrazzjoni. Ir-rikorrenti tinvoka, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Taurus-Film vs l-UASI (Cine Action), (T-135/99), Ġabra. p. II-379, punt 29), biex tirrileva li sinjal m'għandux karattru deskrittiv fir-rigward ta' servizzi jekk ir-rabta bejn dan is-sinjal u dawn is-servizzi hija vaga wisq u indeterminata. Ir-rikorrenti tindika li huma biss l-indikazzjonijiet li huma purament deskrittivi, b'mod ċar u mhux ekwivoku, li jridu jibqgħu disponibbli, konformement ma l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94. F'dan il-każ, is-sinjal bestpartner għandu jiġi kkunsidrat bħala slogan pubbliċitarju.

11     F'dak li jirrigwarda r-riżultat ta' riċerka fuq l-internet imsemmija fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tenfasizza li l-fatt li l-espressjoni in kwistjoni hija użata ħafna fil-kummerċ, mhuwiex raġuni suffiċjenti biex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni bħala trade mark abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 40/94. Ir-rikorrenti tagħti xi eżempji ta' l-użu tas-sinjal in kwistjoni fil-kuntest ta' l-ismijiet ta' domain fuq l-Internet u tikkonkludi li l-użu magħmul minn dan is-sinjal fil-kummerċ juri l-kapaċità tiegħu li jindika li servizzi jkunu ġejjin minn intrapriża partikolari.

12     Barra minn hekk, jirriżulta mill-istess ċirkustanzi li s-sinjal bestpartner mhuwiex nieqes mil-livell minimu ta' karattru distintiv meħtieġ skond il-ġurisprudenza [sentenza tal-Qorti tal Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs l-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra. p. II-683, punt 39]. Ir-rikorrenti tenfasizza f'dan r-rigward li, in-nuqqas ta' karattru distintiv ma jistax joħroġ biss mill-konstatazzjoni li s-sinjal in kwistjoni huwa nieqes minn kull żieda fantażjusa, jew li m'għandux dehra li mhijiex tas-soltu jew li tolqot lil dak li jkun [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' April 2001, Bank für Arbeit und Wirtschaft vs l-UASI (EASYBANK), T-87/00, Ġabra. p. II-1259, punt 39].

13     Min-naħa l-oħra l-fatt li trade marks simili ġew irreġistrati ma' l-UASI kif ukoll fl-Istati Membri tal-Komunità, b'mod partikolari t-trade marks bestpartner classic u bestpartner topinvest, għandu jiġi kkunsidrat bħala fatt li jindika li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni wkoll jista' jiġi rreġistrat bħala trade mark.

14     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-argumenti li hija qajjmet quddiem l-UASI u tosserva li huma jagħmlu parti integrali mir-rikors tagħha.

15     L-UASI jikkontesta r-raġunijiet u l-argumenti kollha li ressqet ir-rikorrenti. B'hekk, skond l-UASI, il-Bord ta' l-Appell ġustament irrifjuta t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mir-rikorrenti, b'mod partikolari, għax kienet nieqsa mil-livell minimu tal-karattru distintiv meħtieġ.

  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

16     B'mod preliminari, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti kkonkludiet ir-rikors tagħha billi talbet li s-sottomissjonijiet tagħha quddiem l-UASI jitqiesu bħala parti integrali mir-raġunijiet u l-argumenti ta' dan ir-rikors, sabiex "tevita li tirrepeti ruħha bla bżonn". Skond ġurisprudenza stabbilita, abbażi ta' l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, applikabbli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, skond l-Artikolu 130(1) u l-Artikolu 132 (1) ta' dawn ir-Regoli, għalkemm it-test ta' dan ir-rikors jista' jiġi msaħħaħ jew ikkompletat, f'punti speċifiċi, permezz ta' referenzi għal siltiet minn atti li jkunu mehmuża miegħu, referenza ġenerali għal dokumenti oħra ma tistax tpatti għan-nuqqas ta' elementi essenzjali fl-argumentazzjoni legali, li, skond id-dispożizzjonijiet imsemmija qabel, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tal-Qorti tal Prim'Istanza ta' l-20 ta' April 1999, LVM vs il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra. p. II-931, punt 39). Għalhekk, ir-rikors, fil-parti fejn jagħmel referenza għad-dokumenti mressqa mir-rikorrenti quddiem l-UASI, huwa inammissibbli minħabba li r-referenza ġenerali li hemm fir-rikors mhijiex marbuta ma' raġuni li ġiet żviluppata fir-rikors.

17     Fil-mertu, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistgħux jiġi rreġistrati "trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv".

18     Barra minn hekk l-Artikolu 7 (2) tar-Regolament 40/94 jgħid li "[i]l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f'parti tal-Komunità".

19     F'dan ir-rigward, il-karattru distintiv jista' jiġi evalwat biss fid-dawl tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistazzjoni tas-sinjal, u min-naħa l-oħra fid-dawl tal-mod kif il-pubbliku kkonċernat jifhem is-sinjal [ara per eżempju s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, DaimlerChrysler vs l-UASI (TELE AID), T-355/00,Ġabra. p. II‑1939, point 51].

20     Barra minn hekk għandha tittieħed in kunsiderazzjoni mhux biss it-tifsira espilċita u diretta tat-termini użati biex jiġi ffurmat sinjal kompost, imma wkoll il-konnotazzjonijiet li jistgħu jinħolqu.

21     F'dan il-każ, il-partijiet fl-argumenti tagħhom iffukaw ruħhom fuq il-fatt li ż-żewġ termini "best" u "partner" huma termini Inġliżi, imma hemm lok li jiġi kkonstatat li, barra minn hekk, dawn it-termini jeżistu b'xi varjazzjonijiet żgħar f'lingwi oħra tal-Komunità, b'mod partikolari fl-Olandiż u fil-Ġermaniż. Fi kwalunkwe każ, minħabba li r-reġistrazzjoni tista' tiġi rrifjutata ladarba jkun hemm raġuni għal rifjut f'parti mill-Komunità, għandu jiġi kkonstatat li, f'każ li jiġi stabbilit li teżisti raġuni għal rifjut fil-parti tal-Komunità fejn jiġi mitkellem l-Ingliż, l-eżistenza ta' tali raġuni f'partijiet oħra tal-Komunità mhux ser ikollha effett fuq l-eżitu ta' din il-kawża. Għalhekk għadu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet ta' din il-kawża, li l-pubbliku rilevanti huwa pubbliku li jitkellem bl-Ingliż.

22     Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti huwa magħmul minn konsumaturi li huma partikolarment informati u attenti, meta jiġi kkunsidrat il-karattru speċjalizzat tas-servizzi kkonċernati mill-applikazzjoni għal trade mark.

23     F'dan il-każ, is-sinjal hu magħmul esklużivament mit-termini "best" u "partner", li t-tnejn jagħmlu parti mil-lingwa Ingliża. It-terminu "best" ifakkar fil-kunċett ta' kwalità u għalhekk jippermetti lill-pubbliku rilevanti jifhem li l-prodott jew servizz in kwistjoni huwa wieħed ta' l-ogħla kwalità. Il-kelma "partner" hija użata f'kuntesti differenti, li jinkludu l-qasam ta' l-għoti tas-servizzi, biex tiddeskrivi relazzjoni ta' assoċjazzjoni jew sħubija billi tissuġerixxi konnotazzjonijiet pożittivi ta' affidabbiltà u ta' kontinwità f'dan ir-rigward. Fil-fatt, kif ġustament irrileva l-Bord ta' l-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-lingwaġġ pubbliċitarju modern, dan it-terminu jiġi użat biex jiddeskrivi r-relazzjoni bejn il-fonitur u l-klijent, fejn ta' l-ewwel jiġi kkunsidrat bħala "s-sieħeb kummerċjali" ta' dan ta' l-aħħar.

24     B'hekk, għandu jiġi kkonstatat li t-termini "best" u "partner" huma kliem ġeneriku li sempliċement juri l-kwalità tas-servizzi mogħtija minn intrapriża lill-klijenti tagħha [ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Jannar 2000, DKV vs l-UASI (COMPANYLINE), T-19/99, Ġabra. p. II‑1, punt 26, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara li ġiet appellata, permezz tas-sentenza tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs l-UASI, C-104/00 P, Ġabra. p. I‑7561, punti 13 sa 25].

25     Għalhekk dawn it-termini jekk meħuda individwalment jiddeskrivu s-servizzi in kwistjoni. Termini li jiddeskrivu ċerti prodotti jew servizzi huma wkoll nieqsa minn karattru distintiv f'dak li jikkonċerna l-istess prodotti jew servizzi [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Lulju 2002, SAT.1 vs l-UASI (SAT.2), T-323/00, li qed tiġi appellata, Ġabra. p. II‑2839, punt 40]. Il-konklużjoni tkun differenti biss jekk, meta l-kliem jingħaqdu flimkien, it-terminu li jipproduċu jkollu tifsira differenti minn dik li toħroġ meta l-kliem jitqiegħdu ħdejn xulxin.

26     Il-fatt li ż-żewġ termini jingħaqdu flimkien, mingħajr ebda modifika grafika jew semantika, ma jagħti l-ebda karatteristika adizzjonali li tista' tirrendi s-sinjal fit-totalità tiegħu kapaċi li, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, jiddistingwi s-servizzi tar-rikorrenti minn dawk ta' impriżi oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenza COMPANYLINE, punt 24 supra, punt 26). Fil-fatt it-terminu bestpartner jagħti x'jifhem li s-sens taż-żewġ termini li jifformawh huwa "l-aqwa sieħeb", bħalma tagħmel l-espressjoni fformata mill-istess termini ħdejn xulxin mingħajr ma jingħaqdu, "best partner". Il-fatt li l-imsemmi terminu mhuwiex iċċitat fid-dizzjunarji bħala tali – kemm jekk huwa miktub bħala kelma waħda jew le – bl-ebda mod ma jbiddel din l-evalwazzjoni.

27     Bħala konsegwenza, is-sinjal bestpartner huwa nieqes, fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, mil-livell minimu ta' karattru distintiv meħtieġ mill-ġurisprudenza (ara, per eżempju, is-sentenza EUROCOOL, punt 12 supra, punt 39), u għalhekk il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonkluda li r-raġuni għal rifjut pprovduta fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 tipprojbixxi r-reġistrazzjoni mitluba f'dan il-każ.

28     Kif joħroġ mill-Artikolu 7(1), tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li jkun hemm raġuni assoluta għar-rifjut tar-reġistrazzjoni waħda biss minn dawk elenkati, biex is-sinjal ma jkunx jista' jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja (sentenza COMPANYLINE, punt 24 supra, punt 30). Konsegwentement, jirriżulta minn dak li ntqal iktar 'il fuq, li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma hemm bżonn jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ispejjeż

29     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kollha, skond it-talbiet ta' l-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla )

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandhatbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Lulju 2004,

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.