Language of document : ECLI:EU:T:2014:944

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

12 ta’ Novembru 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva LOVOL — Trade marks Komunitarji verbali u figurattiva u trademarks nazzjonali figurattivi preċedenti VOLVO — Raġuni relattiva għal rifjut — Vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑524/11,

Volvo Trademark Holding AB, stabbilita f’Göteborg (l-Isvezja), irrappreżentata minn M. Treis, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Geroulakos, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Hebei Aulion Heavy Industries Co., Ltd, stabbilita f’Zhangjiakou (iċ-Ċina), irrappreżentata minn A. Alejos Cutuli, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tad-19 ta’ Lulju 2011 (Każ R 1870/2010‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Volvo Trademark Holding AB u Hebei Aulion Heavy Industries Co., Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2011,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2012,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Jannar 2012,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2012,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Awwissu`012,

wara li rat id-digriet tas-27 ta’ Marzu 2014 li jgħaqqad il-Kawżi T‑524/11 u T‑525/11 għall-finijiet tal-proċeduri orali,

wara s-seduta tat-2 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-20 ta’ April 2006, l-intervenjenti, Hebei Aulion Heavy Industries Co., Ltd., ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 7 u 12 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 7: “Magni tal-ħrit u d-dris; magni agrikoli, rombli għat-twittija tat-toroq; skavaturi; magażinijiet; skavaturi; mixers tal-konkrit; krejnijiet; magni li jitħnu l-qamħ; trapjantaturi tar-ross”;

–        Klassi 12: “Karozzi; vetturi tat-trasport għall-użu agrikolu; roti bil-mutur; deriks; triċikletti; roti; vetturi li jaħdmu bl-elettriku; muturi u magni għall-vetturi tal-art; trakkijiet tat-tip fork lift; trakkijiet bil-miksers tal-konkrit; trakterijiet”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 39/2006, tat-25 ta’ Settembru 2006.

5        Fil-21 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti, Volvo Trademark Holding AB, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark Komunitarja verbali VOLVO, irreġistrata fl-20 ta’ Ġunju 2005 bin-numru 2 361 087, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 1 sa 9, 11, 12, 14, 16 sa 18, 20 sa 22, 24 sa 28 u 33 sa 42;

–        l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva riprodotta iktar ’il quddiem, ippreżentata fit-30 ta’ Awwissu 2001, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 1 sa 4, 6, 7, 9, 11, 12, 14, 16, 18, 25, 28, 35 sa 39 u 41:

Image not found

–        it-trade mark nazzjonali figurattiva riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata fir-Renju Unit bin-numru 747 361, għal prodotti u servizzi fil-klassi 12:

Image not found

–        it-trade mark nazzjonali figurattiva riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata fir-Renju Unit bin-numru 1 408 143, għal prodotti u servizzi fil-klassi 7:

Image not found

7        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha, peress li t-trade marks kunfliġġenti ma għandhomx livell ta’ xebh suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

9        Fis-27 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti. Hija kkunsidrat li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti kien partikolarment għoli, b’mod partikolari minħabba l-prezz tal-prodotti kkonċernati u tal-karattru tagħhom altament tekniku. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li s-sinjali kunfliġġenti kienu differenti. B’hekk, ma setgħex teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-livell minimu ta’ xebh seta’ jkun iktar baxx fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament, hija madankollu kkunsidrat li peress li s-sinjali kienu differenti, il-kundizzjoni tax-xebh ma kinitx sodisfatta.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad it-talba għal reġistrazzjoni ta’ trade mark LOVOL;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċeduri preżenti u fil-proċeduri quddiem l-UASI.

12      Fis-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għat-tielet kap tat-talbiet tagħha.

13      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

16      Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009:

“Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni [fl-Unjoni Ewropea] u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

17      Il-ħsara msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, meta sseħħ, hija l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u sussegwenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn iż-żewġ trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx [sentenza tat-12 ta’ Marzu 2009, Antartica vs UASI, C‑320/07 P, EU:C:2009:146, punt 43; sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2012, Bimbo vs UASI — Grupo Bimbo (GRUPO BIMBO), T‑357/11, EU:T:2012:696, punt 29; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, Ġabra, EU:C:2008:655, punt 30].

18      L-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta f’vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jikkawżalhom ħsara. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi u l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex tkun inapplikabbli l-imsemmija dispożizzjoni [sentenza tas-27 ta’ Settembru 2011, El Jirari Bouzekri vs UASI — Nike International (NC NICKOL), T‑207/09, EU:T:2011:537, punt 29; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI — Spa-Finders Travel Arrangements (SPA-FINDERS), T‑67/04, Ġabra, EU:T:2005:179, punt 30, u tas-27 ta’ Novembru 2007, Gateway vs UASI — Fujitsu Siemens Computers (ACTIVY Media Gateway), T‑434/05, EU:T:2007:359, punt 57].

19      F’din il-kawża, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-territorju rilevanti kien l-Unjoni kollha u li l-pubbliku rilevanti kien kompost kemm mill-pubbliku in ġenerali u minn pubbliku speċjalizzat interessat fil-magni u vetturi professjonali. Minħabba n-natura tal-prodotti u tal-prezz tagħhom, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku kien għoli fl-għażla tal-prodotti. Dawn il-konstatazzjonijiet ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti.

20      Ir-rikorrenti tikkontesta madankollu l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li skont din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark LOVOL ma setgħetx tiġi rrifjutata fuq il-bażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li s-sinjali kunfliġġenti kienu differenti u li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu kienet nieqsa.

 Fuq ix-xebh tas-sinjali

21      Skont il-ġurisprudenza, il-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni huma l-istess fil-każ li jidher fir-reġistrazzjoni rrifjutata ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba probabbiltà ta’ konfużjoni, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, u tar-rifjut minħabba ħsara għar-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenza NC NICKOL, punt 18 iktar ’il fuq, EU:T:2011:537, punt 31). Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet li jippermettu li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-kundizzjoni ta’ xebh bejn is-sinjali tippresupponi l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ elementi ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali, b’mod li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti bejn it-trade marks inkwistjoni ugwaljanza għall-inqas parzjali f’dak li jirrigwarda aspett rilevanti wieħed jew iktar (sentenzi ACTIVY Media Gateway, punt 18 iktar ’il fuq, EU:T:2007:359, punt 35, u NC NICKOL, punt 18 iktar ’il fuq, EU:T:2011:537, punt 31; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Il-Benelux, C‑408/01, Ġabra, EU:C:2003:582, punti 28 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      L-evalwazzjoni tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni għandha tkun ibbażata fuq l-impression globali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra, EU:C:1997:528, punt 23; tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra, EU:T:2003:199, punt 39; u tal-24 ta’ Novembru 2005, Simonds Farsons Cisk vs UASI — Spa Monopole (KINJI by SPA), T‑3/04, Ġabra, EU:T:2005:418, punt 38].

23      B’hekk, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 17 iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk it-trade marks f’kunflitt għandhomx livell ta’ xebh suffiċjenti li jista’ jwassal lill-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn iż-żewġ trade marks, jiġifieri sabiex jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx.

–       Fuq l-aspett viżiv tal-paragun

24      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell l-ewwel nett ikkompara t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade mark verbali VOLVO u l-element verbali li jidher fit-trade marks figurattivi preċedenti. Hija kkunsidrat li s-sinjali kunfliġġenti kellhom erba’ ittri in komuni minn ħamsa, f’ordni kemmxejn differenti. Barra minn hekk, is-sinjali huma differenti fl-ittri inizjali rispettivi tagħhom “v” u “l” u l-ewwel sillaba “vol” u “lo” tagħhom. Barra minn hekk, ma huwiex probabbli li l-konsumatur medju jaqsam is-sillabi rispettivi tat-trade marks bil-għan li jikkrea anagramma u b’hekk jassoċja “lovol” ma’ “volvo”. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-elementi grafiċi fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu banali u ma kinux jammontaw għal element ta’ differenzazzjoni li tiddomina jew tinfluwenza l-perċezzjoni viżiva tas-sinjali mill-konsumatur. Barra minn hekk, l-element verbali tat-trade marks preċedenti jidher f’ittri bojod fuq sfond iswed, filwaqt li t-trade mark ikkontestata hija riprodotta b’ittri suwed. B’hekk, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li s-sinjali kunfliġġenti kienu viżwalment differenti.

25      Ir-rikorrenti tillimita l-argumenti tagħha għall-paragun tal-element verbali tat-trade mark LOVOL mat-trade mark verbali VOLVO. Hija ssostni li ż-żewġ sinjali jinkludu kull wieħed ħames ittri u huma komposti minn taħlit simili tal-ittri “v”, “o” u “l”. Peress li l-ittri kbar “V” u “L” huma magħmula minn angolu, l-istrutturi ġeometriċi tagħhom ikunu simili. It-trade marks ikunu magħmula mill-istess suċċessjoni ta’ vokali, jiġifieri “o” u “o”, u ta’ suċċessjoni simili ta’ konsonanti, jiġifieri “v”, “l” u “v”, għal waħda, u “l”, “v” u “l”, għall-oħra. Fl-aħħar nett, iż-żewġ trade marks huma kkaratterizzati mis-sillabi “vol” u “vo” jew l-inverżjoni tagħhom.

26      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mtenni li l-bidu tas-sinjali f’kunflitt huma differenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tibda b’“l”, filwaqt li l-ewwel ittra tat-trade mark VOLVO hija “v”. Issa, skont il-ġurisprudenza, il-konsumatur normalment jagħti iktar importanza lill-parti inizjali tal-kliem [ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI — González Cabello (MUNDICOR), T‑183/02 u T‑184/02, Ġabra, EU:T:2004:79, punt 81].

27      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skont dan l-ewwel sillaba tat-trade mark LOVOL hija inverżjoni ta’ “vol”, hemm lok li jiġi osservat li din ma tispeċifika l-ebda lingwa tal-Unjoni li r-regoli tagħha jimponu l-qsim tat-trade mark LOVOL fis-sillabi “lov” u “ol”. Min-naħa l-oħra, skont ir-regoli tal-lingwa Ingliża, Ġermaniża, Franċiża, Taljana, Spanjola, Pollakka, Olandiża u Ungeriża, it-terminu “lovol” hija maqsuma fis-sillabi “lo” u “vol”. Anki f’każ fejn b’lingwa tal-Unjoni, l-ewwel sillaba tkun “lov”, ir-rikorrenti ma fornietx provi sabiex tissostanzja l-allegazzjoni tagħha li skont din, il-konsumatur medju jkun inklinat jaqsam terminu qasir mingħajr tifsir u li jaqra l-ewwel sillaba fis-sens kuntrarju.

28      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tinvokax b’mod validu, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Hedgefund Intelligence vs UASI — Hedge Invest (InvestHedge) (T‑67/08, EU:T:2009:198) u tal-25 ta’ Ġunju 2010, MIP Metro vs UASI — CBT Comunicación Multimedia (Metromeet) (T‑407/08, Ġabra, EU:T:2010:256).

29      Fis-sentenza InvestHedge, il-Qorti Ġenerali eżaminat ix-xebh bejn it-trade marks figurattivi InvestHedge u HEDGE INVEST li kull waħda tikkontjeni l-elementi verbali “invest” u “hedge”. Hija kkunsidrat li s-sinjali inkwistjoni kienu, kull waħda, komposti minn żewġ elementi identiċi faċilment identifikabbli, peress li, fit-trade mark preċedenti, huma kienu separati bi spazju u, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma kienu jispikkaw l-iktar minħabba l-użu tal-ittri kbar “I” u “H”. Tali dispożizzjoni tippermetti immedjatament li jinqasmu f’żewġ partijiet distinti, jiġifieri “invest” u “hedge”, li kienu identiċi. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li s-sempliċi inverżjoni tal-elementi ta’ trade mark ma ssostnix il-konklużjoni tal-assenza ta’ xebh viżiv (sentenza InvestHedge, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2009:198, punt 35).

30      Bl-istess mod, fis-sentenza Metromeet, il-Qorti Ġenerali eżaminat ix-xebh viżiv bejn it-trade marks meeting metro u Metromeet. Hija kkunsidrat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet komposta minn żewġ elementi, jiġifieri “metro” u “meet”, li jinsabu f’ordni maqlub fit-trade mark verbali preċedenti, il-kelma “meeting” tista’ faċilment tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala l-ġerundiv tal-kelma “meet”. Hija tfakkar li s-sempliċi inverżjoni ta’ elementi ta’ trade mark ma tippermettix li tiġi konkluża l-assenza ta’ xebh viżiv (sentenza Metromeet, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2010:256, punti 37 u 38).

31      Madankollu, f’din il-kawża, kuntrarjament għall-kawżi li wasslu għas-sentenzi InvestHedge, punt 28 iktar ’il fuq (EU:T:2009:198), u Metromeet, punt 28 iktar ’il fuq (EU:T:2010:256), is-sinjali VOLVO u LOVOL ma humiex komposti minn termini li għandhom tifsira distinta u komprensibbli għall-pubbliku rilevanti. Bl-istess mod, xejn fl-arranġament tal-ittri fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni LOVOL ma jippermetti li wieħed jaħseb li l-konsumatur medju jaqsamhom, u jikkunsidra ż-żewġ sillabi separatament. Barra minn hekk, anki f’każ li l-konsumatur medju jipproċedi b’deċiżjoni ta’ tali tqassim, xejn ma jippermetti li wieħed jaħseb li, kuntrarjament għall-proċess normali tal-qari tal-alfabet latin, huwa jaqra l-ewwel tliet ittri “l”, “o” u “v” fis-sens invers, bħala “vol”.

32      B’hekk jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq sentenzi InvestHedge, punt 28 iktar ’il fuq (EU:T:2009:198), u Metromeet, punt 28 iktar ’il fuq (EU:T:2010:256), għandhom ikunu miċħuda minħabba differenzi notevoli bejn il-kuntest fattwali tal-kawżi li wasslu għall-imsemmija sentenzi, minn naħa, u dak tal-kawża preżenti, min-naħa l-oħra.

33      Fit-tielet lok, għandu jingħad li, anki f’qari mgħaġġel taż-żewġ sinjali, ebda konnessjoni ma ssir mill-konsumatur medju, peress li kemm l-ewwel kif ukoll l-aħħar ittra tas-sinjali kunfliġġenti huma differenti, u, barra minn hekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikkontjeni żewġ “l”, filwaqt li t-trade mark VOLVO tikkontjeni żewġ “v”.

34      Fir-raba’ lok, ċertament, is-sinjali kunfliġġenti jikkontjenu l-kombinazzjoni tal-ittri “vol”. Madankollu, fit-trade mark verbali preċedenti, dawn it-tliet ittri jinsabu fil-bidu, filwaqt li fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma jinsabu fit-tmiem.

35      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ma bbażatx validament ebda argument fuq l-allegat xebh tal-ittri kbar “L” u “V”. Fil-fatt, il-konsumatur medju għandu jiddistingwi istintivament l-ittri tal-alfabet latin, u, f’din il-kawża, jagħraf id-differenzi billi jissepara l-imsemmija ittri, fir-rigward ukoll tal-fatt li s-sinjali kunfliġġenti huma relattivament qosra.

36      Barra minn hekk, hemm lok li jingħad li l-elementi figurattivi li jifformaw parti mit-trade marks figurattivi preċedenti jiddifferenzjaw ukoll dawk tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u, li, f’kull każ, ir-rikorrenti ma toħroġ b’ebda argument dwar l-imsemmija differenzi bejn it-trade marks fil-kuntest tal-paragun viżiv.

37      Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-fatt biss li s-sinjali kunfliġġenti jinkludu l-ittri “v”, “l” u “o”, u li huma jinkludu t-taħlita tal-ittri “vol”, ma huwiex biżżejjed sabiex iwassal lill-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn l-imsemmija trade marks, fuq il-bażi tal-perċezzjoni viżiva. B’hekk, dan ma huwiex każ ta’ xebh viżiv li jista’ jiġi kkunsidrat fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

38      Għalhekk, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li skont din, is-sinjali inkwistjoni huma differenti fil-livell viżiv.

–       Fuq l-aspett fonetiku tal-paragun

39      F’dak li jirrigwarda l-paragun fonetiku tas-sinjali, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-fatt biss li t-trade marks kunfliġġenti kellhom l-istess numru ta’ sillabi ma kellu l-ebda rilevanza. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ “ħsejjes vokaliċi” differenti fiż-żewġ sillabi tat-trade marks kunfliġġenti, dawn huma differenti fuq livell fonetiku.

40      Ir-rikorrenti tqis li t-trade marks VOLVO u LOVOL huma fonetikament simili. Hija ssostni li l-pronunzja tat-trade marks kunfliġġenti huma mmarkati mis-sillabi “vol”, “vo” u “lov”, għandhom xebh kbir. Iż-żewġ sinjali għandhom l-istess repetizzjoni tal-vokali “o”, li tiddomina l-pronunzja tas-sinjal, kif ukoll il-konsonanti rotob “l” u “v”, li l-pronunzja tagħhom tibqa’ siekta.

41      Għandu jingħad li r-rikorrenti ma sostnietx validament li ż-żewġ trade marks huma komposti biss mis-sillabi “vol”, “vo” u “lov”, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex LOVVOL, iżda LOVOL. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma ssemmi ebda lingwa tal-Unjoni li biha t-terminu LOVOL ikun diviż fis-sillabi “lov” u “ol”. Għal kuntrarju, skont ir-regoli grammatikali tal-lingwi msemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta mis-sillabi “lo” u “vol”.

42      Barra minn hekk, hemm lok li jerġa jingħad li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, il-konsumatur normalment jagħti iktar importanza lill-parti inizjali tal-kliem. Issa, l-ewwel ħsejjes tas-sinjali kunfliġġenti huma differenti.

43      Ċertament, il-vokali li jidhru fiż-żewġ sinjali huma identiċi u huma ppronunzjati b’mod identiku b’varji lingwi tal-Unjoni. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-pronunzja tal-ittri “l” u “v” hija nettament differenti, il-ħoss “l” huwa konsonanti alveolari, filwaqt li l-“v” hija konsonanti labiodentali.

44      Barra minn hekk, l-element verbali “volvo” jikkontjeni konsonanti “l” u “v” impoġġija maġenb xulxin, li jdendlu leġġerment il-pronunzja, filwaqt li fit-terminu “lovol” il-vokali u l-konsonanti jalternaw, b’mod li huwa ppronunzjat b’mod iktar artab. Is-sinjali kunfliġġenti b’hekk għandhom ritmu ta’ pronunzja differenti.

45      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt biss li s-sinjali kunfliġġenti jinkludu l-ittri “v”, “l” u “o”, u li huma jinkludu t-taħlita tal-ittri “vol”, ma huwiex biżżejjed sabiex iwassal lill-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn l-imsemmija trade marks, fuq il-bażi tal-perċezzjoni viżiva. B’hekk, dan ma huwiex każ ta’ xebh fonetiku li jista’ jiġi kkunsidrat fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

46      B’hekk, hemm lok li tiġi kkonfermata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li, skont din, is-sinjali kunfliġġenti huma differenti fuq il-livell fonetiku mill-perspettiva tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

–       Fuq l-aspett kunċettwali tal-paragun

47      Ir-rikorrenti taqsam il-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell li, skont din, peress li s-sinjali inkwistjoni ma għandhomx tifsira b’għall-inqas lingwa waħda tal-Unjoni, il-paragun kunċettwali huwa impossibbli.

48      Madankollu, hija ssostni li l-konsumatur ikkonfrontat bit-“trade mark inventata” LOVOL jaqbdu kurżità b’din it-trade mark ġdida ta’ karozzi, speċjalment peress li n-numru ta’ kostrutturi tal-karozzi huwa relattivament limitat. B’hekk, il-konsumatur jistaqsi jekk din it-trade mark ġdida ta’ karozzi għandhiex xi rabta ma’ trade mark ta’ karozzi antika ħafna u ta’ reputazzjoni kbira u b’hekk twasslu jassoċjaha mat-trade mark VOLVO.

49      F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li r-rikorrenti ma bbażat ruħha fuq ebda prinċipju stabbilit fil-ġurisprudenza.

50      Barra minn hekk, hija ma ressqitx prova li turi li l-konsumatur, li jkollu livell għoli ta’ attenzjoni fix-xiri tal-prodotti inkwistjoni, jassoċja trade mark ġdida istintivament ma’ trade mark eżistenti meta jkun ikkonfrontat bi “trade mark inventata”, ma għandha l-ebda rilevanza.

51      Ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-konsumatur jista’ jaħseb li hemm konnessjoni bejn is-sinjali LOVOL u VOLVO minħabba l-eżistenza ta’ “dizzjunarju viżiv” li jeżisti fil-moħħ tal-bniedem, żviluppat fit-tagħlim tal-qari. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq artikolu xjentifiku intitolat “Il-qari sperimentat fuq il-bażi tad-‘dizzjunarju viżiv’ ta’ moħħom sabiex jgħarrfu kliem”, ippubblikat fl-14 ta’ Novembru 2011.

52      L-UASI jsostni li dan l-artikolu xjentifiku, anness mar-replika, ma jistax jiġi kkunsidrat mill-Qorti Ġenerali, peress li ġie ppreżentat tard.

53      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ma huwiex opportun li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-offerta tal-prova li tammonta għall-artikolu inkwistjoni, peress li, f’kull każ, dan ma jsostnix l-argument tar-rikorrenti. Fil-fatt, l-awturi jsostnu li anki fil-każ ta’ koinċidenza ta’ varji ittri f’żewġ kelmiet, id-differenza tal-kumplament tal-ittri għandha bħala riżultat li l-qari tal-imsemmija kliem jattiva newroni differenti fil-moħħ tal-bniedem. Pereżempju, skont il-perċezzjoni ta’ qarrej ta’ esperjenza, id-distanza bejn il-kliem Ingliż “hair” u “hare” hija l-istess bħal dik bejn it-termini “hair” u “soup”, u dan minkejja l-pronunzja identika tat-termini “hair” u “hare”.

54      Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li l-paragun kunċettwali ma huwiex possibbli f’din il-kawża. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-perċezzjoni kunċettwali tas-sinjali tista’ tagħti bħala riżultat il-konnessjoni tas-sinjali fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 17 iktar ’il fuq. Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti kellhom jiġu miċħuda.

55      Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u fir-rigward, b’mod partikolari, tal-konstatazzjonijiet żviluppati fil-punti 37 u 45 iktar ’il fuq, hemm lok li jingħad li l-fatt li s-sinjali kunfliġġenti jinkludu l-ittri “v”, “l” u “o”, u li huma jinkludu t-taħlita tal-ittri “vol”, ma jwassalx lill-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn l-imsemmija sinjali jew li jwasslu li jagħmel rabta bejniethom. B’hekk, l-imsemmija kombinazzjoni ta’ ittri ma tistax tiġi kklassifikata bħala xebh għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

56      Għalhekk, għandha tiġi kkonfermata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li s-sinjali kunfliġġenti kienu differenti.

 Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

57      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar ’il fuq, l-assenza ta’ wieħed mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi hija suffiċjenti sabiex l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ikun inapplikabbli.

58      F’din il-kawża, is-sinjali kunfliġġenti huma differenti. B’hekk jirriżulta li l-Bord tal-Appell validament ikkonkluda li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata fuq il-bażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

59      Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud il-motiv uniku tar-rikorrenti u, għalhekk, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Volvo Trademark Holding AB hija kkundannata għall-ispejjeż.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Novembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.