Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2013 minn Markus Brune mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-21 ta’ Marzu 2013 fil-Kawża F-94/11, Brune vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-269/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Markus Brune (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: H. Mannes, avukat)

Parti oħra fil-proċeduri: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Filwaqt li jtenni t-talbiet esposti fl-ewwel istanza, l-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-21 ta’ Marzu 2013 fil-Kawża F-94/11;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-appell u dawk tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka b’mod partikolari dan li ġej:

Applikazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ repetizzjoni tal-eżami orali

Skont l-appellant, is-sentenza appellata ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-eżami orali ġdid organizzat sabiex tiġi eżegwita s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il-Kummissjoni (F-5/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza Brune”) jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ oġġettività tal-evalwazzjoni kif ukoll l-Artikolu 266 TFUE;

L-appellant isostni, barra minn hekk, li fit-tentattiv tiegħu ta’ motivazzjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq evalwazzjonijiet żbaljati ta’ fatt u ta’ liġi u saħansitra evalwa l-fatti b’mod kontradittorju (b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 266 TFUE, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tar-rekwiżit tal-kriterji ta’ evalwazzjoni uniformi).

Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi

Skont l-appellant, is-sentenza appellata tiċħad, mingħajr ġustifikazzjoni valida, is-soluzzjonijiet alternattivi proposti sabiex tiġi eżegwita s-sentenza Brune, minkejja li tali soluzzjonijiet ġew proposti fil-każ inkwistjoni skont il-ġurisprudenza stabbilita;

Barra minn hekk, l-appellant isostni li, waqt l-eżami ta’ soluzzjonijiet alternattivi, is-sentenza appellata interpretat b’mod żbaljat il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ oġġettività tal-evalwazzjoni, l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll l-avviż ta’ kompetizzjoni.

Sussidjarjament, evalwazzjoni żbaljata tad-difetti proċedurali li vvizzjaw il-preparazzjoni tal-eżami l-ġdid

Fir-rigward tat-terminu ta’ konvokazzjoni u tal-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla u tad-dritt applikabbli, l-appellant iqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku evalwa b’mod żbaljat kemm il-fatti kif ukoll il-poter ta’ organizzazzjoni tal-appellata;

Skont l-appellant, is-sentenza appellata ma teżaminax jekk, fid-dawl tal-informazzjoni supplimentari pprovduta lil kandidat ieħor fi proċedura parallela, l-appellant ġarrabx inugwaljanza fit-trattament;

Barra minn hekk, l-appellant isostni li, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-parzjalità tal-Bord tal-Għażla, is-sentenza appellata tillimita ruħha li teżamina n-nuqqas ta’ provi ta diskriminazzjoni tal-appellant waqt l-eżami inizjali mingħajr ma tittratta l-kwistjoni tal-parzjalità tal-Bord tal-Ġħażla fil-kuntest tal-eżami l-ġdid.

Evalwazzjoni żbaljata tal-inammissibbiltà tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames kapi tat-talbiet

Skont l-appellant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ħax inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li jwettaq konstatazzjonijiet ġenerali, peress li dawn ma jimplikawx obbligi konkreti għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

Dejjem skont l-appellant, is-sentenza appellata tinterpreta t-talbiet intiżi għal kumpens tad-dannu fis-sens li l-appellant ma talabx kumpens, minkejja li kien espost b’mod ċar waqt is-seduta li tali talba kienet ġiet ippreżentata;

L-appellant isostni barra minn hekk li s-sentenza appellata tikser l-obbligu li tikkumpensa, anki ex officio (jiġifieri fin-nuqqas ta’ kull talba espressa), id-dannu mġarrab, peress li dan l-obbligu jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE.

Natura diskriminatorja tad-deċiżjoni fuq l-ispejjeż

L-appellant jikkunsidra li s-sentenza appellata tiddiskriminah meta mqabbel mar-rikorrent fil-Kawża F-42/11 (Honnefelder vs Il-Kummissjoni), peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrifjuta li jeżamina favur tiegħu ċirkustanza li madankollu hija rilevanti fil-kawża Honnefelder fis-sens tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura.