Language of document : ECLI:EU:T:2004:266

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’Awla Estiża)

16 ta’ Settembru 2004 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Kunċett – Vantaġġ – Prezz ta’ bejgħ ta’ art – Finanzjament ta’ parkeġġ tal-karrozzi"

Fil-kawża T-274/01,

Valmont Nederland BV, stabbilita f’Maarheeze (l-Olanda), irrappreżentata minn A. Van Landuyt, A. Prompers u G. Van de Wal, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn G. Rozet u H. Speyart, u sussegwentement minn G. Rozet u H. Van Vliet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/142/KE, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Olanda lil Valmont Nederland BV (ĠU L 48, 2002, p. 20),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili, A. W. H. Meij, M. Vilaras u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 87(1) KE jiddisponi li, bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata fit-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

2        Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 209/03 dwar elementi ta’ għajnuna Statali [mill-Istat] dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ [mill-]awtoritajiet pubbliċi ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-10 ta’ Lulju 1997 (ĠU C 209, p. 3, iktar ‘il quddiem il-"komunikazzjoni dwar il-bejgħ ta’ artijiet").

3        Fil-punt I tagħha, din il-komunikazzjoni tiddikjara li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, li tikkjarifika l-prassi tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-bejgħ ta’ artijiet mill-awtoritajiet pubbliċi, li tnaqqas in-numru ta’ tranżazzjonijiet li trid teżamina fid-dawl ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE u, għal dan il-għan, li tipprovdi gwida ta’ natura proċedurali għall-Istati Membri.

4        Fil-punt II.1 tagħha, intitolat "Il-Bejgħ magħmul permezz tal-proċedura ta’ irkant mhux kondizzjonat", din il-komunikazzjoni tiddikjara, b’mod partikolari, li "[i]l-bejgħ ta’ artijiet […] li jkun magħmul permezz ta’ irkant li huwa pubbliku, miftuħ u mhux kondizzjonat, u li jaċċetta l-aħjar u [jew] l-unika offerta huwa għalhekk meqjus bħala bejgħ magħmul skond il-valur tas-suq u konsegwentament ma għandux għajnuna Statali [mill-Istat]".

5        Fil-punt II.2 tagħha, intitolat "Il-bejgħ mingħajr offerti m’humiex kondizzjonati [mhux magħmul permezz tal-proċedura ta’ rkant mhux kondizzjonat]", hija tiddikjara, b’mod partikolari, dan li ġej:

"Jekk l-awtoritajiet pubbliċi m’għandhomx l-intenzjoni li juzaw il-proċedura skond kif hawn taħt [deskritta fil-punt II.1], għandu jkun hemm stima indipendenti magħmula minn nies li jagħmlu valutazzjonijiet indipendenti. Din issir qabel in-negozjati tal-bejgħ sabiex jkun stabbilit il-valur tas-suq skond l-indikazzjonijiet tas-suq u standards ta’ valutazzjonjiet [ġeneralment aċċettati]. II-valur [Il-prezz] tas-suq li jkun stabbilit huwa l-prezz tax-xiri minimu li jista’ jkun hekk deċiż mingħajr ma tingħata għajnuna Statali [mill-Istat]."

6        Fil-punt II.3 tagħha, intitolat "Notifika", il-komunikazzjoni dwar il-bejgħ ta’ artijiet tiddikjara, essenzjalment, li, biex jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk teżistix għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri għandhom jinnotifikawlha, mingħajr preġudizzju għar-regola "de minimis", kull tranżazzjoni li ma ġietx konkluża fuq il-bażi ta’ waħda jew l-oħra mill-proċeduri deskritti fil-punti II.1 u II.2.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Valmont Nederland BV (iktar ‘il quddiem "Valmont") hija kumpannija regolata bid-dritt Olandiż stabbilita f’Maarheeze (l-Olanda), fil-Noord-Brabant (Brabant ta’ Fuq). Hija s-suċċessur tal-kumpannija Nolte Mastenfabriek BV, mixtrija fl-1991 mill-kumpannija parent tagħha, Valmont Industries Inc.

8        Fl-1 ta’ Lulju 1993, il-komun ta’ Maarheeze (iktar ‘il quddiem "Maarheeze") u Nolte Mastenfabriek BV iffirmaw ftehim għall-bejgħ, min-naħa ta’ Maarheeze, u għax-xiri, min-naħa ta’ Nolte Mastenfabriek BV, ta’ art mhux mibnija intiża għal użu industrijali tal-kejl ta’ madwar tliet ettari. Dan il-ftehim iffissa prezz ta’ bejgħ mingħajr VAT ta’ 900 000 fjorin Olandiż (NLG), jiġifieri madwar 408 402 EUR.

9        It-tranżazzjoni ġiet finalizzata permezz ta’ att awtentiku ta’ bejgħ iffirmat fit-8 ta’ Frar 1994. Il-prezz tal-bejgħ mingħajr VAT ġie stabbilit skond dak li kien ġie stipulat fil-ftehim ta’ bejgħ ta’ l-1 ta’ Lulju 1993, fuq il-bażi ta’ prezz ta’ 30 NLG/m2 (madwar 13.61 EUR/m2).

10      Fir-rebbiegħa ta’ l-1998, dehru xi artikoli fl-istampa Olandiża li semmew li ċerti komuni tan-Noord-Brabant għamlu użu indebitu ta’ sussidji mogħtja mill-awtoritajiet provinċjali biex iħajru impriżi lejn it-territorju tagħhom. Maarheeze ingħata tali sussidju u użah b’mod li ppermettielu jbigħ artijiet għal prezz inferjuri għall-valur kummerċjali tagħhom.

11      Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ April 1998, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Olandiżi jipprovdu informazzjoni fuq dan is-suġġett.

12      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 1998, l-awtoritajiet Olandiżi informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jibagħtulha rapport ta’ espert li jiddetermina l-prezz ta’ wħud mill-artijiet in kwistjoni fil-mument tal-bejgħ tagħhom.

13      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 1999, l-awtoritajiet Olandiżi għaddew lill-Kummissjoni kopja ta’ rapport ta’ l-4 ta’ Diċembru 1998, imħejji għalihom minn espert indipendenti, is-Sur Laureijssen, membru ta’ l-uffiċċju ta’ esperti Laureijssen & Brocken (iktar ‘il quddiem ir-"rapport Laureijssen"). Dan ir-rapport, li kien jirrigwarda żewġ artijiet mibjugħa minn komuni differenti lil impriżi differenti, ikkonkluda, fir-rigward ta’ l-art mibjugħa lil Valmont, li l-prezz għal kull metru kwadru kellu jkun stmat fl-ammont ta’ 42.50 NLG (madwar 19.29 EUR) fl-1993.

14      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Olandiżi d-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Hija indikat f’din id-deċiżjoni li l-bejgħ ta’ art, minn naħa, u l-kostruzzjoni sussegwenti ta’ parkeġġ tal-karrozzi fuq parti ta’ l-art, iffinanzjat minn Maarheeze fl-ammont ta’ 250 000 NLG (madwar 113 445 EUR), min-naħa l-oħra, kienu jidhru li jammontaw għal għajnuna mill-Istat. Minbarra dan, hija wkoll kellha dubju kemm din kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

15      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2000, l-awtoritajiet Olandiżi bagħtu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni, flimkien mad-dokumenti li ġejjin:

–        rapport ta’ l-4 ta’ Ottubru 1994, imħejji għal Valmont minn espert indipendenti, is-Sur Schekkerman, membru ta’ l-uffiċċju ta’ esperti Troostwijk (iktar ‘il quddiem ir-"rapport Troostwijk"), li kkonkluda li l-prezz ta’ bejgħ ta’ l-art kellu jkun stmat fl-ammont ta’ 1 050 000 NLG (madwar 476 000 EUR) fl-1994;

–        ittra tat-28 ta’ Novembru 2000 minn dan l-istess espert dwar id-diskrepanza bejn l-istimi li waslu għalihom ir-rapporti Laureijssen u Troostwijk (iktar ‘il quddiem l-"ittra Troostwijk");

–        tliet ittri tas-6 u tas-7 ta’ Ottubru 2000 minn impriżi oħra apparti Valmont li ddikjaraw li huma kienu jagħmlu użu mill-parkeġġ tal-karrozzi ta’ din ta’ l-aħħar, b’diversi modi u mingħajr ħlas.

16      Permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2001/C 37/08 tat-3 ta’ Frar 2001, li tistieden is-sottomissjoni ta’ kummenti skond l-Artikolu 88(2) KE (ĠU C 37, p. 44), l-ittra tas-7 ta’ Novembru 2000 li tinnotifika lill-awtoritajiet Olandiżi d-deċiżjoni li tibda l-proċedura formali ta’ eżami ġiet mgħarrfa lill-partijiet interessati.

17      Permezz ta’ ittri ta’ l-20 ta’ Frar u tal-5 ta’ Marzu 2001, il-konsulent legali ta’ Valmont bagħat il-kummenti ta’ din ta’ l-aħħar lill-Kummissjoni.

18      Fit-18 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/142/KE dwar l-għajnuna mogħtija mill-Olanda lil Valmont Nederland BV (ĠU L 48, 2002, p. 20, iktar ‘il quddiem id-"Deċiżjoni").

19      Din id-Deċiżjoni tiddisponi, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-bejgħ ta’ l-art u l-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi fihom elementi ta’ għajnuna mill-Istat favur Valmont li jammontaw għal 375 000 NLG (madwar 170 168 EUR) u għal
125 000 NLG (madwar 56 723 EUR) rispettivament.

20      Hija tiddisponi wkoll li dawn l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat huma inkompatibbli mas-suq komuni (Artikolu 2) u titlob li l-Olanda, minn naħa, tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tirkuprahom mingħand il-benefiċjarju tagħhom (Artikolu 3) u, min-naħa l-oħra, tinforma lill-Kummissjoni bl-imsemmija miżuri (Artikolu 4).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Ottubru 2001, Valmont ressqet dan ir-rikors.

22      Inizjalment il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla Estiża u sussegwentement, billi l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla minħabba fil-bidla fil-kompożizzjoni ta’ l-Awli tal-Qorti Tal-Prim’Istanza mill-1 ta’ Ottubru 2003, lir-Raba’Awla Estiża.

23      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti Tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Hija wkoll stiednet lill-partijiet, skond l-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, sabiex iwieġbu domandi bil-miktub u jippreżentaw numru ta’ dokumenti. Il-partijiet wieġbu dawn id-domandi fit-terminu mogħti għal dan il-għan.

24      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Frar 2004.

25      Valmont titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lil Valmont tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

27      In sostenn tat-talbiet tagħha, Valmont tinvoka sitt raġunijiet.

28      L-ewwel raġuni tirreferi għal ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-bejgħ ta’ l-art ma fihx vantaġġi. It-tieni raġuni tirreferi għal ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-bejgħ ta’ l-art u l-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi ma jaffettwax il-kummerċ u ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni. It-tielet raġuni tirreferi, essenzjalment, għall-allegazzjoni li l-proċedura amministrattiva tmexxiet b’mod irregolari u li nkisru d-drittijiet proċedurali ta’ Valmont. Ir-raba’ raġuni tirreferi, essenzjalment, għall-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-Kummissjoni kkonkludiet li l-bejgħ ta’ l-art kien fih vantaġġ billi bbażat ruħha fuq rapport ta’ espert li m’għandux valur probatorju. Il-ħames raġuni tirreferi, essenzjalment, għal ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi ma fihx vantaġġi. Is-sitt raġuni tirreferi, essenzjalment, għal ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna mill-Istat u tal-preskrizzjoni.

29      L-ewwel u r-raba’ raġunijiet ta’ Valmont jikkostitwixxu, essenzjalment, l-istess raġuni, li tirreferi għal ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-bejgħ ta’ art ma fihx vantaġġi, u li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok. Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-ħames raġuni ta’ Valmont, li tirreferi għal ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi ma fihx vantaġġi.

 Fuq l-ewwel raġuni, relattiva għal ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-bejgħ ta’ l-art ma fihx vantaġġi

30      Skond Valmont, Il-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni dwar il-bejgħ ta’ artijiet, użu żbaljat tar-rapport Laureijssen u evalwazzjoni manifestament żbaljata tat-tranżazzjoni.

31      L-ewwel nett għandhom jiġu eżaminati l-argumenti dwar l-użu mill-Kummissjoni tar-rapport Laureijssen.

 L-argumenti tal-partijiet

32      Minn naħa, Valmont tafferma li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rapport Laureijssen, imħejji fuq talba ta’ l-awtoritajiet Olandiżi għall-finijiet tal-fażi preliminari ta’ l-eżami, fl-1998, minkejja li dan ir-rapport kien inkoerenti. B’mod partikolari, Valmont issostni li, fir-rigward ta’ l-art in kwistjoni, dan ir-rapport jasal, mingħajr raġunament loġiku, għal prezz tas-suq ta’ 42.50 NLG/m2 u li l-Kummissjoni adottat din il-konklużjoni mingħajr m’eżaminatha serjament.

33      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni warrbet ir-rapport Troostwijk, imħejji fuq talba ta’ Valmont għall-finijiet li jinkiseb self bankarju, fl-1994, minkejja li dan ir-rapport kien rilevanti. Minbarra dan, hija b’mod perentorju warrbet l-ittra Troostwijk.

34      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-argumenti ta’ Valmont jinjoraw il-fatt li, meta hija tinvestiga bejgħ ta’ art minn awtorità pubblika fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni, li mhijiex ikkwalifikata biex hija stess tistma l-prezz ta’ tali proprjetà, tibbaża ruħha fuq il-kriterji oġġettivi stabbiliti mill-komunikazzjoni dwar il-bejgħ ta’ artijiet. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-proċedura deskritta fil-punt II.2 ta’ din il-komunikazzjoni, huwa espert li għandu jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ekonomiċi kollha rilevanti. Sakemm, minn naħa, dan l-espert huwa kkwalifikat u indipendenti fis-sens ta’ l-imsemmi punt u sakemm, min-naħa l-oħra, ma jidher li jkun hemm l-ebda żball metodoloġiku gravi fir-rapport tiegħu, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tadotta l-konklużjonijiet li jasal għalihom dan l-espert.

35      F’dan il-każ, minn naħa, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq ir-rapport Laureijssen, li tħejja wara t-tranżazzjoni iżda għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva. L-ewwel nett, l-espert kellu l-kwalitajiet ta’ kompetenza u indipendenza meħtieġa mit-tieni sar-raba' subparagrafu tal-punt II.2(a) tal-komunikazzjoni dwar il-bejgħ ta’ artijiet. It-tieni nett, ix-xogħol li ġie fdat lilu li jagħmel stima tal-prezz ta’ l-art fil-mument tat-tranżazzjoni kien konformi mal-ħames subparagrafu tal-punt II.2(a) ta’ l-istess komunikazzjoni. Minbarra dan, il-metodi ta’ ħidma tiegħu kienu adegwati billi, b’mod partikolari, huwa kien żar is-sit. Fl-aħħar nett, eżami bir-reqqa tar-rapport Laureijssen jindika li l-espert iddedika l-attenzjoni meħtieġa għall-elementi kollha rilevanti u li, fl-aħħar nett, il-kalkolu tal-prezz għal kull metru kwadru ta’ l-art inkluda dawn l-elementi korrettament.

36      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet twarrab ir-rapport Troostwijk u l-ittra Troostwijk billi l-istima adottata f’dawn id-dokumenti kienet tikkorrispondi għall-art mibinja li Valmont setgħet tbigħ u mhux għall-art mhux mibnija li hija kienet xtrat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

37      Billi l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa ta’ natura ġuridika u għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, il-qorti Komunitarja għandha, fil-prinċipju u fid-dawl kemm ta’ l-elementi konkreti tal-kawża ppreżentata quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew komplessa ta’ l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ dwar il-kwistjoni jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C-83/98 P, Ġabra p. I-3271, punt 25, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 2002, Linde vs Il-Kummissjoni, T-98/00, Ġabra p. II-3961, punt 40). Madankollu, għandha ssir eċċezzjoni għal dan il-prinċipju meta jkunu involuti evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, f’liema każ l-istħarriġ ġudizzjarju huwa ristrett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 11, u tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C-328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I-4035, punt 39).

38      Minbarra dan, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument meta hija adottat din id-deċiżjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑197/99 P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 86).

39      F’dan il-każ, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jgħid li l-bejgħ ta’ l-art fih element ta’ għajnuna mill-Istat li jammonta għal 375 000 NLG (madwar 170 168 EUR), u mill-premessi 15 sa 18 tad-Deċiżjoni jirriżulta li hija hekk ikkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ ta’ l-art u l-prezz tas-suq ta’ l-art stabbilit mill-Kummissjoni.

40      Biex tasal għal tali konklużjoni, il-Kummissjoni l-ewwel nett irrilevat li mill-punt II.2 tal-komunikazzjoni dwar il-bejgħ ta’ artijiet kien jirriżulta li Stat Membru li xtaq ibigħ biċċa art kellu l-possibbiltà li qabel iġib stima tagħha minn espert, liema stima għalhekk tikkostitwixxi l-prezz tas-suq u, jekk dan ta’ l-aħħar jiġi rispettat, tkun eskluża l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Hija kkonstatat, f’dan il-każ, li r-rapporti ta’ esperti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha tħejjew wara t-tranżazzjoni (premessa 16 tad-Deċiżjoni).

41      It-tieni nett, hija wara kkunsidrat, minn naħa, li r-rapport Troostwijk ma kellux valur probatorju u, min-naħa l-oħra, li r-rapport Laureijssen kellu valur probatorju (premessa 17 tad-Deċiżjoni).

42      Fl-aħħar nett, hija adottat il-prezz tas-suq ta’ 42.50 NLG/m2 (madwar 19.29 EUR/m2) li wasal għalih ir-rapport Laureijssen, qabblet miegħu l-prezz tal-bejgħ ta’ 30 NLG/m2 (madwar 13.61 EUR/m2) u minn dan il-paragun iddeduċiet l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (premessa 18 tad-Deċiżjoni).

43      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni bbażatx ruħha esklużivament fuq rapport li m’għandux valur probatorju biex ikkonkludiet li kien hemm għajnuna mill-Istat fil-prezz tal-bejgħ ta’ l-art. Billi din il-kwistjoni, f’dan il-każ, ma tinvolvi l-ebda evalwazzjoni ekonomika kumplessa, hija għandha, bħal tali, tkun suġġetta għal stħarriġ sħiħ.

44      Jikkostitwixxu vantaġġi fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE l-miżuri li, taħt diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-baġit ta’ impriża u li b’hekk jixbhu lis-sussidji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 3, 39, u L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ‘il fuq, punt 35), bħalma huma, b’mod partikolari, il-provvista ta’ prodotti jew servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punti 28 u 29, u ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C‑126/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 29).

45      Applikat għall-każ ta’ bejgħ ta’ art lil impriża minn awtorità pubblika, dan il-prinċipju għandu bħala konsegwenza li għandu jiġi ddeterminat jekk, b’mod partikolari, il-prezz tal-bejgħ setax jinkiseb mix-xerrej f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-127/99, T-129/99 u T-148/99, Ġabra p. II-1275, punt 73, li ma ġietx appellata fuq dan il-punt). Meta l-Kummissjoni teżamina għal dan il-għan rapporti ta’ esperti mħejjija wara t-tranżazzjoni in kwistjoni, hija obbligata tqabbel il-prezz tal-bejgħ effettivament imħallas mal-prezzijiet mogħtija f’dawn id-diversi rapporti u tiddetermina jekk dan ivarjax sal-punt li għandu jiġi konkluż li jeżisti vantaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 85, li ma ġietx appellata fuq dan il-punt). Dan il-metodu jippermetti li tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura inċerta tad-determinazzjoni tal-prezzijiet tas-suq, li min-natura tagħha hija retrospettiva.

46      F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jingħad fil-premessa 18 tad-Deċiżjoni, il-konklużjoni tar-rapport Laureijssen li skondha l-prezz tal-bejgħ mingħajr VAT kellu jkun stmat fl-ammont ta’ 42.50 NLG/m2 fl-1993 la huwa bbażat fuq kalkolu u lanqas fuq paragun mal-prezzijiet imħallsa għall-bejgħ ta’ artijiet oħra mill-komun ikkonċernat u għall-bejgħ ta’ artijiet minn sidien oħra.

47      Fl-ewwel lok, din iċ-ċifra mhija bbażata fuq l-ebda ċifra espliċita u verifikabbli. Fil-fatt, wara li indika, fid-disa’ u l-għaxar subparagrafi tal-punt 3.4 tiegħu, dan li ġej:

"[I]l-komun ta’ Cranendonck, fl-imgħoddi Maarheeze, ibbaża ruħu wkoll fuq il-prinċipju tal-prezz kemm sewa [cost price]. L-ebda art ta’ madwar [tliet ettari] u direttament għall-bejgħ ma kienet disponibbli. Il-porzjon ta’ art mibjugħ lil Valmont International BV kien proprjetà tal-komun u kien jikkonsisti f’art imsaġġra tal-valur ta’ madwar 2 NLG/m2.

L-ispejjeż sabiex jinbena kienu stmati mill-komun fl-ammont ta’ 30 NLG/m2 mingħajr VAT (li hija wkoll iċ-ċifra kkonstatata għal ‘Den Engelsman’). Il-pjan għall-iżvilupp ġie stabbilit wara l-bejgħ lil Valmont, jiġifieri fl-24 ta’ Awwissu 1994 […]", ir-rapport Laureijssen mill-ewwel jikkonkludi, fil-punt 4 tiegħu:

"[F]uq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet iċċitati iktar ‘il fuq u ta’ paraguni ma’ proprjetà mibjugħa jew mikrija, il-proprjetà immobbli in kwistjoni għandha tkun stmata fuq il-bażi:

a)       ta’ l-indiċi tal-prezzijiet ta’ l-1993;

b)       li mhijiex mikrija;

c)      tan-nuqqas ta’ eventwali drittijiet ta’ terzi […];

d)      li hija ħielsa minn ipoteki jew drittijiet fuqha;

e)       tan-nuqqas ta’ inkonvenjenti fuq livell ambjentali, bħalma huma tniġġis ta’ l-art jew ta’ l-arja, materjal ipproċessat u perikoluż, li jistgħu jinfluwenzaw negattivament, f’perijodu qasir jew twil, il-valur tal-proprjetà stmata;

f)      li madankollu jittieħed in kunsiderazzjoni tnaqqis fl-ispejjeż iġġustifikat għal kull proprjetà, kif iddikjarati mill-komun,

li tammonta għal:

valur tal-bejgħ f’suq ħieles, ħieles minn kiri u drittijiet ta’ użu:

[…]

42,50 NLG/m2 mingħajr VAT."

48      Minn naħa, mit-test iċċitat iktar ‘il fuq jidher li, biex jiffissa l-prezz tal-bejgħ, Maarheeze bbaża ruħu fuq prezz kemm sewa ta’ 32 NLG/m2 miksub billi għadd flimkien il-valur ta’ l-art fl-istat imsaġġar inizjali tiegħu (2 NLG/m2) u l-ispejjeż tal-bini ta’ l-art (30 NLG/m2). Dan il-prezz kemm sewa jikkostitwixxi għalhekk l-għadd, espliċitu u verifikabbli, ta’ ċifri oġġettivi. Minbarra dan, jidher li l-ispejjeż tal-bini ta’ 30 NLG/m2, li jikkostitwixxu l-parti essenzjali ta’ dan il-prezz kemm sewa, jikkorrispondi għal dawk ikkonstatati għaż-żona Den Engelsman kollha, li fiha tinsab l-art mibjugħa lil Valmont, u għalhekk jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li ġew stmati fil-valur xieraq tagħhom. Fl-aħħar nett, jidher li dan il-prezz kemm sewa jiġġustifika prezz tal-bejgħ ta’ 30 NLG/m2, kif jindika l-espert fl-ewwel sat-tielet subparagrafu tal-punt 3.4 tar-rapport tiegħu:

"Waqt iż-żjarat li għamilna lill-komuni ta’ Helmond u Cranendonck [fl-imgħoddi Maarheeze], irċevejna ċerta informazzjoni dwar il-fissazzjoni tal-prezz tal-bejgħ applikat fit-tranżazzjonijiet in kwistjoni ma’ E.P.M. u Valmont Nederland BV.

Il-komuni spjegaw kif ġej it-tnaqqis miftiehem fil-prezz ta’ l-artijiet.

Għall-kompletezza tar-rapport tagħha, ma nixtiqux niċħdukom minn din it-tweġiba. Aħna ta’ l-opinjoni li l-ispjegazzjonijiet mogħtija huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-prezzijiet tal-bejgħ applikati."

49      Min-naħa l-oħra, jidher li l-elementi elenkati sussegwentement fir-rapport Laureijssen, bħall-prezz tas-suq ta’ 42.50 NLG/m2 li suppost jirriżulta meta dawn l-elementi jittieħdu in kunsiderazzjoni flimkien, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ verifika oġġettiva.

50      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-elementi li jinsabu fil-punt 4(b), (c), (d) u (e), rispettivament, ta’ dan ir-rapport kienu ġa ttieħdu in kunsiderazzjoni mill-ftehim ta’ bejgħ ta’ l-1 ta’ Lulju 1993 u mill-att awtentiku ta’ bejgħ tat-8 ta’ Frar 1994. L-ewwel minn dawn id-dokumenti fil-fatt jindika, fil-punt 1 tiegħu, li "[il]-komun wettaq investigazzjoni dwar eventwali tniġġis ta’ l-art mibjugħa" u li "din l-investigazzjoni turi li l-istat ta’ l-art huwa kkunsidrat bħala adegwat għall-bini u għall-użu tiegħu għall-għan intiż għall-art". It-tieni wieħed minn dawn id-dokumenti jtenni din il-konklużjoni fil-punt C.6 tiegħu, u jistipula ripetutament, fil-punti C.2.1, C.2.3 u C.5 tiegħu, li l-art hija ħielsa minn kiri, minn drittijiet ta’ terzi, minn drittijiet oħra u minn ipoteki. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni fir-rapport Laureijssen, ikun arbitrarju li jiġi kkunsidrat li dan l-aħħar dokument jevalwa l-effett ta’ dawn l-elementi fuq il-prezz tal-bejgħ b’mod iktar xieraq minn kif sar fi żmien it-tranżazzjoni.

51      It-tieni nett, fir-rigward tar-referenza magħmula fil-punt 4(f) tar-rapport Laureijssen għat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ "tnaqqis fl-ispejjeż iġġustifikat għal kull proprjetà", għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm dan ir-rapport effettivament jiddeskrivi tnaqqis fl-ispejjeż iġġustifikat fir-rigward tat-tieni art li huwa kellu jistma, mibjugħa minn komun ieħor li mhuwiex Maarheeze, lil impriża oħra li mhijiex Valmont (ara l-punt 13 iktar ‘il fuq), huwa, għall-kuntrarju, ma jsemmix tali element fir-rigward ta’ l-art mibjugħa minn Maarheeze lil Valmont.

52      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li waqt il-proċedura amministrattiva hija kienet talbet lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jagħtuha dettalji dwar dan is-suġġett, li dawn l-awtoritajiet baqgħu ma pprovduhomlhiex u li s-silta in kwistjoni mingħajr dubju kienet tirreferi għal dikjarazzjonijiet magħmula lill-espert minn uffiċjali ta’ Maarheeze, iżda mhux imniżżla fir-rapport Laureijssen.

53      Jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ‘il fuq fil-punt 38 li huwa skond l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument meta adottat deċiżjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni ma kisbitx l-informazzjoni addizzjonali mitluba, hija min-naħa l-oħra kellha għad-dispożizzjoni tagħha r-rapport Laureijssen li fih ir-referenza in kwistjoni u ma kinitx eżonerata milli tevalwa l-valur probatorju ta’ din ta’ l-aħħar. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tistħarreġ il-legalità tad-Deċiżjoni fuq dan il-punt. Issa, huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rapport Laureijssen ma jispjegax xi jkun it-"tnaqqis fl-ispejjeż iġġustifikat" relattiv għall-art mixtrija minn Valmont u l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li referenza mhux sostnuta ma tistax raġonevolment tkun ikkunsidrata bħala probatorja u rilevanti biex tiġi spjegata d-differenza ta’ 10.5 NLG/m2 ikkonstatata bejn il-valur tal-prezz kemm sewa ta’ 32 NLG/m2 li fuqu bbaża ruħu Maarheeze u l-prezz tal-bejgħ ta’ 42.5 NLG/m2 li jasal għalih ir-rapport Laureijssen. L-argument li din ir-referenza tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tirreferi għal dikjarazzjonijiet magħmula lill-espert minn uffiċjali ta’ Maarheeze li ma tniżżlux fir-rapport Laureijssen huwa ta’ natura wisq spekulattiva biex jista’ jibdel din l-evalwazzjoni.

54      Madankollu, safejn jista’ jiġi dedott mill-argumenti tal-Kummissjoni li l-iżball magħmul minnha f’dan ir-rigward huwa marbut man-natura inkompleta ta’ l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk il-Kummissjoni tistax tipprevalixxi ruħha minn dan il-fatt.

55      Jirriżulta mill-ġurisprudenza li, meta tikkunsidra li għajnuna ġiet mogħtija mingħajr ma hija ġiet innotifikata biha u għalhekk, hija illegali, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, is-setgħa li teħtieġ mill-Istat Membru kkonċernat li jipprovdilha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-eżami tagħha; huwa biss meta l-Istat Membru kkonċernat jonqos, minkejja l-inġunzjoni magħmula lilu, li jipprovdi l-informazzjoni mitluba li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-elementi li hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C-301/87, Ġabra p. I-307, punti 19 u 22, u tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, C-324/90 u C-342/90, Ġabra p. I-1173, punt 26).

56      Is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li teħtieġ mill-Istat Membru kkonċernat li jipprovdilha informazzjoni hija attwalment prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1). Dan ta’ l-aħħar daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1999. Safejn jipprovdi regoli ta’ proċedura, huwa japplika għal kull proċedura amministrattiva pendenti quddiem il-Kummissjoni meta daħal fis-seħħ, ħlief għal dawk id-dispożizzjonijiet tiegħu li fihom sistema speċifika ta’ regoli f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ April 2003, Département du Loiret vs Il-Kummissjoni, T-369/00, Ġabra p. II-1795, punti 50 u 51). Billi l-fażi preliminari ta’ eżami nbdiet permezz ta’ l-ittra ta’ l-1 ta’ April 1998 u l-proċedura formali ta’ eżami nbdiet b’deċiżjoni tal-Kummissjoni notifikata lill-awtoritajiet Olandiżi permezz ta’ l-ittra tas-7 ta’ Novembru 2000 (ara l-punti 11 u 14 iktar ‘il fuq), dan ir-Regolament japplika fil-kawża preżenti.

57      Jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999 li s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tindirizza lill-Istat Membru kkonċernat, suċċessivament, talba għal informazzjoni (l-Artikolu 10(2) u, b’referenza, l-Artikolu 5(1) ta’ l-istess Regolament) segwita, jekk ikun il-każ, minn nota ta’ tfakkir (l-Artikolu 10(2) u, b’referenza, l-Artikolu 5(2) ta’ l-istess Regolament) u, fl-aħħar nett, inġunzjoni ta’ informazzjoni (l-Artikolu 10(3) ta’ l-istess Regolament) tiddependi inizjalment minn sempliċi fakultà li għandha l-Kummissjoni. Minbarra dan, l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 jiddisponi b’mod partikolari li, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, din id-deċiżjoni "għandha tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa".

58      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni finali meta tqis li għandha l-informazzjoni kollha neċessarja u li huwa biss meta hija tqis li dan mhuwiex il-każ li hija teħtieġ mill-Istat Membru konċernat li jipprovdilha din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ‘il fuq, punt 26, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, punt 28), kif deskritt fil-punt preċedenti.

59      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet talbet lill-awtoritajiet Olandiżi li jipprovdulha dettalji fir-rigward tar-referenza magħmula, fir-rapport Laureijssen, għal "tnaqqis fl-ispejjeż iġġustifikat" relattiv għal art mixtrija minn Valmont. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni fil-pussess tagħha ma kinitx biżżejjed. Madankollu, hija ma kisbitx informazzjoni addizzjonali u fl-aħħar ibbażat id-Deċiżjoni biss fuq l-informazzjoni li kellha dak iż-żmien fil-pussess tagħha. Dan huwa kkonfermat, barra minn hekk, mill-fatt li l-Kummissjoni ddikjarat fid-Deċiżjoni li, "fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li hija [kellha] għad-dispożizzjoni tagħha, [hija setgħet] toqgħod [fuq ir-]rapport" [traduzzjoni mhux uffiċjali] Laureijssen (premessa 18 tad-Deċiżjoni).

60      Madankollu, la mid-Deċiżjoni u lanqas mill-proċess ma jirriżulta, u barra minn hekk il-Kummissjoni ma tallegax, li qatt ġie meħtieġ mill-awtoritajiet Olandiżi, permezz ta’ deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ informazzjoni adottata skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdu l-informazjoni in kwistjoni. Billi l-Kummissjoni m’għamlitx użu mis-setgħat li jippermettulha teħtieġ mill-Istat Membru kkonċernat li jipprovdilha din l-informazzjoni, hija ma tistax tinvoka n-natura frammentarja ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha biex tiġġustifika d-Deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ‘il fuq, punti 28 u 29).

61      Fl-aħħar nett, ir-referenza magħmula, fil-punt 4(a) tar-rapport Laureijssen, għall-indiċi tal-prezzijiet ta’ l-1993, ma turix li l-prezz tal-bejgħ kellu jiġi stabbilit fl-ammont ta’ 42.50 NLG/m2, iżda biss li seta’ jiġi stabbilit fit-teorija, u f’ċirkustanzi oħra, fl-ammont ta’ 50 NLG/m2. Din l-aħħar ċifra għandha tinftiehem biss, kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, bħala li hija "pjuttost prezz artifiċjali".

62      Fil-fatt, qari tat-tabella intitolata "Prezz ta’ bejgħ ta’ l-art mingħajr VAT għal kull m2", li tinsab fil-punt 3.2 tar-rapport Laureijssen, jippermetti li jiġi kkonstatat li prezz ta’ 50 NLG/m2 kien il-prezz teoretiku tal-bejgħ applikabbli fl-1993 għal Maarheeze. Il-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel din it-tabella jispeċifikaw li l-prezzijiet tal-bejgħ effettivament miftiehma każ każ huma "iddeterminati u/jew influwenzati bil-kbir" minn dan il-prezz teoretiku tal-bejgħ, u l-"[k]ummenti" li jsegwu din it-tabella jindikaw li, fl-opinjoni ta’ l-espert, dan il-prezz huwa applikabbli indipendentement mill-kejl reali ta’ l-art ikkonċernata, billi "[Maarheeze] ma tagħmilx distinzjoni bejn biċċiet art żgħar u kbar".

63      Madankollu, qari tal-punt 3.2 tar-rapport Laureijssen jippermetti li jiġi kkonstatat ukoll li, fl-1993, "l-ekonomija kienet b’mod ċar f’reċessjoni […] fin-[Noord-]Brabant ċentrali u tal-Lvant", li, bla dubju, "dan ġeneralment ma wassalx għal tnaqqis fil-prezzijiet ta’ l-art", iżda wkoll li, "[f’]tali ċirkustanzi, evidentement jeżisti tnaqqis tal-valur". L-espert ikompli jindika, f’termini inekwivoċi:

"L-applikazzjoni ta’ prezz tal-bejgħ inferjuri f’ċirkustanzi ekonomiċi sfavorevoli, l-iktar fil-każ ta’ bejgħ ta’ volumi kbar ta’ artijiet industrijali, hija f’kull każ spjegabbli. Fil-fatt, il-kisba ta’ profitt fuq l-investiment iktar malajr u l-prevenzjoni ta’ telf ta’ interessi futuri jikkostitwixxi raġunijiet suffiċjenti mill-aspett ekonomiku. Minbarra dan, fiċ-ċirkustanzi deskritti, dan jista’ jħalli effett fuq il-prezz meta wieħed ikollu x’jaqsam ma’ operaturi fis-suq li jaġixxu b’mod razzjonali."

64      Għalhekk, qari tar-rapport Laureijssen jindika, l-ewwel nett, li prezz tal-bejgħ inferjuri għall-prezz teoretiku ta’ 50 NLG/m2 kien spjegabbli "f’kull każ" u "l-iktar fil-każ ta’ bejgħ ta’ volumi kbar", u anki razzjonali fil-kuntest ekonomiku tas-sena 1993 għal tranżazzjoni bħal dik f’dan il-każ; it-tieni nett, li l-prezz kemm sewa ta’ 32 NLG/m2 kien ibbażat fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli u seta’ jikkostitwixxi prezz tas-suq; it-tielet nett, li l-allegat prezz tas-suq ta’ 42.50 NLG/m2 adottat f’dan ir-rapport mhuwiex ibbażat fuq l-għadd ta’ elementi verifikabbli.

65      Fit-tieni lok, din iċ-ċifra ta’ 42.50 NLG/m2 lanqas mhija bbażata fuq paragun mal-prezzijiet imħallsa għall-bejgħ ta’ artijiet oħra mill-komun ikkonċernat u għall-bejgħ ta’ artijiet minn sidien oħra.

66      Għall-kuntrarju, qari tar-rapport Laureijssen jippermetti li jiġi kkonstatat li l-espert indaga dwar l-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet simili magħmula fl-istess żmien li magħhom seta’ jqabbel it-tranżazzjoni, kif jirriżulta mit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-punt 3.1 ta’ dan ir-rapport, u li kkunsidra t-tranżazzjonijiet imwettqa minn Maarheeze bejn l-1991 u l-1995 u eżamina tranżazzjonijiet magħmula minn sidien oħra, pubbliċi jew privati, iżda li sussegwentement ikkunsidra li kien impossibbli li jagħmel tali paragun.

67      Għalhekk, qari tat-tabella intitolata "Bejgħ totali ta’ artijiet fis-sena", li tinsab fil-punt 3.2 tar-rapport Laureijssen, iwassal biex jiġi rrilevat li, minbarra l-art ta’ tliet ettari mibjugħa lil Valmont, it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ art għal użu industrijali magħmula minn Maarheeze u kkunsidrati mill-espert kienu jirrigwardaw artijiet ta’ kejl totali ta’ 0.18 ettaru fl-1991, ta’ 0.56 ettaru fl-1993, ta’ 0.04 ettaru fl-1994 u ta’ 3.52 ettari fl-1995, mingħajr mhuwa possibbli, barra min hekk, li jiġi ddeterminat jekk din l-aħħar ċifra tikkorrispondix għal tranżazzjoni waħda jew għal diversi tranżazzjonijiet, billi tirrigwarda total ta’ sena. Minbarra dan, l-ebda bejgħ mhuwa indikat għas-sena 1992.

68      Bl-istess mod, fit-tieni sas-sitt subparagrafu u fis-sittax sad-dsatax-il subparagrafu tal-punt 3.2, u għal darb’oħra fl-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-punt 3.3 tar-rapport Laureijssen, l-espert ikkonstata li ma kienet teżisti kważi l-ebda tranżazzjoni paragunabbli magħmula minn sidien oħra, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Fil-fatt, minn naħa, il-komun ta’ Noord-Brabant għandu monopolju fir-rigward tal-bejgħ ta’ artijiet fabbrikabbli għal użu industrijali. Min-naħa l-oħra, dawn il-komuni jimponu prezzijiet tal-bejgħ differenti għal artijiet ta’ kejl paragunabbli, kif tindika t-tabella intitolata "Prezz ta’ bejgħ ta’ l-art mingħajr VAT għal kull m2", li tinsab fil-punt 3.2 ta’ dan ir-rapport, u kif jidher minn qari tal-kummenti li jsegwu din it-tabella.

69      Konsegwentement, kif jirriżulta mid-disa' subparagrafu tal-punt 3.2 tar-rapport Laureijssen, l-espert wettaq "stima […] pjuttost [ibbażata] fuq argumenti teoretiċi", mingħajr, barra minn hekk, ma r-rapport tiegħu jindika b’mod ċar l-elementi li fuqhom twettqet din l-istima, billi jingħad suċċessivament li "[i]ttieħdu in kunsiderazzjoni t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ, lil parti speċifika, ta’ biċċa art ta’ kejl minimu ta’ [erba’ ettari]" (ir-raba’ subparagrafu tal-punt 3.1 tar-rapport Laureijssen), li "[m]a kienx hemm tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ artijiet paragunabbli ta’ iktar minn [erba’ ettari] fil-komun ta’ [Maarheeze] matul il-perijodu bejn l-1991 u l-1995 lil rebbieħ speċifiku ta’ sejħa għall-offerti" (l-ewwel subparagrafu tal-punt 3.3 tar-rapport Laureijssen) u li s-sunt taċ-ċifri li jidher fit-tabella intitolata " Prezz ta’ bejgħ ta’ l-art mingħajr VAT għal kull m2" "ikopri medja għall-artijiet ta’ madwar 90 000 m2", jiġifieri disa’ ettari (punt 3.2 tar-rapport Laureijssen).

70      Misitedna biex tesprimi ruħha fuq il-valur probatorju tar-rapport Laureijssen, il-Kummissjoni esponiet diversi argumenti sabiex tiġġustifika l-prezz tas-suq ta’ 42.50 NLG/m2 li jasal għalih dan id-dokument u twarrab il-prezz tal-bejgħ ta’ 32 NLG/m2 li jissemma fih. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti mhuwa konvinċenti.

71      L-ewwel nett, il-Kummissjoni indikat fir-risposti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huwa normali li rapport ta’ espert jipprovdi, bħal f’dan il-każ, stima globali. Madankollu jibqa’ l-fatt li rapport ta’ espert jista’ biss jiġi kkunsidrat li għandu valur probatorju, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-qorti, jekk il-kontenut ikun oġġettiv u li sempliċi affermazzjoni mhux sostnuta li tinsab f’tali dokument ma tippermettix li jiġi konkluż li teżisti għajnuna mill-Istat. Wara kollox, dan huwa r-raġunament li adottat il-Kummissjoni waqt is-seduta dwar ir-rapport Troostwijk. Hija fil-fatt sostniet li, anki li kieku kellu jitqies aċċettabbli l-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezz ta’ l-art adottat mir-rapport Troostwijk, li jnaqqas l-ammont ta’ l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni mill-valur ta’ l-art mibnija (premessa 17 tad-Deċiżjoni), jibqa’ l-fatt li l-"ebda kalkolu preċiż" ta’ dawn l-ispejjeż ma twettaq f’dan il-każ u li għalhekk iċ-ċifra ta’ 35 NLG/m2 li jasal għaliha dan ir-rapport hija f’kull każ insodisfaċjenti.

72      It-tieni nett, il-Kummissjoni sostniet fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u sussegwentement waqt is-seduta, li, minkejja li mhuwiex preċiż, l-elenku tal-fatturi li jiddeterminaw il-prezz tas-suq li jinsab fil-punt 4 tar-rapport Laureijssen huwa adegwat billi jirriżulta, bħal f’dan il-każ, minn espert indipendenti u kkwalifikat. Madankollu, minkejja li l-Kummissjoni tista’, iżda mingħajr mhija obbligata, tagħmel użu minn esperti minn barra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T-106/95, Ġabra p. II-229, punt 102, u tas-16 ta’ Marzu 2000, Astilleros Zamacona vs Il-Kummissjoni, T-72/98, Ġabra p. II-1683, punt 55), hija mhijex, madankollu, eżonerata milli tevalwa x-xogħol tagħhom. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha r-responsabbiltà ċentrali u esklużiva li tiżgura, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti Komunitarja, ir-rispett ta’ l-Artikolu 87 KE u t-twettiq ta’ l-Artikolu 88 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 9; tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et, C-354/90, Ġabra p. I-5505, punt 14, u tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C-44/93, Ġabra p. I-3829, punt 17), u mhux l-imsemmija esperti.

73      It-tielet nett, il-Kummissjoni affermat fir-risposti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li r-rapport Laureijssen isemmi wkoll elementi li jikkontribwixxu għall-ispjegazzjoni tal-konklużjoni li huwa jasal għaliha. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ħadet dawn l-elementi in kunsiderazzjoni b’mod impliċitu.

74      Minn naħa, skond il-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li l-art, li tmiss ma’ triq nazzjonali, hija faċilment aċċessibbli u għandha faċilitajiet moderni, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni li tinsab fil-punt 2 tar-rapport Laureijssen. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, minħabba n-natura ġenerika u approssimattiva tiegħu, dan l-argument ma jidhirx li f’dan il-każ jista’, waħdu, jispjega l-konklużjoni li jasal għaliha r-rapport Laureijssen. Wara kollox, minkejja li l-espert isemmi dawn l-elementi fir-rapport tiegħu, huwa ma jislet l-ebda konsegwenza espliċita minnhom fl-istima tiegħu u fil-konklużjoni tiegħu dwar il-valur ta’ l-art.

75      Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni r-referenza li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-punt 3.2 tar-rapport Laureijssen, li skondha, "[b]ħala regola ġenerali, id-determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ l-artijiet tirriżulta mill-għadd tal-valur tax-xiri jew ta’ l-assi, ta’ l-ispejjeż tal-bini, tax-xogħlijiet infrastrutturali, ta’ bidliet fl-użu, tal-benefiċċju, tar-riskji, eċċ.". Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li jirriżulta mill-proċess li l-ispejjeż tal-bini huma effettivament meħuda in kunsiderazzjoni fil-punt 3 tal-ftehim tal-bejgħ ta’ l-1 ta’ Lulju 1993 u fil-punt C.6 ta’ l-att awtentiku tal-bejgħ tat-8 ta’ Frar 1994, u tfakkar li r-rapport Laureijssen jikkunsidra b’mod inekwivoku li huma, bħall-valur ta’ l-assi ta’ l-art, ġa huma inklużi fil-prezz kemm sewa li fuqu bbaża ruħu Maarheeze biex ibigħ l-art lil Valmont (ara l-punti 47 u 48 iktar ‘il fuq). Fir-rigward ta’ l-elementi l-oħra, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, bħalma sar fid-Deċiżjoni, ir-rapport Laureijssen ma jeżaminahomx.

76      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni bbażat argument fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u sussegwentement waqt is-seduta, fuq dokument ippreżentat fuq inizjattiva tagħha, intitolat "Proposta tal-kunsill [komunali ta’ Maarheeze] tas-17 ta’ Ġunju 1980" u li huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jistabbilixxi kundizzjonijiet ġenerali għall-bejgħ u prezz tal-bejgħ ta’ l-artijiet għal użu industrijali.

77      Anki jekk jitqies li dan id-dokument, li l-Kummissjoni ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha meta adottat id-Deċiżjoni, billi r-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza turi li dan kien ġie kkomunikat lilha permezz ta’ l-ittra ta’ l-awtoritajiet Olandiżi tal-15 ta’ Jannar 2004, jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni, dan mhux bilfors għandu jiġi aċċettat.

78      Huwa minnu li dan id-dokument jirreferi għat-twettiq, fl-1980, ta’ estensjoni taż-żona industrijali ta’ Den Engelsman, li fiha Valmont stabbilixxiet ruħha fl-1994. Huwa speċifikat, fir-rigward ta’ din l-estensjoni, li "[il-]kejl gross huwa ta’ +/- 2.85 ettari, u l-kejl nett li għandu jsir disponibbli huwa ta’ +/- [1.74 ettari]", b’mod li "il-prezz tal-bejgħ għandu jkun iffissat fl-ammont ta’ 45 NLG/m2 mingħajr VAT". Madankollu, mingħajr mhemm bżonn li tiġi eżaminata r-rilevanza f’dan il-każ ta’ proposta dwar art żviluppata erbatax-il sena qabel it-tranżazzjoni in kwistjoni b’risposta għal "[d]iversi impriżi stabbiliti [fil-]komun [li] talbu li jkunu kkunsidrati għax-xiri ta’ art industrijali", li, wara kollox, hija ta’ kejl gross inferjuri għal dak ta’ l-art mibjugħa lil Valmont, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ma jirriżultax mill-proċess li l-proposta in kwistjoni qatt ġiet adottata minn Maarheeze.

79      Għal kuntrarju, id-deċiżjoni tal-kunsill komunali ta’ Maarheeze tas-26 ta’ Ġunju 1980 dwar kundizzjonijiet ġenerali għall-bejgħ ta’ artijiet għall-użu industrijali, li għaliha jirreferi l-att awtentiku ta’ bejgħ tat-8 ta’ Frar 1994 u li ġiet ukoll prodotta f’dawn il-proċedimenti, ma fiha l-ebda referenza, min-naħa tagħha, għal kwalunkwe prezz tal-bejgħ.

80      Minbarra dan, qari tal-proposta tas-17 ta’ Ġunju 1980 li fuqha tibbaża ruħha l-Kummissjoni jwassal biex jiġi rrilevat li kien previst li l-prezz tal-bejgħ jiġi ffissat fl-ammont ta’ 45 NLG/m2 fuq il-bażi ta’ prezz kemm sewa ta’ 44.10 NLG/m2 u, għalhekk, li l-vantaġġ pekunjarju immedjat miksub minn Maarheeze mill-bejgħ ta’ l-art in kwistjoni jiġi limitat għal 0.90 NLG/m2. Għalhekk, dan id-dokument mhuwiex ta’ natura li jistabbilixxi n-natura raġonevoli tal-konklużjoni li għaliha jasal ir-rapport Laureijssen, li jadotta prezz kemm sewa ta’ 32 NLG/m2 u prezz tas-suq ta’ 42.50 NLG/m2, meta hemm differenza bejn dawn iż-żewġ ċifri ta’ 10.50 NLG/m2, jiġifieri iktar minn għaxar darbiet ikbar minn dik li hemm fid-dokument in kwistjoni.

81      Il-ħames nett, il-Kummissjoni sostniet fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-prezz tas-suq ta’ 42.50 NLG/m2 huwa kkorroborat minn rapport tal-Ministeru ta’ l-Akkomodazzjoni Soċjali, ta’ l-Iżvilupp u ta’ l-Ambjent Olandiż, intitolat "Stħarriġ ta’ l-1993 dwar artijiet industrijali u l-lokalizzazzjoni ta’ uffiċċji ta’ riżerva" u mehmuż mar-risposta tagħha bħala anness 25. Fir-rigward ta’ l-art mixtrija minn Valmont, dan ir-rapport isemmi prezz ta’ 47 NLG/m2. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie prodott mill-Kummissjoni bħala anness ma’ l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dan id-dokument jikkonsisti f’sinteżi ta’ natura ġenerali u tat-tul ta’ paġna, li fiha fl-ebda mument ma tissemma l-informazzjoni in kwistjoni.

82      Is-sitt nett, il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta li r-rapport Laureijssen kien l-uniku dokument rilevanti fost ir-rapporti ta’ esperti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, billi kien intiż sabiex jistma l-prezz ta’ l-art għall-bejgħ f’suq ħieles, ħielsa minn kiri u fl-istat li kienet tinsab fih fil-mument tal-bejgħ. Min-naħa l-oħra, kif spjegat fil-premessa 17 tad-Deċiżjoni, hija ma setgħetx toqgħod fuq ir-rapport Troostwijk billi dan kien jevalwa ż-żona industrijali kollha, inkluż il-bini, u mhux l-art kif ġiet mibjugħa minn Maarheeze, jiġifieri mhux mibnija.

83      Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ċertament setgħet tirrileva li l-għan tar-rapport Troostwijk kien li jagħmel stima ta’ l-art mibnija, tikkunsidra li dan kien inadegwat u tirreferi għar-rapport Laureijssen, li l-għan tiegħu kien jidhrilha li jikkorrispondi mat-termini tal-ħames subparagrafu tal-punt II 2(a) tal-komunikazzjoni dwar il-bejgħ ta’ artijiet, xorta waħda kien neċessarju li jiġi stabbilit l-valur probatorju tiegħu.

84      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-premessa 18 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni warrbet l-ittra Troostwijk, li b’mod partikolari indikat li r-rapport Laureijssen ma ħax in kunsiderazzjoni l-fatt li l-art ma kinitx totalment aċċessibbli mit-triq pubblika u, għalhekk, għamel stima għolja żżejjed tal-prezz ta’ din l-art, għar-raġuni li "[d]in l-affermazzjoni mhija […] sostnuta minn l-ebda element ta’ prova" u li "[ir-rapport Laureijssen] jindika espliċitament li l-esperti marru fuq il-post".

85      Issa, għalkemm huwa veru li dak li jissemma fl-ewwel subparagrafu tal-punt 3.1 tar-rapport Laureijssen juri li l-espert effettivament mar fuq il-post, dan huwa wkoll il-każ ta’ l-awtur tar-rapport Troostwijk, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tat-taqsima intitolata "Tweġiba" tar-rapport tiegħu. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet dan il-fatt waqt is-seduta.

86      Għalhekk, billi kkonstatat l-eżistenza ta’ diverġenza bejn ir-rapporti Laureijssen u Troostwijk fir-rigward ta’ element fattwali li għandu inċidenza fuq il-prezz ta’ l-art u billi ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-rapport Laureijssen kien eżatt dwar dan is-suġġett u li r-rapport Troostwijk ma kienx, il-Kummissjoni, li kkunsidrat li dan ta’ l-aħħar ma kienx uża metodu ta’ kalkolu sodisfaċenti u li ma kienx adegwat fir-rigward ta’ dan il-punt partikolari, hija ma setgħetx tiġġeneralizza dan il-ġudizzju u tillimita ruħha li twarrab l-ittra Troostwijk għar-raġuni li m’għandhiex valur probatorju. Minbarra dan, għalkemm huwa veru li l-metodu li jikkonsisti fil-kalkolu tal-valur ta’ l-art mhux mibnija abbażi tal-valur ta’ l-art mibnija seta’ jidher li huwa imperfett, huwa madankollu inkontestabbli li dan il-metodu kien jippreżenta l-interess li kien nieqes minn kull natura spekulattiva, kif irrilevat Valmont waqt is-seduta mingħajr ma kienet ikkontestata fuq dan il-punt.

87      Is-seba’ nett, il-Kummissjoni sostniet li, li anki kieku kellu jitqies li l-prezz kemm sewa ta’ 32 NLG/m2 kien jikkostitwixxi prezz tas-suq li miegħu kellu jitqabbel il-prezz tal-bejgħ ta’ 30 NLG/m2, xorta waħda kien għad hemm differenza ta’ 2 NLG/m2 bejn dawn il-prezzijiet u, għaldaqstant, Maarheeze ma kiseb l-ebda vantaġġ pekunjarju mit-tranżazzjoni.

88      Madankollu, din il-konstatazzjoni mhijiex rilevanti, billi jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ‘il fuq li xorta waħda kellu jiġi ddeterminat jekk il-prezz tal-bejgħ ta’ 30 NLG/m2, li jammonta għal prezz totali ta’ 900 000 NLG, kienx ivarja mill-prezz tas-suq ta’ 32 NLG/m2, li jammonta għal prezz totali ta’ 960 000 NLG, sal-punt li jista’ jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni kellha tevalwa d-differenza ta’ 6.25% bejn dawn iċ-ċifri fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(1) KE u, fuq din il-bażi, tikkonkludi li kienet, jew ma kinitx, teżisti għajnuna mill-Istat.

89      Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-argumenti ta’ Valmont jidhru li huma fondati. Ir-rapport Laureijssen ma jsostnix il-konklużjoni tal-Kummissjoni li skondha l-prezz tal-bejgħ huwa inqas mill-prezz tas-suq u, għaldaqstant, fih element ta’ għajnuna mill-Istat.

90      Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 87(1) KE b’mod żbaljat billi kkunsidrat, fuq il-bażi ta’ rapport ta’ espert li fuq dan il-punt huwa nieqes minn valur probatorju, li l-bejgħ ta’ l-art fih element ta’ għajnuna mill-Istat.

91      Għalhekk l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, safejn jiddikjara li l-bejgħ ta’ l-art fih għajnuna mill-Istat, għandu jiġi annullat, mingħajr mhemm bżonn li jiġu eżaminati l-bqija ta’ din ir-raġuni u r-raġunijiet l-oħra invokati f’dan ir-rigward. Konsegwentement, l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni, safejn jirrigwardaw il-bejgħ ta’ l-art, għandhom ukoll jiġu annullati.

 Fuq it-tieni raġuni, relattiva għal ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi ma fihx vantaġġi

 L-argumenti tal-partijiet

92      Valmont issostni, fl-ewwel lok, li l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva turi li l-parkeġġ tal-karrozzi mibni fuq l-art li hija xtrat mingħand Maarheeze huwa użat mingħajr ħlas minn impriżi terzi. Skondha, din l-informazzjoni tinkludi, apparti l-ittri minn impriżi eżaminati mill-Kummissjoni fil-premessi 20 u 21 tad-Deċiżjoni (ara l-punt 15 iktar ‘il fuq), ittra tas-6 ta’ Ottubru 2000 mibgħuta lilha minn Maarheeze u li hija pproduċiet bħala anness 6d mar-rikors promotorju ta’ din il-kawża.

93      Fit-tieni lok, Valmont taċċetta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidraha, fil-premessa 20 tad-Deċiżjoni, bħala l-benefiċjarju ewlieni tal-parkeġġ tal-karrozzi, iżda tikkontesta r-rilevanza ta’ wħud mill-elementi fattwali li l-Kummissjoni użat in sostenn ta’ din l-evalwazzjoni.

94      Fit-tielet lok, Valmont issostni li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni, minn naħa, naqset milli tirrikonoxxi n-natura determinanti li għandha l-eżistenza ta’ possibbiltajiet jew ta’ drittijiet mogħtija lil terzi li jagħmlu użu mill-parkeġġ tal-karrozzi tagħha u, min-naħa l-oħra, naqset milli tieħu dan in kunsiderazzjoni fir-raġunament tagħha.

95      Fir-raba’ u l-aħħar lok, hija tikkontesta l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-kwalifikazzjoni ta’ infrastruttura bħall-parkeġġ tal-karrozzi bħala semi-pubblika u fil-fatt li minn dan hija arbitrarjament iddeduċiet li nofs il-finanzjament mogħti minn awtorità pubblika għall-kostruzzjoni tiegħu għandu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ.

96      Għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni tirrispondi li, fid-dawl ta’ l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, li ma kinitx tinkludi l-ittra prodotta minn Valmont bħala anness 6d mar-rikors promotorju ta’ din il-kawża, hija setgħet tikkunsidra li nofs il-finanzjament mogħti minn Maarheeze bil-għan li jinbena l-parkeġġ tal-karrozzi setgħa jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ.

97      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni m’evalwatx il-fatti b’mod żbaljat meta kkunsidrat li l-parkeġġ tal-karrozzi kien jikkostitwixxi infrastruttura semi-pubblika. Huwa veru li rriżulta li din l-infrastruttura ma kinitx pubblika, jiġifieri aċċessibbli b’mod ħieles għal kulħadd, f’kull ħin, taħt l-istess kundizzjonijiet u mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, u li Valmont setgħet tiġi kkunsidrata bħala l-benefiċjarju prinċipali tiegħu. Madankollu, irriżulta wkoll li impriżi oħra apparti Valmont setgħu jagħmlu użu minn din l-infrastruttura permezz ta’ "gentlemen’s agreement" milħuq bejn Valmont u Maarheeze, u li Valmont ma setgħetx leġittimament tiġi kkunsidrata bħala l-benefiċjarju esklużiv ta’ din l-infrastruttura.

98      Fit-tieni lok, fin-nuqqas ta’ regoli ġuridiċi li jobbligawha tikkwalifika infrastruttura bħal dik li għaliha jirreferi dan il-każ bħala purament pubblika jew privata u fil-preżenza ta’ elementi li jixhdu n-natura mħallta tagħha, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkwalifikaha bħala semi-pubblika. Dan l-approċċ kien iktar u iktar leġittimu billi l-Kummissjoni kellha tiddetermina preċiżament il-vantaġġ li kien fih il-finanzjament mogħti lil Valmont u billi, f’dan il-każ, tali tranżazzjoni kienet direttament tiddependi mill-użu magħmul minn din l-infrastruttura.

99      Fit-tielet lok, biex tiġi eskluża din il-kwalifikazzjoni, Valmont kellha turi li ma kinitx qed tuża’ din l-infrastruttura in kwistjoni iktar milli kienet tuża’ parkeġġ tal-karrozzi pubbliku, ħaġa li hija ma pprovatx, billi Valmont kienet sid l-art li fuqu nbena l-parkeġġ tal-karrozzi.

100    Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-kwalifikazzjoni bħala infrastruttura semi-pubblika jkollha bħala konsegwenza loġika li nofs il-finanzjament mogħti għall-kostruzzjoni tagħha jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Wara kollox, Valmont ma tispjegax għalfejn il-Kummissjoni kien imissha kkwalifikat bħala vantaġġ porzjon iżgħar ta’ dan il-finanzjament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

101    Qabel ma tiġi eżaminata r-raġuni, għandha titwarrab mill-proċedimenti l-ittra mehmuża bħala anness 6d mar-rikors promotorju ta’ din il-kawża. Din l-ittra, mibgħuta minn Maarheeze lil Valmont, ġiet ikklassifikata minn din ta’ l-aħħar fost id-dokumenti li ġew annessi mill-awtoritajiet Olandiżi mal-kummenti li huma ppreżentaw lill-Kummissjoni waqt il-proċedura formali ta’ eżami fit-12 ta’ Diċembru 2000.

102    Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 38 iktar ‘il fuq, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha meta hija adottatha. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, dan il-prinċipju għandu bħala konsegwenza li, għalkemm xejn ma jostakola lil rikorrent milli jiżviluppa, in sostenn ta’ rikors għall-annullment ta’ tali deċiżjoni, raġuni ġuridika li huwa ma qajjimx, bħala parti interessata, waqt il-proċedura formali ta’ eżami, huwa min-naħa l-oħra inammissibbli li huwa jagħmel użu minn argumenti fattwali mhux magħrufa mill-Kummissjoni u li ma ġewx innotifikati lilha waqt il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1999, Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T-110/97, Ġabra p. II-2881, punt 102, u Salomon vs Il-Kummissjoni, T-123/97, Ġabra p. II-2925, punt 55).

103    F’dan il-każ, il-Kummissjoni sostniet fir-risposta tagħha li l-ittra in kwistjoni ma kinitx ġiet prodotta waqt il-proċedura amministrattiva u Valmont irreplikat, minn naħa, li hija kellha d-dritt tinvoka kull element ta’ fatt fil-proċedimenti, anki jekk mhux magħruf mill-Kummissjoni u hija ma nnotifikatux lilha, u, min-naħa l-oħra, li dan id-dokument, f’kull każ, ma kien fih l-ebda informazzjoni li ma kinitx ġa msemmija fl-ittri ta’ l-impriżi msemmija fil-punt 15 iktar ‘il fuq.

104    Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita ċċitata iktar ‘il fuq fil-punti 38 u 102, l-ewwel minn dawn l-oġġezzjonijiet hija manifestement infondata fid-dritt. Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn l-oġġezzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, għalkemm huwa minnu li l-ittra in kwistjoni tirreferi għal informazzjoni fattwali nnotifikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Olandiżi, hija fiha wkoll informazzjoni fattwali ġdida, kif, wara kollox, irrilevat il-Kummissjoni fir-risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt. Għalhekk din l-ittra għandha tiġi mwarrba billi ma tissodisfax il-kundizzjonijiet biex tkun invokata fil-kuntest ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju.

105    Dwar il-mertu, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jgħid li l-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi fih element ta’ għajnuna mill-Istat li jammonta għal 125 000 NLG
(56 723 EUR), u l-premessi 20 sa 22 tad-Deċiżjoni jindikaw li nofs il-finanzjament mogħti għal dan il-għan huwa hekk ikkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat.

106    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni segwiet raġunament fi tliet fażijiet.

107    L-ewwel nett, hija qieset li l-parkeġġ tal-karrozzi ma setax jiġi kkunsidrat bħala pubbliku billi Valmont kienet il-benefiċjarju prinċipali tiegħu, kif jirriżulta minn numru ta’ indikazzjonijiet li jikkonsistu fl-istatus ġuridiku tagħha ta’ sid tal-parkeġġ tal-karrozzi, fil-fatt li hija kienet, wisq probabbilment l-utent prinċipali ta’ dan ta’ l-aħħar, fil-fatt li f’kull każ hija kienet responsabbli biex tħallas l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni neċessarji għat-twettiq ta’ l-attività kummerċjali tagħha u, barra minn hekk, fil-fatt li ċ-ċint tal-wajer li jdawwar il-parkeġġ tal-karrozzi ma kienx jagħti l-impressjoni lil min ikun għaddej li dan il-parkeġġ kien infrastruttura pubblika (premessa 20 tad-Deċiżjoni). Il-Kummissjoni żiedet, b’mod partikolari, li l-"gentlemen’s agreement" milħuq, skond l-awtoritajiet Olandiżi u Valmont, bejn din ta’ l-aħħar u Maarheeze, għall-finijiet li jsir użu pubbliku mill-parkeġġ tal-karrozzi, mhuwiex biżżejjed biex tiġi stabbilita n-natura pubblika ta’ din l-infrastruttura.

108    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-parkeġġ tal-karrozzi kellu jkun ikkunsidrat bħala semi-pubbliku minħabba li, l-ewwel nett, huwa kien jiġi effettivament użat minn impriżi terzi b’mod regolari u mingħajr ħlas, kif jirriżulta mill-ittri ta’ l-impriżi msemmija fil-punt 15 iktar ‘il fuq, it-tieni nett, minħabba li huwa kien potenzjalment aċċessibbli għal impriżi oħra u, it-tielet nett, minħabba li n-natura permanenti ta’ din is-sitwazzjoni, li kienet il-frott ta’ "gentlemen’s agreement" milħuq bejn Valmont u Maarheeze, kienet iggarantita mis-setgħat ta’ Maarheeze taħt il-pjan regolatur komunali (premessa 21 tad-Deċiżjoni).

109    Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni indikat li hija kkunsidrat nofs l-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi bħala spejjeż normali ta’ ġestjoni, li, billi Maarheeze kien iffinanzja l-ispejjeż tal-kostruzzjoni kollha, huwa kien iffavorixxa lil Valmont, u li kellu jiġi kkonstatat li kien hemm vantaġġ li jammonta, essenzjalment, għal nofs il-finanzjament in kwistjoni (premessa 22 tad-Deċiżjoni).

110    Kif issostni Valmont, ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni biex tikkwalifika nofs il-finanzjament in kwistjoni bħala għajnuna mill-Istat huwa żbaljat.

111    Fid-dawl ta’ l-argumenti li permezz tagħhom il-Kummissjoni biddlet, fis-seduta, uħud mill-kunsiderazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni tagħha, għandha l-ewwel nett tiġi ddeterminata l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, tal-fatti in kwistjoni kif kienu jirriżultaw mill-elementi ta’ informazzjoni disponibbli u, it-tieni nett, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi li siltet il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, minn din l-evalwazzjoni, fir-rigward tal-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti.

–       Fuq l-evalwazzjoni tal-fatti

112    Hija l-Qorti tal-Prim’Istanza, li quddiemha jitressaq rikors għall-annullament ta’ att Komunitarju, li għandha tinterpreta dan l-att hija stess, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjoni li hija l-awtur ta’ dan l-att tressaq spjegazzjonijiet fuq il-mod kif għandhom jinftiehmu l-kunsiderazzjonijiet li jidhru f’dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 55 u 56, li tikkonferma, fl-appell, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 392).

113    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 21 tad-Deċiżjoni li impriżi oħra apparti Valmont kellhom aċċess, fil-każ ta’ wħud minnhom, jew seta’ jkollhom aċċess, fil-każijiet l-oħra, għall-parkeġġ tal-karrozzi b’mod permanenti u mingħajr ħlas. Hija aċċettat ukoll l-ispjegazzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet Olandiżi, imsemmija fil-premessa 13 tad-Deċiżjoni, fir-rigward ta’ "gentlemen’s agreement" milħuq bejn Maarheeze u Valmont, billi kkunsidrat li Maarheeze "huwa f’pożizzjoni li jassigura l-osservanza stretta tal-[‘gentlemen’s agreement’] tiegħu ma’ Valmont u li jiggarantixxi l-użu permanenti [ta’ l-]art bħala parkeġġ tal-karrozzi bis-saħħa tas-setgħat li jagħtih l-pjan regolatur komunali".

114    L-eżami tal-proċess, b’mod partikolari tad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni indikat li bbażat ruħha b’risposta għad-domandi magħmula waqt is-seduta, iwassal għall-konklużjoni li dawn il-kunsiderazzjonijiet mhumiex żbaljati.

115    Fil-fatt, il-qari ta’ l-ittri ta’ l-impriżi ċċitati fil-punt 15 iktar ‘il fuq, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, iwasslu għall-konferma li l-aċċess għall-parkeġġ tal-karrozzi, mhux biss ma kienx irriżervat għall-benefiċċju esklużiv ta’ Valmont, iżda talli kien miftuħ għal impriżi terzi bis-saħħa ta’ arranġamenti milħuqa ma’ din ta’ l-aħħar. L-ewwel nett, jirriżulta b’hekk li Valmont tawtorizza ċerti impriżi attivi fis-setturi tal-kunsinna u tat-trasport biex jagħmlu użu minn din l-infrastruttura. It-tieni nett, din l-awtorizzazzjoni ilha titħaddem sa mill-1994, is-sena li fiha Valmont stabbiliet ruħha fl-art tagħha. It-tielet nett, din l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala permanenti, billi din testendi għall-filgħaxijiet u għal tmiem il-ġimgħa. Ir-raba’ nett, hija tiżgura lill-impriżi kkonċernati benefiċċji li mhux biss huma limitati għad-dritt ta’ użu tal-postijiet tal-parkeġġ, iżda li jinkludu wkoll drittijiet ta’ natura differenti fosthom id-dritt li jwettqu operazzjonijiet ta’ tagħbija u ħatt, id-dritt li jaħżnu materjal u d-dritt li jaċċedu iktar faċilment għall-artijiet magħluqa li jappartjenu lil dawn l-impriżi. Hija tikkontribwixxi wkoll biex tipproteġi lil dawn l-impriżi kontra ċerti riskji, bħalma huma s-serq ta’ materjal u t-twaħħil ta’ vetturi tqal li huma jużaw. Il-ħames nett, hija ttaffi n-nuqqas ta’ infrastruttura pubblika adegwata għall-parkeġġ ta’ trejlers u tippermetti, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni, li jiġi evitat il-parkeġġ ta’ dawn ta’ l-aħħar fit-toroq ta’ Maarheeze. Is-sitt nett, il-benefiċċji mogħtija lill-impriżi in kwistjoni minn Valmont huma mingħajr ħlas.

116    Bl-istess mod, it-test ta’ l-ittra ta’ l-14 ta’ Mejju 2001 inkluża fl-Anness 25 tar-risposta, li fuqha, kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, kienu bbażati l-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-"gentlemen’s agreement", iwassal għall-konferma li l-arranġamenti deskritti fil-punt preċedenti jirrigwardaw ftehim milħuq direttament bejn Valmont u Maarheeze. Għalhekk minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li dawn ta’ l-aħħar ikkonkludew u josservaw "gentlemen’s agreement" li huwa intiż biex jiġi żgurat l-użu pubbliku tal-parkeġġ tal-karrozzi. Jirriżulta, it-tieni nett, li n-natura permanenti u perenni ta’ dan il-ftehim huma, barra minn hekk, iggarantiti minn projbizzjoni leġiżlattiva li jinbidel l-użu ta’ l-art intiż għall-użu bħala parkeġġ tal-karrozzi.

117    Għalhekk, m’għandux jingħata krettu lill-argument li bih il-Kummissjoni, filwaqt li tfittex li tibdel xi kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni, allegat li, fir-realtà, huma biss xi ftit impriżi li kultant jagħmlu użu mill-parkeġġ tal-karrozzi meta ma jkunx inkonvenjenti għal Valmont u li, għalhekk, l-evalwazzjoni finali li tinsab fid-Deċiżjoni xejn mhija ħarxa.

118    Jibqa’ madankollu l-fatt li l-Kummissjoni stess ikkonstatat fil-premessa 21 tad- Deċiżjoni li "impriżi oħra jistgħu wkoll […] jagħmlu użu" minn din l-infrastruttura bis-saħħa ta’ "gentlemen’s agreement" milħuq bejn Valmont u Maarheeze; kif ġie kkonstatat qabel, jirriżulta mill-proċess u mill-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jidhrux li huma żbaljati.

119    Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument li permezz tiegħu l-Kummissjoni biddlet l-evalwazzjoni tagħha dwar il-"gentlemen’s agreement" eżaminat fil-premessi 20 u 21 tad-Deċiżjoni billi sostniet li l-iktar l-iktar kien jirriżulta mill-ittra ta’ l-14 ta’ Mejju 2001, iċċitata fil-punt 116 iktar ‘il fuq, li Maarheeze kien jeżerċita, permezz tas-setgħat lilu mogħtija mill-pjan regolatur komunali, "ċertu kontroll" fuq l-użu magħmul minn Valmont tal-parkeġġ tal-karrozzi.

120    Fil-fatt, dan id-dokument juri mhux biss li Maarheeze kien f’pożizzjoni li jiggarantixxi n-natura perenni u permanenti tad-diversi possibbiltajiet ta’ użu tal-parkeġġ tal-karrozzi mogħtija lil impriżi terzi, iżda wkoll li dawn joriġinaw minn ftehim milħuq qabel, kif irrilevat il-Kummissjoni stess fil-premessa 21 tad-Deċiżjoni.

121    Minbarra dan, waqt is-seduta, Valmont ikkonfermat mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt li hija ma setgħetx unilateralment toħroġ mill-"gentlemen’s agreement" milħuq ma’ Maarheeze u applikat mingħajr interruzzjoni minn dak iż-żmien ‘il quddiem.

122    Għalhekk jirriżulta kemm mid-Deċiżjoni kif ukoll mill-proċess li ntlaħaq arranġament ġenerali bejn Valmont u Maarheeze, li huwa applikat minn dawn ta’ l-aħħar u li, minbarra dan, huwa ggarantit permezz ta’ test ta’ natura leġiżlattiva, liema arranġament għandu bħala konsegwenza li l-parkeġġ tal-karrozzi ta’ Valmont huwa infrastruttura li effettivament tista’ tiġi użata minn ċerti impriżi terzi u potenzjalment minn oħrajn. Minn dan jirriżulta wkoll li dan l-arranġament isolvi problemi konkreti ta’ parkeġġ, ta’ ħażna, ta’ tagħbija, ta’ ħatt, ta’ aċċess u ta’ sigurtà, u dan kemm fl-interess ta’ l-impriżi in kwistjoni kif ukoll fl-interess ġenerali. Barra minn hekk, dan l-aħħar punt ġie kkonfermat waqt is-seduta minn Valmont u ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

123    Min-naħa l-oħra, la jirriżulta mid-Deċiżjoni u lanqas mill-proċess li Valmont kienet issuġġettata mil-liġi Olandiża għal kwalunkwe obbligu li tippermetti lill-impriżi terzi li jagħmlu użu, b’diversi modi, tal-parkeġġ tal-karrozzi tagħha, u dan mingħajr ħlas u b’mod permanenti mid-data tax-xiri ta’ l-art li fuqha nbniet din l-infrastruttura. Lanqas ma jirriżulta li din l-art kienet suġġetta, meta nxtrat, għal kwalunkwe dritt ta’ użu jew ta’ servitujiet ta’ użu għall-benefiċċju ta’ impriżi terzi.

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’riżultat tal-ftehim milħuq ma’ Maarheeze għall-użu ta’ art li tagħha hija s-sid, Valmont iġġorr piż fl-interess ġenerali.

–       Fuq il-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti

125    Wara li rrilevat, bil-mod deskritt iktar ’il fuq, li l-parkeġġ tal-karrozzi ma kienx pubbliku (premessa 20 tad-Deċiżjoni) u qieset li madankollu kien semi-pubbliku bis-saħħa tal-ftehim milħuq ma’ Maarheeze, li permezz tiegħu Valmont ippermettiet lil terzi li jagħmlu użu minnu b’mod regolari u mingħajr ħlas (premessa 21 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni kkunsidrat "fid-dawl ta’ [dawn l-elementi]", li nofs il-finanzjament mogħti minn Maarheeze għall-kostruzzjoni ta’ din l-infrastruttura kien jikkostitwixxi spejjeż normali ta’ ġestjoni (premessa 22 tad-Deċiżjoni). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni kkunsidrat li nofs il-finanzjament mogħti minn Maarheeze li minnu bbenefikat b’mod effettiv Valmont kien jikkorrispondi għal spejjeż ta’ ġestjoni li din normalment kien ikollha tassummi u kien jivvantaġġaha; paralellament, il-Kummissjoni qieset, impliċitament iżda neċessarjament, li n-nofs l-ieħor ta’ dan il-finanzjament fir-realtà kien jibbenefika lil impriżi terzi u ma kienx jivvantaġġa lil Valmont.

126    Mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat, f’termini ċari, li hekk kienet tfisser id-Deċiżjoni. Hija fil-fatt spjegat li "il-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi jfisser vantaġġ għal Valmont, iżda wkoll vantaġġ għal impriżi oħra, għalhekk il-Kummissjoni tqis li 50% ta’ l-ispejjeż tal-kostruzzjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat."

127    Din hija wkoll l-interpretazzjoni li għandha tingħata fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni spjegat li, "ladarba [hija] kienet ikkonstatat li ċerti impriżi ġirien setgħu, bis-saħħa tal-gentlemen’s agreement […], jagħmlu użu mill-[parkeġġ tal-karrozzi] kkonċernat, hija ma setgħetx leġittimament tikkunsidra li Valmont kienet il-benefiċjarju esklużiv" ta’ din l-infrastruttura (punt 55 tal-kontroreplika).

128    Konsegwentement, filwaqt li kkonkludiet li t-tieni nofs tal-finanzjament in kwistjoni ma setax jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat, billi ma vvantaġġax lil Valmont, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-ewwel nofs tal-finanzjament, min-naħa tiegħu, kien, għall-kuntrarju, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, safejn miżura ta’ Stat għandha tiġi kkunsidrata bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv tas-servizzi mogħtija mill-impriżi benefiċjarji biex iwettqu obbligi tas-servizz pubbliku, b’mod li fir-realtà dawn l-impriżi ma jgawdux vantaġġ finanzjarju u safejn l-imsemmija miżura għalhekk ma jkollhiex l-effett li tqiegħedhom f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla ma’ l-impriżi li jikkompetu magħhom, tali miżura ma taqax taħt l-Artikolu 87(1) KE (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I-7747, punt 87, u tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse, C-34/01 sa C-38/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

130    Sabiex, f’każ konkret, tali kumpens jista’ jaħrab mill-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti (is-sentenzi Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 129 iktar ‘il fuq, punt 88, u Enirisorse, punt 129 iktar ‘il fuq, punt 31).

131    L-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata li twettaq obbligi tas-servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li fuq il-bażi tagħhom huwa kkalkulat il-kumpens għandu jkun stabbilit minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ l-impriżi li jikkompetu magħha. It-tielet nett, il-kumpens m’għandux jaqbeż dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż sostnuti minħabba t-twettiq ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku, filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-irċevuti relattivi kif ukoll qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi. Ir-raba’ nett, meta l-għażla ta’ l-impriża li għandha tiġi inkarigata sabiex twettaq obbligi tas-servizz pubbliku, f’każ konkret, ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-livell ta’ kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ l-ispejjeż li impriża medja, immexxijja tajjeb u mgħammra b’mod adegwat sabiex tkun tista’ tissodisfa l-eżiġenzi tas-servizz pubbliku mitluba, kien ikollha ssostni sabiex twettaq dawn l-obbligi, filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-irċevuti rilevanti kif ukoll qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi (is-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 129 iktar ‘il fuq, punti 89 sa 95).

132    F’dan il-każ, kif ġie rrilevat iktar ‘il fuq, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni stess, li mhumiex żbaljati, li Valmont iġġorr piż billi tippermetti lil terzi li jagħmlu użu mill-parkeġġ tal-karrozzi tagħha, b’diversi modi u b’mod regolari u mingħajr ħlas, bis-saħħa ta’ ftehim milħuq, fl-interess ġenerali kif ukoll fl-interess tat-terzi kkonċernati, ma’ awtorità lokali. Jirriżulta wkoll mill-kunsiderazzjonijiet li parti mill-finanzjament mogħti mill-awtorità lokali għall-kostruzzjoni ta’ dan il-parkeġġ tal-karrozzi kien effettivament ta’ benefiċċju għal Valmont.

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx awtomatikament tqis li din il-parti mill-finanzjament kienet neċessarjament tivvantaġġa lil Valmont, iżda kellha l-ewwel nett teżamina, fid-dawl ta’ l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk din il-parti mill-finanzjament setgħetx, jew le, tiġi kkunsidrata bħala l-korrispettiv effettiv tal-piż sostnut minn Valmont. Għal dan il-għan, hija kellha l-obbligu li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 130 u 131 iktar ‘il fuq kinux sodisfatti.

134    Madankollu, id-Deċiżjoni turi li l-Kummissjoni limitat ruħha li tikkunsidra li din il-parti mill-finanzjament kienet tivvantaġġa lil Valmont, u bl-ebda mod ma turi li l-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni jekk din il-parti setgħetx tiġi kkunsidrata bħala l-korrispettiv tal-piż sostnut minn Valmont.

135    Mistiedna waqt is-seduta biex tesprimi ruħha f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni allegat li l-parti mill-finanzjament ikkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat fid-Deċiżjoni kien ġie hekk ikkwalifikat ġustament billi kien ingħata mingħajr ma ġie espressament issuġġettat għat-twettiq ta’ servizzi preċiżi u imperattivi.

136    Madankollu, safejn il-Kummissjoni għalhekk tissuġġerixxi li jonqsu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex din il-parti mill-finanzjament taħrab mill-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rrilevat li l-qrati Komunitarji m’għandhomx jissostitwixxu ruħhom għall-Kummissjoni billi jwettqu minflokha eżami li hija fl-ebda mument ma wettqet u billi jissostitwixxu l-konklużjonijiet li għalihom kienet tasal fi tmiem dan l-eżami.

137    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-Kummissjoni, la fid-Deċiżjoni, u lanqas, barra minn hekk, waqt is-seduta, ma pprovat suffiċjentement skond il-liġi li nofs il-finanzjament mogħti lil Valmont għall-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi fuq l-art tagħha kellu jkun ikkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.

138    Għalhekk l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, safejn jiddikjara li l-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi fih element ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi annullat, mingħajr mhemm bżonn li jiġu eżaminati l-bqija ta’ din ir-raġuni u r-raġunijiet l-oħra invokati f’dan ir-rigward. Konsegwentement, l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni, safejn jirrigwardaw il-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karrozzi, għandhom ukoll jiġu annullati.

139    Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni għandha tiġi annullata kollha kemm hi.

 Fuq l-ispejjeż

140    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub minn Valmont.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)     Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/142/KE, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Olanda lil Valmont Nederland BV, hija annullata.

2)     Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Tiili

Meij

Vilaras

 

       Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2004.

H. Jung

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.