Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2014 – Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill

(Kawża T-65/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Bank Refah Kargaran (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: J.-M. Thouvenin, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent;

tiddikjara r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012 inapplikabbli fir-rigward tiegħu;

tiddikjara d-Deċiżjoni 2010/413/PESK inapplikabbli fir-rigward tiegħu;

sussidjarjament, tannulla r-Regolament ta’ Implementazzjoni u d-Deċiżjoni msemmija fl-ewwel żewġ inċiżi ta’ dawn it-talbiet, b’effett mill-20 ta’ Jannar 2014;

tordna li l-Kunsill ikun ikkundannat għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tmien motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn ir-Regolament ta’ Implementazzjoni li jipproċedi għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet koperti minn miżuri restrittivi ma jindikax espressament il-bażi legali li fuqha dan ittieħed.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali, sa fejn il-bażi legali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat hija r-Regolament Nru 267/2012 1 , li għandu jiġi ġġudikat inapplikabbli fir-rigward tar-rikorrent sa fejn, minn naħa, huwa ġie adottat bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE u bi ksur tal-Artikolu 215 TFUE u sa fejn, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23(2)(d) tiegħu li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt motivi bbażati rispettivament i) fuq żball ta’ liġi, ii) fuq żball ta’ fatt u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, iii) fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u iv) fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 2 , li jikkostitwixxi l-bażi legali tas-sanzjoni li hija imposta fuq ir-rikorrent għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli fir-rigward tiegħu għaliex din id-dispożizzjoni tmur kontra t-Trattati, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni li jiġi inkluż fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet koperti minn miżuri restrittivi għandha għaldaqstant tiġi annullata.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-fatt li s-sanzjoni kkontestata saret illegali b’effett mill-20 ta’ Jannar 2014 peress li l-Kunsill irrikonoxxa f’din id-data li l-Iran kien waqqaf l-attivitajiet nukleari li huma l-kawża tas-sanzjoni. Ir-rikorrent isostni li għaldaqstant is-sanzjoni titlef l-iskop tagħha.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).

2 Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).