Language of document : ECLI:EU:C:2023:581

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2023 (1)

Kawża C646/21

K,

L

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s‑Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u protezzjoni sussidjarja – Applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 10(1)(d) – Raġunijiet għall-persekuzzjoni – Sħubija fi grupp soċjali partikolari – Ċittadini ta’ pajjiż terz li qattgħu parti konsiderevoli mill-fażi ta’ ħajjithom meta l-individwi jifformaw l-identità tagħhom fi Stat Membru – Valuri, normi u aġir Ewropej – Ugwaljanza bejn is-sessi – Nisa u bniet li jittrasgredixxu regoli ta’ aġir soċjali fil-pajjiż tal-oriġini – L-aħjar interessi tal-minuri”






I.      Introduzzjoni

1.        Dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ K u L, żewġt ibniet adoloxxenti mill-Iraq (2) li għexu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal ħames snin meta kienu qegħdin jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet inizjali għal protezzjoni internazzjonali tal-familja tagħhom. Matul dak iż-żmien, huma kienu parti minn soċjetà li tagħti valur lill-ugwaljanza bejn is-sessi u adottaw il-valuri, normi u aġir ta’ sħabhom. Fl-applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali tagħhom (3), li l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħad bħala manifestament infondati (4), l-appellanti jsostnu li, jekk jirritornaw lejn l-Iraq, huma ma jkunux kapaċi jikkonformaw mal-valuri, normi u aġir li ma jagħtux lin-nisa u lill-bniet il-libertajiet li huma gawdew fil-Pajjiżi l-Baxxi, u li jekk jesprumuhom dan jesponihom għar-riskju ta’ persekuzzjoni. Id-domandi preliminari jistaqsu jekk persuni fiċ-ċirkustanzi tal-appellanti jistgħux ikunu intitolati għal protezzjoni internazzjonali minħabba li huma membri ta’ grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95/UE (5) u kif l-aħjar interessi tal-wild jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

2.        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”, jipprovdi li:

“1. L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

(a)      il-kunċett ta’ razza għandu partikolarment jinkludi kunsiderazzjonijiet ta’ kulur, dixxendenza jew sħubija ta’ grupp etniku partikolari;

(b)      il-kunċett ta’ reliġjon għandu partikolarment jinkludi t-twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku, il-parteċipazzjoni fi, jew l-astenzjoni minn, qima formali fil-privat jew fil-pubbliku, jew b’mod individwali jew f’komunità ma’ oħrajn, atti oħra reliġjużi jew espressjonijiet ta’ opinjoni, jew forom ta’ kondotta personali jew kommunali bbażati fuq jew magħmula obbligatorji minn xi twemmin reliġjuż;

(c)      il-kunċett ta’ nazzjonalità m’għandux jiġi ristrett għal ċittadinanza jew nuqqas tagħha, imma għandu partikolarment, jinkludi sħubija ta’ grupp stabbilit mill-identità kulturali, etnika, jew lingwistika tiegħu, oriġini ġeografika jew politika jew ir-relazzjoni tiegħu mal-popolazzjoni ta’ Stat ieħor;

(d)      grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

–        membri ta’ dak il-grupp jaqsmu karatteristika innata jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih;

–        grupp għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li hija meqjusa bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru.

Skont iċ-ċirkostanzi fil-pajjiż ta’ orġini, grupp soċjali partikolari jista’ jinkludi grupp ibbażat fuq karatteristika komuni ta’ orjentament sesswali. Orjentament sesswali ma jistax jinftiehem li jinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali bi qbil mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. Aspetti relatati mas-sess, inkluża l-identità sesswali, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom sabiex tiġi determinata sħubija fi grupp soċjali partikolari jew identifikata karatteristika ta’ grupp bħal dan;

(e)      il-kunċett ta’ opinjoni politika għandu, partikolarment, jinkludi ż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le.

2. Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni”.

B.      Iċ-ċirkolari dwar il-politika tal-Pajjiżi l-Baxxi

3.        Skont l-anness tad-digriet tar-rinviju, il-paragrafu C7.2.8 (6) tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (C) (Iċ-Ċirkulari dwar il-Barranin tal-2000 (C), “Iċ-Ċirkulari dwar il-Barranin tal-2000 (C)”):

“Ir-regola prinċipali hija li s-sempliċi fatt li jiġi adottat stil ta’ ħajja tal-Punent fil-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax iwassal għal status ta’ refuġjat jew għal protezzjoni sussidjarja. Huwa meħtieġa l-adattament għad-drawwiet tal-Afganistan. Huma possibbli żewġ eċċezzjonijiet:

–        Jekk mara tagħmel każ plawżibbli li l-istil ta’ ħajja tal-Punent huwa manifestazzjoni ta’ twemmin reliġjuż jew politiku.

–        Jekk mara tagħmel każ plawżibbli li hija għandha karatteristiċi personali, li huma diffiċli ħafna jew virtwalment impossibbli li tbiddilhom, u li, minħabba dawn il-karatteristiċi, hija tibża’ li tkun ippersegwitata jew tirriskja trattament inuman fl-Afganistan”.

4.        Il-paragrafu B8.10 tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (B) (Iċ-Ċirkulari dwar il-Barranin tal-2000 (B)), intitolat “Bniet tal-iskola bi stil ta’ ħajja tal-Punent”, jipprovdi:

“L-IND (Immigratie- en Naturalisatiedienst (Is-Servizz tal-Immigrazzjoni u n-Naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi; l-“IND)) jagħti permess ta’ residenza għal perijodu ta’ żmien fiss […] lill-bniet bi stil ta’ ħajja tal-Punent, jekk it-tifla tkun għamlet każ plawżibbli li kif tirritorna fl-Afganistan hija tkun suġġetta għal pressjoni psikosoċjali sproporzjonata. L-IND jevalwa jekk hemmx pressjoni psikosoċjali sproporzjonata abbażi ta’ ċirkustanzi li jridu jinkludu s-segwenti:

a)      il-grad ta’ kemm it-tifla għandha stil ta’ ħajja tal-Punent;

b)      ċirkustanzi umanitarji individwali, li għandhom jinkludu ċ-ċirkustanzi mediċi (tat-tifla jew ta’ membru tal-familja) u l-mewt fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ membru tal-familja tat-tifla; u

c)      il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fis-soċjetà Afgana, li tinkludi l-evalwazzjoni tal-kompożizzjoni tal-familja u l-preżenza ta’ persuni potenti (kapijiet tribali, kapijiet tal-gwerra) biex jipproteġu lit-tifla.

Dwar il-punt (a), l-IND jevalwa l-grad ta’ kemm għandha stil ta’ ħajja tal-Punent fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi li ġejjin:

–        it-tifla għandha mill-inqas għaxar snin;

–        hija qagħdet fil-Pajjiżi l-Baxxi għal mill-inqas 8 snin, mid-data tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil għal perijodu fiss sad-data tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ordinarju għal perijodu fiss kif deskritt f’dan il-paragrafu; u

–        hija attendiet l-iskola fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Jekk it-tifla ma tissodisfax xi waħda jew iktar minn dawn iċ-ċirkustanzi, hija jkollha oneru ta’ prova ikbar sabiex tagħmel każ plawżibbli li hija għandha tingħata permess ta’ residenza ordinarja għal perijodu ta’ żmien fiss taħt din ir-regola […]”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

5.        Fid-29 ta’ Settembru 2015, l-appellanti, flimkien ma’ missierhom, ommhom u zijithom, telqu mill-Iraq. Fis-7 ta’ Novembru 2015, huma ppreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi. Dak iż-żmien, l-appellanti kellhom 10 u 12-il sena rispettivament. Fil-31 ta’ Lulju 2018, ir-Raad van State (Il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħad l-applikazzjonijiet tagħhom b’mod definittiv. Fl-4 ta’ April 2019, l-appellanti ppreżentaw applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, li ġew miċħudin bħala manifestament infondati fil-21 ta’ Diċembru 2020. Fit-28 ta’ Diċembru 2020, l-appellanti appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, li semgħet dawn l-appelli fis-17 ta’ Ġunju 2021. Sad-data tas-seduta, l-appellanti kellhom 15 u 17-il sena u kienu ilhom jirrisjedu kontinwament fil-Pajjiżi l-Baxxi ħames snin u seba’ xhur u nofs.

6.        L-appellanti jargumentaw li, minħabba l-permanenza twila tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-fażi ta’ ħajjithom meta l-individwi jifformaw l-identità tagħhom, huma adottaw l-valuri, n-normi u l-aġir ta’ sħabhom Olandiżi. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma saru konxji bil-libertà li huma, bħala bniet, għandhom li jagħmlu l-għażliet ta’ ħajjithom huma stess. Huma jindikaw li jixtiequ jkomplu jiddeċiedu għalihom infushom, kif għamlu fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm jekk biex jiltaqgħu mas-subien, biex jipparteċipaw fl-isport, biex jistudjaw, jekk jiżżewġux u, jekk iva, ma’ min u jekk jaħdmux barra minn darhom. Huma jixtiequ wkoll jiddeċiedu waħedhom dwar il-fehmiet politiċi u reliġjużi tagħhom u li jkollhom il-possibbiltà li jesprimu dawn il-fehmiet fil-pubbliku. Peress li ma humiex kapaċi jirrinunzjaw għal dawn il-valuri, normi u aġir mar-ritorn tagħhom fl-Iraq, huma qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali.

7.        Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-valuri, normi u aġir li jirreferu għalihom l-appellanti jikkonsistu essenzjalment fit-twemmin fl-ugwaljanza bejn is-sessi (7). Il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi jekk l-appellanti jistgħux jitqiesu bħala membri ta’ grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, jekk, meta u kif organu deċiżjonali għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal f’applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u jekk għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħsara li l-appellanti jgħidu li sofrew minħabba l-istress li jgħixu taħt inċertezza fit-tul dwar ir-residenza tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll it-theddida ta’ ritorn sfurzat lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

8.        Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      L-Artikolu 10(1)(d) tad-[Direttiva 2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li normi, valuri u aġir effettivi tal-Punent li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jadottaw waqt li jirresjedu fit-territorju tal-Istat Membru filwaqt li jieħdu sehem b’mod sħiħ fis-soċjetà matul parti sostanzjali tal-fażi tal-ħajja tagħhom li fiha jifformaw l-identità tagħhom, għandhom jitqiesu bħala sfond komuni, li ma jistax jinbidel, jew jikkostitwixxu karatteristiċi tant essenzjali għall-identità li l-persuni kkonċernati ma jistgħux ikunu meħtieġa jirrinunzjaw għalihom?

(2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tingħata fl-affermattiv, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu adottaw normi u valuri tal-Punent analogi, indipendentement mir-raġunijiet għal dan, billi rrisjedew de facto fl-Istat Membru matul il-fażi tal-ħajja tagħhom li fiha huma fformaw l-identità tagħhom, għandhom jitqiesu bħala ‘membri ta’ grupp soċjali partikolari’ fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-[Direttiva 2011/95]? Il-kwistjoni dwar jekk hemmx ‘grupp [li] għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti’ għandha tiġi evalwata f’dan ir-rigward mill-perspettiva tal-Istat Membru jew din l-espressjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-[Direttiva 2011/95], għandha tiġi interpretata fis-sens li jingħata piż deċiżiv lill-kapaċità tal-persuna barranija li turi li hija meqjusa, fil-pajjiż ta’ oriġini, li tappartjeni għal grupp soċjali partikolari jew mill-inqas li din l-appartenenza hija attribwita lilha? Huwa konformi mal-Artikolu 10 tad-[Direttiva 2011/95], moqri flimkien mal-prinċipju ta’ non-refoulement u mad-dritt għall-ażil, ir-rekwiżit li l-adozzjoni ta’ normi u valuri tal-Punent tista’ twassal għall-istatus ta’ refuġjat biss jekk din tkun ibbażata fuq raġunijiet reliġjużi jew politiċi?

(3)      Prassi legali nazzjonali li bis-saħħa tagħha awtorità deċiżjonali teżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tevalwa l-aħjar interessi tal-minuri mingħajr ma tiddetermina (jew titlob li jiġi ddeterminat) konkretament dawn l-interessi tal-minuri minn qabel (f’kull proċedura) hija konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod iktar partikolari mal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-‘Karta’) moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta? Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti jekk l-Istat Membru għandu jeżamina applikazzjoni għall-ammissjoni għar-residenza abbażi ta’ raġunijiet ordinarji u għandu jiddeċiedi fuq din l-applikazzjoni billi jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-minuri?

(4)      Fid-dawl tal-Artikolu24(2) tal-Karta, b’liema mod u f’liema fażi tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu evalwati l-aħjar interessi tal-minuri u, b’mod iktar partikolari, il-ħsara li minuri jkun ġarrab minħabba li rrisjeda de facto għal żmien twil fi Stat Membru? Ir-regolarità ta’ din ir-residenza de facto hija rilevanti f’dan ir-rigward? Huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri fl-imsemmi eżami jekk l-Istat Membru ddeċidiex fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-termini stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, jekk obbligu ta’ ħruġ mit-territorju impost qabel ġiex osservat u jekk l-Istat Membru wettaqx it-tneħħija wara l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ħruġ mit-territorju b’tali mod li r-residenza tal-minuri fl-Istat Membru setgħet tkompli de facto?

(5)      Prassi legali nazzjonali li bis-saħħa tagħha ssir distinzjoni bejn l-ewwel applikazzjoni u l-applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjoni fis-sens li r-raġunijiet ordinarji ma jittieħdux inkunsiderazzjoni għall-applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta moqri flimkien mal-Artikolu 24(2) tal-Karta?”

9.        L-appellanti, il-Gvern Ċek, dak Grieg, dak Franċiż, dak Ungeriż u dak Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet u l-Gvern Spanjol irrispondew għal domandi bil-miktub u orali li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta tat-18 ta’ April 2023.

IV.    Analiżi

A.      L-ewwel u t-tieni domanda

10.      Ser nikkunsidra l-ewwel u t-tieni domanda flimkien peress li dawn it-tnejn huma intiżi sabiex tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95.

11.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għexu fi Stat Membru għal parti sinjifikattiva tal-fażi ta’ ħajjithom li fiha jifformaw l-identità tagħhom jistgħux jitqiesu membri ta’ grupp soċjali partikolari fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1)(d) minħabba li għandhom “sfond komuni li ma jistax jinbidel”, jew karatteristiċi li “tant huma fundamentali għall-identità li persuna ma għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunzja għalihom”. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-adeżjoni ma’ ċerti valuri tkun tista’ tiġġustifika l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali meta jkollha bażi reliġjuża jew politika biss? Il-qorti tar-rinviju kif għandha tevalwa jekk il-kundizzjoni fit-tieni inċiż tal-Artikolu 10(1)(d) – jekk il-grupp għandux identità distinta fil-pajjiż rilevanti minħabba li s-soċjetà ta’ madwaru tqisu li huwa differenti – hijiex issodisfatta?

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet ippreżentati

12.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jinnota li, skont il-linji gwida tal-IND, li huma bbażati fuq sentenza tar-Raad van State (Il-Kunsill tal-Istat) (8), nisa bi stil ta’ ħajja tal-Punent ma humiex membri ta’ grupp soċjali partikolari. Madankollu huma jistgħu jiksbu protezzjoni internazzjonali jekk: (i) dan l-istil ta’ ħajja huwa bbażat fuq twemmin reliġjuż jew politiku li huma fundamentali għall-identità jew l-integrità morali tagħhom; jew (ii) huwa plawżibbli li huma jiġu ppersegwitati minn persuni fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom; jew (iii) ikunu f’riskju ta’ trattament inuman fis-sens tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95 fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Il-kunċett ta’ twemmin politiku fundamentali għall-identità jew l-integrità morali, imsemmi taħt l-ewwel kundizzjoni imsemmija iktar ’il fuq, huwa interpretat b’mod wiesa’ biex jinkludi l-persekuzzjoni ta’ nisa li ma jikkonformawx mad-drawwiet soċjali, mar-regoli reliġjużi jew man-normi kulturali li jiddiskriminaw fuq il-bażi tas-sess (9).

13.      Il-Gvern Ċek, dak Grieg, dak Ungeriż u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi jaqblu li l-argumenti tal-appellanti huma bbażati fuq preferenza għal ċertu stil ta’ ħajja. Dan ma jistax iwassal għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali taħt ir-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2011/95. Wara li adattaw għall-ħajja fi Stat Membru matul permanenza twila fit-territorju tiegħu, mar-ritorn tagħhom lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom l-appellanti jistgħu jkunu mistennija li jerġgħu jadattaw għall-ħajja billi jikkonformaw man-normi u drawwiet tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom bl-istess mod bħal residenti oħrajn. Ix-xewqa għal ċertu stil ta’ ħajja ma huwiex twemmin li huwa tant fundamentali għall-identità jew għall-kuxjenza li persuna ma għandhiex tkun sfurzata tirrinunzja għalih. L-appellanti ma jikkondividu ebda karatteristika innata jew sfond komuni peress li l-kategorija putattiva ta’ nisa u bniet li adottaw stil ta’ ħajja tal-Punent hija wisq wiesgħa, eteroġenea u astratta biex tikkostitwixxi grupp soċjali ddelimitat b’mod ċar għall-finijiet tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95. L-appellanti lanqas ma pprovaw jissostanzjaw għaliex u kif huma ser ikunu ppersegwitati malli jirritornaw fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

14.      Il-Gvern Spanjol u Franċiż u l-Kummissjoni ma jaqblux. Huma jikkunsidraw li l-bniet jistgħu jkunu membri ta’ grupp soċjali partikolari bbażat, inter alia, fuq is-sess u l-età, li jikkostitwixxu karatteristiċi innati.

15.      Fis-sottomissjonijiet orali tiegħu, il-Gvern Spanjol sostna li d-digriet tar-rinviju jindika li l-appellanti ma kisbux sempliċiment aspirazzjonijiet biex itejbu lilhom infushom finanzjarjament jew kulturalment; huma deskritti b’mod iktar preċiż bħala nisa jew bniet li adottaw mod ta’ ħajja li jirrikonoxxi u jippermettilhom igawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom. Għaldaqstant huma jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95. Jekk it-tieni kundizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni – skont liema l-grupp għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti – hijiex issodisfatta wkoll jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi li japplikaw fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

16.      Il-Gvern Franċiż isostni li l-fatt li persuna tkun qattgħet żmien twil fi Stat Membru jfisser li huma jikkondividu sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew twemmin kondiviż li huwa tant fundamentali għall-identità jew kuxjenza li persuna ma għandhiex tkun sfurzata tirrinunzja għalih. Bil-fatt li jkomplu jaderixxu mal-valuri, normi u aġir prevalenti f’dak l-Istat Membru, is-soċjetà ta’ madwarhom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom tqis lill-individwi li jikkondividu dawn il-karatteristiċi bħala membri ta’ grupp distint. Pereżempju, ir-reżistenza għal żwieġ sfurzat tista’ tesponi lill-appellanti għall-persekuzzjoni li l-awtoritajiet ma jipproteġuhomx minnha.

17.      Il-Kummissjoni tissottometti li t-twemmin li l-irġiel u n-nisa għandhom drittijiet ugwali jista’ jitqies bħala twemmin kondiviż u fundamentali. L-eżistenza ta’ liġijiet fil-pajjiż tal-oriġini li jiddiskriminaw kontra bniet u nisa u jfittxu li jippenalizzawhom b’mod sproporzjonat meta jiksru ċerta normi u drawwiet, tindika li tali persuni qegħdin f’riskju li jitqiesu bħala grupp distint f’dak il-pajjiż.

2.      Osservazzjoni preliminari

18.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li dan il-każ ma jikkonċernax “in-nisa bi stil ta’ ħajja tal-Punent” bħala tali (10). Id-digriet tar-rinviju, madankollu, jinkludi riferimenti għal “stil ta’ ħajja tal-Punent” u “aġir ta’ stil ta’ ħajja tal-Punent”, li jistgħu jirriflettu l-użu ta’ dawn it-termini fiċ-Ċirkulari dwar il-Barranin tal-2000 (C). Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet kienu fil-parti l-kbira tagħhom tal-fehma li l-kunċetti “bi stil ta’ ħajja tal-Punent” u “tal-Punent” kienu vagi wisq biex jiġu applikati fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Jiena naqbel ma’ dawn l-osservazzjonijiet. “Il-Lvant” u “l-Punent” huma reġjuni vasti u diversi b’multitudni ta’ tradizzjonijiet reliġjużi, kodiċi morali u valuri. Fin-nuqqas ta’ definizzjonijiet preċiżi, li ma kinux miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, termini bħal “stil ta’ ħajja tal-Punent” u “nisa bi stil ta’ ħajja tal-Punent” huma ħafna minnhom bla tifsira. Agħar minn hekk, l-applikazzjoni tat-termini “tal-Lvant” u “tal-Punent” fil-kuntest ta’ kodiċi morali u valuri tagħmel dikotomija falza li tagħmel parti minn djalogu li jifred. Għaldaqstant, dawn il-konklużjonijiet jevitaw l-użu ta’ dawn it-termini.

3.      Evalwazzjoni

a)      Ħarsa ġenerali lejn il-kuntest ġuridiku u introduzzjoni

19.      Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (11) (“il-Konvenzjoni ta’ Genève”, daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija kienet issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (12). Il-Konvenzjoni ta’ Genève hija l-pern tas-sistema legali internazzjoni għall-protezzjoni tar-refuġjati (13). Filwaqt li l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Genève, l-Unjoni Ewropea ma hijiex.

20.      Id-Direttiva 2011/95 tiggwida lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru b’riferiment għal kunċetti komuni, li għandhom ikunu interpretati b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Genève. Il-preambolu għal din il-konvenzjoni josserva li l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (l-“UNHCR”) huwa responsabbli għas-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jiggarantixxu l-protezzjoni għar-refuġjati. Fid-dawl tar-rwol li l-Konvenzjoni ta’ Genève tagħti lill-UNHCR, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dokumenti tal-UNHCR jgawdu minn rilevanza partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/95 (14). Din id-direttiva għandha tiġi interpretata wkoll b’mod konsistenti mal-Karta (15).

21.      Il-protezzjoni internazzjonali li għaliha tirreferi d-Direttiva 2011/95 għandha, fil-prinċipju, tingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li għandha l-biża fondata li tiġi ippersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari (refuġjat), jew li tiffaċċja riskju reali li jiġrilha ħsara serja (persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja) jekk tiġi rritornata lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew tagħha (16).

22.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi r-raġunijiet għall-persekuzzjoni (17). L-elementi kollha elenkati fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2011/95 huma rilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk jeżistux raġunijiet għall-persekuzzjoni; dawn il-kategoriji ma jeskludux lil xulxin (18). L-użu tal-kelma “partikolarment” fis-subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni jindika li l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hemmhekk ma humiex eżawrjenti. Finalment, skont ġurisprudenza stabbilita kull deċiżjoni dwar l-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni individwali (19).

23.      L-UNHCR osserva li t-terminu “sħubija fi grupp soċjali partikolari” fl-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève għandu jinqara b’mod evoluttiv, miftuħ għan-natura diversa u li tinbidel tal-grupp f’diversi soċjetajiet u l-iżvilupp ta’ normi internazzjonali ta’ drittijiet tal-bniedem. L-Istati rrikonoxxew in-nisa, il-familji, it-tribujiet, il-gruppi okkupazzjonali u l-omosesswali bħala li jikkostitwixxu grupp soċjali partikolari għall-iskopijiet ta’ din il-konvenzjoni. Skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ soċjetà, jista’ jkun possibbli għal mara li tagħmel talba bbażata fuq opinjoni politika (jekk l-Istat jara l-aġir tagħha bħala dikjarazzjoni politika li huwa jixtieq isikket), ir-reliġjon (jekk l-aġir tagħha huwa bbażat fuq twemmin reliġjuż li l-Istat jopponi) jew is-sħubija fi grupp soċjali partikolari (20).

24.      Hemm żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti biex ikun jeżisti “grupp soċjali partikolari” għall-finijiet tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95. L-ewwel, il-membri ta’ dan il-grupp għandhom jikkondividu “karatteristika innata”, jew “sfond komuni li ma jistax jinbidel”, jew karatteristika jew twemmin li huwa karatteristika jew twemmin li “tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih”. Dawn l-elementi jirrigwardaw dawk li jistgħu jissejjħu bħala l-aspetti interni ta’ grupp. It-tieni, dan il-grupp għandu jkollu identità distinta fil-pajjiż rilevanti minħabba li s-soċjetà ta’ madwaru tqisu bħala differenti (21). Dan jinvolvi element ta’ “perċezzjoni soċjali” jew dak li jista’ jiġi deskritt bħala l-aspetti esterni ta’ grupp. Għall-iskopijiet preżenti, il-“pajjiż rilevanti” huwa l-pajjiż tal-oriġini, f’dan il-każ l-Iraq, u s-“soċjetà ta’ madwaru” hija s-soċjetà f’dan il-pajjiż tal-oriġini.

b)      L-aspetti interni ta’ grupp

25.      Huwa ċar mit-test tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 li s-sess (22) u l-aspetti relatati mas-sess jistgħu jkunu rilevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ grupp soċjali partikolari. F’ċerti sitwazzjonijiet is-sess jista’ jkun kriterju suffiċjenti biex jiġi ddefinit tali grupp (23). Skont il-UNHCR, in-nisa huma eżempju ċar ta’ grupp soċjali, iddefinit b’karatteristiċi innati, li spiss ikunu ttrattati b’mod differenti mill-irġiel. F’xi soċjetajiet, in-nisa inġenerali jistgħu jikkostitwixxu grupp soċjali partikolari minħabba li jiffaċċjaw diskriminazzjoni sistemika fit-tgawdija tad-drittijiet fundamentali tagħhom meta pparagunati mal-irġiel (24).

26.      F’dan il-każ, l-appellanti ma jargumentawx li huma intitolati għal protezzjoni internazzjonali sempliċement minħabba s-sess tagħhom. Huma jgħidu li huma ma jistgħux jirrinunzjaw għall-valuri, normi u aġir, ibbażat fuq it-twemmin tagħhom fl-ugwaljanza bejn is-sessi, li huma adottaw fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk tali twemmin jistax jikkostitwixxi jew karatteristika kondiviża jew twemmin kondiviż li tant huwa fundamentali għall-identità jew kuxjenza li persuna ma għandhiex tkun sfurzata tirrinunzja għalih. Nikkunsidra l-ewwel it-tifsira tal-kliem “karatteristika” u “twemmin”, qabel ma neżamina r-rekwiżit li jrid ikun hemm twemmin kondiviż li tant huwa fundamentali għall-identità jew kuxjenza li persuna ma għandhiex tkun sfurzata tirrinunzja għalih.

1)      It-tifsira ta’ “karatteristika” u “twemmin”

27.      Fil-kuntest tal-valuri, normi u aġir li l-appellanti jsostnu li adottaw matul il-permanenza tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-qorti tar-rinviju ssemmi li l-adozzjoni ta’ valuri, normi u aġir tista’ tkun “karatteristika” li hija tant fundamentali għall-identità li persuna ma għandhiex tkun sfurzata tirrinunzja għaliha.

28.      Id-Direttiva 2011/95 ma tiddefinixxix it-termini “karatteristika innata” u “karatteristika […] li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih” użati fl-Artikolu 10(1)(d) tagħha. Id-definizzjonijiet tad-dizzjunarju ta’ “karatteristika” ta’ persuna tinkludi “attribut jew kwalità li tappartjeni tipikament lil dik il-persuna u sservi biex tidentifikahom”. “Innata” tfisser “mit-twelid” jew “iddeterminata minn fatturi preżenti f’individwu mit-twelid”. Eżempji ta’ karatteristiċi innati huma t-tul, il-kulur tal-għajnejn u l-wirt ġenetiku ta’ persuna. Id-Direttiva 2011/95 tipprovdi eżempju wieħed ta’ “karatteristika komuni”, jiġifieri l-orjentazzjoni sesswali (25).

29.      Dawn id-definizzjonijiet iwassluni biex nikkonkludi li l-adozzjoni ta’ ċerti valuri, normi u aġir ma tistax tiġi deskritta bħala “karatteristika” (26). Il-kelma “twemmin”, li tfisser “l-aċċettazzjoni jew is-sensazzjoni li xi ħaġa hija minnha”, tidher iktar xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-appellanti.

30.      Fid-dawl tal-pożizzjoni li ħa l-Gvern Olandiż, huwa rilevanti sussegwentement li jiġi analizzat jekk it-twemmin kondiviż imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat bħala riferiment impliċitu għal twemmin reliġjuż jew politiku. Il-Kummissjoni tinnota li l-użu tal-kelma “Glaubensüberzeugung” fil-verżjoni Ġermaniża jista’ joħloq xi dubju dwar jekk it-twemmin inkwistjoni għandux ikun ta’ natura reliġjuża.

31.      L-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, li tittratta l-persekuzzjoni fuq il-bażi ta’ reliġjon, jirreferi għal “twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku”. Pereżempju, il-verżjoni Ġermaniża, Ingliża, Franċiża u Olandiża tad-Direttiva 2011/95 jużaw it-termini “religiöse Überzeugung”, “religious belief”, “croyances religieuses” u “godsdienstige overtuigingen”. Min-naħa l-oħra, il-kelma użata fl-Artikolu 10(1)(d) hija “Glaubensüberzeugung”, “belief”, “croyance” u “geloof” f’dawk il-verżjonijiet lingwistiċi rispettivi.

32.      L-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95, li jirrigwarda l-persekuzzjoni politika, jirreferi għaż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom.

33.      L-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 jirreferi għaldaqstant għat-twemmin reliġjuż teistiku, non-teistiku, u ateistiku; l-Artikolu 10(1)(e) jirreferi għall-opinjonijiet, ħsieb jew twemmin politiku; u l-Artikolu 10(1)(d) jirreferi għal twemmin li huwa tant fundamentali għall-identità jew kuxjenza li persuna ma għandhiex tkun sfurzata tirrinunzja għalih (27). Fuq din il-bażi, jidher li ma hemmx indikazzjonijiet testwali jew kuntestwali li jikkorroboraw l-idea li l-bażi tat-twemmin fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) għandha tkun reliġjuża jew politika min-natura tagħha (28). Kwalunkwe interpretazzjoni kuntrarja tonqos, barra minn hekk, milli tirrikonoxxi li tista’ teżisti firxa ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet fundamentali f’reliġjon speċifika u li persuna tista’ tibdel il-fehmiet tagħha fuq dawn il-kwistjonijiet mingħajr ma tikkonverti għal reliġjon differenti (29).

2)      It-twemmin inkwistjoni huwa twemmin kondiviż li huwa tant fundamentali għall-identità jew għall-kuxjenza li persuna ma għandhiex tkun sfurzata tirrinunzja għalih?

34.      It-twemmin fl-ugwaljanza bejn is-sessi jsawwar firxa ta’ għażliet relatati mal-edukazzjoni u l-għażla tal-karriera, mal-portata u n-natura tal-attivitajiet fl-isfera pubblika, mal-possibbiltà li tinkiseb l-indipendenza ekonomika billi persuna taħdem barra mid-dar, mad-deċiżjonijiet dwar jekk persuna tmurx tgħix waħidha jew ma’ familja u mal-għażla libera ta’ sieħeb jew sieħba. Dawn il-materji huma fundamentali għall-identità tal-individwu (30).

35.      L-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) TUE jistabbilixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala wieħed mill-valuri u għanijiet ċentrali tal-Unjoni Ewropea, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxieh bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 8 TFUE jipprovdi li l-Unjoni Ewropea timmira li fl-azzjonijiet kollha tagħha hija telimina l-inugwaljanzi u tinkoraġġixxi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. L-Artikolu 19 TFUE jippermetti lill-Unjoni Ewropea li tintroduċi leġiżlazzjoni biex tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. L-Artikolu 157 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni għal xogħol ta’ valur ugwali u jipprovdi bażi legali biex tiġi ppromulgata liġi għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tal-impjieg. L-Artikolu 157(4) TFUE jirrikonoxxi l-azzjoni pożittiva bħala mezz li tintlaħaq l-ugwaljanza bejn is-sessi.

36.      Sa mill-adozzjoni tal-ewwel direttivi f’dan il-qasam fis-sebgħinijiet, l-Unjoni Ewropea żviluppat leġiżlazzjoni estensiva dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, primarjament fil-qasam tal-impjieg, inkluż materji bħalma huma l-ugwaljanza fir-remunerazzjoni, sigurtà soċjali, impjieg, kundizzjonijiet tax-xogħol u fastidju (31). Din il-leġiżlazzjoni tipprojbixxi d-diskriminazzjoni diretta u indiretta bbażata fuq is-sess u toħloq drittijiet enforzabbli għall-individwi fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri (32).

37.      Il-valuri, normi u aġir li l-appellanti jsostnu li adottaw matul il-permanenza tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi jirriflettu wkoll numru ta’ drittijiet fundamentali llum sanċiti fil-Karta: l-Artikolu 21(1) jinkludi d-dritt ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess; l-Artikolu 23 jirrikonoxxi d-dritt għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż fl-impjieg, xogħol u remunerazzjoni (33); l-Artikolu 9 jirreferi għad-dritt għaż-żwieġ b’mod ħieles. L-Artikolu 11 jipprovdi għal-libertà tal-espressjoni; l-Artikolu 14 jistabbilixxi d-dritt għall-edukazzjoni u għall-aċċess għal taħriġ professjonali u kontinwu u l-Artikolu 15 jipprovdi għad-dritt li wieħed jaħdem u jagħżel professjoni (34). L-Istati Membri huma wkoll kontraenti fil-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, li hija intiża li ttejjeb ir-rikonoxximent, it-tgawdija u l-eżerċizzju ugwali tad-drittijiet kollha tal-bniedem għan-nisa fil-qasam politiku, dak ekonomiku, dak soċjali, dak kulturali, dak ċivili u dak domestiku (35).

38.      Ma għandix dubju li ħafna nies li qattgħu ħajjithom fil-Pajjiżi l-Baxxi jkunu ġew tant influwenzati bil-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi li dan ikun jikkostitwixxi part indelibbli mill-identità tagħhom.

39.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-bniet u n-nisa li adottaw valuri, normi u aġir li jirriflettu t-twemmin fl-ugwaljanza bejn is-sessi ma jistgħux ikunu mistennija jirrinunzjaw dan it-twemmin, iktar minn kemm persuna tista’ tkun mistennija tirrinunzja għat-twemmin reliġjuż jew politiku tagħha jew tiċħad l-orjentazzjoni sesswali tagħha. Minn dan isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jippretendu li l-bniet u n-nisa jaddattaw l-aġir tagħhom billi jaġixxu b’mod diskret minħabba s-sigurtà tagħhom, iktar u iktar għaliex, min-natura tagħhom, l-aspetti tal-identità magħġuna bit-twemmin fl-ugwaljanza bejn is-sessi spiss jimmanifestaw ruħhom fil-pubbliku (36). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-kuntest tal-omosesswali, l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 ma jipprevedix limiti fuq l-attitudni li l-membri tal-grupp soċjali partikolari jistgħu jadottaw dwar l-identità jew l-aġir tagħhom (37).

40.      Il-kwistjoni li tqum imbagħad hija dwar jekk l-appellanti aċċettawx u adottaw twemmin fl-ugwaljanza bejn is-sessi tali li dan sar parti mill-identità tagħhom (38). Fid-dawl tal-etajiet tal-appellanti u d-dewmien tal-permanenza tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-qorti tar-rinviju tosserva b’mod raġonevoli li huma qattgħu parti konsiderevoli mill-fażi ta’ ħajjithom li fiha jifformaw l-identità tagħhom f’dan l-Istat Membru (39). Jiena ma għandix dubju li l-immersjoni tal-appellanti fil-kultura ta’ dan l-Istat Membru kienet esperjenza profonda li tathom possibbiltajiet u fetħitilhom perspettivi għall-futur tagħhom li altrimenti huma jaf ma kinux ikunu jafu bihom. Għaldaqstant huwa plawsibbli li, b’kuntrast ma’ sħabhom fl-Iraq li ma kellhomx din l-esperjenza, huma adottaw mod ta’ ħajja li jirrifletti r-rikonoxximent u t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari t-twemmin tagħhom fl-ugwaljanza bejn is-sessi, sal-punt li huma aċċettaw u adottaw dan it-twemmin sal-punt li dan sar parti mill-karattru tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti, u finalment il-qrati nazzjonali, għandhom jevalwaw sa fejn dan huwa l-każ b’riferiment għaċ-ċirkustanzi individwali tal-appellanti, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, fejn rilevanti, il-kunsiderazzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95 (40).

c)      Aspetti esterni ta’ grupp

41.      Minkejja xi ambigwità, jidher li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment kif l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti fit-tieni inċiż tal-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 huwiex issodisfatt, jiġifieri jekk grupp soċjali partikolari għandux identità distinta fil-pajjiż rilevanti minħabba li s-soċjetà ta’ madwaru tqisu differenti. Dawn id-domandi jqajmu kwistjonijiet li jolqtu l-oneru tal-prova u l-evalwazzjoni sostantiva tal-argumenti tal-appellanti.

1)      L-oneru tal-prova

42.      L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha titwettaq fuq bażi individwali u tieħu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn: (a) il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż tal-oriġini, inkluż il-liġijiet u regolamenti tiegħu u l-mod li bih jiġu applikati; (b) id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti ppreżentati mill-applikant; u (c) il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant. Permezz tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li huwa dmir l-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha (41). L-applikanti għandhom għaldaqstant jindikaw u jissostanzjaw ir-raġunijiet għaliex huma jibżgħu mill-persekuzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

43.      Dan ir-rekwiżit jestendi għad-dmir li jiġi ssostanzjat li l-grupp soċjali partikolari, li l-applikant isostni li jappartjeni għalih, għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti minħabba li s-soċjetà ta’ madwaru tqisu li huwa differenti, pożizzjoni din li l-Gvern Olandiż jidher li jsostni? Jien ma naħsibx. Id-dikjarazzjonijiet li l-applikant għandu jippreżenta skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95 sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali jikkostitwixxu biss il-punt ta’ tluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li wasslu għal dik l-applikazzjoni. Din id-dispożizzjoni tirrikjedi wkoll lill-Istat Membru sabiex jevalwa, b’kooperazzjoni mal-applikant, l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha (42).

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fil-prattika, ir-rekwiżit li l-Istat Membru jikkoopera fl-evalwazzjoni għandu bħala konsegwenza li jekk, tkun xi tkun ir-raġuni, il-provi prodotti mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma humiex kompleti, attwali jew rilevanti, huwa neċessarju li l-Istat Membru kkonċernat jassisti lill-applikant sabiex jinġabru l-provi meħtieġa biex jissostanzjaw din l-applikazzjoni. Barra minn hekk, Stat Membru jista’ jkun f’pożizzjoni aqwa mill-applikant sabiex ikollu aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti (43). L-oneru tal-prova li grupp soċjali partikolari għandu identità distinta f’pajjiż partikolari jidher għaldaqstant li jaqa’ fuq l-applikant u fuq l-Istat Membru b’mod ugwali u mhux esklużivament fuq dak tal-ewwel. F’dan il-kuntest, huwa rilevanti wkoll li jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95, l-aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant li ma humiex ikkorroborati bi prova dokumentarja jew prova oħra ma jeħtiġux konferma meta, inter alia, dawn id-dikjarazzjonijiet jinstabu li huma koerenti u plawżibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali disponibbli rilevanti għall-każ tal-applikant.

45.      L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar jekk applikant għandux biża’ ġustifikata ta’ persekuzzjoni, ma huwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni (44). It-test ta’ din id-dispożizzjoni jagħmilha ċara li din tapplika malli jiġi stabbilit li jkun jeżisti grupp soċjali partikolari. Għall-kuntrarju ta’ dak li timplika l-qorti tar-rinviju, l-evalwazzjoni tal-perċezzjoni ta’ dawk li jwettqu l-persekuzzjoni ma tissostitwixxix, jew trendi inqas importanti, id-determinazzjoni dwar jekk grupp għandux identità distinta fil-pajjiż tal-oriġini. Hija taffettwa biss sa fejn għandu jintwera li l-applikant huwa membru ta’ dak il-grupp soċjali, peress li jista’ jkun suffiċjenti għall-iskopijiet tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li jintwera li huwa jew hija sempliċiment jitqiesu bħala tali (45).

2)      Evalwazzjoni sostantiva

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-eżistenza ta’ liġijiet kriminali li għandhom fil-mira tagħhom l-omosesswali jistgħu jikkorroboraw konstatazzjoni li dawn il-persuni jifformaw grupp separat li s-soċjetà ta’ madwaru tqishom bħala differenti. B’estensjoni minn dan, il-fatt li s-soċjetà taċċetta ċerta aġir mill-irġiel, filwaqt li tippenalizza l-istess aġir min-nisa, huwa indikazzjoni li s-soċjetà ta’ madwarhom tqis lin-nisa, jew ċerti kategoriji ta’ nisa, bħala differenti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom għaldaqstant jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli legali u d-drawwiet soċjali u kulturali fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant (46).

47.      Il-gwida reċenti dwar l-Iraq tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (l-“EUAA”) (47), tidentifika gruppi ta’ persuni li s-soċjetà ta’ madwarhom tqis li huma differenti. Skont din il-gwida dwar dan il-pajjiż, il-persuni, b’mod partikolari n-nisa, li jittrasgredixxu d-drawwiet soċjali jistgħu jitqiesu amorali, huma stigmatizzati u huma f’riskju ta’ dannu serju (48). Tali trasgressjonijiet jingħad li jinkludu r-relazzjonijiet sesswali barra miż-żwieġ, li tkun vittma ta’ stupru jew forom oħra ta’ vjolenza sesswali, ir-rifjut ta’żwieġ lil raġel magħżul mill-familja (49), iż-żwieġ kontra x-xewqat tal-familja, dehra jew ilbies mhux xierqa u kuntatt jew innamrar mhux aċċettabbli. Ix-xogħlijiet aċċettabbli għan-nisa jingħad li huma limitati għas-setturi marbutin mad-dar u dipartimenti tal-gvern. Is-soċjetà tħares bl-ikrah lejn nies u bniet li jaħdmu fi ħwienet, kafetteriji, divertiment, bħala infermiera jew fis-settur tat-trasport. L-attività pubblika tan-nisa, inkluż il-preżenza u l-attivitajiet tagħhom fuq l-internet, jistgħu jwasslu għal fastidju. In-nisa jistgħu jkunu mxekkla milli jieħdu sehem fi protesti minħabba li l-familji tagħhom jibżgħu li jħarsu lejhom b’mod negattiv. Il-malafama sesswali tista’ tesponihom għal stigmatizzazzjoni mis-soċjetà jew li jitqiesu bħala li kisru l-unur tal-familja (50).

48.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jidher li l-bniet u n-nisa li jemmnu fl-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jitqiesu bħala li jittrasgredixxu d-drawwiet soċjali fl-Iraq minħabba l-manifestazzjonijiet ta’ dan it-twemmin, pereżempju minn dikjarazzjonijiet jew aġir assoċjat ma’ għażliet dwar materji bħalma huma l-edukazzjoni, il-karriera u x-xogħol barra mid-dar, il-portata u n-natura tal-attivitajiet fl-isfera pubblika, deċiżjonijiet dwar persuna toqgħodx waħidha jew ma’ familja, u l-għażla libera tas-sieħeb. Huma l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk dan huwiex fil-fatt il-każ għall-appellanti fiċ-ċirkustanzi individwali tagħhom.

d)      Persekuzzjoni

49.      Xi wħud mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet sostnew li l-appellanti ma ressqu ebda prova biex juru li huma kienu ser ikunu suġġetti għal atti ta’ persekuzzjoni mar-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Għalkemm relatata (51), din hija kwistjoni differenti minn dik biex jiġi stabbilit jekk humiex membri ta’ grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95. Il-qorti tar-rinviju ma talbitx gwida għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva li jirrigwardaw speċifikament l-evalwazzjoni ta’ biża’ ġustifikata ta’ persekuzzjoni. Huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/95, fl-eżami ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikata li jkun ippersegwitat, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, inter alia, iċ-ċirkustanzi ġenerali fis-seħħ f’dik il-parti rilevanti tal-pajjiż tal-oriġini. Għal dan il-għan, huma għandhom jiksbu informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi rilevanti bħalma huma l-UNHCR u l-EUAA.

50.      Il-gwida reċenti dwar il-pajjiż tal-Iraq tindika li l-bniet u n-nisa li jittrasgredixxu d-drawwiet soċjali jistgħu jkunu esposti għal atti li huma tant severi li jammontaw għal persekuzzjoni (52). Għaldaqstant huwa possibbli li, b’riżultat tal-fatt li huma jitqiesu bħala differenti f’dan ir-rigward (53), l-appellanti, u/jew il-familja immedjata tagħhom, jistgħu jiffaċċjaw ritaljazzjoni li tikkostitwixxi persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95. Għal darba oħra, huma l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw il-probabbiltà u s-serjetà ta’ dawn ir-riskji fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-appellanti.

B.      It-tielet domanda

51.      It-tielet domanda hija maqsuma f’żewġ partijiet. L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jeżiġix li min jieħu d-deċiżjonijiet jiddetermina u jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, kif huwa msemmi fl-Artikolu 24(2) tal-Karta. It-tieni, hija tixtieq tkun taf jekk ir-risposta għall-ewwel parti tkunx differenti jekk l-aħjar interessi tal-wild għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dak li hija tirreferi għall-“għoti ta’ residenza għal raġunijiet ordinarji”.

52.      Huwa kunsiderazzjoni rilevanti f’dan il-kuntest il-fatt li l-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonċernaw applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, iktar milli inizjali (54).

1.      L-ewwel parti

53.      L-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi minuri, fi kliem ieħor, tifel/tifla, bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt l-età ta’ 18-il sena”.

54.      L-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 51(1) u tal-Karta jaffermaw in-natura fundamentali tad-drittijiet tat-tfal u r-rekwiżit li l-Istati Membri jirrispettaw dawn id-drittijiet meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata u applikata fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta (55). Dan huwa rifless fil-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, li tipprovdi li din id-direttiva hija intiża li tippromwovi l-applikazzjoni, inter alia, tal-Artikolu 24 tal-Karta u l-premessa 18 tagħha, li tipprovdi li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jimplimentaw id-direttiva, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal (56). Fl-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-unità tal-familja, il-benesseri tal-minuri u l-iżvilupp soċjali tiegħu jew tagħha, il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà u l-opinjonijiet tal-minuri skont l-età u l-livell ta’ maturità tiegħu/jew tagħha.

55.      L-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva 2011/95 jeżiġi li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi evalwata fuq bażi individwali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħalma huwa l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju. L-Artikolu 9(2)(f) ta’ din id-direttiva jispeċifika li l-atti ta’ persekuzzjoni jistgħu, inter alia, jieħdu l-forma ta’ atti ta’ natura speċifika għat-tfal (57).

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u kif tindika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (58), jiena tal-fehma li l-aħjar interess tat-tfal għandu jiġi stabbilit fuq bażi individwali u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, inkluż applikazzjonijiet sussegwenti.

57.      Il-Gvern Olandiż sostna li l-awtoritajiet kompetenti Olandiżi jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-aħjar interessi tat-tfal peress li dawn jinsabu riflessi b’mod xieraq fl-aspetti proċedurali kollha tad-determinazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tirrigwarda jew li tinvolvi t-tfal, pereżempju bl-użu ta’ proċeduri ta’ intervista xierqa għat-tfal (59).

58.      L-użu ta’ salvagwardji proċedurali sensittivi għat-tfal huwa ta’ importanza prattika kbira. Madankollu ma hemm xejn fl-Artikolu 24 tal-Karta, fl-Artikoli 3, 9, 12 u 13 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li fuqhom hija bbażata d-dispożizzjoni tal-Karta, fid-Direttiva 2011/95 jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-aħjar interessi tat-tfal ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tas-sustanza tal-applikazzjonijiet li jirrigwardaw lit-tfal. L-Artikolu 24(2) tal-Karta stess jipprovdi li l-aħjar interess tat-tfal “għandu” jittieħed inkunsiderazzjoni fl-azzjonijiet “kollha” relatati mat-tfal (60). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss evalwazzjoni ġenerali u fil-fond tas-sitwazzjoni tal-minuri li tippermetti li jiġi identifikat l-aħjar interess tat-tfal (61). F’dan il-kuntest, jista’ jkun utli jew anki neċessarju li jittieħed parir ta’ esperti. Il-Kummissjoni tfakkar ġustament li, skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jittieħdu wara eżami adegwat u li l-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet ikollu l-possibbiltà li jieħu parir, fejn meħtieġ, minn esperti dwar, inter alia, kwistjonijiet relatati mat-tfal (62).

59.      Inżid ngħid li fejn ikun hemm tibdil rilevanti u materjali fiċ-ċirkustanzi jew fis-saħħa tal-minuri bejn id-data tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inizjali tiegħu jew tagħha u applikazzjoni sussegwenti, jista’ jkun xieraq li ssir evalwazzjoni ġdida tal-aħjar interessi tat-tfal sabiex jiġi stabbilit dan l-imsemmi interess tat-tfal (63).

60.      Id-deċiżjonijiet dwar meta u kif, preċiżament, kwistjonijiet ta’ dan it-tip għandhom jiġu ddeterminati u jittieħdu inkunsiderazzjoni huma kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, fl-isfond tal-bżonn li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività (64).

61.      L-evalwazzjoni tal-aħjar interessi hija meħtieġa, għaldaqstant, sabiex tittieħed deċiżjoni fuq applikazzjoni tal-minuri għal protezzjoni internazzjonali jew waħda li tikkonċerna minuri jew li għandha konsegwenzi sinjifikattivi għalih jew għaliha (65) u li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/95, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 24(2) u tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Tali evalwazzjoni xierqa tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fatturi bħalma huma l-età kronoloġika, l-età f’termini ta’ żvilupp, is-sess, il-vulnerabbiltajiet partikolari, is-sitwazzjoni tal-familja, l-edukazzjoni u l-istat ta’ saħħa fiżika u mentali (66).

62.      F’dan il-kuntest, naqbel mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ċek, Ungeriż u Olandiż li l-aħjar interessi tat-tfal huma biss kunsiderazzjoni waħda fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, minkejja li waħda ta’ importanza primarja. Huwa importanti li jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2011/95 huwa li tidentifika persuni li, sforz iċ-ċirkustanzi, ikollhom bżonn ġenwinament u leġittimament protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Il-protezzjoni internazzjonali hija disponibbli biss għar-refuġjati u persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja kif iddefiniti, rispettivament, fl-Artikoli 2(d) u (f) tagħha. F’dan il-kuntest legali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrattaw l-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja (67), u jkun kontra l-istruttura u l-għanijiet tad-Direttiva 2011/95 li jingħata status ta’ refuġjat u protezzjoni sussidjarja lil ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjonijiet li ma għandhom ebda konnessjoni mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali (68).

63.      Bħala eżempju ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fejn l-aħjar interessi tat-tfal huma partikolarment importanti, għandi f’moħħi ċirkustanzi fejn il-vulnerabbiltajiet mentali u fiżiċi speċifiċi tal-minuri jindikaw li l-atti li ma jkunux meqjusa bħala atti ta’ persekuzzjoni kieku affettwaw lill-minuri ieħor, li ma jbatix minn dawn il-vulnerabbiltajiet, jew adult, kien ikollhom impatt iktar sever fuq dak il-minuri, fid-dawl ta’ ċirkustanzi rilevanti oħra bħalma hija d-disponibbiltà ta’ sostenn familjari fil-pajjiż tal-oriġini, sal-punt li dawn ikunu jammontaw għal atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95. L-aħjar interessi tat-tfal huma partikolarment rilevanti wkoll fil-kuntest ta’ forom ta’ persekuzzjoni speċifiċi għat-tfal (69).

64.      Tali sitwazzjoni hija distingwibbli b’mod ċar miċ-ċirkustanzi li wasslu għas-sentenza M’Bodj (70), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ kura tas-saħħa xierqa fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant ma jammontax għal trattament degradanti jew inuman sakemm l-applikant li jkun isofri minn marda serja ma jkunx intenzjonalment imċaħħad minn tali kura tas-saħħa, u li Stat Membru huwa prekluż milli jintroduċi jew iżomm dispożizzjonijiet li jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jsofri minn marda serja minħabba l-eżistenza ta’ riskju li s-saħħa ta’ dik il-persuna tiddeterjora b’riżultat tal-fatt li fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew tagħha ma hemmx fejn tieħu trattament xieraq.

65.      Għal darba oħra, huma l-awtoritajiet kompetenti, u finalment il-qrati nazzjonali, li għandhom jevalwaw dawn l-oqsma kollha fil-kuntest tal-applikazzjonijiet individwali għal protezzjoni internazzjonali.

2.      It-tieni parti

66.      Mill-mod kif il-qorti tar-rinviju fformulat it-tieni parti tat-tielet domanda, nifhem li din ma teħtieġx risposta jekk ir-risposta għall-ewwel parti hija li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li organu deċiżjonali jiddetermina u jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal meta jiddeċiedi fuq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

67.      Fi kwalunkwe każ, huwa diffiċli li wieħed jifhem mid-digriet tar-rinviju ir-rabta, fattwali jew loġika, bejn dak li jiġri fi proċeduri relatati ma’ “talba għall-għoti ta’ residenza fuq bażi ordinarja”, li, skont il-Gvern Olandiż ma hijiex kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni (71), u l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali taħt id-dritt nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2011/95 fil-każ pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż, dak Ungeriż u l-Kummissjoni huma tal-fehma li d-digriet tar-rinviju ma fihx informazzjoni suffiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ x’wieħed jifhem b’“talba għall-għoti ta’ residenza fuq bażi ordinarja”, biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tipprovdi risposta utli għat-tieni parti tat-tielet domanda. Barra minn hekk, bħala risposta għad-domanda mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-appellanti kkonferma li dawn il-proċeduri jikkonċernaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali biss, u mhux “talbiet għall-għoti ta’ residenza fuq bażi ordinarja”. Dan jikkonferma l-argument tal-Gvern Olandiż li t-tieni parti tat-tielet domanda hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Minħabba l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara t-tieni parti tat-tielet domanda inammissibbli, u nipproponi biex din ma tiġix ikkunsidrata ulterjorment (72).

C.      Ir-raba’ domanda

68.      Ir-raba’ domanda tirrigwarda speċifikament id-dannu li l-minuri jista’ jsofri b’riżultat ta’ permanenza twila fi Stat Membru u meta, jekk xejn, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni sostantiva ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tispekula li jista’ jkun rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni jekk l-applikazzjoni inizjali kinitx iddeterminata fit-termini stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, jekk il-permanenza tal-applikant fl-Istat Membru kinitx legali u jekk l-obbligu ta’ ritorn impost preċedentement kienx ġie osservat jew enforzat.

69.      Skont id-digriet tar-rinviju, l-appellanti jgħidu li huma sofrew dewmien fl-iżvilupp tagħhom jew dannu fl-iżvilupp tagħhom minħabba l-istress li jgħixu b’inċertezza dwar l-eżitu tal-applikazzjonijiet inizjali tal-familja għal protezzjoni internazzjonali u t-theddida ta’ ritorn sfurzat lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, u kkorroboraw dawn l-allegazzjonijiet bi provi dokumentarji. Barra mir-rappreżentanti tal-appellanti, il-partijiet kollha li rrispondew għar-raba’ domanda jsostnu li l-eżitu ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali ma għandux jiġi stabbilit b’riferiment għal dan it-tip ta’ dannu.

70.      Ma hemmx dubju li jekk tifel jew tifla jgħixu b’inċertezza u theddid fit-tul, dan iwassal għal stress li jista’ jikkaġuna dewmien jew dannu fl-iżvilupp tagħhom (73). Dan ma huwiex, minnu nnifsu, fattur li jista’ jintitola lil dak li jkun għal protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95 jew jiġġustifika approċċ inqas strett fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal dan il-għan, kif jidher li qiegħda timplika l-qorti tar-rinviju. Il-ġenituri tal-appellanti ddeċidew li kien fl-aħjar interessi ta-tfal li jeżawrixxu r-rimedji legali disponibbli fil-kuntest tal-applikazzjoni għal protezzjoni tal-familja inizjali u biex jippreżentaw applikazzjonijiet sussegwenti għan-nom ta’ uliedhom. Ma hemm xejn x’jindika li l-ipproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet u d-determinazzjoni ta’ dawn l-appelli damu iktar minn dak li kien raġonevolment mistenni. Id-deċiżjonijiet tal-ġenituri tal-appellanti kellhom il-konsegwenza inevitabbli li jtawwlu l-permanenza tal-familja fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-ġenituri għandhom jitqiesu li kkunsidraw il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-benesseri ta’ uliedhom fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi. Wieħed jista’ jassumi li huma ħadu dawn id-deċiżjonijiet konvinti li kien aħjar għal uliehom li jibqgħu jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi milli jirritornaw l-Iraq. Jista’ jkun li din ma kinitx l-għażla ideali, iżda abbażi tal-każ tal-appellanti stess, huwa diffiċli li jiġi aċċettat li huma sofrew dannu ikbar milli kieku l-ġenituri tagħhom kienu ddeċidew li jirritornaw l-Iraq magħhom.

71.      Fl-aħħar nett, meta jittieħdu deċiżjonijiet fuq applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li jirrigwardaw minuri, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-età f’termini ta’ żvilupp tiegħu jew tagħha u l-istat ta’ saħħa fiżika jew mentali tiegħu jew tagħha fil-mument li fih issir dik l-evalwazzjoni. Iċ-ċirkustanzi li jista’ kellhom effett detrimentali fuq l-iżvilupp jew is-saħħa tal-wild huma, f’dan il-kuntest, irrilevanti.

D.      Il-ħames domanda

72.      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf jekk prattika legali nazzjonali li permezz tagħha ssir distinzjoni bejn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali inizjali u sussegwenti, fis-sens li r-raġunijiet ordinarji jiġu skartati fil-każ ta’ applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 24(2) tagħha.

73.      Huwa diffiċli li tiġi stabbilita rabta mad-dritt tal-Unjoni u r-rilevanza ta’ din id-domanda fil-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li jikkonċernaw applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, u mhux talbiet għall-għoti ta’ residenza fuq bażi ordinarja, li l-gvern Olandiż isostni li ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li din id-domanda titqies inammissibbli għall-istess raġunijiet bħal dawk mogħtija fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

V.      Konklużjoni

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija

għandu jiġi interpretat li jfisser li:

–        ċittadini ta’ pajjiż terz li huma bniet jew nisa jikkondividu karatteristika innata minħabba s-sess bioloġiku tagħhom u, minħabba li jkunu għexu fi Stat Membru għal perijodu konsiderevoli matul il-fażi tal-ħajja tagħhom fejn huma jifformaw l-identità tagħhom, huma jistgħu jikkondividu twemmin fl-ugwaljanza bejn is-sessi li huwa tant fundamentali għall-identità tagħhom li ma għandhomx jiġu sfurzati jirrinunzjaw għalih;

–        sabiex jiġi stabbilit jekk grupp għandux identità distinta fil-pajjiż tal-oriġini minħabba li s-soċjetà ta’ madwaru tqisu differenti, l-Istati Membri huma meħtieġa, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha rilevanti kif jirrigwardaw il-pajjiż tal-oriġini fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni fuq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluż il-liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-mod kif dawn jiġu applikati, flimkien ma’ kwalunkwe elementi rilevanti li jressaq l-applikant għal protezzjoni internazzjonali;

–        grupp li jikkonsisti f’nisa u bniet li jikkondividu twemmin fl-ugwaljanza bejn is-sessi għandu identità distinta fil-pajjiż tal-oriġini jekk, meta dawn jesprimu dan it-twemmin b’dikjarazzjonijiet jew aġir, huma jitqiesu mis-soċjetà f’dan il-pajjiż bħala li jittrasgredixxu d-drawwiet soċjali;

–        ma huwiex meħtieġ li twemmin kondiviż fl-ugwaljanza bejn is-sessi jkollu bażi reliġjuża jew politika.

(2)      Id-Direttiva 2011/95, moqrija flimkien mal-Artikolu 24(2) u mal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandha tiġi interpretata li tfisser li:

–        prattika nazzjonali fejn organu deċiżjonali, meta jwettaq evalwazzjoni sostantiva fuq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jew applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, ma jiħux inkunsiderazzjoni, bħala kunsiderazzjoni primarja, l-aħjar interessi tal-minuri, jew jiżen l-aħjar interessi tal-minuri mingħajr ma jistabbilixxi minn qabel, f’kull proċedura, x’inhuma l-aħjar interessi tal-minuri, hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni;

–        il-metodoloġija u l-proċedura biex jiġu stabbiliti l-aħjar interessi tal-minuri huma materji li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ effettività;

–        dannu li jkun sofra minuri minħabba l-permanenza twila tiegħu jew tagħha fi Stat Membru huwa irrilevanti għal deċiżjoni dwar jekk għandhiex tintlaqa’ jew le applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali meta dik il-permanenza twila fi Stat Membru hija r-riżultat ta’ deċiżjonijiet tal-ġenituri jew tal-kustodji legali biex jeżawrixxu r-rimedji legali disponibbli biex jikkontestaw l-applikazzjoni inizjali u biex jippreżentaw applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      F’dawn il-konklużjonijiet, nirreferi għalihom bħala “l-appellanti”.


3      Applikazzjonijiet tal-4 ta’ April 2019. L-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60) jiddefinixxi applikazzjoni sussegwenti bħala applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva.


4      Deċiżjonijiet tal-21 ta’ Diċembru 2020, appellati fit-28 ta’ Diċembru 2020 u mismugħa mill-qorti tar-rinviju fis-17 ta’ Ġunju 2021.


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/95”).


6      Filwaqt li dan il-paragrafu huwa parti mit-taqsima intitolata “Gwida speċifika għall-pajjiżi” li tirrigwarda lill-Afganistan, dan ir-rinviju jikkonċerna applikanti mill-Iraq.


7      Digriet tar-rinviju, punt 23.


8      Werkinstructie 2019/1, Het beoordelen van asielaanvragen van verwesterde vrouwen (Struzzjoni ta’ xogħol 2019/1, l-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ta’ nisa bi stil ta’ ħajja tal-Punent).


9      Paragrafu C.2.3.2. taċ-Ċirkulari dwar il-Barranin tal-2000 (C).


10      Digriet tar-rinviju, punt 25.


11      Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 189, 1954, p. 150, Nru 2545.


12      Dan il-protokoll neħħa r-restrizzjonijiet ta’ żmien u ġeografiċi tal-Konvenzjoni ta’ Genève, sabiex din tkun tapplika universalment, minflok ikorpi biss lill-persuni li kienu saru refuġjati b’riżultat ta’ avvenimenti li seħħew qabel l-1 ta’ Jannar 1951.


13      Ara wkoll l-Artikolu 78 TFUE dwar l-iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-ażil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja skont il-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-Istatus ta’ Refuġjati. Ara wkoll, inter alia, il-premessi 3, 4, 14 u 22 sa 24 tad-Direttiva 2011/95.


14      Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 u s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara l-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95, moqrija flimkien mad-definizzjonijiet ta’ “refuġjat” u “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” fl-Artikolu 2(d) u (f) tiegħu rispettivament. L-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva 2011/95 jipprovdi, inter alia, li dan jinkludi sitwazzjonijiet fejn biża’ ġustifikata ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju huwa bbażat fuq każijiet li jkunu seħħew mindu l-applikant ikun telaq mill-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew tagħha. Il-qorti tar-rinviju ma titlobx interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.


17      Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


18      Għalkemm it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10(1)(d) jirreferi għall-fatt li “[a]spetti relatati mas-sess, inkluża l-identità sesswali, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom sabiex tiġi determinata sħubija fi grupp soċjali partikolari jew identifikata karatteristika ta’ grupp bħal dan”, dan ma jipprekludix aspetti relatati mas-sess milli jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ raġunijiet oħra għal persekuzzjoni fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95.


19      Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95. Ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata) u UNHCR, Guidelines on International Protection: Gender-Related Persecution within the context of Article 1A(2) of the 1951 Convention and/or its 1967 Protocol relating to the Status of Refugees, 7 ta’ Mejju 2002, punt 7.


20      Ara UNHCR Guidelines on International Protection: “Membership of a particular social group” within the context of Article 1A(2) of the 1951 Convention and/or its 1967 Protocol relating to the Status of Refugees, 7 ta’ Mejju 2002, punti 3 u 4.


21      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk humiex issodisfatti dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi b’riferiment għal sitwazzjoni fattwali partikolari. Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Id-Direttiva 2011/95 ma tiddefinixxix x’inhu ġeneru, liema terminu ġie ddefinit banda oħra bħala “ir-rwoli, l-imġiba, l-attivitajiet u l-attributi li huma mibnija soċjalment u li soċjetà tqis xierqa għan-nisa u l-irġiel” (ara l-Artikolu 3(c) tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-“Konvenzjoni ta’ Istanbul”), adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-7 ta’ April 2011, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2014 (Council of Europe Treaty Series – Nru 210)). Fid-9 ta’ Mejju 2023, il-Parlament Ewropew approva l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea ma’ din il-konvenzjoni (ara wkoll l-Opinjoni 1/19 (Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) tas-6 ta’ Ottubru 2021, EU:C:2021:832).


23      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Intervyuirasht organ na DAB pri MS  (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), (C‑621/21, EU:C:2023:314, punt 73).


24      Ara UNHCR Guidelines on International Protection: Gender-Related Persecution within the context of Article 1A(2) of the 1951 Convention and/or its 1967 protocol relating to the Status of Refugees, 7 ta’ Mejju 2002, punti 30 u 31; gwida mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (“EASO”) fuq is-sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, Marzu 2020, p. 21; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika) (C‑621/21, EU:C:2023:314, punt 71).


25      Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 46).


26      Jista’ jkun rilevanti li jiżdied li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1)(d) jipprovdi li grupp jista’ jkun ukoll grupp soċjali partikolari meta l-membri tiegħu jikkondividu sfond komuni li ma jistax jinbidel. Minix konvint li din il-kunsiderazzjoni hija rilevanti f’dan il-każ. Ċertament jista’ jiġi argumentat li persuni bħalma huma l-appellanti, li qattgħu parti konsiderevoli mill-fażi ta’ ħajjithom li fiha jifformaw l-identità tagħhom fi Stat Membru, jikkondividu sfond komuni li ma jistax jinbidel. Madankollu, f’dan il-każ, ma jidher li tressaq ebda argument li l-appellanti jista’ għandhom biża’ ġġustifikata ta’ persekuzzjoni minħabba li huma jikkondiviodu tali sfond komuni.


27      Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li twemmin fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 jista’ jkun ibbażat fuq jew influwenzat minn fatturi politiċi jew reliġjużi u li dawn il-fatturi għandhom rwol fuq il-mod kif is-soċjetà tħares lejn il-grupp fil-pajjiż tal-oriġini.


28      Ara wkoll il-premessi 29 u 30 tad-Direttiva 2011/95, li jagħmlu distinzjoni ċara bejn ir-raġunijiet għall-persekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 10(1) tagħha.


29      Fi kliem ieħor, regoli reliġjużi u dogmi tal-fidi ma jipprekludux l-eżistenza ta’ firxa ta’ twemmin reliġjuż diverġenti fost is-segwaċi. Pereżempju, il-Kattoliċi jistgħu jemmnu li n-nisa għandhom ikunu permessi jiġu ordnati saċerdoti minkejja l-fatt li l-Liġi Kanonika 1024 tipprojbixxiha.


30      Erik Erikson kien wieħed mill-ewwel psikologi li ddeskriva l-kunċett ta’ identità fil-kuntest tal-iżvilupp tal-personalità. Huwa kkunsidra li l-identità tippermetti persuna tiċċaqlaq bi skop u direzzjoni fil-ħajja, u b’sens ta’ permanenza interna u kontinwità fiż-żmien u fl-ambjent. L-identità hija psikosoċjali min-natura tagħha, ifformata bl-intersezzjoni ta’ kapaċitajiet bioloġiċi u psikoloġiċi flimkien mal-opportunitajiet u diversi sostenni offruti mill-kuntest soċjali tal-persuna. L-identità normalment issir kwistjoni ċentrali matul l-adoloxxenza, meta l-individwu jindirizza kwistjonijiet dwar id-dehra, l-għażla vokazzjonali, l-aspirazzjonijiet ta’ karriera, edukazzjoni, relazzjonijiet, sesswalità, fehmiet politiċi u soċjali, personalità u interessi. It-tħassib importanti dwar l-identità spiss jeżiġi iktar riflessjoni u reviżjoni iktar tard fil-ħajja. Il-fergħa tal-psikoloġija li tittratta l-identità u l-jien tal-persuna żviluppat u rfinat it-teoriji ta’ Erikson. Ara, pereżempju, Branje S, de Moor EL, Spitzer J, Becht AI. Dynamics of Identity Development in Adolescence: A Decade in Review, Journal of Research on Adolescence, Diċembru 2021, Vol. 1(4), p. 908 sa 927.


31      Ara, pereżempju, id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2006, L 204, p. 23), id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU 2010, L 180, p. 1), id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU 2006, L 153M, p. 294).


32      Sa kmieni mill-1976, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa pprovdut mid-dritt tal-Unjoni għandu effett dirett, b’mod li individwu jista’ jinvokah kontra min iħaddmu (sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, EU:C:1976:56).


33      Id-dritt ta’ kull persuna għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni jikkostitwixxi dritt universali rrikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.


34      Ara wkoll id-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (“KEDB”), li għaliha l-Istati Membri huma kollha firmatarji, b’mod partikolari l-Artikolu 14 KEDB (projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni), Artikolu 12 KEDB (dritt għaż-żwieġ), Artikolu 10 KEDB (libertà tal-espressjoni) u l-Artikolu 2 tal-Protokoll għall-KEDB (dritt għall-edukazzjoni).


35      L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottaw din il-konvenzjoni fit-18 ta’ Diċembru 1979 u din daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Settembru 1981 (United Nations Treaty Series, Vol. 1249, p. 13). L-Unjoni Ewropea ma hijiex kontraenti fiha.


36      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:72, punti 70 sa 75). Jista’ jiġi osservat li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“QEDB”) fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2011, Sufi u Elmi vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2011:0628JUD000831907, punt 275), tirrigwarda l-kwistjoni differenti ta’ jekk l-applikanti f’dak il-każ kinux f’riskju reali ta’ trattament ħażin li jikser l-Artikolu 3 KEDB u/jew bi ksur tal-Artikolu 2 KEDB. Huwa f’dan il-kuntest li l-QEDB ikkunsidrat jekk l-applikanti ikunux jistgħu jevitaw dawn ir-riskji billi “jilagħbu l-logħba”.


37      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:72, punt 68).


38      Ara UNHCR Guidelines on International Protection: Membership of a particular social group within the context of Article 1A(2) of the 1951 Convention and/or its 1967 Protocol relating to the Status of Refugees, 7 ta’ Mejju 2002, punt 15. Ara wkoll EASO Guidance on membership of a particular social group, Marzu 2020, p. 16.


39      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95.


42      Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Military service and asylum) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 65 u 66), u tat-3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna bla Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑349/20, EU:C:2022:151, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll EASO Practical Guide: Evidence Assessment, Marzu 2015.


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 85).


45      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punti 31 u 32) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Fathi (C‑56/17, EU:C:2018:621, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara l-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2011/95, u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:474, punt 35) u fil-kawża Shepherd (C‑472/13, EU:C:2014:2360, punt 56). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika) (C‑621/21, EU:C:2023:314, punti 72 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (ĠU 2021, L 468, p.1) stabbilixxiet l-EUAA sabiex tissostitwixxi u tassumi l-funzjonijiet tal-EASO.


48      Ara EUAA, Country Guidance: Iraq, Common analysis and guidance note, Ġunju 2022, b’mod partikolari t-taqsimiet 2.13 u 2.17. Il-UNHCR jikkunsidra li, skont iċ-ċirkustanzi individwali tagħhom, il-persuni li jitqiesu li jiksru r-regoli Iżlamiċi stretti jista’ jkollhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali bħala refuġjati abbażi tar-reliġjon tagħhom jew is-sħubija ta’ grupp soċjali partikolari: UNHCR, International Protection Considerations with Regard to People Fleeing the Republic of Iraq, Mejju 2019, p. 79 u 80.


49      Iż-żwieġ tat-tfal huwa fenomenu konsistenti fl-Iraq, fejn l-età taż-żwieġ legali hija 15-il sena bil-permess tal-ġenituri, u 18-il sena mingħajr l-imsemmi permess. (EUAA, Country Guidance: Iraq – Common analysis and guidance note, Ġunju 2022, taqsima 2.16). Skont l-organizzazzjoni ‘Girls not Brides’, 28 % tal-bniet fl-Iraq jiżżewwġu qabel l-età ta’ 18-il sena u 7 % jiżżewwġu qabel l-età ta’ 15-il sena. Dwar iż-żwieġ tat-tfal b’mod ġenerali, ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2018 intitolat “Lejn strateġija esterna tal-Unjoni Ewropea kontra ż-żwiġijiet prekoċi u furzati - il-passi li jmiss” (2017/2275(INI)).


50      Ara, pereżempju, EASO Country of Origin Information Report intitolat “Iraq Key socio-economic indicators for Baghdad, Basra and Erbil”, Settembru 2020, b’mod partikolari t-Taqsima 1.4; EUAA Country Guidance intitolat “Iraq – Common analysis and guidance note”, Ġunju 2022, b’mod partikolari t-Taqsimiet 2.13 u 2.16.4, u r-rapport dwar l-Iraq tat-28 ta’ Ottubru 2020 minn Humanists International, b’mod partikolari t-taqsima intitolata “Discrimination against women and minorities”.


51      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika) (C‑621/21, EU:C:2023:314, punti 74 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 jeżiġi konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-atti ta’ persekuzzjoni kif ikkwalifikati fl-Artikolu 9(1) tiegħu jew in-nuqqas ta’ protezzjoni kontra tali atti.


54      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32 ma ma jagħmel ebda distinzjoni bejn l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u applikazzjoni sussegwenti fid-dawl tan-natura tal-elementi jew tal-fatti li jistgħu juru li l-applikant jikkwalifika għall-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet għandha, fiż-żewġ każijiet, issir skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 40).


55      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja) (C‑768/19, EU:C:2021:709, punt 38), u tal-1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ma’ minuri refuġjat) (C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punti 36 sa 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


56      Iffirmata fl-20 ta’ Novembru 1989 (United Nations Treaty Series, vol 1577, p. 3) (“il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal”). Skont l-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 24 tal-Karta huwa bbażat fuq din il-konvenzjoni, li kienet irratifikata mill-Istati Membri kollha, partikolarment fl-Artikoli 3, 9, 12 u 13 tagħha (ĠU 2007, C 303, p. 17). Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 64).


57      Numru ta’ dispożizzjonijiet oħra mid-Direttiva 2011/95, kif ukoll il-premessa 38 tagħha, jirriflettu wkoll ir-rekwiżiti tal-Artikolu 24 tal-Karta. L-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2011/95 jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli, bħalma huma l-minuri. L-Artikolu 20(5) tagħha jipprovdi li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitlu VII ta’ din id-direttiva li jinvolvu lil minuri li ngħataw protezzjoni internazzjonali. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII jirrigwardaw, pereżempju, l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa (Artikolu 27(1) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2011/95 rispettivament). Madankollu, ir-rekwiżiti fl-Artikolu 20(3) u (5) ma jestendux għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri, dawk li jirrigwardaw speċifikament l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.


58      Sentenza tad-9 ta‘ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja)(C‑768/19, EU:C:2021:709, punt 38).


59      Skont l-Artikolu 15(3)(e) tad-Direttiva 2013/32.


60      Ara, wkoll, Kumitat għad-Drittijiet tal-Minuri, Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) biex tingħata kunsiderazzjoni primarja lill-aħjar interessi tiegħu jew tagħha) (Artikolu 3(1)) (CRC/C/GC/14), li jispjega li l-aħjar interessi tat-tfal jikkonsistu dritt sostantiv, prinċipju interpretattiv u regola ta’ proċedura.


61      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2021:9, punt 46).


62      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(3)(d) tad-Direttiva 2013/32.


63      Ara EASO Practical guide on the best interests of the child in asylum procedures, 2019, p. 13, li tipprovdi li l-għoti ta’ kunsiderazzjoni primarja lill-aħjar interessi tat-tfal huwa proċess kontinwu li jeżiġi evalwazzjoni qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva.


64      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ applikazzjoni sussegwenti – Terminu għall-proċeduri) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punti 34 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn ta’ ġenitur ta’ minuri) (C‑112/20, EU:C:2021:197, punti 33 sa 38), u tas-17 ta’ Novembru 2022, Belgische Staat (Minuri refuġjat miżżewweġ) (C‑230/21, EU:C:2022:887, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


66      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2021:9, punt 47).


67      Pereżempju, jekk organu deċiżjonali jassumi b’mod raġonevoli li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-ġenituri ma tkunx ser tingħata, għaldaqstant isegwi li huwa fl-aħjar interess tal-minuri li jirritorna mal-ġenituri fil-pajjiż tal-oriġini.


68      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13 EU:C:2014:2452, punt 44).


69      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punti 65 u 66), u, f’sens simili, il-punti 15 sa 17 tal-UNHCR Guidelines on International Protection No. 8: Child Asylum Claims under Articles 1(A)2 and 1(F) of the 1951 Convention and/or 1967 Protocol relating to the Status of Refugees (Linji Gwida fuq il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 8: Talbiet għall-Ażil tat-Tfal skont l-Artikoli 1(A)2 and 1(F) tal-Konvenzjoni tal-1951 u/jew tal-Protokoll li Jirrigwarda l-Istatus ta’ Refuġjati), 22 ta’ Diċembru 2009, punti 15 sa 17.. Ara wkoll it-taqsima ta’ dawn il-linji gwida li jittrattaw il-forom ta’ persekuzzjoni speċifiċi għat-tfal.


70      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj  (C‑542/13, EU:C:2014:2452).


71      Fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-ħames domanda, li tirreferi wkoll għall-għoti ta’ residenza fuq bażi ordinarja, il-Gvern Olandiż irrefera lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 3.6a tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (Id-Digriet fuq il-Barranin tal-2000) tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 497).


72      Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et (C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2021:11, punti 51 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


73      Ara, pereżempju, Kalverboer, M.E., Zijlstra, A.E. u Knorth, E.J., “The developmental consequences for asylum-seeking children living with the prospect for five years or more of enforced return to their home country”, European Journal of Migration and Law, Vol. 11, Martinus Nijhoff Publishers, (2009), p. 41-67.