Language of document :

Kawża C595/18 P

The Goldman Sachs Group Inc.

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas27 ta’ Jannar 2021

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Tqassim tas-suq fil-kuntest ta’ proġetti – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 23(2) – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija lil oħra – Preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti – Entità li tikkontrolla 100 % tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-azzjonijiet ta’ kumpannija oħra”

1.        Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija omm u sussidjarji – Unità ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarji miżmuma fit-totalità jew fil-kważi totalità minnha – Kumpannija omm li tinsab f’sitwazzjoni analoga – Kumpannija omm li għandha l-possibbiltà teżerċita d-drittijiet tal-vot kollha marbuta mal-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(1))

(ara l-punti 31 sa 36)

2.        Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija omm u sussidjarji – Unità ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarji miżmuma fit-totalità jew fil-kważi totalità minnha – Natura konfutabbli – Kombinazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarji miżmuma fit-totalità jew fil-kważi totalità ma’ provi oħra

(Artikolu 101 TFUE)

(ara l-punt 40)

3.        Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija omm u sussidjarji – Unità ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-imġieba tas-sussidjarja li tista’ tiġi dedotta minn sensiela ta’ indizji dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali mal-kumpannija omm – Ċirkustanzi li jippermettu li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ influwenza determinanti – Kontroll effettiv tal-bord tad-diretturi tas-sussidjarja – Diretturi sedenti fil-bord tad-diretturi ta’ kumpannija marbuta mal-kumpannija l-oħra permezz ta’ servizzi ta’ konsulenza jew ta’ kuntratti ta’ konsulent

(Artikolu 101 TFUE)

(ara l-punti 93 sa 95)


Sunt

The Goldman Sachs Group (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) hija kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti li taġixxi bħala bank ta’ investiment li jopera fiċ-ċentri finanzjarji prinċipali madwar id-dinja. Mid‑29 ta’ Lulju 2005 sat‑28 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem il-“perijodu tal-ksur”), hija kienet il-kumpannija omm (indiretta), permezz ta’ ċerti fondi li hija kienet stabbilixxiet, ta’ Prysmian SpA kif ukoll tas-sussidjarja kkontrollata integralment minnha, Prysmian Cavi e Sistemi Srl, żewġ kumpanniji stabbiliti fl-Italja, li flimkien jikkostitwixxu l-grupp Prysmian, operatur globali tas-settur tal-kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art. Filwaqt li s-sehem tagħha fil-kapital ta’ Prysmian kien inizjalment ta’ 100 % tal-ishma, dan sussegwentement naqas sabiex jammonta għal 84.4 % meta parti mill-kapital ta’ Prysmian tqiegħdet fil-Borża fit‑3 ta’ Mejju 2007 (1).

Wara investigazzjoni miftuħa fl‑2008, il-Kummissjoni, permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2014 (2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), minn naħa, ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE fis-“settur tal-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli (ħafna) ta’ taħt l-art u/jew ta’ taħt il-baħar” li jikkonsisti fi tqassim tas-suq globali bejn il-produtturi prinċipali Ewropej, Ġappuniżi u Sud Koreani msemmija u, min-naħa l-oħra, imponiet multi għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju inkwistjoni.

L-appellanti nżammet responsabbli bħala kumpannija omm ta’ Prysmian matul il-perijodu tal-ksur, billi saret distinzjoni bejn is-sitwazzjoni li kienet tipprevali sat-tqegħid fil-Borża ta’ parti mill-kapital ta’ Prysmian u s-sitwazzjoni sussegwenti. Għalhekk, fir-rigward tal-ewwel perijodu, il-Kummissjoni qieset li l-appellanti baqgħet f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ proprjetarju uniku u esklużiv, minkejja t-trasferimenti ta’ ishma li saru, b’tali mod li seta’ jiġi preżunt, konformement mal-prinċipji tal-ġurisprudenza stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja (3), li hija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Prysmian fis-suq. Barra minn hekk, fir-rigward tal-perijodu kollu tal-ksur, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sensiela ta’ elementi li jiżvelaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali eżistenti bejn l-appellanti u Prysmian sabiex tikkonkludi li kien hemm eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza determinanti.

Peress li kkontestat l-analiżi hekk segwita mill-Kummissjoni sabiex timputalha l-ksur inkwistjoni, Goldman Sachs ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din kienet tikkonċernaha, u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha, li ġie miċħud fl-intier tiegħu permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Lulju 2018 (4). Fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Jannar 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel preċiżazzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-kumpanniji omm minħabba s-sussidjarja tagħhom fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta qieset li, meta kumpannija omm ikollha d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ din il-kumpannija omm fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti kif stabbilita mill-ġurisprudenza tagħha hija intiża sabiex tippermetti li l-kumpannija omm tinżamm responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, sakemm ma turix li din tal-aħħar taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Għalhekk, l-implimentazzjoni tagħha ma tobbligax lill-Kummissjoni tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu l-eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li ma hijiex is-sempliċi żamma tat-totalità jew tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja fiha nnifisha li tikkostitwixxi l-bażi tal-preżunzjoni, iżda l-grad ta’ kontroll tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha li jirriżulta minnha. Issa, meta kumpannija omm ikollha d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha, mingħajr madankollu ma tkun l-unika azzjonista, hija tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar. Billi tosserva li ż-żamma mill-appellanti tad-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-ishma tas-sussidjarja tagħha ma kinitx ikkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali ma hijiex suġġetta għall-kritika tal-appell talli assimilat tali sitwazzjoni ma’ dik ta’ kumpannija li jkollha t-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami tal-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-appellanti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq matul il-perijodu kollu tal-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fir-rigward tal-ewwel perijodu, fuq bażi doppja sabiex iżżomm lill-appellanti responsabbli għall-ksur, jiġifieri preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, għar-raġuni li l-appellanti kellha d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-azzjonijiet ta’ Prysmian, u l-konklużjoni tagħha li tgħid li l-appellanti kienet effettivament eżerċitat tali influwenza fuq Prysmian. Peress li l-Kummissjoni kellha dritt tibbaża ruħha fuq tali preżunzjoni, kif jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, u li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellanti ma rnexxilhiex tikkonfuta din il-preżunzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-appell huwa ineffettiv sa fejn jirrigwarda l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali għal dak li jirrigwarda t-tieni bażi li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex iżżomm lill-appellanti responsabbli għall-ksur inkwistjoni f’dan il-perijodu.

Fir-rigward tal-perijodu wara t-tqegħid fil-Borża ta’ parti mill-kapital ta’ Prysmian, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li r-rabtiet personali bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha minbarra dawk li jirriżultaw minn kumulu ta’ funzjonijiet setgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward, sa fejn tali rabtiet jistgħu jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta aċċettat ir-rilevanza tar-rabtiet personali marbuta mal-eżerċizzju, mid-direttur ta’ kumpannija, ta’ attivitajiet ta’ konsulenza għall-kumpannija l-oħra.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li Prysmian ma ngħatat ebda tnaqqis tal-multa għar-raġuni li r-rikors ippreżentat mill-kumpanniji ta’ dan il-grupp kien mingħajr suċċess (5), b’tali mod li l-appellanti ma setgħetx tippretendi li jingħatalha l-benefiċċju. Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.


1      Matul il-perijodu ta’ ksur, il-perijodu ta’ qabel it-tqegħid fil-Borża ta’ parti mill-kapital ta’ Prysmian ser jiġi indikat iktar ’il quddiem bl-espressjoni “l-ewwel perijodu”.


2      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 final tat‑2 ta’ April 2014 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39610 – Kejbils tal-elettriku).


3      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 58). Ara wkoll is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Pirelli & C. vs Il‑Kummissjoni (C‑611/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:868, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


4      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, The Goldman Sachs Group vs Il‑Kummissjoni (T‑419/14, EU:T:2018:445).


5      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni (T‑475/14, EU:T:2018:448), ikkonfermata bis-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni (C‑601/18 P, EU:C:2020:751).