Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2013 – Marquis Energy vs Il-Kunsill

(Kawża T-277/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Marquis Energy LLC (Hennepin, l-Istati Uniti) (rappreżentant: P. Vander Schueren, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 157/2013, tat-18 ta’ Frar 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 49, p. 10), as fejn tikkonċerna lir-rikorrenti; u

tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.

L-ewwel motiv jallega li l-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tar-Regolament Bażiku, għaliex għażlet dazju fuq il-livell nazzjonali u rrifjutat li tikkalkula dazju dumping individwali, minkejja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tagħmel dan. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti rilevanti, żball ta’ liġi, naqset milli tipprovdi raġunijiet għall-konklużjonijiet tagħha, kisret id-dmir ta’ premura u kisret id-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

It-tieni motiv jallega lin-nuqqas tal-Kummissjoni milli taġġusta l-prezz ta’ esportazzjoni meta kkalkolat il-marġni tad-dumping, billi ma għamlitx aġġustament għaż-żieda tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni għall-blend tal-blender ikkonċernat, u dan jikkostitwixxi żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti u żball ta’ liġi.

It-tielet motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest tal-fatti rilevanti u kisret ir-Regolament Bażiku u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi sopraevalwat il-volum ta’ bijoetanol importat mill-Istati Uniti u billi ma kkunsidratx dawn l-importazzjonijiet bl-istess mod bħal importazzjonijiet tal-istess prodott minn pajjiżi terzi.

Ir-raba’ motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret ir-Regolament Bażiku meta wettqet il-kalkoli tal-marġni ta’ dannu.

Il-ħames motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret ir-Regolament Bażiku billi bbażat id-determinazzjoni tad-danni materjali tagħha fuq industrija tal-Unjoni li ma tipproduċiex prodott simili u billi ddefinit l-industrija tal-Unjoni qabel ma ddefinit il-prodott simili.

Is-sitt motiv jallega li r-regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ liġi peress li d-dannu materjali li hija tipprovdi għalih huwa ddeterminat fuq data ta’ kampjun mhux rappreżentattiv ta’ produtturi tal-Unjoni.

Is-seba’ motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li kawżi oħra ta’ dannu materjali ma jiksrux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet immirati u l-allegat dannu għall-industrija tal-Unjoni.

It-tmien motiv jallega li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi u kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi adotta miżura antidumping li ma hijiex meħtieġa.

Id-disa’ motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u nondiskriminazzjoni billi qieset li l-investigazzjoni dwar il-bijoetanol ta’ oriġini mill-Istati Uniti kienet ibbażata fuq ilment xieraq, meta dan tal-aħħar ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Bażiku.

L-għaxar motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet varji ksur ta’ drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u naqset milli tipprovdi raġunijiet meta adottat ir-regolament ikkontestat, peress li l-iżvelar definittiv li fuqu huwa bbażat ma kienx jinkludi fatti essenzjali u kunsiderazzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri definittivi. Il-Kummissjoni bidlet ukoll il-perijodu ta’ validità tal-miżuri mingħajr ma pprovdiet raġunijiet u la awtorizzat lir-rikorrenti l-aċċess għall-fajl mhux kunfidenzjali fi żmien xieraq u lanqas ma ħalliet żmien biżżejjed biex ir-rikorrenti jissottometti l-kummenti fuq l-iżvelar definittiv.