Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Jannar 2011 - Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-22/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband (Münster, il-Ġermanja) (rappreżentanti: I. Liebach u A. Rosenfeld, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2010, C(2010) 9525 finali, għajnuna mill-Istat, MC 8/2009 u C 43/2009 - il-Ġermanja - WestLB, sa fejn din tirrifjuta li testendi lil hinn mill-15 ta' Frar 2011, hekk kif kienet talbitha l-Ġermanja fit-28 ta' Ottubru 2010, it-terminu previst għall-bejgħ tal-kumpannija Westdeutsche Immobilienbank AG u l-abbandun tal-attivitajiet kummerċjali l-ġodda tagħha;

sussidjarjament, tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Diċembru 2010, C(2010) 9525 finali, għajnuna mill-Istat, MC 8/2009 u C 43/2009 - il-Ġermanja - WestLB, billi l-Kummissjoni ddeċidiet b'mod impliċitu li l-Ġermanja kienet sempliċement ippreżentat talba waħda għal estensjoni sal-15 ta' Frar 2011 tat-terminu previst għall-bejgħ tal-kumpanija Westdeutsche Immobilienbank AG u l-abbandun tal-attivitajiet kummerċjali l-ġodda tagħha u li konsegwentement l-ebda deċiżjoni ma għandha għalhekk tittieħed dwar estensjoni wara dik id-data;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha:

1.    L-ewwel motiv: ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn hija għaqqdet f'talba waħda ż-żewġ talbiet għal estensjoni li l-Ġermanja indirizzatilha.

Dejjem skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex f'dan il-każ, il-kundizzjonijiet previsti għall-estensjoni tat-termini fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2900) 3900 finali kkoreġuta, tat-12 ta' Mejju 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja biħsiebha tagħti għar-ristrutturazzjoni ta' WestLB AG (C 43/2008 [N 390/2008]) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tat-12 ta' Mejju 2009") ma humiex sodisfatti.

2.    It-tieni motiv: żbalji ta' evalwazzjoni u abbuż ta' poter

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni diskrezzjonali tagħha ta' estensjoni ta' terminu fuq konstatazzjoni żbaljata tal-fatti billi kkunsidrat b'mod żbaljat li l-estensjoni tat-terminu ġiet biss mitluba sal-15 ta' Frar 2011 u kkonstat b'mod impliċitu li ma kienx għadu neċessarju li tiddeċiedi fuq talba oħra għal estensjoni itwal.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx għamlet użu mill-possibbiltà ta' estensjoni tat-terminu previst espressament fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni tat-12 ta' Mejju 2009, meta l-kundizzjonijiet kienu ġew sodisfatti. Minflok, il-Kummissjoni invokat dritt ta' estensjoni mhux miktub sui generis li ma huwa bbażat fuq l-ebda bażi legali u li l-kundizzjonijiet dettaljati tiegħu huma estremament vagi.

3.    It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Ir-rikorrenti ssostni b'mod partikolari li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward l-abbandun tal-attivitajiet kummerċjali l-ġodda ta' Westdeutsche Immobilienbank AG mill-15 ta' Frar 2011 hija sproporzjonata meta mqabbla mal-inkonvenjenzi kkawżati minn dan.

4.    Ir-raba' motiv: ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

Ir-rikorrenti ssostni li, f'każijiet oħra relatati mal-kriżi finanzjarja, fejn l-istituzzjonijiet finanzjarji kienu rċevew għajnuna manifestament ogħla, il-Kummissjoni tat termini ferm itwal għall-bejgħ ta' azzjonijiet u ta' kumpanniji ta' finanzjament ta' proprjetà immobbli.

5.    Il-ħames motiv: ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda dritt li tinterpreta t-talbiet ta' Stat Membru b'mod kontradittorju għall-ifformular espress tagħhom, l-għan tagħhom u l-iskop tagħhom jew li tieħu deċiżjoni skont tali interpretazzjoni.

____________