Language of document : ECLI:EU:T:2014:773

Kawża T‑444/11

Gold East Paper (Jiangsu) Co. Ltd

u

Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) Co. Ltd

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Sussidji – Importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li toriġina miċ-Ċina – Metodoloġija – Kalkolu tal-vantaġġ – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Speċifiċità – Perijodu ta’ deprezzament – Trattamenti fiskali preferenzjali – Miżuri kumpensatorji – Dannu – Determinazzjoni tal-marġni ta’ qligħ – Definizzjoni tal-prodott ikkonċernat – Industrija Komunitarja – Rabta kawżali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014

1.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi – Sussidju ta’ miżuri kumpensatorji ‑ Metodu ta’ kalkolu

(Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikolu 7(1) u (2))

2.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi – Dannu – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Limitu – Żball manifest f’wieħed mill-fatturi tal-evalwazzjoni tad-dannu – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009)

3.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi – Sussidju ta’ miżuri kumpensatorji – Kalkolu tal-vantaġġ ikkonferit lill-benefiċċjarju – Għażla ta’ pajjiż estern bħala punt ta’ referenza – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikolu 6(d)(ii))

4.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Assenza – Inammissibbiltà – Riferiment globali għad-dokumenti l-oħra annessi wkoll mar-rikors – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

5.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi – Sussidju ta’ miżuri kumpensatorji – Kalkolu – Kalkolu tal-perijodu ta’ deprezzament normali tal-oġġetti – Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni tal-perijodi kkomunikati mill-esportaturi kkonċernati – Assenza – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikolu 7(3))

6.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi – Sussidju ta’ miżuri kumpensatorji – Self mogħti mill-banek ta’ Stat terz ikkontrollat mis-setgħat pubbliċi – Eżistenza ta’ vantaġġ ikkonferit mis-setgħat pubbliċi

(Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikoli 6(b) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1))

7.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping jew ta’ sussidjar minn Stati terzi – Kombinazzjoni tal-miżuri antidumping u tal-miżuri kontra s-sussidji – Ammissibbiltà – Limiti

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikoli 14(2), u 15(1), u Nru 1225/2009, Artikolu 9(4))

8.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi – Impożizzjoni ta’ dritt kumpensatorju definittiv – Kalkolu tal-marġni ta’ qligħ – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Portata

(Regolament tal‑Kunsill Nru 597/2009, Artikoli 2(d) u 15(1))

9.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Definizzjoni tal-prodott ikkonċernat – Fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikoli 8, 9(1), u 10(6))

10.    Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Regolament li jistabbilixxi dazji kontra sussidji

(Artikolu 296 TFUE)

11.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ sussidjar minn Stati terzi – Dannu – Stabbiliment tar-rabta kawżali – Obbligi tal-istituzzjonijiet – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi barranin għas-sussidju – Setgħa diskrezzjonali – Oneru tal-prova

(Regolament tal-Kunsill Nru 597/2009, Artikolu 8(1) u (6))

1.      Fil-kuntest ta’ proċedura kontra l-prattiċi ta’ ssussidjar min-naħa tal-Istati terzi skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 597/2009, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, meta s-sussidju ma jingħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, maħduma, esportati jew trasportati, l-ammont tas-sussidju kumpensabbli għandu jkun stabbilit bl-allokazjoni tal-valur tas-sussidju totali, kif xieraq, fuq il-livell ta’ produzzjoni, bejgħ, jew esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati matul il-perijodu tal-investigazzjoni dwar is-sussidjar. F’dan ir-rigward, istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tuża bħala denominatur fil-kalkolu tal-ammont tas-sussidju ta’ kumpens li jirrappreżenta t-total tal-bejgħ ta’ impriżi kkonċernati, inklużi l-aġġustamenti tad-dħul mill-bejgħ għall-esportazzjoni, sabiex jiġi żgurat li d-dħul mill-bejgħ jirrifletti l-valur totali tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat.

(ara l-punti 43, 47-55)

2.      Fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jeżaminaw. Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti stabbiliti sabiex issir l-għażla kkontestata, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi li jippermettu lill-qorti tal-Unjoni tikkonstata li istituzzjoni tal-Unjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkluż fl-evalwazzjoni tad-dannu. B’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni tal-Unjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġi ġġustifikat l-annullament ta’ att, ir-rikorrenti għandu jipproduċi elementi suffiċjenti sabiex irendu implawsibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti stabbiliti fl-att ikkontestat.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kawżi kontra sussidji, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet sabiex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti. Għalhekk, il-fatt li produttur tal-Unjoni ma rrispondiex għat-talba ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni ma jistax jikkostitwixxi ommissjoni fil-kuntest tal-eżami konkret ibbażat fuq provi oġġettivi tal-evalwazzjoni tad-dannu subit mill-industrija tal-Unjoni.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ebda obbligu li jirriżulta mir-Regolament Nru 597/2009, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, ma jimponi, fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, klassifikazzjoni tal-kriterji makroekonomiċi u mikroekonomiċi jew projbizzjoni li jikkostitwixxu sottogruppi ta’ produtturi, peress li l-Kummissjoni twettaq eżami oġġettiv ibbażat fuq provi li huma stess oġġettivi.

(ara l-punti 62, 71, 73, 225-228, 236, 243, 265, 269, 275, 291, 293, 363, 364)

3.      Fil-kuntest ta’ proċedura kontra l-prattiċi ta’ ssussidjar min-naħa tal-Istati terzi, istituzzjoni ma tista’ tkun obbligata tuża referenza esterna bħala punt ta’ referenza sabiex tikkalkola l-vantaġġ ikkonferit lill-benefiċjarju, skont l-Artikolu 6(d)(ii), tar-Regolament Nru 597/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea. L-għażla tal-pajjiżi ta’ referenza taqa’ taħt il-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet meta janalizzaw sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju l-għażla tal-pajjiż ta’ referenza, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk l-istituzzjonijiet naqsux milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi essenzjali bil-għan li tiġi stabbilita l-adegwatezza tal-pajjiż magħżul u jekk il-fatti tal-proċess ġewx eżaminati bid-diliġenza dovuta kollha. Hija ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tas-suq fil-pajjiż ta’ referenza fil-mument tal-għoti tas-sussidji inkwistjoni, pjuttost li l-kundizzjonijiet attwali, fis-seħħ fil-mument tal-investigazzjoni.

(ara l-punti 68, 72, 74, 87, 90)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 93, 103)

5.      Fil-kuntest ta’ proċedura kontra l-prattiċi ta’ ssussidjar min-naħa tal-Istati terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu ta’ deprezzament normali tal-oġġetti fl-industrija kkonċernata, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 597/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġetti sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi kkomunikati mill-industrija tal-Unjoni kif ukoll mill-produtturi esportaturi, li kkooperaw, u mhux il-perijodi kkomunikati mill-esportaturi kkonċernati.

F’dan ir-rigward, il-prassi deċiżjonali tal-istituzzjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku sabiex jiġi ddeterminat il-perijodu ta’ deprezzament normali, peress li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, u meta teżerċitah ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet tagħha preċedenti, fir-rispett tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li fosthom jinsab il-prinċipju ta’ ugwaljanza.

(ara l-punti 150, 152, 153, 156, 160, 161, 166-169)

6.      Fil-kuntest ta’ proċedura kontra l-prattiċi ta’ ssussidjar min-naħa tal-Istati terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kalkolu tal-vantaġġ ta’ self ta’ setgħat pubbliċi, skont l-Artikolu 6(b) tar-Regolament Nru 597/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jikkonstataw l-eżistenza ta’ vantaġġ fuq is-self mogħti mill-banek ta’ Stat terz, peress li l-imsemmija banek huma kkontrollati mis-setgħat pubbliċi u jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika u l-Gvern tal-Istat terz jirregola l-varjabbiltà tar-rati ta’ interessi permezz ta’ regoli speċifiċi.

(ara l-punti 187, 188)

7.      L-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 597/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, ma jisforzawx lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jagħżlu bejn il-miżuri antidumping u l-miżuri kontra s-sussidji u ma jistabbilixxi ebda regola rigward il-modalitajiet li jipprovdu li dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri jistgħu jiġi abbinati b’mod xieraq. Madankollu, il-miżuri ma għandhomx jeċċedu l-ammont totali tad-dumping u tas-sussidji stabbiliti jew il-marġni ta’ dannu, skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmi Regolament Nru 597/2009 jew tal-Artikolu 9(4) tar-Regoalment Nru 1229/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea. Barra minn hekk, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tipproponi lill-Kunsill li l-investigazzjoni tingħalaq minħabba li l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji kienet indifferenti peress li l-marġni ta’ dannu kien jibqa’ l-istess.

Fil-każ li l-marġni totali ta’ sussidju huwa ta’ 12 %, għal marġni totali ta’ dumping ta’ 43.5 %, u li d-dazji kumpensatorji ta’ 12 % u d-dazji antidumping ta’ 8 % definittivi huma limitati għal-livell tal-marġni ta’ dannu komuni, jiġifieri 20 % il-miżuri imposti ma jeċċedux il-livell ta’ sussidji, tad-dumping jew tad-dannu stabbilit wara l-investigazzjonijiet. B’mod analogu, peress li d-differenza ta’ 31.5 % bejn il-marġni ta’ dumping u ta’ sussidju hija superjuri għall-ammont tad-dazji antidumping ta’ 8 %, il-kwistjoni ta’ sovrappożizzjoni bejn id-dazji kumpensatorji u d-dazji antidumping ma tqumx iktar.

(ara l-punti 217-219)

8.      Fil-kuntest ta’ proċedura kontra l-prattiċi ta’ ssussidjar min-naħa tal-Istati terzi, il-marġni ta’ qligħ li għandu jintuża sabiex jikkalkola l-prezz indikattiv ta’ natura li jneħħi d-dannu għandu jiġi limitat għall-marġni ta’ qligħ li l-industrija tal-Unjoni tista’ raġonevolment tistenna li tikseb f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji. Dan ma jkunx konformi mal-Artikolu 2(d) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 597/2009, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, li l-industrija tal-Unjoni tingħata marġni ta’ qligħ li hija ma setgħetx tikseb fl-assenza ta’ sussidji.

Barra minn hekk, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtihom ir-Regolament, ma humiex marbuta jispjegaw fid-dettall u bil-quddiem il-kriterji li huma għandhom l-intenzjoni li japplikaw f’kull sitwazzjoni, anki fil-każ fejn huma jimponu għażliet ġodda ta’ prinċipju.

(ara l-punti 287, 296)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 329)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 342-344)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 362-364)