Language of document : ECLI:EU:T:2010:551

Kawża T-460/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Acentro Turismo SpA

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta’ vjaġġi għal missjonijiet uffiċjali — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt — Ammissibbiltà — Pagament tas-somom kapitali dovuti — Interessi moratorji”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali ddefinita mill-klawżola ta’ arbitraġġ

(Artikolu 225 KE; Artikolu 140 A KEEA; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 51)

2.      Proċedura — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali ddefinita esklużivament mill-Artikolu 238 KE jew mill-Artikolu 153 KEEA u mill-klawżola ta’ arbitraġġ

(Artikolu 238 KE; Artikolu 153 KEEA)

1.      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali hija dik kif elenkata fl-Artikolu 225 KE u fl‑Artikolu 140 A KEEA, kif spjegati fl-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar kawżi ta’ natura kuntrattwali li tressqu quddiemha bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Din il-ġurisdizzjoni, ibbażata fuq klawżola ta’ arbitraġġ, tidderoga mid-dritt komuni u għalhekk, għandha tiġi interpretata b’mod ristrett.

(ara l-punt 32)

2.      Il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jieħdu konjizzjoni, bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, ta’ kawża li tirrigwarda kuntratt, għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 238 KE jew tal-Artikolu 153 KEEA u tad-dispożizzjonijiet tal-klawżola stess, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu invokati kontrihom dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li allegatament ifixklu l-ġurisdizzjoni tagħhom. Jirriżulta li jekk kuntratt, li fih klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 238 KE jew tal-Artikolu 153 KEEA, huwa rregolat mid-dritt nazzjonali kif stipulat fl-imsemmi kuntratt, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni hija rregolata biss mit-trattat inkwistjoni u mid-dispożizzjonijiet tal-klawżola ta’ arbitraġġ stess, id-dritt nazzjonali ma jistax jostakola l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni. Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll fejn il-kuntratt stess huwa approvazzjoni speċifika bil-miktub.

(ara l-punti 33, 37)