Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ottubru 2008 - Il-Kummissjoni vs Acentro Turismo

(Kawża T-460/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A. Aresu, bħala aġent, A. Caeiros, bħala aġent)

Konvenuta: Acentro Turismo SpA (Milan, l-Italja)

Talbiet tar-rikorrenti

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

tikkundanna lill-kumpannija Acentro Turismo S.p.A. għall-ħlas tas-somma ta' EUR 13.497.76 bħala ammont prinċipali.

tikkundanna l-imsemmija kumpannija għall-ħlas tas-somma ta' EUR 2.278.55 bħala interessi għal dewmien li skadew fid-data tal-preżentazzjoni ta' dan ir-rikors, kif ukoll għall-ħlas tal-interessi għal dewmien li għandhom jiskadu wara d-data tal-preżentazzjoni ta' dan ir-rikors u sad-data ta' meta effettivament isir il-ħlas tal-ammont prinċipali, li għandu jiġi kkalkolat sussegwentement skont ir-rata tal-imgħax stabbilita fid-dritt Taljan.

tikkundanna l-imsemmija kumpannija għall-ħlas tal-interessi moratorji abbażi tal-imsemmija interessi għal dewmien li skadew fi-data tal-preżentazzjoni ta' dan ir-rikors, li għandhom jiġu kkalkolati sussegwentement skont id-data tal-ħlas tal-imsemmija intressi kif ukoll skont ir-rata tal-imgħax stabbilita fid-dritt Taljan.

tikkundanna l-imsemmija kumpannija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors il-Kummissjoni Ewropea, bħala rappreżentanta tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom), titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tikkundanna lill-kumpannija Taljana, Acentro Turismo S.p.A., għall-ħlas tas-somma ta' EUR 13.497.46, flimkien mal-interessi ta' dewmien, dovuta abbażi tar-regoli ta' eżekuzzjoni pprovduti fil-kuntratt tal-provvista ta' servizzi Nru 349-90-04 TL ISP I, konkluż fl-1990 u intiż li jattribwixxi lil din il-kumpannija l-funzjoni ta' aġenzija tal-vjaġġi għad-destinazzjoni ta' Ispra.

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-kumpannija Acentro ma ħallsitx żewġ irċevuti, li nħarġu mill-Kummissjoni nnfisha abbażi tal-Artikolu 8 tal-kuntratt inkwistjoni u li l-eżistenza ta' dan il-kreditu hija suffiċjentement sostnuta mill-kontenut ta' dan il-kuntratt, u għalhekk il-kreditu inkwistjoni jidher li huwa ċert, likwidu u dovut.

____________