Language of document : ECLI:EU:T:2011:534

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

27 ta’ Settembru 2011 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna fiskali mogħtija mill-awtoritajiet Daniżi – Baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru internazzjonali Daniż – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Diffikultajiet serji”

Fil-Kawża T‑30/03 RENV,

3F, li qabel kien Specialarbejderforbundet i Danmark (SID), stabbilit f’Kopenħagen (id-Danimarka), inizjalment irrappreżentat minn P. Bentley, QC, u A. Worsøe, avukat, sussegwentement minn M. Bentley u P. Torbøl, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u N. Khan, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn V. Pasternak Jørgensen u C. Vang, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2002) 4370 finali, tat-13 ta’ Novembru 2002, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri fiskali Daniżi applikabbli għall-baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru internazzjonali Daniż,


IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur), I. Wiszniewska-Białecka, M. Prek u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ Lulju 1988, ir-Renju tad-Danimarka adotta l-Liġi Nru 408 (Lovtidende 1997 A, p. 27329), li daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 1988, li stabbilixxiet reġistru internazzjonali Daniż tal-bastimenti (iktar ’il quddiem ir‑“reġistru DIS”). Dan ir-reġistru żdied mar-reġistru ordinarju Daniż tal-bastimenti (iktar ’il quddiem ir-“reġistru DAS”). Ir-reġistru DIS għandu l-għan li jiġġieled kontra l-evażjoni tal-bnadar marittimi Komunitarji lejn il-bnadar ta’ pajjiżi terzi. Is-sidien li l-bastimenti tagħhom huma rreġistrati fir-reġistru DIS għandhom id-dritt li fuq dawn il-bastimenti jimpjegaw baħħara ta’ pajjiżi terzi bil-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni li japplikaw fil-pajjiżi ta’ oriġini ta’ dawn il‑baħħara.

2        Fl-istess jum, ir-Renju tad-Danimarka adotta l-Liġijiet Nri 361, 362, 363 u 364, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1989, li jistabbilixxu diversi miżuri fiskali fir-rigward tal-baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru DIS (Lovtidende 1988 A, p. 36130, 36230, 36330 u 36430). B’mod partikolari, dawn ġew eżentati mit-taxxa fuq id-dħul Daniża filwaqt li, fil-kuntest tar-reġistru DAS, dawn kienu suġġetti għal tali taxxa.

3        Fit-28 ta’ Awwissu 1998, ir-rikorrent, 3F, li qabel kien Specialarbejderforbundet i Danmark (SID), ippreżenta lment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-Renju tad-Danimarka dwar il-miżuri fiskali inkwistjoni. Ir‑rikorrent għaldaqstant sostna li r-regoli fiskali applikabbli għall-baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru DIS jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 88 KE u li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni, minħabba l-fatt li din kienet tippermetti eżenzjonijiet fiskali mhux biss għall-baħħara Komunitarji, jiġifieri dawk li għandhom id-domiċilju fiskali fi Stat Membru, iżda wkoll għall-baħħara kollha inklużi dawk mhux Komunitarji, li jagħmilha kuntrarja, minn naħa, għad-dokument tal-Kummissjoni li jikkonċerna l-miżuri finanzjarji u fiskali dwar l‑operat ta’ bastimenti rreġistrati fil-Komunità [dokument SEC(89) 921 finali, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1989”] u, min-naħa l-oħra, il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat lit-trasport marittimu (ĠU 1997, C 205, p. 5), iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1997”. Ir-rikorrent allega wkoll li d‑dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar it-taxxa doppja konklużi bejn, minn naħa, ir‑Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Filippini u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika ta’ Singapor jikkostitwixxu wkoll skema ta’ għajnuna illegali. Huwa kkonkluda li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u invoka l-proċedura ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni prevista fl-Artikolu 232 KE.

4        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ottubru 1998, ir-rikorrent fakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligu tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l‑Artikolu 88(2) KE u indika li, skont l-informazzjoni tiegħu, is-sistema fiskali inkwistjoni ma kinitx ġiet innotifikata.

5        Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Jannar 1999, ir-rikorrent indika b’mod partikolari li hu ma kienx ser iressaq rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-Kummissjoni tiżgurah li ser tiġi adottata deċiżjoni f’terminu ta’ xahrejn jew tlieta, filwaqt li rriżerva l-possibbiltà li jagħmel hekk ulterjorment.

6        Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni talbet xi informazzjoni mingħand ir-Renju tad-Danimarka u, b’mod partikolari, jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx ingħatat jew kinitx ser tingħata.

7        Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 1999, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni osservazzjonijiet ġodda dwar il-kunċett ta’ “baħħara Komunitarji”.

8        Fid-19 ta’ Marzu 1999, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka, fejn matulha l-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha fir-rigward tas-sistema fiskali speċifika li kienet tapplika għall-baħħara f’dak iż-żmien.

9        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 1999, ir-Renju tad-Danimarka rrisponda għall-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 1999, fejn b’mod partikolari indika li s-sistema fiskali inkwistjoni kienet ġiet introdotta fl-1988. Huwa indika wkoll li kien qiegħed iwettaq investigazzjoni dwar l-emenda tar-regoli tat-taxxa tal-pagi tal-persuni mhux residenti. Huwa żied li l-Kummissjoni ser tinżamm informata ladarba din l-investigazzjoni tintemm u ladarba l-Gvern Daniż ikun iddeċieda jekk ikunx ser jiġi ppreżentat abbozz ta’ liġi fil-Parlament Daniż matul is-seduta segwenti.

10      Fl-4 ta’ Ġunju 1999, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni r-risposta ta’ Ministru Daniż fil-Parlament Daniż li tqajjem il-possibbiltà ta’ emenda tal-iskema DIS.

11      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 1999, il-Gvern Daniż issottometta lill-Parlament Daniż abbozz ta’ liġi fiskali li temenda l-iskema DIS.

12      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Jannar 2000, ir-rikorrent informa lill-Kummissjoni bl-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-effetti fuq l-iskema DIS mhux emendata.

13      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2000, il-Ministru tat-Taxxi Daniż informa lill-Kummissjoni bl-emendi magħmula lill-abbozz ta’ liġi fiskali.

14      Fl-4 ta’ April 2000 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Daniżi, fejn matulha rriżulta li huwa neċessarju li ssir investigazzjoni supplementari fir-rigward tal-aħħar emendi tal-abbozz ta’ liġi fiskali.

15      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2000, ir-Renju tad-Danimarka indika li l-emendi fl-abbozz ta’ liġi fiskali, introdotti wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni matul laqgħa tal-4 ta’ April 2000, ma kinux ser jiġu ppreżentati fil-Parlament Daniż qabel ma l-Kummissjoni tkun indikat formalment li dawn ma kinux imorru kontra d-dritt Komunitarju u talab lill-Kummissjoni għal ittra amministrattiva f’dan is‑sens mill-iktar fis possibbli.

16      Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ April u tal-15 ta’ Mejju 2000, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-emendi magħmula lill-abbozz ta’ liġi fiskali.

17      Fit-30 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Renju tad-Danimarka għal informazzjoni addizzjonali, dwar, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali. Dan tal-aħħar irrisponda fil-15 ta’ Jannar 2001.

18      Ir-rikorrent bagħat xi osservazzjonijiet lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tal-1 ta’ Frar, tad-29 ta’ Ġunju u tal-5 ta’ Novembru 2001.

19      Fis-27 ta’ Mejju 2002 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent, fejn matulha dan tal-aħħar qajjem il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

 Id-deċiżjoni kkontestata

20      Fit-13 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2002) 4370 finali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”, li biha ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżuri fiskali applikati sa mill-1 ta’ Jannar 1989 għall-baħħara impjegati fuq il-bastimenti rreġistrati fid-Danimarka, kemm fir-reġistru DAS kif ukoll fir-reġistru DIS, billi kkunsidrat li minkejja li kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, kienu kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

21      Il-Kummissjoni qabelxejn ikkonkludiet li teżisti għajnuna illegali peress li ma kinitx ġiet innotifikata. Hija eżaminat il-każ tal-baħħara residenti fl-Istat fejn it‑taxxa fuq id-dħul tinqata’, li għalihom l-eżenzjoni fiskali tikkostitwixxi vantaġġ. Imbagħad hija eżaminat il-każ tal-baħħara mhux residenti, li huma partikolarment is-suġġett tal-ilment tar-rikorrent. Hija kkonkludiet li jeżisti vantaġġ anki għall-baħħara mhux residenti. Hija kkunsidrat li dan kien jirrigwarda riżorsi tal-Istat, li l-kummerċ bejn l-Istati Membri seta’ jiġi affetwat u li l-kriterju ta’ selettività kien ġie sodisfatt. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna illegali mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-sistema fiskali favorevoli kinitx tagħmel differenza bejn l-impjegati residenti u l-impjegati mhux residenti.

22      Hija kkunsidrat ukoll li l-miżuri fiskali kellhom jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u fid-dawl, minn naħa, tal-linji gwida tal-1989 għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1989 sal-31 ta’ Diċembru 1997 u, min-naħa l-oħra, tal-linji gwida ta’ mill-1 ta’ Jannar 1998.

23      Hija mbagħad ikkunsidrat li l-iskema applikabbli, kemm qabel kif ukoll wara l-1 ta’ Jannar 1998, kienet kompatibbli mas-suq komuni.

24      B’hekk hija rrispondiet id-domanda magħmula permezz tal-ilment dwar jekk il‑fatt li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea jiġu eżentati mit-taxxa fuq id-dħul, setax jitqies kompatibbli mal-linji gwida tal-1997. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li, fl-imsemmija linji gwida, għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-baħħara, il-baħħara Komunitarji kienu ddefiniti bħala l-impjegati li huma “suġġetti għat-tassazzjoni u/jew għall-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra fir-rigward tal-lokalità tar-residenza fiskali tagħhom. Hija osservat li din id-definizzjoni tal-baħħara Komunitarji, mogħtija fil-punt 3.2 tal-linji gwida tal-1997, ma kienet tirreferi għal ebda kundizzjoni ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza u żiedet li l-kunċett ta’ “baħħara Komunitarji” għaldaqstant kien iddefinit b’mod pjuttost wiesa’ fl-imsemmi punt dwar it-tassazzjoni tal-baħħara.

25      Hija żiedet li t-tnaqqis jew l-eżenzjonijiet tat-taxxi ġenerali huma wkoll intiżi li jnaqqsu b’mod ġenerali il-piż fiskali sostnut mill-proprjetarji ta’ bastimenti Komunitarji, li bit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ħaddiema r-Renju tad-Danimarka jiffavorixxi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ normi Komunitarji tax-xogħol fuq bastimenti, li, inkella, itajru bandiera ta’ konvenjenza f’pajjiżi terzi, fejn dawn in-normi huma fil-parti l-kbira injorati, u li ż-żamma ta’ bastimenti b’bandiera Komunitarja tkun ukoll qed tikkontribwixxi sabiex jinżammu impjiegi fuq l-art fis-settur marrittimu, li kien ukoll jagħmel parti mill-għanijiet tal-linji gwida tal-1997. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-rikorrent u kkonkludiet li l-fatt li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea jkollhom ukoll aċċess għall-vantaġġi fiskali inkwistjoni kien konformi mal-linji gwida tal-1997.

26      Hija fakkret ukoll li, f’dak li jikkonċerna l-għajnuna intiża li tnaqqas l-ispejjeż tal-ekwipaġġ, il-linji gwida tal-1989 kienu sempliċiment jindikaw li l-“għajnuna mogħtija fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa fuq id-dħul tal-baħħara intiża li tnaqqas, mingħajr ma tikkawża dannu lis-sigurtà soċjali tal-baħħara, l-ispejjeż sostnuti mill-kumpanniji marittimi fl-operat ta’ bastimenti rreġistrati fi Stat Membru jistgħu jitqiesu bħala li huma kompatibbli mas-suq komuni”. Hija kkunsidrat li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u li għaldaqstant huma kienu wkoll konformi mal-linji gwida tal-1989.

27      Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lir-Renju tad-Danimarka sabiex kull sena jissottometti rapport li jippermetti li jiġu evalwati l-effetti tal-iskema fuq il‑kompetittività tal-flotta Daniża u indikat li s-sistema fiskali inkwistjoni ma affetwatx il-kummerċ bejn l-Istati Membri sa punt li jmur kontra l-interess komuni fis-settur tat-trasport marittimu, peress li din ikkontribwixxiet għall-għanijiet prinċipali tal-linji gwida Komunitarji.

28      Fl-aħħar nett, hija stiednet lir-Renju tad-Danimarka sabiex jinformaha bl-emendi magħmula lill-iskema eżaminata u fakkret li hija setgħet tiddeċiedi li tadotta l‑miżuri xierqa jekk l-evoluzzjoni tas-suq komuni tkun teħtieġ hekk.

 Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

29      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Jannar 2003, ir‑rikorrent talab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2003, il‑Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li permezz tagħha talbet lil din tal-aħħar sabiex tiċħad ir-rikors ippreżentat bħala manifestament inammissibbli u sabiex tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

31      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2003, ir-rikorrent talab li din tiġi miċħuda u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

32      B’digriet tat-23 ta’ April 2007, SID vs Il-Kummissjoni (T‑30/03, mhux ippubblikat fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli. Hija kkundannat lir-rikorrent għall-ispejjeż tiegħu stess u għal dawk tal-Kummissjoni. Hija kkundannat ukoll lil kull parti għall-ispejjeż tagħha stess relattivi għall-interventi.

33      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2007, ir‑rikorrent, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżenta appell mid-digriet SID vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, fejn permezz tiegħu huwa talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l-imsemmi digriet, sabiex tiddikjara r-rikors tiegħu ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali bħala ammissibbli u sabiex tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell.

34      B’digriet tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni (C‑319/07 P, Ġabra p. I‑5963), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet SID vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, peress li dan ma rrispondiex għall-argumenti tar-rikorrent dwar, minn naħa, il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dan tal-aħħar fir-rigward ta’ sindakati oħra matul in-negozjati tal-ftehim kollettivi applikabbli għall-baħħara u, min-naħa l-oħra, dwar l-aspetti soċjali li jirriżultaw mill-miżuri fiskali dwar il‑baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru DIS. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar nett, hija rrinvijat il-kawża quddiemha sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet tar-rikorrent intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u rriżervat l-ispejjeż.

35      Il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

36      Fil-21 ta’ Settembru 2009, fuq talba tar-reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent issottometta xi osservazzjonijiet bil-miktub.

37      Skont l-Artikolu 119(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ppreżentat risposta fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2009. Ir-rikorrent ippreżenta r-replika fit-18 ta’ Jannar 2010. Il-Kummissjoni ppreżentat il‑kontroreplika fis-16 ta’ Marzu 2010.

38      Ir-Renju tad-Danimarka ppreżenta nota ta’ intervent fil-15 ta’ Jannar 2010. Fis-27 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrent ifformula xi osservazzjonijiet dwar din in-nota ta’ intervent.

39      B’digriet tat-8 ta’ April 2010 tal-President tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża), ir-Renju tan-Norveġja, wara l-irtirar tiegħu, tħassar mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali bħala intervenjent. Skont l-Artikolu 87(4) u (5) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tan-Norveġja ġie kkundanat għall-ispejjeż tiegħu stess u kull parti ġiet ikkundannata għall-ispejjeż tagħha stess relattivi għall-intervent tar-Renju tan-Norveġja.

40      Billi nbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għat-Tieni Awla u l-kawża preżenti ġiet assenjata lit-Tieni Awla Estiża.

41      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2011.

 It-talbiet imressqa mill-partijiet fl-istanza ta’ wara r-rinviju

42      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ġie deċiż li ma jitqajmux oġġezzjonijiet għall-miżuri fiskali applikati sa mill-1 ta’ Jannar 1989 fir‑riward tal-baħħara fuq bastimenti rreġistrati fid-Danimarka, kemm jekk fir-reġistru DAS kif ukoll jekk fir-reġistru DIS;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

44      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem tliet motivi ta’ annullament. L‑ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 88(2) KE u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li l-Kummissjoni ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, kif interpretat fid-dawl tal-linji gwida tal-1989 u tal-1997, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

45      B’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, matul is-seduta, ir-rikorrent informa li xtaq jirtira t-tieni u t-tielet motivi, sakemm l-elementi fattwali deskritti fil-kuntest ta’ dawn il-motivi jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, hekk kif ġie rreġistrat fil-minuti tas-seduta.

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ser tagħmel eżami tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 88(2) KE u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

 L-argumenti tal-partijiet

47      Ir-rikorrent isostni li f’dan il-każ jeżistu diffikultajiet serji. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li l-Kummissjoni damet erba’ snin sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, li jagħti prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Huwa jżid li l‑Gvern Daniż introduċa abbozz ta’ liġi li jipproponi emenda tal-iskema DIS, li għamel is-sitwazzjoni iktar kumplessa. Għaldaqstant, skont dan, il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE u l‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

48      Bi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni, li d-dewmien tal-proċedura ta’ eżami preliminari hija dovuta minħabba l-għadd kbir ta’ osservazzjonijiet li għamlilha r-rikorrent, dan isostni li, permezz tal-osservazzjonijiet tiegħu huwa xtaq jiżgura li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kwistjoni li kienet qiegħda tħassbu, jiġifieri l-kunċett ta’ “baħħara Komunitarji”, inkluż jekk din ħaditx inkunsiderazzjoni l-emendi tal-iskema DIS previsti mill-Gvern Daniż. Skont ir‑rikorrent, minkejja li huma fattur li jikkomplika s-sitwazzjoni, dawn l-emendi ma kinux isolvu d-domanda magħmula u ma kinux ixekklu lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tiddeċiedi dwar il-kunċett ta’ “baħħara Komunitarji”.

49      Huwa jenfasizza wkoll li l-kwistjoni rilevanti f’dan il-każ għaldaqstant kienet dwar jekk kinux jeżistu diffikultajiet serji jew le, u mhux dik tal-urġenza jew in‑natura raġonevoli jew le tad-dewmien tal-proċedura ta’ eżami preliminari.

50      Ir-rikorrent iżid li l-Kummissjoni tipprova tagħti r-risposta għad-domanda magħmula f’dan il-każ, li tikkonċerna l-“baħħara Komunitarji”, bħala waħda evidenti, filwaqt li dan ma huwiex il-każ. Huwa jenfasizza li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kienet tat l-ebda risposta ċara dwar dan il-punt. Barra minn hekk, huwa jsostni li din kienet kwistjoni ta’ mistoqsija mqajma minn tal-inqas impliċitament f’żewġ kawżi oħra, li jikkonċernaw is‑sistemi ta’ eżenzjoni fiskali Franċiża u Daniża, invokati mill-Kummissjoni, li tikkonferma l-ħtieġa li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw dawn iż-żewġ sistemi oħra ngħataw iktar malajr jafferma l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji f’dan il-każ.

51      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkunsidra li l-kriterju korrett ma huwiex il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex dubji fid-data meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, iżda jekk, wara l-mogħdija ta’ żmien raġonevoli, hija kinitx qiegħda tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji.

52      Il-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka, li intervjena insostenn tagħha, jikkontestaw l-argument tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

53      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE tikseb natura indispensabbli ladarba l-Kummissjoni tesperjenza diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni b’hekk tista’ issegwi l-fażi preliminari tal-Artikolu 88(3) sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija jkollha l‑konvinzjoni, wara li jsir eżami inizjali, li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-eżami inizjali wassal lill-Kummissjoni sabiex ikollha konvinzjoni kuntrarja, jew jekk ma ppermettilhiex li tegħleb id‑diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra l-opinjonijiet neċessarji kollha u li, għal dan il-għan, tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 33; tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 39; tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, Ġabra p. I‑5829, punt 34, u tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑421/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 61; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2010, British Aggregates et vs Il-Kummissjoni, T‑359/04, Ġabra p. II‑4227, punt 55).

54      Għalkemm din ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali, meta tikkonstata l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, madankollu l-Kummissjoni tgawdi minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-riċerka u fl-investigazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji. Skont l-għan tal-Artikolu 88(3) KE u l-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba li hija għandha, il‑Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tibda djalogu mal-Istat li nnotifika l‑għajnuna jew ma’ terzi sabiex, matul il-proċedura preliminari, jingħelbu diffikultajiet li possibbilment setgħet iltaqgħet magħhom (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T‑73/98, Ġabra p. II‑867, punt 45, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il‑Kummissjoni, T-36/06, Ġabra p. II‑537, punt 126). Issa, din il-fakultà tippresupponi li l-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-pożizzjoni tagħha skont ir-riżultati tad-djalogu mibdi, mingħajr ma dan l-adattament għandu jkun interpretat a priori bħala li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il‑Kummissjoni, T‑95/03, Ġabra p. II‑4739, punt 139).

55      Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li fihom ġie adottat l-att ikkontestat kif ukoll fil-kontenut tiegħu, u din għandha ssir b’mod oġġettiv, billi jsir paragun bejn ir-raġunijiet għad-deċiżjoni u l-provi li l-Kummissjoni kellha meta ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, intrinsikament, imur lil hinn mit-tfittxjia tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir‑rikorrent għandu l-oneru li jagħti prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, prova li jista’ jġib billi jippreżenta serje ta’ indizji konkordanti dwar, minn naħa, iċ-ċirkustanzi u d-dewmien tal-proċedura ta’ eżami preliminari u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Prayon‑Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 47, u Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 127).

56      Insostenn tal-motiv tiegħu li, f’dan il-każ, kienu jeżistu diffikultajiet serji, ir‑rikorrent jinvoka, l-ewwel nett, id-dewmien tal-proċedura ta’ eżami preliminari u, it-tieni nett, argumenti bbażati fuq iċ-ċirkustanzi tal-imsemmija proċedura.

57      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument ibbażat fuq id-dewmien tal-proċedura ta’ eżami preliminari, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fil-każ fejn il-miżuri statali kontenzjużi ma ġewx innotifikati mill-Istat Membru kkonċernat, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata li tagħmel eżami preliminari ta’ dawn il-miżuri f’terminu preskritt. Madankollu, meta partijiet terzi interessati jkunu ppreżentaw lill-Kummissjoni lmenti dwar miżuri statali li ma kinux ġew innotifikati, l‑istituzzjoni għandha l-obbligu, fil-kuntest tal-fażi preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE, li tipproċedi għal eżami diliġenti u imparzjali ta’ dawn l‑ilmenti, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat KE dwar għajnuna mogħtija mill-Istat. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l‑Kummissjoni ma tistax ittawwal indefinittivament l-eżami preliminari ta’ miżuri statali li huma s-suġġett ta’ lment, peress li dan l-eżami għandu biss l-għan li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni fuq il-kwalifika tal-miżuri ppreżentati għall-evalwazzjoni tagħha u fuq il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑46/97, Ġabra p. II‑2125, punti 103, 105 u 107, u Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 121).

58      In-natura raġonevoli tad-dewmien tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari għal kull kawża u, b’mod partikolari, skont il-kuntest tagħha, l-istadji proċedurali differenti li l‑Kummissjoni għandha ssegwi u l-kumplessità tal-kawża (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il-Kummissjoni, T‑395/04, Ġabra p. II‑1343, punt 61, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Asklepios Kliniken vs Il‑Kummissjoni, T‑167/04, Ġabra p. II‑2379, punt 81).

59      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, bejn it-2 ta’ Settembru 1998, id-data ta’ meta ġie riċevut l-ilment, u t-13 ta’ Novembru 2002, id-data tad-deċiżjoni kkontestata, għaddew iktar minn erba’ snin. Sabiex tispjega dan id-dewmien, il-Kummissjoni ssostni li l-ilment kien voluminuż, li hi ppruvat tindirizza l-aspetti kollha, inkluż mill-angolu tal-ftehim fiskali bilaterali, u li l-imġiba tar-rikorrent, li bagħtilha għaxar ittri, ikkontribwixxa sabiex jittawwal iktar id-dewmien tal-proċedura ta’ eżami preliminari.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-ilment inizjali, ir-rikorrent espona l‑argument tiegħu, li essenzjalment, l-eżenzjoni fiskali prevista bl-iskema DIS kienet tmur kontra d-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u, b’mod partikolari, il-linji gwida tal-1989 u tal-1997, peress li minnha jibbenefikaw baħħara li la għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, u lanqas ir‑residenza tagħhom fi Stat Membru. Ir-rikorrent qajjem ukoll din il-kwistjoni fir-rigward tal-ftehim fiskali ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja konklużi bejn ir-Renju tad-Danimarka, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini u r-Repubblika ta’ Singapor, min-naħa l-oħra, u fir-rigward tal-protezzjoni soċjali li jibbenefikaw minnha l-baħħara ta’ pajjiżi terzi.

61      Barra minn hekk, mill-kronoloġija tal-fatti jirriżulta li, wara l-ilment tiegħu tat-28 ta’ Awwissu 1998, ir-rikorrent indirizza diversi drabi osservazzjonijiet sostanzjali li jikkonċernaw il-kunċett ta’ “baħħara Komunitarji” u l-iskema DIS (ittri tat-18 ta’ Marzu 1999, tal-10 ta’ Jannar 2000, tal-1 ta’ Frar 2001), xi kultant akkumpanjati minn informazzjoni statistika bħal fl-ittra tiegħu tal-10 ta’ Jannar 2000. Fil-5 ta’ Novembru 2001, huwa bagħat ukoll il-kummenti tiegħu dwar it-tweġibiet tar-Renju tad-Danimarka għall-mistoqsijiet addizzjonali tal-Kummissjoni.

62      Bl-istess mod, ir-rikorrent ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ emenda tal-iskema DIS permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ġunju 1999. L-iskambji li segwew, b’mod partikolari mar-Renju tad-Danimarka, kienu jiffukaw fuq l‑emendi leġiżlattivi. Fis-6 ta’ Diċembru 1999, l-awtoritajiet Daniżi bagħtu l‑abbozz ta’ liġi lill-Kummissjoni, imbagħad fit-3 ta’April 2000, l-emendi magħmula lil dan l-abbozz ta’ liġi (ara l-punti 10 sa 16 iktar ’il fuq). Ir-rikorrent imbagħad bagħat il-kummenti tiegħu dwar dan l-abbozz permezz ta’ ittri tat-18 ta’ April u tal-15 ta’ Mejju 2000.

63      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni setgħet tqis bħala meħtieġ, inkluż fil-kuntest ta’ eżami preliminari tal-miżuri inkwistjoni, li teżamina l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi kollha li saret taf bihom permezz tal-ilment inizjali u permezz tad-diversi ittri. Għalhekk, hija wettqet stħarriġ ulterjuri f’dan ir-rigward u permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2000, talbet lir-Renju tad-Danimarka għal informazzjoni addizzjonali, inkluż fir-rigward tal-kwistjoni tal-ftehim fiskali bilaterali.

64      Minn dan isegwi li fil-fatt, dawn l-iskambji kkontribwixxew sabiex id-dewmien tal-eżami preliminari jkompli jiżdied.

65      Bl-istess mod, wara l-ittra tal-awtoritajiet Daniżi tal-15 ta’ Jannar 2001, li kienet tirrispondi għat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni, ir‑rikorrent bagħat lill-Kummissjoni ittra tal-1 ta’ Frar 2001, li kienet tfakkar b’mod partikolari, is-suġġett inizjali tal-ilment tiegħu, kif ukoll ittra tad-29 ta’ Ġunju 2001, li kienet tiġbor l-argumenti tiegħu f’paġna waħda u li kienet tagħti xi osservazzjonijiet dwar it-tweġiba tar-Renju tad-Danimarka tal-15 ta’ Jannar 2001. Issa, dawn l-osservazzjonijiet tar-rikorrent ġew mibgħuta lill-Kummissjoni biss fil-5 ta’ Novembru 2001.

66      Fl-aħħar nett, matul il-proċedura ta’ eżami preliminari, ġew organizzati diversi laqgħat mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Marzu 1999, fl-4 ta’ April 2000 u fis-27 ta’ Mejju 2002.

67      Minn dan isegwi li tali ċirkustanzi jispjegaw, b’mod estensiv, id-dewmien tal-eżami preliminari f’dan il-każ.

68      Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li, anki jekk, meta meqjus fl-intier tiegħu, id‑dewmien tal-eżami preliminari jista’ jidher bħala li jaqbeż dak li normalment jimplika eżami preliminari, dan id-dewmien huwa ġġustifikat fil-parti l-kbira tiegħu minħabba ċ-ċirkustanzi u l-kuntest tal-proċedura.

69      Madankollu, hekk kif enfasizza r-rikorrent fir-replika tiegħu, il-kwistjoni f’dan il‑każ ma hijiex in-natura raġonevoli jew le tad-dewmien tal-eżami preliminari, iżda dik dwar jekk kienx hemm diffikultajiet serji.

70      Issa, minkejja li d-dewmien tal-eżami preliminari jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, dan fih innifsu ma huwiex biżżejjed biex juri l‑eżistenza ta’ tali diffikultajiet.

71      B’mod partikolari, il-fatt biss li ġew stabbiliti diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat matul il-fażi ta’ eżami preliminari u li, f’dan il‑kuntest, setgħet intalbet xi informazzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni dwar il-miżuri suġġetti għall-istħarriġ tagħha ma jistax, fih innifsu, jitqies bħala prova li din l-istituzzjoni kienet qed tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni (ara s‑sentenza SIC vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 89, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Barra minn hekk, huwa biss jekk ikun appoġġjat minn elementi oħra li d-dewmien ta’ żmien, anki jekk jeċċedi notevolment iż-żmien li jieħu normalment l-ewwel eżami magħmul fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE, jista’ jwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni li jeżiġu li tinfetaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 135, u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Għaldaqstant, it-tieni nett, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrent insostenn tal-ewwel motiv tiegħu, li essenzjalment jirrigwardaw iċ‑ċirkustanzi tal-proċedura ta’ eżami preliminari.

74      Ir-rikorrent l-ewwel nett isostni li l-emendi magħmula lill-iskema DIS permezz tal-abbozz ta’ liġi mibgħut mir-Renju tad-Danimarka jidhru bħala fattur li jikkomplika l-proċess, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata ma esprimietx ruħha dwarhom.

75      Għandu jiġi osservat li l-emendi leġiżlattivi tal-iskema DIS, invokati matul il‑proċedura ta’ eżami preliminari, kienu jikkonsistu fl-estensjoni tal-eżenzjoni fiskali speċifika prevista bl-iskema DIS inkwistjoni għall-persuni mhux residenti kollha li normalment iħallsu t-taxxa fuq id-dħul u essenzjalment huma intiżi li jeżentaw lill-persuni mhux residenti kollha li jaħdmu fuq bastimenti u ajruplani Daniżi li jaqgħu taħt it-traffiku internazzjonali milli jħallsu t-taxxa fuq id-dħul.

76      Dawn l-emendi leġiżlattivi, li dak iż-żmien kienu jikkostitwixxu element ġdid, kienu jagħmlu parti mid-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Daniżi. F’dan, huma kienu kawża ta’ dewmien fil-kuntest tal-eżami preliminari tal-ilment, hekk kif diġà ġie kkonstatat iktar qabel (ara l-punti 62 sa 67 iktar ’il fuq), speċjalment billi l-abbozz ta’ liġi li ntbagħat mir-Renju tad-Danimarka lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Diċembru 1999 kien ġie emendat, u fejn ġiet informata b’dan fit-3 ta’ April 2000.

77      Madankollu, ir-rikorrent ma stabbilixxiex kif dawn l-emendi leġiżlattivi kienu jikkostitwixxu indikazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżuri inkwistjoni f’dan il-każ, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “baħħara Komunitarji”, filwaqt li l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward jaqa’ fuqu (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

78      Għandu jitfakkar li, għalkemm hija ma għandhiex setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali meta hija tikkonstata l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, il-Kummissjoni madankollu tgawdi minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fit-tiftix u fl-investigazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tiddetermina jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq).

79      F’dan il-każ, wara li saret taf li kienu qegħdin isiru xi emendi leġiżlattivi lill-iskema DIS, il-Kummissjoni wettqet stħarriġ ulterjuri. Hija għamlet laqgħa mal-awtoritajiet Daniżi fl-4 ta’ April 2000 u talbet lir-Renju tad-Danimarka għal informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-aħħar żewġ emendi tal-abbozz ta’ liġi. Barra minn hekk, ir-rikorrent bagħtilha hu stess l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l‑emendi tal-imsemmi abbozz ta’ liġi.

80      Approċċ bħal dan tal-Kummissjoni jaqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha bl-għan li jiġi ddeterminat jekk dawn l-emendi jqajmux diffikultajiet serji, mingħajr ma din fiha nnifisha tkun tippermetti li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ tali diffikultajiet f’dan il-każ.

81      Barra minn hekk, fir-replika tiegħu, ir-rikorrent josserva li minkejja li huma fattur ta’ kumplikazzjoni, dawn l-emendi ma jsolvux il-mistoqsija magħmula u ma jxekklux lill-Kummissjoni mill-obbligu li tiddeċiedi dwar il-kunċett ta’ “baħħara Komunitarji”. Madankollu dan ma jurix li, fid-dawl tal-kontenut tal-emendi leġiżlattivi li qegħdin iseħħu, il-Kummissjoni setgħet tagħti prova tad-dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri fiskali inkwistjoni f’dan il-każ.

82      Minn dan isegwi li r-rikorrent bl-ebda mod ma stabbilixxa li l-emendi leġiżlattivi tal-iskema DIS, li kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema DIS mas-suq komuni.

83      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ma tat l-ebda risposta ċara dwar il-kunċett ta’ “baħħara Komunitarji”.

84      Madankollu, tali konstatazzjoni ma tfissirx neċessarjament li dan il-kunċett jippreżenta diffikultajiet serji. Il-fażi preliminari ta’ eżami ma hijiex ta’ natura kontradittorja għal-lanjant (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 53 iktar ’il fuq, punti 58 u 59) u l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tagħti l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tar-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

85      Konsegwentement, in-nuqqas biss ta’ tali teħid ta’ pożizzjoni formali qabel l‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jimplikax li l-Kummissjoni ltaqgħet ma diffikultajiet serji.

86      It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li ż-żewġ deċiżjonijiet invokati mill-Kummissjoni, li jikkonċernaw is-sistemi fiskali Franċiżi u Svediżi, iqajmu, tal-inqas b’mod impliċitu, l-istess kwistjoni, li tikkonferma l-ħtieġa li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

87      Madankollu, il-fatt li l-istess kwistjoni tqajmet f’kawżi oħra, fiha nnifisha ma tiġġustifikax il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, kwistjoni identika tista’ tqum f’diversi proċessi mingħajr ma neċessarjament iqumu diffikultajiet serji, iktar u iktar meta, hekk kif enfasizza r-rikorrent, hemm differenzi bejn is-sistemi Franċiżi u Svediżi u s-sistema Daniża inkwistjoni.

88      Barra minn hekk, l-argument li l-fatt li l-eżami preliminari ta’ dawn iż-żewġ sistemi oħra kien iktar mgħaġġel jikkonferma l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji f’dan il-każ, għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi ta’ madwar il‑proċedura ta’ eżami preliminari kienu differenti ħafna minn dawk tal-każ Franċiż u Svediż. Minn naħa, dawn is-sistemi kienu ġew innotifikati. Min-naħa l‑oħra, dan kien jinvolvi essenzjalment li titkompla s-sistema li kienet diġà fis-seħħ fl-Isvezja u li tiġi estiża s-sistema Franċiża.

89      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ebda wieħed mill-elementi invokati mir-rikorrent ma jwassal sabiex jiġi stabbilit li, fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji f’dan il-każ, li kien jinħtieġ li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

90      Finalment, fl-aħħar nett, matul is-seduta r-rikorrent informa li xtaq jirtira t-tieni u t-tielet motivi, sakemm l-elementi fattwali deskritti fil-kuntest ta’ dawn il-motivi jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv (ara l-punt 45 iktar ’il fuq).

91      Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent sostna li l-argumenti tal-Kummissjoni dwar it-tieni u t-tielet motivi juru li seħħ dibattitu serju u kumpless matul il-proċedura ta’ eżami preliminari fir-rigward tal-kunċett ta’ “baħħara Komunitarji” li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni fiskali inkwistjoni.

92      Għandu jiġi kkonstatat li meta għamel hekk, ir-rikorrent, barra li ma jagħmel riferiment għal ebda element fattwali partikolari, fil-fatt huwa jirreferi mhux għal elementi fattwali, iżda għal argument legali żviluppat insostenn tat-tieni u t-tielet motivi. Issa, huwa rtira dawn il-motivi matul is-seduta. Għaldaqstant, dan l‑argument ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

93      Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali ma identifikat l-ebda element, żviluppat insostenn tat-tieni u t-tielet motivi, li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultà serja f’dan il-każ.

94      Għaldaqstant, minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent ma stabbilixxiex li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni sabiex tikkwalifika l-miżuri inkwistjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna u sabiex tistabbilixxi l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni.

95      Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 88(2) KE u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fuq il-bażi li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa infondat.

96      Bħala konsegwenza, dan il-motiv gћandu jiġi miċћud u, gћaldaqstant, ir-rikors fit-totalità tiegћu.

 Fuq l-ispejjeż

97      Fis-sentenza tagħha tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li, f’dan il-każ, għandha tiddeċiedi dwar l‑ispejjeż kollha relattivi għad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 121 tar-Regoli tal‑Proċedura.

98      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat gћall-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawn sostnuti mil-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, kif mitlub mill-Kummissjoni.

99      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. F’dan il-każ, ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      3F, li kien Specialarbejderforbundet i Danmark (SID), huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Forwood

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Prek

 

       Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.