Language of document : ECLI:EU:T:2011:534

Kawża T-30/03 RENV

3F

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna fiskali mogħtija mill-awtoritajiet Daniżi — Baħħara impjegati fuq bastimenti rreġistrati fir-reġistru internazzjonali Daniż — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet — Rikors għal annullament — Diffikultajiet serji”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja f’każ ta’ diffikultajiet serji — Kunċett ta’ diffikultajiet serji

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Miżuri ta’ għajnuna mhux notifikati iżda li kienu s-suġġett ta’ lmenti ta’ terzi interessati — Obbligu tal-Kummissjoni li ttemm il-fażi preliminari ta’ eżami f’terminu raġonevoli — Portata

(Artikolu 88(3) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Eżami tal-ilmenti — Obbligu tal-Kummissjoni li torganizza dibattitu kontradittorju mal-lanjant, sa mill-fażi preliminari — Assenza

(Artikolu 88(3) KE)

1.      Il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE tikseb natura indispensabbli ladarba l-Kummissjoni tesperjenza diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni b’hekk tista’ ssegwi l-fażi preliminari tal-Artikolu 88(3) KE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija jkollha l-konvinzjoni, wara li jsir eżami inizjali, li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-eżami inizjali wassal lill-Kummissjoni sabiex ikollha konvinzjoni kuntrarja, jew jekk ma ppermettilhiex li tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra l-opinjonijiet neċessarji kollha u li, għal dan il-għan, tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

Għalkemm din ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali, meta tikkonstata l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, madankollu l-Kummissjoni tgawdi minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-riċerka u fl-investigazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji. Skont l-għan tal-Artikolu 88(3) KE u l-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba li hija għandha, il‑Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tibda djalogu mal-Istat li nnotifika l-għajnuna jew ma’ terzi sabiex, matul il-proċedura preliminari, jingħelbu diffikultajiet li possibbilment setgħet iltaqgħet magħhom. Issa, din il-fakultà tippresupponi li l-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-pożizzjoni tagħha skont ir-riżultati tad-djalogu mibdi, mingħajr ma dan l-adattament għandu jkun interpretat a priori bħala li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

Il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li fihom ġie adottat l-att ikkontestat kif ukoll fil-kontenut tiegħu, u din għandha ssir b’mod oġġettiv, billi jsir paragun bejn ir-raġunijiet għad-deċiżjoni u l-provi li l-Kummissjoni kellha meta ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, intrinsikament, imur lil hinn mit-tfittxjia tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent għandu l-oneru li jagħti prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, prova li jista’ jġib billi jippreżenta serje ta’ indizji konkordanti dwar, minn naħa, iċ-ċirkustanzi u d-dewmien tal-proċedura ta’ eżami preliminari u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 53-55, 78)

2.      Fil-każ fejn il-miżuri statali kontenzjużi dwar il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat ma ġewx innotifikati mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tagħmel eżami preliminari ta’ dawn il-miżuri f’terminu preskritt. Madankollu, meta partijiet terzi interessati jkunu ppreżentaw lill-Kummissjoni lmenti dwar miżuri statali li ma kinux ġew innotifikati, l-istituzzjoni għandha l-obbligu, fil-kuntest tal-fażi preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE, li tipproċedi għal eżami diliġenti u imparzjali ta’ dawn l-ilmenti, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar għajnuna mogħtija mill-Istat. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal indefinittivament l-eżami preliminari ta’ miżuri statali li huma s-suġġett ta’ lment, peress li dan l-eżami għandu biss l-għan li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni fuq il-kwalifika tal-miżuri ppreżentati għall-evalwazzjoni tagħha u fuq il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni.

In-natura raġonevoli tad-dewmien tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari għal kull kawża u, b’mod partikolari, skont il-kuntest tagħha, l-istadji proċedurali differenti li l‑Kummissjoni għandha ssegwi u l-kumplessità tal-kawża.

Issa, minkejja li d-dewmien tal-eżami preliminari jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, dan fih innifsu ma huwiex biżżejjed biex juri l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet.

B’mod partikolari, il-fatt biss li ġew stabbiliti diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat matul il-fażi ta’ eżami preliminari u li, f’dan il-kuntest, setgħet intalbet xi informazzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni dwar il-miżuri suġġetti għall-istħarriġ tagħha ma jistax, fih innifsu, jitqies bħala prova li din l-istituzzjoni kienet qed tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni.

Barra minn hekk, huwa biss jekk ikun appoġġjat minn elementi oħra li d-dewmien ta’ żmien, anki jekk jeċċedi notevolment iż-żmien li jieħu normalment l-ewwel eżami magħmul fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE, jista’ jwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni li jeżiġu li tinfetaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE.

(ara l-punti 57, 58, 70-72)

3.      Il-fażi preliminari ta’ eżami fil-kuntest tal-Artikolu 88(3) KE ma hijiex ta’ natura kontradittorja għal-lanjant u l-Kummissjoni għaldaqstant ma hijiex marbuta tikkomunika l-pożizzjoni tagħha lilu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern.

(ara l-punt 84)