Rikors ippreżentat fit-23 ta' Diċembru 2008 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-576/08)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: M. Lumma u B. Klein)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008 tat-3 ta' Ottubru 2008 li jadotta l-pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta' riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità;
iżżomm fis-seħħ l-effetti tar-regolament annullat;
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008, tat-3 ta' Ottubru 2008
1, li jinkludi l-pjan annwali għas-sena 2009 fir-rigward tat-tqassim tal-ikel lill-persuni l-iktar bil-bżonn fil-Komunità.
Skont ir-rikorrenti, ir-Regolament m'għandux bażi legali fid-dritt Komunitarju. Filwaqt li ġie adottat fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007
2, li għandu l-politika agrikola komuni tal-Komunità (Artikoli 36 u 37 KE, flimkien mal-Artikolu 33 KE) bħala bażi legali, huwa ma jissodisfax, madankollu, ir-rekwiżiti li jinsabu fl-imsemmi regolament.
Il-pjan kien inizjalment imfassal bħala kompetenza anċillari għall-politika agrikola komuni peress li stokk ta' intervent essenzjalment disponibbli ġie użat għal skop soċjali. Għal diversi snin, min-naħa l-oħra, il-pjan ġie operat esklużivament permezz tax-xiri ta' ikel fis-suq ladarba, minħabba emendi fil-politika barranija komuni, bilkemm jifdal stokk ta' intervent. Ir-rikorrenti tqis il-pjan illum bħala strument Komunitarju purament ta' politika soċjali li m'għandu ebda bażi legali (prinċipju ta' setgħat mogħtija).
Ir-regolament ikkontestat mhuwiex, għaldaqstant, kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 li jippermetti x-xiri ta' ikel għall-pjan biss jekk l-istokk ta' intervent ikun laħaq temporanjament il-kapaċità tiegħu. Sadattant, madankollu, il-fatt li x-xiri ta' ikel huwa predominanti sar stat permanenti.
Ir-regolament ikkontestat lanqas ma jsegwi l-għanijiet ta' politika agrikola komuni li huma stabbiliti fl-Artikolu 33(1) KE.
Sabiex jiġu evitati diffikultajiet fl-eżekuzzjoni tal-pjan annwali, ir-rikorrenti titlob lill-qorti sabiex tillimita l-effetti tal-annullament għall-provvista ta' xiri fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 983/2008 flimkien mal-Anness II tal-imsemmi regolament.
____________1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008 tat-3 ta' Ottubru 2008 li jadotta l-pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta' riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità (ĠU L 268, p. 3).2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).