Language of document : ECLI:EU:T:2024:362

Kawża T134/21

Malacalza Investimenti Srl u Vittorio Malacalza

vs

Bank Ċentrali Ewropew

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tal5 ta’ Ġunju 2024

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE dwar Banca Carige – Artikoli 4 u 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Aspettattivi leġittimi – Kunflitt ta’ interess – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Dritt għall-proprjetà – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

1.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Portata – Dikjarazzjonijiet minn membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għas-superviżjoni tal-BĊE dwar is-solidità ta’ din tal-aħħar – Natura allegatament qarrieqa tal-imsemmija dikjarazzjonijiet – Obbligu ta’ rettifika ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet mill-BĊE – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4 u 9)

(ara l-punti 68, 69, 70, 72 u 74)

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li taħtar direttur temporanju għal istituzzjoni ta’ kreditu taħt is-superviżjoni tiegħu – Riskju ta’ kunflitt ta’ interess – Prinċipju ta’ imparzjalità – Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4 u 9)

(ara l-punti 102 sa 104)

3.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Funzjoni prudenzjali – Miżura ta’ intervent bikri – Ħatra mill-BĊE ta’ direttur temporanju fi ħdan l-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għas-superviżjoni tiegħu – Setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tal-BĊE

(Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4 u 9)

(ara l-punti 110 sa 112)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li tadotta miżura ta’ intervent bikri fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għas-superviżjoni tiegħu – Deċiżjoni bbażata fuq id-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata – Protezzjoni tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja bħala għan ta’ interess pubbliku – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4 u 9)

(ara l-punti 121, 122, 125, 126 u 129)

5.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li titlob lil istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għas-superviżjoni tiegħu li tipprepara pjan intiż sabiex tiġi nnegozjata r-ristrutturazzjoni tad-dejn tagħha – Tfittxija ta’ għan ta’ interess pubbliku – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4 u 9)

(ara l-punti 134, u 136 sa 138)

6.      Eċċezzjoni ta’ illegalità – Portata – Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita – Att ta’ natura ġenerali – Kunċett – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li tadotta miżura ta’ intervent bikri fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għas-superviżjoni tiegħu – Esklużjoni

(Artikolu 277 TFUE)

(ara l-punti 170, 172 u 173)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali, b’deċiżjoni ta’ awla estiża ta’ ħames imħallfin bħala l-kulleġġ ġudikanti, ċaħdet ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Malacalza Investimenti Srl u minn Vittorio Malacalza li jitlob il-kumpens għad-dannu li huma allegatament ġarrbu minħabba l-aġir illegali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fl-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali ta’ Banca Carige (iktar ’il quddiem il-“Bank”), istituzzjoni ta’ kreditu Taljana, bejn l‑2014 u l‑2019. Il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u pprovdiet kjarifiki fir-rigward, b’mod partikolari, tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi u tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju mill-BĊE ta’ diversi dispożizzjonijiet applikabbli.

Il-Bank huwa suġġett għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE. Malacalza Investimenti u V. Malacalza, ir-rikorrenti, huma fost l-azzjonisti tal-Bank. V. Malacalza kien membru u Viċi President tal-Bord tad-Diretturi ta’ dan il-bank bejn l‑2016 u l‑2018. Fid‑9 ta’ Diċembru 2016, il-BĊE adotta miżura ta’ intervent bikri fil-konfront tal-Bank li fiha talbu jippreżenta pjan strateġiku u pjan operattiv sabiex inaqqas is-self li ma jrendix, li jinkludu indikazzjoni ċara tal-miżuri li kellhom jittieħdu u tal-iskeda li kellha tiġi osservata sabiex jintlaħaq dan l-għan (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ intervent bikri”). Fid-dawl tal-fatt li l-Bank ma rnexxilux iqiegħed l-istrumenti tiegħu ta’ fondi proprji fis-suq fl‑2018, u minħabba nuqqas ta’ qbil fi ħdan il-Bord tad-Diretturi li wassal għar-riżenja ta’ ċerti membri u wassal għall-formazzjoni ta’ bord ġdid, il-BĊE, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2018, talab lill-Bank japprova permezz tal-Bord tad-Diretturi tiegħu pjan ġdid intiż sabiex jistabbilixxi mill-ġdid u jiggarantixxi fit-tul l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ kapital sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2018. Wara r-rifjut ta’ żieda fil-kapital, minn laqgħa ġenerali straordinarja tal-azzjonisti, diversi membri tal-Bord tad-Diretturi rriżenjaw, li wassal għar-revoka tiegħu skont l-istatuti tal-Bank u tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

Fl‑1 ta’ Jannar 2019, il-BĊE ddeċieda li jqiegħed lill-Bank taħt amministrazzjoni temporanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja”) skont id-dispożizzjonijiet ta’ digriet leġiżlattiv dwar il-liġijiet fil-qasam bankjarju u ta’ kreditu (1) u li jittrasponi l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59 (2) (iktar ’il quddiem it-“Test Uniku dwar il-Banek”). Dik id-deċiżjoni kellha bħala effett ix-xoljiment tal-Bord tad-Diretturi u s-sostituzzjoni tal-ex membri tiegħu bi tliet amministraturi temporanji, li l-kompitu tagħhom kien li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti patrimonjali b’mod fit-tul mill-Bank. Din il-miżura ġiet estiża tliet darbiet fl‑2019. Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Settembru 2019, il-BĊE qies li ż-żieda tal-kapital prevista ma kinitx kuntrarja għal ġestjoni soda u prudenti tal-Bank u laqgħa ġenerali straordinarja tal-azzjonisti finalment approvatha fl‑20 ta’ Settembru 2019. Wara l-implimentazzjoni tagħha, fil‑31 ta’ Jannar 2020 ġew eletti Bord tad-Diretturi ġdid u Bord Superviżorju ġdid, u b’hekk intemmet l-amministrazzjoni temporanja tal-Bank.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fir-rigward tal-assenza ta’ rettifika mill-BĊE tad-dikjarazzjonijiet qarrieqa magħmula fuq is-solidità tal-Bank minn diretturi tiegħu, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-ewwel lok, li t-Test Uniku dwar il-Banek (3) jimponi fuq il-BĊE obbligu ġenerali ta’ pubblikazzjoni li jkopri kategoriji ta’ informazzjoni dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu b’għan ta’ natura ta’ interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, fuqu ma huwa impost, direttament jew indirettament, ebda obbligu li jirreaġixxi, b’mod speċifiku, meta fis-suq isiru, minn atturi, dwar is-solidità ta’ ċerti istituzzjonijiet suġġetti għas-superviżjoni tiegħu, dikjarazzjonijiet analizzati bħala qarrieqa minn oħrajn.

Ċertament, l-imsemmija dikjarazzjonijiet, inkwantu setgħu jiġu fformulati minn diretturi tal-Bank, jista’ jkollhom forma ta’ kredibbiltà, li tista’ taffettwa l-valur tal-ishma u tikkawża dannu lir-rikorrenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-eżistenza ta’ dannu finanzjarju allegat ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fil-fatt, sabiex isir dan, aġir illegali għandu jiġi stabbilit mir-rikorrenti, li għandhom juru li regola li tagħti drittijiet lill-individwi nkisret b’mod suffiċjentement serju. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 53bis tat-Test Uniku dwar il-Banek (4) jipprevedi li, meta s-sitwazzjoni tirrikjedi dan, l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ tadotta miżuri speċifiċi fil-konfront ta’ bank wieħed jew ta’ diversi jew fir-rigward tas-sistema bankarja kollha. Fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan l-artikolu huwa irrilevanti għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ obbligu tal-BĊE li jirrettifika tali dikjarazzjonijiet u ċaħdet l-ewwel kap ta’ illegalità allegat fir-rigward tal-aġir tiegħu.

Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mill-BĊE, fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Bord tad-Diretturi tal-Bank, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-aġir ikkritikat tal-BĊE ma huwiex relatat mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013 (5). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda t-tqassim tad-diversi kompiti fil-qasam prudenzjali bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-BĊE, li huwa esklużivament kompetenti sabiex jeżerċita ċertu numru minnhom. L-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex timplimenta l-għan li tiġi organizzata sistema regolatorja li tirrigwarda qasam ta’ attività għall-benefiċċju tal-interess pubbliku mingħajr ma tagħti, fiha nnifisha, drittijiet lil individwi. Fit-tieni lok, l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Nru 1024/2013 jawtorizza lill-BĊE jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jieħdu diversi miżuri fi stadju bikri meta dawn l-istituzzjonijiet ma josservawx ir-rekwiżiti prudenzjali jew ikun hemm riskju li ma josservawhomx, jew inkella meta nuqqasijiet oħra ma jippermettux li tiġi żgurata ġestjoni tajba jew kopertura sodisfaċenti tar-riskji. Il-Qorti Ġenerali qieset li tali dispożizzjoni sempliċement twettaq awtorizzazzjoni u ma tinkludix, fiha nnifisha, regoli li jagħtu drittijiet lill-individwi, iżda torganizza s-sistema ta’ superviżjoni bankarja fl-interess pubbliku. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni kap ta’ illegalità allegat.

Fir-rigward tal-approvazzjoni mill-BĊE ta’ żieda fil-kapital allegatament kuntrarja għall-jedd ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti previst mill-istatuti tal-Bank, wara li kkonstatat li l-Artikolu 56 tat-Test Uniku dwar il-Banek japplika għall-BĊE, skont ir-Regolament Nru 1024/2013, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont dan l-artikolu, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tivverifika l-kompatibbiltà, mar-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn ġestjoni soda u prudenti, tal-emendi tal-istatuti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru tal-kumpanniji. Issa, din il-verifika tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-emenda statutorja, mhux mal-jeddijiet ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti, iżda mal-ħtieġa ta’ ġestjoni soda u prudenti. Għalhekk, l-għan li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-istabbiltà tal-istituzzjoni ta’ kreditu u, b’mod iktar wiesa’, tas-sistema finanzjarja. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset li l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħtix drittijiet lill-individwi.

Fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-ħatra mill-BĊE ta’ ċerti amministraturi temporanji affettwati minn kunflitt ta’ interess, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabel kollox, li l-annullament minnha tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja (6) ma jipprekludix l-eżami tagħha f’din il-proċedura. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, minn naħa, li dan l-annullament ma sarx abbażi ta’ ksur marbut ma’ kunflitt ta’ interess u, min-naħa l-oħra, li r-rikors għad-danni jikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju awtonomu u suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju proprji. Fl-aħħar nett, mit-Test Uniku dwar il-Banek (7) jirriżulta li d-diretturi temporanji għandhom b’mod partikolari jkunu ħielsa minn kunflitti ta’ interess. Issa, dan ir-rekwiżit jaqa’, b’mod ġenerali, taħt il-prinċipju ta’ imparzjalità, li huwa intiż li jipproteġi, skont il-ġurisprudenza, minn naħa, l-interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-individwi li jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv wara l-preżenza ta’ dan il-kunflitt ta’ interess. Għalhekk, dan il-prinċipju joħloq, fil-konfront ta’ dawn l-individwi, dritt suġġettiv li, jekk jinkiser b’mod suffiċjentement serju, jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għad-dannu eventwalment ikkawżat minn istituzzjoni fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, li jagħti, għaldaqstant, drittijiet lill-individwi.

Fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ din id-dispożizzjoni mill-BĊE, il-Qorti Ġenerali nnotat li, sabiex jimmotiva l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, il-BĊE ma indikax li din id-deċiżjoni kienet iġġustifikata mill-eżistenza ta’ “irregolaritajiet serji” mwettqa “fil-kuntest tal-amministrazzjoni” tal-Bank (8). F’dan il-każ, jekk kienu twettqu irregolaritajiet, hija biss azzjoni għad-danni fil-konfront tal-ex membri tal-korpi amministrattivi li kienet tkun ta’ natura li tippermetti l-kumpens, minn dawn il-persuni responsabbli, għad-danni subiti mill-azzjonisti. F’tali każ, seta’ ma kienx ikun xieraq li wieħed minn dawn l-ex membri jinħatar bħala direttur temporanju. Madankollu, is-sitwazzjoni kienet differenti f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja kienet ibbażata fuq id-“deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tal-Bank”.

Barra minn hekk, id-diffikultajiet finanzjarji li jaffettwaw lill-Bank ippreċedew il-ħatra taż-żewġ diretturi temporanji kkonċernati. Mill-bqija, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fl-eżerċizzju tal-funzjoni prudenzjali tiegħu, il-BĊE jgawdi minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa. Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali qieset li l-BĊE uża s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu b’mod raġonevoli meta ħatar bħala diretturi temporanji persuni li kienu suffiċjentement involuti fil-kummerċ tal-Bank sabiex ikunu jistgħu jaġixxu malajr quddiem is-sitwazzjoni ta’ kriżi li kellu l-Bank. Hija żiedet li, ċertament, l-azzjoni għad-danni msemmija iktar ’il fuq fil-konfront tal-ex membri hija eżerċitata, matul il-perijodu tal-amministrazzjoni temporanja, mid-diretturi temporanji. Madankollu, minn meta assumew il-ġestjoni ordinarja tal-Bank, konformement mad-dritt Taljan u mal-Istatuti tal-Bank, setgħet titressaq azzjoni għad-danni, b’mod partikolari mill-assemblea tal-azzjonisti, kontra ż-żewġ diretturi kkonċernati. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-BĊE baqa’ fil-limiti tar-raġonevolezza fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, meta ħatar lill-persuni kkonċernati bħala diretturi temporanji, u għalhekk ikkonkludiet li ma ġie stabbilit ebda ksur suffiċjentement serju.

Fir-rigward tal-adozzjoni mill-BĊE tal-miżura ta’ intervent bikri, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, l-ewwel, fir-rigward tal-imsemmija adozzjoni abbażi ta’ sempliċi riskju ta’ ksur tal-qafas regolatorju, li l-Artikolu 69octiesdecies tat-Test Uniku dwar il-Banek (9) japplika għall-BĊE bis-saħħa tar-Regolament Nru 1024/2013. Sa fejn din id-dispożizzjoni sempliċement tagħti lill-awtorità ta’ superviżjoni, fi tmiem l-evalwazzjoni tagħha, is-setgħa li tadotta miżura ta’ intervent bikri, suġġett għall-fatt li ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, hija ma tagħtix drittijiet lill-individwi. Fil-fatt, il-miżura ta’ intervent bikri ġiet adottata biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-għan ta’ interess pubbliku. Għalhekk, il-BĊE mmotiva l-adozzjoni tal-imsemmija miżura bir-riskju ta’ ksur tar-rekwiżiti stabbiliti mill-qafas regolatorju applikabbli, u b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji previsti minn din id-dispożizzjoni, li tagħmel riferiment għall-eżistenza ta’ deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni tal-entità taħt superviżjoni bħala wieħed mill-indizji ta’ ksur possibbli minnha tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li tfittex għan ta’ interess pubbliku, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma għandhiex l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

It-tieni, fir-rigward tal-obbligu previst mill-miżura ta’ intervent bikri li jiġi ttrasferit taħt kundizzjonijiet mhux vantaġġużi self li allegatament ma jrendix, wara li qieset li l-Artikolu 69noviesdecies tat-Test Uniku dwar il-Banek kien japplika għall-BĊE, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li din id-dispożizzjoni kienet sempliċement tagħti lill-awtorità ta’ superviżjoni s-setgħa, taħt ċerti kundizzjonijiet, li titlob lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jippreparaw jew jimplimentaw pjan sabiex jinnegozjaw ristrutturazzjoni tad-dejn. Għaldaqstant, huwa ma jagħtix, fih innifsu, drittijiet lill-individwi. Għalhekk, f’dan il-każ, huwa sabiex jintlaħaq għan ta’ interess pubbliku li l-BĊE talab lill-Bank, fil-miżura ta’ intervent bikri, jippreżenta pjan strateġiku u pjan operattiv, mingħajr madankollu ma eżiġa li l-Bank jittrasferixxi self li ma jrendix, u wisq inqas li jagħmel dan bi prezzijiet iddefiniti f’perijodu ddeterminat. Madankollu, dawn il-pjanijiet kellhom jitħejjew u jiġu approvati mill-Bank, li kienet ir-responsabbiltà tiegħu, b’mod partikolari, li jidentifika u li jimplimenta l-miżuri adegwati billi jindika, pereżempju, is-self li ma jrendix li seta’ jiġi ttrasferit u l-modalitajiet ta’ trasferiment tiegħu. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-miżura ta’ intervent bikri tindika għanijiet minimi u tistabbilixxi termini għat-tnaqqis tas-self li ma jrendix. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 69noviesdecies għandu għan ta’ interess pubbliku mingħajr ma għandu l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi.

It-tielet, fir-rigward tal-osservanza, f’perijodu ddeterminat, tar-rekwiżiti imposti fil-qasam tal-fondi proprji, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013 jagħti setgħat lill-BĊE fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali billi jsegwi għan ta’ interess pubbliku mingħajr ma jagħti drittijiet lill-individwi.

Ir-raba’, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba l-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fl-eżerċizzju tal-missjoni prudenzjali tiegħu, il-BĊE għandu jwettaq evalwazzjonijiet tekniċi li jieħdu inkunsiderazzjoni firxa wiesgħa ta’ varjabbli (10), li tmur id f’id ma’ setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa. Fl-imsemmija miżura, il-BĊE kkonstata l-ksur tar-rekwiżiti patrimonjali, iżda għamel riferiment ukoll għal diversi elementi li juru, fil-fehma tiegħu, il-fraġilità ta’ dik l-istituzzjoni. Issa, ir-rikorrenti ma qabblux din is-sitwazzjoni partikolari mad-deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE b’mod li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ differenza reali fit-trattament bejn il-Bank u istituzzjonijiet ta’ kreditu Taljani oħra.

Il-ħames nett, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-BĊE jgawdi minn marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali. Sabiex jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri, il-BĊE analizza l-proporzjonalità tal-obbligu li huwa kien bi ħsiebu jadotta fir-rigward tas-self li kien jinsab fil-patrimonju tal-Bank mingħajr ma jkollu n-natura effettiva li huwa kien iqis meħtieġa sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ fondi proprji li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, huwa seta’ jqis, fid-dawl tar-riskju li għandu l-Bank, li kien xieraq u neċessarju li tiġi adottata l-miżura ta’ intervent bikri mingħajr ma jeżistu soluzzjonijiet alternattivi li jippermettu li jintemmu, b’mod sodisfaċenti, id-diffikultajiet li kellu l-Bank. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti ma identifikawx elementi li jippermettu li jitqies li, billi adotta din il-miżura, il-BĊE kiser b’mod gravi u manifest il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tal-miżura ta’ intervent bikri, il-Qorti Ġenerali fakkret li din tapplika, taħt piena ta’ inammissibbiltà, għall-atti ta’ portata ġenerali biss, li huma stess jirrigwardaw sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod astratt. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża inkwantu l-miżura ta’ intervent bikri ġiet indirizzata b’mod speċifiku mill-BĊE lill-Bank, billi imponiet fuqu obbligi proprji. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità bħala inammissibbli.


1      Decreto legislativo n. 385 - Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 li Jimplimenta Test Uniku tal-Liġijiet fil-Qasam Bankjarju u ta’ Kreditu) tal‑1 ta’ Settembru 1993 (GURI Nru 230 tat‑30 ta’ Settembru 1993, u Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 92).


2      Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).


3      F’dan il-każ, l-Artikolu 53(1)(dbis) u l-Artikolu 67(1)(e) tat-Test Uniku dwar il-Banek, dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mill-BĊE dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tas-swieq u b’hekk il-funzjonament tajjeb tagħhom u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.


4      Skont l-Artikolu 53bis(1)(d) tat-Test Uniku dwar il-Banek.


5      Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).


6      Sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2022, Corneli vs BĊE (T‑502/19, EU:T:2022:627).


7      Skont l-Artikolu 71(6) tat-Test Uniku dwar il-Banek.


8      Fis-sens tal-Artikolu 69octiesdecies(1)(b) tat-Test Uniku dwar il-Banek, moqri flimkien mal-Artikolu 70 tiegħu.


9      F’dan il-każ, l-Artikolu 69octiesdecies(1)(a).


10      Dawn jinkludu b’mod partikolari livelli ta’ fondi proprji u ta’ likwidità, mudelli ekonomiċi, governanza, riskji, impatt sistemiku u xenarji makroekonomiċi.