Language of document : ECLI:EU:T:2014:71

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Frar 2014 (*)

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ qfieli tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajwan — Talba għar-rimbors tad-dazji miġbura — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Ċertezza legali”

Fil-Kawża T‑81/12,

Beco Metallteile-Handels GmbH, stabbilita fi Spaichingen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Pfeiffer, avukat,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 9112 finali, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar talba għar-rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa fuq importazzjonijiet ta’ qfieli tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse u J. Schwarcz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bejn it-8 ta’ Settembru 2000 u l-5 ta’ Mejju 2003, ir-rikorrenti, Beco Metallteile-Handels GmbH, importat fil-Ġermanja qfieli tal-azzar li ma jissaddadx, li ġew ikkunsidrati mill-Hauptzollamt Karlsruhe [Uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Karlsruhe (il-Ġermanja), iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”] li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajwan.

2        B’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 393/98, tas-16 ta’ Frar 1998, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet minnhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Indja, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Malasja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 50, p. 1), il-Hauptzollamt, fis-17 ta’ Awwissu 2005, ħareġ avviż fiskali li permezz tiegħu r-rikorrenti ġiet informata li kellha tħallas is-somma ta’ EUR 815 754.32 bħala dazji antidumping applikati għall-importazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem l-“avviż fiskali tal-2005”).

3        Fit-22 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra l-avviż fiskali tal-2005 quddiem il-Hauptzollamt u talbet li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tal-imsemmi avviż.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2005, il-Hauptzollamt issospenda l-eżekuzzjoni tal-avviż fiskali tal-2005 sakemm tingħata d-deċiżjoni fil-mertu.

5        Permezz ta’ avviż ta’ rettifika tal-14 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem l-“ewwel avviż fiskali ta’ rettifika tal-2010”), il-Hauptzollamt naqqas id-dazji antidumping dovuti mir-rikorrenti għall-ammont ta’ EUR 633 475.99 u impona li kellha tħallas dan l-ammont sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April 2010. Fil-mument meta ġie ppreżentat dan ir-rikors, dan l-avviż fiskali ta’ rettifika kien is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Finanzgericht Baden-Württemberg (Qorti tal-finanzi ta’ Baden-Würtemberg, il-Ġermanja).

6        Fid-19 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat talba għar-rimbors tad-dazji antidumping stabbiliti fl-avviż fiskali tal-2005, jiġifieri ammont ta’ EUR 815 754.32, abbażi tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, Rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). B’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti, mingħajr ma ġiet ikkontestata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni Ewropea, speċifikat ir-raġunijiet li għalihom din it-talba għal rimbors kienet tirrigwarda s-somma indikata fl-avviż fiskali tal-2005 u mhux dik indikata fl-ewwel avviż ta’ rettifika tal-2010. Fil-fatt, billi dan l-avviż tal-aħħar ġie rċevut mill-avukat tar-rikorrenti biss fid-19 ta’ April 2010, huwa ma tteħidx inkunsiderazzjoni fl-imsemmija talba għal rimbors mibgħuta fl-istess jum, għaliex l-avukat tar-rikorrenti ma setax isir jaf bih qabel ma ntbagħtet l-imsemmija talba.

7        Fit-talba tagħha għal rimbors, ir-rikorrenti sostniet li l-marġni ta’ dumping li fuqu kien ibbażat l-avviż fiskali tal-2005 kien ġie eliminat jew imnaqqas għal valur inferjuri għar-rata tad-dazju antidumping applikata. Billi qieset li tali talba għal rimbors kienet tippresupponi li d-dazji antidumping inkwistjoni kienu diġà tħallsu, ir-rikorrenti talbet ukoll is-sospensjoni tal-investigazzjoni sakemm jiġu stabbiliti l-imsemmija dazji b’mod definittiv, abbażi tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2002, C 127, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż interpretattiv”).

8        Fit-28 ta’ April 2010, il-Hauptzollamt ħareġ it-tieni avviż fiskali ta’ rettifika (iktar ’il quddiem it-“tieni avviż fiskali ta’ rettifika tal-2010”), li fih talab lir-rikorrenti, a posteriori, tħallas l-ammont ta’ EUR 101 356.15 bħala taxxa fuq il-fatturat mill-importazzjoni, għar-raġuni li din tal-aħħar kienet ingħatat eżenzjoni żbaljata.

9        Fit-30 ta’ April u fl-14 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti ħallset l-ammont ta’ EUR 633 475.99 b’eżekuzzjoni tal-ewwel avviż fiskali ta’ rettifika tal-2010 u l-ammont ta’ EUR 101 356.15 b’eżekuzzjoni tat-tieni avviż fiskali ta’ rettifika tal-2010, rispettivament.

10      B’ittra tal-15 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li t-talba għal rimbors inkwistjoni kienet ser tiġi kkunsidrata inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku u tal-Avviż interpretattiv.

11      B’ittra tal-15 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti wieġbet li, b’applikazzjoni tal-punt 2.1 tal-Avviż interpretattiv, it-terminu li fih għandha titressaq talba għal rimbors ta’ dazji antidumping ma jibdiex jiddekorri sakemm ma jkunux tħallsu l-imsemmija dazji. Skontha, fid-dawl tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6, imdaħħla fil-punt 2.1 tal-Avviż interpretattiv, hija setgħet tressaq it-talba tagħha għal rimbors qabel ma ħallset id-dazji antidumping, iżda ma kinitx obbligata tagħmel dan. Billi hija ħallset id-dazji antidumping inkwistjoni biss fit-30 ta’ April 2010, it-talba għal rimbors inkwistjoni kellha tiġi kkunsidrata li tressqet fit-terminu ta’ sitt xhur impost mil-leġiżlazzjoni, u għaldaqstant, li kienet ammissibbli.

12      B’ittra tat-2 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kellha tiġi miċħuda t-talba għal rimbors inkwistjoni.

13      Fit-tweġiba tagħha tal-15 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti żammet mal-interpretazzjoni tagħha tal-Avviż interpretattiv, kif spjegata fil-qosor fil-punt 11 iktar ’il fuq. Hija sostniet ukoll li, billi tiċħad it-talba għal rimbors inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx ser taġixxi in bona fide u kienet ser tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll l-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mill-kliem tal-Avviż interpretattiv.

14      Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 9112 finali, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar talba għar-rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa fuq importazzjonijiet ta’ qfieli tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal rimbors inkwistjoni.

15      Fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li t-terminu ta’ sitt xhur għat-tressiq tat-talba għal rimbors inkwistjoni kellu jibda jiddekorri mill-mument meta l-ammont tad-dazji antidumping kien ġie debitament stabbilit, jiġifieri fis-17 ta’ Awwissu 2005. Skontha, l-imsemmi terminu għalhekk skada fis-17 ta’ Frar 2006. Billi l-imsemmija talba għal rimbors tressqet mir-rikorrenti biss fid-19 ta’ April 2010, hija ma setgħetx tiġi ttrattata fil-mertu minħabba fl-inammissibbiltà manifesta tagħha.

16      Bil-għan li tikkonfuta l-argument imressaq mir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, indikat fil-premessi 8, 9 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata li kien it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku li kien jikkonċerna speċifikament it-termini li fihom kellha titressaq talba għal rimbors. Skontha, din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi li kien il-mument meta kien ġie debitament stabbilit l-ammont tad-dazji antidumping dovut, jiġifieri s-17 ta’ Awwissu 2005, u mhux il-mument meta tħallsu, li minnu beda jiddekorri t-terminu sabiex titressaq talba għal rimbors. Il-fatt li l-Hauptzollamt issospenda l-eżekuzzjoni tal-avviż fiskali tal-2005 bl-ebda mod ma jbiddel din il-konklużjoni.

17      It-tieni nett, fil-premessi 10, 11 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-kliem użat fil-punt 2.1(b) tal-Avviż interpretattiv kellu jinqara kollu kemm hu, li jfisser li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-test ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 li tinsab imdaħħla fiha. F’din tal-aħħar, hija speċifikat li, meta importatur jikkontesta l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping għat-tranżazzjoni tiegħu, huwa xorta waħda kellu, jekk kien jixtieq jagħmel dan, iressaq talba għar-rimbors tad-dazji antidumping fit-terminu ta’ sitt xhur flimkien ma’ talba għas-sospensjoni tal-investigazzjoni sakemm tiġi stabbilita l-eżiġibbiltà tad-dazji. L-espressjonijiet “għandu” u “jekk jixtieq jagħmel dan” użati fl-imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna jirreferu għall-fatt li importatur seta’ jiddeċiedi jew le li jressaq tali talba fit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, iżda madankollu ma jfissrux li l-importatur seta’ validament jitlob rimbors wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-punt 3.1.3 tal-Avviż interpretattiv kien jikkonferma din il-pożizzjoni, billi speċifikat li t-terminu ta’ sitt xhur kellu jiġi osservat, anki meta l-applikazzjoni tar-regolament li jistabbilixxi d-dazji inkwistjoni kien ikkontestat quddiem il-qrati ġudizzjarji u amministrattivi nazzjonali.

18      Għaldaqstant, fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeċidiet li l-Avviż interpretattiv ma kienx jikkontradiċi l-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku u li ma setax iqajjem aspettattivi leġittimi fil-każijiet fejn id-dazji ma tħallsux.

19      Fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-aġir tar-rikorrenti kien jidher li jikkontradiċi l-argument imressaq, li skontu talba għal rimbors tad-dazji antidumping hija ammissibbli biss jekk l-imsemmija dazji jkunu diġà tħallsu. Fil-fatt, ir-rikorrenti ressqet it-talba tagħha għal rimbors fid-19 ta’ April 2010, minkejja li d-dazji antidumping inkwistjoni tħallsu biss fit-30 ta’ April 2010.

20      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda d-diversi sentenzi ċċitati mir-rikorrenti sabiex issostni li, billi tiċħad it-talba għal rimbors inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx ser taġixxi in bona fide u kienet ser tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll l-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mit-test tal-Avviż interpretattiv, din tal-aħħar ikkunsidrat, fil-punti 19 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata li l-imsemmija sentenzi ma kinux ta’ natura li jsostnu t-talba tar-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-15 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

22      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) talbet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti u sabiex iwieġbu ċerti mistoqsijiet. Il-partijiet wieġbu għal din it-talba fit-terminu mogħti.

23      Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

24      Il-partijiet ma għamlu ebda osservazzjoni fuq ir-rapport għas-seduta.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-5 ta’ Ġunju 2013.

26      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

28      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku u tal-Avviż interpretattiv. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ bona fides u ta’ ċertezza legali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku u tal-Avviż interpretattiv

29      L-ewwel motiv jinqasam f’żewġ ilmenti. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Avviż interpretattiv.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku

30      Ir-rikorrenti tqis, billi tirreferi għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, li skontu “importatur jista’ jitlob li jerġgħu jitħallsu lura d-dazji miġbura fejn jintwera li l-marġini tad-dumping, fuq il-bażi li fuqu kienu mħallsa d-dazji, jkun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li huwa inqas mill-livell tad-dazju infurzat”, li tali talba għal rimbors hija ammissibbli biss wara li jitħallsu d-dazji antidumping inkwistjoni.

31      Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni tqis li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku jipprovdi biss kundizzjonijiet materjali li fihom jistgħu jiġu rrimborsati dazji antidumping imħallsa minn importatur ikkonċernat u li huwa t-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 11(8) li jipprovdi regoli proċedurali speċjali.

32      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-ammont tad-dazju antidumping jiġi debitament stabbilit mal-komunikazzjoni tad-dejn doganali skont l-Artikolu 221(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), billi huwa minn dak il-mument li d-debitur ikun sar jaf bih. Ma teżisti ebda raġuni sistematika li teħtieġ li wieħed jistenna l-eżitu ta’ rikors għal annullament fuq livell nazzjonali sabiex titressaq talba għal rimbors skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, billi ma humiex l-awtoritajiet nazzjonali, iżda hija biss il-Kummissjoni li tista’ tikkonstata, fil-każ konkret tal-importatur inkwistjoni, it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-marġni ta’ dumping li abbażi tiegħu jkunu ġew ikkalkulati d-dazji antidumping.

33      F’dan ir-rigward, għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku jipprovdi li, “[m]inkejja l-paragrafu 2, importatur jista’ jitlob li jerġgħu jitħallsu lura d-dazji miġbura fejn jintwera li l-marġini tad-dumping, fuq il-bażi li fuqu kienu mħallsa d-dazji, jkun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li huwa inqas mill-livell tad-dazju infurzat”, l-espressjonijiet “dazji miġbura” u “kienu mħallsa d-dazji”, li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjoni, jispeċifikaw biss li s-suġġett tar-rimbors jista’ jkun biss is-somom li diġà tħallsu. Għalhekk din id-dispożizzjoni tiddefinixxi biss il-prinċipju u l-kundizzjonijiet materjali għal rimbors.

34      F’dak li jirrigwarda l-proċedura li għandha tiġi segwita, huwa t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni rilevanti. Il-kliem użat f’din id-dispożizzjoni jirreferi għad-dazji antidumping “li kellhom jiġu ntaxxati”. Għalhekk ma jsemmix kundizzjoni marbuta mal-ħlas tal-imsemmija dazji sabiex talba għal rimbors tkun ammissibbli.

35      Għaldaqstant, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku bl-ebda mod ma huwa suġġett għal kundizzjoni tal-ħlas minn qabel tad-dazji antidumping.

36      Madankollu, wara li saret mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostniet li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku għandu impatt indirett fuq id-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu previst fit-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 11(8).

37      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku jipprovdi li “[a]pplikazzjoni għal rifużjoni għandha tiġi kkunsidrata biss meta din tkun appoġġjata kif suppost permezz ta’ evidenza fejn din ikollha informazzjoni preċiża dwar l-ammont ta’ rifużjoni fuq id-dazji kontra d-dumping mitlub u d-dokumentazzjoni kollha tad-dwana li għandha x’taqsam mal-kalkulazzjoni u l-pagament ta' ammont bħal dan”, li “[g]ħandha wkoll tinkludi evidenza, għal perjodu rappreżentattiv, tal-valuri normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lill-Unjoni għall-esportatur jew il-produttur li għalih japplika d-dazju”, li “[f’]każijiet fejn l-importatur ma jkunx assoċjat ma’ l-esportatur jew mal-produttur konċernat u informazzjoni bħal din mhix immedjatament disponibbli, jew fejn l-esportatur jew il-produttur ma jixtieqx jagħti din l-informazzjoni lill-importatur, l-applikazzjoni għandu jkun fiha dikjarazzjoni mill-esporatur jew il-produttur li l-marġini tad-dumping ġie mnaqqas jew eliminat, kif speċifikat f’dan l-Artikolu, u li sejra tingħata l-evidenza ta’ sostenn rilevanti lill-Kummissjoni” u li, “[f]ejn l-evidenza min-naħa ta’ l-esportatur jew tal-produttur ma tkunx disponibbli fi żmien perjodu raġonevoli ta’ żmien, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda.”

38      Ir-rikorrenti ssostni li, peress li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku jipprovdi fl-ewwel sentenza tiegħu li, sabiex tkun “appoġġjata kif suppost”, it-talba għal rimbors għandu jkollha magħha d-dokumentazzjoni kollha tad-dwana li għandha x’taqsam mal-kalkolu u l-ħlas tal-ammont tad-dazji antidumping inkwistjoni, l-imsemmi ħlas huwa għalhekk kundizzjoni għall-ammissibbiltà tat-talba għal rimbors.

39      F’dan ir-rigward, kif sostniet il-Kummissjoni, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku huwa rilevanti biss għad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu previst fit-tieni sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tal-istess regolament. Fil-fatt, dik is-sentenza tipprovdi li “[r]ifużjonijiet tad-dazji [antidumping] għandhom normalment iseħħu fi żmien 12-il xahar, u taħt ebda ċirkustanzi iktar tard minn 18-il xahar wara d-data li fiha tkun saret talba għal rifużjoni, sostnuta kif suppost permezz ta’ evidenza, minn importatur tal-prodott soġġett għad-dazju kontra d-dumping”.

40      Barra minn hekk, xejn fil-kliem użat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-talbiet għal rimbors għandhom ikunu debitament issostanzjati fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-istess Artikolu 11(8) mill-mument meta jitressqu. Dawn tal-aħħar jistgħu jiġu kkompletati waqt li tkun għaddejja l-proċedura. Li kieku kien mod ieħor, il-leġiżlatur kien jindika fit-tieni sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku li l-imsemmi terminu ta’ 12 jew ta’ 18-il xahar kellu jibda jiddekorri minn meta titressaq it-talba għal rimbors u mhux mill-mument meta din it-talba tkun “appoġġjata kif suppost”.

41      Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku ma jistax jinvalida l-konklużjonijiet magħmula fil-punti 34 u 35 iktar ’il fuq.

42      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni wkoll li, sabiex dazji antidumping ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati li ġew debitament stabbiliti, jeħtieġ li l-ammont tagħhom ikun ġie kkalkulat korrettament. Issa peress li l-ewwel avviż fiskali ta’ rettifika tal-2010 naqqas sostanzjalment l-ammont tad-dazji antidumping li kellhom jitħallsu, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ammont tad-dazji antidumping definittivi li kellhom jinġabru kien ġie stabbilit “kif suppost” permezz tal-avviż fiskali tal-2005. Għalhekk it-talba tagħha għal rimbors ma tistax tiġi kkunsidrata tardiva.

43      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, li l-argument inkwistjoni huwa bbażat fuq l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-ewwel avviż fiskali ta’ rettifika tal-2010, li l-Kummissjoni ma kinitx taf bih fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

44      Issa skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att ikkontestat tiġi evalwata abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u tal-5 ta’ Lulju 1984, Société d’initiatives et de coopération agricoles u Société interprofessionnelle des producteurs et expéditeurs de fruits, légumes, bulbes et fleurs d’Ille-et-Vilaine vs Il‑Kummissjoni, 114/83, Ġabra p. 2589, punt 22; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 1996, SNCF u British Railways vs Il‑Kummissjoni, T‑79/95 u T‑80/95, Ġabra p. II‑1491, punt 48, u tat-22 ta’ Jannar 2013, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑46/09, punt 149). B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati unikament abbażi tal-informazzjoni li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta għamlet dawn l-evalwazzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il‑Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra p. II‑1579, punt 67).

45      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-assenza ta’ produzzjoni jew ta’ indikazzjoni tal-ewwel avviż fiskali ta’ rettifika waqt il-proċedura amministrattiva hija kompletament imputabbli għan-nuqqas ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. Hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li huwa previst fil-punt 3.2.1(b) tal-Avviż interpretattiv, il-Kummissjoni ma talbithiex tagħtiha informazzjoni oħra, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-bażi għall-kalkolu u l-ammont eżatt tad-dazji antidumping miġbura.

46      Għalkemm huwa minnu li l-punt 3.2.1 tal-Avviż interpretattiv jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant bl-informazzjoni li huwa obbligat jikkomunika, billi tistabbilixxi terminu raġonevoli li fih għandhom jintbagħtu l-provi meħtieġa, u li din l-informazzjoni għandha tinkludi d-dokumenti doganali li jispeċifikaw it-tranżazzjonijiet tal-importazzjoni li għalihom jintalab rimbors u li jistabbilixxu, b’mod partikolari, l-elementi li ntużaw għad-determinazzjoni tad-dazji li għandhom jinġabru u l-ammont eżatt tad-dazji antidumping miġbura, il-Kummissjoni ssostni ġustament li hija ma hijiex obbligata teżamina ex officio u b’suppożizzjonijiet liema huma l-provi li setgħu jiġu ppreżentati lilha. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem li tobbliga lill-Kummissjoni tikkomunika lill-applikant it-tipi jew il-kategoriji ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti li għandhom jiġu pprovduti lilha sabiex tkun tista’ teżamina talba għal rimbors.

47      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-ammont tad-dazji antidumping definittivi li għandhom jinġabru ma ġiex stabbilit “kif suppost” mill-avviż fiskali tal-2005 ma jistax jirnexxi.

48      Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Avviż interpretattiv

49      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-punt 1, il-punt 2.1(b), kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 li tinsab imdaħħla fih, u l-punt 2.2(a) tal-Avviż interpretattiv.

50      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li att interpretattiv, bħalma huwa l-Avviż interpretattiv, li, skont il-preambolu tiegħu, jiddefinixxi linji gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, ma jistax ikollu l-effett li jibdel ir-regoli imperattivi li jinsabu f’regolament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1992, Soba, C‑266/90, Ġabra p. I‑287, punt 19, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ April 1993, Peugeot vs Il‑Kummissjoni, T‑9/92, Ġabra p. II‑493, punt 44).

51      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta bl-oqsfa u bil-komunikazzjonijiet adottati minnha, iżda biss sa fejn dawn ma jidderogawx minn regoli li huma ġerarkikament superjuri għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 2010, Holland Malt vs Il—Kummissjoni, C‑464/09 P, Ġabra p. I‑12443, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għaldaqstant, f’każ ta’ sovrappożizzjoni u ta’ inkompatibbiltà ma’ tali regola, huwa l-att interpretattiv li għandu jċedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 33).

53      Minn dan isegwi li eventwali nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Avviż interpretattiv mid-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikollu effett fuq in-natura korretta tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, li huwa l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti fil-fatt tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dawn l-argumenti jikkoinċidu ma’ dawk żviluppati fil-kuntest tat-tieni motiv u għaldaqstant ser jiġu analizzati fil-punti 55 et seq iktar ’l isfel.

54      Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l‑ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ bona fides u ta’ ċertezza legali

55      Il-Qorti Ġenerali tqis li, qabel xejn, għandu jiġi evalwat l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

56      Ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità. Issa, essenzjalment, meta l-punt 1, il-punt 2.1(b) u l-punt 2.2(a) tal-Avviż interpretattiv jirreferu għad-“dazji antidumping miġbura”, għat-“tranżazzjonijiet li għalihom id-dazji antidumping tħallsu kompletament” u għal “[k]ull importatur li jista’ jipprova li ħallas [...] dazji antidumping għal importazzjoni partikolari”, rispettivament, l-imsemmi prinċipju jipprekludi li t-talba għal rimbors tar-rikorrenti tiġi miċħuda għar-raġuni li hija kien imissha ressqet it-talba tagħha qabel ma ħallset id-dazji antidumping.

57      Bl-istess mod, il-mudell ta’ talba għal rimbors, anness mal-Avviż interpretattiv, jipprovdi, fost l-“informazzjoni minima obbligatorja” li għandha tiġi pprovduta, dikjarazzjoni li d-dazji antidumping li qiegħed jintalab ir-rimbors tagħhom tħallsu kompletament.

58      Barra minn hekk, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 tal-Avviż interpretattiv, imdaħħla fil-punt 2.1(b) tal-imsemmi avviż, tispeċifika li, “[m]eta importatur jikkontesta l-applikazzjoni tad-dazju antidumping għat-tranżazzjoni(jiet) tiegħu (kemm jekk din l-azzjoni tissospendi l-ħlas tad-dazji kemm jekk le), jew meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu aċċettaw li tingħata garanzija sabiex tkopri eventwali eżiġibbiltà ta’ dazji antidumping, l-importatur xorta waħda għandu (jekk jixtieq jagħmel dan) iressaq talba għal rimbors tad-dazji antidumping fit-terminu ta’ sitt xhur flimkien ma’ talba għas-sospensjoni tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni sakemm tiġi stabbilita l-eżiġibbiltà tad-dazji”. L-espressjonijiet “għandu” u “jekk jixtieq jagħmel dan” li jinsabu fl-imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna jindikaw li, fil-każ li jiġi kkontestat l-ammont tad-dazji antidumping li għandhom jitħallsu, it-terminu ta’ sitt xhur ma jiddekorrix.

59      Min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 tal-Avviż interpretattiv jirriżulta li, sakemm id-dazji antidumping inkwistjoni ma jkunux tħallsu, l-importatur ikkonċernat jista’, mingħajr ma huwa obbliga jagħmel dan, iressaq talba għal rimbors. Kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, l-imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna ma tapplikax biss għall-każijiet li fihom tingħata garanzija.

60      Issa r-rikorrenti tafferma li osservat id-dispożizzjonijiet applikabbli meta, fid-19 ta’ April 2010, ressqet it-talba tagħha għar-rimbors tad-dazji antidumping, stabbiliti fl-avviż fiskali tal-2005, u ma’ din it-talba ressqet talba għas-sospensjoni tal-investigazzjoni, peress li l-imsemmija dazji ma kinux għadhom tħallsu.

61      Għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti ssostni li t-terminu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku ma setax jiskadi qabel ma hija setgħet tressaq talba għal rimbors regolarment.

62      Min-naħa tal-Kummissjoni, hija tqis li l-Avviż interpretattiv ipprovda b’mod ċar li t-terminu sabiex titressaq it-talba għal rimbors huwa ta’ sitt xhur mill-mument li fih ġie stabbilit l-ammont tad-dazju antidumping li kellu jitħallas.

63      Il-kliem użat fil-punt 2.1(b) tal-Avviż interpretattiv kellu jinqara fl-intier tiegħu, jiġifieri flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 li tinsab imdaħħla fih. Minn dan jirriżulta li, meta importatur jikkontesta l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping għat-tranżazzjoni tiegħu, huwa xorta waħda għandu jressaq talba għar-rimbors tad-dazji antidumping fit-terminu ta’ sitt xhur flimkien ma’ talba għas-sospensjoni tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni sakemm tiġi stabbilita l-eżiġibbiltà tad-dazji.

64      Fil-fatt, il-punt 2.1(b) tal-Avviż interpretattiv jikkonċerna essenzjalment is-sitwazzjoni li fiha l-ammont tad-dazju antidumping ma jkunx għadu ġie debitament stabbilit u li fiha l-importatur jikkostitwixxi garanzija sakemm dan l-ammont jiġi hekk stabbilit. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 ta’ dan l-avviż tkopri sitwazzjoni li għaliha l-Kodiċi Doganali tal-Komunità nnifsu jimponi l-kostituzzjoni ta’ garanzija.

65      Din hija s-sitwazzjoni li fiha l-importatur ikun appella quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kontra l-istabbiliment adegwat tad-dazju antidumping. L-Artikolu 244 tal-istess kodiċi jipprovdi li, jekk l-awtoritajiet jordnaw b’mod eċċezzjonali s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, din tal-aħħar hija suġġetta għall-kostituzzjoni ta’ garanzija. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 tal-Avviż interpretattiv tindika li huwa possibbli, f’dan it-tieni każ, li titressaq talba għal rimbors. Dan jirriżulta mill-fatt li, b’differenza mill-ewwel każ, li kien irregolat mill-punt 2.1(b) tal-imsemmi avviż, id-dazju antidumping diġà ġie debitament stabbilit. Il-Kummissjoni ssostni li, bl-użu tal-espressjonijiet “għandu” u “jekk jixtieq jagħmel dan”, hija riedet tenfasizza li, minn naħa, it-tressiq ta’ talba għal rimbors ma kinitx prekundizzjoni għall-preżentata ta’ appell quddiem l-awtoritajiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, kien l-importatur li kellu jiddeċiedi jekk iressaqx tali talba. Minn dawn l-espressjonijiet ma jistax jiġi dedott li l-importatur ikun għadu jista’ validament jitlob għal rimbors wara l-iskadenza tat-terminu.

66      Bħall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, il-punt 1, il-punt 2.1(b) u l-punt 2.2(a) tal-Avviż interpretattiv, li fuqhom tibbaża ruħha r-rikorrenti, isemmu biss kundizzjonijiet materjali għal rimbors. Fil-fatt, huwa normali li somma għandha titħallas qabel ma tkun tista’ tiġi rrimborsata. Min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita, min-naħa tagħhom, huma previsti fil-punt 2.6(a) u fit-tielet subparagrafu tal-punt 3.1.3(a) tal-Avviż interpretattiv, intitolati “X’inhuma t-termini li għandhom jiġu osservati” u “Terminu ta’ sitt xhur”, rispettivament. Peress li jsemmu li “[i]t-talbiet skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku għandhom jitressqu [...] fi żmien sitt xhur mid-data li fiha jkun ġie stabbilit l-ammont tad-dazji antidumping li għandha tinġabar fuq dawn il-prodotti” u li “[d]an it-terminu għandu jiġi osservat, anki meta r-regolament li jistabbilixxi d-dazji inkwistjoni jiġi kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali [...] jew meta l-applikazzjoni tiegħu tiġi kkontestata quddiem il-qrati ġudizzjarji u amministrattivi nazzjonali”, huma jikkonfermaw in-natura ġuridikament vinkolanti tat-terminu ta’ sitt xhur mill-mument li fih l-ammont tad-dazji antidumping ikun ġie debitament stabbilit.

67      Issa skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha tfittex li tilħaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/83, Ġabra p. 3781, punt 12). Għaldaqstant, jeħtieġ li l-punt 1, il-punt 2.1(b) u l-punt 2.2(a) tal-Avviż interpretattiv ma jiġu ikkunsidrati waħedhom, iżda tabilħaqq fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-avviż u tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku.

68      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jieħdu azzjoni bħala konsegwenza. Madankollu, peress li ċertu livell ta’ inċertezza dwar it-tifsira u l-portata ta’ regola tad-dritt huwa inerenti fiha, għandu jiġi eżaminat jekk ir-regola tad-dritt inkwistjoni hijiex affettwata minn ambigwità tali li tostakola lill-individwi milli jeliminaw, b’ċertezza suffiċjenti, dubji li jista’ jkollhom dwar il-portata jew it-tifsira ta’ din ir-regola (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2007, Mebrom vs Il‑Kummissjoni, T‑216/05, Ġabra p. II‑1507, punt 108).

69      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif ġie konkluż fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel ilment tal-ewwel motiv, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti fir-rigward tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku għandha tiġi miċħuda. Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, fiha ċertu livell ta’ inċertezza dwar it-tifsira u l-portata tar-regola tad-dritt inkwistjoni. Dan il-livell ta’ inċertezza joriġina mill-użu simultanju, fl-istess dispożizzjoni, tat-termini “dazji mħallsa” jew “dazji miġbura”, b’kuntrast mat-termini “dazji definittivi li kellhom jiġu ntaxxati” li l-ammont tagħhom “ġie stabbilit [...] kif xieraq”.

70      Għandu jitfakkar li linji gwida li jinsabu f’komunikazzjonijiet jew f’avviżi interpretattivi tal-Kummissjoni huma adottati fl-interess li tiġi żgurata t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mwettqa mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑270/11, punt 41).

71      Mis-sentenza Mebrom vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq (punt 109), jirriżulta wkoll li avviż interpretattiv jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jostakola lill-individwi milli jeliminaw, b’ċertezza suffiċjenti, dubji li jista’ jkollhom dwar il-portata u t-tifsira tar-regola interpretata.

72      F’dan il-każ, mill-preambolu tal-Avviż interpretattiv jirriżulta li l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa li jiddefinixxi linji gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku u, għaldaqstant, li jinforma lill-partijiet involuti fi proċedura ta’ rimbors, b’mod partikolari, bil-kundizzjonijiet li talba għandha tissodisfa. Għalhekk, huwa ġie adottat fl-interess li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku għall-benefiċċju tal-imsemmija partijiet.

73      Peress li l-Avviż interpretattiv huwa ddestinat għall-operaturi ekonomiċi li ma humiex obbligati jirrikorru sistematikament għal assistenza legali għall-operazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum, huwa essenzjali li l-interpretazzjoni li jagħmel tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku jsir bl-iktar termini ċari u univoċi. Mill-għan u min-natura tal-imsemmi avviż, qari tad-dispożizzjonijiet tiegħu għandu jippermetti lil operatur ekonomiku diliġenti u informat li jsir jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu mingħajr ambigwità, jew li jelimina dubji li jista’ jkollu dwar il-portata jew it-tifsira tal-imsemmija regoli.

74      Issa dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti mill-Avviż interpretattiv, li jagħti sinjali kontradittorji dwar il-kundizzjonijiet għat-tressiq ta’ talba għar-rimbors tad-dazji antidumping.

75      F’dan il-każ, il-punt 2.6(a) tal-Avviż interpretattiv jipprovdi essenzjalment li t-talbiet skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku għandhom jitressqu fi żmien sitt xhur mid-data li fiha jkun ġie debitament stabbilit l-ammont tad-dazji antidumping.

76      Fir-rigward tal-punt 1 tal-Avviż interpretattiv, huwa jindika biss, bħall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, li s-suġġett tar-rimbors jista’ jkun biss is-somom li diġà tħallsu (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tiddefinixxi l-prinċipju u l-kundizzjonijiet materjali għal rimbors.

77      Madankollu, sa fejn il-punt 2.1(b) u l-punt 2.2(a) tal-Avviż interpretattiv jipprovdu, minn naħa, li huma biss it-tranżazzjonijiet li għalihom id-dazji antidumping tħallsu kompletament li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talba għal rimbors u, min-naħa l-oħra, li r-rimbors tad-dazji antidumping jista’ jintalab minn importatur li jipprova li jkun ħallashom, dawn id-dispożizzjonijiet jmorru kontra l-punt 2.6(a) tal-Avviż interpretattiv.

78      Il-pożizzjoni tar-rikorrenti hija sostnuta wkoll mill-Anness tal-Avviż interpretattiv li fih mudell u promemorja għat-talbiet għal rimbors, inkwantu jipprovdi, taħt l-intestatura, “Informazzjoni minima obbligatorja”, li l-applikant għal rimbors jiddikjara li d-dazji li huwa jitlob ir-rimbors tagħhom tħallsu kompletament.

79      F’dak li jirrigwarda n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 tal-Avviż interpretattiv, li fuqha r-rikorrenti bbażat speċifikament it-talbiet tagħha, u li tipprovdi li l-importatur “għandu” xorta waħda, jekk jixtieq jagħmel dan, u mhux “huwa obbligat” iressaq talba għal rimbors tad-dazji antidumping fit-terminu ta’ sitt xhur flimkien ma’ talba għas-sospensjoni tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni sakemm tiġi stabbilita l-eżiġibbiltà tad-dazji, meta huwa jikkontesta l-applikazzjoni tad-dazju antidumping għat-tranżazzjoni(jiet) tiegħu, kemm jekk din l-azzjoni tissospendi l-ħlas tad-dazji kemm jekk le, hija ma tistax tinftiehem, bħala tali , li tobbliga lil importatur, li jinsab f’din is-sitwazzjoni, iressaq talba fit-terminu ta’ sitt xhur minn meta l-ammont tad-dazji antidumping jiġi debitament stabbilit. Għalhekk, bħala tali, hija tmur kontra l-punt 2.6(a) tal-Avviż interpretattiv.

80      Madankollu, billi mill-ewwel sentenza taħt l-intestatura tal-punt 2 tal-Avviż interpretattiv jirriżulta li dan il-punt fl-intier tiegħu huwa spjegazzjoni fil-qosor tal-proċedura ta’ rimbors, speċifikata fil-punt 3 tal-imsemmi avviż, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 ta’ dan l-avviż għandha tiġi interpretata fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-punt 3.1.3(a) tiegħu, li jipprovdi wkoll għal sitwazzjoni fejn l-ammont tad-dazji antidumping li għandhom jitħallsu huwa kkontestat quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. Min-naħa tagħha, din id-dispożizzjoni tindika li t-terminu ta’ sitt xhur stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku għandu jiġi osservat saħansitra f’dan il-każ.

81      Madankollu, skont it-tielet u l-aħħar subparagrafu tal-punt 3.1.3(a) tal-Avviż interpretattiv, it-talbiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-punt 3.1.1 ta’ dan l-istess avviż, fit-terminu ta’ sitt xhur mill-mument li fih l-ammont tad-dazji antidumping ikun ġie debitament stabbilit. Issa sa fejn il-punt 3.1.1(i) u (ii) jindika li l-applikant għal rimbors għandu jipprovdi, fit-talba tiegħu, dikjarazzjoni li d-drittijiet antidumping li qiegħed jintalab ir-rimbors tagħhom tħallsu kompletament, l-ammissibbiltà ta’ tali talba hija fir-realtà kkundizzjonata mill-ħlas tad-dazji antidumping inkwistjoni fit-terminu previst fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku. Tali obbligu la huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar u lanqas mal-punt 2.6(a) tal-Avviż interpretattiv u, barra minn hekk, jista’ jkun impossibbli biex jiġi ssodisfatt minn importatur li jkun jixtieq jibbenefika minn sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-avviż fiskali, li tkun ingħatatlu mill-awtoritajiet nazzjonali b’applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Sabiex tiġi ppreżervata l-effettività ta’ din il-miżura tal-aħħar, it-terminu li fih għandha titressaq talba għal rimbors tad-dazji antidumping għalhekk ma jistax jibda jiddekorri sakemm il-persuna kkonċernata ma jkollhiex l-obbligu li tħallas id-dazji antidumping inkwistjoni.

82      Minn dan isegwi li n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 u t-tielet subparagrafu tal-punt 3.1.3(a) tal-Avviż interpretattiv, ikkunsidrati flimkien, imorru kontra l-punt 2.6(a) ta’ dan l-avviż.

83      Għaldaqstant, l-Avviż interpretattiv, li madankollu huwa intiż sabiex jiċċara l-proċedura ta’ rimbors tad-dazji antidumping għall-operaturi ekonomiċi, u għalhekk sabiex isaħħaħ iċ-ċertezza legali tagħhom, iwassal għal riżultat oppost (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 à 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 556 u 557). Għalhekk, l-operaturi ekonomiċi bħar-rikorrenti, li jirreferu għalih fit-twettiq tal-operazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum, jistgħu, meta jaqrawh, ikollhom dubji leġittimi dwar l-interpretazzjoni korretta li għandha tingħata lill-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku.

84      Barra minn hekk, il-konklużjoni esposta fil-punt 83 iktar ’il fuq hija kkorroborata mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għal domandi tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta dwar l-inkoerenza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Avviż interpretattiv, li fihom hija essenzjalment ammettiet li l-formulazzjoni ta’ dan tal-aħħar seta’ kienet aħjar.

85      Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa fondat.

86      Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 9112 finali, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar talba għar-rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa fuq importazzjonijiet ta’ qfieli tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Frar 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.