Language of document : ECLI:EU:T:2013:232

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Mejju 2013 (*)


“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva makro — Isem korporattiv macros consult GmbH — Dritt kweżit akkwistat qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u li jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark Komunitarja li saret applikazzjoni għaliha — Sinjali mhux irreġistrati li jibbenefikaw minn protezzjoni taħt id-dritt Ġermaniż — Artikolu 5 tal-Markengesetz — Artikolu 8(4), Artikolu 53(1)(c) u Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑579/10,

macros consult GmbH – Unternehmensberatung für Wirtschafts- und Finanztechnologie, stabbilita f’Ottobrunn (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn T. Raible, sussegwentement minn M. Daubenmerkl, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn R. Manea, sussegwentement minn G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J.‑C. Plate u R. Kaase, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-18 ta’ Ottubru 2010 (Każ R 339/2009‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn macros consult GmbH – Unternehmensberatung für Wirtschafts- und Finanztechnologie u MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, S. Frimodt Nielsen (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2010,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ April 2011,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ April 2011,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Lulju 2011,

wara li rat il-kontroreplika tal-UASI ppreżentata fid-19 ta’ Ottubru 2011,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fid-19 ta’ Ottubru 2011,

wara li rat ir-risposti għad-domanda bil-miktub indirizzata lill-partijiet mill-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Regolament (KE) Nru 207/2009

1        L-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) huwa redatt b’dan il-mod:

“Mal-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark mhux reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:

a)      id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

b)      dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.”

2        L-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi dan li ġej:

“Trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju [...] meta jkun hemm dritt preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 8(4) u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu jkunu sodisfatti.”

2.     Regolament (KE) Nru 2868/95

3        Ir-Regola 37 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) taqra kif ġej:

“Applikazzjoni lill-Uffiċċju għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità [...] għandu jkun fiha:

[...]

b)      f’dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni.

[...]

ii)      fil-każ ta’ applikazzjoni skond Artikolu [53](1) tar-Regolament [Nru 207/2009], dettalji tal-jedd li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u jekk meħtieġ dettalji li juru li l-applikant huwa intitolat li jġib il-jedd preċedenti bħala raġuni ta’ invalidità;”

3.     Markengesetz

4        L-Artikolu 5 tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen tal-25 ta’ Ottubru 1994 (liġi dwar il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali distintivi oħra, BGBl. I, p. 3082, iktar ’il quddiem il-“Markengesetz”), kif emendat, intitolat “Ismijiet kummerċjali” huwa redatt b’dan il-mod:

“1.      Is-sinjali u t-titoli ta’ xogħlijiet huma protetti bħala ismijiet kummerċjali.

2.      Is-sinjali huma sinjali li, fil-ħajja kummerċjali, huma użati bħala isem kummerċjali, isem korporattiv, jew isem partikolari ta’ attività kummerċjali jew ta’ impriża. Mal-ismijiet kummerċjali huma assimilati s-sinjali kummerċjali kollha u sinjali oħra partikolari li jippermettu li ssir distinzjoni ta’ attività kummerċjali minn attivitajiet kummerċjali oħra u li, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, huma kkunsidrati bħala sinjali distinti ta’ impriża.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Fit-23 ta’ Marzu 1998, l-intervenjenti, MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (sostitwit bir-Regolament Nru 207/2009).

6        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kif imsemmija fil-punt 5 hawn fuq (iktar ’il quddiem it-“trade mark kunfliġġenti”), hija kkostitwita mis-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

7        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti jaqgħu b’mod partikolari taħt il‑klassijiet 9, 35, 36 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat.

8        Fis-7 ta’ Novembru 2003, ir-rikorrenti, macros consult GmbH – Unternehmensberatung für Wirtschafts- und Finanztechnologie, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-UASI, skont ir-Regolament Nru 40/94.

9        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif ukoll li hija msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem it-“trade mark li saret applikazzjoni għaliha”) hija s-sinjal verbali macros.

10      Is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark jaqgħu taħt il klassijiet 35, 36 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

11      It-trade mark kunfliġġenti ġiet irreġistrata fil-21 ta’ April 2005 u l-validità tagħha ġiet estiża sal-23 ta’ Marzu 2018.

12      Fit-28 ta’ Ġunju 2005, l-intervenjenti ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi kollha msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq.

13      L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark kunfliġġenti. Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

14      Fil-21 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrenti ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 207/2009). Din it-talba (iktar ’il quddiem “talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”) kienet intiża kontra t-trade mark kunfliġġenti, għall-prodotti u s-servizzi kollha msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq.

15      It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata b’mod partikolari fuq l-isem korporattiv Ġermaniż macros consult GmbH.

16      Il-motivi invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu jinkludu dak imsemmi fl-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009].

17      Permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2007, l-UASI ssospendiet il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni msemmija fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq sabiex tistenna l-eżitu tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità inkwistjoni f’dan il-każ.

18      Fid-19 ta’ Jannar 2009, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni evalwat b’mod partikolari, essenzjalment, li l-eżistenza ta’ dritt preċedenti bbażat fuq l-isem korporattiv tar-rikorrenti ma kienx stabbilit, peress li r-rikorrenti naqset milli turi li dan is-sinjal kien jintuża fil-kummerċ fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti.

19      Fl-20 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI, taħt l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2010 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), ir‑Raba’ Bord tal‑Appell tal‑UASI ċaħad l-appell.

21      B’mod partikolari, hija kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx ippruvat l-eżistenza ta’ dritt preċedenti fis-sens tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

22      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell iddeċieda li, billi għamlet riferiment ġenerali għall-Artikolu 5 tal-Markengesetz, liema artikolu jipproteġi diversi tipi ta’ drittijiet distinti, u billi invokat l-isem korporattiv macros consult GmbH, ir-rikorrenti ma indikatx bi preċiżjoni suffiċjenti liema dritt preċedenti kienet qed tinvoka.

23      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dritt preċedenti. Minn naħa, il-kopja ta’ applikazzjoni għal trade mark nazzjonali fl-14 ta’ Marzu 1998 ma kinitx tippermetti li jiġi konkluż li dan kien il-bidu ta’ attività ekonomika, u dan speċjalment billi l-proċedimenti tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma ġewx segwiti mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ kumpannija bl-isem macros consult GmbH – Unternehmensberatung für Wirtschafts- und Finanztechnologie, mingħajr il-bżonn, skont il-Bord tal-Appell, li jippronunzja ruħu fuq il-kwistjoni ta’ jekk din l-applikazzjoni kinitx tikkostitwixxi bidu ta’ użu fil-kummerċ, hija differenti mill-isem korporattiv invokat mir-rikorrenti.

24      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell irrileva li d-dokumenti dwar il-parteċipazzjoni f’fiera kummerċjali kif ukoll id-dokumenti ta’ kontabbiltà ppreżentati mir-rikorrenti kienu kollha fir-rigward tas-snin 2006 u 2008 u ma setgħux, konsegwentement, iservu ħalli tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dritt preċedenti għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti.

 It-talbiet tal-partijiet

25      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tibdel id-deċiżjoni kkontestata b’mod illi l-appell ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI jiġi rikonoxxut bħala fondat u li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tintlaqa’;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell u quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

26      Fir-replika, madankollu, ir-rikorrenti indikat li r-rikors tagħha kien intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ġuridika ġdida u li l-Bord tal-Appell, fid-dawl tal-opinjoni tal-Qorti Ġenerali u wara kjarifika ta’ kwistjonijiet ġuridiċi oħra, jilqa’ t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi jirrikonoxxi bħala fondat l-appell li kienet ippreżentat quddiemu.

27      Matul is-seduta, ir-rikorrenti qieset li r-rikors tagħha kien limitat għal talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u kkonfermat dan bil-miktub.

28      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq is-suġġett tar-rikors

29      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53(1)(c) u (2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

30      Madankollu, matul is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, hija ma ppreżentat l-ebda argument dwar il-legalità tal-applikazzjoni mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 53(2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 12 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż) u li għalhekk din il-kwistjoni ma kellhiex rabta mas-suġġett tat-tilwima li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali.

31      Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li din il-kawża tirrigwarda esklużivament il-legalità tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 53(1)(c) u tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

32      Fir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub li ġiet indirizzata lilha mill-Qorti Ġenerali qabel is-seduta, ir-rikorrenti għamlet riferiment għall-Artikolu 15 tal-Markengesetz, mingħajr ma sostniet dan ir-riferiment bi kwalunkwe dettall li jippermetti li tiġi evalwata l-portata ta’ dan l-argument potenzjali. Kif hija ammettiet matul is-seduta, hija ma rrikorrietx għal din id-dispożizzjoni la matul il-proċedimenti quddiem l-UASI u lanqas matul din il-proċedura. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li l-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma kellhiex rabta mat-tilwima preżenti u kkonfermat dan bil-miktub. Din it-tilwima, għalhekk, tressqet biss fuq il-fondatezza tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Artikolu 5 tal-Markengesetz, li fuqhom il-partijiet ma jaqblux.

2.     Fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 53(1)(c) u tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll tal-Artikolu 5 tal-Markengesetz

 L-argumenti tal-partijiet

33      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti, jiġifieri fit-23 ta’ Marzu 1998, hija kienet diġà tuża, kemm bħala isem, isem korporattiv u sinjal, id-denominazzjoni “macros consult” u setgħet, għaldaqstant, tgawdi mill-protezzjoni mogħtija lil dan is-sinjal mill-Artikolu 5 tal-Markengesetz.

34      Skont ir-rikorrenti, l-isem korporattiv tal-persuni ġuridiċi tad-dritt privat fi stadju ta’ formazzjoni (Vorgesellschaft) huwa s-suġġett ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 5 tal-Markengesetz, bil-kundizzjoni li l-kumpannija futura tkun operata fir-rigward ta’ terzi u li l-attività kummerċjali hekk eżerċitata tippermetti li wieħed jippreżumi attività ekonomika kontinwa. Il-protezzjoni tal-isem u tal-isem korporattiv testendi barra minn hekk għall-elementi li jkunu fiha meta dawn juru karattru distintiv. Il-bidu tal-użu tas-sinjal ikun ikkaratterizzat b’mod suffiċjenti mill-attivazzjoni ta’ linja tat-telefon, permezz tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ jew permezz tal-użu tas-sinjal fil-korrispondenza ma’ uffiċċju tat-trade marks nazzjonali bl-iskop li tinkiseb ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark. F’dan ir-rigward, il-bidu tal-protezzjoni tas-sinjali skont l-Artikolu 5 tal-Markengesetz ma jirrikjedix li l-impriża tkun diġà saret evidenti għall-operaturi l-oħra jew għall-klijenti tagħha kollha.

35      Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti ssemmi artikolu kummentarju (Ingerl, R., u Rohnke, C., Markengesetz, Kommentar, it-Tielet Edizzjoni, C.H. Beck, Munich, 2010) kif ukoll erbatax-il sentenza tal-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja).

36      Sabiex jiġi stabbilit il-bidu tal-użu tas-sinjal tiegħu qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti, jiġifieri t-23 ta’ Marzu 1998, ir-rikorrenti ssemmi l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-kummerċ fid-data tad-19 ta’ Frar 1998, ir-reġistrazzjoni tagħha f’dan ir-reġistru seħħet fil-5 ta’ Marzu 1998 kif ukoll l-użu tas-sinjal tagħha fil-kuntest tal-korrispondenza tagħha mad-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks Ġermaniżi). Irċevuta maħruġa mid-Deutsches Patent- und Markenamt turi li r-rikorrenti ppreżentat f’dan l-uffiċċju applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark macros consult fl-14 ta’ Marzu 1998. Dawn il-fatti kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni żbaljata kemm mid-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni kif ukoll mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

37      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem korporattiv macros consult GmbH – Unternehmensberatung für Wirtschafts- und Finanztechnologie ma hijiex prova rilevanti fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Jekk wieħed jassumi li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq elementi li jikkostitwixxu l-isem korporattiv tagħha u mhux fuq dan l-isem stess, ir-rikorrenti ssostni li l-kliem “macros” u “macros consult” huma elementi distintivi tas-sinjal tagħha u li huma, għalhekk, protetti bħala tali, anki jekk użati waħedhom, skont l-Artikolu 5 tal-Markengesetz.

38      Ir-rikorrenti żżid li hija ilha topera taħt is-sinjal tagħha mill-inqas mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ imsemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, fl-2006, hija kienet wettqet dħul mill-bejgħ ta’ EUR 1.7 miljun. Hija pproduċiet quddiem l-UASI l-kontijiet annwali tagħha għas-snin 2005 u 2006 kif ukoll xi dokumenti tal-2005, tal-2006 u tal-2008 li jipprovaw l-parteċipazzjoni tagħha fiċ-Centrum für Büroautomation, Informationstechnologie und Telekommunikation (CeBIT, sala tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-informatika tal-uffiċċju). Għalhekk il-Bord tal-Appell wettaq żball meta naqas milli jikkunsidra l-fatt li hija kienet eżerċitat attività ekonomika kontinwa sa mill-ħolqien tagħha.

39      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-eċċezzjonijiet kollha ta’ inammissibbiltà mqajma mill-UASI u mill-intervenjenti. B’risposta għall-argument tal-UASI bbażat fuq it-telf ta’ dritt preċedenti possibbilment miksub, minħabba n-nuqqas ta’ provi tal-eżistenza ta’ attività fir-rigward ta’ terzi bejn l-1998 u l-2005, ir-rikorrenti tipproduċi, annessi mar-replika, il-kontijiet annwali tagħha għas-snin 1998 sa 2005. Hija tqis li l-provi ma jistgħux jiġu skartati bħala tardivi, peress li hija twasslet sabiex tipproduċihom biss sabiex tirrispondi għal argument imressaq mill-UASI fir-risposta tiegħu u tinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-każ li din titlob provi oħra.

40      Għal dak li jikkonċerna x-xebh tas-sinjali kunfliġġenti, ir-rikorrenti tirreferi għall-proċeduri kollha quddiem l-UASI kif ukoll għan-nota ppreżentata mill-intervenjenti fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni msemmija fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq.

41      L-UASI jsostni li r-rikors huwa inammissibbli fl-intier tiegħu u għandu jiġi miċħud. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li r-rikors ma jsemmix b’mod ċar il-motivi invokati kontra d-deċiżjoni kkontestata, iżda jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-mertu tat-talbiet tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ dritt preċedenti wara evalwazzjoni inizjali tal-fatti. Issa, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tiġi adita b’kontestazzjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

42      Fit-tieni lok, l-UASI jikkontesta l-ammissibbiltà tar-riferiment ġenerali tar-rikorrenti għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni msemmija fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn id-drittijiet preċedenti li hija tinvoka u t-trade mark kunfliġġenti. Barra minn hekk, sakemm il-Bord tal-Appell ma jkunx analizza l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn id-dritt preċedenti allegat u t-trade mark kunfliġġenti, ma jappartjenix lill-Qorti Ġenerali li tipproċedi għall-ewwel darba għal tali evalwazzjoni.

43      Fit-tielet lok, l-UASI jsostni li l-estratt mir-reġistru tal-kummerċ prodott fl-Anness A4 tar-rikors iġib id-data tal-21 ta’ Diċembru 2010 u li, konsegwentement, jiġi wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-anness jikkostitwixxi għalhekk punt ta’ fatt ġdid u huwa, minħabba f’hekk, inammissibbli. Bl-istess mod, l-UASI jikkontesta li d-deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi msemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, dawn huma punti ta’ fatt li r-rikorrenti kien imissha invokat matul il-proċedimenti amministrattivi, peress li l-prova tal-eżistenza ta’ dritt preċedenti fis-sens tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009 hija kkunsidrata bħala kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi ppruvata mill-parti li tallegaha, skont ir-Regola 37(b)(iii) tar-Regolament Nru 2868/95. Fl-aħħar nett, l-UASI jsostni li l-punti ta’ fatt ippreżentati mir-rikorrenti fl-anness tar-replika huma ta’ natura ġdida u huma, minħabba f’hekk, inammissibbli.

44      Fil-mertu, l-UASI jsostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ dritt preċedenti protett minn ordinament ġuridiku nazzjonali jaqa’ fuq il-parti li tallegaha u li din il-prova għandha tiġi prodotta matul il-proċedimenti amministrattivi. Peress li r-rikorrenti naqset milli ġġib din il-prova, huwa jsostni li huwa ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda.

45      L-UASI jsostni, bħall-intervenjenti, li s-sempliċi preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali, li tikkostitwixxi l-uniku element fattwali enfasizzat mir-rikorrenti minbarra r-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji, ma jikkostitwixxix bidu ta’ użu fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Markengesetz.

46      Barra minn hekk, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni kellha tiġi abbandunata mir-rikorrenti u l-ewwel dokumenti li jippermettu li tiġi ċċertifikata attività effettiva tar-rikorrenti tmur lura għas-sena 2005. Għalhekk, anki jekk jitqies li r-rikorrenti kienet kisbet dritt ta’ sinjal skont l-Artikolu 5 tal-Markengesetz fl-1998, dan il-perijodu ta’ interruzzjoni ta’ sitt snin kien ikollu l-effett li jħassar kull dritt possibbli. Fi kwalunkwe każ, dritt ġdid għas-sinjal, jekk wieħed jassumi li nkiseb fl-2005 ma jkollu l-ebda prijorità fuq l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti.

47      Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fir-reġistru tal-kummerċ ma jikkostitwixxix użu fil-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Markengesetz.

48      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti naqset milli tevoka l-Artikolu 15 tal-Markengesetz, li kienet l-unika dispożizzjoni li tippermetti li tinkiseb projbizzjoni ta’ sinjal li d-dritt tal-użu tiegħu kien inkiseb skont l-Artikolu 5 tal-istess liġi.

49      L-intervenjenti ssostni li, fir-rikors, ir-rikorrenti ma kinitx indikat bi preċiżjoni suffiċjenti d-dispożizzjonijiet allegatament miksura mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regolamenti ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

50      Bl-istess mod, hija tqis inammissibbli l-elementi ta’ fatt ippreżentati għall-ewwel darba mir-rikorrenti insostenn tar-replika, jiġifieri tliet sentenzi tal-Bundesgerichtshof, minn naħa, kif ukoll il-kontijiet annwali fir-rigward tas-snin magħluqa mill-1998 sal-2005, min-naħa l-oħra.

51      Fil-mertu, fl-ewwel lok, hija ssostni li r-rikorrenti ma ppruvatx li l-isem korporattiv tagħha kien protett skont id-dritt tat-trade marks Ġermaniż. Hija ssostni li parti quddiem l-UASI li tintendi tinvoka dritt preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 hija obbligata, skont ir-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li ġġib il-prova tal-eżistenza tad-dritt li tinvoka. Issa, skont l-intervenjenti, ir-rikorrenti baqgħet ma stabbilixxietx li l-isem korporattiv imqassar macros consult kien protett taħt id-dritt ta’ sinjal.

52      Fit-tieni lok, l-intervenjenti ssostni li, fil-każ fejn ir-rikorrenti kellha tippreżenta provi ġodda ta’ natura li jistabbilixxu l-użu tal-isem korporattiv tagħha jew tas-sinjal macros fil-kummerċ qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti, dawn il-provi għandhom jiġu skartati mill-Qorti Ġenerali bħala tardivi, billi ma kinux ġew sottomessi lill-UASI. Hija tqis, barra minn hekk, li l-Bord tal-Appell kien korrett meta kkunsidra li l-provi marbuta mas-snin 2006 u 2008 ma setgħux jistabbilixxu l-prijorità ta’ dritt preċedenti, peress li dawn l-elementi kienu fir-rigward ta’ fatti li seħħew iktar minn għaxar snin wara l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti.

53      Fit-tielet lok, l-intervenjenti ssostni li, minbarra l-assenza tal-prova tal-eżistenza ta’ dritt preċedenti għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti, il-kundizzjoni li tirrikjedi li l-użu ta’ sinjal mhux irreġistrat ma jkunx “purament lokali” ma hijiex issodisfatta. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-allegat dritt preċedenti invokat mir-rikorrenti u t-trade mark kunfliġġenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Fuq il-portata tal-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009

54      Skont l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, l-eżistenza ta’ sinjal minbarra trade mark tippermetti li tinkiseb dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja jekk din tissodisfa kumulattivament erba’ kundizzjonijiet: dan is-sinjal għandu jintuża fil-qasam tal-kummerċ; għandu jkollu sinjifikat li ma huwiex biss lokali; id-dritt għal dan is-sinjal għandu jkun inkiseb skont id-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal intuża qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, fl-aħħar nett, dan is-sinjal għandu jattribwixxi lill-proprjetarju tiegħu l-possibbiltà li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iżjed reċenti. Dawn l-erba’ kundizzjonijiet jillimitaw in-numru ta’ sinjali minbarra trade marks li jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi kkonstestata l-validità ta’ trade mark Komunitarja fit-territorju kollu tal-Unjoni, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Peress illi l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 huma kumulattivi, huwa biżżejjed li waħda minnhom ma tkunx issodisfatta sabiex talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade marks Komunitarji tiġi miċħuda [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA), T‑318/06 sa T‑321/06, Ġabra p. II‑663, punti 32 u 47].

55      L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mas-sinjifikat tas-sinjal invokat, li dan tal-aħħar ma għandux ikun lokali biss, jirriżultaw mill-kliem stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mas-sinjifikat tagħhom, li josservaw il-prinċipji li jispiraw is-sistema implementata minn dan ir-regolament (sentenza GENERAL OPTICA, punt 54 iktar ’il fuq, punt 33).

56      Min-naħa l-oħra, mill-frażi “sa fejn, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, ipprovduti sussegwentement fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa kompletament iġġustifikat peress illi r-Regolament Nru 207/2009 jirrikonoxxi lil sinjali li ma humiex parti mis-sistema tat-trade mark Komunitarja l-possibbiltà li jiġu invokati kontra trade mark Komunitarja. Għalhekk, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark Komunitarja u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti (sentenza GENERAL OPTICA, punt 54 iktar ’il fuq, punt 34).

 Fuq ir-regoli dwar l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova tal-eżistenza ta’ dritt nazzjonali preċedenti

57      Mill-kliem tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li dan, meta jagħmel riferiment għas-sitwazzjoni fejn dritt preċedenti jippermetti li l-użu ta’ trade mark Komunitarja jiġi pprojbit, jiddistingwi b’mod ċar żewġ ipoteżijiet, skont jekk id-dritt preċedenti huwiex protett mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni “jew” mid-dritt nazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2011, C‑263/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).

58      Fir-rigward tas-sistema proċedurali ddefinita fir-Regolament Nru 2868/95 fil-każ ta’ talba ppreżentata taħt l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009, abbażi ta’ dritt preċedenti protett fil-kuntest legali nazzjonali, ir-regola 37 tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża preżenti, li huwa minn jagħmel it-talba li għandu jipprovdi elementi li juru li huwa jista’, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jinvoka dan id-dritt (sentenza Edwin vs UASI, punt 57 iktar ’il fuq, punt 49).

59      Din ir-regola tqiegħed fuq min jagħmel it-talba l-oneru li jippreżenta lill-UASI mhux biss l-elementi li juru li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħha huwa jitlob l-applikazzjoni, sabiex jipprova jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark Komunitarja abbażi ta’ dritt preċedenti, iżda wkoll l-elementi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni (sentenza Edwin vs UASI, punt 57 iktar ’il fuq, punt 50).

60      Peress li l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħmel riferiment speċifiku għall-Artikolu 8(4) tal-istess regolament u din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi xi drittijiet preċedenti protetti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istat Membru li huwa applikabbli għas-sinjal inkwistjoni, ir-regoli tal-provi msemmija fil-punti 57 sa 59 iktar ’il fuq jiġu applikati wkoll meta jiġi invokat dritt nazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, ir-Regola 37(b)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi dispożizzjonijiet analogi fil-qasam tal-prova tad-dritt preċedenti fil-każ ta’ applikazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

61      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fi-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u din il-legalità trid tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li dawn jista’ jkollhom fil-mument li jagħtu dawn id-deċiżjonijiet (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2011, Wilfer vs UASI, C‑546/10 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Mill-premess jirriżulta li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ dritt nazzjonali bħal dak invokat f’dan il-każ mir-rikorrenti hija kwistjoni ta’ fatt. Għalhekk huwa l-obbligu tal-parti li tallega l-eżistenza ta’ dritt li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, li tistabbilixxi, quddiem l-UASI, mhux biss li dan id-dritt jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda wkoll il-portata ta’ din il-leġiżlazzjoni stess.

63      Għaldaqstant, billi kkonstata, fid-direttivi dwar il-proċeduri quddiem l-UASI (Parti C, Kapitolu 4, punt 5.4), adottati mid-deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1996, li d-dritt tal-Istati Membri applikabbli skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa kkunsidrat bl-istess mod bħal kwistjoni ta’ fatt u li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jiddetermina ex officio u bi preċiżjoni x’kienet il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha li tikkonċerna d-drittijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-president tal-UASI ta interpretazzjoni eżatta tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova.

64      Issa, skont ir-regoli abitwali fil-qasam tal-istabbiliment ta’ fatti quddiem il-qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi fil-qasam tat-trade mark Komunitarja fil-proċeduri inter partes (ara l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009), għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatti li ma ġewx ippreżentati lilu fil-ħin mill-partijiet.

65      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex il-fakultà, f’dan il-każ, li tipproċedi għall-evalwazzjoni awtonoma tal-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti tistax tinvoka sinjal protett mill-Artikolu 5 tal-Markengesetz. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-interpretazzjoni tal-Bord tal-Appell tad-dritt Ġermaniż b’dik tagħha, iżda l-istħarriġ tagħha jestendi biss għall-kwistjoni ta’ jekk, sabiex tiddetermina l-portata tad-dritt Ġermaniż u tasal għall-konklużjoni li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ dritt preċedenti protett mid-dritt Ġermaniż, il-Bord tal-Appell evalwax b’mod korrett il-provi li ġew sottomessi lilu preċedentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

66      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti li bihom ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

67      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies essenzjalment li r-rikorrenti ma kienx irnexxilha tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tal-Markengesetz sabiex din setgħet tinvoka dritt għall-protezzjoni tas-sinjal macros consult GmbH kienu ssodisfatti, minħabba l-assenza ta’ prova tal-użu tas-sinjal macros fil-kummerċ qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti (deċiżjoni kkontestata, punti 21 sa 28).

68      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell skarta bħala ineffettivi l-provi ppreżentati mir-rikorrenti li jirrigwardaw fatti sussegwenti għad-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti, min-naħa tagħha, ipproduċiet uħud minn dawn il-provi fl-anness għar-rikors tagħha u hija hemżet mar-replika provi ġodda fir-rigward ukoll ta’ fatti sussegwenti għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti.

69      Huwa, għalhekk, neċessarju li, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti hijiex fondata li tilmenta minħabba li l-Bord tal-Appell irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni fatti sussegwenti għad-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti li kienu ġew sottomessi lilu, u mbagħad, fit-tieni lok, li tiġi mistħarrġa d-diskrezzjoni eżerċitata mill-Bord tal-Appell dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti rnexxilhiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dritt preċedenti.

–        F’dak li jikkonċerna l-provi dwar fatti sussegwenti għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti

70      Mill-istess kliem tal-Artikolu 53(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009, jirriżulta li t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet jiddependu mill-eżistenza ta’ dritt preċedenti. Din il-preċedenza hija, barra minn hekk, iddefinita fl-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, li għalih jirreferi l-Artikolu 53(1)(c), bħala li tfisser li d-dritt li fuqu hija bbażata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu jkun inkiseb qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tagħha qed tintalab l-invalidità jew, jekk ikun il-każ, qabel id-data ta’ prijorità ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GENERAL OPTICA, punt 54 iktar ’il fuq, punt 32).

71      F’dan il-każ, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti ġiet ippreżentata fit-23 ta’ Marzu 1998 (ara punt 5 iktar ’il fuq). Għalhekk, ir-rikorrenti hija obbligata li turi li hija kienet kisbet id-drittijiet li hija invokat qabel dik id-data. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell kien korrett meta skarta l-provi kollha li ġew sottomessi lilu mir-rikorrenti fir-rigward ta’ fatti li seħħew bejn l-2006 u l-2008 (ara punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       F’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ dritt preċedenti li fuqu tista’ tiġi bbażata talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa l-oneru ta’ parti li tippreżenta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq sinjal protett minn sistema ġuridika nazzjonali li tipproduċi l-provi quddiem l-UASI, l-ewwel nett, dwar liema huma l-kundizzjonijiet previsti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni għat-tnissil ta’ dritt protett u, it-tieni nett, li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti (ara l-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, meta tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni adottata mill-Bord tal-Appell, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni biss l-elementi li dan seta’ jkollu meta huwa adotta din id-deċiżjoni (ara l-punt 61 iktar ’il fuq).

73      Għalhekk, huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tevalwa, fl-ewwel lok, jekk ir-rikorrenti għandhiex raġun issostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball fir-rigward tal-portata tad-dritt Ġermaniż.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li l-partijiet kollha fil-kawża jaqblu li jikkunsidraw li l-Artikolu 5 tal-Markengesetz jimponi bħala kundizzjoni għall-protezzjoni tad-dritt ta’ sinjal l-użu tas-sinjal inkwistjoni fil-kummerċ. Din il-kundizzjoni tirriżulta mill-istess test ta’ din id-dispożizzjoni (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). Il-partijiet ma jaqblux, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-portata ta’ din il-kundizzjoni.

75      Issa, għal raġunijiet imfakkra fil-punti 57 sa 64 iktar ’il fuq, l-UASI kien fondat li jsostni li, mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju, il-kundizzjonijiet li għalihom is-sistemi ġuridiċi nazzjonali jissuġġettaw ir-rikonoxximent tad-drittijiet protetti fl-ordinament intern huma kwistjonijiet ta’ fatt li huwa l-obbligu tal-partijiet li jistabbilixxu quddiemu.

76      Għalhekk, l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mressqa mill-UASI u mill-intervenjenti li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Markengesetz operata mill-Bundesgerichtshof f’diversi deċiżjonijiet kif ukoll fil-kummentarji Ġermaniżi. Fil-fatt, huwa paċifika, kif ir-rikorrenti kkonfermat matul is-seduta, li din ma ppreżentatx dawn il-provi matul il-proċedimenti amministrattivi, iżda li hija għamlet riferiment għalihom – filwaqt li pproduċiet biss, barra minn hekk, parti minnhom – għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali ma setgħetx għalhekk tikkunsidra dawn il-provi sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

77      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostnix li kienet ipprovdiet lill-Bord tal-Appell provi dwar il-portata tad-dritt Ġermaniż li dan interpreta ħażin. Għaldaqstant, hija ma hijiex fondata li tikkritika l-evalwazzjonijiet dwar il-portata tad-dritt Ġermaniż operati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

78      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti tistax tistabbilixxi li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tiegħu tad-dritt Ġermaniż, kif huwa interpretah f’din id-deċiżjoni.

79      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-uniċi punti ta’ fatt prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell u preċedenti għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti jikkonsistu f’dokumenti dwar, minn naħa, ir-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fir-reġistru tal-kummerċ Ġermaniż (Anness A3 tar-rikors) kif ukoll applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali verbali macros, ippreżentata lid-Deutsches Patent- und Markenamt (Anness A6 tar-rikors).

80      Min-naħa l-oħra, id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti fl-Anness tar-replika, jiġifieri il-kontijiet annwali fir-rigward tas-snin mill-1998 sal-2005, huma inammissibbli, għaliex ma kinux jidhru fil-fajl sottomess lill-Bord tal-Appell, kif isostnu wkoll l-UASI u l-intervenjenti.

81      Fir-rigward tar-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fir-reġistru, minn naħa, il-Bord tal-Appell irrileva li l-isem korporattiv li taħtu r-rikorrenti ġiet irreġistrata, jiġifieri macros consult GmbH – Unternehmensberatung für Wirtschafts- und Finanztechnologie, ma huwiex identiku għall-isem korporattiv macros consult GmbH li r-rikorrenti titlob il-protezzjoni tiegħu.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ssottomettiet l-ebda prova quddiem il-Bord tal-Appell ta’ natura li turi li, skont id-dritt Ġermaniż, l-isem korporattiv li qed tiġi invokata l-protezzjoni tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tal-Markengesetz, jiġifieri, f’dan il-każ is-sinjal macros consult GmbH, jista’ jvarja mill-isem li jidher fil-provi pprovduti sabiex jissostanzjaw l-eżistenza ta’ din il-protezzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-reġistrazzjoni tar-rikorrenti taħt l-isem macros consult GmbH – Unternehmensberatung für Wirtschafts- und Finanztechnologie. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setgħetx tikkontesta, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, l-interpretazzjoni tal-portata tad-dritt Ġermaniż adottat mill-Bord tal-Appell. Fi kwalunkwe każ, anki jekk tiġi aċċettata t-teżi tar-rikorrenti li r-reġistrazzjoni tal-isem korporattiv macros consult GmbH – Unternehmensberatung für Wirtschafts- und Finanztechnologie fir-reġistru tal-kummerċ kellha tiġi kkunsidrata mill-Bord tal-Appell, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din ir-reġistrazzjoni, minkejja li hija ta’ natura li tippermetti lir-rikorrenti tuża l-isem macros consult GmbH fil-kummerċ, ma turix fiha nfisha n-natura kontinwa tal-użu ta’ dan l-isem.

83      Fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali macros, ippreżentata lid-Deutsches Patent- und Markenamt, min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li din tiżvela l-eżistenza ta’ korrispondenza li saret bejn dan l-uffiċċju pubbliku u r-rikorrenti, fejn din tal-aħħar aġixxiet taħt l-isem macros consult GmbH.

84      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-iskop tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ibbażata fuq il-protezzjoni mid-dritt Ġermaniż tal-isem korporattiv macros consult GmbH, din il-kawża ma tirrigwardax il-kwistjoni ta’ jekk it-trade mark macros, li r-reġistrazzjoni tagħha saret applikazzjoni għaliha quddiem id-Deutsches Patent- und Markenamt, kinitx tibbenefika minn protezzjoni, iżda biss dik ta’ jekk preżentata ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark tippermettix lir-rikorrenti tistabbilixxi l-użu fil-kummerċ tal-isem korporattiv macros consult GmbH.

85      Issa, billi evalwa li sempliċi applikazzjoni intiża għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark verbali ppreżentata quddiem id-Deutsches Patent- und Markenamt ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi kkonfermat l-użu tal-isem korporattiv macros consult GmbH fil-kummerċ, il-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż kif iddefinixxa l-portata tiegħu.

86      Fil-fatt, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tassumi u ma timplika ebda użu tagħha u huwa paċifiku li l-proċedura tar-reġistrazzjoni ma ġietx segwita mir-rikorrenti. Billi l-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kundizzjoni dwar l-użu fil-kummerċ li hija meħtieġa mill-Artikolu 5 tal-Markengesetz għandha tippreżenta ċertu grad ta’ effettività u natura suffiċjentement abitwali (punti 23 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa kien korrett li jiddeduċi li, fl-ambitu li jiġi stabbilit l-użu abitwali fil-kummerċ tal-isem korporattiv tar-rikorrenti, sempliċi korrispondenza iżolata kienet insuffiċjenti.

87      Issa, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda prova kuntrarja ammissibbli. Minn dan isegwi li hija naqset milli turi li l-Bord tal-Appell wettaq żball, fid-deċiżjoni kkontestata, meta kkunsidra li hija ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ dritt preċedenti li fuqu tista’ tkun ibbażata talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata skont l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

88      Konsegwentement, l-uniku motiv ippreżentat mir-rikorrenti għandu jiġi skartat u hemm lok, għaldaqstant, li dan ir-rikors jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà ppreżentati mill-UASI u mill-intervenjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punt 52).

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      macros consult GmbH – Unternehmensberatung für Wirtschafts- und Finanztechnologie hija kkundannata għall-ispejjeż.

Azizi

Frimodt Nielsen

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Mejju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.