Language of document : ECLI:EU:T:2008:316

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

9 ta’ Settembru 2008(*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001– Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċess deċiżjonali – Eċċezzjoni relatata mal-ħarsien ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni u verifika – Eċċezzjoni relatata mal-ħarsien ta’ pariri legali – Dokumenti dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar konċentrazzjonijiet”

Fil-kawża T-403/05,

MyTravel Group plc, stabbilita f’Rochdale, Lancashire (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn D. Pannick, QC, A. Lewis, barrister, M. Nicholson, S. Cardell u B. McKenna, solicitors,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn P. Hellström u P. Costa de Oliveira, wara minn X. Lewis u Costa de Oliveira, bħala aġenti

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru [D(2005) 8461] u tat-12 ta’ Ottubru 2005 [D(2005) 9763] li jiċħdu talba mressqa mir-rikorrenti sabiex tingħata aċċess għal ċerti dokumenti preparatorji tad-Deċiżjoni 2000/276/KE tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Settembru 1999, li tiddikkjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ IV/M.1524 – Airtours vs First Choice) (ĠU 2000, L 93, p. 1), kif ukoll tad-dokumenti rregolati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni (T‑342/99, Ġabra p. II‑2585),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn J. Azizi, President, J. D. Cooke, E. Cremona, I. Labucka u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previsti fl-Artikolu 255 KE.

2        Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.”

3        Skont l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001:

“2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

– […],

proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

- l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3. […]

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anki wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet [proċess deċiżjonali] ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Dwar il-kawża Airtours vs First Choice wara s-sentenza Airtours

4        Fid-29 ta’ April 1999, ir-rikorrenti, l-operatriċi turistika Brittanika Airtours plc, li wara saret MyTravel Group plc, ħabbret l-intenzjoni tagħha li takkwista t-totalità tal-kapital ta’ First Choice plc, waħda mill-kompetituri tagħha fir-Renju Unit, fil-borża tal-ishma. Fl-istess ġurnata, Airtours innotifikat lill-Kummissjoni b’din il-konċentrazzjoni sabiex tikseb deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE), Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (rettifika ĠU 1990, L 257, p. 13), emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 180, p. 1).

5        Permezz tad-Deċiżjoni 2000/276/KE, tat-22 ta’ Settembru 1999 (Kawża IV/M.1524 – Airtours vs First Choice) ĠU 2000, L 93, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Airtours”), il-Kummissjoni ddikjarat din il-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89. Airtours ressqet rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni.

6        B’sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni (T 342/99, Ġabra p. II 2585, iktar ’il quddiem is-“sentenza Airtours”, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni Airtours.

7        Wara s-sentenza Airtours, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ ħidma li għaqqad xi uffiċjali tad-direzzjoni ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” u tad-dipartiment legali sabiex jeżminaw jekk kellux jiġi ppreċentat appell minn din is-sentenza u sabiex jevalwaw il-konsegwenzi tieħu fuq il-proċedura applikabbli għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet jew għal setturi oħra. Ir-rapport tal-grupp ta’ ħidma ġie ppreżentat lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni fil-25 ta’ Lulju 2002, qabel ma ntemm it-terminu tal-appell.

8        Fit-18 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti ressqet rikors għal responsabbiltà sabiex tingħata kumpens li hija kienet subiet minħabba l-ġestjoni u l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni bejn Airtours u First Choice mill-Kummissjoni (Kawża T‑212/03, MyTravel vs Il-Kummissjoni, iktar ’il quddiem ir-“rikors għal kumpens”.

2.     Fuq it-talba għal aċċess għal dokumenti

9        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Mejju, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1049/2001, aċċess għal diversi dokumenti. Dawn id-dokumenti kienu r-rapport tal-grupp ta’ ħidma (iktar ’il quddiem ir-“rapport”), id-dokumenti dwar il-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport (iktar ’il quddiem id-“dokumenti ta’ ħidma”) kif ukoll id-dokumenti li jidhru fl-inkartament tal-kawża Airtours vs First Choice li fuqhom kien ibbażat ir-rapport u li ġew iċċitati fih (iktar ’il quddiem id-“dokumenti interni oħra”).

10      Fid-dawl tan-numru ta’ dokumenti mitluba, il-Kummissjoni u r-rikorrenti, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, ftehmu sabiex isibu arranġament adatt. Dan l-arranġament ikkonsista fit-trattament separat, minn naħa tar-rapport u tad-dokumenti ta’ ħidma, u, min-naħa l-oħra tad-dokumenti interni oħra.

 Fuq ir-rapport u d-dokumenti ta’ ħidma (l-ewwel deċiżjoni)

11      B’ittra tat-12 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li r-rapport u d-dokumenti ta’ ħidma ma setgħux jiġu kkomunikati lilha, peress li kienu koperti minn eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni ddefiniti fit-tieni u t-tielet premessa tal-Artikolu 4(2) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li l-ebda interess pubbliku superjuri ma setgħa jiġġustifika l-iżvelar tagħhom.

12      B’ittra tad-19 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti ressqet applikazzjoni konfermatorja skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

13      B’ittra tal-5 ta’ Settembru 2005 [D(2005) 8461] (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”), il-Kummissjoni tat aċċess komplet għal tliet dokumenti (il-pjan ta’ ħidma, il-kalendarju u l-mandat tal-grupp ta’ ħidma) u aċċess parzjali għal żewġ dokumenti oħra (li hemm referenza għalihom taħt in-numri 13 u 16). Fir-rigward tad-dokumenti mitluba l-oħra, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika r-rapport u d-dokumenti ta’ ħidma billi kkonfermat ir-raġunijiet preċedentement invokati.

14      Fl-ewwel deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni invokat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tiġġustifika r-rifjut li jingħata aċċess għar-rapport sħiħ u għal ċerti dokumenti ta’ ħidma (punti I.3, II u l-Anness intitolat “Inventarju ta’ ‘dokumenti ta’ ħidma’”). Hija tippreċiża li r-rapport huwa dokument intern, li jirrifletti l-evalwazzjoni tad-dipartimenti tagħha fuq il-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell mis-sentenza Airtours u li jiġu eżaminati mill-ġdid il-proċeduri ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, l-iżvelar tiegħu lill-pubbliku jdgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tagħha, safejn il-libertà ta’ opinjoni tal-awturi ta’ tali dokumenti tkun mhedda jekk, waqt li jkunu qed jaħdmu fuqhom, ikollhom jikkunsidraw il-possibbiltà li l-evalwazzjonijiet tagħhom jiġu żvelati lill-pubbliku, u dan anki wara li tkun ġiet adottata deċiżjoni fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tagħhom.

15      Il-Kummissjoni tinvoka wkoll it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għat-taqsimiet B u F.1 tar-rapport u għal ċerti dokumenti ta’ ħidma (punti I.1, II u l-anness intitolat “Inventarju tad-‘dokumenti ta’ ħidma’” tal-ewwel deċiżjoni). Fl-opinjoni tagħha, dawn it-taqsimiet fihom evalwazzjonijiet dwar l-opportunità li jiġi ppreżentata appell mis-sentenza Airtours, anki jekk ir-rikors għal kumpens imressaq mir-rikorrenti jirreferi għall-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni Airtours. L-iżvelar tal-imsemmija taqsimiet f’dan l-istadju tar-rikors għal kumpens jista’ jippreġudika d-dritt tal-Kummissjoni li targumenta din il-kawża f’atmosfera trankwilla u ħielsa minn influwenzi esterni. B’risposta għall-argument imressaq mir-rikorrenti fl-applikazzjoni konfermatorja, il-Kummissjoni tirrileva, fl-ewwel deċiżjoni tagħha, li t-taqsimiet B u F.1 tar-rapport ġew imfassla “għall-finijiet ta’ proċedura legali partikolari”, jiġifieri l-proċedura fil-kawża Airtours, skont is-soluzzjoni stabbilita fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il-Kummissjoni (T 92/98, Ġabra p. II 3521).

16      Il-Kummissjoni tinvoka wkoll it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tiġġustifika r-rifjut li jingħata aċċess għat-taqsimiet C, D, E u F.2 tar-rapport u għal ċerti dokumenti ta’ ħidma (punti I.2, II u l-anness intitolat “Inventarju tad-‘dokumenti ta’ ħidma’” tal-ewwel deċiżjoni). Fl-opinjoni tagħha, dawn it-taqsimiet jirriżultaw minn verifika interna tal-proċeduri eżistenti fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet sabiex jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet intiżi sabiex itejbu l-proċeduri u jitjiebu l-proċeduri tagħha u sabiex jiġu organizzati mill-ġdid id-dipartimenti tagħha. Il-Kummissjoni tindika li l-iżvelar ta’ tali informazzjoni tnaqqas il-kapaċità tagħha sabiex tirriforma lilha nfisha fir-rigward tal-kompetizzjoni u li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma setgħux jiġu fformulati kieku din il-verika ma setgħatx titwettaq b’mod indipendenti. Hija tenfasizza li din l-eċċezzjoni tibqa’ applikabbli wara li tintemm il-verifika, peress li tipproteġi kemm it-tmexxija kif ukoll l-għan ta’ din il-verifika.

17      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li l-eċċezzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq japplikaw, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument previst (punt IV tal-ewwel deċiżjoni). Hija tippreċiża li l-interess pubbliku superjuri jrid ikollu iktar piż mill-interess protett mill-eċċezzjoni ta’ dritt għal aċċess. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument li jikkostitwixxi tali interess superjuri. B’mod kuntrarju, il-Kummissjoni enfasizzat li l-interess tar-rikorrenti fl-użu tad-dokumenti inkwistjoni tirrigwarda l-eżerċizzju tad-drittijiet legali tagħha fir-rikors għal kumpens pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li pjuttost jikkostitwixxi interess ta’ natura privata. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-interessi speċifiċi li hija tinvoka jieħdu preċedenza fuq l-interess ġenerali ta’ żvelar tad-dokumenti.

 Fuq id-dokumenti interni l-oħra (it-tieni deċiżjoni)

18      B’ittra tal-1 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni rrispondiet għat-talba għal aċċess fir-rigward tad-dokumenti interni l-oħra. Uħud minn dawn id-dokumenti ġew żvelati parzjalment, filwaqt li l-aċċess għal dokumenti oħra ġie rrifjutat minħabba r-raġunijiet invokati fil-punti II.1 sa II.9 ta’ din l-ittra.

19      B’ittra tal-5 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti ressqet applikazzjoni konfermatorja skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

20      B’ittra tat-12 ta’ Ottubru 2005 [D(2005) 9763] (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni”), il-Kummissjoni tat aċċess parzjali supplimentari għal diversi dokumenti previsti fit-talba tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni kkonfermat l-evalwazzjoni inizjali tagħha f’dak li jirrigwarda r-rifjut tagħha li tagħti aċċess għad-dokumenti l-oħra.

21      Fit-tieni deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni invokat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2), u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament sabiex tibbaża r-rifjut tagħha li tagħti aċċess għad-dokumenti li ġejjin:

–        l-abbozzi li jirrigwardaw id-deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89, għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għad-deċiżjoni finali fil-kawża Airtours vs First Choice (iktar ’il quddiem l-“abbozzi tat-test”) (punt II.6 u d-dokumenti msemmija fl-intestatura 6 tal-ewwel anness tat-tieni deċiżjoni), safejn jirrigwardaw dokumenti interni preparatorji li l-iżvelar tagħhom idgħajjef il-proċess deċiżjonali fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet;

–        in-noti indirizzati mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kompetizzjoni” lil membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet dwar il-kompetizzjoni (iktar quddiem in-“noti lill-Kummissarju”) (punt II.1 u d-dokumenti li għandhom ir-riferenza 1.1 u 1.8 fl-ewwel anness tat-tieni deċiżjoni), safejn fihom opinjonijiet ta’ użu intern intiżi għall-preparazzjoni tad-deċiżjoni Airtours u li l-iżvelar tagħhom lill-pubbliku jnaqqas il-kapaċità tad-DĠ “Kompetizzjoni” li tesprimi l-opinjoni tagħha kif ukoll il-kapaċità tal-membri tal-Kummissjoni biex jadottaw deċiżjoni motivata sew. Il-Kummissjoni tindika li din l-analiżi ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-fatt li d-deċiżjoni Airtours diġà ġiet adottata filwaqt li l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dawn id-dokumenti tista’ taffettwa l-proċess deċiżjonali tagħha f’dak li jirrigwarda l-kawżi simili (pereżempju, ir-rifjut ta’ komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-kawża EMI vs Time Warner ippermettilha li ma tiġix suġġetta għal pressjoni esterna meta ħadet konjizzjoni tal-kawża BMG vs Sony, li rrigwardat l-istess settur);

–        in-noti indirizzati mid-DĠ “Kompetizzjoni” lid-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni, inkluż id-dipartiment legali, sabiex tinbagħat u tintalab l-opinjoni tad-destinatarji fuq l-abbozzi tat-testi (iktar ’il quddiem in-“noti lid-dipartimenti l-oħra”). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn, il-kopji tan-noti li ġew indirizzati lid-dipartiment legali (dokumenti b’referenza 2.1 sa 2.5) u l-kopji li ġew indirizzati lid-dipartimenti l-oħra tagħha (dokumenti b’referenza 4.1 sa 4.5). Fir-rigward tal-kopji indirizzati lid-dipartiment legali, il-Kummissjoni indikat li d-dokumenti tagħha huma kompletament marbuta mal-opinjonijiet legali li jirriżultaw minnhom u li l-iżvelar tagħhom jista’ juri din l-opinjoni lill-partijiet essenzjali, u dan idgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali (punt II.2 tat-tieni deċiżjoni). Fir-rigward tal-kopji indirizzati lid-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni, din tal-aħħar tirrileva li d-dokumenti ġew imfassla fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet interni li juru n-natura kollettiva tal-proċess deċiżjonali. Il-Kummissjoni tenfasizza għaldaqstant li għandu jiġi mħares il-proċess deċiżjonali kontra kull periklu serju li jirriżulta mill-iżvelar ta’ tali informazzjoni (punt II.4 tat-tieni deċiżjoni);

–        in-noti tad-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni b’risposta għall-ħames noti ċċitati iktar ’il fuq tad-DĠ “Kompetizzjoni” sabiex jesponu l-analiżi tad-dipartimenti kkonċernati fuq l-abbozzi tat-testi (iktar ’il quddiem in-noti ta’ risposta tad-dipartimenti l-oħra ħlief id-dipartimenti legali” (dokumenti b’referenza 5.1 sa 5.10). Il-Kummissjoni tindika li n-noti tagħha jitwettqu f’kuntest ta’ konsulenza inter u intra servizzi proprji għall-proċess deċiżjonali tagħha. Hija tenfasizza li l-kapaċità għal dawn id-dipartimenti biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom hija indispensabbli fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u li tali kapaċità titnaqqas jekk, meta jfasslu dawn it-tipi ta’ noti, id-dipartimenti kkonċernati jkollhom jikkunsidraw li l-opinjonijiet tagħhom jistgħu jiġu żvelati lill-pubbliku, anki wara li tintemm il-kawża (punt II.5 tat-tieni deċiżjoni).

22      Fit-tieni deċiżjoni, il-Kummissjoni tinvoka wkoll l-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 safejn jirrigwarda l-ħames noti ppreżentati mid-dipartiment legali bħala risposta għal-ħames noti ċċitati iktar ’il fuq tad-DĠ “Kompetizzjoni”, (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ risposta tad-dipartiment legali” (punt II.3 u d-dokumenti b’riferenza 3.1 sa 3.5). L-aċċess għal dawn id-dokumenti ġie rrifjutat mill-Kummissjoni, peress li kienu jesponu l-analiżi tad-dipartiment legali fuq l-abbozzi. Il-Kummissjoni tindika li l-iżvelar tal-pariri legali jista’ joħloq nuqqas ta’ sigurtà f’dak li jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjonijiet dwar il-konċentrazzjonijiet, li jkollu effett negattiv fuq l-istabbiltà tal-ordni legali Komunitarja u l-funzjonament tajjeb tad-dipartimenti tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 2004, Turco vs Il-Kunsill, T-84/03, Ġabra p. II–4061, punti 54 sa 59). Hija tippreċiża li kull nota ta’ risposta tad-dipartiment legali kienet suġġetta għal eżami individwali u l-fatt li lanqas aċċess parzjali ma setgħa jingħata ma jindikax li l-ħarsien tal-pariri legali intuża bħala eċċezzjoni ġenerali.

23      Barra minn hekk, il-Kummissjoni evokat fit-tieni deċiżjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ ċerti dokumenti interni li għalihom l-aċċess parzjali jew totali ma ngħatax. Dan jirrigwarda b’mod partikolari r-rapport tal-uffiċjal tas-smigħ rigward il-kawża Airtours vs First Choice, tan-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv u nota tal-inkartament li tirrigwarda żjara fis-sit ta’ First Choice.

24      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva li l-eċċezzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq japplikaw, sakemm ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument previst (punt V tat-tieni deċiżjoni). Hija tenfasizza li, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda argument li jista’ jistabilixxi interess pubbliku superjuri. Skont il-Kummissjoni, l-interess prinċipali ta’ din il-kawża jikkostitwixxi pjuttost il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali f’kawżi simili u kif ukoll fil-pariri legali.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

26      B’deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2007, il-kawża ġiet assenjata lill-kulleġġ estiż.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

28      Fis-seduta, li nżammet fid-29 ta’ April 2008, instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

29      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla l-ewwel deċiżjoni;

–        tannulla t-tieni deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–         tiċħad ir-rikors ;

–        tikundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Osservazzjonijiet preliminari

31      Għandu jiġi mfakkar li l-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet jikkostitwixxi l-prinċipju u li deċiżjoni ta’ rifjut mhijiex valida jekk din ma tkunx ibbażata fuq waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

32      Fid-dawl tal-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari ċ-ċirkustanza, imfakkra fit-tieni premessa tar-Regolament, li jgħid li d-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar u l-fatt li l-imsemmi regolament huwa intiż, kif indikat fir-raba’ premessa tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt tal-ikbar aċċess possibbli, l-eċċezzjonijiet għall-imsemmi dritt elenkati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni et, C-64/05P, Ġabra p. I-11389, punt 66, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T-391/03 u T-70/04, Ġabra p. II-2023, punt 84).

33      F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li s-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni mhux biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni. Bħala prinċipju, applikazzjoni bħal din tista’ tkun ġustifikata biss meta l-istituzzjoni tkun qabel evalwat, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument huwiex ser jagħmel ħsara, b’mod konkret u effettiv, lill-interess protett u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk jeżistix interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. Barra minn hekk, ir-riskju li ssir ħsara lill-interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Dan l-eżami għandu jkun indikat fil-motivi tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T-2/03, Ġabra p. II-1121, punt 69).

34      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat ir-rikors.

2.     Fuq l-ewwel deċiżjoni dwar ir-rapport u d-dokumenti ta’ ħidma

35      Fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tliet eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-aċċess għar-rapport u għal ċerti dokumenti (ara l-punti 14 sa 16 iktar ’il fuq). L-ewwel eċċezzjoni invokata hija bbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) (eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali), it-tieni fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) (eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika), u t-tielet fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) (eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċedimenti fil-qrati u tal-pariri legali).

 Fuq l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali

 L-argumenti tal-partijiet

36      Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali ma jistax jiġi applikat lir-rapport kollu mingħajr ma jiġi kkontradett l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, li huwa intiż biex jirrendi dan il-proċess trasparenti ħlief f’ċerti ċirkustanzi limitati ħafna. Hija tinvoka fuq dan il-punt il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tad-dokumenti; il-fatt li l-eċċezzjoni inkwistjoni tapplika biss meta l-iżvelar ta’ dan id-dokument “jdgħajjef b’mod serju” il-proċess deċiżjonali; u l-prinċipju li jgħid li l-preżunzjoni favur l-iżvelar hija iktar b’saħħitha meta d-deċiżjoni prevista tkun ġiet adottata [punt 3.4.4 tar-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2004, fuq l-implementazzjoni tal-prinċipji tar-Regolament Nru 1049/2001, COM (2004) 45 finali, iktar ’il quddiem ir-“rapport fuq l-implementazzjoni tar-Regolament”]. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tappellax mis-sentenza Airtours, il-Kummissjoni ma tistax tallega li l-iżvelar tar-rapport idgħajjef serjament il-kapaċità tagħha li tieħu deċiżjoni fil-futur f’ċirkustanzi simili. Fil-fatt, l-evalwazzjonijiet interni tal-prattika amministrattiva m’għandhomx jitwettqu bi protezzjoni mill-pubbliku u l-indipendenza ta’ dawn il-proċessi mhijiex affettwata mill-iżvelar tar-riżultat ladarba l-evalwazzjonijiet jitwettqu. Ir-rifjut li jingħata aċċess għal dawn id-dokumenti jnissel dubji li l-Kummissjoni ma twettaqx fir-realtà bilanċ bejn l-interess tal-pubbliku li jikseb il-komunikazzjoni tagħhom u l-interess eventwali tagħha biex tħares is-sigrieti tad-deliberazzjonijiet tagħha.

37      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-eċċezzjoni inkwistjoni tippermettilha ma tikkomunikax id-dokumenti li jirrigwardaw il-konsultazzjonijiet u d-deliberazzjonijiet interni meta dan huwa neċessarju biex tippreżerva l-kapaċità tagħha li twettaq id-dmirijiet tagħha (premessa 11 tar-Regolament Nru 1049/2001). Hija ssostni li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti jasal biex, fil-kawża preżenti, “jdgħajjef b’mod serju” il-proċess deċiżjonali.

38      Barra minn hekk, u b’mod ġenerali, ir-rikorrenti tirrileva li, fl-ipoteżi stess fejn waħda mill-eċċezzjonijiet invokati fl-ewwel deċiżjoni u fit-tieni deċiżjoni tistà tapplika, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jkun madankollu mitlub skont interess pubbliku superjuri. F’dan ir-rigward, hija ssostni li s-severità tal-kritiki esposti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Airtours wasslu biex il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni esterna sabiex titgħallem xi affarijiet minn din is-sentenza u sabiex tiddetermina l-bidliet li kellha twettaq lill-prattika deċiżjonali tagħha. F’dan il-kuntest, ikun hemm interess pubbliku superjuri sabiex jinftiehem x’ġara, kif dan setgħa jiġi evitat u xi twettaq sabiex jiġi evitat li dan isir mill-ġdid. It-trasparenza tippermetti lill-pubbliku biex jivverifika jekk il-miżuri li ttieħdu sabiex tiġi korretta nuqqas ta’ amministrazzjoni hijiex adegwata u adatta. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li hemm interess pubbliku superjuri għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Fil-kawża preżenti, in-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tad-dritt tar-rikorrenti li tingħata kumpens għad-dannu subit minnha minħabba l-Kummissjoni. Fil-kwalità tagħha ta’ istituzzjoni, il-Kummissjoni għandha jkollha bħala politika li tikkumpensa d-dannu inġustament ikkawżat mill-azzjonijiet tagħha.

39      Il-Kummissjoni ssostni li interess pubbliku superjuri għandu jkollu iktar piż mill-interess protett mill-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess. Fil-kawża preżenti, l-interess tar-rikorrenti marbut mal-użu tad-dokumenti mitluba fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens ikun pjuttost ta’ natura privata. Barra minn hekk, ikun fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal kumpens u mhux tal-proċedura preżenti li għandha tiġi evalwata r-rilevanza ta’ dawn id-dokumenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

40      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, aċċess għal dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminari fl-istituzzjoni kkoncernata għandu jiġi rrifjutat anki wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tiegħu.

41      Fil-kawża preżenti għandu qabel kollox jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni billi qieset, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, li l-iżvelar tar-rapport u tad-dokumenti ta’ ħidma li għalihom la aċċess totali u lanqas aċċess parzjali ma ngħata jwassalx biex idgħajjef serjament l-proċess deċiżjonali tagħha. Jekk ikun il-każ, ikollu konsegwentement jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-analiżi dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri.

–       Fuq is-serjetà tad-dannu fuq il-proċess deċiżjonali minħabba l-iżvelar tar-rapport

42      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport huwa “dokumenti li fih opinjonijiet li fihom pariri intiżi għall-użu intern fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet u tal-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan tal-[Kummissjoni]” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

43      Jirriżulta mill-mandat tal-grupp ta’ ħidma kkomunikat lir-rikorrenti bħala anness tal-ewwel deċiżjoni, li dan il-grupp ġie stabbilit sabiex janalizza l-istadji differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji fil-kawża Airtours vs First Choice u sabiex jipproponi konklużjonijiet adatti (punt A “Għanijiet”). Skont dan il-mandat, il-grupp ta’ ħidma kellu jeżamina d-domandi li ġejjin billi jindika l-eventwali punti ta’ nuqqas ta’ qbil mal-Qorti tal-Prim’Istanza: “(1) appell mis-sentenza [Airtours] huwa adatt? (2) liema huma l-punti dgħajfa […] li s-sentenza rrilevat, b’mod partikolari fil-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni? (3) liema huma l-konklużjonijiet li jistgħu jittieħdu minn din il-kawża f’dak li jirrigwarda l-proċeduri interni […]? (4) jistgħu jittieħdu xi tagħlimiet mis-setturi ta’ attivitajiet l-oħra tad-DĠ “Kompetizzjoni”? (5) liema aspetti tal-politika ta’ kompetizzjoni indirizzati fis-sentenza [Airtours] jistħoqqilhom eżami supplimentari fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid fil-kors jew fil-futur? (6) hemm xi implikazzjonijiet għall-kawżi ta’ kompetizzjoni oħra pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza?” (punt Ċ “Domandi li għandhom jiġu eżaminati”). Il-mandat jippreċiża wkoll li r-rapport għandu jiġi suġġett għal diskussjoni mal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni (punt D “Kalendarju”), li twettaq fil-25 ta’ Lulju 2002, jiġifieri qabel it-tmiem tat-terminu għal appell.

44      B’hekk, it-totalità tar-rapport jirrigwarda opinjonijiet intiżi għal użu intern fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet u tal-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, bħala tali, jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

45      Fit-tieni lok, indipendentement mill-fondatezza tiegħu, l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-preżunzjoni favur l-iżvelar hija iktar b’saħħitha meta d-deċiżjoni prevista mid-dokumenti inkwistjoni ġiet adottata (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), ma jeskludix kull possibbiltà li tista’ tipprevali l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, jirriżulta mit-test stess ta’ din id-dispożizzjoni li l-eċċezzjoni inkwistjoni tista’ tiġi invokata “anki wara li tittieħed id-deċiżjoni”. Għaldaqstant, il-fatt biss li l-Kummissjoni ma ppreżentatx appell mis-sentenza Airtours jew li serje ta’ rakkomandazzjonijiet esposti fir-rapport ġew implementati (punt I.3 tal-ewwel deċiżjoni) mhuwiex biżżejjed biex jiġi konkluż li l-iżvelar ta’ dan ir-rapport jista’ jew ma jistax ikun ta’ natura li jdgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi konkluż bħala mhux fondat.

46      Il-punt 3.4.4 tar-rapport fuq l-implementazzjoni tar-regolament, li huwa invokat mir-rikorrenti fl-argument tagħha, ma jistax jimmodifika din l-evalwazzjoni. F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni kwalitattiva inizjali tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tal-politika ta’ trasparenza tal-istituzzjonijiet Komunitarji (rapport fuq l-implementazzjoni tar-regolament, “Kelmtejn ta’ qabel”, p. 2). F’dak li jirrigwarda t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni indikat li l-eżistenza ta’ dannu serju huwa partikolarment diffiċli biex jintwera meta r-rifjut jirrigwarda deċiżjoni adottata, fil-każ fejn il-proċess deċiżjonali inkwistjoni ntemm u fejn l-iżvelar ta’ dokument preparatorju stabbilit fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet interni fuq dan l-att għaldaqstant idgħajjef serjament l-kapaċità tal-istituzzjoni li tieħu deciżjonijiet fil-futur, li tirriskja li ssir astratta wisq. Madankollu, din l-indikazzjoni ma timplikax li l-Kummissjoni tirrinunzja għall-possibbiltà li tinvoka l-eċċezzjoni inkwistjoni jekk turi li l-iżvelar tar-rapport idgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tagħha, anki jekk ċerti deċiżjonijiet ittieħdu fid-dawl tal-kontenut ta’ dan id-dokument.

47      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dannu serju għall-proċess deċiżjonali, il-Kummissjoni tindika, essenzjalment, fl-ewwel deċiżjoni, li l-iżvelar tar-rapport idaħħal inkwistjoni l-libertà tal-opinjoni tal-awturi tiegħu, meta l-evalwazzjonijiet jiġu mgħarrfa lill-pubbliku, anki meta huma kellhom biss intenzjoni li jippreżentaw l-opinjoni tagħhom lid-destinatarju tar-rapport (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

48      Fil-kawża preżenti, jirriżulta mill-mandat tal-grupp ta’ ħidma kkomunikat lir-rikorrenti fl-anness għall-ewwel deċiżjoni (ara l-punt 42 iktar ’il fuq) li l-awturi tar-rapport intalbu jesponu l-opinjonijiet tagħhom, eventwalment kritiki, fuq il-proċedura amministrattiva segwita waqt l-eżami tal-kawża Airtours vs First Choice u jikkummentaw b’mod ħieles is-sentenza Airtours mill-perspettiva ta’ appell eventwali. Dan ix-xogħol ta’ analiżi, riflessjoni u ta’ kritika twettaq għal finijiet interni, u mhux għall-attenzjoni tal-pubbliku, peress li kellu bħala għan li jiġi ppreżentat għal diskussjoni mal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni. Huwa għaldaqstant fid-dawl ta’ dan ir-rapport li dan tal-aħħar setgħa jiddeċiedi fuq id-domandi li, bħad-deċiżjoni li jiġi ppreżentat appell jew li jipproponi titjib eventwali tal-proċedura ta’ amministrazzjoni applikabbli fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew f’setturi oħra tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu jew minn dik tal-Kummissjoni u mhux minn dik tal-grupp ta’ ħidma.

49      Barra minn hekk, b’differenza għal każ fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kwalità ta’ leġiżlatur, li fih aċċess iktar wiesa’ għal dokumenti għandu jiġi awtorizzat skont is-sitt premessa tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rapport jaqa’ fil-kuntest tal-funzjonijiet purament amministrattivi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-interessati prinċipali tal-proċedura ta’ appell prevista u tat-titjib imsemmi fir-rapport huma l-impriżi kkonċernati mill-konċentrazzjoni Airtours/First Choice u mill-konċentrazzjonijiet b’mod ġenerali. Għaldaqstant, l-interess tal-pubbliku biex jikseb komunikazzjoni ta’ dokument skont il-prinċipju ta’ trasparenza, li huwa intiż biex jiżgura parteċipazzjoni aħjar tal-individwi għall-proċess ta’ deċizjoni u biex jiggarantixxi leġittimità ikbar, iktar effikaċja u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fil-konfront tal-individwi f’sistema demokratika, m’għandux l-istess piż f’dak li jirrigwarda dokument li jaqa’ taħt proċedura amministrattiva li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ regoli li jirregolaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew id-dritt tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali li jikkonċerna dokument dwar proċedura fil-kuntest li fih l-istituzzjoni Komunitarja tintervjeni bħala leġiżlatur.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għandha raġun tikkunsidra li l-iżvelar lill-pubbliku tar-rapport idgħajjef serjament il-possibbiltà ta’ wiehed mill-membri tagħha biex jiddisponi minn opinjoni libera u kompleta tad-dipartimenti tiegħu fuq il-konsegwenzi li għandhom jingħataw lis-sentenza Airtours.

51      Fil-fatt, l-iżvelar ta’ dan id-dokument ma jirriskjax biss li jesponi l-opinjoni, eventwalment kritika, tal-uffiċjali tal-Kummissjoni, iżda wkoll li jippermetti li jsir paragun bejn il-kontenut tar-rapport – li huwa dokument preparatorju li fih l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma – u d-deċiżjonijiet finalment meħuda fuq dawn il-punti mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni jew fi ħdan il-Kummissjoni u, għaldaqstant, li tiġi żvelata d-diskussjoni interna tagħha. Dan jirriskja li jdgħajjef serjament il-libertà deċiżjonali tal-Kummissjoni, li tkun ippronunċjat ruħha b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kolleġjalità u fejn il-membri tagħha għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom f’indipendenza kompleta fl-interess ġenerali tal-Komunità.

52      Barra minn hekk, jekk dan ir-rapport jiġi żvelat, dan ifisser li l-awturi ta’ rapport ta’ dan it-tip fil-futur ikollhom jaffaċċjaw dan ir-riskju ta’ żvelar sal-punt li jistgħu jaslu biex jiċċensuraw lilhom infushom u ma jibqgħux jippreżentaw opinjonijiet li jistgħu jkunu ta’ xi riskju għad-destinatarju tar-rapport. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tibbenifika mill-opinjoni ħielsa u kompleta meħtieġa minn naħa tal-aġenti u l-uffiċjali tagħha u b’hekk issib ruħha nieqsa minn kritika interna kostruttiva, intiża li tirrendi iktar faċli t-teħid tad-deċiżjoni f’dak li jirrigwarda l-preżentata ta’ appell minn sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jew it-titjib tal-proċeduri amministrattivi taghha fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tagħha jew b’mod iktar wiesgħa tad-dritt tal-kompetizzjoni.

53      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni, bħala destintarju tar-rapport, għandu jkun jista’ jevalwa b’mod ħieles l-opinjoni li hemm f’dan ir-rapport, u dan fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jistgħu jaqbżu l-portata tar-regoli fis-seħħ, kif interpretati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u mill-qrati Komunitarji, li jimplika l-possibbiltà li ma tintlaqax proposta minħabba raġunijiet marbuta mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni jew għar-rizorsi disponibbli.

54      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-kawża preżenti, ir-riskju ta’ dannu serju ghall-proċess deċiżjonali fil-każ tal-iżvelar tar-rapport huwa prevedibbli b’mod raġjonevoli u purament ipotetiku. Fil-fatt, jekk titqies in-natura mhux kunfidenzjali ta’ tali rapporti fil-konfront tal-pubbliku u fid-dawl tar-riskju ta’ żvelar, jidher loġiku u probabbli li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni jitwassal biex ma jitlobx l-opinjoni bil-miktub, eventwalment kritika, tal-kollegi tiegħu fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tieghu jew dik tal-Kummissjoni, inkluża l-kwistjoni li jsir magħruf jekk hemmx lok li jiġi ppreżentat appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Issa ż-żamma ta’ diskussjonijiet orali u informali biss, li ma jeħtiġux it-tfassil ta’ “dokument” fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, idgħajjef b’mod kunsiderevoli l-effikaċja tal-proċess deċiżjonali interna tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, fis-setturi li fihom għandha twettaq evalwazzjonijiet ġuridiċi, fattwali u ekonomiċi kumplessi u teżamina inkartamenti partikolarment kbar, bħalma huma dawk fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Minn dan jirriżulta li, analiżi bil-miktub, mid-dipartimenti responsabbli, tal-inkartament amministrattiv u tal-proposti ta’ deċiżjoni li jiġu ppreżentati hija indispensabbli, sabiex tiġi ggarantita deliberazzjoni u teħid ta’ deċiżjoni b’konoxxenza tal-elementi essenzjali kollha fil-forma ġusta u dovuta, qabel kollox, mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni, u konsegwentement, fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni bejn id-dipartimenti kkonċernati fi ħdan il-Kummissjoni. Għaldaqstant, b’konformità mal-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi permess lill-istituzzjonijiet Komunitarji li jipproteġu l-konsultazzjonijiet u d-deliberazzjonijiet interni tagħhom, meta, bħal fil-kawża preżenti, ikun neċessarju fl-interess pubbliku li tiġi ppreżervata l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw il-missjonijiet taghhom, b’mod partikolari fil-kuntest tat-twettiq tas-setgħat deċiżjonali amministrattivi tagħhom, bħal dawk fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

55      Konsegwentement, l-ilment tar-rikorrenti, li jgħid li l-iżvelar tat-totalità tar-rapport ma jdgħajjifx serjament il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, għandu ma jintlaqax.

–       Fuq is-serjetà tad-dannu għall-proċess deċiżjonali minħabba l-iżvelar tad-dokumenti ta’ ħidma 4 sa 14 u 16 sa 19

56      Fir-rigward tad-dokumenti ta’ ħidma li l-aċċess għalihom ġie kompletament jew parzjalment irrifjutat mill-Kummissjoni fl-ewwel deċiżjoni fuq il-bażi ta’ eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement tindika li l-argumenti żviluppati f’dak li jirrigwarda r-rapport huma applikabbli wkoll għad-dokumenti użati mill-grupp ta’ ħidma.

57      F’dan ir-rigward, l-inventarju kkomunikat fl-anness tal-ewwel domanda jippermetti li jiġi kkonstatat li d-dokumenti li għalihom l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġiet invokata huma dawn li ġejjin:

–        id-dokumenti 4 u 5, li jikkorrispondu għal rapport irrevedut u għal nota ta’ analiżi ppreparata mis-sottogrupp ta’ ħidma responsabbli għall-analiżi u l-evalwazzjoni tas-sentenza Airtours, inklużi l-eventwali punti ta’ nuqqas ta’ qbil mas-sentenza Airtours u tan-natura adatta ta’ appell;

–        id-dokumenti 6, 7 u 8, li jikkorrispondu għal noti ta’ analiżi tas-sentenza Airtours ippreparati rispettivament minn uffiċjal tad-dipartiment legali, minn uffiċjal tad-DĠ “Kompetizzjoni” u minn uffiċjal tas-smigħ , li kienu kollha membri tas-sottogrupp iċċitat iktar ’il fuq;

–        id-dokument 9, li jikkorrispondi għal dokument ta’ diskussjoni fuq l-organizzazzjoni interna u t-titjib possibbli, ippreparat mis-sottogruppi ta’ ħidma li kienu responsabbli għall-eventwali punti dgħajfa tal-Kummissjoni u tal-evalwazzjoni tal-proposti ta’ titjib;

–        id-dokument 10, li jikkorrispondi għal rapport interim ippreparat minn wieħed mis-sottogruppi, u d-dokumenti 11 sa 13, li jirriferu għal xi annessi ta’ dan ir-rapport (aċċess parzjali ngħata għad-dokumenti 13);

–        id-dokumenti 14, li jelenka l-kwistjonijiet tad-diskussjonijiet imwettqa mal-grupp tal-kawża Airtours;

–        id-dokument 16, (li għalih ingħata aċċess parzjali), li jikkorrispondi għad-dokument qafas użat mis-sottogrupp ta’ ħidma;

–        id-dokument 17, li jikkorrispondi għall-proposti ta’ titjib u għar-rapport provviżorju tal-25 ta’ Ġunju 2002, ippreparat mis-sottogrupp ta’ ħidma;

–        id-dokument 18, li jikkorrispondi għal nota intitolata “Lezzjonijiet għas-setturi ta’ attività l-oħra” ippreparata mis-sottogrupp responsabbli għall-eżami tal-implikazzjonijiet għas-setturi l-oħra tal-politika tal-kompetizzjoni;

–        id-dokument 19, li jikkorrispondi għal rapport provviżorju tas-26 ta’ Ġunju ppreparat mis-sottogrupp responsabbli għall-identifikazzjoni tal-kwsitjonijiet ta’ politika ta’ bażi.

58      Il-Kummissjoni tindika wkoll li fl-ewwel deċiżjoni, xi dokumenti ta’ ħidma tfasslu sabiex jiġi ppreparat ir-rapport u li r-rapporti provviżorji ta’ sottogruppi differenti spiss ipproduċew letteralment dawn id-dokumenti. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li fl-ewwel deċiżjoni kull dokument ġie eżaminat individwalment.

59      Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li, peress li r-rapport huwa protett skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dokumenti li wasslu għat-tfassil tiegħu u li fihom xi evalwazzjonijiet preparatorji jew xi konklużjonijiet provviżorji għal użu intern, kif jirriżulta mill-inventarju, jaqgħu ukoll taħt din l-eċċezzjoni. Huwa għaldaqstant ġustament li l-Kummissjoni invokat din l-eċċezzjoni fl-ewwel deċiżjoni meta qieset li l-aċċess totali jew parzjali għad-dokumenti ta’ ħidma 4 sa 14 u 16 sa 19 kien idgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tagħha.

–       Fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri

60      Ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li, bħall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet stabbilita mill-Artikolu 4(2), l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(3) mhijiex ġustifikata jekk l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni huwa ġġustifikat minn “interess pubbliku superjuri”.

61      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ssostni l-istess argument kontra l-ewwel deċiżjoni u t-tieni deċiżjoni mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ dokumenti kkonċernati u l-eċċezzjoni invokata. Essenzjalment, hija tallega li l-bżonn li jinftiehem x’ġara u x’wettqet il-Kummissjoni kif ukoll il-bżonn li tiġi ggarantita amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jikkostitwixxu interessi pubbliċi superjuri li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti mitluba li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat.

62      Madankollu l-argumenti tagħha ma jippermettu la li jiġi kkaratterizzat suffiċjentement id-dritt ta’ interess pubbliku superjuri meħtieġ mir-Regolament Nru 1049/2001, u lanqas li jiġi vverifikat li, fir-rigward tal-bilanċ bejn l-allegat interess pubbliku superjuri u l-interess tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti fil-konfront tal-pubbliku skont l-eċċezzjonijiet eżaminati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha tasal għall-konklużjoni li dawn id-dokumenti kellhom madankollu jiġu żvelati.

63      Fil-fatt, fir-rigward tal-bżonn li jinftiehem x’ġara, ir-rikorrenti ma tispjega la r-raġunijiet għalfejn hija ssostni li dan l-allegat bżonn jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, la safejn dan l-allegat interess jobbliga lill-Kummissjoni, taħt il-bilanċ tal-interess ġenerali ta’ ħarsien tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti inkwistjoni, biex tiżvela dawn tal-aħħar.

64      Fir-rigward tal-bżonn li jinftiehem dak li twettaq mill-Kummissjoni wara s-sentenza Airtours, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat fl-ewwel deċiżjoni u fit-tieni deċiżjoni r-raġunijiet għalfejn hija sostniet li kienet fid-dritt li tinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex topponi l-iżvelar tar-rapport, ta’ ċerti dokumenti ta’ ħidma u ta’ ċerti dokumenti interni oħra. Ir-rikorrenti ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn l-interess proprju tagħha, fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tagħha fil-kuntest tal-kawża fil-kawża T-212/03, biex issir taf xi twettaq mill-Kummissjoni wara s-sentenza Airtours jistax ikun kostituttiv ta’ tali interess pubbliku superjuri. F’kull każ, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, ir-rikorrenti la ma wriet safejn dan l-interess jista’, fil-kuntest ta’ bilanċ mal-interess ġenerali ta’ ħarsien tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti inkwistjoni, ikun jista’ jipprevali fuq dan l-interess tal-aħħar.

65      Fir-rigward tal-bżonn li tikseb l-iżvelar tad-dokumenti mitluba skont interess superjuri marbut mal-ħtieġa ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, hemm lok li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa intiż, essenzjalment, li jallega li dawn id-dokumenti jippermettu lir-rikorrenti ssostni aħjar l-argumenti taghha fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens. Dan l-għan tal-aħħar, bħala tali ma jikkostitwix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika żvelar li jkun jista’ jipprevali fuq il-ħarsien tal-kunfidenzjalità ddefinit mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit fl-Artikolu 255 KE u tal-premessi 1 u 2 ta’ dan ir-regolament, dan l-interess għandu jkollu natura oġġettiva u ġenerali u ma jistax jitħawwad ma’ interessi individwali jew privati, pereżempju, bħal dawk fir-rigward ta’ tressiq ta’ rikors kontra l-istituzzjonijiet Komunitarji, ta’ tali interessi individwali jew privati li ma jikkostitwux element rilevanti fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi previsti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament.

66      Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huma “[k]ull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru”. Minn dan jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż li jiggarantixxi l-aċċess ta’ kulħadd għad-dokumenti pubbliċi u mhux biss l-aċċess tal-applikant għal dokumenti li jikkonċernawh (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T-110/03, T-150/03 u T-405/03, Ġabra p. II-1429, punt 50). Għaldaqstamt, l-interess partikolari li jista’ jsostni l-applikant għall-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernawh personalment ma jistax ikun deċiżiv ġeneralment fil-kuntest kemm tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri kemm tal-bilanċ tal-interessi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

67      Għaldaqstant, jirriżulta minn ġurisprudenza stabblita li, anki jekk jitqies li d-dokumenti mitluba huma neċessarji għad-difiża tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens, kwistjoni li taqa taħt l-eżami ta’ dan ir-rikors, din iċ-ċirkustanza mhijiex rilevanti sabiex jiġi evalwat il-bilanċ tal-interessi pubbliċi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, SIMSA vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 55; id-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 2005, SIMSA vs Il-Kummissjoni, T-287/03, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 34).

68      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tar-rapport u tad-dokumenti ta’ ħidma 4 sa 14 u 16 sa 19 skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Din l-evalwazzjoni hija valida wkoll f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk jeżistix interess pubbliku superjuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, li fil-konfront tiegħu r-rikorrenti ssostni l-istess argument bħal dawk li ġew analizzati iktar ’il fuq.

 Fuq l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, investigazzjoni u ta’ verifika

 L-argumenti tal-partijiet

69      Fir-rigward kemm tal-partijiet tar-rapport previsti mill-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika u kemm tad-dokumenti ta’ ħidma li għalihom il-Kummissjoni invokat din l-eċċezzjoni, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-investigazzjoni twettqet u l-miżuri li hija imponiet ittieħdu, l-imsemmija eċċezzjoni mhijiex applikabbli. Minħabba l-modifika tal-proċeduri inkwistjoni wara din l-investigazzjoni, ir-rapport għandu interess purament storiku u ma jistax igawdi natura sensittiva li tiġġustifika deroga mill-preżunzjoni ta’ aċċessibbiltà. Barra minn hekk, ma jistax jiġi allegat li investigazzjoni interna intiża li timmodernizza l-proċeduri amministrattivi ma tistax tkun indipendenti jekk ir-riżultat tagħha jiġi ppubblikat. B’mod kuntrarju, tali ppubblikazzjoni tiggarantixxi t-twettiq tagħha fl-ispirtu ta’ indipendenza u trasparenza li huma fil-qalba tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, l-eċċezzjoni inkwistjoni ma tapplikax għall-investigazzjonijiet purament interni mwettqa mill-Kummissjoni, iżda biss għall-investigazzjonijiet imħejjija mill-Kummissjoni li jimplikaw partijiet terzi.

70      F’dak li jirrigwarda r-rapport, il-Kummissjoni tirrileva li dak li huwa importanti jirrigwarda l-fatt li l-investigazzjoni interna twettqet bl-uniku għan li jiġu fformulati xi rakkomandazzjonijiet intiżi biex jintużaw fil-ħdan id-dipartimenti tagħha. Din l-investigazzjoni ma setgħatx titwettaq bl-istess mod kieku l-awturi tagħha kien ikollhom jikkunsidraw il-fatt li r-riżultat tagħha kien ser jiġi żvelat, anki wara li ntemmet. Anki jekk l-investigazzjoni tkun intemmet, l-għan tagħha jista’ jkun għadu jippersisti. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li m’hemmx lok li ssir distinzjoni bejn l-investigazzjonijiet interni u l-investigazzjonijiet esterni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

71      It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiddisponi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ “l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki”, jekk ma jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tiegħu.

72      Din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni tirriskja li jiddgħajjef l-ikkompletar tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ verifika (sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 109).

73      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami mitlub għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti għandha tkun konkreta. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett għandu jkun raġjonevolment previdibbli u mhux biss ipotetiku. Konsegwentement, l-eżami li trid tagħmel l-istituzzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni (sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 115).

74      Dan l-eżami konkret għandu, għaldaqstant, jitwettaq għal kull dokument li għalih ikun hemm talba. Fil-fatt, jirriżulta, mir-Regolament Nru 1049/2001, li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1)(2) u (3) tiegħu, huma mniżżla bħala li għandhom ikunu applikabbli “għal dokument”. Eżami konkret u individwali ta’ kull dokument huwa wkoll neċessarju meta, anki fl-ipoteżi fejn huwa ċar li talba għall-aċċess tirrigwarda xi dokumenti koperti minn eċċezzjoni, tali eżami biss jista’ jippermetti lill-istituzzjoni li tevalwa l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali lil min jagħmel it-talba, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 117).

75      Fil-kawża preżenti, l-inventarju anness mal-ewwel deċiżjoni ma jirreferix għall-eċċezzjoni inkwistjoni ħlief għar-rifjut, fuq din il-bażi biss, tal-iżvelar tad-dokument 15 intitolat “Verbal tal-konversazzjoni ma’ membru tal-grupp tal-kawża fil-kawża M.1524, Airtours vs First Choice fuq il-kawża Airtours li saret fl-24 ta’ Ġunju 2002”.

76      Mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li r-raġuni għalfejn l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tar-Regolament Nru 1049/200 tapplika għal dan id-dokumenti tidher fil-frażi li ġejja estratta mill-ewwel deċiżjoni:

“F’dak li jirrigwarda l-partijiet tad-dokumenti 13 u 16 u d-dokumenti ta’ ħidma l-oħra kollha, nikkonferma l-eżami inizjali tad-DĠ “Kompetizzjoni” li jgħid li d-dokumenti ta’ ħidma huma a fortiori koperti mill-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001”.

77      Tali kunsiderazzjonijiet huma vagi u ġenerali wisq u mhuwiex possibbli minn qari tal-ewwel deċiżjoni u mill-annessi tagħha li jinftiehem kif l-“attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika” tal-Kummissjoni setgħu jiġu ppreġudikati mill-iżvelar tad-dokument 15.

78      Fin-nuqqas ta’ tali spjegazzjonijiet, il-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement fid-dritt li l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tapplika għad-dokument 15. Konsegwentement, l-ewwel deċiżjoni għandha tiġi annullata fuq dan il-punt mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat l-argument dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri.

 Konklużjonijiet fuq l-ewwel deċiżjoni

79      Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat, bl-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li l-iżvelar tat-totalita tar-rapport u tad-dokumenti ta’ ħidma 4 sa 14 u 16 sa 19 kien idgħajjef il-proċess deċiżjonali tagħha u li ma kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika xorta waħda dan l-iżvelar. Konsegwentement, minħabba raġunijiet ta’ ekonomija, m’hemmx iktar lok li jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-eċċezzjonijiet l-oħra invokati fl-ewwel deċiżjoni għar-rifjut tal-iżvelar ta’ tali jew tali parti tal-imsemmi rapport jew tad-dokumenti ta’ ħidma li għalihom l-eċċezzjoni inkwistjoni ġiet invokata.

80      Minn naħa l-oħra, għal li jirrigwarda d-dokument ta’ ħidma 15, jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement fid-dritt li l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet applikabbli għall-imsemmi dokumenti (ara l-punti 71 et seq iktar ’il fuq).

81      Bħala konklużjoni, ir-rikors għandu jiġi miċħud safejn huwa intiż kontra l-ewwel deċiżjoni bl-eċċezzjoni tad-dokument ta’ ħidma 15, li fil-konfront tiegħu d-deċiżjoni għandha tiġi annullata fuq dan il-punt.

3.     Fuq it-tieni deċiżjoni dwar id-dokumenti interni l-oħra

82      Fit-tieni deċiżjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq it-tliet eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta li tagħti aċċess għal ċerti dokumenti interni (ara l-punti 21 sa 22 iktar ’il fuq). Dawn jirrigwardaw l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali, l-eċċezzjoni dwar l-attivitajiet ta’ investigazzjoni u ta’ verifika u l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-parir legali.

 Fuq l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali

83      Din l-eċċezzjoni għandha tiġi eżaminata fil-konfront tal-kategoriji differenti tad-dokumenti identifikati mill-Kummissjoni fit-tieni deċiżjoni.

 Fuq is-serjetà tal-ħsara għall-proċess deċiżjonali minħabba l-iżvelar tal-proġetti ta’ testi, tan-noti lill-Kummissarju, tan-noti lid-dipartimenti l-oħra u tan-noti ta’ risposta ta’ servizzi l-oħra barra d-dipartiment legali

–       L-argumenti tal-partijiet

84      Ir-rikorrenti tikkontesta l-applikazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fit-tieni domanda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 biex tirrifjuta li tikkomunika t-totalità jew ċerti partijiet tad-dokumenti interni mitluba. Il-bżonn li tiggarantixxi “spazju għall-ħsieb” għad-dipartimenti tagħha, li ġie invokat mill-Kummissjoni huwa astratt u inkompatibbli mal-għan ġenerali ta’ trasparenza segwit mir-Regolament Nru 1049/2001 u mal-portata limitata tal-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni m’għandhomx bżonn jimplementaw b’mod sigriet ir-regoli ta’ kompetizzjoni u l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma jiġġustifikax trattament partikolari fil-konfront tas-setturi ta’ intervent ta’ din l-istituzzjoni. Barra minn dan, il-fixla jew l-inkonvenjenza li jista’ joħloq l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jippermettux, bħala tali, li tiġi ġġustifikata t-talba għall-eċċezzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li l-argument ibbażat fuq ir-riskju ta’ tfixkil għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet futuri jew simili mhuwiex fondat. Peress li ġiet annullata d-deċiżjoni Airtours, l-iżvelar tad-dokumenti interni li huma marbuta magħha ma jistax idaħħal inkwistjoni l-kapaċità tal-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni oħra, lanqas biex jiġi ddeterminat minn qabel il-kontenut tagħha. L-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet għandha titwettaq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża u mingħajr pressjonijiet ta’ medjazzjoni jew politiki.

85      Il-Kummissjoni tenfasizza li, anki jekk id-dokumenti interni tagħha jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, p. 1), li ssostitwixxa l-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98, tal-1 Marzu 1998 dwar in-notifiki, perijodi ta’ żmien u smiegħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 61, p. 1), jeskludi mis-sistema ta’ aċċess applikabbli għad-dokumenti interni tal-inkartament amministrattiv. B’hekk, il-fatt li partijiet f’konċentrazzjoni ma jiddisponux mid-dritt li jkollhom aċċess għal tali dokumenti jsaħħah l-idea li l-iżvelar tagħhom lill-pubbliku jdgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni f’dan is-settur. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-eċċezzjoni inkwistjoni ma ġietx applikata b’mod astratt, peress li kull dokument ġie eżaminat individwalment u li ngħata aċċess parzjali meta dan kien possibbli. Madankollu, din l-eċċezzjoni hija intiża li tħares il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni b’mod ġenerali, b’mod partikolari fid-dawl taċ-ċirkustanzi futuri u tas-suġġetti marbuti mal-istess kwistjoni, u mhux biss fir-rigward tal-proċedura inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, il-kapaċità tad-dipartimenti tagħha biex jifformulaw l-opinjionijiet tagħhom hija indispensabbli għall-proċess deċiżjonali u din il-kapaċità tkun ristretta jekk ikollhom jaslu għall-opinjoni tagħhom billi jikkunsidraw il-possibbiltà li din tista’ tiġi żvelata lill-pubbliku anki wara li tintemm il-kawża.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

86      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tindika li l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni jista’ jiddependi mill-fatt li l-applikant għal tali dokument huwa impriża parti minn konċentrazzjoni, li ma tistax bl-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 802/2004 (jew tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 447/98, li jippreċedih) ikollha aċċess għad-dokumenti interni ta’ inkartament amministrattiv tal-Kummissjoni.

87      Bil-kontra, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni huwa wiesa’ ħafna, peress li huwa ta’ benefiċċju għal kull ċittadin tal-Unjoni u għall-persuni naturali jew ġuridiċi li huma residenti jew li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membri mingħajr ma ġew ippreċiżati kundizzjonijiet oħrajn. Jirriżulta wkoll mill-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament li d-dispożizzjonijiet relattivi għall-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni japplikaw għad-dokumenti kollha mizmuma minn din l-istituzzjoni, jiġifieri d-dokumenti kollha stabbiliti jew riċevuti minnha u fil-pussess tagħha, f’kull settur ta’ attività tal-Unjoni Ewropea.

88      Barra minn hekk, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiddefinixxi espressament il-kundizzjonijiet li fihom l-aċċess għal dokument li fih opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata jista’ jiġi miċħud, anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, billi jindika li f’tali każ l-iżvelar tad-dokument jista’ idgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni kkonċernata. Din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali, u dan ikunu xi jkunu s-setturi ta’ attività tal-Kummissjoni jew ir-regoli applikabbli għall-proċeduri li huma relattivi għalihom.

89      Konsegwentement, il-fatt li impriża parti minn konċentrazzjoni ma tiddisponix minn dritt ta’ aċċess għad-dokumenti interni tal-inkartament amministrattiv, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 802/2004 ma jippermettix li tiġi eskluża kull persuna, tkun min tkun, li tiddisponi mid-dritt ta’ aċċess għal tali dokumenti fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, punti 44 u 46).

90      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax li d-dokumenti interni inkwistjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, l-argument li hija tevoka fil-preżent, ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 802/2004, mhuwiex imsemmi fit-tieni deċiżjoni bħala ġustifikazzjoni għall-invokazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

91      Minn naħa huwa għaldaqstant fid-dawl ta’ persuna legali li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru u minħabba dan, titlob l-aċċess għal ċerti dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-motivazzjoni esposta fit-tieni deċiżjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-kontroll tal-legalità tagħha.

92      Fil-kawża preżenti, fit-tieni deċiżjoni, il-Kummissjoni tinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 safejn jirrigwarda l-erbgħa kategoriji ta’ dokumenti: l-abbozzi, in-noti lill-Kummissarju, in-noti lid-dipartimenti l-oħra u n-noti ta’ risposta lid-dipartimenti l-oħra barra d-dipartiment legali ) ara l-punt 21 iktar ’il fuq). Anki jekk dan l-eżami twettaq b’mod konkret u individwalment, dokument b’dokument, ir-raġjuni invokata mill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ċċitata iktar ’il fuq tibqa essenzjalment identika. Huwa barra minn hekk, minħabba din ir-raġuni li fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-partijiet jikkunsidraw dawn id-dokumenti b’mod ġenerali u mhux individwalment fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet esposti fit-tieni deċiżjoni għal kull waħda mill-erbgħa kategoriji ċċitati iktar ’il fuq.

93      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li ma kinitx interessata fil-komunikazzjoni tal-abbozzi, jiġifieri tal-proġetti relattivi għad-deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89, fil-komunikazzjoni tal-ilmenti u fid-deċiżjoni final fil-kawża Airtours vs First Choice. B’risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt, hija ppreċiżat li kienet ser tirtira t-talba tagħha għal aċċess f’dak li jirrigwarda dawn id-dokumenti. Għaldaqstant, m’hemmx iktar lok għall-Qorti tal-Prim’Istanza biex teżamina l-kwistjoni ta’ legalità tat-tieni deċiżjoni f’dan ir-rigward.

94      F’dak li jirrigwarda n-noti lill-Kummissjaru, in-noti lid-dipartimenti l-oħra u n-noti b’risposta tad-dipartimenti l-oħra barra d-dipartiment legali, il-Kummissjoni ġustament sostniet li l-iżvelar parzjali jew totali – skont il-każ – ta’ dawn id-dokumenti differenti kien inaqqas il-kapaċità tad-dipartimenti li jesprimu l-perspettiva tagħhom u kien idgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tagħha fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

95      Fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, hija d-deċiżjoni finali li hija importanti kif ukoll l-istadji differenti previsti mir-Regolament Nru 4064/89 biex wieħed jasal għal din id-deċiżjoni [id-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89 jew id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet]. F’dan il-kuntest, in-noti lill-Kummissjoni, in-noti lid-dipartimenti l-oħra u n-noti b’risposta lid-dipartimenti l-oħra barra d-dipartiment legali ġew skambjati fi ħdan il-Kummissjoni sabiex issir elaborazzjoni tad-dokumenti li jifformalizzaw it-teħid ta’ pożizzjoni tal-amministrazzjoni.

96      Kif issostni l-Kummissjoni fit-tieni deċiżjoni, l-iżvelar lill-pubbliku ta’ tali dokumenti huwa ta’ natura li jdgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tagħha, kemm jekk jirrigwarda l-proċedura ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni jew il-proċeduri ta’ konċentrazzjoni fil-futur fl-istess settur, bejn l-istess partijiet, jew fid-dawl tal-prinċipji implementati waqt il-proċedura kkontestata, fil-każ fejn id-dokumenti jindikaw biss mument tal-proċedura li għada ma ġietx ifformalizzata f’dokument definittiv. Fil-fatt, id-dokumenti preparatorji jistgħu jindikaw l-opinjonijiet, l-eżitazzjonijiet jew il-bidliet fid-dipartimenti tal-Kummissjoni li – fit-tmiem tal-proċess deċiżjonali inkwistjoni – jista’ ikun li ma jibqgħux jidhru fil-verżjonijiet finali tad-deċiżjonijiet.

97      Kif diġà ġie deċiż f’dak li jirrigwarda r-rapport (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), l-iżvelar tad-dokumenti li għalihom ġie miċħud l-aċċess iffisser li l-awturi tagħhom ikollhom jikkunsidraw fil-futur dan ir-riskju ta’ żvelar sa tali punt li jistgħu jiġu mġiegħla jiċċensuraw lilhom infushom u li ma jibqgħux jippreżentaw opinjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’riskju tad-destinatarju tad-dokument inkwistjoni. F’dan il-każ, il-komunikazzjoni bejn id-dipartimenti fi ħdan il-Kummissjoni ma jibqax liberu u komplet kif għandha tkun sabiex tippermetti l-elaborazzjoni tad-deċiżjonijiet u tal-oġġezzjonijiet meħtieġa skont il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

98      L-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li tiddaħħal inkwistjoni din l-analiżi. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li tinvoka l-bżonn li jiġi protett l-ispazju għal riflessjoni li hija titlob b’mod ġenerali u astratt, iżda għamlet dan dokument b’dokument, b’mod individwali u konkret. B’hekk, ċerti dokumenti ġew żvelati parzjalment. Barra minn hekk, din l-analiżi ma tistax tiddaħħal inkwistjoni minħabba s-sempliċi fatt li l-proċedura inkwistjoni intemmet, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 japplika wkoll wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet u li l-Kummissjoni tispjega fit-tieni parti tad-deċiżjoni li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni tirriskja li tfixkel l-evalwazzjoni tagħha ta’ proġetti simili li jistgħu jseħħu bejn il-partijiet ikkonċernati jew fl-istess settur.

99      Fuq dan il-punt għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni telabora fuq dan ir-rigward, fit-tieni deċiżjoni, billi tirreferi kemm għall-kawżi li seħħew fl-istess settur jew bejn l-istess partijiet, kemm għall-kawżi li jirrigwardaw il-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Hija tirreferi b’mod speċifiku għall-kawża EMI vs Time Warner, li fil-konfront tagħha rrifjutat talba għall-aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tipproteġi d-deliberazzjonijiet tad-dipartimenti tagħha fil-kawża BMG vs Sony li kkonċernat l-istess settur ta’ attività.

100    Għandu jiġi kkunsidrat ukoll fil-kawża preżenti, li r-riskju ta’ dannu serju għall-proċess deċiżjonali fil-każ ta’ żvelar tad-dokumenti interni u preparatorji stabbiliti fl-okkażjoni tal-kawża Airtours vs First Choice, hija raġjonevolament prevedibbli u mhux purament ipotetika. Jidher ukoll ragjonevoli li jiġi ssoponut, kif tesponi l-Kummissjoni fit-tieni deċiżjoni, li tali dokumenti jistgħu jintużaw – peress li ma jirriferux neċessarjament għal pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni – biex jinfluwenzaw il-pożizzjoni tad-dipartimenti taghha, li ghandhom jibqgħu liberi u indipendenti minn kull pressjoni esterna, waqt l-eżami ta’ kawżi simili li jinteressaw l-istess setturi ta’ attività jew l-istess kunċetti ekonomiċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibbiltà li tħares il-konsultazzjonijiet u d-deliberazzjonijiet interni tad-dipartimenti tagħha, meta – bħal fil-kawża preżenti – huwa neċessarju sabiex tippreżerva l-kapaċità tagħha li twettaq il-missjonijiet tagħha fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet.

101    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-iżvelar tad-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq ma jdgħajjifx il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

 Fuq is-serjetà tad-dannu għall-proċess deċiżjonali kkawżat mill-iżvelar tar-rapport tal-uffiċjal tas-smigħ

–       L-argumenti tal-partijiet

102    Ir-rikorrenti ssostni li r-rapport tal-uffiċjal tas-smigħ ma jistax jibbenefika mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li, skont it-termini tal-mandat tiegħu, fid-data li fiha wettaq ir-rapport fl-1999, l-uffiċjal tas-smigħ kien parti tad-DĠ “Kompetizzjoni” u kien marbut mad-Direttur Ġeneral, li lilu kellu jagħti rendikont. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indipendenza tal-uffiċjali ta’ smigħ tkun kompletament protetta fil-kuntest tal-attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tagħhom u dawn m’għandhomx jibżgħu milli jaraw ir-rapporti tagħhom jiġu żvelati lill-pubbliku.

103    Il-Kummissjoni tirrileva li l-mandat tal-uffiċjal tas-smigħ mhuwiex rilevanti meta hija tieħu deċiżjoni fuq l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument li fih l-opinjoni tal-uffiċjal tas-smigħ f’kawża partikolari. Kif dan jagħti l-opinjoni tiegħu fuq il-bażi kif ukoll fuq l-aspetti proċedurali tal-kawża, ir-rapport tiegħu jagħmel parti mid-deliberazzjonijiet interni tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

104    Bħal fil-każ tad-dokumenti interni l-oħra maħruġa mid-dipartimenti differenti li intervjenew fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni Airtours (ara l-punt 94 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni għandha raġun meta tikkunsidra li l-iżvelar tar-rapport uffiċjal tas-smigħ idgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tagħha fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

105    Fil-fatt, jirriżulta mit-tieni deċiżjoni li l-Kummissjoni ma tinvokax biss is-sitwazzjoni fejn id-dokument inkwistjoni fih opinjoni intiża għal użu intern sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, iżda wkoll il-fatt li f’dan id-dokument, l-uffiċjal tas-smigħ jagħti l-opinjoni tiegħu fuq il-bażi u l-aspetti proċedurali tal-kawża Airtours vs First Choice (punt II.7 tat-tieni deċiżjoni).

106    Fit-tieni deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrileva wkoll, ġustament, li l-libertà ta’ opinjoni tal-uffiċjal tas-smigħ tiġi ppreġudikata jekk ikollha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li r-rapport tiegħu jiġi żvelat lill-pubbliku u li dan l-iżvelar jikkawża dannu serju għall-proċess deċiżjonali fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet, fil-każ fejn din ma tkunx tista’ tibbaża ruħha fil-futur fuq l-opinjonijiet indipendenti, ħielsa u kompleti tal-uffiċjali tas-smigħ (punt II.7 tat-tieni deċiżjoni).

107    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-iżvelar tar-rapport tal-uffiċjal tas-smigħ ma jdgħajjifx il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

 Fuq is-serjetà tad-dannu għall-proċess deċiżjonali kkawżat mill-iżvelar tan-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv

–       L-argumenti tal-partijiet

108    Ir-rikorrenti tafferma li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax japplika għan-nota indirizzata mid-DĠ “Kompetizzjoni” lill-kumitat konsultattiv, peress li dan il-kumitat huwa kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tat-tip li l-proċedura li jimplika mhijiex parti mid-deliberazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet preliminari “fl-istituzzjoni kkonċernata”.

109    Il-Kummissjoni ssostni li din il-konsultazzjoni hija stadju neċessarju għall-preparazzjoni tad-deċiżjoni finali u għaldaqstant għandha tiġi kkunsidrata bħala maħruġa minnha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

110    Bħad-dokumenti l-oħra maħruġa mid-dipartimenti differenti li intervjenew fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni Airtours (ara l-punt 94 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni għandha raġun li tikkunsidra li l-iżvelar tan-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv (dokument b’referenza 7.7) fil-każ preżenti jdgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tagħha fil-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

111    Fil-fatt, kif ġie indikat fit-tieni deċiżjoni, il-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv tagħmel parti wkoll tal-proċess deċiżjonali fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Anki jekk il-kumitat konsultattiv huwa kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri u li huwa minħabba dan distint mill-Kummissjoni, il-fatt li hija obbligata tibgħat lil dan il-kumitat konsultattiv xi dokumenti interni b’applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 4064/89 sabiex tkun tista’ tippronunċja ruħha fi proċedura li teħtieġ l-intervent tiegħu, jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-dokumenti inkwistjoni huma dokumenti interni tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

112    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-iżvelar tan-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzat lil kumitat konsultattiv ma jippreġudikax b’mod serju l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

 Fuq is-serjetà tad-dannu għall-proċess deċiżjonali minħabba l-iżvelar ta’ parti minn nota tal-inkartament relattiva għal żjara fis-sit ta’ First Choice

–       L-argumenti tal-partijiet

113    Ir-rikorrenti tikkontesta li din in-nota tista’ tikkostitwixxi “opinjonijiet għall-użu intern” fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont ir-rikorrenti, is-sottomissjonijiet ippreżentati minn First Choice huma simili għal osservazzjonijiet bil-miktub u ma teżisti l-ebda raġuni politika sabiex jiġi ostakolat l-aċċess għal dawn l-osservazzjonijiet.

114    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-partijiet tan-nota kkontestata li għalihom l-aċċess ġie rrifjutat fihom l-opinjonijiet personali tal-uffiċjal li ħareġ din in-nota.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

115    Bħad-dokumenti l-interni l-oħra maħruġa mid-dipartimenti differenti li intervjenew fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni Airtours (ara l-punt 94 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni għandha raġun li tikkunsidra li l-iżvelar ta’ parti minn nota tal-inkartament li jirrigwarda żjara fis-sit ta’ First Choice (dokument b’referenza 7.2) fil-kawża preżenti jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (punt II.8 tat-tieni deċiżjoni).

116    Fil-fatt, jirriżulta mit-tieni deċiżjoni li mhijiex l-unika sitwazzjoni fejn id-dokument inkwistjoni fih opinjoni intiża għall-użu intern li hija invokata mill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, iżda l-fatt li, għal ċerti partijiet, dan id-dokument jirrifletti l-impressjonijiet tal-uffiċjali tad-DĠ “Kompetizzjoni” waqt il-kors taż-żjara. Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li d-deliberazzjonijiet interni tad-DĠ “Kompetizzjoni” ikkonċernaw l-investigazzjoni u li l-iżvelar tiegħu kien jippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali tagħha.

117    Konsegwentement, l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-iżvelar lil ċerti partijiet tan-nota fl-inkartament li tirrigwarda żjara fis-sit ta’ First Choice ma jippreġudikax serjament il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri

118    F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti jekk jiġi pprovat, hemm lok li jsir riferiment għall-punti 38 u 60 sa 66 iktar ’il fuq, safejn ir-rikorrenti ssostni l-istess argumenti kontra l-ewwel deċiżjoni u t-tieni deċiżjoni.

119    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti interni koperti mill-eċċezzjoni rigward il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali.

 Fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċedimenti fil-qrati u tal-pariri legali

 L-argumenti tal-partijiet

120    Ir-rikorrenti ssostni li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tiġi applikata għan noti b’risposta għad-dipartiment legali.

121    Il-Kummissjoni tippreċiża li, anki jekk id-deċiżjoni Airtours ġiet annullata, il-kapaċità tagħha li tibbenefika mill-pariri tad-dipartimenti tagħha tkun kompromessa mill-iżvelar tad-dokumenti kkontestati, peress li l-kulleġġ tal-membri tagħha jista’ imur lil hinn minn dawn il-pariri u jieħu deċiżjoni differenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

122    It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiddisponi li l-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien tal-“proċedimenti fil-qrati u pariri legali”, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument previst.

123    It-termini “pariri legali” għandhom jinftehmu fis-sens li l-ħarsien tal-interess pubbliku jista’ jipprekludi l-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti maħruġa mid-dipartiment legali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedimenti fil-qrati iżda wkoll għall-finijiet l-oħra kollha.

124    Fil-kawża preżenti, jirriżulta mit-tieni deċiżjoni li mhijiex l-unika ċirkustanza li d-dokumenti inkwistjoni huma – wara eżami individwali – pariri legali li huma invokati mill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, iżda l-fatt li l-iżvelar tan-noti b’risposta għad-dipartiment legali jirriskja li tiġi żvelata lill-pubbliku xi informazzjoni fuq l-istat tad-diskussjonijiet interni bejn id-DĠ “Kompetizzjoni” u d-dipartiment legali fuq l-evalwazzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-proġett Airtours/First Choice mas-suq komuni, li bħal tali tirriskja li ddaħħal inkwistjoni d-deċiżjonijiet li jistgħu jseħħu bejn l-istess partijiet jew fl-istess settur (ara l-punti 22, 99 u 100 iktar ’il fuq).

125    Jekk jiġi aċċettat l-iżvelar tan-noti inkwistjoni, dan jista’ iwassal lid-dipartiment legali, biex juża kawtela u prudenza fil-formulazzjoni tal-pariri tiegħu, sabiex ma jaffettwax il-kapaċità ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fl-oqsma fejn hija tintervjeni f’natura amministrattiva.

126    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża preżenti, ir-riskju li jiddgħajjef il-ħarsien tal-pariri legali previst mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Fil-fatt, barra r-raġunijiet indikati fil-punt 124 iktar ’il fuq, l-iżvelar ta’ dawn il-pariri jirriskja li jqiegħed lill-Kummissjoni f’sitwazzjoni delikata fejn id-dipartimenti legali tagħha jistgħu jiġu obbligati jiddefendu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza pożizzjoni li mhijiex dik li sostna fl-intern fil-kuntest tar-rwol ta’ kunsillier tad-dipartimenti responsabbli tal-inkartament fi ħdan il-proċedura amministrattiva. Huwa evidenti li r-riskju li tirrużulta tali oppożizzjoni jista’ jaffettwa, b’mod kunsiderevoli, il-libertà ta’ opinjoni tad-dipartiment legali u l-possibbiltà tiegħu li jiddefendi b’mod effikaċji quddiem il-qorti Komunitarja, fuq livell ekwu mar-rappreżentanti legali l-oħra tal-partijiet fil-proċess ġudizzjarju, il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni u l-proċess deċiżjonali intern ta’ din tal-aħħar, li tiddeċiedi bħala kulleġġ, fir-rigward tal-missjoni partikolari fdata lilha, u li għandha jkollha l-libertà li tiddefendi pożizzjoni legali li hija differenti minn dik meħuda inizjalment mid-dipartiment legali tagħha.

127    Din l-analiżi ma tiddaħħalx inkwistjoni mill-fatt li d-deċiżjoni Airtours, li fil-konfront tagħha nkitbu xi noti b’risposta għad-dipartiment legali, ġiet annullata mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, l-eċċezzjoni inkwistjoni tipproteġi d-dokumenti ppreparati fi stadju preċedenti għal dak tad-deċiżjoni definittiva, u, bħala prinċipju, b’mod indipendenti miż-żamma jew annullament sussegwenti tagħha fil-kuntest ta’ kawża quddiem il-qrati Komunitarji.

128    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-iżvelar tan-noti b’risposta għad-dipartiment legali ma jdgħajjifx il-ħarsien tal-pariri legali.

129    F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jekk jiġi pprovat, għandu jsir riferiment għall-punti 38 u 60 iktar ’il fuq. Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li jeżisti interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti interni koperti mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali.

 Konklużjonijiet fuq it-tieni deċiżjoni

130    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni billi invokat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) jew it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 biex tirrifjuta fuq il-bażi ta’ eżami konkret u individwali l-iżvelar tad-dokumenti interni differenti jew tal-pariri legali li għalihom dawn l-eċċezzjonijiet ġew invokati. Konsegwentement, m’hemmx lok minħabba motivi ta’ ekonomija tal-proċedura li jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw it-tielet eċċezzjoni invokata fit-tieni deċiżjoni, flimkien mal-ewwel eċċezzjoni iktar ’il fuq, sabiex jiġi miċħud l-iżvelar ta’ wħud minn dawn id-dokumenti.

131    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud safejn jirrigwarda t-tieni deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

132    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar. Fil-kawża preżenti hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati parti minn għaxra mill-ispejjeż tar-rikorrenti u parti minn għaxra tal-ispejjeż tagħha. Ir-rikorrenti tbati disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha kif ukoll disa’ partijiet minn għaxra mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2005 [D(2005) 8461] hija annullata safejn aċċess għal dokument ta’ ħidma intitolat “Verbal tal-konversazzjoni ma’ membru tal-grupp tal-kawża fil-kawża M.1524, Airtours vs First Choice fuq il-kawża Airtours li saret fl-24 ta’ Ġunju 2002” ġie rrifjutat.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      MyTravel Group plc għandha tbati disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha kif ukoll disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati parti minn għaxra tal-ispejjeż tagħha kif ukoll parti minn għaxra tal-ispejjeż ta’ MyTravel Group.

Azizi

Cooke

Labucka

Cremona

 

      Frimodt Nielsen

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2008.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      J. Azizi

Werrej


Kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Dwar il-kawża Airtours vs First Choice wara s-sentenza Airtours

2.  Fuq it-talba għal aċċess għal dokumenti

Fuq ir-rapport u d-dokumenti ta’ ħidma (l-ewwel deċiżjoni)

Fuq id-dokumenti interni l-oħra (it-tieni deċiżjoni)

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq l-ewwel deċiżjoni dwar ir-rapport u d-dokumenti ta’ ħidma

Fuq l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Fuq is-serjetà tad-dannu fuq il-proċess deċiżjonali minħabba l-iżvelar tar-rapport

–  Fuq is-serjetà tad-dannu għall-proċess deċiżjonali minħabba l-iżvelar tad-dokumenti ta’ ħidma 4 sa 14 u 16 sa 19

–  Fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri

Fuq l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, investigazzjoni u ta’ verifika

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Konklużjonijiet fuq l-ewwel deċiżjoni

3.  Fuq it-tieni deċiżjoni dwar id-dokumenti interni l-oħra

Fuq l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali

Fuq is-serjetà tal-ħsara għall-proċess deċiżjonali minħabba l-iżvelar tal-proġetti ta’ testi, tan-noti lill-Kummissarju, tan-noti lid-dipartimenti l-oħra u tan-noti ta’ risposta ta’ servizzi l-oħra barra d-dipartiment legali

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq is-serjetà tad-dannu għall-proċess deċiżjonali kkawżat mill-iżvelar tar-rapport tal-uffiċjal tas-smigħ

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq is-serjetà tad-dannu għall-proċess deċiżjonali kkawżat mill-iżvelar tan-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq is-serjetà tad-dannu għall-proċess deċiżjonali minħabba l-iżvelar ta’ parti minn nota tal-inkartament relattiva għal żjara fis-sit ta’ First Choice

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri

Fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċedimenti fil-qrati u tal-pariri legali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Konklużjonijiet fuq it-tieni deċiżjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.