Language of document : ECLI:EU:T:2014:10

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Jannar 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva FOREVER – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti 4 EVER – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tas-sinjali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑528/11,

Aloe Vera of America, Inc., stabbilita f’Dallas, Texas (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn R. Niebel u F. Kerl, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Detimos  – Gestão Imobiliária, SA, stabbilita f’Carregado (il-Portugall), irrappreżentata minn V. Caires Soares, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tat-8 ta’ Awwissu 2011 (Każ R 742/2010-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Diviril – Distribuidora de Viveres do Ribatejo, Lda u Aloe Vera of America, Inc.,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2011,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2012,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2012,

wara l-bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti, Aloe Vera of America, Inc., ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 32 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Meraq tal-aloe vera, xarbiet tal-ġell tal-aloe vera u polpa tal-aloe vera; meraq tal-aloe vera mħallat ma’ meraq tal-frott; u ilma tan-nixxiegħa fil-fliexken”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 30/2007, tat-2 ta’ Lulju 2007.

5        Fit-28 ta’ Settembru 2007, Diviril – Distribuidora de Viveres do Ribatejo, Lda  (iktar ’il quddiem “Diviril”) ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni hija bbażata fuq it-trade mark Portugiża figurattiva preċedenti rriprodotta iktar ’il quddiem, ippreżentata fis-27 ta’ Jannar 1994, irreġistrata fil-11 ta’ April 1995, taħt in-numru 297697, u mġedda fid-9 ta’ Awwissu 2005, għal “Meraq, meraq tal-lumi lajm – esklużivament għall-esportazzjoni”, li jaqgħu taħt il-klassi 32 tal-Ftehim ta’ Nice:

Image not found

7        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjonijiet kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009] u fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Fid-19 ta’ Ottubru 2007, it-trade mark preċedenti ġiet ittrasferita lill-intervenjenti, Detimos – Gestão Imobiliária, SA, li ssostitwiet fid-dritt lil Diviril.

9        Fl-20 ta’ April 2009, ir-rikorrenti talbet li l-intervenjenti tipproduċi l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti.

10      Permezz ta’ ittra tat-19 ta’ Mejju 2009, l-UASI stieden l-intervenjenti tipproduċi l-imsemmija prova f’terminu ta’ xahrejn, jiġifieri mhux iktar tard mill-20 ta’ Lulju 2009.

11      B’risposta għal din l-ittra, l-intervenjenti ppreżentat, fit-12 ta’ Ġunju 2009, serje ta’ fatturi.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

13      Fit-30 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l‑appell. Fl-ewwel lok, huwa kkonstata li l-pubbliku rilevanti kien ikkostitwit mill-konsumatur medju Portugiż. Fit-tieni lok, huwa qies li l-intervenjenti kienet ipprovat b’mod suffiċjenti li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fil-Portugall matul il-perijodu rilevanti ta’ ħames snin. Fit-tielet lok, huwa qies li l-prodotti kkonċernati kienu parzjalment identiċi u parzjalment simili. Fir-raba’ lok, huwa qies li kien hemm livell baxx ta’ xebh viżiv bejn it-trade marks kunfliġġenti u li dawn tal-aħħar kienu identiċi fuq livell fonetiku għal parti mill-pubbliku rilevanti li għandu għarfien tal-Ingliż u kemmxejn simili għall-kumplament tal-pubbliku rilevanti. Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, huwa qies li t-trade marks kunfliġġenti kienu identiċi għal parti mill-pubbliku rilevanti li huwa familjari mal- Ingliż u newtrali għall-kumplament tal-pubbliku rilevanti. Fil-ħames lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali, b’mod partikolari wara li ġie nnotat li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv normali, huwa kkonkluda li kie hemm eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

16      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċeduri kollha.

 Fuq il-mertu

18      Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, u t-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009

19      Ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, il-fatturi ppreżentati mill-intervenjenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ma kinux biżżejjed sabiex jiġi pprovat l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009.

20      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell.

21      Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, min iressaq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, li tkun qed issirlha oppożizzjoni, jista’ jeżiġi l-prova li jkun sar użu ġenwin mit-trade mark nazzjonali preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni.

22      Barra minn hekk, skont ir-Regola 22(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat, il-prova tal-użu għandha jkollha indikazzjonijiet fuq il-post, il-ħin, il-limitu u n-natura tal-użu mit-trade mark preċedenti.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, kif ukoll mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009, li r-ratio legis tar-rekwiżit li jgħid li t-trade mark preċedenti għandha tkun intużat b’mod ġenwin sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tikkonsisti fil-limitazzjoni tal‑kunflitti bejn żewġ trade marks, sa fejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat‑trade mark fis‑suq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet la huma intiżi biex jevalwaw is‑suċċess kummerċjali, la biex jikkontrollaw l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas biex jirriżervaw il-protezzjoni tat-trade marks biss fejn ikun sar użu kummerċjali minnhom b’mod importanti mil-lat kwantitattiv [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, Ġabra p. II‑2811, punti 36 sa 38, u l-ġurisprudenza ċċitata].

24      Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija tkun ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm opportunità għal dawn il-prodotti u s-servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li jkollu l-uniku għan li jżomm id-drittijiet mogħtija li jirriżultaw mit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, Ġabra p. I‑2439, punt 43). Barra minn hekk, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin mit-trade mark jirrikjedi li din, hekk kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tiġi użata pubblikament u l-barra (sentenza VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, punt 39; ara wkoll f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

25      L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark (sentenza VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, punt 40; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Ansul, punt 24 iktar ’il fuq, punt 43).

26      Fir-rigward tal-importanza tal-użu li jkun sar mit-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul ta’ żmien li matulu jkunu twettqu atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra [sentenzi tal-Qorti Ġenerali VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, punt 41, u tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, Ġabra p. II‑2787, punt 35].

27      Sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi kkunsidrati (sentenzi VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, punt 42, u HIPOVITON, punt 26 iktar ’il fuq, punt 36). Għalhekk, volum żgħir ta’ prodotti kkumerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jistgħu jkunu kkumpensati minn intensità qawwija jew stabbiltà kbira fil-perijodu ta’ użu minn din it-trade mark u bil-maqlub (sentenzi VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, punt 42, u HIPOVITON, punt 26 iktar ’il fuq, punt 36).

28      Id-dħul mill-bejgħ miksub kif ukoll il-kwantità ta’ bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti ma jistgħux jiġu evalwati fl-assolut, iżda jridu jiġu evalwati fid-dawl ta’ fatturi rilevanti oħra, bħall-volum tal-attività kummerċjali, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il‑livell ta’ diversifikazzjoni tal-impriża li tuża’ t-trade mark kif ukoll il‑karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi fis-suq ikkonċernat. Minħabba dan, ma huwiex meħtieġ li l-użu mit-trade mark preċedenti jkun dejjem sinjifikattiv b’mod kwantitattiv sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin (sentenzi VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, punt 42, u HIPOVITON, punt 26 iktar ’il fuq, punt 36). Għaldaqstant, użu anki minimu jista’ jkun suffiċjenti sabiex jitqies li huwa ġenwin, bil-kundizzjoni li jkun meqjus li huwa ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq għall-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark. Konsegwentement, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat a priori, b’mod astratt, liema livell kwantitattiv għandu jitqies sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu kellux jew le natura ġenwina, b’tali mod li regola de minimis, li ma tippermettix lill-UASI jew, f’rikors, lill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha tat-tilwima sottomessa lilhom, ma tistax tiġi ffissata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, Ġabra p. I‑4237, punt 72).

29      Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs UASI – Harrison (HIWATT), T‑39/01, Ġabra p. II‑5233, punt 47, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Krafft (VITAKRAFT), T‑356/02, Ġabra p. II‑3445, punt 28].

30      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-punt a tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 42(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, nazzjonali jew Komunitarja, li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, tinkludi wkoll il-prova tal-użu mit-trade mark preċedenti f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark fil-forma li fiha tkun ġiet irreġistrata [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI – Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T‑29/04, Ġabra p. II‑5309, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata].

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell ikkonkludiex ġustament, fil-punti 18 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-intervenjenti kienet ipprova biżżejjed li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fil-Portugall matul il-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, li mar, f’dan il-każ mit-2 ta’ Lulju 2002 sal-1 ta’ Lulju 2007 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”).

32      Quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, b’risposta għall-ittra tal-UASI tad-19 ta’ Mejju 2009 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), l-intervenjenti ppreżentat 27 fattura maħruġa minn Diviril Comercio – Comercialização de produtos alimentares, Lda, kumpannija Portugiża marbuta ma’ Diviril.

33      Għandu jiġi kkonstatat li, fost dawn is-27 fattura, 12 minnhom jirrigwardaw il-perijodu rilevanti u juru li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu bejn it-30 ta’ Marzu 2005 u t-8 ta’ Ġunju 2007, jiġifieri matul perijodu ta’ madwar 26 xahar (iktar ’il quddiem it-“12-il fattura”).

34      Il-prodotti koperti mit-12-il fattura huma b’mod partikolari msemmija “4Ever Lima Limão”, “4Ever Laranja” jew “4Ever Ananás” u huma mibjugħa fi fliexken ta’ litru u nofs, li jwassal għall-konklużjoni li dan jirrigwarda meraq tal-frott, jiġifieri prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni kienet ibbażata. Dawn il-fatturi jirreferu wkoll għall-bejgħ, fi fliexken ta’ litru u nofs, tax-xarbiet imsejħa “4Ever Gasosa” u “4Ever Cola”.

35      Ċertament, hekk kif tirrileva ġustament ir-rikorrenti, fuq it-12-il fattura, l-element “4ever” huwa miktub fi kliem sempliċi u għalhekk ma jirriproduċix t-trade mark preċedenti. Madankollu, id-differenzi meta mqabbla ma’ din it-trade mark huma żgħar ħafna, billi l-aspett figurattiv tagħha huwa pjuttost banali sal-punt fejn in-numru 4 u l-kelma “ever” jidhru f’karattri pjuttost ordinarji, ħlief għall-ittra “r”, li hija leġġerment stilizzata, u li ma fiha l-ebda kulur, l-ebda logo, u l-ebda element grafiku qawwi. Hekk kif ukoll huwa wkoll ġustament ikkonstatat fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, id-differenzi msemmija iktar ’il fuq, għalhekk, bl-ebda mod ma jbiddlu l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti hekk kif ġiet irreġistrata u ma jaffettwax il-funzjoni ta’ identifikazzjoni ssodisfatta minnha. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma jistax jiġi kkontestat lill-intervenjenti li ma pproduċietx prova supplimentari li fihom ir-“rappreżentazzjoni eżatta” tat-trade mark preċedenti.

36      Jirriżulta wkoll mit-12-il fattura, li huma redatti bil-Portugiż, li l-provvista ta’ fliexken ta’ meraq tal-frott kienu ddestinati għal 7 klijenti, f’postijiet differenti fil-Portugall. Huwa inkontestabbli li dawn il-prodotti kienu maħsuba għas-suq Portugiż, li huwa s-suq rilevanti.

37      Barra minn hekk, dawn il-fatturi jistabbilixxu li l-valur tal-meraq tal-frott fis-suq taħt it-trade mark preċedenti, bejn it-30 ta’ Marzu 2005 u t-8 ta’ Ġunju 2007, intiżi għall-klijenti fil-Portugall, jammontaw għal total ta’ EUR 2 604, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, li jikkorrispondu għall-bejgħ ta’ 4 968 flixkun. Bl-inklużjoni tax-xarbiet imsejħa “4Ever Gasosa” u “4Ever Cola”, in-numru ta’ fliexken mibjugħa jitla’ għal 8 628 u d-dħul mill-bejgħ, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, għal EUR 3 856.

38      Hekk kif ġustament isostni l-UASI fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li dawn iċ-ċifri huma relattivament baxxi, il-fatturi ppreżentati jippermettu li jiġi konkluż li l-prodotti msemmija minnhom kienu kkumerċjalizzati b’mod relattivament kostanti matul perijodu ta’ iktar minn 26 xahar bejn wieħed u ieħor, perijodu li la huwa partikolarment qasir u lanqas partikolarment viċin tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ppreżentata mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, punt 48).

39      Il-bejgħ magħmul jikkostitwixxi atti ta’ użu oġġettivament xierqa sabiex joħolqu jew iżommu opportunità għall-prodotti inkwistjoni li l-volum kummerċjali tagħhom, fid-dawl tat-tul u tal-frekwenza tal-użu, ma huwiex daqshekk baxx li jwassal għall-konklużjoni li huwa użu purament simboliku, minimu jew fittizju bl-iskop waħdieni li tinżamm il-protezzjoni tad-dritt għat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, punt 49). F’dan ir-rigward, b’mod partikolari għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-territorju tal-Portugall għandu daqs u popolazzjoni relattivament żgħar.

40      L-istess jista’ jingħad għall-fatt li t-12-il fattura kienu indirizzati lil 7 klijenti biss. Fil-fatt, huwa biżżejjed li l-użu mit-trade mark isir pubblikament u l-barra u mhux biss ġewwa l-impriża proprjetarja tat-trade mark preċedenti jew f’netwerk ta’ distribuzzjoni li jkun ta’ jew ikkontrollat minn din tal-aħħar (sentenza VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, punt 50).

41      Għalhekk, għalkemm l-importanza tal-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti huwa relattivament limitat, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonkluda, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-provi prodotti mill-intervenjenti kienu biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat użu ġenwin.

42      Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu fuq “sempliċi suppożizzjonijiet u probabbiltajiet” biex jilħaq din il-konklużjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell ibbażaw ruħhom fuq it-12-il fattura u fuq kunsiderazzjonijiet li jikkonformaw bis-sħiħ mal-ġurisprudenza, b’mod partikolari s-sentenza VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, ikkonfermata mis-sentenza Sunrider vs UASI, punt 28 iktar ’il fuq. Fis-sentenza VITAFRUIT, punt 23 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kunsinna, kif evidenzjat permezz ta’ madwar 12-il fattura, lil klijent wieħed biss fi Spanja, ta’ 3 516-il flixkun ta’ meraq konċentrat tal-frott, ekwivalenti għal dħul mill-bejgħ ta’ madwar EUR 4 800, matul perijodu ta’ 11-il xahar u nofs, jikkostitwixxi użu ġenwin mit-trade mark preċedenti kkonċernat.

43      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq l-argument li fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li “ma [kienx] permess li wieħed jassumi li l-fatturi pprovduti [kienu] l-fatturi tal-bejgħ kollha stabbiliti matul il-perijodu rilevanti ta’ ħames snin” u li “[f]il-każ ta’ prova tal-użu li jikkonsisti f’fatturi, min jopponi ġeneralment jipproduċi biss kampjuni tal-fatturi maħruġa”. Hekk kif l-UASI ġustament iqis, dawn huma biss kunsiderazzjonijiet ta’ sens komuni, peress li ma jistax jintalab mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li jipprovdi prova ta’ kull tranżazzjoni effettwata taħt dik it-trade mark matul il-perijodu rilevanti ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Dak li huwa ta’ importanza, jekk jiġu invokati fatturi bħala prova, huwa li jippreżentaw eżempji f’ammont li jippermetti li jeskludi kwalunkwe possibbiltà ta’ użu purament simboliku ta’ din it-trade mark u konsegwentement li huwa biżżejjed sabiex jiġi pprovat użu ġenwin. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li f’din il-kawża, fl-osservazzjonijiet tagħha magħmula lill-Bord tal-Appell fis-17 ta’ Marzu 2011, l-intervenjenti espressament indikat li t-12-il fattura jikkostitwixxu kampjuni.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

45      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell ma kellux dritt jieħu inkunsiderazzjoni l-pronunzja tat-trade marks kunfliġġenti mill-konsumaturi anglofoni għall-finijiet tal-paragun fonetiku u li ma identifikax korrettament id-differenzi kunċettwali u viżivi bejn dawn it-trade marks. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni f’din il-kawża.

46      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ meta, għal raġuni ta’ identità jew xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

47      Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jirriżultaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha f’din il-kawża, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi ddeżinjati [ara sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 à 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

49      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra p. II‑43, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

50      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell qies ġustament li ma teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Fuq il-pubbliku rilevanti u fuq il-livell tiegħu ta’attenzjoni

51      Ġustament, fil-punti 17 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, rispettivament, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-pubbliku rilevanti kien kompost minn konsumatur Portugiż medju u li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku kien medju. Ir-rikorrenti wkoll taqbel espressament ma’ dawn il-konstatazzjonijiet fl-osservazzjonijiet tagħha.

 Fuq il-paragun tal-prodotti

52      Fil-punti 26 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata, u mingħajr ma ġie kkontradett mir-rikorrenti, li l-prodotti kkonċernati kienu parzjalment identiċi u parzjalment simili.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

53      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il‑perċezzjoni tat-trade marks, li l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandu, tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din il‑probabbiltà. F’dan ir‑rigward, il‑konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità u ma jagħmilx eżami tad-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI VS Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t‑trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata b’mod sħiħ, li ma jeskludix li l-impressjoni sħiħa prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, punt 53 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il‑bażi biss tal-element dominanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, punt 53 iktar ’il fuq, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġini ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

–       Fuq il-paragun viżiv

55      Il-Bord tal-Appell ikkonstata fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm livell baxx ta’ xebh viżiv bejn it-trade marks kunfliġġenti.

56      Ir-rikorrenti ssostni li t-trade marks kunfliġġenti ma jurux xi xebh fuq livell viżiv. Fil-fatt, l-ewwel nett, hemm biss livell baxx ta’ xebh viżiv bejn it-trade mark preċedenti u l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. It-tieni nett, l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa partikolari u oriġinali. It-tielet nett, il-karattru distintiv ta’ dan l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jirrappreżenta għasfur tal-priża, huwa wkoll ogħla mill-element verbali tal-istess trade mark, b’tali mod li dan l-aħħar element ma jistax jitqies li huwa dominanti.

57      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

58      Għandu jiġi kkonstatat li t-trade marks kunfliġġenti għandhom komuni l-ittri “e”, “v”, “e” u “r” li jidhru f’din l-ordni, li jikkostitwixxu kważi t-trade mark preċedenti kollha u t-tieni parti mill-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għalhekk hemm elementi ta’ xebh fuq livell viżiv bejn dawn it-trade marks, kif fil-fatt tirrikonoxxi espressament ir-rikorrenti.

59      It-trade mark kunfliġġenti huma differenti minħabba fil-font użat biex jirrappreżentaw l-element verbali rispettivi tagħhom, il-forma leġġerment stilizzata tal-ittra “r” fit-trade mark preċedenti, il-preżenza tan-numru “4” fil-bidu tat-trade mark preċedenti, ir-rappreżentazzjoni ta’ għasfur tal-priża fil-parti ta’ fuq tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-preżenza fil-bidu tal-element verbali ta’ din l-aħħar trade mark, tal-ittri “f”, “o” u “r”, li hekk jifformaw flimkien mal-ittri l-oħra tal-element verbali l-kelma “forever” (għal dejjem).

60      Dawn id-differenzi, jekk ma jkunux b’mod ċar aċċessorji, madankollu ma humiex ta’ importanza tali li jneħħu totalment ix-xebh viżiv baxx bejn it-trade marks kunfliġġenti li jirriżultaw mill-elementi msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq.

61      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (ara l-punt 56 iktar ’il fuq). Fil-fatt, minn naħa, hekk kif ġustament sostnut mill-intervenjenti, dan l-element figurattiv, jiġifieri r-rappreżentazzjoni relattivament banali ta’ għasfur tal-priża, ma huwiex daqshekk oriġinali u qawwi kif issuġġerit mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ trade mark komposta minn elementi kemm verbali kif ukoll figurattivi, l-elementi verbali għandhom ġeneralment jitqiesu li huma iktar distintivi mill-elementi figurattivi jew li huma dominanti, għalhekk, b’mod partikolari, li l-pubbliku rilevanti ser iżomm f’moħħu l-element verbali sabiex jidentifika t-trade mark kkonċernata, billi l-elementi figurattivi huma pjuttost ipperċepiti bħala elementi dekorattivi [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 2011, Hrbek vs UASI – Outdoor Group (ALPINE PRO SPORTSWEAR & EQUIPMENT), T‑434/10, punti 55 u 56; tal-31 ta’ Jannar 2012, Cervecería Modelo vs UASI – Plataforma Continental (LA VICTORIA DE MEXICO), T‑205/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 46, u tat-2 ta’ Frar 2012, Almunia Textil vs UASI – FIBA-Europe (EuroBasket), T‑596/10, punt 36].

62      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u minħabba l-fatt li l-konsumatur medju għandu, bħala regola ġenerali, jafda fl-immaġni imperfetta tat-trade marks li huwa jiftakar fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26), hemm lok li tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ livell baxx ta’ xebh viżiv bejn it-trade marks kunfliġġenti.

–       Fuq il-paragun fonetiku

63      Fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika s-segwenti:

“Parti mill-pubbliku, li jkollu xi għarfien tal-Ingliż, jippronunzja ż-żewġ trade marks bl-istess mod. Hija biss il-parti mill-pubbliku Portugiż li ma huwiex familjari mal-Ingliż li ser jippronunzja ż-żewġ trade marks b’mod differenti, jiġifieri CU/A/TRO/E/VER u FO/RE/VER. Fl-ewwel każ, it-trade marks huma fonetikament identiċi; fit-tieni każ, huma biss simili fuq livell medju.”

64      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-analiżi, billi ssostni li jekk oppożizzjoni hija bbażata biss fuq trade mark nazzjonali, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tar-regoli lingwistiċi u ta’ pronunzja tal-lingwa tal-pubbliku kkonċernat, jiġifieri dak tal-Istat Membru fejn it-trade mark hija protetta. Hija tqis li, f’din il-kawża, huwa biss il-fehim tat-trade marks mill-konsumaturi li jitkellmu l-Portugiż li jistgħu għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni. Hija tinnota li ma huwiex għal kollox ċert li l-konsumatur medju Portugiż jirrikonoxxi l-kombinazzjoni tat-numru 4 u tal-kelma “ever” bħala li ġej mill-Ingliż pjuttost milli bħala element fantażjuż. F’kull każ, dan il-konsumatur mhux bilfors jippronunzja t-trade mark preċedenti skont ir-regoli Ingliżi ta’ pronunzja. Barra minn hekk, hija xorta għandha tistabbilixxi li parti mill-maġġoranza tal-pubbliku rilevanti jkun jista’ jippronunzja l-kelma inkwistjoni bl-aċċent korrett. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll li t-trade marks kunfliġġenti huma “simili fuq livell medju” għall-parti mill-pubbliku rilevanti li ma huwiex familjari mal-Ingliż u li jippronunzja, għalhekk, it-trade mark preċedenti “quatroever”.

65      L-UASI u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti.

66      Għandu jiġi nnotat li filwaqt li huwa eżatt li l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata, f’dan il-każ it-territorju Portugiż, xorta jibqa’ l-fatt li fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju l-karatteristiċi u l-għarfien partikolari ta’ dan il-pubbliku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

67      F’dan ir-rigward, f’dan il-każ partikolari, hekk kif l-intervenjenti ġustament issostni, jista’ b’mod partikolari jiġi kkunsidrat li l-konsumatur medju Portugiż ser jifhem biss t-trade marks miktuba bil-Portugiż jew awtomatikament jassumi li t-trade marks li jikkonsistu f’numri u kliem bl-Ingliż għandhom jinftehmu u jiġu ppronunzjati bil-Portugiż,

68      B’mod iktar ġenerali, huwa żbaljat li jiġi sostnut, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-“Ingliż ġeneralment la huwa mitkellem u lanqas mifhum mill-konsumaturi Portugiżi”. Fil-fatt, għalkemm fi gradi differenti, l-għarfien ta’ din il-lingwa hija relattivament mifruxa fil-Portugall. Jekk ma jistax jiġi allegat li, fil-maġġoranza tiegħu, il-pubbliku Portugiż jitkellem sewwa bl-Ingliż, madankollu, jista’ raġonevolment jassumi li parti importanti minn dan il-pubbliku għandu mill-inqas għarfien bażiku ta’ din il-lingwa li jippermettilu jifhem u jippronunzja kliem Ingliżi li huma wkoll bażiċi u komuni bħal “forever” jew li jippronunzja n-numri li huma iżgħar minn għaxra bl-Ingliż [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2009, X‑Technology R & D Swiss vs UASI – Ipko-Amcor (First-On-Skin), T‑273/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37; tal-5 ta’ Ottubru 2011, La Sonrisa de Carmen u Bloom Clothes vs UASI – Heldmann (BLOOMCLOTHES), T‑118/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38, u tas-6 ta’ Ġunju 2013, Celtipharm vs UASI – Alliance Healthcare Franza (PHARMASTREET), T‑411/12, punt 34].

69      Barra minn hekk, jista’ wkoll jiġi raġonevolment preżunt, b’mod partikolari fid-dawl tal-użu ferm mifrux tal-lingwaġġ hekk imsejjaħ “lingwaġġ tal-SMS” li matul l-iskambji li jsiru fuq l-internet permezz ta’ messaġġi istantanji jew tal-posta elettronika, fuq il-forums tal-internet u fuq il-blogs, jew fil-logħob ta’ fuq in-netwerks, li n-numru 4, meta assoċjat ma’ kelma Ingliża, ġeneralment jinqara huwa stess bl-Ingliż u jinftiehem bħala li jirreferi għall-prepożizzjoni Ingliża “for” (għal) [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 2009, NHL Enterprises vs UASI – Glory & Pompea (LA KINGS), T‑414/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 31]. Hekk kif ġustament tirrileva l-intervenjenti, trade mark Portugiża li tinkludi numru tista normalment tinqara bil-Portugiż biss meta dan in-numru jinsab ma’ kelma Portugiża jew iktar, hekk kif inhu l-każ, tat-trade mark Portugiża Companhia das 4 Patas. Madankollu, il-kelma “ever” tat-trade mark preċedenti ma hijiex parti mill-vokabularju Portugiż.

70      Minn dan jirriżulta li huwa korrett li l-Bord tal-Appell qies li l-parti mill-pubbliku rilevanti li għandu ċertu għarfien tal-Ingliż, għarfien li għar-raġunijiet esposti fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq ma għandux neċessarjament ikun vast, jaqra u jippronunzja t-trade mark preċedenti bl-istess mod li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li din tal-aħħar tuża’ l-kelma Ingliża “forever” (għal dejjem).

71      Huwa possibbli li l-kelma “forever” ma tkunx ippronunzjata mill-parti mill-pubbliku rilevanti msemmi iktar ’il fuq eżattament bl-istess mod mill-persuni li l-lingwa materna tagħhom hija l-Ingliż. Madankollu, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka tali argument, peress li ma jistax jitqies li din il-kelma teżiġi għarfien tajjeb tal-Ingliż jew ħila partikolari biex jiġi ppronunzjat b’mod intelliġibbli.

72      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li minħabba l-fatt li t-trade marks kunfliġġenti għandhom l-istess tmiem “over”, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies li dawn it-trade marks kienu kemmxejn simili fuq livell fonetiku għall-parti mill-pubbliku rilevanti li ma kellu l-ebda għarfien tal-Ingliż.

–       Fuq il-paragun kunċettwali

73      Fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika s-segwenti:

“[…] il-paragun kunċettwali jiddependi mill-parti mill-pubbliku kkunsidrat: il-parti mill-pubbliku familjari mal-Ingliż jipperċepixxi l-idea ta’ “bla tmiem, etern” fiż-żewġ trade marks (li għalhekk huma kunċettwalment identiċi) filwaqt li l-parti mhux familjari mal-Ingliż mhux ser jassoċja t-trade marks fuq livell kunċettwali.”

74      Ir-rikorrenti ssostni li l-konsumatur medju Portugiż ma jsib l-ebda xebh kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti. Fil-fatt, l-ewwel lok, għall-konsumaturi Portugiżi li ma jitkellmux bl-Ingliż, l-ebda waħda minn dawn it-trade marks ma għandha tifsira. It-tieni lok, anki l-konsumaturi Portugiżi li għandhom għarfien biżżejjed tal-Ingliż jikkunsidraw it-trade marks kunfliġġenti bħala kompletament differenti, peress li dawn ma jaraw l-ebda rabta bejn il-kelma “forever” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u n-numru 4. It-tielet lok, għandu jitfakkar li l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jirrappreżenta għasfur tal-priża, minħabba d-daqs tiegħu u tal-messaġġ ovvju li jwassal, jagħmel parti mit-tifsira kunċettwali ta’ din it-trade mark u ma għandu l-ebda ekwivalenti fit-trade mark preċedenti.

75      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

76      L-ewwel nett, fir-rigward tal-parti mill-pubbliku rilevanti li ma għandu l-ebda għarfien tal-Ingliż, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li r-rikorrenti taqbel mal-argument tal-Bord tal-Appell, li barra minn hekk huwa fondat, li jgħid li t-trade marks kunfliġġenti huma newtrali fuq livell kunċettwali.

77      Sussegwentement, fir-rigward tal-parti mill-pubbliku rilevanti li għandu għarfien suffiċjenti tal-Ingliż, dan jipperċepixxi b’mod ċar ir-rabta bejn, minn naħa, il-kelma Ingliża “forever” (għal dejjem) u, min-naħa l-oħra, il-kombinazzjoni tan-numru 4 li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq, jista’ jassoċja mal-prepożizzjoni Ingliża “for” (għal), flimkien mal-kelma Ingliża “ever” (dejjem), li flimkien jirreferu għall-istess kelma “forever”.

78      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata permezz tal-argument tar-rikorrenti dwar ir-rappreżentazzjoni ta’ għasfur tal-priża li jinsab fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, hekk kif sostna ġustament l-UASI, din ir-rappreżentazzjoni ma tintroduċi l-ebda kunċett partikolarment konkret jew qawwi, u lanqas komplut, li jagħmilha iktar evidenti jew li jibdel it-tifsira tal-kelma Ingliża “forever”.

79      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball fl-evalwazzjoni ta’ xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

80      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax‑xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is‑servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra p. II‑5409, punt 74].

81      Fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li l-Bord tal-Appell osserva li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv normali, fakkar il-konklużjonijiet milħuqa minnu fir-rigward tal-paragun tat-trade marks kunfliġġenti (ara l-punti 55, 63 u 73 iktar ’il fuq), indika li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti kien medju, u fakkar li l-prodotti kkonċernati kienu parzjalment identiċi u parzjalment simili, qies li, meta jiġu evalwati globalment, dawn it-trade marks kienu jippreżentaw probabbiltà ta’ konfużjoni.

82      Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni billi tirreferi għall-allegati differenzi li hija kkonstatat bejn it-trade marks kunfliġġenti.

83      L-UASI u l-intervenjenti jaqblu mal-analiżi tal-Bord tal-Appell.

84      Għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell qies ġustament li l-prodotti kkonċernati kienu parzjalment identiċi u parzjalment simili, li kien hemm livell baxx ta’ xebh viżiv bejn it-trade marks kunfliġġenti, li fuq livell fonetiku, dawn it-trade marks kienu identiċi għal parti mill-pubbliku rilevanti li għandu ċertu għarfien tal-Ingliż u kemmxejn simili għall-parti tal-pubbliku rilevanti li ma kellux tali għarfien, u li, fuq livell kunċettwali, dawn it-trade marks kienu identiċi għall-parti mill-pubbliku rilevanti li għandu ċertu għarfien tal-Ingliż u newtrali għall-parti mill-pubbliku rilevanti li ma kellux tali għarfien. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dan il-fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv normali, fil-livell ta’ attenzjoni medju tal-pubbliku rilevanti u fin-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet dwar ix-xebh tal-prodotti u tas-servizzi u x-xebh tat-trade marks, għandu jiġi kkunsidrat, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li ma teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

85      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġu miċħud, kif ukoll għandu jiġu miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

87      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

88      Barra minn hekk, l-intervenjenti talbet il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċeduri quddiem l-UASI.

89      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, “[l]-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell […] għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru”. Minn dan jirriżulta li l-ispejjeż sostnuti skont il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni (trade marks) quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 2006, Devinlec vs UASI – TIME ART (QUANTUM), T‑147/03, Ġabra p. II‑11, punt 115, u tas-16 ta’ Jannar 2008, Inter-Ikea vs UASI – Waibel (idea), T‑112/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 88].

90      Għalhekk, it-talbiet tal-intervenjenti intiżi sabiex ikun hemm il-kundanna tar-rikorrenti għall-ħlas tal-ispejjeż sostnuti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għandhom jiġu miċħuda.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikorrenti tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha u għall-ispejjeż tal-UASI, għal dawk tal-intervenjenti, minbarra l-ispejjeż sostnuti minn din tal-aħħar waqt il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Aloe Vera of America, Inc., hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minn Detimos – Gestão Imobiliária, SA, waqt il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Jannar 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.