Language of document : ECLI:EU:T:2011:4

Kawża T-411/09

Ioannis Terezakis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Sostituzzjoni tal-att ikkontestat fil-mori tal-kawża — Rifjut li jinbidlu t-talbiet — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Sommarju tad-digriet

Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Deċiżjoni li fil-mori tal-kawża tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata — Rifjut tar-rikorrent li jemenda konsegwentement it-talbiet tiegħu — Rikors li ma għadx għandu skop — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Artikolu 230 KE)

Jekk, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, l-iskop tar-rikors jintemm fil-mori tal-kawża, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi dwar il-mertu għaliex it-tali deċiżjoni min-naħa tagħha ma tista’ tagħti lir-rikorrent l-ebda benefiċċju. It-tmiem tal-iskop ta’ kawża jista’ jirriżulta b’mod partikolari miċ-ċessjoni jew mis-sostituzzjoni tal-att ikkontestat fil-mori tal-kawża.

Jekk l-effett legali ta’ att imħassar jiskadi, salv dispożizzjonijiet bil-kontra, fid-data tat-tħassir tiegħu, att li jkun ġie rtirat u ssostitwit jintemm minnufih mis-sistema legali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, iċ-ċessjoni ta’ att normalment għandha effett ex tunc.

Rikors għal annullament jista’, eċċezzjonalment, iżomm l-iskop tiegħu, minkejja ċ-ċessjoni tal-att li għalih intalab l-annullament, meta r-rikorrent iżomm tal-inqas interess biżżejjed li jikseb sentenza li tannulla dan l-att b’mod formali. Dan ma huwiex il-każ meta, minkejja li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ġdida li fil-mori tal-kawża tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent jindika b’mod espliċitu li ma jridx ibiddel it-talbiet tiegħu, fatt li jista’ legalment jagħmel, u ma jressaq l-ebda element li jiġġustifika interess biex jikseb sentenza li tikkonstata l-illegalità formali tal-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punti 14-18, 20)