Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Ottubru 2009 - Ioannis Terezakis vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-411/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ioannis Terezakis (rappreżentant: B. Lombart, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta' Awwissu 2009, fil-forma ta' ittra riċevuta mir-rikorrent fl-10 ta' Awwissu 2009, li tirrifjuta l-aċċess għal ċertu partijiet kif ukoll għall-annessi ta' ċertu ittri bejn l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi Elleniku fir-rigward tal-irregolaritajiet fiskali marbutin mal-bini tal-ajruport ta' Spata, f'Ateni, il-Greċja,

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta' Awwissu 2009, innotifikata lilu fl-10 ta' Awwissu 2009, li tirrifjutalu l-aċċess għal ċertu partijiet kif ukoll għall-annessi ta' ċertu ittri bejn l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi Elleniku fir-rigward tal-irregolaritajiet fiskali marbutin mal-bini tal-ajruport internazzjonali ta' Ateni, fi Spata, abbażi tas-segwenti motivi.

Ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata kienet is-suġġett ta' żball manifest ta' liġi u ta' żball ta' evalwazzjoni tal-fatti sa fejn il-Kummissjoni interpretat u applikat inġustament l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament KE Nru 1049/2001 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni invokat sempliċiment b'mod astratt l-eċċezzjoni għad-dritt ta' aċċess lill-pubbliku marbuta man-neċessità li tipproteġi s-sigrieti kummerċjali, sabiex tirrifjuta li tiżvela ċertu partijiet tad-dokumenti inkwistjoni, mingħajr ma tagħti raġunijiet preċiżi relatati mar-riskju li dan jista' effettivament jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

Ir-rikorrent isostni wkoll illi l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 1 tar-regolament iċċitat iktar 'il fuq u l-prinċipju ta' aċċess mill-aktar wiesgħa possibbli għad-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 1(a) ta' dan it-test, kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji.

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni illi l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' liġi billi ma tatx il-motivi li fuqhom ibbażat id-deċiżjoni tagħha. Huwa jsostni illi l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE billi rreferiet sempliċiment għall-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 KE, sabiex tirrifjuta l-aċċess mitlub.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni illi l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat illi l-annessi tal-ittri li għalihom ir-rikorrent talab aċċess kienu diġà fil-pussess tiegħu, billi mxiet fuq l-interpretazzjoni żbaljata li d-dokumenti mitluba kienu identiċi għal dawk li r-rikorrent kellu digà. Għaldaqstant, ir-rikorrent isostni illi d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta' liġi sa fejn il-Kummissjoni ma applikatx id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 KE, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p.43)