Language of document : ECLI:EU:T:2011:4

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Jannar 2011(*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Sostituzzjoni tal-att ikkontestat fil-mori tal-kawża – Rifjut li jinbidlu t-talbiet – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑411/09,

Ioannis Terezakis, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat inizjalment minn B. Lombart, sussegwentement minn P. Synoikis, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u C. ten Dam, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Awwissu 2009 li rrifjutat lir-rikorrent l-aċċess għal ċerti partijiet kif ukoll għall-annessi ta’ ċerti ittri skambjati bejn l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzji Elleniku dwar l-irregolaritajiet fiskali marbuta mal-kostruzzjoni tal-ajruport ta’ Spata, f’Ateni (il-Greċja),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Moavero Milanesi, President, N. Wahl (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

1        Permezz tal-posta elettronika tal-24 ta’ April 2009, ir-rikorrent, I. Terezakis, talab, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għall-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-awtoritajiet Elleniċi li tirrigwarda l-eventwali irregolaritajiet fiskali dwar il-kostruzzjoni tal-ajruport ta’ Spata, f’Ateni (il-Greċja).

2        Permezz tal-posta elettronika tat-8 ta’ Ġunju 2009, id-direttur tad-Direttorat C “Għajnuna operazzjonali u politika” tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) awtorizza l-aċċess parzjali għall-ħames dokumenti li r-rikorrent kien talab l-aċċess tagħhom. Id-dokumenti msemmija kienu:

–        ittra tal-OLAF indirizzata lill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Grieg, tal-15 ta’ Ottubru 2004 ;

–        ittra tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Grieg indirizzata lill-OLAF, tal-20 ta’ Ottubru 2006 ;

–        ittra tal-OLAF indirizzata lill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Grieg, tat-22 ta’ Diċembru 2006 ;

–        ittra tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Grieg indirizzata lill-OLAF, tal-31 ta’ Jannar 2007 ;

–        ittra tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Grieg indirizzata lill-OLAF, tas-27 ta’ Lulju 2007.

3        Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Ġunju 2009 indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, ir-rikorrent ressaq talba konfermattiva intiża sabiex il-Kummissjoni tirrevedi r-risposta tagħha u tawtorizzalu l-aċċess sħiħ għad-dokumenti msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, inkluż l-aċċess għall-annessi tagħhom, kif ukoll għall-posta elettronika tat-18 ta’ Lulju 2007 mibgħuta mill-OLAF lill-awtoritajiet Griegi.

4        Permezz tal-ittra tat-3 ta’ Awwissu 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), id-direttur ġenerali tal-OLAF ikkonferma r-rifjut sostnut fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2009. Insostenn ta’ din il-konferma, huwa jirreferi għad-derogi stabbiliti bl-Artikolu 4(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fir-rigward tat-talba tar-rikorrent għall-aċċess tal-posta elettronika tat-18 ta’ Lulju 2007, huwa jsostni li, l-ewwel nett, l-imsemmija posta elettronika ma kinitx imsemmija fit-talba inizjali u, it-tieni nett, din il-posta elettronika ma kinitx ġiet irreġistrata fil-fajl tal-OLAF għaliex kienet tfakkira informali.

5        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrent ppreżenta dan ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

6        Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali li tikkonstata li r-rikors, wara d-deċiżjoni tagħha tal-istess jum li tirtira u tbiddel id-deċiżjoni kkontestata, ma kienx għad għandu skop.

7        Fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ingħata aċċess iktar wiesa’ għad-dokumenti inizjalment mitluba mill-aċċess mogħti fid-deċiżjoni kkontestata.

8        Fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrent oppona l-imsemmija talba. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2010 ma eliminatx l-iskop kollu tar-rikors tiegħu għaliex il-Kummissjoni għadha ma awtorizzatlux l-aċċess għal ċerti dokumenti msemmija fit-talba tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2009, li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata.

9        Permezz tad-digriet tat-28 ta’ April 2010, il-Qorti Ġenerali hemżet mal-mertu t-talba mressqa mill-Kummissjoni intiża sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat li ma għadx għandu skop u li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

10      Fir-replika, ir-rikorrent enfasizza li huwa ma ppreżentax rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2010, u jitlob lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata u li ma tikkunsidrax id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2010. Sussidjarjament, ir-rikorrent isostni li, fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, huwa jista’ jaqbel mat-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2010, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar taċċetta li tħallas l-ispejjeż sostnuti minnu. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li ma waslitx għal ftehim mar-rikorrent dwar l-ammont aċċettabli intiż li jkopri l-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir‑rikorrent jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir‑rikorrent għall‑ispejjeż.

 Id-dritt

13      Fid-dawl tat-talba tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2010 li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent tad-9 ta’ Marzu 2010 fuq din it-talba u tar-replika, il-Qorti Ġenerali tqis li l-kwistjoni proċedurali għandha tiġi riżolta mingħajr fażi orali, skont l-Artikolu 114(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

14      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, jekk l-iskop tar-rikors jintemm fil-mori tal-kawża, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi dwar il-mertu għaliex deċiżjoni min-naħa tagħha ma tista’ tagħti lir-rikorrent l-ebda benefiċċju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1, punti 43 sa 45).

15      It-tmiem tal-iskop ta’ kawża jista’ jirriżulta, b’mod partikolari, miċ-ċessjoni jew mis-sostituzzjoni tal-att ikkontestat fil-mori tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1961, Meroni et vs L-Awtorità Għolja, 5/60, 7/60 u 8/60, Ġabra p. 201, 213, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1985, Eurasian Corporation vs Il-Kummissjoni, 82/85, Ġabra p. 3603, punt 11; digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 1997, Antillean Rice Mills vs Il-Kummissjoni, T‑26/97, Ġabra p. II‑1347, punti 14 u 15).

16      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, jekk l-effett legali ta’ att imħassar jiskadi, salv dispożizzjonijiet bil-kontra, fid-data tat-tħassir tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1960, Geitling et vs L-Awtorità l-Għolja, 16/59 sa 18/59, Ġabra p. 45, 65), att li jkun ġie rtirat u ssostitwit jintemm minnufih mis-sistema legali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, iċ-ċessjoni ta’ att normalment għandha effett ex tunc (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2005, IMS Health vs Il-Kummissjoni, T‑184/01, Ġabra p. II‑817, punti 34 sa 41, u tad-9 ta’ Settembru 2010, Phoenix-Reisen u DRV vs Il-Kummissjoni, T-120/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li rikors għal annullament jista’, eċċezzjonalment, iżomm l-iskop tiegħu, minkejja ċ-ċessjoni tal-att li għalih intalab l-annullament, meta r-rikorrent iżomm tal-inqas interess biżżejjed li jikseb sentenza li tannulla dan l-att b’mod formali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il-Kummissjoni, T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punti 48 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      F’din il-kawża, huwa paċifiku li r-rikorrent qed jitlob biss l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2010 li bidlet id-deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża, ir-rikorrent, fir-replika, espliċitament indika li ma riedx ibiddel it-talbiet tiegħu sabiex ikopri d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2010, anki jekk, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa seta’ legalment jagħmel dan (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punti 28 u 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Barra minn hekk, mill-kliem mhux inekwivokabbli tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2010 jirriżulta li kien ġie deċiż li jkun hemm “ċessjoni tad-deċiżjoni [kkontestata] u li deċiżjoni ġdida tiġi adottata bħala risposta għat-talba konfermattiva tar-rikorrent tad-19 ta’ Ġunju 2009.” Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 15 sa 17 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rikors ma għadx għandu skop.

20      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li ċ-ċessjoni tad-deċiżjoni kkontestata u t-teħid tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2010 taw lir-rikorrent ir-riżultat li xtaq jikseb minn dan ir-rikors, jiġifieri l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tibqax teżisti fis-sistema legali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma ressaq l-ebda element li jiġġustifika interess li jikseb sentenza li tikkonstata l-illegalità formali tad-deċiżjoni kkontestata.

21      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li ma għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar dan ir-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

22      Skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

23      Il-Qorti Ġenerali tqis, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, li jkun hemm applikazzjoni ġusta tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq jekk kull wieħed mill-partijiet ibati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

tordna:

1)      Ma għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar ir-rikors.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Il-Lussemburgu, it-12 ta’ Jannar 2011.

E. Coulon

 

      E. Moavero Milanesi

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.