Language of document : ECLI:EU:C:2024:81

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

25 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Spejjeż idderivati mill-formalizzazzjoni tal-kuntratt ta’ self ipotekarju – Restituzzjoni tas-somom imħallsa skont klawżola ddikjarata inġusta – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal restituzzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑810/21 sa C‑813/21,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-9 ta’ Diċembru 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Diċembru 2021, fil-proċeduri

Caixabank SA, li kienet Bankia SA,

vs

WE,

XA (C‑810/21),

u

Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA

vs

TB,

UK (C‑811/21),

u

Banco Santander SA

vs

OG (C‑812/21),

u

OK,

PI

vs

Banco Sabadell SA (C‑813/21),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Caixabank SA, minn J. Gutiérrez de Cabiedes Hidalgo de Caviedes, abogado,

–        għal WE, XA, TB, UK, OG, OK u PI, minn J. Fraile Mena, procurador, u F. García Domínguez, abogado,

–        għal Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, minn J. M. Rodríguez Cárcamo u A. M. Rodríguez Conde, abogados,

–        għal Banco Santander SA, minn M. García-Villarrubia Bernabé u C. Vendrell Cervantes, abogados,

–        għal Banco Sabadell SA, minn G. Serrano Fenollosa u R. Vallina Hoset, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo u A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, fil-Kawża C‑810/21, Caixabank SA, li kienet Bankia SA, minn naħa, u WE u XA, min-naħa l-oħra, fil-Kawża C‑811/21, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, minn naħa, u TB u UK, min-naħa l-oħra, fil-Kawża C‑812/21, Banco Santander SA, minn naħa, u OG, min-naħa l-oħra, u, fil-Kawża C‑813/21, OK u PI, minn naħa, u Banco Sabadell SA, min-naħa l-oħra, dwar il-konsegwenzi tal-annullament ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratti ta’ self ipotekarju konklużi bejn dawn il-partijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(b)      ‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”.

4        L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

5        L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

 Id-dritt Spanjol 

 Il-Kodiċi Ċivili Katalan

6        L-Artikolu 121–20 tal-Ley 29/2002, primera Ley del Código Civil de Cataluña (il-Liġi 29/2002, L-ewwel Liġi tal-Kodiċi Ċivili tal-Cataluña), tat-30 ta’ Diċembru 2002 (BOE Nru 32, tas-6 ta’ Frar 2003, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Katalan”), jipprevedi:

“L-azzjonijiet ta’ kull tip jiġu preskritti wara għaxar snin, sakemm persuna ma tkunx akkwistat minn qabel id-dritt permezz ta’ usucapio jew sakemm dan il-kodiċi jew il-liġijiet speċjali ma jipprovdux mod ieħor.”

7        L-Artikolu 121‑23 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta, ladarba l-azzjoni tkun inħolqot u tkun tista’ tiġi eżerċitata, il-persuna li jkollha d-dritt li taġixxi tkun taf jew tista’ raġonevolment tkun taf iċ-ċirkustanzi li fuqhom tkun ibbażata u l-persuna li kontriha din tkun tista’ tiġi eżerċitata.”

8        Skont l-Artikolu 121‑11 tal-imsemmi kodiċi:

“Dawn li ġejjin jikkostitwixxu kawżi ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni:

a)      It-tressiq tal-azzjoni quddiem il-qrati, anki jekk din tiġi miċħuda minħabba difett proċedurali.

b)      Il-bidu tal-proċedura ta’ arbitraġġ dwar il-kreditu.

c)      L-ilment extraġudizzjarju tal-kreditu.

d)      Ir-rikonoxximent tad-dritt jew ir-rinunzja għall-preskrizzjoni mill-persuna li lilha l-kreditu jista’ jiġi invokat matul it-terminu ta’ preskrizzjoni.”

 Il-Kodiċi Ċivili

9        L-Artikolu 1303 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

“Meta obbligu jiġi ddikjarat null, il-kontraenti għandhom jirrestitwixxu reċiprokament l-oġġetti li kienu s-suġġett tal-kuntratt, il-frottijiet prodotti minn dawn l-oġġetti u l-prezz flimkien mal-interessi, ħlief fil-każijiet previsti mill-artikoli li ġejjin.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C810/21

10      Fl-4 ta’ Frar 2004, WE u XA kkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑810/21”) ma’ Bankia li, fl-2021, ingħaqdet ma’ Caixabank.

11      L-aħħar fattura dwar l-ispejjeż li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, li kienet tikkonċerna l-ispejjeż notarili, ta’ reġistrazzjoni u ta’ ġestjoni tal-imsemmi kuntratt, tħallset minn WE u XA fl-4 ta’ Mejju 2004.

12      Fis-16 ta’ Jannar 2018, WE u XA ressqu azzjoni għall-annullament ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑810/21, li tgħid li hija l-persuna li tissellef li għandha tħallas l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ dan l-istess kuntratt.

13      Bankia kkontestat din l-azzjoni billi sostniet li l-azzjoni għal restituzzjoni kienet preskritta, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 121–20 tal-Kodiċi Ċivili Katalan kien skada.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2020, il-Juzgado de Primera Instancia n50 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 50 ta’ Barcelona, Spanja) ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma minn Bankia u kkundannat lil dan il-bank għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 468.48 imħallsa bħala spejjeż notarili, ta’ reġistrazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑810/21. Bankia appellat din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja), il-qorti tar-rinviju.

 Kawża C811/21

15      Fl-20 ta’ Jannar 2004, TB u UK ikkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑811/21”) ma’ Banco Bilbao Vizcaya Argentaria.

16      L-aħħar fattura dwar l-ispejjeż li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, li kienet tikkonċerna l-ispejjeż notarili, ta’ reġistrazzjoni u ta’ ġestjoni tal-imsemmi kuntratt, tħallset minn TB u UK fil-15 ta’ Marzu 2004.

17      Fis-16 ta’ Jannar 2018, TB u UK ressqu azzjoni għall-annullament ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑811/21, li tgħid li hija l-persuna li tissellef li għandha tħallas l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ dan l-istess kuntratt.

18      Banco Bilbao Vizcaya Argentaria kkontestat din l-azzjoni billi sostniet li l-azzjoni għal restituzzjoni kienet preskritta, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 121–20 tal-Kodiċi Ċivili Katalan kien skada.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2020, il-Juzgado de Primera Instancia n50 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 50 ta’ Barcelona) ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma minn Banco Bilbao Vizcaya Argentaria u kkundannat lil dan il-bank għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 499.61 imħallsa bħala spejjeż notarili, ta’ reġistrazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑811/21. Banco Bilbao Vizcaya Argentaria appellat din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona), il-qorti tar-rinviju.

 Kawża C812/21

20      Fis-17 ta’ Diċembru 2004, OG ikkonkluda kuntratt ta’ self ipotekarju (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑812/21”) ma’ Banco Santander.

21      L-aħħar fattura dwar l-ispejjeż li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, li kienet tikkonċerna l-ispejjeż notarili, ta’ reġistrazzjoni u ta’ ġestjoni tal-imsemmi kuntratt, tħallset minn OG fit-18 ta’ Marzu 2005.

22      Fit-12 ta’ Settembru 2017, OG ressqet azzjoni għall-annullament ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑812/21, li tgħid li kellha tkun il-persuna li tissellef li tħallas l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

23      Banco Santander ikkontestat din l-azzjoni billi sostniet li l-azzjoni għal restituzzjoni kienet preskritta, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 121–20 tal-Kodiċi Ċivili Katalan kien skada.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2020, il-Juzgado de Primera Instancia n50 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 50 ta’ Barcelona) ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma minn Banco Santander u kkundannat lil dan il-bank għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 589.60 imħallsa bħala spejjeż notarili, ta’ reġistrazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑812/21. Banco Santander appella din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona), il-qorti tar-rinviju.

 Kawża C813/21

25      Fl-14 ta’ Lulju 2006, OK u PI kkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑813/21”) ma’ Banco Sabadell.

26      L-aħħar fattura dwar l-ispejjeż li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, li kienet tikkonċerna l-ispejjeż notarili, ta’ reġistrazzjoni u ta’ ġestjoni tal-imsemmi kuntratt, tħallset minn OK u PI fl-4 ta’ Ottubru 2006.

27      Wara li ppreżentaw, fil-15 ta’ Novembru 2017, ilment extraġudizzjarju kontra Banco Sabadell, li għalih dan il-bank ma ta ebda segwitu, OK u PI ressqu, fil-15 ta’ Diċembru 2017, azzjoni għall-annullament ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt ta’ self fil-Kawża C‑813/21, li tgħid li hija l-persuna li tissellef li għandha tħallas l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

28      Banco Sabadell ikkontestat din l-azzjoni billi sostniet li l-azzjoni għal restituzzjoni kienet preskritta, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 121–20 tal-Kodiċi Ċivili Katalan kien skada.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2021, il-Juzgado de Primera Instancia n50 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 50 ta’ Barcelona) laqgħet l-eċċezzjoni bbażata fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għal restituzzjoni mqajma minn Banco Sabadell. OK u PI appellaw din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona), il-qorti tar-rinviju.

30      Il-qorti tar-rinviju fil-Kawżi magħquda C‑810/21 sa C‑813/21 tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-preżentata tal-azzjoni għal restituzzjoni tista’ tkun suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni, sakemm il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu kif ukoll it-tul tiegħu ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tal-konsumatur li jitlob tali restituzzjoni.

31      Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jiġi vverifikat jekk terminu ta’ preskrizzjoni huwiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ parametri, jiġifieri, minn naħa, it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu.

32      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña għandha leġiżlazzjoni tagħha stess li tvarja, f’ċerti aspetti, mil-leġiżlazzjoni Spanjola u li l-Kodiċi Ċivili Katalan jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, li huwa darbtejn itwal mit-terminu ta’ preskrizzjoni previst mill-Kodiċi Ċivili Spanjol għall-azzjonijiet personali.

33      F’dan ir-rigward, hija tqis li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jiksirx il-prinċipju ta’ effettività, sa fejn dan it-terminu huwa suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konsumatur jipprepara u jippreżenta azzjoni effettiva. Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dritt nazzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmi terminu, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jippermetti lill-konsumatur isir jaf bl-eżistenza ta’ klawżola inġusta u jressaq azzjoni intiża sabiex tinkiseb in-nullità ta’ din il-klawżola.

34      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, b’differenza mill-klawżoli kuntrattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni teżamina fil-kuntest ta’ kawżi li hija ġiet adita bihom, klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-persuna li tissellef l-ispejjeż kollha tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self ipotekarju, teżawrixxi l-effetti tagħha mal-ħlas mill-konsumatur tal-aħħar fattura relatata ma’ dawn l-ispejjeż. Issa, din il-qorti tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li terminu ta’ tliet snin mid-data tal-arrikkiment indebitu huwa ta’ natura li jirrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13, ma tistax tapplika għal dan il-każ. Hija tikkunsidra f’dan ir-rigward li din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jibda jiddekorri anki qabel ma l-ħlasijiet kollha jkunu saru.

35      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-għarfien tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali mill-konsumatur għandux jirrigwarda biss l-elementi fattwali li jikkostitwixxu din in-natura inġusta jew jekk dan għandux ikopri wkoll l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti. Dik il-qorti tqis li, għalkemm dan l-għarfien għandu jirrigwarda biss dawn l-elementi fattwali, id-data tal-ħlas tal-aħħar fattura tista’ tikkostitwixxi l-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, bl-għarfien li, f’dan il-każ, il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali eżawriet l-effetti tagħha mal-imsemmi ħlas.

36      Madankollu, għalkemm l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività teħtieġ li l-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jevalwa ġuridikament l-imsemmija elementi fattwali, xorta jkun meħtieġ li tiġi ddeterminata, għal dan l-għan, l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ konsumatur medju. F’dan ir-rigward, wara li esponiet il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ġurisprudenza nazzjonali ferm stabbilita tistax tkun ta’ natura li tippermetti lill-konsumatur Spanjol ikollu għarfien sħiħ, fuq livell ġuridiku, tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

37      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għarfien tan-natura inġusta ta’ klawżola għandux jinkiseb qabel ma jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, skont ir-regoli nazzjonali, jew qabel ma jiskadi. F’dan ir-rigward, din il-qorti tippreċiża, minn naħa, li, b’differenza mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst mill-Kodiċi Ċivili Spanjol, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa estiż għal għaxar snin fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Kodiċi Ċivili Katalan u, min-naħa l-oħra, li l-preżentata tal-azzjoni hija ffavorita fis-sistema ġuridika nazzjonali sa fejn is-sempliċi lment extraġudizzjarju jikkostitwixxi kawża ta’ interruzzjoni tat-terminu u jirrendi dekorribbli mill-ġdid it-terminu fit-totalità tiegħu.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      Fil-kuntest ta’ rikors intiż sabiex jiġu sostnuti l-effetti restituttivi tad-dikjarazzjoni tan-nullità ta’ klawżola li timponi fuq min jissellef l-ispejjeż għall-konklużjoni tal-kuntratt, il-fatt li l-preżentata tar-rikors tiġi suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li jibda jiddekorri mill-mument fejn il-klawżola teżawrixxi l-effetti tagħha bil-ħlas tal-aħħar pagament, mument li fih il-konsumatur isir jaf bil-fatti li huma ta’ natura inġusta, huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, jew huwa neċessarju li l-konsumatur ikollu informazzjoni komplementari dwar l-evalwazzjoni legali tal-fatti?

b)      Fil-każ li l-għarfien tal-evalwazzjoni legali tal-fatti jkun neċessarju, il-punt ta’ tluq tat-terminu għandu jkun suġġett għall-eżistenza ta’ ġurisprudenza stabbilita sew dwar l-invalidità ta’ klawżola, jew il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fatti differenti?

2)      Peress li l-azzjoni għal restituzzjoni hija suġġetta għal perijodu ta’ preskrizzjoni twil ta’ għaxar snin, f’liema mument il-konsumatur għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jaf bin-natura inġusta tal-klawżola u d-drittijiet li tagħtih id-direttiva, qabel ma jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni jew qabel ma dan it-terminu jiskadi?”

 Fuq id-domandi preliminari

39      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-ewwel domanda preliminari fiha żewġ partijiet u li t-tieni parti ta’ din id-domanda għandha tingħata risposta biss fil-każ li l-ewwel parti ta’ din id-domanda tingħata risposta negattiva.

40      Barra minn hekk, hemm lok li t-tieni domanda preliminari tiġi eżaminata flimkien mal-ewwel parti tal-imsemmija l-ewwel domanda.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda u t-tieni domanda

41      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda u t-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li, wara l-annullament ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li timponi fuq il-konsumatur l-ispejjeż tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, l-azzjoni għar-restituzzjoni ta’ tali spejjeż hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li jibda jiddekorri mill-mument li fih din il-klawżola teżawrixxi l-effetti tagħha mat-twettiq tal-aħħar ħlas tal-imsemmija spejjeż, mingħajr ma jkun rilevanti f’dan ir-rigward li dan il-konsumatur ikun jaf bl-evalwazzjoni ġuridika tal-elementi li jikkostitwixxu n-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, u, fl-affermattiv, jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dan l-għarfien għandu jinkiseb qabel ma jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni jew qabel jiskadi.

42      Għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dawn il-proċeduri ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat-22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fir-rigward tal-invokazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għal talba mressqa minn konsumatur għall-finijiet tar-restituzzjoni ta’ somom imħallsa indebitament, abbażi tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura mhux preskrittibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu inforzati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-invokazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għat-talbiet ta’ natura restituttiva, imressqa minn konsumaturi sabiex jinforzaw drittijiet li huma jisiltu mid-Direttiva 93/13 ma tmurx, fiha nnifisha, kontra l-prinċipju ta’ effettività, sakemm l-applikazzjoni tiegħu fil-prattika ma tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 40).

45      F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, hemm lok li jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. Minn din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2022, D.B.P. et (Kreditu ipotekarju ddenominat f’munita barranija), C‑80/21 sa C‑82/21, EU:C:2022:646, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fir-rigward tal-analiżi tal-karatteristiċi tat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-analiżi għandha tirrigwarda t-tul ta’ tali terminu kif ukoll il-modalitajiet tal-applikazzjoni tiegħu, inkluża l-modalità magħżula sabiex jingħata bidu għad-dekorrenza ta’ dan it-terminu (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan ir-rigward, sabiex jitqies li jkun konformi mal-prinċipju ta’ effettività, terminu ta’ preskrizzjoni għandu jkun materjalment suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konsumatur jipprepara u jressaq rimedju effettiv sabiex jinforza d-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 93/13, u dan, b’mod partikolari, fil-forma ta’ talbiet, ta’ natura restituttiva, ibbażati fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      B’hekk, fir-rigward tal-bidu ta’ dekorrenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni, tali terminu jista’ jkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività biss jekk il-konsumatur ikollu l-possibbiltà li jkun jaf id-drittijiet tiegħu qabel ma dan it-terminu jibda jiddekorri jew jiskadi (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Issa, f’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli fil-kawżi prinċipali, indipendentement mill-fatt li dawn jipprevedu li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tal-konsumatur għar-restituzzjoni tal-ħlasijiet indebiti tal-ispejjeż relatati ma’ kuntratti ta’ self ipotekarju, ta’ tul ta’ għaxar snin, ma jistax jibda jiddekorri qabel ma l-konsumatur isir jaf bil-fatti li jikkostitwixxu n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li b’eżekuzzjoni tagħha jkunu saru dawn il-ħlasijiet, ma teħtieġx li l-konsumatur ikollu għarfien mhux biss ta’ tali fatti, iżda wkoll tal-evalwazzjoni ġuridika tagħhom, li timplika li dan il-konsumatur ikun jaf ukoll bid-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 93/13.

50      Madankollu, sabiex il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni jkunu konformi mal-prinċipju ta’ effettività, ma huwiex biżżejjed li dawn jipprevedu li l-konsumatur għandu jkun jaf bil-fatti li jikkostitwixxu n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-għarfien tiegħu tad-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 93/13 u, min-naħa l-oħra, il-fatt li huwa għandu biżżejjed żmien sabiex ikun jista’ effettivament jipprepara u jressaq azzjoni sabiex jinvoka dawn id-drittijiet.

51      Minn dan isegwi li terminu ta’ preskrizzjoni bħat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għar-restituzzjoni tal-ispejjeż ipotekarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività sa fejn il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu ma jiħdux inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ elementi tal-aħħar.

52      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-konoxxenza mill-konsumatur tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u tad-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 93/13 għandhiex tinkiseb qabel ma jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal restituzzjoni jew qabel ma dan ikun skada, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjoni, imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività biss jekk il-konsumatur ikun ingħata l-possibbiltà li jsir jaf b’dawn id-drittijiet qabel ma dan it-terminu jibda jiddekorri jew qabel ma dan ikun skada, ġiet stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-eżami, każ b’każ, tal-kompatibbiltà ta’ terminu ta’ preskrizzjoni speċifiku, flimkien mal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ddeterminati mid-dritt nazzjonali kkonċernat, mal-prinċipju ta’ effettività.

53      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 45 sa 47 ta’ din is-sentenza, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt tal-Unjoni sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-indikazzjonijiet utli li għandhom jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regola proċedurali nazzjonali mal-prinċipju ta’ effettività, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-ordinament ġuridiku nazzjonali li jitressqu quddiemha minn din il-qorti, u mhux biss regola dwar wieħed mill-aspetti tat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni, ikkunsidrata waħedha.

54      Għalhekk, jista’ jkun li regola nazzjonali li tipprovdi li terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma konsumatur ikun sar jaf bin-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u bid-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 93/13, li tidher a priori konformi mal-prinċipju ta’ effettività, tikser, madankollu, dan il-prinċipju jekk it-tul tal-imsemmi terminu ma jkunx materjalment suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konsumatur jipprepara u jressaq rimedju effettiv sabiex jinvoka d-drittijiet li huwa jislet minn din id-direttiva.

55      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, wara l-annullament ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li timponi fuq il-konsumatur l-ispejjeż tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, l-azzjoni għar-restituzzjoni ta’ tali spejjeż hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li jibda jiddekorri mill-mument li fih din il-klawżola teżawrixxi l-effetti tagħha mat-twettiq tal-aħħar ħlas tal-imsemmija spejjeż, mingħajr ma jitqies li huwa rilevanti f’dan ir-rigward li dan il-konsumatur ikollu għarfien tal-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti. Il-kompatibbiltà tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ma’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-modalitajiet fl-intier tagħhom.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda

56      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tal-konsumatur għar-restituzzjoni tal-ammonti mħallsa indebitament b’eżekuzzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, l-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali ferm stabbilita dwar in-nullità ta’ klawżoli simili tista’ titqies li tistabbilixxi li hija ssodisfatta l-kundizzjoni dwar l-għarfien, mill-konsumatur ikkonċernat, tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola u tal-konsegwenzi legali li jirriżultaw minnha.

57      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq il-premessa li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet imfassla minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fit-tieni lok, il-pożizzjoni pprivileġġata li jinsab fiha l-bejjiegħ jew il-fornitur f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ informazzjoni li huwa għandu tibqa’ tipprevali wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Għalhekk, meta n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli standardizzati tkun ġiet ikkonstatata minn ġurisprudenza nazzjonali ferm stabbilita, jista’ jkun mistenni mill-istituzzjonijiet bankarji li jkunu informati b’dan u konsegwentement jaġixxu f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2023, CAJASUR Banco, C‑35/22, EU:C:2023:569, punt 32).

59      Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi preżunt li l-livell ta’ informazzjoni ta’ konsumatur, inqas minn dak tal-professjonist, jinkludi l-konoxxenza tal-ġurisprudenza nazzjonali fil-qasam tad-dritt tal-konsum, anki jekk din il-ġurisprudenza hija ferm stabbilita.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-kliem tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/12 jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva tiddependi mill-iskopijiet li għalihom il-persuna naturali taġixxi, jiġifieri dawk li ma jaqgħux fl-ambitu tal-attività professjonali tagħha. Issa, għalkemm jista’ jkun meħtieġ minn bejjiegħa jew fornituri li jżommu ruħhom informati b’aspetti ġuridiċi relatati mal-klawżoli li huma jieħdu l-inizjattiva li jinkludu fil-kuntratti li jikkonkludu ma’ konsumaturi fil-kuntest ta’ attività kummerċjali abitwali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza nazzjonali dwar tali klawżoli, attitudni simili ma hijiex mistennija minn dawn tal-aħħar, meta titqies in-natura okkażjonali, jekk mhux eċċezzjonali, tal-konklużjoni minnhom ta’ kuntratt li jinkludi tali klawżola.

61      Fid-dawl tal-premess, għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tal-konsumatur għar-restituzzjoni tal-ammonti mħallsa indebitament b’eżekuzzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, l-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali ferm stabbilita dwar in-nullità ta’ klawżoli simili tista’ titqies li tistabbilixxi li hija ssodisfatta l-kundizzjoni dwar l-għarfien, mill-konsumatur ikkonċernat, tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola u tal-konsegwenzi legali li jirriżultaw minnha.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettivtà,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, wara l-annullament ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li timponi fuq il-konsumatur l-ispejjeż tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, l-azzjoni għar-restituzzjoni ta’ tali spejjeż hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li jibda jiddekorri mill-mument li fih din il-klawżola teżawrixxi l-effetti tagħha mat-twettiq tal-aħħar ħlas tal-imsemmija spejjeż, mingħajr ma jitqies li huwa rilevanti f’dan ir-rigward li dan il-konsumatur ikollu għarfien tal-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti. Il-kompatibbiltà tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ma’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-modalitajiet fl-intier tagħhom.

2)      Id-Direttiva 93/13

għandha tiġi interpretat fis-sens li:

tipprekludi interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tal-konsumatur għar-restituzzjoni tal-ammonti mħallsa indebitament b’eżekuzzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, l-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali ferm stabbilita dwar in-nullità ta’ klawżoli simili tista’ titqies li tistabbilixxi li hija ssodisfatta l-kundizzjoni dwar l-għarfien, mill-konsumatur ikkonċernat, tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola u tal-konsegwenzi legali li jirriżultaw minnha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.