Language of document : ECLI:EU:C:2024:70

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Proċeduri kriminali mibdija in rem – Digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku – Ammissibbiltà ta’ proċeduri kriminali ulterjuri mibdija in personam għall-istess fatti – Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun jista’ jitqies li persuna diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata b’sentenza li daħlet in ġudikat – Rekwiżit ta’ investigazzjoni fil-fond – Assenza ta’ smigħ ta’ xhud potenzjali – Assenza ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata bħala ‘suspettat’”

Fil-Kawża C‑58/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura kriminali kontra

NR

fil-preżenza ta’:

Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Craiova

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, A. Rotăreanu u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rogalski u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il-quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li nbdew kontra NR. Dwar l-akkuża ta’ korruzzjoni passiva.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

3        Bit-titolu “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġa` ġie finalment liberat jew misjub ħati skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

[…]”

 Iddritt talUnjoni

 IdDeċiżjoni 2006/928

4        Id-Deċiżjoni 2006/928 ġiet adottata fil-kuntest tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Jannar 2007.

5        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni:

“Ir-Rumanija għandha, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2007, tirraporta lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness.”

6        L-Anness tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi:

“Punti ta’ riferiment li għandhom jiġu indirizzati mir-Rumanija, imsemmija f’Artikolu 1:

(1)      Tassigura proċess ġudizzjarju aktar trasparenti u effiċjenti partikolarment billi jiġu mtejba l-kapaċità u l-kontabilità tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura. Tirraporta u tissorvelja l-impatt tal-kodiċi ġodda tal-proċeduri ċivili u penali.

(2)      Tistabbilixxi, kif previst, aġenzija ta’ integrità b’responsabbiltajiet ta’ verifikar ta’ assi, inkompatibbiltajiet u kunflitti potenzjali ta’ interess, u sabiex tagħti deċiżjonijiet mandatorji abbażi ta’ liema jistgħu jingħataw sanzjonijiet ta’ deterrent.

(3)      Tibni fuq il-progress li diġà sar, tkompli tagħmel investigazzjonijiet professjonali u mhux partiġjani dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli.

(4)      Tieħu aktar miżuri sabiex timpedixxi u tiġġieled il-korruzzjoni, b’mod partikolari fi ħdan il-gvern lokali.”

 IdDeċiżjoni Qafas 2003/568/ĠAI

7        L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 182, rettifika fil-ĠU 2019, L 255, p. 7.), intitolat “Korruzzjoni attiva u passiva fis-settur privat”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-imġiba intenzjonata li ġejja tikkostitwixxi reat kriminali, meta titwettaq fil-kors ta’ attivitajiet tan-negozju:

[…]

(b)      li titlob jew li tirċievi, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, vantaġġ mhux mistħoqq ta’ kwalunkwe tip, jew li taċċetta wegħda ta’ tali vantaġġ, għaliha nfisha jew għal parti terza, waqt li tmexxi jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità għal entità fis-settur privat, sabiex twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq kwalunkwe att, bi ksur tad-dmirijiet ta’ dak li jkun.”

8        Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Pieni u sanzjonijiet oħra”:

“1.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-imġiba msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tkun punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-imġiba msemmija fl-Artikolu 2 tkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas minn sena sa tliet snin ħabs.

3.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa skont ir-regoli u l-prinċipji kostituzzjonali tiegħu sabiex jiżgura illi meta persuna fiżika f’ċerta attività tan-negozju tkun instabet ħatja tal-imġiba msemmija fl-Artikolu 2, dik il-persuna tista’, fejn xieraq, għall-inqas fil-każijiet fejn kellha pożizzjoni ta’ tmexxija f’kumpanija fi ħdan in-negozju kkonċernat, tkun temporanjament ipprojbita milli tissokta din l-attività partikolari tan-negozju jew paragunabbli f’pożizzjoni jew f’kapaċità simili, jekk il-fatti stabbiliti jagħtu raġuni lil dak li jkun li jemmen illi jeżisti riskju ċar tal-abbuż tal-pożizzjoni jew tal-kariga b’korruzzjoni attiva jew passiva.”

 Iddritt Rumen

 IlKodiċi Kriminali

9        L-Artikolu 207 tal-Cod penal (il-Kodiċi Kriminali) intitolat “Estorsjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-fatt li persuna tiġi mġiegħla tagħti, tagħmel, ma tagħmilx jew iġġarrab xi ħaġa sabiex tikseb inġustament vantaġġ […], għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor, huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u ħames snin.”

10      L-Artikolu 289 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Korruzzjoni Passiva”, jipprovdi:

“1.      Il-fatt, għal uffiċjal, li jitlob jew li jirċievi, direttament jew indirettament, għalih jew għal ħaddieħor, flus jew vantaġġi oħra li ma humiex dovuti lilu, jew li jaċċetta l-wegħda ta’ tali vantaġġ, b’rabta mal-eżekuzzjoni, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, l-aċċelerazzjoni jew id-dewmien fit-twettiq ta’ att li jaqa’ taħt il-funzjonijiet tiegħu jew fl-okkażjoni tal-eżerċizzju ta’ att kuntrarju għal dawn il-funzjonijiet, huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn tlieta u għaxar snin u bil-projbizzjoni milli jeżerċita funzjoni pubblika jew milli jeżerċita l-professjoni jew l-attività li fl-eżekuzzjoni tagħhom l-imsemmi uffiċjal wettaq l-att.

[…]”

11      L-Artikolu 308 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Reati ta’ korruzzjoni u ta’ servizz imwettqa minn persuni oħra”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 289 sa 292, 295, 297 sa 300 u 304 dwar l-uffiċjali pubbliċi japplikaw ukoll b’analoġija għall-atti mwettqa minn jew fir-rigward ta’ persuni li, fuq bażi permanenti jew temporanja, bi jew mingħajr remunerazzjoni, jeżerċitaw funzjonijiet ta’ kwalunkwe natura fis-servizz ta’ persuna fiżika msemmija fl-Artikolu 175(2) jew ta’ persuna ġuridika.

[…]”

 IlKodiċi talProċedura Kriminali

12      L-Artikolu 6 tal-Cod de procedură penală (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), intitolat “Ne bis in idem”, jipprovdi li:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew iġġudikata għal reat jekk sentenza definittiva fi kwistjonijiet kriminali tkun diġà ngħatat għall-istess azzjonijiet, iżda bi klassifikazzjoni ġuridika differenti.”

13      L-Artikolu 335 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Tkomplija tal-proċedura fil-każ ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali”, jipprovdi:

“1.      Jekk sussegwentement jiġi kkonstatat li l-fatt li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma jeżistix, prosekutur pubbliku ta’ livell ogħla minn dak li jkun ħa d-deċiżjoni għandu jannulla d-digriet u jordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 317 għandhom japplikaw.

2.      Fil-każ li jirriżultaw fatti jew ċirkustanzi ġodda li juru li l-fatt li jkun ta lok għad-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma jkunx għadu jeżisti, il-prosekutur għandu jirrevoka d-digriet u jordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali.

[…]

4.      Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali huwa suġġett għall-konferma mill-Imħallef tal-Awla Preliminari, f’terminu massimu ta’ tlett ijiem, taħt piena ta’ nullità. L-Imħallef tal-Awla Preliminari għandu jiddeċiedi, permezz ta’ deċiżjoni motivata, in camera, dwar il-legalità u l-fondatezza tad-digriet ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, wara li jkun ħarrek lill-persuna ssuspettata jew akkużata kif ukoll bil-parteċipazzjoni tal-prosekutur pubbliku. L-assenza tal-persuni msemmija legalment ma tostakolax l-ipproċessar tat-talba għal konferma.

41.      Waqt l-ipproċessar tat-talba għal konferma, l-Imħallef tal-Awla Preliminari għandu jivverifika l-legalità u l-fondatezza tad-digriet ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali skont id-dokumenti u l-elementi tal-proċess ta’ investigazzjoni kriminali u ta’ kull dokument ġdid ippreżentat. Id-deċiżjoni tal-Imħallef tal-Awla Preliminari hija definittiva.

[…]”

 IlLiġi Nru 78/2000

14      L-Artikolu 6 tal-Legea nr. 78/2000 pentru prevenirea, descoperirea și sancționarea faptelor de corupție (il-Liġi Nru 78/2000 dwar il-Prevenzjoni, l-Iskoperta u s-Sanzjoni ta’ Atti ta’ Korruzzjoni) tat‑8 ta’ Mejju 2000 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 219 tat‑18 ta’ Mejju 2000), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Ir-reati ta’ korruzzjoni passiva (previsti fl-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali), ta’ korruzzjoni attiva (previsti fl-Artikolu 290 tal-Kodiċi Kriminali), ta’ eżerċitar ta’ influwenza (previsti fl-Artikolu 291 tal-Kodiċi Kriminali) u ta’ eżerċitar ta’ influwenza f’forma attiva (previsti fl-Artikolu 292 tal-Kodiċi Kriminali) huma ssanzjonati konformement mad-dispożizzjonijiet legali relatati magħhom. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 308 tal-Kodiċi Kriminali għandhom japplikaw.”

 Ilproċedura filkawża prinċipali u ddomanda preliminari

15      GL, HS, JK, MT u PB (iktar ’il quddiem il-“lanjanti fil-kawża prinċipali”) huma impjegati tal-kooperattiva BX. Fit-12 ta’ Frar 2014, permezz ta’ deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-membri ta’ din il-kumpannija, il-Presidenta ta’ din tal-aħħar, NR, tneħħiet mill-kariga tagħha.

16      Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn NR, li fil-kuntest tiegħu din kienet irrappreżentata minn avukat li miegħu ntrabtet li tħallas is-somma ta’ EUR 4 400 bħala “ħlas għal eżitu pożittiv”. Peress li dan ir-rikors intlaqa’, NR ġiet stabbilita mill-ġdid fil-kariga tagħha ta’ presidenta tal-imsemmija kumpannija.

17      Fit‑30 ta’ April 2015 inżammet laqgħa tal-kooperattiva BX, li fiha pparteċipaw NR, il-lanjanti fil-kawża prinċipali kif ukoll membri oħra tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija, jiġifieri AX, BD, CH, FX u LM. Id-diskussjonijiet li saru matul din il-laqgħa kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni awdjo minn wieħed minn dawn il-lanjanti.

18      Skont il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, waqt l-imsemmija laqgħa, NR talbet lil-lanjanti fil-kawża prinċipali, sa fejn kienu s-sors tad-deċiżjoni li titneħħa mill-kariga tagħha ta’ presidenta tal-imsemmija kumpannija, iħallsu l-ammont tal-onorarji msemmi fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, taħt piena ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom kif ukoll “inkambju għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ klima ta’ relazzjonijiet tajbin u ta’ kooperazzjoni fuq il-post tax-xogħol”. Peress li t-talba tagħha ma ġietx issodisfatta, NR ħarġet u ffirmat deċiżjonijiet li jxolju dawn il-kuntratti.

19      GL, HS, JK, MT u PB għalhekk ressqu żewġ ilmenti kriminali kontra NR, l-ewwel wieħed fit‑8 ta’ Ġunju 2015 u t-tieni wieħed fis‑26 ta’ Ġunju 2015, rispettivament quddiem l-Inspectoratul de Poliție al Județului Olt (l-Ispettorat tal-Pulizija tad-Dipartiment ta’ Olt, ir-Rumanija) u d-Direcția Națională Anticorupție – Serviciul Teritorial Craiova (id-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni — dipartiment territorjali ta’ Craiova, ir-Rumanija), għar-reati ta’ estorsjoni, għall-abbuż mill-kariga u għall-korruzzjoni passiva, skont, rispettivament, l-Artikoli 207, 297 u 289 tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 308 ta’ dan il-kodiċi.

20      Minn naħa, l-ilment imressaq quddiem l-Ispettorat tal-Pulizija tad-Dipartiment ta’ Olt ġie rreġistrat mal-Parchet de pe lângă Tribunalul Olt (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija), fil‑5 ta’ Frar 2016, bir-referenza 47/P/2016.

21      Min-naħa l-oħra, l-ilment imressaq quddiem id-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni — dipartiment territorjali ta’ Craiova ġie ttrasferit lill-Parchet de pe lângă Judecătoria Slatina (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina, ir-Rumanija), minħabba li dan l-ilment kien jinkludi indizji ta’ reat ta’ estorsjoni li jaqa’ taħt il-kompetenza materjali ta’ dan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Dan l-ilment ġie rreġistrat fil-lita tal-imsemmi uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fil‑11 ta’ Frar 2016, bir-referenza 673/P/2016.

 Fuq issegwitu talKawża 673/P/2016

22      Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Marzu 2016, il-Parchet de pe lângă Judecătoria Slatina (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina) beda proċeduri kriminali in rem għar-reat ta’ estorsjoni, skont l-Artikolu 207 tal-Kodiċi Kriminali.

23      Wara li sema’ lil NR kif ukoll lil dawk lil-lanjanti fil-kawża prinċipali, il-korp tal-pulizija inkarigat mill-investigazzjoni ħejja rapport li ppropona li ma titteħidx azzjoni ulterjuri fil-Kawża 673/P/2016. Skont dan il-korp, sa fejn l-ammont tal-onorarji msemmi fil-punt 16 ta’ din is-sentenza kien intalab minn NR mhux għall-benefiċċju tagħha stess, iżda għal dak tal-avukat tagħha, hemm lok li jitqies li hija ma wettqet ebda reat ta’ estorsjoni, skont l-Artikolu 207 tal-Kodiċi Kriminali.

24      Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Settembru 2016, il-prosekutur pubbliku responsabbli mill-Kawża 673/P/2016, abbażi tar-rapport imsemmi fil-punt preċedenti, adotta digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri dwar dik il-kawża (iktar ’il quddiem id-“digriet inkwistjoni li ma tteħidx azzjoni ulterjuri”).

25      Il-lanjanti fil-kawża prinċipali ma kkontestawx dan id-digriet.

26      Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2016, il-Kap Prosekutur tal-Parchet de pe lângă Judecătoria Slatina (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina) annulla d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri u ordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali kontra NR għar-reat ta’ estorsjoni. Skont dan il-prosekutur, peress li l-istess sitwazzjoni ta’ fatt kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali fil-Kawża 47/P/2016 u li din l-investigazzjoni kienet tinsab fi stadju avvanzat, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kienet timponi li l-Kawża 673/P/2016 tiġi ttrasferita lill-Parchet de pe lângă Tribunalul Olt (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Distrettwali ta’ Olt), sabiex din tingħaqad mal-Kawża 47/P/2016.

27      Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Novembru 2016, l-Awla Preliminari tal-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina, ir-Rumanija), adita b’talba għal konferma ta’ dan il-ftuħ mill-ġdid, ċaħditha għar-raġuni li l-ġustifikazzjoni invokata mill-imsemmi kap prosekutur ma kinitx tissodisfa l-kriterji għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali previsti fl-Artikolu 335 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Skont il-qorti tar-rinviju, id-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri sar b’hekk definittiv.

 Fuq issegwitu talKawża 47/P/2016

28      Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Frar 2016, il-Parchet de pe lângă Tribunalul Olt (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Reġjonali ta’ Olt) beda proċeduri kriminali kontra NR, li, permezz ta’ att ta’ akkuża tal-31 ta’ Jannar 2017, bagħat lura għall-ġudizzju quddiem it-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija) għar-reat ta’ korruzzjoni passiva, skont l-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 308(1) ta’ dan il-kodiċi u l-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 78/2000.

29      Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ April 2017, l-Awla Preliminari tat-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija) ikkonstatat il-legalità tar-riferiment ta’ din il-qorti u ordnat ftuħ il-proċedura ta’ ġudizzju fil-konfront ta’ NR. Għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ din tal-aħħar dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, ibbażat fuq li l-istess fatti kienu diġà s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-Kawża 673/P/2016 u li kienet ġiet adottata deċiżjoni definittiva, f’dik il-kawża, din l-Awla Preliminari qieset, essenzjalment, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ma taqax taħt il-kompetenza tal-awli preliminari u li, għaldaqstant, ilmenti bbażati fuq allegat ksur ta’ dan il-prinċipju jistgħu jiġu eżaminati biss fil-kuntest tal-eżami fuq il-mertu tal-kawża kkonċernata.

30      Permezz ta’ sentenza kriminali tad‑19 ta’ Novembru 2018, it-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt) ċaħdet bħala infondat l-argument ta’ NR dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, minħabba li d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri ma setax jitqies li jikkostitwixxi deċiżjoni definittiva li twassal għall-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju, peress li l-adozzjoni ta’ dan id-digriet ma kinitx ippreċeduta minn investigazzjoni fil-fond fuq il-mertu tal-kawża.

31      Barra minn hekk, it-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt) qieset li, fil-kuntest tal-Kawża 673/P/2016, sa fejn il-proċeduri kriminali kienu nbdew in rem, minħabba allegata assenza ta’ provi li persuna wettqet ir-reat allegat ta’ estorsjoni, ir-responsabbiltà kriminali ta’ NR ma kinitx ġiet eżaminata. Għaldaqstant, il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali in personam kontra NR fil-Kawża 47/P/2016 ma kienx jikkostitwixxi repetizzjoni ta’ proċeduri kriminali, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma kienx applikabbli.

32      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li mill-provi prodotti fil-kuntest ta’ din l-aħħar kawża jirriżulta mingħajr ekwivoku li NR kienet talbet lil-lanjanti fil-kawża prinċipali jħallsu l-ammont tal-onorarji msemmi fil-punt 16 tas-sentenza preżenti, it-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt) ikkundannatha għal piena ta’ priġunerija sospiża ta’ sena u erba’ xhur u għal piena addizzjonali ta’ projbizzjoni, għall-istess tul, milli teżerċita servizz pubbliku kif ukoll il-professjoni jew l-attività li fl-eżekuzzjoni tagħha hija kienet wettqet il-fatti allegati.

33      Permezz tas-sentenza kriminali Nru 1207/2020 tal‑20 ta’ Ottubru 2020, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) laqgħet l-appell ippreżentat minn NR mis-sentenza msemmija fil-punt 30 tas-sentenza preżenti. Din il-qorti qieset li l-prinċipju ta’ ne bis in idem kien ġie miksur, peress li d-deċiżjoni li jinbdew proċeduri kriminali fil-Kawża 47/P/2016 kienet tikkonċerna lill-istess persuna u l-istess fatti bħal dawk inkwistjoni fil-Kawża 673/P/2016. Barra minn hekk, l-ilmenti li wasslu għal dawk iż-żewġ kawżi kellhom kontenut identiku u l-provi miġbura kienu simili, peress li l-Kawża 673/P/2016 ingħalqet definittivament għar-raġuni li d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri kien sar definittiv minħabba ċ-ċaħda, mill-Awla Preliminari tal-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina), tat-talba ta’ konferma tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali. Għaldaqstant, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) annullat dik is-sentenza u ordnat għeluq il-proċeduri kriminali miftuħa fil-Kawża 47/P/2016.

34      Il-Parchet de pe lângă Curtea de Apel Craiova (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) appella fil-kassazzjoni mill-Kawża Nru 1207/2020 quddiem l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija).

35      Permezz ta’ sentenza kriminali tal‑21 ta’ Settembru 2021, din l-aħħar qorti laqgħet l-appell, annullat l-imsemmija sentenza u rrinvijat il-kawża quddiem il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) għal eżami mill-ġdid, għar-raġuni, essenzjalment, li hija kienet ikkonkludiet, b’mod żbaljat, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem kien applikabbli u, għaldaqstant, li jingħalqu l-proċeduri kriminali fil-Kawża 47/P/2016. Wara li kkonstatat li, permezz tad-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri, il-kawża li għandha bħala suġġett l-ilment imressaq mil-lanjanti fil-kawża prinċipali kontra NR għar-reat ta’ estorsjoni kienet intemmet mingħajr ma ttieħdet azzjoni ulterjuri, l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja qieset li, peress li dan id-digriet ma kien ġie ppreċedut minn ebda evalwazzjoni magħmula tal-mertu tal-Kawża 673/P/2016 u ma kienx debitament motivat, dan ma setax jitqies li wassal għall-estinzjoni tal-azzjoni pubblika.

36      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-prinċipju ta’ ne bis in idem, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tippreċiża li, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393), f’dan il-każ, l-Artikolu 50 tal-Karta huwa applikabbli peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li twettaq l-għanijiet ta’ riferiment stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, b’mod iktar partikolari, l-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju ta’ [ne] bis in idem, kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-obbligi tar-Rumanija li tilħaq l-għanijiet stabbiliti [fl-Anness tad-Deċiżjoni [2006/928], għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni, meħuda mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku wara l-produzzjoni tal-provi essenzjali fil-kawża inkwistjoni, tipprekludi proċeduri kriminali ulterjuri fir-rigward tal-istess fatti, anki jekk il-klassifikazzjoni ġuridika hija differenti, fir-rigward tal-istess persuna, meta d-deċiżjoni tkun definittiva, sakemm ma jiġix ikkonstatat li ċ-ċirkustanza li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma kinitx teżisti jew li qamu fatti jew ċirkustanzi ġodda li juru li ċ-ċirkustanza li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ma għadhiex teżisti?”

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

38      Il-Gvern Rumen iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li l-Artikolu 50 tal-Karta ma huwiex applikabbli fil-każ ineżami, fl-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Fil-fatt, skont dan il-gvern, il-qorti tar-rinviju bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928 kif ukoll fuq il-punti 158, 159 u 172 tas-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393) sabiex tiġġustifika l-applikabbiltà tal-Karta, minkejja li dawn il-punti ta’ riferiment kienu ġew iddefiniti minħabba nuqqasijiet “ikkonstatati” mill-Kummissjoni qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-oqsma tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-aspett marbut mal-protezzjoni tal-prinċipju ne bis in idem ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, b’tali mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, b’mod partikolari, tal-Artikolu 50 tagħha.

39      Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Rumen imsemmi fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, li jirrigwarda, fir-realtà, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

40      F’’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, sa fejn hija kkonċernata l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss, dispożizzjoni li tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet. Għall-kuntrarju, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft, C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

41      Fil-każ ineżami, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija adita bl-eżami mill-ġdid tal-appell ippreżentati mis-sentenza tat-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt) tad‑19 ta’ Novembru 2018, imsemmija fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, li kkundannat lil NR bir-reat ta’ korruzzjoni passiva, skont l-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 308(1) ta’ dan il-kodiċi u mal-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 78/2000. Issa, kif ikkonferma l-Gvern Rumen waqt is-seduta, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2003/568 fl-ordinament ġuridiku Rumen, u b’mod iktar preċiż tal-Artikoli 2 u 4 tagħha.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi u mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali rilevanza tal-punti ta’ riferiment imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928, il-kundizzjoni għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta hija ssodisfatta f’dan il-każ. Minn dan isegwi li l-Karta għandha tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

43      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula.

 Fuq iddomanda preliminari

44      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Juan, C‑164/22, EU:C:2023:684, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fid-dawl tar-raġunijiet li jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari, hemm lok, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna tista’ titqies li ġiet illiberata b’mod definittiv, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, bħala konsegwenza ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fl-assenza ta’ eżami tas-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna bħala responsabbli, fuq il-livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reat li ttieħdu passi dwaru.

46      L-Artikolu 50 tal-Karta jiddisponi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess azzjonijiet ikunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”) (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 28).

 Fuq ilkundizzjoni “bis”

48      Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni “bis”, sabiex persuna tkun tista’ titqies li “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat” għall-azzjonijiet li hija tkun akkużata bihom, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, huwa importanti, fl-ewwel lok, li l-azzjoni kriminali tkun intemmet b’mod definittiv skont id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, deċiżjoni li ma ttemmx l-azzjoni kriminali b’mod definittiv fuq il-livell nazzjonali ma jistax ikollha, bħala prinċipju, l-effett li tikkostitwixxi ostakolu proċedurali għas-sitwazzjoni li proċeduri kriminali jkunu eventwalment mibdija jew kompluti, għall-istess fatti, kontra din il-persuna (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 34 u 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li deċiżjoni tkun ġiet adottata minn Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ma huwiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk din id-deċiżjoni ttemmx definittivament l-azzjoni kriminali. Fil-fatt, l-Artikolu 50 tal-Karta huwa wkoll applikabbli għal deċiżjonijiet ta’ awtorità inkarigata sabiex tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, bħall-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, li jtemmu definittivament proċedimenti kriminali, għalkemm tali deċiżjonijiet ikunu adottati mingħajr l-intervent ta’ qorti u ma jiħdux il-forma ta’ sentenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 38 u 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-punti 25 u 27 tas-sentenza preżenti, minn naħa, il-lanjanti fil-kawża prinċipali ma invokawx ir-rimedji disponibbli fid-dritt Rumen sabiex jikkontestaw id-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri, u, min-naħa l-oħra, mid-digriet tal-Awla Preliminari tal-Judecătoria Slatina (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina) tal‑21 ta’ Novembru 2016, it-talba għal konferma tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali kontra NR għar-reat ta’ estorsjoni ordnat mill-Kap Prosekutur tal-Parchet de pe lângă Judecătoria Slatina (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina) ġie miċħud.

51      Għaldaqstant, jidher li l-azzjoni kriminali ntemmet b’mod definittiv u li d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri sar definittiv, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq.

52      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha, sabiex tiddetermina jekk NR tistax tiġi kkunsidrata bħala li ġiet illiberata b’mod definittiv mid-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri, tiżgura ruħha li dan ġie adottat wara evalwazzjoni tal-mertu u mhux għal sempliċi raġunijiet proċedurali. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kundizzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-mertu tal-Kawża 673/P/2016 tista’ titqies li hija ssodisfatta minn dan id-digriet biss sa fejn dan tal-aħħar jinkludi evalwazzjoni dwar elementi materjali tar-reat allegat, bħal, b’mod partikolari, l-analiżi tar-responsabbiltà kriminali ta’ NR, bħala allegat awtur ta’ dan ir-reat.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex persuna tkun tista’ titqies li kienet “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat” għall-fatti li bihom hija akkużata, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi żgurat li din id-deċiżjoni tkun ingħatat wara evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kawża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Bezirkshauptmannschaft Feldkirch, C‑55/22, EU:C:2023:670, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, minn naħa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta peress li l-kunċetti ta’ “kundanna” u ta’ “liberazzjoni” li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni jimplikaw neċessarjament li r-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata tkun ġiet eżaminata u li tkun ġiet adottata deċiżjoni f’dan ir-rigward (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 57).

55      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija interpretazzjoni hija konformi mal-għan leġittimu li tiġi evitata l-impunità tal-persuni li wettqu reat, għan li jaqa’ fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni li fi ħdanu huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni, previst fl-Artikolu 3(2) TUE (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-konstatazzjoni li saret evalwazzjoni tal-mertu ta’ kawża, b’mod partikolari dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna kkonċernata, tista’ tiġi sostnuta mill-istat ta’ progress tal-proċedura f’din il-kawża. Għaldaqstant, meta investigazzjoni kriminali tkun infetħet wara li tkun tressqet akkuża kontra l-persuna inkwistjoni, il-vittma tkun ġiet interrogata, u l-provi jkunu nġabru u ġew eżaminati mill-awtorità kompetenti, u tkun ingħatat deċiżjoni motivata fuq il-bażi ta’ dawn il-provi, tali fatturi jistgħu jwasslu għall-konstatazzjoni li seħħet evalwazzjoni fuq il-merti tal-kawża (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR: 2019:0708JUD005401210, punt 98).

57      Sabiex tali eżami fuq il-mertu tal-kawża jkun jista’ jitqies li twettaq mill-awtorità mitluba li tiddeċiedi, din l-awtorità għandha tkun wettqet studju jew evalwazzjoni tal-provi inklużi fil-proċess u tkun wettqet evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata f’avveniment wieħed jew fl-avvenimenti kollha li jkunu wasslu għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-korpi ta’ investigazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-responsabbiltà “kriminali” ta’ din il-persuna ġietx stabbilita (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, meta sanzjoni tkun ingħatat mill-awtorità kompetenti bħala konsegwenza tal-aġir imputat lill-persuna kkonċernata, jista’ raġonevolment jitqies li l-awtorità kompetenti kienet, minn qabel, wettqet evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-kawża u tan-natura illegali tal-aġir tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li deċiżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru li permezz tagħha persuna akkużata tiġi lliberata b’mod definittiv minħabba nuqqas ta’ provi għandha titqies li hija bbażata fuq evalwazzjoni fuq il-merti tal-kawża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten, C‑150/05, EU:C:2006:614, punti 60 u 61).

60      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li digriet li jiddikjara li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri quddiem qorti ta’ ġudizzju minħabba nuqqas ta’ provi, mogħti wara investigazzjoni li matulha jkunu nġabru u ġew eżaminati diversi mezzi ta’ prova għandu jitqies li kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni fuq il-mertu tat-tilwima kkonċernata, sa fejn jimplika deċiżjoni finali dwar in-natura insuffiċjenti ta’ dawn il-provi u jeskludi kull possibbiltà li l-kawża terġa’ tinfetaħ fuq il-bażi tal-istess sensiela ta’ indizji. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2014:1057, punti 17 u 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta deċiżjoni tkun ibbażata fuq assenza jew insuffiċjenza ta’ provi, jeħtieġ ukoll, sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni li tirrigwarda l-mertu tat-tilwima kkonċernata, li l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tkun ippreċeduta minn investigazzjoni fil-fond.

62      Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali investigazzjoni fil-fond, li fil-kuntest tagħha d-diversi provi eżistenti huma miġbura u eżaminati, deċiżjoni li ttemm proċeduri kriminali ma tistax titqies li ġiet ippreċeduta minn evalwazzjoni fuq il-mertu tat-tilwima kkonċernata. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b’mod partikolari, li n-nuqqas ta’ smigħ tal-vittma u dak ta’ xhud eventwali jikkostitwixxi indizju tal-assenza ta’ tali investigazzjoni fil-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 48, 53 u 54).

63      Fil-każ ineżami, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, sabiex jadotta d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri, il-prosekutur pubbliku bbaża ruħu fuq rapport stabbilit mill-korp tal-pulizija anness ma’ dan id-digriet li sema’ lil NR u lil-lanjanti fil-kawża prinċipali, kif ukoll ġabar, b’mod partikolari, CD li jinkludi r-reġistrazzjoni awdjo tal-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-kooperattiva BX tat‑30 ta’ April 2015. Dawn l-elementi jindikaw li diversi mezzi ta’ prova nġabru u ġew eżaminati matul l-investigazzjoni, li fuqhom saret evalwazzjoni fuq il-mertu. Madankollu, l-assenza ta’ smigħ ta’ AX, ta’ BD, ta’ CH, ta’ FX u ta’ LM, li pparteċipaw ukoll f’din il-laqgħa, tista’ tikkostitwixxi indizju tal-assenza ta’ eżami tas-sitwazzjoni legali ta’ NR bħala responsabbli, fuq livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reat li ttieħdu passi dwaru.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li d-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri ġie ppreċedut minn evalwazzjoni fuq il-mertu tal-Kawża 673/P/2016 u li dan ma ġiex adottat fuq il-bażi ta’ sempliċi motivi proċedurali.

 Fuq ilkundizzjoni “idem”

65      Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi li jitressqu proċeduri kriminali kontra jew li tiġi ssanzjonata kriminalment l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Generalstaatsanwaltschaft Bamberg (Eċċezzjoni għall-prinċipju ne bis in idem), C‑365/21, EU:C:2023:236, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

66      L-għoti ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-persuna tkun “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat”, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, jippreżupponi l-eżistenza ta’ proċeduri preċedenti, mibdija kontra l-persuna kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika biss għall-persuni li jkunu ġew iġġudikati b’mod definittiv fi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhum bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti marbuta b’mod inseparabbli bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tiġi lliberata jew ikkundannata b’mod definittiv. Għaldaqstant, dan l-artikolu jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi pieni kriminali fi tmiem diversi proċeduri mressqa għal dan il-għan (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING, C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-klassifikazzjoni ġuridika fid-dritt nazzjonali tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għal ieħor (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING, C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fil-każ ineżami, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li għalkemm, fil-Kawża 47/P/2016, inbdew proċeduri kriminali kontra NR in personam għar-reat ta’ korruzzjoni passiva, fil-Kawża 673/P/2016, il-proċeduri kriminali nbdew in rem għar-reat ta’ estorsjoni.

70      Qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 68 tas-sentenza preżenti, u sa fejn huwa stabbilit li dawn iż-żewġ kawżi jirrigwardaw fatti identiċi, il-fatt li l-proċeduri kriminali mibdija fl-imsemmija kawżi kienu jirrigwardaw reati differenti huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-istess “reat”, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta.

71      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-proċeduri kriminali fil-Kawża 673/P/2016, li taw lok għall-adozzjoni tad-digriet inkwistjoni li ma tteħidx azzjoni ulterjuri kienu nbdew in rem ma jistax jitqies bħala irrilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, peress li mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Rumen waqt is-seduta jirriżulta li NR ma kisbitx formalment il-kwalità ta’ persuna ssuspettata fil-kuntest tal-Kawża 673/P/2016, u nstemgħet biss bħala xhud.

72      Dan il-gvern jidher għalhekk li jkopri l-kundizzjoni dwar l-identità ta’ persuna li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, la ġiet ikkontestata mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), fis-sentenza kriminali tal‑21 ta’ Settembru 2021.

73      F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punti 94 u 95 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54, 56 u 57 tas-sentenza preżenti, persuna tista’ titqies li “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat” biss jekk mid-deċiżjoni adottata jirriżulta b’mod ċar li, matul l-investigazzjoni li ppreċediet din id-deċiżjoni, indipendentement mill-fatt li din l-investigazzjoni nbdiet in rem jew in personam abbażi tad-dritt nazzjonali, is-sitwazzjoni legali tagħha bħala responsabbli, fuq il-livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reati kriminali ġiet eżaminata u, fuq il-każ ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri minn Uffiċċju tal-Prosekutur, miċħuda.

74      Jekk dan ma kienx il-każ, li huwa aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, id-digriet inkwistjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri ma jistax ikollu l-effett li jikkostitwixxi ostakolu għat-tressiq ta’ proċeduri kriminali ġodda kontra NR, għall-istess fatti.

75      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ma tistax titqies li ġiet illiberata b’mod definittiv, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, bħala konsegwenza ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fl-assenza ta’ eżami tas-sitwazzjoni legali tal-imsemmija persuna bħala responsabbli, fuq il-livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reat li ttieħdu passi dwaru.

 Fuq lispejjeż

76      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li:

persuna ma tistax titqies li ġiet illiberata b’mod definittiv, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, bħala konsegwenza ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fl-assenza ta’ eżami tas-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna bħala responsabbli, fuq il-livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reat li ttieħdu passi dwaru.


Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.