Language of document : ECLI:EU:C:2024:85

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)

25 ta’ Jannar 2024 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 98/83/KE – Kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem – Artikolu 4(1) – Obbligu tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem ikun tajjeb għas-saħħa u nadif – Parti B tal-Anness I – Qbiż tal-valuri limitu tal-konċentrazzjonijiet ta’ trialometan fl-ilma tax-xorb – Artikolu 8(2) – Obbligu tal-Istati Membri li jadottaw il-miżuri korrettivi neċessarji mill-iktar fis possibbli sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kwalità tal-ilma u tingħata prijorità għall-applikazzjoni tagħhom”

Fil-Kawża C‑481/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑18 ta’ Lulju 2022,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

LIrlanda, irrappreżentata minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn C. Donnelly, SC, u minn D. Fennelly, BL,

konvenuta,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem jissodisfa r-rekwiżit minimu dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ trialometani (iktar ’il quddiem it-“THM”) preżenti fih, konformement mal-valuri parametriċi li jinsabu fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat‑3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90), f’wieħed u għoxrin żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma, jiġifieri dawk ta’ Schull, ta’ Drimoleague, ta’ Glenties-Ardara, ta’ Roundwood, ta’ Caragh Lake PWS 022A, ta’ Kilkenny City (Radestown) WS, ta’ Granard, ta’ Gowna, ta’ Staleen, ta’ Drumcondrath, ta’ Grangemore, ta’ Lough Talt Regional Water Supply, ta’ Ring/Helvick, ta’ Aughrim/Annacurra, ta’ Bray Direct, ta’ Greystones, ta’ Kilmacanogue, ta’ Newtown Newcastle, ta’ Enniskerry Public Supply, ta’ Wicklow Regional Public Supply u ta’ Ballymagroarty (l-Irlanda), kif ukoll f’disa’ gruppi ġodda ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata, jiġifieri dawk ta’ Crossdowney, ta’ Townawilly, ta’ Cloonluane (Renvyle), ta’ Lettergesh/Mullaghgloss, ta’ Bonane, ta’ Parke, ta’ Nephin Valley GWS, ta’ Curramore (Ballinrobe) u ta’ Keash (l-Irlanda), u

–        billi ma żguratx li jittieħdu l-miżuri korrettivi neċessarji mill-iktar fis possibbli sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem fiż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma u fil-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata msemmija iktar ’il fuq u billi ma tatx il-prijorità lill-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, filwaqt li jitqies, fost l-oħrajn, il-punt sa fejn il-valur parametriku rilevanti nqabeż u l-perikolu potenzjali għas-saħħa tal-persuni,

l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83, moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I tagħha u tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

2        Il-premessa 29 tad-Direttiva 98/83 tipprovdi li:

“Billi l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati, taħt ċerti kondizzjonijiet, biex jagħtu derogi minn din id-Direttiva; billi, iktar minn hekk, hemm bżonn li jinħoloq qafas xieraq għal dawn id-derogi, dejjem jekk dawn ma joħolqux periklu potenzali għas-saħħa tal-bniedem u jekk il-provvista ta’ l-ilma maħsub għal konsum mill-bniedem f’dak il-post partikolari ma tkunx tista’ tiġi mantenuti b’mezzi oħra raġonevoli”.

3        L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju lejn l-obbligi tagħhom skond dispożizzjonijiet tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ilma maħsub għall-konsum millbniedem huwa nadif u tajjeb għas-saħħa. Għall-għanijijiet tar-rekwiżiti minimi ta’ din id-Direttiva, l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem għandu jkun tajjeb għas-saħħa u nadif jekk:

a)      ma jkunx fih mikro-organiżmi u parassiti u sustanzi li, f’numri jew konċentrazzjonijiet, jistgħu ikunu ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem,

u

b)      jilħaq il-ħtiġiet minimi imniżżla fl-Anness I, Partijiet A u B;

u jekk, skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ l-Artikoli 5 sa 8 u 10 u skond it-Trattat, l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem jaqbel mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.”

4        L-Artikolu 8(2) tal-imsemmjia direttiva kien jipprevedi:

“Jekk, minkejja l-miżuri meħuda biex jintlaħqu l-obligazzjonijiet imposti fl-Artikolu 4(1), l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ma’ jilħaqx il-valuri parametriċi stabbiliti skond l-Artikolu 5, u soġġetti għall-Artikolu 6(2), l-Istati Membri konċernati għandhom jiżguraw li tittieħed azzjoni korrettiva mill-iktar fis possibli biex terġa’ tintlaħaq il-kwalità u jagħtu prijorità lill-azzjoni ta’ l-infurzar tagħhom, wara li jkunu ikkunsidraw inter alia b’kemm ikun inqabeż il-valur parametriku relevanti u l-ħsara li dan jista’ jagħmel lis-saħħa tal-bniedem.”

5        Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/83, intitolat “Derogi”:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi mill-valuri parametriċi stabbiliti fil-Parti B ta’ l-Anness I, jew skond l-Artikolu 5(3), sa valur massimu li jiddeterminaw huma stess, sakemm l-ebda deroga ma tikkostitwixxi periklu potenzali għas-saħħa tal-bniedem u sakemm il-provvista ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem fil-post konċernat ma tkunx tista’ tinżamm b’mezzi oħra raġonevoli. Id-derogi għandhom jiġu limitati għall-iqsar żmien possibbli u ma għandhomx jaqbżu t-tlett snin. Kif iż-żmien tad-deroga joqrob lejn tmiemu, għandha issir reviżjoni li tara jekk sarx progress suffiċjenti. Meta Stat Membru jkun irid jagħti t-tieni deroga, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bir-reviżjoni li tkun saret kif ukoll bir-raġunijiet li wassluh jagħti t-tieni deroga. It-tieni deroga ma għandhiex taqbeż it-tlett snin.

2       F’ċirkostanzi eċċezzjonali, Stat Membru jista’ jitlob għat-tielet deroga mill-Kummissjoni għal perjodu li ma jaqbiżx it-tlett snin. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fuq talba bħal din fi żmien tlett xhur.

3      Kwalunkwe deroga mogħtija skond il-paragrafi 1 jew 2 għandha tispeċifika dan li ġej:

a)      ir-raġunijiet għad-deroga;

b)      il-parametru konċernat, riżultati relevanti ta’ kontrolli li jkunu saru, u l-valur massimu permessibbli taħt id-deroga;

ċ)       iż-żona ġeografika, il-kwantità ta’ l-ilma provduta kull jum, il-popolazzjoni konċernata u jekk tkunx sa tiġi affetwata xi mpriża tal-produzzjoni ta’ l-ikel;

d)      skema xierqa ta’ kontroll, b’żieda fil-frekwenza ta’ kontroll fejn meħtieġ;

e)      Il-pjan fil-qosor ta’ l-azzjoni korrettiva meħtieġa, li tinkludi time-table għax-xogħol u stima ta’ l-ispejjeż u disposizzjonijet għar-reviżjoni;

f)      it-tul taż-żmien tad-deroga.

4      Jekk l-awtoritajiet kompetenti iħossu li n-nuqqas ta’ konformità mal-valur parametriku jkun wieħed trivjali, u jekk azzjoni meħuda skond l-Artikolu 8(2) tkun biżżejjed biex tirrimedja l-problema fi żmien tletin jum, ir-rekwiżiti tal-paragrafu 3 jistgħu ma jiġux applikati.

F’dak il-każ, l-awtoriajiet kompetenti jew korpi oħra relevanti għandhom jistabbilixxu biss il-valur massimu permissibli għall-parametru konċernat u l-ħin allokat għar-rimedju tal-problema.

5      Wieħed ma għandux iktar jirrikorri għall-paragrafu 4 jekk ikun ġie innutat nuqqas ta’ konformità ma’ valur parametriku wieħed għal provvista partikolari ta’ ilma li tkun seħħet f’iktar minn 30 jum fit‑12 il-xahar ta’ qabel.

6      Kwalunkwe Stat Membru li jirrikorri għad-derogi provduti f’dan l-Artikolu għandu jiżgura li l-popolazzjoni affetwata minn
din id-deroga tiġi mgħarrfa fil-ħin u b’mod xieraq dwar id-deroga u l-kondizzjonijet tagħha. Barra minn hekk l-Istat Membru għandu, fejn meħtieġ, jiżgura li jinagħta tagħrif xieraq lil gruppi partikolari fil-popolazzjoni li jgħalihom id-deroga tista’ tippreżenta riskju speċjali.

Dawn l-obligi m’għandhomx japplikaw fiċ-ċirkostanzi deskritti fil-paragrafu 4 sa kemm l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċidix mod ieħor.

7      Ħlief għal derogi mogħtija skond il-paragrafu 4a, Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn bi kwalunkwe derogi li għandhom x’jaqsmu ma’ provvista individwali ta’ l-ilma b’medja ta’ iktar minn 1 000 [metri kubi (m3)] kull jum jew li sservi iktar minn 5 000 persuna, inkluż it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 3.

8.      Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-ilma maħsub għallkonsum mill-bniedem offrut għall-bejgħ fi fliexken jew reċipjenti.”

6        L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Żmien għall-konformità”, kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem tkun konformi ma’ din id-Direttiva fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu, mingħajr preġudizzju għan-noti 2, 4 u 10 tal-Parti B ta’ l-Anness I.”

7        L-Artikolu 15 tad-Direttiva 98/83, intitolat “Ċirkostanzi eċċezzjonali”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Stat Membru jista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u għal postijiet definiti ġeografikament, jissottomettu talba speċjali lill-Kummissjoni għal-perjodu itwal minn dak stipulat fl-Artikolu 14. Il-Perjodu miżjud m’għandux jaqbeż it-tlett snin, u lejn l-aħħar tagħhom għandha ssir reviżjoni u din tiġi mgħoddija lill-Kummissjoni. Skond din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni tista’ tippremetti perjodu ieħor miżjud ta’ mhux iktar minn tlett snin. Din id-dispożizzjoni m’għandiex tapplika għall-ilma maħsub għall-konum mill-bniedem offrut għall-bejgħ fi fliexken jew reċepjenti.

2.      Talba bħal din, li r-raġunijiet għaliha għandhom ikunu mogħtija, għandha tiddikjara d-diffikultajiet esperjenzati u tinkludu mill-inqas it-tagħrif kollu speċifikat fl-Artikolu 9(3).”

8        L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Parametri u valuri parametriċi”, kien jinkludi Parti B, li min-naħa tagħha kienet intitolata “Parametri kimiċi”, li kienet ifformulata kif ġej:

“Parametru


Valur Parametriku

Unit

Noti

[...]

[...]

[...]

[...]

[THM] - Totali

100

[mikrogramma/

litru (μg/l)]

Total tal-konċentrazzjonijiet talkimiċi speċifikati;

Nota 10

[...]

[...]

[...]

[...]


[...]

Nota 10 Fejn hu possibli, mingħajr ma tkun kompromessa d-diżinfettazzjoni, l-Istati Membri għandom jippruvaw jilħqu livell iktar baxx.

Il-kimiċi speċifikati huma: kloroform, bromoform, dibromoklorometan, bromodiklorometan.

Għall-ilma msemmi fl-Artikolu 6(1)(a), (b) u (d) il-valur għandu jintlaħaq mhux aktar tard minn 10 snin wara id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Il-valur parametriku għat-THM totali minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva sa 10 snin wara id-dħul tagħha fis-seħħ huwa ta’ 150 μg/l.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri kollha xierqa biex inaqqsu l-konċentrazzjoni ta’ THMs f’ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem kemm jista’ jkun matul il-perjodu meħtieġ biex tintlaħaq konformità mal-valur parametriku.

Waqt li jimplimentaw il-miżuri biex jilħqu dan il-valur, l-Istati Membri għandhom progressivament jagħtu prijorità lil dawk iż-żoni fejn hemm l-ogħla konċentrazzjoni ta’ THM f’ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.”

B.      Iddritt Irlandiż

9        Id-Direttiva 98/83 ġiet inizjalment trasposta fid-dritt Irlandiż mill-European Communities (Drinking Water) Regulations 2000 [ir-Regolament tal-Komunitajiet Ewropej tal‑2000 (Ilma tax-Xorb), S.I. Nru 439/2000], illum issostitwit bil-European Union (Drinking Water) Regulations 2014 [ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea tal‑2014 (Ilma tax-Xorb), S.I. Nru 122/2014], kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2014 dwar l-Ilma tax-Xorb”).

10      l-Artikolu 4 tar-Regolament tal‑2014 dwar l-Ilma tax-Xorb huwa redatt kif ġej:

“1.      Bla ħsara għal kwalunkwe deroga mogħtija skont l-Artikolu 11, fornitur tal-ilma għandu jiżgura li l-ilma jkun tajjeb għas-saħħa u nadif u jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament.

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ilma għandu jitqies tajjeb għas-saħħa u nadif jekk

a)      huwa ħieles minn mikroorganiżmi, minn parassiti u minn sustanzi li, fin-numru jew fil-konċentrazzjoni, jikkostitwixxu perikolu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, u

b)      jissodisfa l-istandards ta’ kwalità speċifikati fit-Tabelli A u B tal-Parti 1 tal-Anness.”

11      Skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament tal‑2014 dwar l-Ilma tax-Xorb:

“Bla ħsara għall-Artikolu 9 u għall-paragrafi 5 u 8, meta jiġi kkonstatat, wara kontroll għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, li l-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem ma tikkonformax mal-valuri parametriċi speċifikati fil-Parti 1 tal-Anness, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha, bla ħsara għad-derogi fis-seħħ skont dan ir-regolament

a)      tiżgura li d-distributur tal-ilma jieħu l-miżuri korrettivi neċessarji mill-iktar fis possibbli sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-kwalità tal-ilma, u tista’, għal dan il-għan, tindirizza kwalunkwe direttiva li tqis xierqa lid-distributur tal-ilma kkonċernat;

b)      tagħti prijorità lill-miżuri ta’ applikazzjoni, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, il-punt sa fejn il-valur parametriku rilevanti jkun inqabeż u l-perikolu potenzjali għas-saħħa tal-persuni;

c)      sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-linji gwida msemmija fil-paragrafu 8, tordna lid-distributur tal-ilma, fi żmien 14 il-jum minn meta jirċievi r-riżultati tal-kontroll, li jfassal programm ta’ azzjoni, jippreżentah għall-approvazzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni f’terminu ta’ 60 jum u jimplimentah għat-titjib tal-kwalità tal-ilma sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan ir-regolament mill-iktar fis possibbli u mhux iktar tard [f’terminu ta’ sena jew sentejn, skont il-każ].”

II.    Ilproċedura prekontenzjuża

12      Sa mill‑1 ta’ Jannar 2014, Irish Water, kumpannija pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma, tieħu responsabbiltà għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ ġestjoni tal-ilma fit-territorju Irlandiż u, taħt is-sorveljanza tal-Environmental Protection Agency (l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem l-“EPA”), tiżgura li l-kwalità tal-ilma tax-xorb tissodisfa l-istandards stabbiliti mid-Direttiva 98/83 kif ukoll mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li ttrasponewha fl-ordinament ġuridiku Irlandiż. Minn din id-data, Irish Water ġiet fdata r-responsabbiltà għad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb f’żoni li jaqgħu taħt 34 kunsill muniċipali u kunsilli tal-kontej. Minbarra n-networks pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma operati minn Irish Water, kooperattivi privati msejħa “Group Water Schemes” (gruppi ta’ provvista tal-ilma), jipprovdu servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb f’ċerti numru ta’ żoni rurali.

13      Fit‑3 ta’ Diċembru 2014 u fit‑23 ta’ Jannar 2015, id-dipartimenti tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Irlandiżi jipprovdulhom informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/83 f’dan l-Istat Membru. L-awtoritajiet Irlandiżi wieġbu għal dawn it-talbiet fid‑9 ta’ Jannar u fid‑19 ta’ Marzu 2015 rispettivament billi pprovdew informazzjoni dettaljata dwar il-portata tal-qbiż tal-limitu ammissibbli ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb fl-Irlanda, l-informazzjoni pprovduta lill-pubbliku u l-miżuri korrettivi stabbiliti.

14      Wara l-eżami tal-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet Irlandiżi fid‑9 ta’ Jannar u fid‑19 ta’ Marzu 2015, id-dipartimenti tal-Kummissjoni indikawlhom, fil‑11 ta’ Marzu 2015, li s-sitwazzjoni hekk deskritta ma kinitx konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 98/83 kif ukoll mill-Parti B tal-Anness I tagħha. L-awtoritajiet Irlandżi rreaġixxew għal din il-konstatazzjoni permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Settembru 2015 u l-kwistjoni ġiet diskussa waqt laqgħa, fl‑1 ta’ Diċembru 2015, bejn dawn l-awtoritajiet u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

15      L-awtoritajiet Irlandiżi bagħtu l-ewwel rapport dwar il-progress fis‑7 ta’ Marzu 2016, ikkompletat fid‑29 ta’ April 2016. F’dak li jirrigwarda l-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata li l-istat tagħhom kien meqjus li huwa ta’ tħassib, dawn l-awtoritajiet ipprovdew rapporti partikolari.

16      Wara talba ġdida mingħand xi dipartimenti tal-Kummissjoni, mibgħuta lill-awtoritajiet Irlandiżi fid‑9 ta’ Awwissu 2016, dawn tal-aħħar bagħtulhom, permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2016, it-tieni stat ta’ progress kif ukoll rapporti separati għall-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata. Fit‑18 ta’ Novembru 2016, l-awtoritajiet Irlandiżi bagħtu t-tielet rapport dwar il-progress.

17      Wara l-eżami ta’ dawn it-tliet rapporti dwar il-progress, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minkejja ċerta progress, diversi networks ta’ distribuzzjoni tal-ilma kienu għadhom jidhru mhux konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 98/83. B’konsegwenza, din l-istituzzjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda fl‑20 ta’ Lulju 2018, li fiha kkonstatat li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/83, moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I tagħha, u tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ 73 żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma, li jkopru popolazzjoni ta’ 481 218 abitant, u 24 grupp ta’ provvista ta’ ilma ta’ natura privata, li jkopru 22 989 abitant.

18      Fid‑19 ta’ Ottubru 2018, l-Irlanda wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni billi spjegat fid-dettall il-progress li kien diġà twettaq u billi indikat li l-konformità totali tas-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tar-rekwiżiti tad-Direttiva 98/83 kienet ser tintlaħaq sa tmiem is-sena 2021.

19      Fl‑14 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lill-Irlanda, li fiha hija kkunsidrat li, billi naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem jissodisfa r-rekwiżit minimu relatat mal-preżenza fih ta’ THM, konformement mal-valuri parametriċi li jinsabu fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 98/83, f’31 żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma, li jkopru popolazzjoni ta’ 284 527 abitant, u fi tlettax-il grupp ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata, li jkopru 9 701 abitant li hija identifikat, u sabiex il-miżuri korrettivi neċessarji jittieħdu mill-iktar fis possibbli sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem f’dawn iż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma u f’dawn il-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata u li, billi ma tatx il-prijorità għall-applikazzjoni tagħhom, fid-dawl, fost l-oħrajn, ta’ kemm inqabeż il-valur parametriku rilevanti u l-perikolu potenzjali għas-saħħa tal-persuni, l-Irlanda kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83, moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I tagħha, u l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

20      Permezz ta’ din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ordnat ukoll lill-Irlanda tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha f’terminu ta’ erba’ xhur minn meta tintbagħat din l-opinjoni motivata, sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Settembru 2020.

21      L-Irlanda wieġbet għal din l-opinjoni motivata fit‑18 ta’ Settembru 2020 u bagħtet informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni fit‑2 ta’ Marzu 2021. Fit‑18 ta’ Ġunju 2021, bi tweġiba għal talba tad-dipartimenti ta’ din tal-aħħar, l-awtoritajiet Irlandiżi bagħtu r-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tagħhom relatati mas-sena 2020.

22      Fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata, l-Irlanda affermat li laħqet b’mod sostenibbli l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 98/83 fi ħmistax mill-wieħed u tletin żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma u fi tlieta mit-tlettax-il grupp ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata msemmija f’din l-opinjoni.

23      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Marzu 2021, l-Irlanda informat lill-Kummissjoni bit-tqegħid f’konformità ta’ żewġ żoni pubbliċi oħra ta’ distribuzzjoni tal-ilma.

24      Fid‑19 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni indirizzat talba teknika lill-Irlanda sabiex din tipprovdilha d-data ta’ sorveljanza tal-konċentrazzjonijiet ta’ THM relatati mas-sena 2020 għaż-żoni pubbliċi kollha ta’ distribuzzjoni tal-ilma koperti mill-proċedura ta’ ksur.

25      Fit‑18 ta’ Ġunju 2021, l-Irlanda pprovdiet data għall-parti l-kbira ta’ dawn iż-żoni ta’ distribuzzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda data ta’ sorveljanza, jew biss data mhux kompleta, għal tliet żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma koperti mill-opinjoni motivata.

26      Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġibiet u bl-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

III. Fuq irrikors

27      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ ilmenti bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83, moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I tagħha, peress li l-Irlanda ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem jissodisfa r-rekwiżit minimu dwar il-preżenza fih ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM, konformement mal-valuri parametriċi li jinsabu f’din il-Parti B tal-Anness I fir-rigward tal-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem f’wieħed u għoxrin żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma u f’disa’ gruppi ġodda ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata u, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 98/83, peress li l-Irlanda ma adottatx mill-iktar fis possibbli l-miżuri korrettivi neċessarji sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem f’dawn iż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma u f’dawn il-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-gravità tal-qbiż tal-valur parametriku rilevanti u tal-perikolu potenzjali għas-saħħa tal-persuni.

28      Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-THM huma komposti kimiċi li jifformaw permezz ta’ reazzjoni bejn id-diżinfettanti abbażi tal-kloru u tal-materja organika preżenti fl-ilma, bħall-batterji u l-materjal veġetali. Spiss ikunu preżenti fl-ilma tax-xorb, b’mod partikolari fis-sistemi ta’ trattament tal-ilma li jużaw il-kloru sabiex jeliminaw il-batterji u l-kontaminanti.

29      It-THM iqajmu tħassib għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent peress li l-espożizzjoni fit-tul għal livelli għoljin ta’ dawn il-komposti kimiċi fl-ilma tax-xorb tista’ tippreżenta riskji bħall-kanċer, b’mod partikolari l-kanċer tal-bużżieqa tal-awrina u l-kanċer tal-kolon, u tikkawża problemi gastrointestinali kif ukoll irritazzjonijiet tal-ġilda. Barra minn hekk, it-THM, ladarba rrilaxxati fl-ambjent, jistgħu jkunu tossiċi għall-fawna akwatika, ifixklu l-ekosistemi tal-ilma ħelu u jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta’ żoni mejta fl-oċeani billi jinkoraġġixxu t-tkabbir eċċessiv ta’ alki.

30      Sabiex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb, konformement mad-Direttiva 98/83, l-awtoritajiet regolatorji tal-ilma u l-impriżi tat-trattament tal-ilma tax-xorb għandhom jużaw metodi ta’ diżinfestazzjoni alternattivi, inaqqsu l-kwantità ta’ materja organika fl-ilma mhux ittrattat, u jagħmlu l-aħjar użu mill-proċessi ta’ trattament sabiex tiġi minimizzata l-formazzjoni ta’ dawn il-komposti.

A.      Fuq lammissibbiltà tarrikors li jikkonċerna tliet żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni talilma

1.      Largumenti talpartijiet

31      L-Irlanda ssostni li r-rikors tal-Kummissjoni huwa inammissibbli sa fejn jikkonċerna ż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Drimoleague, ta’ Ring/Helvick u ta’ Grangemore.

32      Dan l-Istat Membru jsostni fir-risposta tiegħu li “l-punt ta’ referenza essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk provvista pubblika ta’ ilma partikolari tosservax jew le l-valuri parametriċi stabbiliti għat-THM huwa l-lista tal-azzjonijiet korrettivi tal-EPA”. L-imsemmi Stat Membru jsostni li t-tliet żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma kkonċernati ma ġewx inklużi fil-lista tal-azzjonijiet korrettivi “minħabba li ma kinux għadhom jeżistu”. L-Irlanda tirrikonoxxi li, f’tali sitwazzjonijiet, il-Kummissjoni tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat, iżda tikkontesta l-fatt li hija ma osservatx, f’dan il-każ, l-obbligu tagħha ta’ informazzjoni.

33      Il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda wettqet nuqqas meta ma informathiex speċifikament bid-dekummissjonar ta’ dawn it-tliet żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma, meta ma pprovdietx id-data li kienet tippermetti li tiġi pprovata l-konformità tan-networks ġodda ta’ distribuzzjoni tal-ilma mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 98/83 u, f’dak li jikkonċerna ż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Ring/Helvick u ta’ Grangemore, billi ma mmotivatx l-irtirar ta’ “żona ta’ distribuzzjoni tal-ilma mhux konformi” mil-lista tal-azzjonijiet korrettivi.

34      Skont il-Kummissjoni, l-Irlanda ma informathiex li ż-żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Drimoleague issa kienet marbuta man-network ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Skibbereen (l-Irlanda). Konsegwentement, fil-mument meta ppreżentat ir-rikors tagħha, din l-istituzzjoni ma kellha ebda informazzjoni li kienet tippermettilha tikkonkludi li l-problema tal-kwalità tal-ilma tax-xorb fiż-żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Drimoleague kienet ġiet solvuta. Huwa biss fil-kuntest tar-risposta tagħha li l-Irlanda pprovdiet data ta’ sorveljanza li kienet tindika li n-network ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Skibbereen kien josserva l-valuri parametriċi stabbiliti għat-THM. Din l-informazzjoni kienet ġiet ikkomunikata tard wisq sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors f’dak li jirrigwarda ż-żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Drimoleague.

35      L-Irlanda ssostni li, minkejja li l-Kummissjoni tafferma li ma ġietx informata li ż-żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Drimoleague kienet issa moqdija minn network ieħor ta’ distribuzzjoni tal-ilma, madankollu din l-istituzzjoni tammetti li t-tneħħija ta’ tali żona mil-lista tal-azzjonijiet korrettivi kellha tidhrilha bħala indikatur ta’ konformità. Issa, f’dan il-każ, minkejja li l-awtoritajiet Irlandiżi kienu pprovdew lill-Kummissjoni, fit‑18 ta’ Ġunju 2021, riżultati ta’ sorveljanza li kienu jindikaw qbiż, f’din iż-żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma, tal-valur parametriku dwar it-THM ikkonstatat fil‑21 ta’ Lulju 2020, xorta jibqa’ l-fatt li n-network pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Drimoleague ma kienx għadu jeżisti fid-data stabbilita fl-opinjoni motivata, jiġifieri l‑15 ta’ Settembru 2020.

36      Fir-rigward taż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Ring/Helvick u ta’ Grangemore, l-Irlanda ssostni fir-risposta tagħha li dawn ma kinux għadhom jeżistu f’din id-data, hekk kif dan jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta minn dan l-Istat Membru bħala tweġiba għall-opinjoni motivata.

37      Skont il-Kummissjoni, is-sempliċi indikazzjoni, fit-tweġiba għall-opinjoni motivata, li dawn iż-żewġ żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma kienu tneħħew “mil-lista ta’ azzjonijiet korrettivi tal-EPA għat-THM” ma kinitx tippermettila tikkonkludi li dawn kienu minn dak iż-żmien josservaw ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 98/83. Minkejja t-tibdil li apparentement seħħ qabel ma ntbagħtet it-tweġiba għall-opinjoni motivata, l-Irlanda ma kinitx ġiet informatha li ż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Ring/Helvick u ta’ Grangemore kienu minn dak iż-żmien marbuta man-networks ta’ distribuzzjoni tal-ilma rispettivament ta’ Dungarvan u ta’ Boyle (l-Irlanda). Barra minn hekk, meta din l-informazzjoni kienet ġiet ipprovduta, din ma kienet tinkludi ebda data li kienet tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-abitanti taż-żoni ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Ring/Helvick u ta’ Grangemore kienu minn dak iż-żmien konnessi ma’ network ta’ distribuzzjoni tal-ilma filwaqt li jiġu osservati l-valuri parametriċi rilevanti. Konsegwentement, fil-mument meta ppreżentat ir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma kellha ebda informazzjoni li kienet tippermettilha tikkunsidra li l-problema tal-kwalità tal-ilma tax-xorb fiż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Ring/Helvick u ta’ Grangemore kienet ġiet solvuta.

38      Il-Kummissjoni ssostni wkoll il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet argument ibbażat fuq il-fatt li ż-żarmar ta’ sistema pubblika ta’ provvista tal-ilma mhux konformi u l-konnessjoni taż-żona preċedentement moqdija minnha ma’ żona pubblika ġdida ta’ distribuzzjoni tal-ilma huma suffiċjenti sabiex tintemm proċedura ta’ ksur dwar provvista tal-ilma mhux konformi, mingħajr ma huwa neċessarju li l-Kummissjoni tiġi informata bil-bidla u mingħajr ma tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-livelli ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM fiż-żona l-ġdida ta’ distribuzzjoni tal-ilma. Riorganizzazzjoni amministrattiva ma tirrendix ineffettiva l-proċedura ta’ ksur u, jekk tista’ effettivament tkun soluzzjoni utli għal tqegħid f’konformità, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jipprovdi informazzjoni ċara li tispjega t-tibdil amministrattiv, pereżempju ż-żarmar ta’ network ta’ provvista tal-ilma u l-konnessjoni taż-żona kkonċernata ma’ network ieħor ta’ provvista, kif ukoll data li tippermetti li jiġi konkluż li t-tibdil solva l-problema, jiġifieri li l-provvista l-ġdida hija konformi mal-valuri parametriċi stabbiliti mid-Direttiva 98/83.

39      Il-Kummissjoni tqis li hija pproduċiet provi suffiċjenti tal-ksur. Barra minn hekk, hija indirizzat talba għal informazzjoni addizzjonali wara t-tweġiba tal-Irlanda għall-opinjoni motivata u qabel ma adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ħaġa li madankollu hija ma kinitx obbligata tagħmel skont l-Artikolu 258 TFUE.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

40      L-Irlanda ssostni, essenzjalment, li dan ir-rikors huwa inammissibbli fir-rigward taż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Drimoleague, ta’ Ring/Helvick u ta’ Grangemore għar-raġuni, essenzjalment, li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri l‑15 ta’ Settembru 2020, it-tliet żoni kkonċernati ma kinux iktar inklużi fil-lista ta’ azzjonijiet korrettivi tal-EPA, peress li dawn ma kinux għadhom jeżistu. B’mod iktar preċiż, iż-żona pubblika ta’ provvista ta’ ilma ta’ Drimoleague kienet marbuta man-network ta’ distribuzzjoni ta’ Skibbereen, dik ta’ Ring/Helvick kienet marbuta man-network ta’ Dungarvan, u ż-żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma pubbliku ta’ Grangemore ġiet miġbura ma’ dik ta’ Boyle.

41      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija din l-istituzzjoni li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Ċipru (Ġbir u trattament tal-ilma urban mormi), C‑248/19, EU:C:2020:171, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Huwa biss meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet biżżejjed provi li juru ċerti fatti li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, li huwa dan li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u fid-dettall id-data hekk ippreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Ċipru (Ġbir u trattament tal-ilma urban mormi), C‑248/19, EU:C:2020:171, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata abbażi tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat hekk kif kienet tippreżenta ruħha fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motiva, b’tali mod li t-tibdil leġiżlattiv jew regolamentari li seħħ wara ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Minn dan jirriżulta f’dan il-każ li hemm lok li tiġi evalwata l-eżistenza tan-nuqqasijiet allegati fir-rigward tas-sitwazzjoni prevalenti fl-Irlanda fit-tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni atti li permezz tagħhom dan l-Istat Membru ddeċieda li jipproċedi għat-tibdil imsemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, mingħajr ma jinforma lill-Kummissjoni dwar dan u mingħajr ma jżommha aġġornata bil-livell tat-tniġġis ta’ THM fiż-żoni l-ġodda ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb.

45      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-qbiż tal-valuri parametriċi li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors, inkluż fit-tliet żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma li għalihom l-ammissibbiltà tiegħu hija kkontestata, huwa stabbilit abbażi tad-data pprovduta mill-Irlanda lill-Kummissjoni u li ma ġietx ikkontestata minn dan l-Istat Membru la matul il-fażi prekontenzjuża u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

46      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni, li ma għandhiex setgħat investigattivi tagħha stess, tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq elementi pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 43). Minn dan isegwi li, billi l-Irlanda ma informatx lill-Kummissjoni bit-tibdiliet imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza u ma kkomunikatilha ebda data li tippermetti li jiġi stabbilit li l-kwalità tal-ilma tax-xorb iddistribwit lill-persuni li preċedentement kienu konnessi maż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Drimoleague, ta’ Ring/Helvick u ta’ Grangemore kienet minn issa konformi mal-valuri parametriċi stabbiliti mid-Direttiva 98/83 fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet ta’ THM, il-Kummissjoni ma kellhiex il-possibbiltà li tkun taf jekk tali tqegħid f’konformità kienx seħħ qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

47      Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrifjutat argument intiż għaċ-ċaħda ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward ta’ ċerti agglomerazzjonijiet minħabba li, wara riorganizzazzjoni amministrattiva territorjali, dawn ma kinux għadhom jeżistu. Għalhekk, ma jistax jiġi konkluż abbażi biss ta’ bidliet amministrattivi li jaqgħu taħt l-ordinament intern Irlandiż, li seħħew wara l-intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni u li għandhom bħala effett iż-żarmar ta’ sistema pubblika ta’ provvista tal-ilma mhux konformi mal-limiti stabbiliti mid-Direttiva 98/83 u l-konnessjoni taż-żona preċedentement moqdija minnha ma’ żona pubblika ġdida ta’ distribuzzjoni tal-ilma, li l-proċedura ta’ ksur fir-rigward ta’ provvista tal-ilma mhux konformi hija, minħabba dan il-fatt biss, mingħajr skop (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Sistema ta’ ġbir u trattament tal-ilma urban mormi), C‑668/19, EU:C:2021:815, punti 40 u 41).

48      Fil-fatt, għalkemm tali riorganizzazzjoni amministrattiva territorjali tista’ effettivament tippermetti li jiġu osservati l-valuri limitu stabbiliti mid-Direttiva 98/83, hija l-Irlanda li għandha tippreċiża lill-Kummissjoni fhiex ikkonsistiet konkretament din il-bidla amministrattiva, billi tindikalha, pereżempju, li tali sistema ta’ provvista tal-ilma kienet ġiet żarmata u li ż-żona kkonċernata kienet ġiet konnessa ma’ tali sistema oħra ta’ provvista, kif ukoll data li tipprova l-fatt li l-imsemmi tibdil solva l-problema ta’ tniġġis tal-ilma tat-THM, jiġifieri li l-provvista l-ġdida ta’ ilma tax-xorb hija konformi mal-valuri limitu stabbiliti mid-Direttiva 98/83.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ammissibbli, inkluż fir-rigward taż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma ta’ Drimoleague, ta’ Ring/Helvick u ta’ Grangemore.

B.      Fuq ilmertu

1.      Fuq lewwel ilment

50      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83 f’wieħed u għoxrin żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma u f’disa’ gruppi ġodda ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata li fihom il-valur parametriku dwar il-livell massimu ammissibbli ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb, speċifikat fil-Parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, inqabeż.

51      L-Irlanda tikkontesta dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu billi tiċħad l-eżistenza ta’ obbligu ta’ riżultat impost mid-Direttiva 98/83 u n-natura suffiċjenti tal-provi tan-nuqqas allegat prodotti mill-Kummissjoni. Dan l-Istat Membru jinvoka ċertu numru ta’ fatturi speċifiċi ta’ natura li jiġġustifikaw il-qbiż ta’ dawn il-valuri limitu.

a)      Fuq lobbligu ta’ riżultat

1)      Largumenti talpartijiet

52      Il-Kummissjoni tfakkar fir-rikors tagħha li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat, jiġifieri dak li jiżguraw li l-ilma jkun tajjeb għas-saħħa u nadif, iddestinat għall-konsum mill-bniedem.

53      Fir-risposta tagħha, l-Irlanda tirribatti li l-obbligu fundamentali li għandhom l-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni huwa obbligu “li jieħdu l-miżuri neċessarji” sabiex jiżguraw li l-ilma jkun tajjeb għas-saħħa u nadif. Hija ssostni li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kliem tagħha, tal-kuntest tagħha u tal-iskopijiet tagħha, li għandu jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-imsemmija dispożizzjoni ma toħloqx obbligu ta’ riżultat fuq l-Istati Membri. Anki jekk dan ikun il-każ, obbligu simili fi kwalunkwe każ ma jkunx assolut jew inkundizzjonat.

54      Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-Irlanda tmur kontra t-Trattati, id-Direttiva 98/83 stess u l-ġurisprudenza dwar l-osservanza tal-valuri parametriċi. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, direttiva torbot lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq u, f’dan il-każ, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83 jimponi fuqhom li jiżguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb ma jaqbżux il-valur parametriku ta’ 100 μg/l. Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddeċiedi liema miżuri huma neċessarji sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat, iżda min-naħa l-oħra ma għandux għażla oħra ħlief li jilħqu.

55      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/83 fis-sens li jorbot lill-Istati Membri fir-rigward tal-livell ta’ kwalità tal-ilma li għandu jintlaħaq. Skont il-Kummissjoni, dan jirriżulta mis-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑147/07, EU:C:2008:67), li kienet tikkonċerna nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni minħabba qbiż tal-limitu ammissibbli tal-konċentrazzjonijiet fin-nitrati u fil-pestiċidi preżenti fl-ilma tax-xorb.

56      Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-Irlanda ma tikkontestax li l-konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb kienu qabżu l-valur parametriku ta’ 100 μg/l għas-siti msemmija fl-opinjoni motivata. Għall-kuntrarju, hija dejjem irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ problema dwar il-livelli aċċettabbli ta’ konċentrazzjoni ta’ THM.

57      Fil-kontroreplika tagħha, l-Irlanda ssostni, sussidjarjament, li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83 jista’ jitqies bħala li huwa parzjalment obbligu ta’ motiv u parzjalment obbligu ta’ riżultat.

58      L-Irlanda tinsisti li interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li timponi obbligu assolut u inkundizzjonat ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni reali fl-Irlanda. Fil-fatt, il-kwalità tal-ilma tax-xorb ma hijiex kostanti, iżda tvarja skont firxa wiesgħa ta’ fatturi ambjentali, ġeografiċi u fiżiċi li jaffettwaw il-livelli ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM u li jagħmlu diffiċli ħafna li l-valuri parametriċi stabbiliti mid-Direttiva 98/83 jiġu osservati f’ċerti siti, anki meta jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha.

59      Skont l-Irlanda, minkejja numru limitat ta’ każijiet ta’ qbiż tal-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb, ittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi li l-ilma jkun tajjeb għas-saħħa u nadif, konformement mal-obbligu impost fuqha skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Minn dan jirriżulta li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ tqegħid f’konformità stabbilit fl-opinjoni motivata, dan l-Istat Membru kien jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt din id-dispożizzjoni u, b’estensjoni, l-obbligi tiegħu taħt it-Trattati.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

60      Konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83, moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I tagħha, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li josservaw il-valur parametriku ta’ 100 μg/l fir-rigward tal-livell massimu totali ammissibbli ta’ konċentrazzjoni ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb.

61      L-Irlanda ssostni li l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ma joħloqx obbligu ta’ riżultat fir-rigward tan-nuqqas ta’ qbiż ta’ dan il-valur limitu.

62      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, direttiva għandha torbot l-Istati Membri kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li għandu jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex dawn jilħquh.

63      F’din il-kawża, dan ir-riżultat jikkonsisti, għall-Istati Membri, f’li jiżguraw li l-ilma ta’ distribuzzjoni ddestinat għall-konsum mill-bniedem josserva ċertu numru ta’ parametri essenzjali ta’ kwalità u li jkun tajjeb għas-saħħa, fosthom dak inkwistjoni f’dan ir-rikors, jiġifieri livell massimu ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb. Għalhekk, dawn l-Istati huma obbligati jiżguraw li dawn il-konċentrazzjonijiet ma jaqbżux, b’kollox, 100 μg/l.

64      Fil-fatt, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minnha.

65      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’mod partikolari fis-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑147/07, EU:C:2008:67), li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/83 jorbot lill-Istati Membri fir-rigward tal-istandards ta’ kwalità minimi li l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem għandu jissodisfa. Fl-istess sens, fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑316/00, EU:C:2002:657), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1980 dwar il-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem (ĠU 1980, L 229, p. 11), li d-Direttiva 98/83 ssostitwixxiet, timponi mhux sempliċi dmir ta’ diliġenza, iżda obbligu ta’ riżultat. L-istess japplika għall-obbligu impost fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83.

66      Minn dan jirriżulta li l-argument tal-Irlanda li din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tipprevedix obbligu ta’ riżultat għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq ilprovi

1)      Largumenti talpartijiet

67      L-Irlanda tallega li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni li, peress li l-kwalità tal-ilma tax-xorb fil-wieħed u għoxrin żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma u fid-disa’ gruppi ġodda ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata elenkati fl-anness tar-rikors tagħha ma kinitx allegatament konformi mal-limitu massimu ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM, jiġifieri ta’ 100 μg/l, dan l-Istat Membru neċessarjament naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83.

68      L-imsemmi Stat Membru jqis li, sa fejn l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83 huwa obbligu li jittieħdu l-miżuri neċessarji bl-għan li jintlaħaq riżultat, u fejn mid-Direttiva 98/83 jirriżulta li, anki meta jittieħdu tali miżuri, xi drabi jista’ jirriżulta impossibbli li jiġu osservati l-valuri parametriċi stabbiliti konformement mal-Artikolu 5 tagħha, ma huwiex biżżejjed li l-Kummissjoni tibbaża fuq tali preżunzjoni. F’dan il-każ, għall-kuntrarju, hija din tal-aħħar li għandha tistabbilixxi, permezz ta’ provi suffiċjenti, li, fir-rigward ta’ networks ta’ distribuzzjoni identifikati fl-anness tar-rikors tagħha, l-Irlanda ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-ilma jkun tajjeb għas-saħħa u nadif, iddestinat għall-konsum mill-bniedem, ħaġa li din l-istituzzjoni baqgħet ma pprovatx.

69      Il-Kummissjoni tfakkar li l-qbiż ta’ valur parametriku għandu natura fattwali u oġġettiva u li d-data pprovduta mill-Irlanda, li ma ġietx ikkontestata minnha, hija elokwenti f’dan ir-rigward.

70      Madankollu, huwa minnu li l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni neċessarja sabiex din tkun tista’ tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu li hija tallega fil-konfront tal-Istati Membri. Madankollu, dawn tal-aħħar huma obbligati jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni u, fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni korretta fil-prattika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ direttiva, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-istituzzjoni, li ma għandhiex setgħat investigattivi tagħha stess f’dan il-qasam, tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-elementi pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat.

71      Fil-kontroreplika tagħha l-Irlanda ssostni li l-fatt li l-miżuri adottati minn Stat Membru jieħdu effett u jippermettu li tiġi ggarantita l-konformità mal-obbligi tiegħu skont direttiva biss wara ċertu żmien ma jfissirx li l-imsemmija miżuri ma jkunux ittieħdu.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

72      L-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni baqgħet ma stabbilixxietx, permezz ta’ provi suffiċjenti, li, f’kull wieħed min-networks ta’ distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb identifikati fir-rikors tagħha, dan l-Istat Membru ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem ikun tajjeb għas-saħħa u nadif.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat. Hija din l-istituzzjoni li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji sabiex tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża fuqha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jiffaċilitaw it-twettiq lill-Kummissjoni tal-missjoni tagħha, li tikkonsisti b’mod partikolari, skont l-Artikolu 17(1) TUE, li tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif ukoll tad-dispożizzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet skont dan it-Trattat (sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’din il-perspettiva, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni korretta fil-prattika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ddestinati li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ direttiva, il-Kummissjoni, li ma għandhiex setgħat investigattivi tagħha stess fil-qasam, tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-elementi pprovduti minn eventwali lanjanti kif ukoll mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Minn dan isegwi b’mod partikolari, li meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet elementi suffiċjenti li juru ċerti fatti li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan ta’ l-aħħar li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall id-data hekk ippreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      F’ċirkustanzi bħal dawn, huma fil-fatt l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom l-obbligu prinċipali li jwettqu l-verifiki neċessarji fuq il-post, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali, konformement mad-dmir ta’ kull Stat Membru li jiffaċilita l-missjoni ġenerali tal-Kummissjoni (sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tinvoka lmenti ddettaljati li juru nuqqasijiet repetuti ta’ twettiq tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jikkontesta b’mod konkret il-fatti allegati f’dawn l-ilmenti (sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      F’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-data pprovduta mill-Irlanda stess dwar l-osservanza – jew il-qbiż – tal-valuri parametriċi stabbiliti fid-Direttiva 98/83, u b’mod iktar partikolari fil-Parti B tal-Anness I tagħha, għal dak li jikkonċerna l-konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem, hija data xjentifika li ma ġietx ikkontestata minn dan l-Istat Membru matul il-fażi prekontenzjuża, u li għalhekk tikkostitwixxi elementi fattwali oġġettivi.

80      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-prova, mill-Kummissjoni, li dan l-Istat Membru adotta l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem ikun tajjeb għas-saħħa u nadif, konformement mal-obbligi imposti fuqu skont id-Direttiva 98/83, jekk, skont l-Artikolu 288 TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita mill-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom “l-għażla ta’ forom u metodi” sabiex jimplimentaw din id-direttiva, huwa d-dmir tagħhom li jilħqu r-riżultat iddefinit minnha. Għalhekk, minkejja li l-Irlanda hija libera li tiddefinixxi l-metodi ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku intern tagħha, fid-dawl tal-partikolaritajiet tiegħu, hija għandha madankollu tosserva d-dispożizzjonijiet kolla u, għaldaqstant, tiżgura li l-konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb ma jaqbżux 100 μg/l fit-territorju kollu tagħha.

81      Peress li dan l-obbligu mhux dejjem kien ġie osservat mill-Irlanda, meta t-terminu li l-Kummissjoni kienet tatha fl-opinjoni motivata tagħha, iktar minn sbatax-il sena wara d-data li fiha l-Istati Membri kienu obbligati jiżguraw il-konformità tas-sitwazzjoni tagħhom mar-rekwiżiti tad-Direttiva 98/83, ikun skada, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq il-miżuri parametriċi pprovduti mill-Irlanda li jattestaw li nqabeż il-valur limitu ta’ THM fl-ilma tax-xorb fiż-żoni pubbliċi kollha ta’ distribuzzjoni tal-ilma u fil-gruppi kollha ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata msemmija f’dan ir-rikors, ipproduċiet biżżejjed provi insostenn tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Minn dan jirriżulta li l-qbiż hekk ikkonstatat għandu jitqies bħala persistenti, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata tipproduċi provi addizzjonali f’dan ir-rigward.

c)      Fuq il“fatturi speċifiċi u partikolari”

1)      Largumenti talpartijiet

82      L-Irlanda ssostni li fatturi speċifiċi u distintivi ta’ tipi ġeografiċi u ambjentali, jiġifieri, b’mod partikolari, in-natura tas-sorsi tal-ilma tagħha, il-preżenza ta’ pit, ta’ xaqlib topografiku dgħajjef u kwantità ta’ xita ogħla mill-medja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn dawn għandhom bħala effett li jikkomplikaw b’mod kunsiderevoli f’ċerti każijiet l-għan intiż sabiex il-konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb ikunu konformi mal-limiti previsti mid-Direttiva 98/83, b’mod partikolari meta għandu jinżamm, simultanjament, proċess effettiv ta’ diżinfestazzjoni. Il-miżuri korrettivi meħtieġa huma tant kbar li jimplikaw soluzzjonijiet strutturali, bħall-istabbiliment ta’ impjanti ta’ trattament ġodda jew imtejba b’mod kunsiderevoli, li jirrikjedu, min-natura tagħhom, investimenti kbar fil-ħin u fil-kapital.

83      Il-Kummissjoni ssostni, fir-replika tagħha, li d-Direttiva 98/83 tipprevedi hija stess li Stat Membru jista’ ma jkunx fil-pożizzjoni li josserva bis-sħiħ l-obbligi stabbiliti fiha u tipprovdi qafas speċifiku għal derogi possibbli. Din id-direttiva tawtorizza wkoll li Stat Membru jibbenefika, f’każijiet eċċezzjonali, minn estensjoni tat-terminu ta’ traspożizzjoni. Skont il-Kummissjoni, l-Irlanda ma għamlet użu minn ebda waħda minn dawn l-għażliet.

84      Skont il-Kummissjoni, l-Irlanda għandha għarfien dwar il-problema ta’ nuqqas ta’ konformità għal kważi għoxrin sena u, de facto, ibbenefikat minn ħafna iktar żmien minn dak li kien ingħatalha fil-kuntest ta’ waħda minn dawn id-derogi formali, tkun xi tkun. La l-fatturi ġeoloġiċi u lanqas ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regoli fil-qasam tal-ippjanar tat-territorju u/jew tal-ambjent, invokati mill-Irlanda, ma jistgħu jiġu utilment invokati sabiex dan in-nuqqas ta’ konformità għal żmien twil ikun iġġustifikat.

85      F’dan ir-rigward, l-Irlanda ssostni, b’mod globali, li l-ilma tax-xorb iddistribwit f’dan l-Istat Membru jissodisfa, fil-parti l-kbira, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 98/83 u li din il-proċedura tirrigwarda s-sitwazzjoni tagħha f’mument preċiż, jiġifieri fl-iskadenza tat-terminu ta’ tqegħid f’konformità stabbilit fl-opinjoni motivata.

86      Minbarra dan, anki jekk l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83 kienet eżatta u li d-derogi previsti minn din id-direttiva kienu eżawrjenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ċirkustanzi esterni li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Istati Membri u li jirrendu impossibbli jew anormalment diffiċli l-osservanza minnhom tal-obbligi tagħhom skont direttiva, minkejja li kienet intużat id-diliġenza meħtieġa kollha, setgħu jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li, f’kull ċirkustanza oħra, tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

87      Hekk kif jirriżulta mill-punt 82 ta’ din is-sentenza, l-Irlanda tinvoka l-eżistenza ta’ ċertu numru ta’ fatturi ġeografiċi, ġeoloġiċi u ambjentali, jew regolatorji, li jagħmlu l-għan intiż sabiex il-livelli ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb ikunu konformi mal-limiti previsti mid-Direttiva 98/83 partikolarment diffiċli li jintlaħaq f’ċerti każijiet. Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, l-eżistenza ta’ dawn il-fatturi teħtieġ l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet strutturali, li jeħtieġu żmien u mezzi finanzjarji kunsiderevoli.

88      Issa, mid-Direttiva 98/83, b’mod partikolari mill-premessa 29 tagħha u mill-Artikolu 9 tagħha, jirriżulta li din tippermetti lil Stat Membru li ma jkunx fil-pożizzjoni li josserva bis-sħiħ l-obbligi stabbiliti fiha li jipprevedi derogi mill-valuri parametriċi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jipprevedi l-possibbiltà għal Stat Membru, f’każijiet eċċezzjonali, li jitlob estensjoni tat-terminu ta’ traspożizzjoni.

89      F’dan il-każ, l-Irlanda ma għamlitx użu minn dawn il-possibbiltajiet.

90      Barra minn hekk, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq il‑konstatazzjoni oġġettiva ta’ nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal‑obbligi tiegħu taħt it-Trattat FUE jew taħt att tad-dritt sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 1983, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 301/81, EU:C:1983:51, punt 8, u tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑297/08, EU:C:2010:115, punt 81).

91      Peress li tali konstatazzjoni, fil-każ inkwistjoni, kienet ġiet stabbilita, ma huwiex rilevanti li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirriżulta mir-rieda tal-Istat Membru li huwa imputabbli għalih, min-negliġenza tiegħu jew inkella mid-diffikultajiet tekniċi li dan tal-aħħar ġie kkonfrontat bihom (sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 1998, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑71/97, EU:C:1998:455, punt 15, u tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑297/08, EU:C:2010:115, punt 82).

92      Fi kwalunkwe każ, Stat Membru li jiltaqa’ ma’ diffikultajiet li jkunu temporanjament insormontabbli li jipprekluduh milli jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jista’ jinvoka sitwazzjoni ta’ forza maġġuri biss għall-perijodu neċessarju sabiex jirrimedja dawn id-diffikultajiet (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, EU:C:2001:687, punt 131).

93      Issa, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li la l-fatturi ġeografiċi, ġeoloġiċi jew ambjentali u lanqas ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regoli fil-qasam tal-ippjanar tat-territorju u/jew tal-ambjent invokati mill-Irlanda ma jistgħu jikkostitwixxu sitwazzjonijiet ta’ forza maġġuri li jiġġustifikaw il-fatt li dan l-Istat Membru ma jikkonformax ruħu, kważi sbatax-il sena wara d-data stabbilita konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/83, mal-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva, minkejja li kellu l-possibbiltà li jipprevedi derogi provviżorji abbażi tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dawn bl-ebda mod ma huma avvenimenti imprevedibbli ta’ perijodu qasir li għandhom impatt għal tul limitat, peress li huwa paċifiku li l-Irlanda naqset milli “żżomm proċedura ta’ diżinfestazzjoni effettiva u rigoruża” għal numru kunsiderevoli ta’ żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma u ta’ gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 98/83, u, fi kwalunkwe każ, li dan kien il-każ fl-iskadenza tat-terminu ta’ tqegħid f’konformità stabbilit mill-opinjoni motivata.

94      Minn dan jirriżulta li l-Irlanda ma tistax tinvoka utilment argumenti marbuta mal-partikolaritajiet ġeografiċi, ġeoloġiċi jew ambjentali tat-territorju tagħha jew inkella mar-regoli fil-qasam tal-ippjanar tat-territorju u/jew tal-ambjent sabiex tiġġustifika l-eżistenza ta’ nuqqas persistenti ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 98/83, u dan iktar u iktar meta, minn naħa, il-qbiż tal-valur limitu ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM fl-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem kien ġie kkonstatat matul perijodu kunsiderevoli u, min-naħa l-oħra, l-Irlanda ma għamlitx użu mill-possibbiltajiet ta’ derogi previsti minn din id-direttiva.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax il-miżuri neċessarji sabiex l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem jissodisfa r-rekwiżit minimu dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fih, konformement mal-valuri parametriċi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 98/83, f’wieħed u għoxrin żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma, jiġifieri dawk ta’ Schull, ta’ Drimoleague, ta’ Glenties-Ardara, ta’ Roundwood, ta’ Caragh Lake PWS 022A, ta’ Kilkenny City (Radestown) WS, ta’ Granard, ta’ Gowna, ta’ Staleen, ta’ Drumcondrath, ta’ Grangemore, ta’ Lough Talt Regional Water Supply, ta’ Ring/Helvick, ta’ Aughrim/Annacurra, ta’ Bray Direct, ta’ Greystones, ta’ Kilmacanogue, ta’ Newtown Newcastle, ta’ Enniskerry Public Supply, ta’ Wicklow Regional Public Supply u ta’ Ballymagroarty, kif ukoll f’disa’ gruppi ġodda ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata, jiġifieri dawk ta’ Crossdowney, ta’ Townawilly, ta’ Cloonluane (Renvyle), ta’ Lettergesh/Mullaghgloss, ta’ Bonane, ta’ Parke, ta’ Nephin Valley GWS, ta’ Curramore (Ballinrobe) u ta’ Keash, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83.

2.      Fuq ittieni lment

96      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi ma żguratx li l-miżuri korrettivi neċessarji jittieħdu mill-iktar fis possibbli sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem fiż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma u fil-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata msemmija fil-punt preċedenti u billi ma tatx il-prijorità lill-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-miżura li biha l-valur parametriku rilevanti kien inqabeż u tal-perikolu potenzjali għas-saħħa tal-persuni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 98/83.

a)      Largumenti talpartijiet

97      Il-Kummissjoni tfakkar, fir-rikors tagħha, li, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 98/83, jekk l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem ma jissodisfax il-valuri parametriċi stabbiliti fir-rigward tal-valur totali tal-konċentrazzjonijiet ta’ THM imsemmi fil-Parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jadotta “mill-iktar fis possibli” il-miżuri korrettivi neċessarji “biex terġa’ tintlaħaq il-kwalità” ta’ dan l-ilma, fid-dawl, fost l-oħrajn, ta’ kemm inqabeż il-valur parametriku rilevanti u tal-perikolu potenzjali għas-saħħa tal-persuni.

98      F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ osservanza tal-valur parametriku stabbilit għat-THM jikkostitwixxi, mid-definizzjoni tiegħu stess, perikolu potenzjali għas-saħħa tal-persuni, sa fejn ilma li ma jissodisfax dan ir-rekwiżit minimu ma jistax jitqies bħala nadif u tajjeb għas-saħħa.

99      Issa, l-Irlanda stess tirrikonoxxi li n-numru ta’ każijiet ta’ qbiż tal-livelli ammissibbli ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM ikkonstatati fit-territorju tagħha huwa għoli meta mqabbel mal-Istati Membri l-oħra. Minbarra dan, anki jekk l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ manuvra sabiex jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli. Madankollu, f’dan il-każ, ma hemm l-ebda dubju, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi li jipprovaw l-eżistenza ta’ qbiż matul kważi għoxrin sena, li l-Irlanda naqset milli twettaq dan l-obbligu. Fil-fatt, minkejja li l-Irlanda kienet obbligata tikkonforma ruħha mal-valuri parametriċi mis‑26 ta’ Diċembru 2003, u minkejja skambji regolari mal-Kummissjoni dwar dan in-nuqqas ta’ konformità sa mis-sena 2013, is-sitwazzjoni għadha ma hijiex konformi minkejja li għaddew iktar għaxar snin. B’mod partikolari, il-ħolqien ta’ Irish Water fl‑2013 juri biss li l-Irlanda ħadet iż-żmien sabiex tieħu azzjoni, peress li d-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 98/83 kienet diġà għaddiet b’għaxar snin.

100    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ilma tax-xorb huwa kkonsmat kuljum u li ma teżisti ebda soluzzjoni oħra faċilment disponibbli għall-konsumatur jekk l-ilma ta’ distribuzzjoni ma jissodisfax l-istandards minimi ta’ ndafa u li jkun tajjeb għas-saħħa ddefiniti mid-Direttiva 98/83. Konsegwentement, l-interpretazzjoni tat-termini “mill-iktar fis possibli” għandha tkun relattivament stretta.

101    L-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx li hija ma kinitx ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem u tafferma li r-rikors jibbaża fuq preżunzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda eżempju preċiż ta’ miżuri korrettivi u/jew ta’ applikazzjoni li kellhom jittieħdu, iżda li ma ġewx adottati minn dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, dan tal-aħħar jippreċiża li sar progress sinjifikattiv, peress li l-konformità għal żmien twil intlaħqet fit‑73 żona pubblika kollha ta’ distribuzzjoni tal-ilma ċċitati fl-ittra ta’ intimazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ ħmistax minnhom.

102    L-Irlanda ssostni wkoll li s-sempliċi fatt li qbiż tal-livelli ta’ THM ġie kkonstatat, anki fuq perijodu twil, ma jfissirx madankollu li l-miżuri korrettivi u/jew ta’ applikazzjoni neċessarji ma kinux ittieħdu. Barra minn hekk, f’numru sew tal-każijiet li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors, dan l-Istat Membru kien ġie mġiegħel jevolvi maż-żmien il-miżuri meqjusa neċessarji sabiex tiġi żgurata l-konformità għal żmien twil tal-ilma tax-xorb mar-rekwiżiti tad-Direttiva 98/83, mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ natura strutturali tieħu ż-żmien ukoll.

103    L-Irlanda ma tikkontestax li t-termini “mill-iktar fis possibli” użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 98/83 ifissru li l-miżuri korrettivi neċessarji għandhom jittieħdu fl-iqsar żmien possibbli. Madankollu, l-evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju ma tistax issir indipendentement mis-sitwazzjoni konkreta prevalenti fl-Istat Membru inkwistjoni. B’mod partikolari għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tan-network ta’ distribuzzjoni tal-ilma kkonċernat sabiex jiġi evalwat jekk il-miżuri korrettivi neċessarji ttiħdux “mill-iktar fis possibli”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 8(2), ħaġa li l-Kummissjoni ma għamlitx f’dan il-każ.

104    Il-Kummissjoni tfakkar li, bħal fil-każ tal-proċedura ta’ ksur inġenerali, ma hijiex din tal-aħħar li għandha tipprovdi lista ta’ miżuri ipotetiċi li setgħu ttieħdu għal kull żona ta’ distribuzzjoni tal-ilma mhux konformi. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Irlanda, hija ma bbażat ruħha fuq ebda preżunzjoni. Hija tenfasizza li hija mhux biss ikkonstatat qbiż tal-valuri parametriċi stabbiliti għat-THM, iżda wkoll li dan il-qbiż kien jippersisti mill-inqas sa mis-sena 2012 u li d-dati mressqa mill-Irlanda bħala dawk li fihom hija kienet tasal sabiex tosserva, fuq perijodu twil ta’ żmien, il-valuri parametriċi dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ THM kienu ġew imdewma, fil-parti l-kbira tal-każijiet diversi drabi, għaż-żoni pubbliċi kollha ta’ distribuzzjoni tal-ilma msemmija f’dan ir-rikors.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

105    Konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 98/83, jekk il-valur parametriku stabbilit għall-konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb ikun inqabeż, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li jadotta “mill-iktar fis possibli” il-miżuri korrettivi neċessarji u li jagħtihom prijorità sabiex il-livell ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet jitnaqqas sal-limitu stabbilit fil-Parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, fid-dawl b’mod partikolari tal-punt li fih il-valur parametriku rilevanti jkun inqabeż u tal-perikolu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem.

106    L-ewwel nett, l-Irlanda tallega li l-Kummissjoni ma wrietx li hija ma adottatx il-miżuri korrettivi neċessarji u li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha f’dan ir-rigward huwa bbażat fuq preżunzjonijiet. Il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda eżempju preċiż ta’ miżuri korrettivi u/jew ta’ applikazzjoni li kellhom jittieħdu minn dan l-Istat Membru.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u għalhekk li tipproduċi l-prova li Stat Membru ma osservax obbligu stabbilit minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu – PM10),C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 83). Madankollu, f’dan il-każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq sempliċi preżunzjoni li l-Irlanda ma adottatx il-miżuri korrettivi neċessarji, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 98/83, peress li qbiż tal-valuri limitu ta’ portata u ta’ tul ta’ żmien konsegwenti, bħalma huwa l-każ fil-kuntest ta’ din il-kawża, jikkostitwixxu fihom infushom prova li l-Irlanda ma ħaditx tali miżuri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Valuri limiti-NO2), C‑664/18, EU:C:2021:171, punt 135).

108    Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li għalkemm l-Istati Membri għandhom ċerta marġni ta’ manuvra għad-determinazzjoni ta’ miżuri korrettivi li għandhom jiġu adottati, dawn għandhom jippermettu li l-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu PM 10) C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dati ta’ tqegħid f’konformità inizjalment stmati kienu ġew posposti mill-Irlanda fl-okkażjoni ta’ kull rapport ta’ progress ġdid, b’tali mod li l-iskeda tal-miżuri korrettivi previsti kienet suġġetta wkoll għal dewmien konsegwenti, b’tali mod li l-qbiż tal-valuri limitu ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM kien għadu jippersisti mill-inqas fis-sena 2012.

110    Fil-fatt, matul il-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport ta’ progress, dewmien fix-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni kienu diġà rrikonoxxuti mill-Irlanda fir-rigward ta’ 19-il network ta’ distribuzzjoni fuq total ta’ 81. It-tielet rapport ta’ progress kien jiffoka wkoll fuq dewmien dwar 23 network ta’ distribuzzjoni fuq total ta’ 73. Fit-tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni, l-Irlanda kienet ipposponiet id-data ta’ tqegħid f’konformità tas-sitwazzjoni tagħha għas-sena 2021, u fit-tweġiba għall-opinjoni motivata, din id-data kienet mill-ġdid posposta, din id-darba sas-sena 2023.

111    Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li tallega l-Irlanda, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jibqa’ persistenti minkejja eventwali tendenza parzjali għat-tnaqqis fil-livelli ta’ qbiż murija mid-data miġbura, li madankollu ma jwassalx sabiex dan l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-valuri parametriċi li huwa obbligat josserva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 65, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limiti għall-PM10), C‑638/18, EU:C:2020:334, punt 70). Issa, dan huwa l-każ hawnhekk.

112    Fil-fatt, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u mill-punti ta’ fatt imfakkra fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel ilment jirriżulta li l-Irlanda manifestament ma adottatx fi żmien xieraq il-miżuri xierqa li kienu jippermettu li jiġi żgurat li l-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM ikun l-iqsar possibbli fiż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma u fil-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata msemmija f’dan ir-rikors. Għaldaqstant, kif huwa sostnut fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, il-qbiż ta’ dawn il-valuri limitu jibqa’ sistematiku u persistenti tal-inqas sa mis-sena 2012 fl-imsemmija żoni u gruppi, minkejja l-obbligu li dan l-Istat Membru għandu li jieħu l-miżuri kollha xierqa u effikaċi, u li jagħti prijorità lill-applikazzjoni tagħhom, sabiex jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li l-perijodu ta’ qbiż għandu jkun l-iqsar possibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu PM 10), C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Għalhekk, filwaqt li l-Irlanda kienet obbligata, konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/83, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiggarantixxi li l-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem tkun konformi ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mis‑26 ta’ Diċembru 2003, dan l-Istat Membru baqa’, sal-iskadenza tat-terminu mogħti lilu mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha, jiġifieri sbatax-il sena iktar tard, ma żgurax dan it-tqegħid f’konformità, anki wara li kienu nbdew skambji regolari mal-Kummissjoni rigward dan in-nuqqas ta’ konformità sa mis-sena 2013.

114    Issa, tali sitwazzjoni turi minnha nnifisha, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat b’mod iktar iddettaljat il-kontenut tal-miżuri adottati mill-Irlanda fid-diversi żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma u fil-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata msemmija f’dan ir-rikors, li dan l-Istat Membru ma implimentax miżuri xierqa u effikaċi, u lanqas ta prijorità għall-applikazzjoni tagħhom, sabiex jintemm il-qbiż tal-valuri limitu ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM “mill-iktar fis possibli ”, fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/83 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu – PM 10), C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Fir-rigward tal-argument imressaq mill-Irlanda li huwa indispensabbli, għall-Istat Membru kkonċernat, li jkollu termini twal biżżejjed sabiex tali miżuri jipproduċu l-effetti tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, dan l-Istat Membru, de facto, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 93, 109 u 110 ta’ din is-sentenza, ibbenefika minn terminu partikolarment twil sabiex jiżgura tqegħid f’konformità tas-sitwazzjoni tiegħu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 98/83, fid-dawl tat-termini previsti għal dan il-għan minnha, li kienu applikabbli għall-Istati Membri kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu – PM 10),C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Irlanda li t-termini ta’ tqegħid f’konformità li hija ħabbret huma adattati għall-portata tat-trasformazzjonijiet strutturali neċessarji sabiex jintemm il-qbiż tal-valuri limitu ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb, fid-dawl b’mod partikolari tad-diffikultajiet marbuta mal-ippjanar tat-territorju, mal-preżenza ta’ torbi tal-pit u ta’ xaqlib topografiku baxx, ta’ kwantità ta’ xita annwali ogħla mill-medja tal-Istati Membri l-oħra, tan-natura tal-korpi ta’ ilma Irlandiżi, intrinsikament miżjuda b’materji organiċi, kif ukoll tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi u baġitarji tal-investimenti li għandhom jitwettqu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’risposta għal argumenti simili, li l-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi li d-diffikultajiet li huwa jinvoka sabiex jintemm il-qbiż tal-valuri limitu huma ta’ natura li jeskludu li tqegħid f’konformità seta’ seħħ f’termini iqsar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu PM10), C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata), fatt li l-Irlanda baqgħet ma pprovatx fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

117    Fi kwalunkwe każ, diffikultajiet strutturali, relatati mal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi u baġitarji ta’ investimenti fuq firxa wiesgħa li għandhom isiru jew ukoll tas-sitwazzjoni topografika, ma humiex, fihom infushom, ta’ natura eċċezzjonali u ma humiex, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw qbiż persistenti tal-valur parametriku tal-konċentrazzjonijiet ta’ THM fl-ilma tax-xorb matul iktar minn għaxar snin (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu PM 10), C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Irlanda ma huwa ta’ natura li jikkontesta l-konstatazzjoni li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jiżgura li l-perijodu li fih jinqabżu dawn il-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli permezz tal-adozzjoni, mill-iktar fis possibbli, tal-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid kwalità tal-ilma tax-xorb konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 98/83.

119    Fir-rigward tal-ilment indirizzat mill-imsemmi Stat Membru lill-Kummissjoni, li din tal-aħħar ma pprovditlux eżempji preċiżi ta’ miżuri korrettivi u/jew ta’ applikazzjoni li huwa kellu jadotta, għandu jitfakkar li ma hijiex din l-istituzzjoni li għandha tipprovdi lista ta’ miżuri ipotetiċi li setgħu jittieħdu għal kull żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma jew grupp ta’ provvista ta’ ilma privat mhux konformi. Fil-fatt, tali prattika tmur kontra s-sovranità li jibbenefikaw minnha l-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-mezzi relatati mal-implimentazzjoni ta’ direttiva fit-territorju tagħhom fit-terminu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, għall-kuntrarju, kienet l-Irlanda li kellha tiddetermina fl-iqsar żmien possibbli l-miżuri li hija qieset xierqa sabiex tiżgura tqegħid f’konformità tas-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-valuri limitu ta’ konċentrazzjonijiet ta’ THM stabbiliti mid-Direttiva 98/83 u li tinforma lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri kif ukoll bl-iżvilupp ta’ dan it-tqegħid f’konformità.

120    Dan huwa iktar u iktar importanti fid-dawl tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li konċentrazzjoni għolja ta’ THM fl-ilma tax-xorb tippreżenta, kif imfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. Huwa għalhekk li, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 98/83, il-Parti B tal-Anness I tagħha tiddefinixxi l-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ THM bħala kull litru li għola minn hekk ma jistax jiġi ggarantit li l-ilma tax-xorb huwa “nadif u tajjeb għas-saħħa”, peress li l-Istati Membri huma barra minn hekk liberi li jistabbilixxu standards iktar stretti. Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-persistenza tiegħu, il-qbiż tal-valuri parametriċi relattivi għall-konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fl-ilma tax-xorb fiż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni ta’ ilma u fil-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata msemmija f’dan ir-rikors seta’ jippreżenta riskju potenzjali għas-saħħa tal-persuni.

121    Minn dan isegwi li t-tieni lment invokat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

122    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Irlanda:

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem jissodisfa r-rekwiżit minimu dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ THM preżenti fih, konformement mal-valuri parametriċi li jinsabu fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 98/83, f’wieħed u għoxrin żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma, jiġifieri dawk ta’ Schull, ta’ Drimoleague, ta’ Glenties-Ardara, ta’ Roundwood, ta’ Caragh Lake PWS 022A, ta’ Kilkenny City (Radestown) WS, ta’ Granard, ta’ Gowna, ta’ Staleen, ta’ Drumcondrath, ta’ Grangemore, ta’ Lough Talt Regional Water Supply, ta’ Ring/Helvick, ta’ Aughrim/Annacurra, ta’ Bray Direct, ta’ Greystones, ta’ Kilmacanogue, ta’ Newtown Newcastle, ta’ Enniskerry Public Supply, ta’ Wicklow Regional Public Supply u ta’ Ballymagroarty, kif ukoll f’disa’ gruppi ġodda ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata, jiġifieri dakk ta’ Crossdowney, ta’ Townawilly, ta’ Cloonluane (Renvyle), ta’ Lettergesh/Mullaghgloss, ta’ Bonane, ta’ Parke, ta’ Nephin Valley GWS, ta’ Curramore (Ballinrobe) u ta’ Keash, u

–        billi ma żguratx li l-miżuri korrettivi neċessarji jittieħdu mill-iktar fis possibbli sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem fiż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma u fil-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata msemmija iktar ’il fuq u billi ma tatx il-prijorità lill-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-miżura li biha l-valur parametriku rilevanti kien ġie maqbuż u tal-perikolu potenzjali għas-saħħa tal-persuni,

–        naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83, moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I tagħha u tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

 Fuq lispejjeż

123    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

124    Peress li l-Kummissjoni talbet li l-Irlanda tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Id‑Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      LIrlanda,

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex l-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem jissodisfa r-rekwiżit minimu dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ trialometan preżenti fih, konformement mal-valuri parametriċi li jinsabu fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, f’wieħed u għoxrin żona pubblika ta’ distribuzzjoni tal-ilma, jiġifieri dawk ta’ Schull, ta’ Drimoleague, ta’ Glenties-Ardara, ta’ Roundwood, ta’ Caragh Lake PWS 022A, ta’ Kilkenny City (Radestown) WS, ta’ Granard, ta’ Gowna, ta’ Staleen, ta’ Drumcondrath, ta’ Grangemore, ta’ Lough Talt Regional Water Supply, ta’ Ring/Helvick, ta’ Aughrim/Annacurra, ta’ Bray Direct, ta’ Greystones, ta’ Kilmacanogue, ta’ Newtown Newcastle, ta’ Enniskerry Public Supply, ta’ Wicklow Regional Public Supply u ta’ Ballymagroarty (l-Irlanda), kif ukoll f’disa’ gruppi ġodda ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata, jiġifieri dawk ta’ Crossdowney, ta’ Townawilly, ta’ Cloonluane (Renvyle), ta’ Lettergesh/Mullaghgloss, ta’ Bonane, ta’ Parke, ta’ Nephin Valley GWS, ta’ Curramore (Ballinrobe) u ta’ Keash (l-Irlanda), u

–        billi ma żguratx li l-miżuri korrettivi neċessarji jittieħdu mill-iktar fis possibbli sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kwalità tal-ilma ddestinat għall-konsum mill-bniedem fiż-żoni pubbliċi ta’ distribuzzjoni tal-ilma u fil-gruppi ta’ provvista tal-ilma ta’ natura privata msemmija iktar ’il fuq u billi ma tatx il-prijorità lill-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-miżura li biha l-valur parametriku rilevanti kien ġie maqbuż u tal-perikolu potenzjali għas-saħħa tal-persuni,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/83, moqri flimkien mal-Parti B tal-Anness I tagħha u tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

2)      LIrlanda hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.