Language of document : ECLI:EU:C:2024:70

Kawża C58/22

Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Craiova

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Craiova)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Jannar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Proċeduri kriminali mibdija in rem – Digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku – Ammissibbiltà ta’ proċeduri kriminali ulterjuri mibdija in personam għall-istess fatti – Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun jista’ jitqies li persuna diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata b’sentenza li daħlet in ġudikat – Rekwiżit ta’ investigazzjoni fil-fond – Assenza ta’ smigħ ta’ xhud potenzjali – Assenza ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata bħala ‘suspettat’”

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Talba għall-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1); Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568, Artikoli 2 u 4; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928, Anness)

(ara l-punti 40 sa 42)

2.        Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti definittiva – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Estinzjoni tal-azzjoni kriminali – Deċiżjoni definittiva mogħtija wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża ppreċeduta minn investigazzjoni ddettaljata – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

(ara l-punti 48, 52, 61, 62, 64)

3.        Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kamp ta’ applikazzjoni – Digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn uffiċċju ta’ prosekutur pubbliku mingħajr eżami tar-responsabbiltà kriminali tal-persuna akkużata – Esklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

(ara l-punti 70, 71, 73 sa 75 u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija), il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel kjarifiki dwar iż-żewġ komponenti “bis” u “idem” tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (1), fil-kuntest ta’ kawża fejn il-proċeduri kriminali mibdija kontra persuna fil-kuntest tat-tieni proċedura jkunu ngħalqu minħabba l-eżistenza ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri adottat minn Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, fl-ewwel proċedura, li minnha ma jirriżultax, b’mod ċar, li s-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna bħala responsabbli, fuq il-livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reat kriminali, ġiet eżaminata.

Fit-30 ta’ April 2015, waqt laqgħa tal-kooperattiva BX, il-Presidenta ta’ din il-kumpannija, NR, talbet lil uħud mill-impjegati tagħha jħallsu somma ta’ flus li kienet dovuta minnha, taħt piena ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom. Peress li t-talba tagħha ma ġietx issodisfatta, NR ħarġet u ffirmat deċiżjonijiet ta’ xoljiment ta’ dawn il-kuntratti.

L-impjegati kkonċernati għalhekk ressqu żewġ ilmenti kriminali kontra NR, li ġew rispettivament irreġistrati mal-Parchet de pe lângă Judecătoria Slatina (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina, ir-Rumanija), bir-referenza 673/P/2016, u quddiem il-Parchet de pe lângă Tribunalul Olt (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija), bir-referenza 47/P/2016.

Fil-kawża 673/P/2016, wara li beda proċeduri kriminali in rem għar-reat ta’ rikatt, il-prosekutur pubbliku inkarigat minn din il-kawża adotta, abbażi tar-rapport tal-korp tal-pulizija inkarigat mill-investigazzjoni, digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri (iktar ’il quddiem id-“digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri inkwistjoni”). Dan id-digriet ma ġiex ikkontestat mil-lanjanti fit-termini mogħtija. Barra minn hekk, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura mressqa mill-kap prosekutur ma ġietx ikkonfermata mill-awla preliminari tal-qorti kompetenti.

Fil-kawża 47/P/2016, inbdew proċeduri kriminali in personam kontra NR, għar-reat ta’ korruzzjoni passiva, li wasslu għall-adozzjoni, mit-Tribunalul Olt (il-Qorti tal-Kontea ta’ Olt, ir-Rumanija), ta’ sentenza li tikkundannaha għal piena ta’ priġunerija sospiża. Wara appell ippreżentat minn NR, din is-sentenza ġiet annullata mill-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, il-qorti tar-rinviju, permezz tas-sentenza kriminali Nru 1207/2020, minħabba allegat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta.

Adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat mill-Parchet de pe lângă Curtea de Apel Craiova (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija) kontra din l-aħħar sentenza, l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) qieset, essenzjalment, li l-qorti tar-rinviju kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-prinċipju ta’ ne bis in idem kien applikabbli, peress li d-digriet li ma titteħidx azzjoni inkwistjoni ma kien ippreċedut minn ebda evalwazzjoni fuq il-mertu tal-Kawża 673/P/2016 u ma kienx debitament motivat, b’tali mod li ma jistax jitqies li wassal għall-estinzjoni tal-azzjoni pubblika. Għaldaqstant, din il-qorti ħassret is-sentenza kriminali Nru 1207/2020 u rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, għal eżami mill-ġdid.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti jkunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”).

Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni “bis”, sabiex persuna tkun tista’ titqies li “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat” għall-azzjonijiet li hija tkun akkużata bihom, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, huwa importanti, fl-ewwel lok, li l-azzjoni kriminali tkun intemmet b’mod definittiv skont id-dritt nazzjonali. F’dan il-każ, sa fejn, minn naħa, id-digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri inkwistjoni ma ġiex ikkontestat mil-lanjanti fil-kawża prinċipali fit-termini stabbiliti u, min-naħa l-oħra, it-talba għal konferma tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali ordnata mill-Kap Prosekutur tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Slatina ġiet miċħuda, jidher li, fil-Kawża 673/P/2016, l-azzjoni pubblika ntemmet definittivament u li d-digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri sar definittiv, bla ħsara għall-verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq.

Fit-tieni lok, sabiex persuna tkun tista’ titqies li “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat” għall-azzjonijiet li hija tkun akkużata bihom, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, huwa importanti li d-deċiżjoni li ttemm il-proċeduri kriminali tkun ġiet adottata wara evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kawża u mhux abbażi ta’ sempliċi motivi proċedurali. F’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-mertu tal-Kawża 673/P/2016 tista’ titqies li hija ssodisfatta mid-digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri inkwistjoni biss sa fejn dan id-digriet jinkludi evalwazzjoni dwar elementi materjali tar-reat allegat, bħal, b’mod partikolari, l-analiżi tar-responsabbiltà kriminali ta’ NR, bħala allegat awtur ta’ dan ir-reat. Issa, l-assenza ta’ smigħ tax-xhieda preżenti waqt il-laqgħa tal-kooperattiva BX tat-30 ta’ April 2015 tista’ tikkostitwixxi indizzju tal-assenza ta’ tali analiżi, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju.

Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi li jitressqu proċeduri kriminali kontra jew li tiġi ssanzjonata kriminalment l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna kinitx “diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata […] b’sentenza li daħlet in ġudikat”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 50, għandu jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni adottata fir-rigward tagħha li, matul l-investigazzjoni li ppreċediet din id-deċiżjoni, kemm jekk infetħet in rem jew in personam, is-sitwazzjoni legali tal-imsemmija persuna, bħala responsabbli, fuq il-livell kriminali, għall-fatti li jikkostitwixxu r-reati li ttieħdu passi dwaru, ġiet eżaminata u, fil-każ ta’ digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri, ġiet miċħuda. Jekk dan ma huwiex il-każ, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax u, konsegwentement, tali persuna ma tistax titqies li ġiet illiberata b’mod definittiv, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta.


1      Skont din id-dispożizzjoni, “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”.