Language of document : ECLI:EU:C:2024:76

Kawża C334/22

Audi AG

vs

GQ

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal25 ta’ Jannar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 9(2) u (3)(a) sa (c) — Dritt li jirriżulta mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘użu fil-proċess normali tan-negozju’ – Artikolu 14(1)(c) – Limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li jopponi l-użu minn terz ta’ sinjal identiku għal jew simili għat-trade mark fir-rigward ta’ partijiet ta’ bdil tal-karozzi – Element ta’ grilja tar-radjatur iddisinjat għall-iffissar ta’ emblema li tirrappreżenta t-trade mark ta’ manifattur ta’ vetturi bil-mutur”

1.        Trade mark tal-Unjoni Ewropea – L-effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet mpgħtija mit-trade mark – Għan li tiġi ppreservata kompetizzjoni mhux distorta bejn manifatturi ta’ vetturi bil-mutur u bejjiegħa ta’ partijiet ta’ bdil mhux oriġinali – Applikazzjoni b’analoġija għal trade mark tal-Unjoni Ewropea tal-klawżola msejħa tat-tiswija tar-Regolament Nru 6/2002 – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2017/2012, Artikolu 9 u Artikolu 14; Regolament tal-Kummissjoni Nru 6/2012, Artikolu 110)

(ara l-punti 25 sa 29)

2.        Trade mark tal-Unjoni Ewropea – L-effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark – Dritt li jiġi pprojbit l-użu tat-trade mark – Kunċett ta’ użu – Twaħħil ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lil trade mark fuq grilji ta’ radjatur u importazzjoni kif ukoll offerta għall-bejgħ ta’ dawn il-grilji ta’ radjatur – Sinjal li jikkonsisti fil-forma ta’ element ta’ dawn il-grilji tar-radjatur maħsuba għall-iffissar tal-emblema li tirrappreżenta l-imsemmija trade mark – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 9(2)) u (3)(a) sa (c))

(ara l-punti 38 sa 40, 79 u d-dispożittiv 1)

3.        Trade mark tal-Unjoni Ewropea – L-effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark – Dritt li jiġi pprojbit lil terz l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark fuq grilji ta’ radjatur – Sinjal li jikkonsisti fil-forma ta’ element ta’ dawn il-grilji tar-radjatur maħsub għall-iffissar tal-emblema li tirrappreżenta l-imsemmija trade mark – Ammissibbiltà – Eżistenza jew le ta’ possibbiltà teknika ta’ iffissar ta’ din l-emblema fuq l-imsemmija grilji tar-radjaur mingħajr it-twaħħil tal-imsemmi sinjal fuqhom – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikolu 14(1))

(ara l-punti 55 sa 58, 60 u d-dispożittiv 2)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ użu ta’ sinjal fil-kummerċ, meta terz jimporta u joffri għall-bejgħ partijiet ta’ bdil għal vetturi bil-mutur mingħajr il-kunsens tal-manifattur ta’ vetturi bil-mutur proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata tad-dritt esklużiv ta’ dan il-manifattur li jipprojbixxi lil dan it-terz l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal tali partijiet ta’ bdil.

GQ hija persuna fiżika li teżerċita attività ta’ bejgħ, permezz ta’ sit internet, ta’ partijiet ta’ bdil għal vetturi bil-mutur. Fil-kuntest ta’ din l-attività, GQ irreklamat il-grilji tar-radjatur, adattati u maħsuba għal mudelli qodma ta’ vetturi bil-mutur Audi u offriethom għall-bejgħ. Dawn kienu jinkludu element maħsub għall-iffissar ta’ emblema tat-trade mark tal-manifattur ta’ vetturi bil-mutur Audi.

Audi, proprjetarja tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta erba’ ċrieki li jikkoinċidu (iktar ’il quddiem it-“trade mark AUDI”), maret quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, b’talba intiża sabiex GQ tiġi pprojbita milli tagħmel reklamar, milli timporta, toffri għall-bejgħ jew milli tqiegħed fis-suq grilji tar-radjatur mhux oriġinali li jkollhom sinjal identiku jew simili għat-trade mark AUDI.

Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament 2017/100101 (1), fejn stednitha tippreċiża l-kunċett ta’ użu ta’ sinjal fil-kummerċ kif ukoll il-portata tad-dritt ta’ manifattur ta’ vetturi bil-mutur proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li jipprojbixxi lil terz l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal partijiet ta’ bdil.

Ilkunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li klawżola msejħa “tat-tiswija”, bħal dik eżistenti fid-dritt tad-disinni (2), ma kinitx prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament 2017/1001 u tfakkar li din il-klawżola tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar it-trade marks.

Għaldaqstant, il-klawżola msejħa “tat-tiswija” ma tistax tiġi applikata b’analoġija sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta bejn produtturi ta’ vetturi bil-mutur u bejjiegħa ta’ partijiet ta’ bdil mhux oriġinali, peress li dan l-għan ittieħed inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament 2017/10011 (3), u d-dritt li jirriżulta lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ma jistax jiġi limitat abbażi ta’ din il-klawżola (4).

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-qorti tar-rinviju tqis li l-forma tal-element tal-grilji tar-radjatur għall-iffissar tal-emblema li tirrappreżenta t-trade mark AUDI hija identika jew simili għal din it-trade mark. Din il-forma tikkostitwixxi b’hekk sinjal fis-sens tar-Regolament 2017/1001 (5).Barra minn hekk, it-twaħħil ta’ dan is-sinjal fuq dawn il-grilji tar-radjatur, għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, jirrappreżenta użu li jaqa’ taħt dan ir-regolament (6) u, sa fejn GQ timporta u toffri għall-bejgħ il-grilji tar-radjatur li jinkludu dan is-sinjal, din jista’ tiġi kkunsidrata bħala li twettaq it-tipi ta’ użu li jaqgħu ta’ dan ir-regolament. Il-fatt li dan l-element jitqiegħed fuq il-parti ta’ bdil, jiġifieri l-grilja tar-radjatur, b’mod li s-sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-manifattur tal-vetturi jkun viżibbli għall-pubbliku rilevanti meta dan jara din il-parti hija ta’ natura li tikkonkretizza l-eżistenza ta’ rabta materjali bejn din l-istess parti, li terz jimporta, jirreklama u joffri għall-bejgħ, u l-proprjetarju tat-trade mark AUDI.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-terz li, mingħajr il-kunsens tal-manifattur ta’ vetturi bil-mutur proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jimporta u joffri għall-bejgħ partijiet ta’ bdil, jiġifieri grilji tar-radjatur għal dawn il-vetturi bil-mutur, li fihom element li huwa maħsub għall-iffissar tal-emblema li tirrappreżenta din it-trade mark u li l-forma tiegħu hija identika jew simili għall-imsemmija trade mark, jagħmel użu minn sinjal fil-kummerċ b’mod li jista’ jippreġudika funzjoni waħda jew iktar tal-istess trade mark, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-impossibbiltà, għall-proprjetarju ta’ trade mark, li jipprojbixxi lil terz l-użu din it-trade mark meta dan l-użu jkun neċessarju sabiex jindika l-iskop intiż ta’ prodott jew ta’ servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorju jew parti ta’ bdil, u jsir skont prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali, tikkostitwixxi waħda mill-ipoteżijiet li fihom id-dritt esklużiv li jirriżulta mit-trade mark ma jistax jiġi invokat kontra terz.

Fil-fatt, l-iskop tal-limitazzjoni, prevista f’din l-ipoteżi, huwa li tippermetti lill-fornituri ta’ prodotti jew ta’ servizzi komplementari għal prodotti jew għal servizzi offruti mill-proprjetarju ta’ trade mark li jużaw din it-trade mark sabiex jinformaw, b’mod komprensibbli

u komplet, lill-pubbliku dwar l-użu intenzjonat tal-prodott li huma jikkummerċjalizzaw jew bis-servizz li huma joffru jew, fi kliem ieħor, dwar ir-rabta utilitarja li teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi tagħhom u dawk tal-proprjetarju tat-trade mark.

Madankollu, meta sinjal, identiku jew simili għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi element ta’ spare parts għal vetturi bil-mutur, li huwa maħsub għat-twaħħil tal-emblema tal-manifattur ta’ dawn il-vetturi fuqha u ma jintużax sabiex jindika jew isemmi prodotti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, iżda sabiex jirriproduċi b’mod daqstant fidil possibbli prodott minn dan il-proprjetarju, tali użu tal-imsemmija trade mark ma jaqax taħt l-ipoteżi ċċitata iktar ’il fuq.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, konsegwentement, li l-manifattur ta’ vetturi bil-mutur proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandu d-dritt li jipprojbixxi lil terz l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal partijiet ta’ bdil għal dawn il-vetturi bil-mutur, jiġifieri grilji tar-radjatur, meta dan is-sinjal jikkonsisti fil-forma ta’ element ta’ grilja tar-radjatur, maħsub għall-iffissar fuqu tal-emblema li tirrappreżenta l-imsemmija trade mark, mingħajr ma huwa rilevanti f’dan ir-rigward jekk teżistix jew le possibbiltà teknika li din l-emblema tiġi ffissata fuq l-imsemija grilja tar-radjatur mingħajr ma l-imsemmi sinjal jitwaħħal fuq din il-grilja tar-radjatur.


1      Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


2      L-Artikolu 110 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p.142) Skont dan l-artikolu, “protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma għandhiex teżisti għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless] użat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”.


3      Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1001.


4      Artikolu 9 tal-imsemmi regolament.


5      L-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament.


6      L-Artikolu 9(3)(a) sa (c) tar-Regolament 2017/1001.