Language of document : ECLI:EU:C:2024:79

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fil‑25 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawżi magħquda C112/22 u C223/22

CU (C112/22)

ND (C223/22)

Proċeduri kriminali

fil-preżenza ta’:

Procura della Repubblica Tribunale di Napoli,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Istituto nazionale della previdenza soċjali (INPS),

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/109/KE – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul – Artikolu 11(1)(d) – Ugwaljanza fit-trattament – Assistenza soċjali – Kundizzjoni ta’ residenza għal żmien ta’ mhux inqas minn għaxar snin, mingħajr interruzzjoni fl-aħħar sentejn”






1.        Huwa rrikonoxxut b’mod wiesa’ li l-kriżijiet ekonomiċi li kkaratterizzaw il-bidu tas-seklu għoxrin żiedu b’mod kunsiderevoli l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali. Sabiex jipprovdu rimedju għal din ir-realtà, diversi Gvernijiet Ewropej għażlu li jimplimentaw politiki ta’ distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżorsi, li fl-Italja ġew tradotti prinċipalment bid-“dħul taċ-ċittadinanza”. Il-kwistjoni tad-dħul taċ-ċittadinanza fl-Italja b’hekk tippreżenta dimensjoni politika qawwija, li tikkostitwixxi mingħajr ebda dubju l-isfond tal-kawżi preżenti.

2.        Jekk immorru lura għad-dimensjoni purament legali tagħhom, il-kawżi preżenti, li joriġinaw minn żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja), jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tesprimi ruħha fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (2), u b’mod iktar speċifiku fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni ta’ residenza ta’ għaxar snin fit-territorju Taljan, mingħajr ebda interruzzjoni fl-aħħar sentejn ta’ qabel il-preżentata tal-applikazzjoni, li huwa suġġett għaliha l-għoti tad-dħul taċ-ċittadinanza, hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

3.        Fil-kawżi preżenti huma rilevanti l-Artikoli 4 sa 7 u 9 sa 11 tad-Direttiva 2003/109, kif ukoll l-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

B.      Iddritt Taljan

4.        L-Artikolu 2 tad-decreto-legge n. 4 “Disposizioni urgenti in materia di reddito di cittadinanza e di pensioni” (id-Digriet Liġi Nru 4, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti Marbuta mad-Dħul taċ-Ċittadinanza u mal-Pensjonijiet), tat‑28 ta’ Jannar 2019 (GURI Nru 23, tat‑28 ta’ Jannar 2019), ikkonvertit f’liġi permezz tal-legge n. 26 “Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 28 gennaio 2019, n. 4, recante disposizioni urgenti in materia di reddito di cittadinanza e di pensioni” (il-Liġi Nru 26, li tikkonverti f’liġi, wara li saru l-emendi, tad-Digriet Liġi Nru 4, tat‑28 ta’ Jannar 2019, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti Marbuta mad-Dħul taċ-Ċittadinanza u mal-Pensjonijiet), tat‑28 ta’ Marzu 2019 (GURI Nru 75, tad‑29 ta’ Marzu 2019) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 4/2019”), intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-[dħul taċ-ċittadinanza] għandu jingħata lill-familji li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni u matul il-perijodu kollu tal-ħlas tal-benefiċċju, b’mod kumulattiv jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ċittadinanza, ta’ residenza u ta’ soġġorn, il-membru tal-familja li jressaq applikazzjoni għall-benefiċċju għandu, b’mod kumulattiv:

1)      ikollu ċ-ċittadinanza Taljana jew iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew [ikun] membru tal-familja tiegħu, kif identifikat fl-Artikolu 2(1)(b) tad-decreto legislativo 6 febbraio 2007, n. 30 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 30, tas‑6 ta’ Frar 2007), li huwa detentur tad-dritt ta’ residenza jew tad-dritt ta’ residenza permanenti, jew [ikun] ċittadin ta’ Stat terz li jkollu fil-pussess tiegħu permess ta’ residenza tal-Unjoni għal żmien twil;

2)      jirrisjedi fl-Italja għal żmien ta’ mhux inqas minn għaxar snin, b’mod kontinwu matul l-aħħar sentejn ikkunsidrati fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni, kif ukoll matul il-perijodu kollu tal-ħlas tal-benefiċċju.

[…]”

5.        L-Artikolu 7 ta’ dan id-digriet liġi, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sakemm l-att ma jkunx jikkostitwixxi ksur iktar gravi, kull persuna li, sabiex indebitament tikseb il-benefiċċju previst fl-Artikolu 3, tagħmel jew tuża dikjarazzjonijiet foloz jew dokumenti li huma foloz jew li jiċċertifikaw fatti skorretti jew tħalli barra informazzjoni meħtieġa, hija punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà minn sentejn sa sitt snin.”

II.    Ilkawżi prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

6.        Mir-risposti tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifika li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li CU u ND huma ċittadini ta’ pajjiż terz li kisbu l-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-Italja. Dawn il-persuni huma akkużati mill-Pubblico Ministero della Procura della Repubblica presso il Tribunale di Napoli (il-Prosekutur tar-Repubblika fil-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja) li wettqu kull wieħed minnhom il-ksur previst fl-Artikolu 7(1) tad-Digriet Liġi Nru 4/2019. Dawn tal-aħħar iffirmaw, rispettivament fis‑27 ta’ Awwissu 2020 u fid‑9 ta’ Ottubru 2020, applikazzjonijiet għal dħul taċ-ċittadinanza, li fihom iddikjaraw b’mod falz, f’dawn l-applikazzjonijiet, li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ residenza għal żmien ta’ mhux inqas minn għaxar snin fl-Italja prevista mill-imsemmi digriet liġi. Abbażi ta’ dan kollu, CU u ND irċevew b’mod indebitu, rispettivament somma ta’ EUR 3 414.40 u ta’ EUR 3 186.66.

7.        It-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli) tesprimi dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-Digriet Liġi Nru 4/2019, sa fejn dan tal-aħħar jipprevedi l-kundizzjoni ta’ residenza għal żmien ta’ mhux inqas minn għaxar snin fl-Italja, mingħajr ebda interruzzjoni fl-aħħar sentejn, sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika mid-dħul taċ-ċittadinanza, li huwa kklassifikat bħala benefiċċju ta’ assistenza soċjali intiż biex jiżgura minimu ta’ sussistenza. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan id-digriet liġi jissuġġetta liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi dawk li huma detenturi ta’ permess ta’ residenza għal żmien twil, għal trattament differenti minn dak li huma suġġetti għalih iċ-ċittadini Taljani.

8.        Skont dik il-qorti, il-benefiċċju msejjaħ “dħul taċ-ċittadinanza” jaqa’ taħt wieħed mit-tliet oqsma indikati fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, jiġifieri s-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali, kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva ma huwiex applikabbli għall-kawża preżenti, peress li jidher li l-Istat Taljan ma esprimiex, fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, ir-rieda li jillimita l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-assistenza soċjali u tal-protezzjoni soċjali stabbilita minn dan l-Artikolu 11 għall-benefiċċji prinċipali. Fi kwalunkwe każ, anki kieku ġiet adottata tali limitazzjoni, ma kinitx tkun konformi mal-imsemmi Artikolu 11 peress li, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(1) tad-Digriet Liġi Nru 4/2019, id-dħul taċ-ċittadinanza jiżgura livell essenzjali tal-benefiċċji fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.

9.        L-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex jiġu deċiżi l-kawżi prinċipali, sa fejn, jekk il-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(a)(2) tad-Digriet Liġi Nru 4/2019 ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li jikkostitwixxi l-ksur kriminali kkonċernat ma jibqax jissussisti.

10.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li hija tqis li l-kundizzjoni ta’ residenza għal żmien ta’ mhux inqas minn għaxar snin fl-Italja, mingħajr ebda interruzzjoni fl-aħħar sentejn, hija sfavorevoli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn protezzjoni speċifika skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħalma huma r-residenti fit-tul li jkunu kisbu dritt ta’ residenza permanenti fi Stat Membru tal-Unjoni wara li jkunu għexu fih għal ħames snin, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/109. Dan jgħodd ukoll għaċ-ċittadini Taljani li jirritornaw lura fl-Italja wara perijodu ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Huma wkoll is-suġġett ta’ diskriminazzjoni minħabba d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-detenturi tal-istatus ta’ refuġjat, li għandhom jibbenefikaw, skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9), mill-assistenza soċjali neċessarja fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini tal-Istati Membri.

11.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Napoli (il-Qorti ta’ Napoli) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 [TFUE], l-Artikolu 45 [TFUE], l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni [ĠU 2011, L 141, p. 1], l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva [...] 2003/109 [...], l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 [...], l-Artikolu 34 tal-Karta [...], kif ukoll l-Artikoli 30 u 31 tal-[Karta Soċjali Ewropea], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tad-[Digriet Liġi Nru 4/2019], safejn tagħmel l-aċċess għad-dħul taċ-ċittadinanza suġġett għal kundizzjoni ta’ residenza fl-Italja għal perijodu minimu ta’ għaxar snin (li minnhom l-aħħar sentejn meqjusa fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, kif ukoll għall-perijodu kollu tal-ħlas tal-benefiċċju, b’mod kontinwu), b’hekk jirriżervaw liċ-ċittadini Taljani, liċ-ċittadini [tal-Unjoni] li għandhom id-dritt ta’ residenza jew id-dritt ta’ residenza permanenti, jew [liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi] residenti fit-tul li jkunu rrisjedew [fl-Italja] għal inqas minn għaxar snin jew għal għaxar snin, iżda mhux b’mod kontinwu matul l-aħħar sentejn, trattament iktar sfavorevoli minn dak li jgawdu l-istess kategoriji li ilhom jgħixu hemmhekk għal għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

2)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 [TFUE], l-Artikolu 45[TFUE], l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/[20]11, l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, l-Artikolu 34 tal-[Karta], kif ukoll l-Artikoli 30 u 31 tal-[Karta Soċjali Ewropea], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tad-[Digriet Liġi Nru 4/2019], peress li jirriżerva trattament differenti għar-residenti fit-tul, li jistgħu jakkwistaw dritt ta’ residenza permanenti fi Stat tal-Unjoni wara li jkunu għexu għal ħames snin fl-Istat Membru ospitanti, u għal residenti fit-tul li jkunu għexu [fl-Italja] għal għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu?

3)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 [TFUE], l-Artikolu 45 [TFUE], l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/[20]11, l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(1), moqrija flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tad-[Digriet Liġi Nru 4/2019], li jimponi fuq iċ-ċittadini Taljani, [tal-Unjoni] u [tal-pajjiżi terzi] obbligu ta’ residenza ta’ għaxar snin (li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu) sabiex jikkwalifikaw għall-benefiċċju tad-dħul taċ-ċittadinanza?

4)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 [TFUE], l-Artikolu 45 [TFUE], l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/[20]11, l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, l-Artikolu 34 tal-[Karta], kif ukoll l-Artikoli 30 u 31 tal-[Karta Soċjali Ewropea], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tad-[Digriet Liġi Nru 4/2019], sa fejn timponi li ċ-ċittadini Taljani, [tal-Unjoni] u [tal-pajjiżi terzi], li sabiex jibbenefikaw mill-benefiċċju tad-dħul taċ-ċittadinanza, għandhom jiddikjaraw li ilhom jirrisjedu fl-Italja għal għaxar snin, li minnhom l-aħħar sentejn b’mod kontinwu, liema dikjarazzjoni falza tinvolvi konsegwenzi ta’ natura kriminali serji?”

12.      Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. It-trattazzjonijiet orali ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati, kif ukoll ta’ CU u ND, instemgħu waqt is-seduta tat‑3 ta’ Ottubru 2023.

III. Analiżi

A.      Ilkuntest ġuridiku talanaliżi

13.      Waqt il-laqgħa ġenerali tagħha tat‑2 ta’ Mejju 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, li tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju talba għal kjarifika, li biha stiednet lil din tal-aħħar sabiex tindika l-istatus legali tal-persuni kkonċernati mill-proċeduri kriminali fil-kawżi prinċipali, kif ukoll sabiex tispeċifika l-att legali tal-Unjoni li hija kienet tqis li huwa applikabbli għal dawn il-persuni u d-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan tal-aħħar li jidhrilha li hija neċessarja l-interpretazzjoni tagħhom għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi li hija adita bihom.

14.      Fir-risposti tagħha għal din it-talba, trażmessi lill-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża C‑223/22 u fit‑13 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża C‑112/22, il-qorti tar-rinviju indikat li l-persuni kkonċernati huma t-tnejn li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom l-istatus ta’ residenti fit-tul fl-Italja. Fir-risposta mogħtija fil-Kawża C‑112/22, dik il-qorti speċifikat li d-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija utli għas-soluzzjoni tal-kawża li hija adita biha hija l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109. Għall-kuntrarju, fir-risposta marbuta mal-Kawża C‑223/22, il-qorti tar-rinviju tenniet in-neċessità li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet kollha msemmija fid-domandi preliminari magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

15.      Fid-dawl tal-kjarifiki, l-analiżi legali sejra tkun strutturata kif ġej. Qabel kollox, sejjer nadotta pożizzjoni dwar l-oġġezzjonijiet imqajma mill-partijiet interessati fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti (is-subtaqsima B u C). Sussegwentement, sejjer neżamina b’mod partikolari l-kwistjoni marbuta mal-konformità tal-kundizzjoni ta’ residenza prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti mad-Direttiva 2003/109 (is-subtaqsima D).

B.      Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

16.      Kif jirriżulta mill-proċess, id-dħul taċ-ċittadinanza, kif previst fid-Digriet Liġi Nru 4/2019, jikkonsisti f’suppliment għad-dħul tal-familja sa limitu massimu ta’ EUR 6 000, li miegħu jista’ jiżdied suppliment ta’ dħul għall-familji li huma inkwilini, sa ammont massimu ta’ EUR 3 360 fis-sena. Dan il-benefiċċju jingħata għal perijodu kontinwu li ma jeċċedix tmintax-il xahar u jista’ jiġi mġedded.

17.      L-għoti tad-dħul taċ-ċittadinanza huwa suġġett għal dikjarazzjoni tal-membri adulti tal-familja kkonċernata li tiddikjara d-disponibbiltà immedjata tagħhom għax-xogħol kif ukoll għall-parteċipazzjoni tagħhom fi proċess ippersonalizzat ta’ akkumpanjament lejn ix-xogħol u l-inklużjoni soċjali li jinkludi fih attivitajiet għas-servizz tal-komunità, taħriġ vokazzjonali mill-ġdid, it-tlestija ta’ studji u impenji oħrajn, definiti mid-dipartimenti kompetenti, li huma intiżi għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u għall-inklużjoni soċjali. Dan il-proċess jiġi fformalizzat bil-konklużjoni tal-ftehim dwar ix-xogħol, li essenzjalment għandu bħala għan it-tfittxija attiva ta’ xogħol u l-aċċettazzjoni ta’ offerti adatti, jew tal-ftehim għall-inklużjoni soċjali, iffirmat fid-dipartimenti muniċipali responsabbli għall-ġlieda kontra l-faqar.

18.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan poġġa indiskussjoni l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali marbuta mad-dħul taċ-ċittadinanza kienet taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Skontu, id-dħul taċ-ċittadinanza ma jikkostitwixxix miżura ta’ assistenza soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali, li għandha l-għan li tiżgura li l-persuni kkonċernati jkollhom ċertu livell ta’ dħul. Għall-kuntrarju, dan jikkostitwixxi miżura kumplessa, li għandha l-għan iktar ġenerali li tiġġieled l-esklużjoni soċjali. Ġaladarba d-dritt tal-Unjoni ma huwiex applikabbli għall-kawżi prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni f’dan il-każ.

19.      Abbażi ta’ dan kollu, il-Gvern Taljan ikkontesta l-klassifikazzjoni tad-dħul taċ-ċittadinanza magħmula mill-qorti tar-rinviju. Tali kontestazzjoni hija essenzjalment ibbażata fuq is-sentenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) Nru 19/2022, tal‑10 ta’ Jannar 2022.

20.      Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) kienet mitluba tagħti deċiżjoni dwar il-kostituzzjonalità tal-Artikolu 2(1)(a)(1) tad-Digriet Liġi Nru 4/2019, li jeżiġi, fost diversi kundizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti sabiex persuna tibbenefika mid-dħul taċ-ċittadinanza, li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom permess ta’ residenza tal-Unjoni għal żmien twil. B’mod iktar preċiż, dik il-qorti kienet adita b’mod partikolari bil-kwistjoni dwar jekk, ġaladarba d-dħul taċ-ċittadinanza huwa intiżi biex jissodisfa l-ħtiġijiet primarji tal-persuna umana, tali limitazzjoni taċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ dan il-benefiċċju kinitx konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 3 tal-kostituzzjoni Taljana.

21.      Fis-sentenza tagħha, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) fakkret li hija kienet diġà kkonstatat li “ir-regoli li jirregolaw id-dħul taċ-ċittadinanza jiddefinixxu proċess ta’ reintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol li jmur lil hinn mill-assistenza purament ekonomika” u li dan il-benefiċċju “ma għandux in-natura ta’ assistenza soċjali pura, speċifikament peress li [dan] jakkumpanja proċess ta’ formazzjoni u ta’ integrazzjoni li jinkludi fih obbligi speċifiċi li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom iwassal, f’diversi forom, għall-esklużjoni ta’ dan il-proċess”.

22.      Sussegwentement, hija qieset li “id-dħul taċ-ċittadinanza, għalkemm jippreżenta wkoll il-karatteristiċi ta’ miżura għall-ġlieda kontra l-faqar, ma huwiex ekwivalenti għal benefiċċju ta’ assistenza soċjali intiż biex tiġi ssodisfatta ħtieġa primarja tal-individwu, iżda jsegwi għanijiet differenti u iktar strutturati ta’ politika attiva ta’ xogħol u ta’ integrazzjoni soċjali”, u għaldaqstant ikkonstatat in-natura infondata tal-kwistjoni tal-kostituzzjonalità li ntbagħtet quddiemha.

23.      Din l-evalwazzjoni tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) marbuta mal-klassifikazzjoni tad-dħul taċ-ċittadinanza ma jidhirlix li tista’ tiġġustifika l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 u, konsegwentement, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tad-domandi preliminari preżenti.

24.      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għad-dritt nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “sigurtà soċjali”, ta’ “assistenza soċjali” u ta’ “protezzjoni soċjali”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali riferiment jimplika l-fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk miżura nazzjonali partikolari tikkostitwixxix benefiċċju li jaqa’ taħt il-kategoriji previsti minn din id-dispożizzjoni (3). Din l-aħħar imsemmija konstatazzjoni hija biss espressjoni speċifika tar-regola ġenerali, li hija fondata fuq l-eżiġenza ta’ separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li skontha l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, peress li hija biss il-qorti nazzjonali li tkun għamlet użu mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li għandha tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali (4). Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar li d-dħul taċ-ċittadinanza jaqa’ taħt waħda mit-tliet kategoriji kkontemplati fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, b’tali mod li d-dispożizzjoni ta’ applikazzjoni dan l-artikolu ma tistax titpoġġa f’dubju.

25.      Huwa ċertament minnu li, bil-ħsieb li tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, konformement ma’ ġurisprudenza ferm stabbilita, tipprovdi indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu saru quddiemha, b’mod partikolari fuq l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn dik il-qorti għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha f’dik il-kawża (5). Madankollu, din il-ġurisprudenza tawtorizza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tintegra fir-risposta tagħha biss dawk l-elementi tad-dritt nazzjonali adatti sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi iktar ’il fuq, mingħajr madankollu ma tinterpreta dan id-dritt.

26.      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata tippronunzja ruħha biss fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-kuntest fattwali u legali kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, mingħajr ma tista’ tpoġġi f’dubju jew tivverifika l-eżattezza tiegħu fid-dawl tas-sentenza ta’ qorti nazzjonali, minkejja li hija suprema.

27.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandha tiġi kkunsidrata l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, u għaldaqstant li d-dħul taċ-ċittadinanza jitqies bħala benefiċċju li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “assistenza soċjali”, kif ikkontemplat fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109. Ġaladarba din id-direttiva hija għalhekk applikabbli għal kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiddikjara li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

C.      Fuq lammissibbiltà

28.      Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni sostnew, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29.      B’mod partikolari, dawn iż-żewġ partijiet sostnew li d-deċiżjonijiet tar-rinviju għandhom difetti sa fejn jikkonċernaw l-istatus tal-persuni miġjuba quddiem il-qorti tar-rinviju fil-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dik il-qorti tispjega, fil-motivi li fuqhom huma żviluppati r-risposti li hija tipproponi għad-domandi preliminari, li l-kundizzjoni ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkawża diskriminazzjoni għad-detriment ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul, ta’ ċittadini nazzjonali u taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li d-domandi magħmula jikkonċernaw atti li jirrigwardaw lil dawn il-kategoriji kollha ta’ persuni. Madankollu, dawn huma tipi ta’ status reċiprokament inkompatibbli li l-persuni kkonċernati fil-kawżi preżenti ma jistgħux jakkumulaw.

30.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tar-rinviju hija obbligata tipprovdi minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li titlob l-interpretazzjoni tagħhom kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (6).

31.      F’dan il-każ, fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifiki magħmula lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi konkluż li d-domandi preliminari preżenti huma ammissibbli sa fejn jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/109 (7).

D.      Fuq ilmertu

32.      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-aċċess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul għal miżura ta’ assistenza soċjali għall-kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat ta’ tul minimu ta’ għaxar snin, mingħajr ebda interruzzjoni fl-aħħar sentejn, u li timponi sanzjoni kriminali f’każ ta’ dikjarazzjoni falza dwar din il-kundizzjoni.

33.      Ċerti speċifikazzjonijiet jagħtu lok għall-obbligu, preliminarjament, li tiġi ddefinita s-sistema legali li tifforma parti minnha d-dispożizzjoni tad-dritt idderivat li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba li tinterpreta.

34.      Strument ewlieni tal-kuntest ġuridiku tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni legali, id-Direttiva 2003/109 għandha bħala l-għan tagħha, kif jirriżulta mill-premessi 2, 4, 6 u 12 tagħha, li tiggarantixxi l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul u legalment fl-Istati Membri u, għal dan il-għan, li jiġu approssimati d-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma’ dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament ma’ dawn tal-aħħar f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ekonomiċi u soċjali (8).

35.      Id-Direttiva 2003/109 tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ resident għal żmien twil u tad-drittijiet marbuta miegħu, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħrajn għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn dan l-istatus. Tali status jikkorrispondi għal-livell ta’ integrazzjoni mill-iktar komplut għal ċittadin ta’ pajjiż terz, inferjuri biss għall-kisba taċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti.

36.      Jeħtieġ issa li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li huma rilevanti fil-kawża preżenti.

37.      L-Artikolu 4(1) tad-direttiva msemmija jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ resident għal żmien twil liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni. L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet marbuta mal-akkwist ta’ dan l-istatus. Skont il-paragrafu 1(a) u (b) ta’ dan l-artikolu, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jipproduċi l-prova li huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard, u dan sabiex jiġi evitat li jsir ta’ piż għall-Istat Membru kkonċernat (9). L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) jipprovdi li l-għoti tal-istatus inkwistjoni jista’ jiġi rrifjutat għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika. L-Artikolu 7 jistabbilixxi regoli proċedurali li jirregolaw l-eżami tal-applikazzjoni għall-akkwist tal-imsemmi status, u l-Artikolu 9 jirregola l-kundizzjonijiet għall-irtirar u għat-telf ta’ dan tal-aħħar.

38.      Kif indikajt iktar ’il fuq, l-istatus ta’ resident għal żmien twil, ladarba akkwistat, jimplika b’mod partikolari li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jibbenefikaw mill-ugwaljanza fit-trattament flimkien maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, minbarra protezzjoni msaħħa kontra l-espulsjoni.

39.      Konformement mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109, din l-ugwaljanza fit-trattament tikkonċerna l-oqsma elenkati fih, b’mod partikolari s-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali (paragrafu (d)), kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr preġudizzju għad-derogi li jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri skont il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-artikolu.

40.      Ġaladarba l-miżura inkwistjoni fil-kawża preżenti taqa’, fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, taħt wieħed minn dawn l-oqsma fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dħul taċ-ċittadinanza jaqa’ taħt l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109.

41.      Għaldaqstant, l-obbligu ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa applikabbli fil-kawża inkwistjoni.

42.      Qabel ma nevalwa l-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li nispeċifika li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ma hijiex applikabbli b’analoġija għal kawża preżenti minħabba n-natura differenti tad-drittijiet ta’ moviment liberu u tad-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul.

43.      L-ewwel grupp ta’ drittijiet jingħata liċ-ċittadini tal-Istati Membri mit-Trattat. Fil-fatt, l-idea wara l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq hija li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 “huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni tal-aħħar” (10). Konsegwentement, meta tqum il-kwistjoni tal-ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema ċittadini ta’ Stat Membru u ħaddiema nazzjonali fil-qasam tal-vantaġġi soċjali u fiskali, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn miżura nazzjonali ssegwix għan leġittimu u hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

44.      It-tieni grupp ta’ drittijiet joriġina mill-istrument ta’ dritt idderivat li huwa d-Direttiva 2003/109. Fil-fatt, fis-sentenzi li fihom interpretat l-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li din id-dispożizzjoni hija “espressjoni partikolari” ta’ artikolu tat-Trattat (11).

45.      Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni diġà ppreveda b’mod eżawrjenti fid-Direttiva 2003/109 is-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-ugwaljanza fit-trattament bejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi detenturi tal-istatus ta’ residenti fit-tul u ċittadini nazzjonali (12), differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli tikkostitwixxi, fiha nnifisha, ksur tal-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva.

46.      Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, il-ġurisprudenza fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema tista’ tkun utli biss sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti u l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tagħhom.

47.      Fil-kawża preżenti, fid-dawl tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-Gvern Taljan indika li d-dħul taċ-ċittadinanza huwa miżura partikolarment kumplessa mill-perspettiva amministrattiva, sa fejn, waqt l-implimentazzjoni tagħha, huwa neċessarju li jiġu osservati r-regoli speċifiċi għal kull familja kkonċernata u li jitwettaq segwitu kontinwu tal-eżekuzzjoni tagħhom kif ukoll li jitħallsu ammonti kunsiderevoli miġbura minn fondi pubbliċi. Huwa proprju għalhekk li, fl-opinjoni ta’ dan il-Gvern, il-leġiżlatur nazzjonali debitament irriżerva l-benefiċċju biss favur ċittadini li huma stabbiliti sewwa u b’mod permanenti kemm fis-suq tax-xogħol Taljan kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, fis-soċjetà Taljana.

48.      Anki jekk jiġi preżunt li l-Gvern Taljan qiegħed b’hekk jipprova jevoka diffikultajiet amministrattivi u ekonomiċi, għandu jitqies li dawn tal-aħħar bl-ebda mod ma jispjegaw ir-raġuni għalfejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma għandhomx jitqiesu bħala li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li għandhom l-istess ħtiġiet ekonomiċi, meta, ġaladarba jkunu kkompletaw il-proċedura u ssodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2003/109, huma jkunu akkwistaw l-istatus ta’ residenti fit-tul mogħti minn din id-direttiva (13). Ma’ dan kollu nżid li, f’sentenza iktar riċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn iż-żewġ tipi ta’ kategoriji ta’ ċittadini lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala li jinsabu f’sitwazzjoni differenti minħabba r-rabtiet rispettivi tagħhom mal-Istat Membru ospitanti, peress li tali konstatazzjoni tikkontradixxi l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tgħid li l-istatus ta’ resident għal żmien twil jagħti lok għad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109 (14).

49.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloqx differenza fit-trattament bejn dawn l-istess kategoriji ta’ ċittadini, ir-risposta jidhirli li għandha neċessarjament tkun waħda affermattiva.

50.      Ċertament, din il-kundizzjoni hija imposta fuq dawk kollha li japplikaw għad-dħul taċ-ċittadinanza, indipendentement mill-fatt jekk dawn ikunux ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul jew ċittadini nazzjonali. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109 ma jinkludi fih l-ebda element li jissuġġerixxi li l-ugwaljanza fit-trattament prevista fih tipprojbixxi biss id-diskriminazzjonijiet viżibbli, ibbażati fuq iċ-ċittadinanza taċ-ċittadin ikkonċernat (diskriminazzjonijiet diretti). Fil-fatt, dan ikopri l-forom iddissimulati kollha ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħrajn ta’ distinzjoni, effettivament iwasslu għall-istess riżultat (diskriminazzjonijiet indiretti).

51.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, bħal dik stabbilita f’dan il-każ mill-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iġġib magħha r-riskju li iktar tkun tiffavorixxi liċ-ċittadini nazzjonali, u dan peress li dawk li ma jkunux residenti ħafna drabi jkunu dawn li ma jkunux ċittadini (15). Dan jgħodd ukoll għal distinzjoni bbażata fuq it-tul tar-residenza meta t-trattament taċ-ċittadini jitqabbel ma’ dak ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li akkwistaw l-istatus ta’ resident għal żmien twil wara residenza regolari ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

52.      Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan sostna li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul huma integrati sewwa fis-soċjetà Taljana sa fejn igawdu mill-istess drittijiet bħaċ-ċittadini Taljani (bl-eċċezzjoni tad-drittijiet politiċi), li huma għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom dħul minimu u akkomodazzjoni, u li għandhom konoxxenza suffiċjentement tajba tal-lingwa Taljana. Għaldaqstant, il-kapaċità ta’ dawn iċ-ċittadini li jissodisfaw il-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, skont dan il-Gvern, sostanzjalment analoga għal dik taċ-ċittadini Taljani. Madankollu, ma narax kif dan l-argument huwa ta’ natura li jġib fix-xejn il-konstatazzjoni tal-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

53.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-kundizzjoni ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ wkoll taffettwa liċ-ċittadini Taljani li jirritornaw lura fl-Italja wara li jkunu rrisjedew fi Stat Membru ieħor. Lanqas din iċ-ċirkustanza ma jidhirli li tista’ tpoġġi f’dubju l-konklużjoni li wasalt għaliha iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li din ikollha bħala l-effett tagħha li tiffavorixxi liċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li tisfavorixxi biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, bl-esklużjoni taċ-ċittadini nazzjonali (16).

54.      Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja sejra tittratta l-kwistjoni tal-konformità mad-Direttiva 2003/109 ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 7(1) tad-Digriet Liġi Nru 4/2019, li jipprovdi għal piena li ċċaħħad il-libertà minn sentejn sa sitt snin b’mod partikolari fil-każ ta’ dikjarazzjoni falza fir-rigward tal-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif prevista fl-Artikolu 2(1)(a)(2) ta’ dan id-digriet.

55.      Is-sistema legali ta’ tali sanzjoni ma hijiex prevista mid-Direttiva 2003/109 u għaldaqstant taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Madankollu, dan ma jfissirx li din is-sistema hija konformi mad-direttiva inkwistjoni.

56.      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi element materjali tal-ksur kriminali li l-karatterizzazzjoni tiegħu twassal għall-impożizzjoni tas-sanzjoni inkwistjoni.

57.      Minn dan kollu jirriżulta li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi, kif qiegħed nipproponi jiena, li din il-kundizzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari kontra l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, il-qorti nazzjonali tkun obbligata li tħalli mhux applikati kemm l-Artikolu 2(1)(a)(2) tad-Digriet Liġi Nru 4/2019 kif ukoll l-Artikolu 7(1) ta’ dan tal-aħħar.

58.      Fil-fatt u kif irrilevat essenzjalment il-qorti tar-rinviju, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi din il-kundizzjoni għandu l-effett li jneħħi mid-dikjarazzjoni tal-persuna miġjuba quddiem il-qorti kriminali dan l-element materjali tal-ksur u, konsegwentement, li jġib fix-xejn il-ksur kriminali fl-intier tiegħu. B’mod iktar partikolari, in-natura inapplikabbli tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi din il-kundizzjoni tirrendi mingħajr effett il-kontenut tad-dikjarazzjoni falza fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Digriet Liġi Nru 4/2019.

59.      Għaldaqstant, is-sanzjoni kriminali prevista fil-każ ta’ dikjarazzjoni falza li tikkonċerna l-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija wkoll kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni (17).

60.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-aċċess għal miżura nazzjonali ta’ assistenza soċjali għall-kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat għal żmien ta’ mhux inqas minn għaxar snin, mingħajr ebda interruzzjoni fl-aħħar sentejn, u li timponi sanzjoni kriminali fil-każ ta’ dikjarazzjoni falza li tikkonċerna din il-kundizzjoni.

IV.    Konklużjoni

61.      Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja) kif ġej:

L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-aċċess għal miżura nazzjonali ta’ assistenza soċjali għall-kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat għal żmien ta’ mhux inqas minn għaxar snin, mingħajr ebda interruzzjoni fl-aħħar sentejn, u li timponi sanzjoni kriminali fil-każ ta’ dikjarazzjoni falza li tikkonċerna din il-kundizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.


3      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 77 u 81) u tat‑28 ta’ Ottubru 2021, ASGI et (C‑462/20, EU:C:2021:894, punt 30).


4      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Ferrovienord (C‑363/21 u C‑364/21, EU:C:2023:563, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Fastweb et (Frekwenzi ta’ fatturazzjoni) (C‑468/20, EU:C:2023:447, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Ortiz Mesonero (C‑366/18, EU:C:2019:757, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


7      Nispeċifika li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għalih esklużivament bħala għajnuna għall-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 81 u 92), l-Artikolu 34(3) tal-Karta ma jidhirx li huwa rilevanti peress li, bħal fil-kawża preżenti, il-kwistjoni tad-dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva diġà ngħatat risposta affermattiva. Fir-rigward tal-Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet diversi drabi li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpretahom. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 70).


8      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Landeshauptmann von Wien (Telf tal‑istatus ta’ resident għal żmien twil) (C‑432/20, EU:C:2022:39, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara wkoll il-premessa 7 tad-Direttiva 2003/109.


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 35).


11      Sentenzi tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, b’mod partikolari l-punt 75) u tal‑25 ta’ Novembru 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għal residenti fit-tul) (C‑303/19, EU:C:2020:958, b’mod partikolari l-punt 34).


12      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva (C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 29).


13      Ara, fir-rigward tad-diffikultajiet amministrattivi, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 75)


14      Sentenza tal‑25 ta’ Novembr2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għal residenti fit-tul) (C‑303/19, EU:C:2020:958, punt 34).


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 56).


16      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Zyla (C‑272/17, EU:C:2019:49, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara, fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ sanzjoni imposta sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ obbligu li lanqas ma huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Landespolizeidirektion Steiermark (Tul massimu tal-kontroll fil-fruntieri interni) (C‑368/20 u C‑369/20, EU:C:2022:298, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212, punt 33).