Language of document : ECLI:EU:C:2024:84

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑25 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawżi magħquda C160/22 P u C161/22 P u Kawża C597/22 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

HB

“Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Irregolaritajiet fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt – Deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ ammonti diġà mħallsa adottati wara l-firma tal-kuntratt – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv adottati sabiex jiġu rkuprati l-ammonti mitluba – Kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Ilkuntest ġuridiku

A. ItTrattat dwar ilFunzjonament tal-Unjoni Ewropea

B. IrRegolament dwar ilProtezzjoni talInteressi Finanzjarji talUnjoni

C. IrRegolamenti Finanzjarji talUnjoni

1. IrRegolament Finanzjarju tal2002

2. Ir-Regolament Finanzjarju tal2018

III. Ilfatti li wasslu għallappelli

A. Kawżi magħquda C160/22 P u C161/22 P

1. Deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS

a) Iddeċiżjoni ta’ rkupru CARDS

b) Iddeċiżjoni ta’ rkupru TACIS

2. Sentenzi T795/19 u T796/19

B. Kawża C597/22 P

1. Deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv CARDS u TACIS

2. Sentenza T408/21

IV. Ilproċeduri ta’ appell u ttalbiet talpartijiet

A. Kawżi magħquda C160/22 P u C161/22 P

B. Kawża C597/22 P

V. Evalwazzjoni

A. Kawżi C160/22 P u C161/22 P

1. Fuq l-ammissibbiltà tal-appelli

2. Fuq ilġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tarrikorsi ppreżentati kontra ddeċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS

a) Raġunament kontenzjuż talQorti Ġenerali

b) Evalwazzjoni talargumenti talKummissjoni

1) Iddeċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS fiddawl talkundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra atti adottati f’kuntest kuntrattwali

2) Iddeċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS u r“rwol doppju” talKummissjoni fil-qasam kuntrattwali

3. Konklużjoni dwar ilKawżi C160/22 P u C161/22 P

B. Kawża C597/22 P

C. Konklużjoni intermedjarja

VI. Spejjeż

VII. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Meta parti kontraenti tal-Unjoni Ewropea tkun ikkommettiet irregolarità matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, li tiġi żvelata biss wara l-firma tal‑kuntratt, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tadotta, fir-rigward ta’ din il‑parti kontraenti, deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ammonti mħallsa fil-qafas tal‑kuntratt. Sabiex jiġi ddeterminat liema qorti għandha ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tagħha, tali deċiżjoni taqa’ fil-kuntest kuntrattwali jew f’dak mhux kuntrattwali?

2.        Fi kliem ieħor, tali deċiżjoni ta’ rkupru taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal‑qorti tal-kuntratt – qorti nazzjonali jew qorti tal-Unjoni, skont il-każ u skont jekk hemmx, fil-kuntratt, klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal‑Artikolu 272 TFUE – jew hija għall-kuntrarju att li jista’ jiġi kkontestat biss quddiem il-qorti tal-Unjoni permezz ta’ rikors għal annullament fis‑sens tal-Artikolu 263 TFUE?

3.        Din hija l-mistoqsija li għandha twieġeb il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P. Din it-tweġiba tistabbilixxi jekk il‑Qorti Ġenerali kklassifikatx korrettament id-deċiżjonijiet ta’ rkupru inkwistjoni bħala li jagħmlu parti minn kuntest kuntrattwali u kkonstatat li ma kellhiex ġurisdizzjoni, li għandha tkun tal-qorti Belġjana, qorti tal-kuntratt, jew jekk kellhiex, għall-kuntrarju, tiddikjara ruħha bħala li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi ppreżentati mill-parti kontraenti tal‑Kummissjoni kontra l-imsemmija deċiżjonijiet.

4.        It-tweġiba li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għal din il-mistoqsija taffettwa sussegwentement it-tweġiba għall-mistoqsija magħmula fil‑Kawża C‑597/22 P. Din tirrigwarda l-punt dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tadotta deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv fis-sens tal‑Artikolu 299 TFUE sabiex tirkupra l-ammonti mitluba bid-deċiżjonijiet ta’ rkupru kontenzjużi.

5.        Skont il-klassifikazzjoni tagħha tal-imsemmija deċiżjonijiet bħala li jaqgħu fil-kuntest kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali wieġbet din il-mistoqsija fin-negattiv. Fil-fatt, skont is-sentenza ADR Center vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza ADR”) (2), il-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali li ma fihomx klawżola ta’ arbitraġġ favur il-qorti tal-Unjoni.

6.        Għalhekk, il-fondatezza tal-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tad‑deċiżjonijiet inkwistjoni li jagħtu titolu eżekuttiv fil-Kawża C‑597/22 P tiddependi mill-fondatezza tal-konstatazzjonijiet tagħha fir-rigward tad‑deċiżjonijiet ta’ rkupru inkwistjoni fil-Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      ItTrattat dwar ilFunzjonament talUnjoni Ewropea

7.        L-Artikoli 272, 274 u 299 TFUE jistipulaw:

“Artikolu 272

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea hi kompetenti li tiddeċiedi bis‑saħħa ta’ klawżola ta’ l-arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt li jkun sar, skond id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni jew f’isimha.

Artikolu 274

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l‑Unjoni Ewropea fit-Trattati, it-tilwim li fih l-Unjoni tkun parti, m’għandhomx għal dik ir-raġuni jkunu esklużi mill-kompetenza ta’ qrati jew tribunali nazzjonali.

Artikolu 299

L-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li mhumiex l-Istati, ikollhom forza eżekuttiva.

L-eżekuzzjoni tiġi regolata bir-regoli tal-proċedura ċivili li sseħħ f’dak l‑Istat fejn għandha titwettaq. Id-digriet ta’ l-eżekuzzjoni għandu jiġi ffirmat, mingħajr ebda formalità oħra ħlief il-verifika ta’ l-awtentiċità tad‑dokument, mill-awtorità nazzjonali li l-Gvern ta’ kull Stat Membru jaħtar għal dan l-għan u jgħarraf biha lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal‑Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea.

Wara t-twettiq ta’ dawn il-formalitajiet fuq it-talba tal-parti konċernata, din ta’ l-aħħar tista’ tipproċedi bl-eżekuzzjoni skond il-liġi nazzjonali, billi jressaq il-kwestjoni direttament quddiem l-awtorita kompetenti.

L-Eżekuzzjoni tista’ tiġi sospiża biss b’deċiżjoni tal-Qorti. Madankollu, il‑verifika tar-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tkun fil-kompetenza ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.”

B.      IrRegolament dwar ilProtezzjoni talInteressi Finanzjarji talUnjoni

8.        L-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolament PIF”) (3) jistipulaw dan li ġej:

“Artikolu 1

1.      Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l‑irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.      ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal‑Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal‑Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan‑nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.

Artikolu 4

1.      Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal‑vantaġġ miksub b’mod skorrett:

–        permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

–        bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall‑vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.

2.      L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

3.      L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil‑każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.

4.      Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

C.      IrRegolamenti Finanzjarji talUnjoni

1.      IrRegolament Finanzjarju tal2002

9.        L-Artikolu 103 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat‑13 ta’ Diċembru 2006 (5) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2002”), jistipula:

“Meta l-proċedura ta’ għoti tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet għandhom jissospendu l‑proċedura u jistgħu jieħdu kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l‑kanċellazzjoni tal-proċedura.

Meta, wara l-għoti tal-kuntratt, il-proċedura ta’ għoti jew it-twettiq tal‑kuntratt tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l‑istituzzjonijiet jistgħu, skond l-istadju li jkun intlaħaq fil-proċedura, jibqgħu lura milli jikkonkludu l-kuntratt jew jissospendu t-twettiq tal‑kuntratt jew, fejn xieraq, jitterminaw il-kuntratt.

Meta tali żbalji, irregolaritajiet jew frodi huma attribwibbli għall-kuntrattur, l-istituzzjonijiet jistgħu wkoll jirrifjutaw li jagħmlu ħlasijiet, jistgħu jirkupraw ammonti diġà mħallsa jew jistgħu jitterminaw il-kuntratti kollha konklużi ma’ dan il-kuntrattur, fi proporzjon mas-serjetà ta’ l-iżbalji, irregolaritajiet jew frodi.”

2.      IrRegolament Finanzjarju tal2018

10.      L-Artikolu 98 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2018”) (6) jistabbilixxi l-proċedura għall-konstatazzjoni tal-krediti tal-Unjoni u l-istabbiliment tal‑intitolament li d-debitur jintalab iħallas id-dejn.

11.      L-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, intitolat “Awtorizzazzjoni tal-irkupru”, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, jistipula:

“Istituzzjoni tal-Unjoni tista’ formalment tistabbilixxi ammont bħala riċevibbli minn persuni għajr Stati Membri permezz ta’ deċiżjoni li għandha tkun infurzabbli fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE.”

12.      L-Artikolu 131 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sospensjoni, terminazzjoni u tnaqqis”, jistipula b’mod partikolari:

1.      Fejn proċedura ta’ għoti tkun ġiet soġġetta għal irregolaritajiet jew frodi, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jissospendi l‑proċedura u jkun jista’ jieħu kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l‑kanċellazzjoni tal-proċedura. [...]

2.      Fejn, wara l-għoti, jintwera bil-provi li l-proċedura ta’ għoti kienet soġġetta għal irregolaritajiet jew frodi, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista’:

a)      jiċħad milli jassumi l-impenn legali jew iħassar l-għoti ta’ premju;

b)      jissospendi l-pagamenti;

c)      jissospendi l-implimentazzjoni tal-impenn legali;

d)      fejn xieraq, jittermina l-impenn legali sħiħ jew fir-rigward ta’ riċevitur wieħed jew aktar.

3.      L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista’ jissospendi l‑pagamenti jew l-implimentazzjoni tal-impenn legali fejn:

a)      jintwera bil-provi li l-implimentazzjoni tal-impenn legali kienet soġġetta għal irregolaritajiet, frodi jew ksur tal-obbligi;

b)      jenħtieġ li jiġi vverifikat jekk fil-fatt seħħewx l-irregolaritajiet, il-frodi jew il-ksur ta’ obbligi preżunti;

c)      irregolaritajiet, frodi jew ksur tal-obbligi jixħtu dubju fuq l‑affidabbiltà jew l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll intern ta’ persuna jew entità li timplimenta l-fondi tal-Unjoni skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) jew il-legalità u r-regolarità tat‑tranżazzjonijiet sottostanti.

Fejn l-irregolaritajiet, il-frodi jew il-ksur ta’ obbligi preżunti msemmijin fil‑punt (b) tal-ewwel subparagrafu ma jkunux ikkonfermati, l‑implementazzjoni jew il-pagamenti għandhom jissoktaw mill-aktar fis possibbli.

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista’ jittermina l-impenn legali sħiħ jew fir-rigward ta’ riċevitur wieħed jew aktar fil-każijiet imsemmijin fil-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu.

4.      Minbarra l-miżuri msemmijin fil-paragrafu 2 jew 3, l-uffiċjal tal‑awtorizzazzjoni responsabbli jista’ jnaqqas l-għotja, il-premju, il‑kontribuzzjoni skont il-ftehim ta’ kontribuzzjoni jew il-prezz dovut taħt kuntratt b’mod proporzjonat għas-serjetà tal-irregolaritajiet, tal-frodi jew tal-ksur ta’ obbligi, inkluż fejn l-attivitajiet ikkonċernati ma jkunux ġew implimentati jew ikunu ġew implimentati ħażin, b’mod parzjali jew tard.

[...]”

III. Ilfatti li wasslu għallappelli

13.      Dawn il-kawżi jirrigwardaw żewġ kuntratti konklużi mill-Unjoni mal-appellanti, HB, il-kuntratt CARDS u l-kuntratt TACIS. Matul l‑eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti, ġew żvelati irregolaritajiet kommessi mill-appellanti waqt il-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti.

14.      Wara dawn ir-rivelazzjonijiet, il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa fil-qafas tal-kuntratti, li kienu is-suġġett tas‑sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Diċembru 2021, HB vs Il‑Kummissjoni (T‑795/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑795/19”, EU:T:2021:917) u HB vs Il‑Kummissjoni (T‑796/19, iktar ’il quddiem is‑“sentenza T‑796/19”, EU:T:2021:918), ikkontestati permezz tal-appelli fil-Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P. Barra minn hekk, sussegwentement, il‑Kummissjoni adottat deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv sabiex jiġu rkuprati l-ammonti mitluba, liema deċiżjonijiet kienu s-suġġett tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Lulju 2022, HB vs Il‑Kummissjoni (T‑408/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑408/21”, EU:T:2022:418), ikkontestata permezz tal-appell fil-Kawża C‑597/22 P.

15.      Għal kull buon fini, jista’ jiġi indikat li hemm kawżi oħra pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw ukoll il-kuntratti CARDS u TACIS (7).

A.      Kawżi magħquda C160/22 P u C161/22 P

1.      Deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS

a)      Iddeċiżjoni ta’ rkupru CARDS

16.      Il-fatti li wasslu għall-Kawża C‑160/22 P jinsabu, b’mod partikolari, fil-punti 1 sa 29 tas-sentenza T‑795/19 kif ukoll fil-premessi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019)7319 final tal‑15 ta’ Ottubru 2019 dwar it-tnaqqis tal-ammonti dovuti abbażi tal-kuntratt CARDS/2008/166–429 u għall‑irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni ta’ rkupru CARDS”), u jistgħu jitqassru bil-mod segwenti:

17.      Fl‑24 ta’ Ottubru 2007, l-Unjoni, irrappreżentata mill-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (AER), nediet sejħa għal offerti bir-riferiment EuropeAid/125037/D/SER/YU bil-għan li tikkonkludi kuntratt għal servizzi għall-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza teknika lill-Kunsill Ġudizzjarju Għoli, fis-Serbja. Dan il-kuntratt kien jagħmel parti mill-qafas tal‑Programm ta’ Assistenza Komunitarja għar-Rikostruzzjoni, l-Iżvilupp u l‑Istabbilizzazzjoni (CARDS) li kellu l-għan li jipprovdi assistenza lill‑pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħhom fil‑proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni mal-Unjoni.

18.      Fl‑10 ta’ Ġunju 2008, mis-sejħa għal offerti ARDS/2008/166-429 (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti CARDS”) intgħażel il-konsorzju kkoordinat mill‑appellanti HB. Il-kuntratt korrispondenti Nru 06SER01/05/004 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt CARDS”) ġie ffirmat fit‑30 ta’ Lulju 2008 għal valur massimu ta’ EUR 1 999 125.

19.      Il-kuntratt CARDS kien jistipula b’mod partikolari li d-dritt applikabbli għall-kuntratt kien id-dritt tal-Unjoni, issupplimentat, fejn meħtieġ, mid-dritt Belġjan (Artikolu 9.1 tal-kundizzjonijiet speċjali), li kwalunkwe tilwima relatata ma’ dan il-kuntratt kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ Brussell (il-Belġju) (Artikolu 11 tal-kundizzjonijiet speċjali), li, jekk il-parti kontraenti tal-Unjoni tkun instabet ħatja ta’ żbalji, ta’ irregolaritajiet jew ta’ atti ta’ frodi waqt il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, l-Unjoni setgħet tirrifjuta milli tagħmel il-pagamenti dovuti jew tirkupra ammonti diġà mħallsa proporzjonalment għall-gravità tal-iżbalji, tal‑irregolaritajiet jew tal-frodi (Artikoli 35.1 u 35.2 tal-kundizzjonijiet ġenerali) u li l-Unjoni setgħet ixxolji l-kuntratt f’firxa wiesgħa ta’ każijiet, b’mod partikolari, jekk il-parti kontraenti tkun instabet ħatja ta’ żbalji professjonali serji (Artikolu 36.3(g) tal-kundizzjonijiet ġenerali).

20.      Wara li ġie fi tmiemu x-xogħol tal-AER f’Diċembru 2008, il-kuntratt CARDS ġie ittrasferit lid-delegazzjoni tal-Unjoni fis-Serbja (iktar ’il quddiem id-“delegazzjoni fis-Serbja”).

21.      Fil‑31 ta’ Marzu 2010, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt CARDS ġiet sospiża wara missjoni ta’ investigazzjoni u rapport ta’ analiżi tal‑Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li żvelaw l-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji u tal-possibbiltà ta’ atti ta’ korruzzjoni li seħħew waqt il‑proċedura ta’ għoti tal-kuntratt.

22.      Wara r-rapport ta’ investigazzjoni finali, segwit minn rapport ta’ analiżi kumplimentari tal-OLAF, id-delegazzjoni fis-Serbja informat lill‑appellanti bl-intenzjoni tagħha li xxolji l-kuntratt CARDS. Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Mejju 2015, hija indikatilha b’mod partikolari li dan il-kuntratt kellu jiġi kkunsidrat bħala vvizzjat mill-oriġini tiegħu minħabba irregolaritajiet relatati mal-għoti tal-kuntratt korrispondenti u li l‑Kummissjoni kienet ser tipproċedi bl-irkupru tal-ammonti kollha mħallsa. Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Ottubru 2015, id-delegazzjoni fis-Serbja kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li xxolji l-imsemmi kuntratt.

23.      Fil‑15 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS. Din id-deċiżjoni ttieħdet abbażi, b’mod partikolari, tal‑Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002, tal-Artikoli 131 u 98 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament PIF, u d-dispożittiv tagħha kien jinqara kif ġej:

“Artikolu 1

Il-proċedura ta’ għoti tas-sejħa għal offerti ristretta bir-riferiment EuropeAid/125037/D/SER/YU kienet is-suġġett ta’ irregolarità fis-sens tal‑Artikolu 103 tar-Regolament [Finanzjarju tal‑2002] u tal-Artikolu 131 tar-Regolament [Finanzjarju tal‑2018].

L-imsemmija irregolarità hija imputabbli lill-konsorzju mmexxi minn [l‑appellanti], li ffirmat il-kuntratt [CARDS] mogħti fi tmiem is-sejħa għal offerti.

Artikolu 2

L-ammont tal-kuntratt [CARDS] huwa mnaqqas minn EUR 1 199 125.00 għal EUR 0 (żero).

Artikolu 3

Il-pagamenti kollha, li jammontaw għal EUR 1 197 055.86, magħmula taħt l-imsemmi kuntratt [CARDS] huma kkunsidrati bħala mħallsa indebitament u huma s-suġġett ta’ rkupru.

Artikolu 4

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u għan-Negozjati ta’ Tkabbir qiegħed joħroġ ordni ta’ rkupru kontra [l-appellanti] għall-ammont imsemmi fl-Artikolu 3.

[L-appellanti] hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni u tan-nota ta’ debitu annessa magħha. Din id-deċiżjoni għandha tapplika mid-data meta tasal għand [l-appellanti].

Artikolu 5

Skont l-Artikolu 263 [TFUE], din id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’terminu ta’ xahrejn.”

b)      Iddeċiżjoni ta’ rkupru TACIS

24.      Il-fatti li wasslu għall-Kawża C‑161/22 P jinsabu, b’mod partikolari, fil-punti 1 sa 24 tas-sentenza T‑796/19 kif ukoll fil-premessi tad‑Deċiżjoni C(2019)7318 final tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2019 dwar it-tnaqqis tal-ammonti dovuti abbażi tal-kuntratt TACIS/2006/101‑510 u għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rkupru TACIS”), u jistgħu jitqassru bil‑mod segwenti:

25.      Fil‑25 ta’ Jannar 2006, l-Unjoni, irrappreżentata mid-delegazzjoni tagħha fl-Ukraina (iktar ’il quddiem id-“delegazzjoni fl-Ukraina”), nediet sejħa għal offerti bir-riferiment EuropeAid/122038/C/SV/UA bil-għan li tikkonkludi kuntratt għal servizzi għall-provvista ta’ assistenza teknika lill‑awtoritajiet Ukraini għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ukraina mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dan il-kuntratt kien jagħmel parti mill-qafas tal‑Programm ta’ Assistenza Komunitarja għall-Komunità ta’ Stati Indipendenti (TACIS) li kellu l-għan li jgħin fit-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq u fit-tisħiħ tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt fl-Istati imsieħba tal‑Ewropa tal-Lvant u tal-Asja ċentrali.

26.      Fis‑17 ta’ Ġunju 2006, mis-sejħa ta’ offerti TACIS/2006/101‑510 (iktar ’il quddiem is-“sejħa ta’ offerti TACIS”) ingħażel il-konsorzju kkoordinat mill‑appellanti, HB. Il-kuntratt korrispondenti Nru 2006/101‑510 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt TACIS”) ġie ffirmat fis‑17 ta’ Lulju 2006 b’valur massimu ta’ EUR 4 410 000.

27.      Il-kuntratt TACIS kien jistipula b’mod partikolari li kull kwistjoni mhux koperta mill-imsemmi kuntratt kienet irregolata mid-dritt Belġjan (Artikolu 9.1 tal-kundizzjonijiet speċjali), li kwalunkwe tilwima relatata miegħu kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ Brussell (Artikolu 11 tal-kundizzjonijiet speċjali), li, jekk il-parti kontraenti tal‑Unjoni tkun instabet ħatja ta’ żbalji, ta’ irregolaritajiet jew ta’ atti ta’ frodi waqt il‑proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, l-Unjoni setgħet tirrifjuta milli tagħmel il‑pagamenti dovuti jew tirkupra ammonti diġà mħallsa proporzjonalment għall-gravità tal-iżbalji, tal-irregolaritajiet jew tal-frodi (Artikoli 35.3 u 35.4 tal-kundizzjonijiet ġenerali) u li l-Unjoni setgħet ixxolji l-kuntratt f’firxa wiesgħa ta’ każijiet, b’mod partikolari, jekk il-parti kontraenti tkun instabet ħatja ta’ żbalji professjonali serji (Artikolu 36.3(g) tal-kundizzjonijiet ġenerali).

28.      Fis‑16 ta’ Lulju 2009, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt TACIS u l‑pagamenti relatati miegħu ġew sospiżi wara missjoni ta’ investigazzjoni u rapport ta’ analiżi tal-OLAF, li żvelaw l-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji u tal-possibbiltà ta’ atti ta’ korruzzjoni li seħħew waqt il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt. Il-konstatazzjonijiet tal-OLAF wasslu wkoll, b’mod partikolari, għal komunikazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani.

29.      Fir-rapport ta’ investigazzjoni finali tiegħu tad‑19 ta’ April 2010, l-OLAF ikkonferma l-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji u tal-possibbiltà ta’ atti ta’ korruzzjoni. L-OLAF irrakkomanda lid-delegazzjoni fl-Ukraina xxolji l-kuntratt TACIS u tipproċedi bl-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament.

30.      Fl‑20 ta’ April 2012, id-delegazzjoni fl-Ukraina informat lill‑appellanti bl-intenzjoni tagħha li tneħħi s-sospensjoni tal-kuntratt TACIS, minħabba li, minn naħa, l-investigazzjoni ġudizzjarja mmexxija mill-awtoritajiet Belġjani kienet twalet u, min-naħa l-oħra, li l‑imsemmi kuntratt seta’ jiġi kkunsidrat bħala eżegwit.

31.      Fid‑19 ta’ Marzu 2013, id-delegazzjoni fl-Ukraina informat lill‑appellanti li l-kuntratt TACIS seta’ jiġi kkunsidrat bħala eżegwit wara l‑approvazzjoni tar-rapport finali, il-pagament tal-aħħar fattura u r-rimbors tal-garanzija bankarja.

32.      Fl‑24 ta’ Mejju 2018, id-delegazzjoni fl-Ukraina nnotifikat lill‑appellanti bl-intenzjoni tagħha li tirkupra l-ammonti kollha mħallsa taħt il-kuntratt TACIS, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 4 241 507.

33.      Fil‑15 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ rkupru TACIS. Din id-deċiżjoni ittieħdet abbażi, b’mod partikolari, tal‑Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002, tal-Artikoli 131 u 98 tar‑Regolament Finanzjarju tal‑2018 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament PIF, u d-dispożittiv tagħha kien jinqara kif ġej:

“Artikolu 1

Il-proċedura ta’ għoti tas-sejħa għal offerti ristretta bir-riferiment EuropeAid/122038/C/SV/UA kienet is-suġġett ta’ irregolarità fis-sens tal‑Artikolu 103 tar-Regolament [Finanzjarju tal‑2002] u tal-Artikolu 131 tar-Regolament [Finanzjarju tal‑2018].

L-imsemmija irregolarità hija imputabbli lill-konsorzju mmexxi minn [l‑appellanti], li ffirmat il-kuntratt [TACIS] mogħti fi tmiem is-sejħa għal offerti.

Artikolu 2

L-ammont tal-kuntratt [TACIS] huwa mnaqqas minn EUR 4 410 000.00 għal EUR 0 (żero).

Artikolu 3

Il-pagamenti kollha, li jammontaw għal EUR 4 241 507.00, magħmula taħt l-imsemmi kuntratt huma kkunsidrati bħala mħallsa indebitament u huma s‑suġġett ta’ rkupru.

Artikolu 4

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u għan-Negozjati ta’ Tkabbir qiegħed joħroġ ordni ta’ rkupru kontra [l-appellanti] għall-ammont imsemmi fl-Artikolu 3.

[L-appellanti] hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni u tan-nota ta’ debitu annessa magħha. Din id-deċiżjoni għandha tapplika mid-data meta tasal għand [l-appellanti].

Artikolu 5

Skont l-Artikolu 263 [TFUE], din id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’terminu ta’ xahrejn.”

2.      Sentenzi T795/19 u T796/19

34.      Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-iżviluppi sussegwenti huma deskritti fil-punti 30 sa 51 tas-sentenza T‑795/19 u fil-punti 25 sa 46 tas‑sentenza T‑796/19, u jistgħu jitqassru bil-mod segwenti.

35.      Permezz ta’ atti ppreżentati fid‑19 ta’ Novembru 2019, l-appellanti ppreżentat rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS (Kawża T‑795/19) u TACIS (Kawża T‑796/19). Permezz ta’ dawn ir-rikorsi, hija talbet lill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, tannulla l-imsemmija deċiżjonijiet kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ danni. Il‑Kummissjoni, minn naħa tagħha, talbet lill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, tiċħad it-talbiet għal annullament bħala infondati u t-talbiet għad-danni bħala inammissibbli jew infondati.

36.      Fis‑7 ta’ Frar 2020, l-appellanti fetħet proċeduri kontra l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża (il-Belġju), u essenzjalment talbet lil dik il-qorti, fir‑rigward tal-kuntratt TACIS, tiddeċiedi li l-Unjoni ma kellhiex dritt tordna t-tnaqqis għal żero tal-ammont tal-imsemmi kuntratt, u, fir-rigward tal‑kuntratt CARDS, tiddeċiedi li l-Unjoni ma kellhiex dritt ixxoljih. Sussidjarjament, hija talbet li l-Unjoni tkun ikkundannata għad-danni kuntrattwali ekwivalenti għall-ammont tal-kuntratti TACIS u CARDS.

37.      Fid‑19 ta’ Frar 2021, il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil‑lingwa Franċiża tat sentenza li permezz tagħha ddikjarat li hija kellha s‑setgħa ta’ ġurisdizzjoni rikjesta sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża mressqa mill-appellanti kontra l-Unjoni, kemm fir-rigward tal-kuntratt TACIS kif ukoll tal-kuntratt CARDS, filwaqt li ddeċidiet li tissospendi d‑deċiżjoni dwar il-mertu sakemm jingħataw id-deċiżjonijiet fil-Kawżi T‑795/19 u T‑796/19.

38.      Permezz tas-sentenzi T‑795/19 u T‑796/19, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ċaħdet iż-żewġ rikorsi ppreżentati quddiemha bħala inammissibbli, inkwantu kienu jirrigwardaw l-annullament ta’ deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS, u bħala infondati, inkwantu kienu jirrigwardaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Minn naħa l‑oħra, hija kkundannat lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż skont l‑Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Skont din id‑dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il‑kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji. Il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, mill-formulazzjoni tal-Artikoli 5 tad-deċiżjonijiet CARDS u TACIS, il-Kummissjoni kienet tat lok sabiex tinfetaħ il-kawża.

B.      Kawża C597/22 P

1.      Deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv CARDS u TACIS

39.      Fil‑5 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2021)3340 final dwar l-irkupru, fir-rigward tal-kuntratt CARDS, ta’ dejn fl-ammont ta’ EUR 1 197 055.86 mingħand l-appellanti (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv CARDS”), u d-Deċiżjoni C(2021)3339 final dwar l-irkupru, fir-rigward tal-kuntratt TACIS, ta’ dejn fl-ammont ta’ EUR 4 241 507 mingħand l-appellanti (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv TACIS”). Skont il-kliem tal‑Artikolu 5 tagħhom, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jagħtu titolu eżekuttiv bis-saħħa tal-Artikolu 299 TFUE.

2.      Sentenza T408/21

40.      Fid‑9 ta’ Lulju 2021, l-appellanti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv CARDS u TACIS, irreġistrat bin-numru T‑408/21.

41.      Permezz tas-sentenza T‑408/21, il-Qorti Ġenerali annullat l‑imsemmija deċiżjonijiet għar-raġunijiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni, fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratti CARDS u TACIS, ma kellhiex is-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv abbażi tal‑Artikolu 299 TFUE.

IV.    Ilproċeduri ta’ appell u ttalbiet talpartijiet

A.      Kawżi magħquda C160/22 P u C161/22 P

42.      Permezz ta’ atti ppreżentati fis‑7 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ppreżentat appelli mis-sentenzi T‑795/19 u T‑796/19, li ġew irreġistrati bin-numri C‑160/22 P u C‑161/22 P.

43.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Mejju 2022, il-Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P ġew magħquda għall‑finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

44.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenzi T‑795/19 u T‑796/19 sa fejn jiċħdu bħala inammissibbli r-rikorsi għal annullament ippreżentati mill‑appellanti kontra d-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS (punt 1 tad-dispożittivi), u sa fejn jikkundannaw lill‑Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal‑proċeduri għal miżuri provviżorji (punt 3 tad-dispożittivi);

–        tibgħat lura l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar il-mertu fir-rigward tar-rikorsi għal annullament, kif ukoll dwar l-ispejjeż, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

45.      L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

B.      Kawża C597/22 P

46.      Permezz ta’ att ippreżentat fis‑16 ta’ Settembru 2022, il‑Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza T‑408/21, li ġie rreġistrat bin-numru C‑597/22 P.

47.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza T‑408/21, sa fejn hija tannulla d‑deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv CARDS u TACIS ;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar il-mertu fir-rigward tar-rikors għal annullament, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

48.      L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

49.      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja nstemgħu waqt seduta komuni għat-tliet appelli li saret fis‑27 ta’ Settembru 2023.

V.      Evalwazzjoni

50.      Kif ġie indikat fl-introduzzjoni, id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata fil-Kawża C‑597/22 P (B) tiddependi mid-deċiżjoni li ser tiġi adottata fil‑Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P. Għalhekk, hemm lok li dawn jiġu eżaminati l-ewwel (A).

A.      Kawżi C160/22 P u C161/22 P

51.      Qabel ma ngħaddi għall-mertu ta’ dawn il-kawżi, li jikkonċerna l‑punt dwar jekk id-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS jaqgħux effettivament fil-kuntest kuntrattwali u, għalhekk, fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-kuntratt (2), għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-appelli tal‑Kummissjoni, ikkontestata mill-appellanti (1).

1.      Fuq lammissibbiltà talappelli

52.      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha.

53.      Skont l-appellanti, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ħarġitx telliefa f’dak li jirrigwarda t-talbiet għal annullament imressqa mill‑appellanti kontra d-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS quddiem il‑Qorti Ġenerali, għaliex din tal-aħħar ċaħdet it-talbiet. Il-fatt li ġew miċħuda bħala inammissibbli u mhux bħala infondati, kif kienet talbet il‑Kummissjoni, ma għandux ifisser, skont l-appellanti, li l-Kummissjoni tilfet it-talbiet tagħha.

54.      Barra minn hekk, dejjem skont l-appellanti, il-Kummissjoni ma għandhiex interess ġuridiku, inkwantu hija tibbaża l-appell tagħha fuq il‑ħtieġa li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fil-fatt, dan l-argument jinjora it-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji stabbilit mit-Trattat FUE kif ukoll il-fatt li l-qorti nazzjonali bħala qorti ta’ kuntratt konkluż mill-Unjoni tista’ wkoll tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha bħall‑qorti tal-Unjoni.

55.      Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda mingħajr il-bżonn li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, bħala rikorrenti pprivileġġjata, għandhiex turi interess ġuridiku f’sitwazzjoni fejn hija tippreżenta appell f’tilwimiet bħal dawk f’dan il-każ. Lanqas ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-appellanti sabiex tikkontesta l-interess ġuridiku tal-Kummissjoni, li jaqgħu, fl-opinjoni tiegħi, fl-eżami tal-mertu tal-appelli, jiġifieri l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex teżamina rikorsi fl-ewwel istanza, u mhux l-ammissibbiltà tal-appelli.

56.      Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għall-opinjoni tal-appellanti, il-Kummissjoni tabilħaqq ħarġet telliefa fl-ewwel istanza f’dak li jikkonċerna t-talbiet għal annullament tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS, u dan jagħtiha interess ġuridiku fl-appell sabiex tikseb l-annullament tas-sentenzi T‑795/19 u T‑796/19.

57.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l‑imsemmija talbiet għal annullament għaliex qieset li l-kawżi kellhom natura kuntrattwali u, konsegwentement, kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal‑qorti Belġjana, il-qorti tal-kuntratt bis-saħħa tal-klawżoli tal-kuntratti CARDS u TACIS (8). Barra minn hekk, l-appellanti adixxiet ukoll lil din il‑qorti Belġjana b’talbiet identiċi, fir-rigward tal-effetti tagħhom, bħal dawk imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, u l-qorti Belġjana ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom, filwaqt li ssospendiet il-proċeduri quddiemha sakemm jingħataw id-deċiżjonijiet li jġibu fi tmiemhom il-proċeduri f’dawn il-kawżi (9).

58.      B’hekk, kif korrettament tindika l-Kummissjoni, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet għal annullament tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS imressqa mill-appellanti bħala inammissibbli minflok bħala infondati jikkawżalha preġudizzju, b’tali mod li l-appell jista’, bir‑riżultat tiegħu, jagħtiha vantaġġ (10). Fil-fatt, li kieku l-Qorti Ġenerali kienet eżaminat il-mertu ta’ dawn it-talbiet u ċaħdithom bħala infondati, il‑kawżi kienu jintemmu u l-fondatezza tal-pretensjonijiet tal-Kummissjoni kienet tiġi stabbilita (suġġett għal konferma f’każ li jiġi ppreżentat appell).

59.      Minn dan isegwi li, peress li l-Kummissjoni ħarġet telliefa quddiem il-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda t-talbiet għal annullament tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS, l-appelli fil-Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P huma ammissibbli.

2.      Fuq ilġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tarrikorsi ppreżentati kontra ddeċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS

60.      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkommettiet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li, sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS kienu jaqgħu fil-kuntest kuntrattwali b’tali mod li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal‑kuntratt u mhux tal-qorti tal-annullament. Min-naħa l-oħra, il‑Kummissjoni hija tal-opinjoni li dawn id-deċiżjonijiet huma atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

61.      Insostenn ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni tippreżenta tliet aggravji li, fi kliemha stess, huma strettament relatati, u li għalhekk jistgħu jiġu eżaminati flimkien. Permezz ta’ dawn l-aggravji, hija essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat bħala kuntrattwali l‑prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika mogħtija lilha mir-regolamenti għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, liema prerogattivi huma li tikkonstata irregolaritajiet b’mod unilaterali , tnaqqas il‑prezzijiet tal-kuntratti u tirkupra l-ammonti mħallsa indebitament.

a)      Raġunament kontenzjuż talQorti Ġenerali

62.      F’dak li jirrigwarda r-raġunament kontenzjuż tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar fakkret, qabel kollox, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa mis‑sentenza Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Lito”) (11), li tistipula li l-qorti tal-Unjoni ma tistax testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 274 TFUE, li jagħti lill-qrati nazzjonali l‑ġurisdizzjoni tad-dritt komuni sabiex jiddeċiedu tilwimiet li l-Unjoni tkun parti minnhom. Għalhekk, fil-preżenza ta’ kuntratt li jorbot lil rikorrent ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jiġu aditi b’rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE biss jekk l-att ikkontestat ikun intiż sabiex jipproduċi effetti legali vinkolanti li jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva (12).

63.      Fid-dawl ta’ din il-kundizzjoni doppja, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l‑argument tal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS, minħabba l-fatt biss li kienu ġew adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju li jagħti lill-Kummissjoni prerogattivi ta’ awtorità pubblika, jaqgħu fil-“qasam amministrattiv” (u mhux fil-“qasam kuntrattwali”) (13).

64.      Skont il-Qorti Ġenerali, anki li kieku r-Regolamenti Finanzjarji tal‑2002 u tal‑2018 (14) u r-Regolament PIF jawtorizzaw lill-Kummissjoni li, taħt ċerti kundizzjonijiet, timplimenta miżuri li jaqgħu fil‑prerogattivi ta’ awtorità pubblika, mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis‑sentenza Lito jirriżulta li dan ma huwiex biżżejjed sabiex l-imsemmija miżuri jiġu mill-ewwel esklużi mill-kuntest kuntrattwali, peress li l‑implimentazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti oriġinat minn nuqqasijiet imputati lil parti involuta f’relazzjoni kuntrattwali mal-Unjoni (15).

65.      Skont il-Qorti Ġenerali, anki jekk il-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti ikunu għadhom mhux koperti mill-kuntest kuntrattwali, wara l-iffirmar tal‑kuntratt, l-awtorità kontraenti hija marbuta b’kuntratt mal-offerent magħżul. Għalhekk, l-eżerċizzju ta’ setgħat mogħtija lill-awtorità kontraenti permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju sabiex jiġu ssanzjonati irregolaritajiet kommessi matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt jaqa’, b’effett mill-iffirmar tal-kuntratt, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali. F’dan il-każ, il-fatturi determinanti huma għalhekk il-fatt li dawn is-setgħat ġew eżerċitati meta l-partijiet kienu diġà marbuta fil-konfront ta’ xulxin bis‑saħħa tal-kuntratti CARDS u TACIS, li huma kienu diġà eżegwixxew parti sostanzjali minnhom u saħansitra t-totalità tal-obbligi rispettivi tagħhom, u li l-miżuri kkontestati kellhom l-effett li jannullaw l-obbligi tal-Kummissjoni taħt il‑kuntratti, jiġifieri l-pagamenti magħmula favur l-appellanti (16).

66.      Għalhekk, skont l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, it-tieni kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza sabiex att adottat f’kuntest kuntrattwali jiġi kklassifikat bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE kienet nieqsa, peress li d-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS biss setgħu jipproduċu effetti li jaqgħu fil-kuntest kuntrattwali (17).

b)      Evalwazzjoni talargumenti talKummissjoni

67.      Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali joħloq ġurisprudenza ġdida li tikkonsisti fl-“ikkuntrattar” tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika. B’dan il-mod, huwa jdgħajjef is-sistema ġuridika tal-Unjoni, jagħmel ineffikaċi d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjonijiet meħuda mill‑Kummissjoni, ineżżaha mill-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika u jċaħħadha minn għodda essenzjali għad-difiża tal-interessi finanzjarji tal‑Unjoni.

68.      Madankollu dan l-argument ma għandux jintlaqa’.

69.      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir‑raġunament kontenzjuż tal-Qorti Ġenerali jirriżulta minn applikazzjoni korretta ta’ prinċipji stabbiliti sew, b’mod partikolari, mis-sentenzi Lito u ADR (1). Bl-istess mod, id-deċiżjoni tagħha ma taffettwax il-kompetenza tal‑Kummissjoni sabiex timplimenta l-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika, iżda tirrigwarda biss il-ġurisdizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar miżuri adottati b’dan il-mod (2).

1)      Iddeċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS fiddawl talkundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra atti adottati f’kuntest kuntrattwali

70.      Kif indikat il-Qorti Ġenerali, skont is-sentenza Lito, fil-preżenza ta’ kuntratt li jorbot lil rikorrent ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, sabiex ikun att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l‑Artikolu 263 TFUE, att għandu jissodisfa kundizzjoni doppja: ma għandux jirriżulta biss mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha bħala awtorità amministrattiva, iżda għandu wkoll ikun intiż sabiex jipproduċi effetti legali vinkolanti li jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet.

71.      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, huwa korrett li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-unika oriġini mhux kuntrattwali tas-setgħat implimentati mill‑Kummissjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS, jekk titqies stabbilita, ma hijiex suffiċjenti sabiex tikklassifika dawn id-deċiżjonijiet bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati bis-saħħa tal‑Artikolu 263 TFUE fin-nuqqas ta’ effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet barra mir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet.

72.      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, sottomess mill‑Kummissjoni, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ l-ewwel aggravju tagħha kif ukoll waqt is-seduta, li dawn is-setgħat ġew mogħtija lilha bħala awtorità amministrattiva sabiex jiġu ssanzjonati irregolaritajiet fis-sens tal‑Artikolu 4 tar-Regolament PIF u tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002, u sabiex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-fatt li l-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex tirkupra l-ammonti diġà mħallsa proporzjonalment skont il-gravità tal-irregolaritajiet kommessi ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-miżuri adottati b’dan il-mod ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala li jaqgħu fil-kuntest kuntrattwali għall-finijiet tal-proċess ġudizzjarju tagħhom.

73.      Tali setgħat huma ċertament simili għal miżuri ta’ tip “amministrattiv”, li huma differenti mill-implimentazzjoni ta’ drittijiet u obbligi kuntrattwali klassiċi bħal, pereżempju, it-talba għal danni minħabba eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt (18). Madankollu, dan ma jfissirx, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li l-atti ta’ implimentazzjoni ta’ tali setgħat adottati mill-istituzzjoni kontraenti għandhom jiġu kklassifikati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal‑Artikolu 263 TFUE jekk jaqgħu fil-kuntest kuntrattwali u ma jipproduċux effetti legali vinkolanti li jinsabu barra minn dan tal-aħħar (19). Dan ma jkunx kompatibbli mas-sistema ta’ rimedji stabbilita mid-dritt primarju jekk l-implimentazzjoni ta’ dawn is-setgħat awtomatikament twassal għall‑ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni skont din id-dispożizzjoni.

74.      Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza Lito riprodotti fil‑punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kundizzjoni doppja li għandha tiġi ssodisfatta sabiex att adottat mill-Unjoni fir-rigward ta’ parti kontraenti jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament tirriżulta effettivament mis-sistema ta’ rimedji stabbilita permezz tat-Trattat FUE. Skont l‑Artikoli 272 u 274 tat-Trattat, it-tilwim li fih l-Unjoni tkun parti ma għandux, għal dik ir-raġuni, ikun eskluż mill-ġurisdizzjoni ta’ qrati nazzjonali, u l-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq tilwim li jirriżulta minn kuntratt mogħti mill-Unjoni biss jekk dan il-kuntratt ikun fih klawżola ta’ arbitraġġ favur il-qrati tal-Unjoni.

75.      Għalhekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 19 tas‑sentenza Lito u fil-punt 64 tas-sentenza ADR, li kellha l-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi lilha nnifisha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, abbażi tal‑Artikolu 263 TFUE, fuq il-legalità ta’ atti li jaqgħu f’kuntest kuntrattwali, hija tirriskja li ġġib fix-xejn is-sens tal-Artikolu 272 TFUE. Barra minn hekk, f’każ fejn il-kuntratt ma jkunx fih klawżola ta’ arbitraġġ favur il-qrati tal-Unjoni, hija tirriskja li testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 274 TFUE.

76.      Huwa minħabba dan it-tqassim ta’ setgħat ġudizzjarji li d‑definizzjoni tal-att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE tfasslet b’mod iktar ristrett f’kuntest kuntrattwali milli f’kuntesti oħra. B’hekk, meta att jikkonċerna parti kontraenti tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tad-destinatarju tiegħu sabiex ikun jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE; hemm bżonn ukoll li dawn l-effetti legali vinkolanti jkunu jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet (20). Din ir-restrizzjoni tal-aċċess tal-partijiet kontraenti tal-Unjoni għall-qorti tal-annullament ma tippreġudikax id-dritt tagħhom għal rimedju jekk ikollhom rimedju effettiv quddiem il-qorti tal‑kuntratt (21).

77.      Effetti mhux kuntrattwali ta’ deċiżjoni meħuda f’kuntest kuntrattwali jeżistu, pereżempju, waqt l-esklużjoni temporanja, minn kuntratti pubbliċi u sussidji tal-Unjoni, ta’ parti kontraenti li tkun wettqet ksur tal-kuntratt jew l-inklużjoni ta’ tali parti kontraenti f’lista sewda f’database ċentrali tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni (22).

78.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni baqgħet ma stabbilixxietx x’ser ikunu l‑effetti tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS li kienu jinsabu barra mir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet.

79.      Essenzjalment, kif il-Qorti Ġenerali ikkonstatat korrettament, anki kieku dawn jissanzjonaw irregolarità kommessa qabel il-konklużjoni tal‑kuntratti kontenzjużi, dawn id-deċiżjonijiet għandhom l-effett li jobbligaw lill-appellanti tirrestitwixxi l-pagamenti magħmula mill-Unjoni favur tagħha skont dawn il-kuntratti. Għalhekk, huma jirrigwardaw id-drittijiet u obbligi tal-partijiet fil-kuntest tal-imsemmija kuntratti. Fil-bidu, dawn il-pagamenti kienu dovuti lill-appellanti abbażi ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali u ma kinux isiru mill-Unjoni li kieku dawn il-kuntratti kienu għadhom ma ġewx iffirmati. L-obbligu impost fuq l-appellanti li tirrestitwixxi l-ammonti inkwistjoni jaffettwa għalhekk is-sitwazzjoni tagħha bħala parti kontraenti tal-Unjoni, iżda ma jimponix fuqha obbligi li jmorru lil hinn jew li jestendu l-effetti tagħhom barra minn din ir-relazzjoni kuntrattwali.

80.      Anki li kieku l-miżuri adottati mill-Kummissjoni ma humiex relatati mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt mill-appellanti, huma jirrikonoxxuha għalhekk fl-istatus tagħha ta’ parti kontraenti tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess enfasizzat, b’mod partikolari waqt is-seduta f’dawn il-kawżi, li l-fatt li l-irregolaritajiet issanzjonati f’dan il-każ ġew kommessi qabel il‑konklużjoni tal-kuntratti ma kienx deċiżiv. Skont il-Kummissjoni, l‑element deċiżiv sabiex id-deċiżjonijiet ta’ rkupru kontenzjużi jiġu kklassifikati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati skont l-Artikolu 263 TFUE huwa li l-aġir issanzjonat jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens tar‑Regolament PIF u tar-Regolamenti Finanzjarji tal‑2002.

81.      Kif indikat korrettament l-appellanti, tali pożizzjoni hija kompletament inkonċepibbli bit-tqassim tas-setgħat ġudizzjarji stabbilit mit-Trattat. Fil-fatt, fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “irregolarità” fl-Artikolu 1 tar-Regolament PIF, ikun impossibbli li ssir distinzjoni bejn irregolaritajiet li s-sanzjoni tagħhom tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-annullament u nuqqasijiet ta’ obbligi kuntrattwali li s-sanzjoni tagħhom tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-kuntratt. Tali sitwazzjoni tkun, barra minn hekk, sors ta’ inċertezza legali għall‑partijiet kontraenti tal-Unjoni kif ukoll għall-qrati nazzjonali.

82.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS adottati mill-Kummissjoni f’dan il-każ huma differenti mid‑deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE inkwistjoni fil-kawża ADR, li ġew ikklassifikati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, kif il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat, l-effetti u s-saħħa vinkolanti ta’ tali deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv (li jippermettu li tintuża direttament l-eżekuzzjoni forzata) ma għandhomx jirriżultaw minn klawżoli kuntrattwali, iżda joħorġu mill-Artikolu 299 TFUE, moqri flimkien mad-dispożizzjoni tar‑regolament finanzjarju li jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni f’każ konkret (23).

83.      F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ta’ rkupru kontenzjużi ċertament jistabbilixxu obbligu ta’ ħlas, iżda ma jippermettux b’mod dirett l-eżekuzzjoni forzata ta’ dan l-obbligu, bid-differenza minn deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv fis-sens l-Artikolu 299 TFUE. L-effetti legali mhux kuntrattwali ta’ tali deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv jikkonsistu f’li l-Kummissjoni tistabbilixxi s-saħħa eżekuttiva ta’ dejn kuntrattwali permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika unilaterali li hija stess adottat (24).

84.      Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni bbażata fuq l‑Artikolu 299 TFUE tista’ tiġi sospiża biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja, filwaqt li l-istituzzjonijiet ġudizzjarji nazzjonali huma kompetenti biss li jeżaminaw ir-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk, deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv skont l-Artikolu 299 TFUE għandha taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni (25). Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il-Kummissjoni baqgħet ma stabbilixxietx għaliex id-deċiżjonijiet ta’ rkupru kontenzjużi kellhom, fl-opinjoni tagħha, jaqgħu assolutament taħt il‑ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni.

85.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni u t-tielet aggravj u huma ineffettivi. Permezz ta’ dawn l-aggravji, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żbalji meta ekwiparat il-miżuri adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS ma’ miżuri kuntrattwali, pereżempju bħala sanzjoni ta’ vizzju li jaffettwa l-konklużjoni ta’ kuntratt jew “frodi” skont id-dritt Belġjan jew inkella bħala annullament retroattiv ta’ effetti vinkolanti tal‑kuntratt.

86.      Issa, anki li kieku l-Qorti Ġenerali kienet żbaljat meta analizzat dawn il-miżuri mil-lenti tad-dritt kuntrattwali, xorta jibqa’ l-fatt li hija applikat b’mod korrett il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex tanalizza n-natura kontestabbli jew le, skont l-Artikolu 263 TFUE, ta’ atti adottati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-partijiet kontraenti tagħha. Għalhekk, it‑tieni u t-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti speċifiċi mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn l-aggravji.

2)      Iddeċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS u r“rwol doppju” talKummissjoni fil-qasam kuntrattwali

87.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali ma tipprekludihiex mill-possibbiltà li teżerċita s-setgħat ta’ sanzjoni ta’ irregolaritajiet li jagħtiha r-Regolament PIF u r‑Regolamenti Finanzjarji tal‑2002 u tal‑2018. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni, kif jidher li qiegħda tinsinwa l-Kummissjoni, dwar il‑kompetenza ta’ din tal-aħħar sabiex tadotta d-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS, iżda biss dwar il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet.

88.      B’hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas daħlet fil-kwistjoni dwar jekk il‑Kummissjoni kellhiex dritt tadotta d-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS biss abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament PIF u tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2002, jew dwar jekk kienx neċessarju li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn ir-regolamenti jkunu riprodotti wkoll fil-klawżoli kuntrattwali, kif kien il-każ hawnhekk (26). Skont il-Qorti Ġenerali, l-imsemmija regolamenti effettivament japplikaw b’mod dirett għall-kuntratti kontenzjużi; madankollu, hija kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkonċernati ta’ dawn l-istess regolament kienu wkoll riprodotti fil-klawżoli tal-imsemmija kuntratti (27). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi deċiż, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, jekk il-Kummissjoni tistax xorta teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mir-Regolament PIF u mir-Regolamenti Finanzjarji tal‑2002 u tal‑2018 f’każ fejn il-possibbiltà li jintużaw dawn is-setgħat ma tkunx indikata fil‑klawżoli kuntrattwali.

89.      Kif spjegat il-Kummissjoni stess waqt is-seduta, meta hija tikkonkludi kuntratt, hija għandha “rwol doppju”, biex ngħidu hekk: bħala parti marbuta kuntrattwalment, hija ma tfittixx interess tagħha stess bħala parti kontraenti privata, iżda teżerċita l-kompetenzi tagħha sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha, fosthom l-implimentazzjoni tal-politika u l‑protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, anki bħala parti kontraenti, hija ma tiċċaħħadx mid-drittijiet u obbligi speċifiċi li għandha bħala awtorità pubblika, b’tali mod li dawn il-kuntratti huma suġġetti għal sistema differenti minn dik ta’ kuntratti bejn partijiet kontraenti privati. Dan huwa iktar u iktar il-każ sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni taha, permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, setgħat ta’ azzjoni fil-konfront tal-partijiet kontraenti tagħha bħal dawk implimentati f’dan il-każ (28).

90.      Madankollu, dan ma jfissirx li l-miżuri adottati bis-saħħa ta’ dawn is-setgħat jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-annullament jekk l-effetti ta’ dawn il-miżuri jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill‑partijiet. Inkella, dan imur kontra t-tqassim tas-setgħat ġudizzjarji fil‑qasam ta’ kuntratti konklużi mill-Unjoni stabbilit mit-Trattat FUE, kif ġie spjegat fil-punti 70 sa 76 iktar ’il fuq.

91.      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, id-deċiżjoni adottata mill-Qorti Ġenerali ma ċċaħħadx mill-effikaċja tagħhom l-atti li hija tadotta sabiex tissanzjona irregolaritajiet kommessi mill-partijiet kontraenti tagħha jew lanqas tobbligaha tmur quddiem qorti sabiex timplimenta s-setgħat tagħha, u b’hekk tfixkilha milli tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkontestat il-fatt li d-deċiżjonijiet unilaterali ta’ xoljiment ta’ kuntratti u ta’ rkupru ta’ ammonti mħallsa (fis-sens li dawn tal-aħħar jistabbilixxu obbligu ta’ ħlas) jibdew japplikaw mill-mument tal-adozzjoni tagħhom, irrispettivament minn kwalunkwe intervent tal-qorti tal-kuntratt. L-unika ħaġa li għaliha l‑Kummissjoni għandha tmur quddiem il-qorti tal-kuntratt hija, skont il‑ġurisprudenza ADR, il-ksib ta’ titolu eżekuttiv għall-irkupru ta’ dawn l‑ammonti, fil-każ li l-kuntratt ma jkunx fihx klawżola ta’ arbitraġġ favur il-qorti tal‑Unjoni. Dan jirriżulta mit-tqassim tas-setgħat ġudizzjarji fil-qasam kuntrattwali stabbilit mid-dritt primarju, kif għadu kemm ġie spjegat.

92.      Fl-aħħar nett, waqt is-seduta ta’ dawn il-kawżi, issemma d-dritt amministrattiv Franċiż li għandu, b’mod partikolari fil-qasam ta’ kuntratti tal-amministrazzjoni, ċertu xebh mad-dritt amministrattiv tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni. Soluzzjoni li tikkonsisti f’li tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ prerogattivi tal-amministrazzjoni kontraenti filwaqt li l-miżuri adottati fl-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal‑kuntratt u mhux tal-qorti tal-annullament, tikkorrispondi wkoll mas‑soluzzjoni adottata fid-dritt amministrattiv Franċiż (29).

3.      Konklużjoni dwar ilKawżi C160/22 P u C161/22 P

93.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni sabiex turi żbalji kommessi mill-Qorti Ġenerali fis‑sentenzi T‑795/19 u T‑796/19 ma għandhomx jintlaqgħu. L-appelli fil‑Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

B.      Kawża C597/22 P

94.      Kif ġie indikat iktar ’il fuq (30), il-Kawża C‑597/22 P għandha bħala suġġett deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv fis-sens tal‑Artikolu 299 TFUE, adottati mill-Kummissjoni fil-konfront tal‑appellanti sabiex tirkupra l-ammonti mitluba bid-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS.

95.      Permezz tas-sentenza T‑408/21, il-Qorti Ġenerali annullat dawn id‑deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv skont il-prinċipji li ħarġu mis‑sentenza ADR. Kif fakkret il-Qorti Ġenerali (31), f’din is-sentenza, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali jekk dawn tal-aħħar ma kinux jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ favur il-qorti tal-Unjoni u kienu jaqgħu, b’dan il-mod, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru.

96.      Għalhekk, mid-deċiżjonijiet adottati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi T‑795/19 u T‑796/19, li jistipulaw li d-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS għandhom natura kuntrattwali, jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa tadotta deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv għall‑implimentazzjoni tagħhom, peress li l-kuntratti CARDS u TACIS ma jinkludux klawżola ta’ arbitraġġ favur il-qorti tal-Unjoni.

97.      Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑597/22 P, il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni misluta mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza T‑408/21 hija żbaljata, peress li l-konklużjoni tagħha fir-rigward tan-natura kuntrattwali tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS fis-sentenzi T‑795/19 u T‑796/19 hija fiha nnifisha żbaljata.

98.      Minn dan isegwi li, kif tirrikonoxxi wkoll il-Kummissjoni stess, li kellha l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma n-natura kuntrattwali tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS, dan iċaħħad lill-Kummissjoni mis-setgħa li tadotta d-deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv CARDS u TACIS u l-appell tagħha fil-Kawża C‑597/22 P mill-bażi tiegħu.

99.      Skont il-proposta tiegħi fil-Kawżi C‑160/22 P u C‑161/22 P, li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi T‑795/19 u T‑796/19, nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma wkoll id-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza T‑408/21 u li konsegwentement tiċħad l-appell fil-Kawża C‑597/22 P.

C.      Konklużjoni intermedjarja

100. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kemm l-appelli fil‑Kawżi magħquda C‑160/22 P u C‑161/22 P kif ukoll l-appell fil‑Kawża C‑597/22 P għandhom jiġu miċħuda.

VI.    Spejjeż

101. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l‑appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

102. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

103. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall‑ispejjeż, skont it-talbiet tal-appellanti.

VII. Konklużjoni

104. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod segwenti fil-Kawżi magħquda C‑160/22 P u C‑161/22 P u fil-Kawża C‑597/22 P:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020 (C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 73).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74.


5      ĠU 2006, L 390, p. 1.


6      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d‑Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1).


7      Dan huwa, minn naħa waħda, l-appell fil-Kawża C‑770/23 P, Il‑Kummissjoni vs HB, mis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2023, HB vs Il‑Kummissjoni (T‑444/22, EU:T:2023:604), li għandu bħala suġġett deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni paċiet id-dejn li hija kellha fil-konfront tal-appellanti bħala spejjeż li l-Kummissjoni kienet ġiet ikkundannata tħallas bis-sentenzi T‑795/19 u T‑796/19 mal-kreditu li l-Kummissjoni tiddikjara li għandha fir-rigward tal-appellanti abbażi tal‑kuntratt CARDS. Min-naħa l-oħra, hemm appelli fil-Kawża C‑721/22 P, Il‑Kummissjoni vs PB, mis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2022, PB vs Il‑Kummissjoni (T‑775/20, EU:T:2022:542), u C‑768/23 P, mis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2023, PB vs Il‑Kummissjoni (T‑407/21, EU:T:2023:603), li jirrigwardaw deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat lill-amministratur ta’ HB responsabbli in solidum għall-ħlas tal-ammonti mitluba abbażi tal-kuntratti TACIS u CARDS u deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv adottata fil-konfront tagħha għall-irkupru ta’ dawn l-ammonti.


8      Ara l-punti 19 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Ara l-punti 36 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Ara, dwar din il-kundizzjoni, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il‑Kummissjoni (C‑19/93 P, EU:C:1995:339, punt 13).


11      Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015 (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punti 19 u 20); ara wkoll is-sentenza ADR (punti 64 u 65).


12      Sentenzi T‑795/19 (punti 55 u 56), u T‑796/19 (punti 50 u 51).


13      Sentenzi T‑795/19 (punt 75), u T‑796/19 (punt 70).


14      Skont il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-premessi 19 sa 21 tad-deċiżjoni ta’ rkupru CARDS u fil-premessi 13 sa 15 tad-deċiżjoni ta’ rkupru TACIS, l‑Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002, applikabbli fil-mument li fih l-aġir ikkontestat seħħ, huwa rilevanti f’dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Kummissjoni li tirkupra l-ammonti mħallsa minħabba l-irregolaritajiet kommessi. Sa fejn, madankollu, ir-Regolament Finanzjarju tal-2018, applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru CARDS u TACIS, jinkludi, essenzjalment, regoli identiċi, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat jekk din l-interpretazzjoni hijiex korretta.


15      Sentenzi T‑795/19 (punt 76), u T‑796/19 (punt 71).


16      Sentenzi T‑795/19 (punti 71, 72 u 80), u T‑796/19 (punti 66, 67 u 75).


17      Sentenzi T‑795/19 (punt 89), u T‑796/19 (punt 86).


18      Dwar l-eżistenza ta’ tali appelli fis-sistema ta’ kuntratti tal-Unjoni, ara wkoll il‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punti 84, 127 u 154).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 2013, GRP Security vs Il‑Qorti ta‑Awdituri (T‑87/11, EU:T:2013:161, punti 16 u 30), u tal‑24 ta’ Frar 2021, Universität Koblenz-Landau vs EACEA (T‑108/18, EU:T:2021:104, punti 50 sa 59), ikkonfermata bis-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Universität Koblenz-Landau vs EACEA (C‑288/21 P, EU:C:2022:1027).


20      Ara, fuq dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punt 150 u r-riferimenti ċċitati fihom).


21      Ara, fuq dan il-punt, is-sentenza ADR (punti 81 sa 89), u l-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punti 137 sa 158).


22      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Sentenza ADR (punti 69 sa 71); ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża ADR Center vs Il-Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punti 97 sa 104).


24      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il-Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punt 103).


25      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ADR Center vs Il-Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punt 49).


26      Ara l-punti 19 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Sentenzi T‑795/19 (punti 77 u 81) u T‑796/19 (punti 72 u 77).


28      Ara l-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Ara, f’dan ir-rigward, Wachsmann, P., “La recevabilité du recours pour excès de pouvoir à l’encontre des contrats – Pour le centenaire de l’arrêt Martin”, Revue française de droit administratif (RFDA), 1/2006, p. 24 et seq: “[G]ħal dak li jirrigwarda l-atti li jkunu separabbli wara l-konklużjoni tal-kuntratt, it-teorija ta’ atti li jkunu separabbli hija essenzjalment għad-dispożizzjoni ta’ terzi, peress li l-partijiet huma obbligati jadixxu lill-qorti tal-kuntratt u jopponu, f’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, l‑eċċezzjoni ta’ rikors parallel. Is-sentenza tal-Assemblea tat‑2 ta’ Frar 1987, Société TV 6, tindika b’hekk b’mod ċar, fir-rigward ta’ xoljiment, id-distinzjoni li għandha ssir bejn il-każ ta’ terzi, li jistgħu jippreżentaw rikors għal abbuż ta’ poter meta jkun intwera l-interess ġuridiku tagħhom, u dak tal-kumpannija konċessjonarja li tindirizza t-talba tagħha lill-qorti tal-kuntratt. Id-“definizzjoni oġġettiva tal-att li jkun separabbli” [...] għalhekk tapplika biss għall-ewwel parti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u diffiċli testendi għall-miżuri ta’ eżekuzzjoni, li għalihom tibqa’ d-distinzjoni bejn il-partijiet u t-terzi.” Ara wkoll, fuq l-iżviluppi iktar reċenti, Hoepffner, H., Droit des contrats administratifs, Dalloz, Paris, it-3 edizzjoni, 2022, p. 899, nº1013 et seq., p. 912, nru 1033 et seq., u l‑Kunsill tal-Istat (Franza), kummentarju tas-sentenza tat‑28 ta’ Diċembru 2009, Commune de Béziers, https://www.conseil-etat.fr/decisions-de-justice/jurisprudence/les-grandes-decisions-depuis-1873/conseil-d-etat-28-decembre-2009-commune-de-beziers.


30      Ara l-punti 39 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Sentenza T‑408/21 (punt 50).