Language of document : ECLI:EU:C:2024:86

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil-25 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C622/22

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Malta (Servizzi ta’ kollegament tad-data aeronawtika)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 29/2009 — Obbligu li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex fornitur ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru maħtur minn Malta jissodisfa l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament — Organi tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru — Provvista u operat ta’ servizzi ta’ kollegament tad-data — Assenza ta’ ġustifikazzjoni għad-dewmien”






1.        Il-Kummissjoni takkuża lil Malta li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 29/2009 (2) billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“ATS”) (3) maħtur minn dan l-Istat Membru jkun f’pożizzjoni li jipprovdi u jopera s-servizzi ta’ kollegament tad-data ddefiniti fl-Anness II tal-imsemmi regolament.

2.        Malta tqis li kien hemm ċirkustanzi imprevedibbli li jiġġustifikaw id-dewmien fit-tnedija tas-sistema u, għalhekk, tikkontesta t-talba tal-Kummissjoni.

I.      Ilkuntest ġuridiku. IrRegolament Nru 29/2009

3.        L-Artikolu 3 (“Is-servizzi ta’ kollegament tad-dejta”) jistabbilixxi:

“1.      Il-fornituri tal-ATS għandhom jiżguraw li l-unitajiet tal-ATS li jipprovdu servizzi tat-traffiku tal-ajru fi ħdan l-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3) ikollhom il-kapaċità li jipprovdu u jħaddmu s-servizzi ta’ kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II.

[…]”.

4.        Skont l-Artikolu 15 (“Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni”):

“Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-5 ta’ Frar 2018.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha”.

5.        L-Anness II jiddefinixxi s-servizzi ta’ kollegament tad-data msemmija, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 3.

II.    Ilproċedura prekontenzjuża

6.        Fil-11 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra lid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Malta li fiha hija esprimiet it-tħassib tagħha dwar id-dewmien fil-provvista tas-servizzi ta’ kollegament tad-data msemmija fir-Regolament Nru 29/2009 u stiednet lil Malta tħaffef it-tnedija tagħhom.

7.        Skont aġġornament ipprovdut mill-entità SESAR (4), f’Diċembru 2019, il-fornitur tas-servizzi ATS maħtur minn Malta (5) kien għadu ma huwiex jipprovdi s-servizzi ta’ kollegament tad-data.

8.        Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-15 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni stiednet lil Malta tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 29/2009. Il-ksur jikkonsisti fin-nuqqas li jiġu pprovduti u operati s-servizzi ta’ kollegament tad-data kollha ddefiniti fl-Anness II ta’ dak ir-regolament għall-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru li joperaw titjiriet fl-ispazju tal-ajru ta’ Malta u li huma mgħammra b’funzjoni ta’ komunikazzjoni permezz ta’ kollegament tad-data, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-istess regolament.

9.        Fil-5 ta’ Ottubru 2020, Malta wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni billi spjegat id-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom il-fornitur ATS tagħha sabiex jikkonforma ruħu mad-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 29/2009, b’mod partikolari, minħabba l-ħtieġa li s-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tiġi ssostitwita.

10.      Fir-risposta tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni, Malta:

–      Indikat li l-akkwist, l-installazzjoni u l-funzjonament tas-sistema kienu tlestew fl-2019 u li l-operattività tas-servizzi ta’ kollegament tad-data kienet inizjalment prevista għal Frar 2020, iżda li din kienet ġiet interrotta minħabba l-pandemija tal-COVID‑19.

–      Ippreċiżat li, fil-każ li l-attivitajiet tal-kontraent ikunu jistgħu jitkomplew fl-2020, il-proġett ta’ kollegament tad-data kien ser jingħata prijorità sabiex tintlaħaq implementazzjoni sħiħa matul l-ewwel semestru tal-2022.

11.      F’komunikazzjoni oħra tal-15 ta’ Diċembru 2020, Malta pprovdiet informazzjoni dwar il-miżuri l-iktar reċenti meħuda sabiex il-fornituri ATS ikunu jistgħu jipprovdu u joperaw is-servizzi ta’ kollegament tad-data u impenjat ruħha li tippreżenta lill-Kummissjoni aġġornamenti trimestrali dwar il-progress li jkun għaddej.

12.      Fit-18 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, li fiha stiednet lil Malta tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 4 TUE flimkien mal-ksur tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 29/2009.

13.      Malta wieġbet, fit-18 ta’ Marzu 2021, fis-sens li:

–      Is-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (li tlestiet fl-2019) kellha tiġġedded qabel l-implimentazzjoni tas-servizzi ta’ kollegament tad-data. Hija spjegat li r-restrizzjonijiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 kienu ostakolaw l-attivitajiet tal-kuntrattur responsabbli għas-servizzi ta’ kollegament tad-data.

–      Minn Jannar 2021, minkejja dawn ir-restrizzjonijiet, hija kienet ħadet passi ulterjuri u kienet ser tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti sa mhux iktar tard minn Ġunju 2022.

–      Malta kienet kompletament miftuħa u trasparenti fil-konfront tal-Kummissjoni fir-rigward tal-progress fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 29/2009, li kien juri l-osservanza tagħha tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 4(3) TUE.

14.      Fil-15 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil Malta li fiha qalet li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-fornitur ATS maħtur minnha jkun konformi mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(3) TUE. Fl-istess opinjoni motivata hija tat lil Malta terminu ta’ xahrejn, sa minn meta tirċeviha, sabiex tikkonforma ruħha magħha.

15.      Malta wieġbet għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni permezz ta’ ittri tal-20 ta’ Settembru 2021, tal-25 ta’ Novembru 2021 u tas-27 ta’ Jannar 2022. F’dawn l-ittri hija fakkret ir-raġunijiet prinċipali għad-dewmien li seħħ mill-2017, tat ħarsa ġenerali lejn il-progress li kien sar u kkonfermat id-data tat-tqegħid f’konformità, diġà kkomunikata, ta’ Ġunju 2022.

16.      Bi tweġiba għal tfakkira tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Frar 2022, Malta ppreżentat seba’ aġġornamenti ta’ informazzjoni li fihom hija indikat, essenzjalment, li:

–      Hija kienet qablet li d-data għall-konformità tiġi posposta sat-28 ta’ Diċembru 2022, minħabba: it-twettiq ta’ proġett ta’ afforestazzjoni intiż għall-installazzjoni ta’ tagħmir ta’ servizzi ta’ kollegament tad-data; in-nuqqas globali fil-provvista ta’ komponenti elettroniċi; aġġornamenti tas-software mhux previsti u l-allokazzjoni tal-kontrolluri tal-ajru matul il-fażi tat-taħriġ.

–      Kellu jingħata taħriġ inizjali, neċessarju għall-konformità mar-Regolament Nru 29/2009, li kellu jintemm sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022. Dan it-taħriġ kien baqa’ ma tlestiex sat-30 ta’ Novembru 2023.

–      Għanijiet intermedji oħra ntlaħqu biss fl-2023 (l-ittestjar tal-interoperabbiltà u ċerti kompiti relatati mas-sigurtà, il-kwalità u l-konformità).

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

17.      Fis-26 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 258 TFUE. Fih hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li “billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-fornitur ATS maħtur minnha jkun konformi mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(3) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009”. Talbet ukoll li l-konvenuta tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

18.      Malta opponiet ir-rikors tal-Kummissjoni permezz ta’ sottomissjonijiet bil-miktub tal-15 ta’ Diċembru 2022.

19.      Il-Kummissjoni ppreżentat replika fil-25 ta’ Jannar 2023 u Malta ppreżentat kontroreplika fit-8 ta’ Marzu 2023.

20.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tinżammx seduta.

IV.    Is-sottomissjonijiet talpartijiet u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

21.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni, wara li tanalizza l-avvenimenti tal-fażi prekontenzjuża, ma tqisx aċċettabbli l-argumenti ta’ Malta, esposti fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, li bihom tispjega r-raġunijiet għad-dewmien, liema argumenti kienu limitati għad-diffikultajiet interni fl-implimentazzjoni tal-proġetti jew għal problemi ta’ provvista u għall-pandemija tal-COVID-19.

22.      Il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata (6), dawn iċ-ċirkustanzi ma jikkostitwixxux raġunijiet validi li jiġġustifikaw ksur tad-dritt tal-Unjoni.

23.      Malta tikkontesta r-rikors tal-Kummissjoni billi tinvoka, essenzjalment, id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom qabel u wara d-data ta’ applikazzjoni (5 ta’ Frar 2018) stabbilita mir-Regolament Nru 29/2009:

–      Fl-2013, hija kellha taffaċċja n-nuqqas ta’ impriżi li joffru servizzi ta’ kollegament, li ġiegħluha tipprova (mingħajr suċċess) tidħol f’kuntratt ma’ SITA, wieħed miż-żewġ operaturi tad-duopolju f’dan is-suq.

–      Fl-2017, hija ppruvat teħles mid-dipendenza minn impriżi esterni permezz tar-reklutaġġ tal-kumpannija Taljana Leonardo SpA u tal-fornitur Taljan ta’ ATS (7), li kien jippermettilha taġixxi b’mod awtonomu.

–      Meta MATS kienet qegħda tistenna l-iżvilupp tal-proġett mill-kumpanija Leonardo Spa, seħħew żewġ avvenimenti imprevedibbli: tliet sajjetti laqtu ċ-ċentru tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru ta’ Malta (2 ta’ Ottubru 2017) u nkisret katusa tal-arja kundizzjonata (9 ta’ Ġunju 2019) fil-kamra tal-operat prinċipali. Dawn iż-żewġ inċidenti kienu jeħtieġu li tingħata attenzjoni u riżorsi disponibbli biex jiġu żgurati s-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

–      Fl-2020, il-pandemija tal-COVID-19 wasslet ukoll għal dewmien inevitabbli fil-proġett.

24.      Meta ppreżentat l-oppożizzjoni tagħha għar-rikors, Malta rrikonoxxiet li, f’din id-data (15 ta’ Diċembru 2022), il-proġett ta’ provvista u ta’ operat tas-servizzi ta’ kollegament tad-data kien għadu mhux operattiv.

25.      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tosserva li ebda waħda miċ-ċirkustanzi preċedenti għall-2018 invokati minn Malta ma kienet “imprevedibbli”. In-“nuqqasijiet tas-suq preeżistenti” kienu preċiżament “preeżistenti” u għaldaqstant, magħrufa u “prevedibbli”. Il-“problemi tekniċi ġeneralment rikonoxxuti relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament” kienu wkoll magħrufa u prevedibbli. Il-każijiet ta’ forza maġġuri allegati (impatt ta’ sajjetti, ksur ta’ katusa tal-arja kundizzjonata, pandemija tal-COVID-19 u dewmien minħabba l-kuntrattur) seħħew wara d-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 29/2009 u, għaldaqstant, huma irrilevanti. Barra minn hekk, hija tikkritika lil Malta dwar l-assenza ta’ prova tar-realtà ta’ wħud minn dawn il-fatti, kif ukoll dwar l-assenza ta’ ġustifikazzjoni tal-effett tagħhom fuq id-dewmien.

26.      Fil-kontroreplika tagħha, Malta tipproduċi dokumenti li jipprovaw kemm il-waqgħa ta’ tliet sajjetti kif ukoll il-ksur ta’ katusa tal-arja kundizzjonata u ssostni li, fir-rigward tar-rifjut ta’ SITA li tirrispondi għat-talbiet tagħha sabiex tissottometti offerta, huwa impossibbli li titressaq il-prova. Hija ssostni li t-tnedija tas-servizz kienet partikolarment ikkumplikata f’reġjun fejn l-aċċess għall-kollegamenti tad-data kien ineżistenti sa dak iż-żmien u li kien hemm diffikultajiet li nqalgħu fir-rigward tas-sistema ENAV.

V.      Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari: obbligu li jiġu pprovduti sservizzi ta’ kollegament taddata għannavigazzjoni blajru

27.      Skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 29/2009, “[i]ż-żidiet osservati u mistennija fil-livelli tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa jitolbu żidiet paralleli fil-kapaċità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Dan iwassal għal ħtieġa ta’ titjib operattiv b’mod notevoli biex tittejjeb l-effiċjenza tal-komunikazzjonijiet bejn il-kontrolluri u l-bdoti. Il-frekwenzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi qegħdin kull ma jmur jimtlew iżżejjed u jaqbel li jiġu supplimentati b’komunikazzjonijiet ta’ kollegament tad-dejta bejn l-ajru u l-art”.

28.      Din id-dispożizzjoni hija riflessa fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 29/2009, li jgħid li “[i]l-fornituri tal-ATS għandhom jiżguraw li l-unitajiet tal-ATS li jipprovdu servizzi tat-traffiku tal-ajru fi ħdan l-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3) ikollhom il-kapaċità li jipprovdu u jħaddmu s-servizzi ta’ kollegament tad-dejta ddefiniti fl-Anness II”.

29.      Id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 29/2009 hija l-5 ta’ Frar 2018. Din id-data tissostitwixxi dik inizjalment prevista (7 ta’ Frar 2013) fil-verżjoni oriġinali tar-Regolament innifsu (8).

B.      Nuqqas ta’ twettiq, minn Malta, talobbligi imposti millArtikolu 3(1) tarRegolament Nru 29/2009

30.      Kif huwa magħruf sewwa, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq il‑konstatazzjoni oġġettiva ta’ nuqqas ta’ Stat Membru milli jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt it-Trattat jew taħt att tad-dritt sekondarju.

31.      Il-Gvern ta’ Malta ma kkontestax, la matul il-proċedura prekontenzjuża, u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, f’termini oġġettivi, li l-Kummissjoni tallega fil-konfront tiegħu.

32.      Madankollu, skont dan l-Istat Membru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom sabiex jipprovdi u jopera s-servizzi ta’ kollegament tad-data.

33.      Fid-dawl tal-elementi ta’ evalwazzjoni pprovduti, tista’ ssir distinzjoni bejn tliet perijodi marbuta man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, li ppersista (u li għadu jeżisti) fiż-żmien:

–      Perijodu inizjali. Bejn il-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 29/2009 u l-5 ta’ Frar 2018, id-data tal-bidu tal-applikazzjoni tiegħu. Fit-tmiem ta’ dan il-perijodu, Malta ma kinitx wettqet l-obbligi imposti minn dan ir-regolament.

–      Perijodu intermedju. Bejn il-5 ta’ Frar 2018 u l-15 ta’ Settembru 2021, id-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mogħti mill-Kummissjoni lil Malta sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata mibgħuta fil-15 ta’ Lulju 2021. Fil-15 ta’ Settembru 2021, Malta kienet għadha mhux qiegħda twettaq l-obbligi previsti mir-Regolament Nru 29/2009.

–      Perijodu finali. Mill-15 ta’ Settembru 2021 sal-għeluq tal-proċedura bil-miktub ta’ dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Malta kienet għadha ma implimentatx is-sistema prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 29/2009.

34.      Peress li l-Gvern ta’ Malta ma jistax jiċħad ir-realtà oġġettiva tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, huwa jipprova jiġġustifika d-dewmien tiegħu permezz ta’ sensiela ta’ raġunijiet li jispjegaw, fil-fehma tiegħu, in-nuqqas li jirrendi s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tiegħu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 29/2009.

35.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja” (9).

36.      Anki jekk il-Kummissjoni tidher li qiegħda tenfasizza l-fatt li ċ-ċirkustanzi allegati minn Malta (li allegatament jispjegaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha) ma kinux jiġġustifikawh fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 29/2009 (5 ta’ Frar 2018), fir-realtà, il-kontenut tan-noti tal-Kummissjoni jsemmi wkoll, minn tal-inqas impliċitament, il-fatt li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (15 ta’ Settembru 2021), ma kienx hemm raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni validi għalfejn ma ġiex implimentat l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 29/2009.

37.      Fil-fatt, Malta rrikonoxxiet li, fid-data tal-iskadenza tal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, kien għadu jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu pprovduti u operati s-servizzi ta’ kollegament tad-data meħtieġ mir-Regolament Nru 29/2009.

38.      Iktar ’il quddiem ser nanalizza r-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressqa minn Malta, li jikkonċernaw kull wieħed mit-tliet perijodi msemmija iktar ’il fuq, u ser nesponi l-evalwazzjoni tiegħi dwarhom. Din l-evalwazzjoni ser tieħu bħala premessa li, peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet in-nuqqas ta’ twettiq oġġettiv tal-obbligi ta’ Stat Membru li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, huwa l-Istat Membru li jkun wettaq in-nuqqas li għandu jipprova l-motivi ta’ ġustifikazzjoni korrispondenti.

C.      Ilmotivi tannuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegati minn Malta u levalwazzjoni tagħhom

1.      Ilperjodu inizjali (sal5 ta’ Frar 2018)

39.      Il-Gvern Malti jgħid li, sabiex jispjega d-dewmien għat-twettiq tal-obbligi tiegħu matul dan il-perijodu:

–      Id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom MATS kienu dovuti għal nuqqasijiet fis-suq, li jirriżultaw minn struttura ta’ duopolju fil-provvista tal-kollegament ATN (10). Matul is-sena 2013, hija kkuntattjat lill-operatur SITA, li madankollu ma ppreżentax offerta, u ċaħħad lil Malta mill-mezzi biex tissodisfa l-obbligi tagħha, ħaġa li kienet kompletament barra mill-kontroll tagħha.

–      Fit-2 ta’ Ottubru 2017, tliet sajjetti laqtu ċ-ċentru tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u wasslu għall-qtugħ tal-provvista tal-elettriku.

–      Fl-2017, MATS saret taf li ENAV, fil-kwalità tagħha ta’ fornitur ATS Taljan, kienet sabet soluzzjoni alternattiva mal-kumpannija Leonardo Spa sabiex tipprovdi s-servizzi mingħajr ma tiddependi minn terzi. Fit-18 ta’ Diċembru 2017, MATS iffirmat kuntratt ma’ ENAV u Leonardo SpA. Madankollu Eurocontrol bagħtet lill-MATS studju dwar ir-routers ATN (bħal dak li kellha Malta) li jipperikola n-netwerk ATN, li impona ritorn għas-soluzzjoni inizjali, li tiddependi mill-fornituri esterni. Dan wassal għal dewmien fit-tnedija tas-servizz ta’ kollegament tad-data.

40.      Għalkemm jidhirli li huwa inutli li tiġi approfondita t-tfittxija għal ġustifikazzjoni bbażata fuq fatti li seħħew qabel il-5 ta’ Frar 2018, jekk wieħed jaċċetta bħala data ewlenija għall-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-15 ta’ Settembru 2021, ma għandi l-ebda problema nieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatti.

41.      Il-problemi marbuta mal-ingaġġ, fl-2013, ta’ operatur estern, minbarra li ma jispjegawx id-dewmien fl-2018, jaqgħu fl-ambitu ta’ diffikultajiet tekniċi jew strutturali li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, huma irrilevanti għal dan it-tip ta’ rikors (11).

42.      L-istess japplika għall-komunikazzjoni attribwita lil Eurocontrol, identifikata fl-anness 3 tad-difiża tar-rikors. Dan l-anness huwa, fir-realtà, dokument imsejjaħ “White Paper dwar il-proliferazzjoni tar-routers ATN A/G” ippubblikata fl-10 ta’ Marzu 2009, li kienet, jew setgħet tkun, disponibbli għall-awtoritajiet Maltin minn dak iż-żmien. Fi kwalunkwe każ, Malta ma tistax tinvoka n-nuqqas ta’ għarfien tagħha dwar in-nuqqas tas-soluzzjonijiet tekniċi li hija stess kienet adottat.

43.      Fir-rigward tas-sajjetti li laqtu l-ajruport ta’ Malta (li l-prova dokumentali tagħhom ġiet ipprovduta fil-kontroreplika), ma narax x’impatt seta’ kellu dan il-fatt speċifiku, li affettwa l-provvista tal-elettriku, fuq il-ksur kontinwu tal-obbligi ta’ Malta fir-rigward tat-tnedija tas-servizzi ta’ kollegament tad-data.

2.      Perijodu intermedju (mill5 ta’ Frar 2018 sal15 ta’ Settembru 2021)

44.      Malta tinvoka l-fatti li ġejjin li allegatament kellhom impatt negattiv fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha matul dan il-perijodu:

–      Fid-9 ta’ Ġunju 2019, katusa tal-arja kkundizzjonata nkisret fis-sede ta’ MATS u l-mezzi tekniċi kellhom jiżvijaw l-attenzjoni u r-riżorsi tagħhom sabiex jaffrontaw din il-problema mhux prevista.

–      Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal dewmien inevitabbli ieħor: i) Leonardo SpA allegat forza maġġuri minħabba l-impożizzjoni ta’ projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’reazzjoni għall-pandemija u ma setgħetx tavvanza fil-proġett tas-Servizz ta’ Kollegament tad-Data bejn Marzu u Settembru 2020, u dan wassal għal dewmien addizzjonali fl-implimentazzjoni tal-proġett; (ii) MATS kellha tapplika diversi miżuri ta’ sigurtà biex ittaffi r-riskji tas-saħħa relatati mal-pandemija, b’mod partikolari billi tnaqqas il-persunal tas-servizz, it-twettiq ta’ fumigazzjonijiet, ir-rotazzjoni tal-persunal sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni u l-adozzjoni tas-salvagwardji kollha possibbli biex tiġi żgurata il-provvista ta’ servizz sigur għall-pubbliku; (iii) minħabba r-restrizzjonijiet severi imposti minħabba l-pandemija, il-ħtieġa li tinħoloq kamra tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza kienet urġenti u MATS iddedikat il-biċċa l-kbira tal-isforzi tagħha għal dan il-proġett, li, għal raġunijiet prattiċi u ta’ sigurtà, ta prijorità.

45.      Jidhirli li lanqas dawn l-argumenti ma huma konvinċenti sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

46.      Fir-rigward tal-ksur tal-katusa tas-sistema ta’ arja kundizzjonata, huwa biżżejjed li jinqara l-Anness R.6 tal-kontroreplika ta’ Malta, li jipprovdi li l-inċident dam madwar ħamsa u għoxrin minuta, li fi tmiemhom ġie solvut. Fi kwalunkwe każ, tali ksur ma jistax jiġi kklassifikat bħala forza maġġuri, peress li din ma hijiex ċirkustanza estranea għall-attività nnifisha, anormali u imprevedibbli.

47.      Fir-rigward tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, il-Gvern Malti jirrikonoxxi li r-relazzjonijiet tiegħu ma’ Leonardo SpA ġew affettwati biss għal sitt xhur, mingħajr ma jidher li dawn ikkawżaw estensjonijiet ulterjuri. Huwa lanqas ma jispjega b’mod suffiċjenti liema influwenza konkreta seta’ kellhom, fir-rigward tad-dewmien fit-tnedija tas-sistema ta’ kollegament tad-data, il-miżuri ta’ prekawzjoni meħuda għal raġunijiet ta’ saħħa. L-allegazzjonijiet ta’ Malta pjuttost jidhru li jirriflettu problemi organizzattivi interni (disponibbiltà baxxa ta’ riżorsi) li wassluha tagħti prijorità lil oqsma oħra tal-attività tagħha.

48.      Fi kwalunkwe każ, Malta ma wrietx, inkluż għal dan il-perijodu, l-impossibbiltà assoluta li twettaq l-obbligi tagħha (12).

3.      Perijodu finali (mill15 ta’ Settembru 2021)

49.      Il-Gvern Malti jirrikonoxxi fl-aħħar tweġiba tiegħu (il-kontroreplika tat-8 ta’ Marzu 2023) li MATS, għalkemm tat l-ogħla prijorità lill-proġett, ma lestietx it-tnedija tas-servizzi ta’ kollegament tad-data. Huwa jsostni li l-operatur ATS waqqaf tim diriġenti ġdid, li l-proġett għadu għaddej u kiseb livell ta’ maturità notevoli. Huwa jindika li ser ikompli jagħmel kull sforz biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont ir-Regolament Nru 29/2009 filwaqt li jimpenja ruħu bis-sħiħ li jimplimenta s-servizz b’mod sigur.

50.      Għalkemm il-fatti li seħħew wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (15 ta’ Settembru 2021) ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni (13), naħseb li wieħed ma jistax jagħlaq għajnejh quddiem ir-realtà: il-Gvern Malti stess jammetti li, anki fl-2023, l-implimentazzjoni tas-servizz ta’ kollegament tad-data għadha ma seħħitx u li d-diffikultajiet allegati għal dan id-dewmien huma (bħal fil-każ tal-perijodi preċedenti) ta’ natura teknika jew strutturali, li huma attribwibbli lil dan l-Istat Membru.

51.      Fl-aħħar mill-aħħar, jiena tal-fehma li l-Gvern Malti ma rnexxilux jipprova li l-fatti invokati sabiex jispjega d-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 29/2009 setgħu jiġġustifikaw dan id-dewmien.

VI.    Konklużjoni

52.      Għar-raġunijiet esposti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li tilqa’ r-rikors tal-Kummissjoni:

–      tikkonstata li r-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009 tas-16 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar is-servizzi ta’ kollegament tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew;

–      tikkundanna lil Malta għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009 tas-16 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar servizzi ta’ kollegament tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew (ĠU 2009, L 13, p. 3, rettifika fil-ĠU 2009, L 104, p. 58). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1770 tat-12 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar it-tagħmir tal-inġenji tal-ajru meħtieġ biex jintuża fl-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew u r-regoli tal-operat relatati mal-użu tal-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 29/2009 u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1206/2011, (UE) Nru 1207/2011 u (UE) Nru 1079/2012 (ĠU 2023, L 228, p. 39).


3      ATS hija l-akronimu, bl-Ingliż, ta’ “Air Traffic Services” (Servizzi ta’ traffiku tal-ajru).


4      Akronimu ta’ “Single European Sky ATM Research”. Din hija “Sħubija Ewropea istituzzjonalizzata bejn is-sħab tas-settur privat u pubbliku li jużaw ir-riċerka u l-innovazzjoni biex iħaffu t-twettiq tal-Ajru Diġitali Ewropew”. Għal dan l-għan, hija “[tiġbor] massa kritika ta’ riżorsi u għarfien espert mill-katina kollha tal-valur tal-avjazzjoni biex jiġu żviluppati l-aktar soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati għall-ġestjoni ta’ inġenji tal-ajru konvenzjonali, drones, taxis tal-ajru u vetturi li jtiru f’altitudnijiet ogħla”. (https://european-union.europa.eu/institutions-law-budget/institutions-and-bodies/search-all-eu-institutions-and-bodies/sesar-3-joint-undertaking_mt).


5      “Malta Air Traffic Services” (Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru ta’ Malta). Iktar ’il quddiem il-“MATS”.


6      Sentenzi tal-25 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑454/14, EU:C:2016:117, punt 45); tat-2 ta’ Marzu 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑160/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:161, punt 13); u tat-3 ta’ Ottubru 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑254/83, EU:C:1984;302, punt 13).


7      Ente Nazionale per l’Assistenza al Volo (Enti nazzjonali għall-assistenza fit-titjir). Iktar ’il quddiem l-“ENAV”.


8      Skont il-premessa 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/310, “minħabba d-diffikultajiet u n-nuqqasijiet tekniċi osservati fil-prestazzjoni tal-infrastruttura DLS varata, li diġà wasslu għad-dħul fis-seħħ ta’ ċerti miżuri ta’ mitigazzjoni, u l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni u minħabba l-fatt li l-istudji u l-azzjonijiet neċessarji għall-identifikazzjoni u r-rimedju tagħhom huma mistennija li jitlestew matul l-2018, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 29/2009 għandha tiġi differita”.


9      Pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 19).


10      ATN hija l-akronimu bl-Ingliż ta’ “Aeronautical Telecommunication Network” (Netwerk tat-Telekomunikazzjoni Ajrunawtika). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Malta jissemmew żewġ fornituri kompetituri fis-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjoni: SITA, stabbilita fl-Ewropa u ARINC stabbilita fl-Istati Uniti tal-Amerika.


11      Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Valuri ta’ limitu — PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 87).


12      Sentenza tat-27 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑404/97, EU:C:2000:345, punt 39).


13      Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑103/00, EU:C:2002:60, punti 23 sa 25).